EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0184

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Ottubru 2013.
United Antwerp Maritime Agencies (Unamar) NV vs Navigation Maritime Bulgare.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Hof van Cassatie.
Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali – Artikoli 3 u 7(2) – Libertà tal-għażla tal-partijiet – Limiti – Regoli mandatorji – Direttiva 86/653/KEE – Aġenti kummerċjali indipendenti – Kuntratti ta’ bejgħ jew ta’ xiri ta’ merkanzija – Ksur tal-kuntratt ta’ aġenzija mill-prinċipal – Leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni li tipprevedi protezzjoni li tmur lil hinn mir-rekwiżiti minimi tad-direttiva u li tipprevedi wkoll protezzjoni tal-aġenti kummerċjali fil-kuntest tal-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi.
Kawża C‑184/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:663

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali — Artikoli 3 u 7(2) — Libertà tal-għażla tal-partijiet — Limiti — Regoli mandatorji — Direttiva 86/653/KEE — Aġenti kummerċjali indipendenti — Kuntratti ta’ bejgħ jew ta’ xiri ta’ merkanzija — Ksur tal-kuntratt ta’ aġenzija mill-prinċipal — Leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni li tipprevedi protezzjoni li tmur lil hinn mir-rekwiżiti minimi tad-direttiva u li tipprevedi wkoll protezzjoni tal-aġenti kummerċjali fil-kuntest tal-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi”

Fil-Kawża C‑184/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Ewwel Protokoll tad-19 ta’ Diċembru 1988 li jirrigwarda l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980, imressqa minn Hof van Cassatie (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ April 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ April 2012, fil-proċedura

United Antwerp Maritime Agencies (Unamar) NV

vs

Navigation Maritime Bulgare,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader (Imħallef Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Navigation Maritime Bulgare, minn S. Van Moorleghem, advocaat,

għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Mejju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 7(2) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU C 169, 8.7.2005, p. 10, iktar ’il quddiem il,-“konvenzjoni ta’ Ruma”), ikkunsidrati flimkien mad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177).

2

Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn United Antwerp Maritime Agencies (Unamar) NV (iktar ’il quddiem “Unamar”), kumpannija Belġjana, u Navigation Maritime Bulgare (iktar ’il quddiem “NMB”), kumpannija Bulgara, dwar il-ħlas ta’ kumpens allegatament dovut wara r-rexissjoni, minn NMB, tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali li kien jorbot lil dawn iż-żewġ kumpanniji.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

Il-konvenzjoni dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ barranin

3

L-Artikolu II(1) u (3) tal-Konvenzjoni dwar ir‑Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin iffirmata f’New York fl-10 ta’ Ġunju 1958 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Volum 330, p. 3), jipprovdi:

“1.

Kull Stat Kontraenti għandu jirrikonoxxi ftehim bil-miktub li permezz tiegħu l-partijiet jimpenjaw irwieħom li jissottomettu għal arbitraġġ kull jew kwalunkwe differenza li tinqala’ jew li tista’ tinqala’ bejniethom fir-rigward ta’ relazzjoni legali definita, kemm jekk kontrattwali jew le, li tikkonċerna kwistjoni li tista’ tiġi deċiża permezz ta’ arbitraġġ.

[...]

3.

Il-qorti tal-Istat kontraenti, meta tiġi quddiemha kawża dwar kwistjoni li fuqha l-partijiet għamlu ftehim fl-ambitu tat-tifsira ta’ dan l-artikolu, għandha, fuq talba ta’ wieħed mill-partijiet, tirrinvija l-partijiet għall-arbitraġġ, sakemm ma ssibx li l-imsemmi ftehim huwa bla effett, mhux operattiv jew li ma jistax jiġi mwettaq.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

Il-konvenzjoni ta’ Ruma

4

L-Artikolu 1(1) tal-konvenzjoni ta’ Ruma, intitolat il-“Firxa ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni”, jipprevedi:

“Ir-regoli ta’ din il-Konvenzjoni għandhom japplikaw għall-obbligi kuntrattwali f’kull sitwazzjoni li tinvolvi għażla bejn il-liġijiet ta’ pajjiżi differenti.”

5

L-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni bit-titolu “Libertà ta’ l-għażla” jipprevedi:

“1.   Kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. L-għażla għandha tkun espressa jew murija b’ċertezza raġjonevoli mill-klawsoli tal-kuntratt jew miċ-ċirkostanzi tal-każ. Permezz ta’ l-għażla tagħhom il-partijiet jistgħu jiftiehmu fuq il-liġi applikabbli għall-kuntratt kollu jew għal parti minnu.

2.   Il-partijiet jistgħu f’kull żmien jiftiehmu li l-kuntratt ikun soġġett għal liġi oħra li ma tkunx dik li biha kien regolat qabel, jew minħabba riżultat ta’ għażla magħmula qabel skond dan l-Artikolu jew minħabba dispożizzjonijiet oħra ta’ din il-Konvenzjoni. Kull varjazzjoni mill-partijiet tal-liġi li għandha tkun applikata magħmula wara li jkun konkluż il-kuntratt m’għandhiex tkun ta’ ħsara għall-validità formali tiegħu skond l-Artikolu 9 jew tħalli effett ħażin fuq id-drittijiet ta’ terzi.

3.   Il-fatt li l-partijiet ikunu għażlu liġi barranija, kemm jekk ikun hemm magħha l-għażla ta’ tribunal barrani u kemm jekk ma jkunx hemm, m’għandux, jekk l-elementi l-oħra kollha rilevanti għas-sitwazzjoni fiż-żmien ta’ l-għażla jkollhom rabta ma’ pajjiż wieħed biss, ikun ta’ ħsara għall-applikazzjoni ta’ regoli tal-liġi tal-pajjiż li minnhom ma jistax ikun hemm deroga b’kuntratt, minn hawn ’il quddiem imsejħin ‘regoli mandatarji’.

4.   L-eżistenza u l-validità tal-kunsens tal-partijiet fir-rigward ta’ l-għażla tal-liġi applikabbli għandhom jiġu determinati skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 8, 9 u 11.”

6

Taħt it-titolu “Regoli mandatarji”, l-Artikolu 7 tal-imsemmija konvenzjoni tipprevedi:

“1.   Fejn tkun applikata skond din il-Konvenzjoni il-liġi ta’ pajjiż, ir-regoli mandatarji tal-liġi ta’ pajjiż ieħor li miegħu s-sitwazzjoni jkollha rabta mill-qrib jistgħu jingħataw effett, jekk u sakemm, skond il-liġi ta’ dan l-aħħar pajjiz, dawk ir-regoli għandhom ikunu applikati tkun liema tkun il-liġi applikabbli għall-kuntratt. Fil-kunsiderazzjoni dwar ir-regoli mandatarji jingħatawx effett, għandhom jitqiesu n-natura u l-għan tagħhom u l-effetti tagħhom jekk ikunu applikati jew jekk ma jkunux applikati.

2.   Xejn f’din il-Konvenzjoni m’għandu jżomm l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi tal-forum f’sitwazzjoni fejn dawn ikunu mandatarji irrispettivament mil-liġi li tapplika mod ieħor għall-kuntratt.”

7

Skont l-Artikolu 18 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Interpretazzjoni uniformi”:

“Fl-interpretazzjoni u applikazzjoni tar-regoli uniformi imsemmijin hawn qabel, għandhom jitqiesu l-karattru internazzjonali tagħhom u x-xewqa li jkun hemm uniformità fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom.”

Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008

8

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 593/2008, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”) issostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Ruma. L-Artikolu 9(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, huwa redatt kif ġej:

“1.   Id-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti huma dispożizzjonijiet li r-rispett tagħhom huwa meqjus bħala kruċjali minn pajjiż għas-salvagwardja ta’ l-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa’ fl-ambitu tagħhom, irrispettivament mill-liġi applikabbli għall-kuntratt skond dan ir-Regolament.

2.   Xejn f’dan ir-Regolament m’għandu jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-liġi tal-forum.”

Id-Direttiva 86/653

9

L-ewwel u r-raba’ premessa tad-Direttiva 86/653 huma redatti kif ġej:

“Billi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ intermedjarji fil-kummerċ, l-industrija u industriji żgħar ta’ l-artiġjanat kienu aboliti bid-Direttiva 64/224/KEE [(ĠU 56, p. 869/64)];

Billi d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir-rappreżentanza kummerċjali sostanzjalment jaffetwaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u t-twettiq ta’ dik l-attività fil-Komunità u huma ta’ ħsara kemm għal protezzjoni disponibbli għal aġenti kummerċjali vis-a-vis il-prinċipali tagħhom u kemm għas-sigurtà ta’ operazzjonijiet kummerċjali; billi barraminnhekk dawk id-differenzi huma tali li jipprevjenu sostanzjalment il-konklużjoni u l-operazzjoni ta’ kuntratti ta’ rappreżentanza kummerċjali meta l-prinċipal u l-aġenti kummerċjali jkunu stabbiliti fi Stati Membri differenti;

Billi l-kummerċ fil-merkanzija bejn Stati Membri għandu jitwettaq taħt il-kundizzjonijiet li huma simili għal dawk ta’ suq wieħed, u dan jeħtieġ l-approssimazzjoni tas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri sal-limitu meħtieġ għal funzjonament kif suppost tas-suq komuni; billi f’dan ir-rigward ir-regoli li jikkonċernaw kunflitti fil-liġijiet fil-fatt ma jneħħux, fil-materja ta’ rappreżentanza kummerċjali, l-inkonsistenzi msemmija fuq, lanqas ma kienu li kieku saru l-istess, u għalhekk l-armonizzazzjoni proposta hija neċessarja minkejja l-eżistenza ta’ dawk ir-regoli;

Billi f’dan ir-rigward ir-relazjoni legali bejn aġent kummerċjali u l-prinċipal għandhom jingħataw prijorità;”

10

L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Il-miżuri ta’ armonizzazzjoni stipulati minn din id-Direttiva għandhom japplikaw għall-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn aġenti kummerċjali u l-prinċipali tagħhom.

2.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ‘aġent kummerċjali’ għandu jfisser intermedjarju li jaħdem għal rasu li jkollu awtorità kontinwa li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa l-‘prinċipal’, jew li jinnegozja u jikkonkludi dawn l-operazzjonijiet għan‑nom ta’ u f’isem dak il-prinċipal.”

11

L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-aġent kummerċjali jkun, wara t-terminu [tmiem] tal-kuntratt tal-aġenzija, indennizzat skond il-paragrafu 2 jew ikkumpensat għad-danni skond il-paragrafu 3.

(a)

L-aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal indennizz jekk u sal-limiti li:

ikun ressaq lill-klijenti prinċipali ġodda jew ikun żied b’mod sinfikanti l-volum tan-negozju ma’ klijenti eżistenti u l-prinċipal jibqa’ jieħu benefiċċji sostanzjali min-negozju ma’ dawn il-klijenti, u

il-ħlas ta’ dan l-indennizz ikun indaqs fir-rigward taċ-ċirkostanzi kollha u, b’mod partikolari, il-kommissjoni mitlufa mill-aġent kummerċjali fuq in-negozju mwettaq ma’ dawk il-klijenti. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu biex dawn iċ-ċirkostanzi jinkludu l-applikazzjoni jew [le] ta’ klawsola fuq ir-restrizzjoni tal-kummerċ, fis-sens ta’ l-Artikolu 20.

(b)

L-ammont tal-indennizz ma jistax jeċċedi figura [ċifra] ekwivalenti għal indennizz għal sena waħda ikkalkolata mir-renumerazzjoni annwali medja ta’ aġent kummerċjali matul il-ħames snin preċedenti u jekk il-kuntratt imur lura anqas minn ħames snin, l-indennizz għandu jiġi kkalkolat fuq il-medja tal-perijodu inkwistjoni;

(ċ)

Il-għotja ta’ dan l-indennizz m’għand[h]iex iżżomm lill-aġent kummerċjali milli jfittex id-danni.

3.   L-aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal indennizz għad-danni li hu jsofri bħala riżultat tat-terminazzjoni tar-relazzjonijiet tiegħu mal-prinċipal.

Dawn id-danni għandhom jitqiesu li jseħħu b’mod partikolari meta sseħħ it-terminazzjoni f’ċirkostanzi:

li jċaħħdu lill-aġent kummerċjali mill-kommissjoni li twettiq tajjeb tal-kuntratt ta’ l-aġenzija jkun akkwistalu waqt li jipprovdi lill-prinċipal b’benefiċċcji sostanzjali marbuta ma’ l-attivitajiet ta’ l-aġent kummerċjali,

u/jew li ma jkunux għamluha faċli għall-aġent kummerċjali li jħallas bin-nifs l-infieq u l-ispejjeż li hu jkun sofra għat-twettiq tal-kuntratt ta’ l-aġenzija fuq il-parir tal-prinċipal.

[...]

5.   L-aġent kummerċjali għandu jitlef l-intitolament għall-indennizz fil-każijiet previsti fil-paragrafu 2 jew għall-indennizz għad-danni f’dawk il-każijiet previsti fil-paragrafu 3, jekk fi żmien sena wara t-terminazzjoni tal-kuntratt hu ma jkunx għarraf lill-prinċipal li jkollu l-ħsieb li jsegwi l-intitolament tiegħu.

[...]”

12

Skond l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva:

“L-indennizz jew il-kumpens imsemmija fl-Artikolu 17 m’għandhomx ikunu pagabbli:

a)

meta l-prinċipal ikun ittermina l-kuntratt ta’ l-aġenzija minħabba nuqqas li jista jkun attribwit lill-aġent kummerċjali li kien jiġġustifika t-terminazzjoni immedjata tal-kuntratt ta’ l-aġenzija skond il-liġi nazzjonali;

[...]”

13

Skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 86/653, l-Istati Membri kienu obbligati li jittrasponu din id-direttiva fil-leġiżlazzjoni interna tagħhom qabel l-1 ta’ Jannar 1990.

Id-drittijiet nazzjonali

Il-liġi Belġjana dwar il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali

14

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-liġi tat-13 ta’ April 1995 dwar il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali (Moniteur belge tat-2 ta’ Ġunju 1995, p. 15621, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali”), liema liġi ttrasponiet fid-dritt Belġjan id-Direttiva 86/653, tistabbilixxi li:

“Il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali huwa l-kuntratt li permezz tiegħu waħda mill-partijiet, l-aġent kummerċjali, ikollha awtorità kontinwa, u suġġetta għall-ħlas mill-parti l-oħra, il-prinċipal, mingħajr ma tkun suġġetta għall-awtorità ta’ din tal-aħħar, li tinnegozja u eventwalment tikkonkludi kummerċ għan-nom ta’ u f’isem il-prinċipal.”

15

L-Artikolu 18(1) u (3) ta’ dik il-liġi jipprovdi:

“1.   Meta l-kuntratt ta’ aġenzija huwa konkluż għal perijodu indeterminat jew għal perijodu determinat bil-fakultà ta’ denunzja antiċipata, kull parti tista’ titterminah billi tosserva preavviż.

[...]

3.   Il-parti li tirrexxindi l-kuntratt mingħajr ma tinvoka waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 19(1), jew mingħajr ma tosserva t-terminu ta’ preavviż iffissat fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu (1) għandha tħallas lill-parti l-oħra kumpens ugwali għall-ħlas li jikkorrispondi jew mat-tul tal-preavviż, jew mal-parti minn dan it-terminu li għad trid tiddekorri.”

16

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Wara t-tmiem tal-kuntratt, l-aġent kummerċjali għandu dritt għall-kumpens għat-tkeċċija meta huwa jkun ġab klijenti ġodda lill-prinċipal jew żviluppa b’mod kunsiderevoli n-negozju mal-klijentela eżistenti, sa fejn din l-attività għad trid tikseb vantaġġi sustanzjali lill-prinċipal”

17

Skont l-Artikolu 21 tal-istess liġi:

“Sa fejn l-aġent kummerċjali jkollu dritt għall-kumpens għat-tkeċċija prevista fl-Artikolu 20 u l-ammont ta’ dan il-kumpens ma jkoprix id-dannu kollu realment subit, l-aġent kummerċjali jista’, iżda bl-oneru li jipproduċi prova tal-portata tad-dannu allegat, minbarra dan il-kumpens, jikseb danni li jammontaw għad-differenza bejn l-ammont tad-dannu realment subit u dak ta’ dan il-kumpens.”

18

L-Artikolu 27 tal-liġi dwar il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali jipprevedi:

“Bla ħsara għall-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali li tagħhom il-Belġju huwa parti, l-attività kollha ta’ aġent kummerċjali li għandu l-istabbiliment prinċipali tiegħu fil-Belġju taqa’ taħt il-liġi Belġjana u l-ġurisdizzjoni tal-qrati Belġjani”.

Il-liġi tal-kummerċ Bulgara

19

Fil-Bulgarija, id-Direttiva 86/653 ġiet trasposta permezz ta’ emenda tal-liġi tal-kummerċ (DV no 59, tal-21 ta’ Lulju 2006, referenza MNE(2006)56111).

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

20

Unamar, bħala aġent kummerċjali u NMB, kummerċjali, ikkonkludew, matul is-sena 2005, kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali li jirrigwarda l-operat ta’ servizz regolari ta’ trasport marittimu permezz ta’ kontejners li jappartjenu lil NMB. Il-kuntratt, li ġie konkluż għal sena u ġie mġedded annwalment sal-31 ta’ Diċembru 2008, kien jipprovdi li huwa kien rregolat mid-dritt Bulgaru u li kull kwistjoni relatata mal-imsemmi kuntratt kellha tiġi deċiża mill-Bord tal-Arbitraġġ stabbilit mill-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Sofia (il-Bulgarija). Permezz ta’ ċirkulari tad-19 ta’ Diċembru 2008, NMB informat lill-aġenti tagħha li hija kienet kostretta, minħabba raġunijiet ekonomiċi, li tittermina ir-relazzjonijiet kuntrattwali. F’dan il-kuntest, il-kuntratt ta’ aġenzija konkluż ma’ Unamar ġie estiż biss sal-31 ta’ Marzu 2009.

21

Peress li qieset li hija kienet itterminat il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali b’mod irregolari, Unamar ippreżentat, fil-25 ta’ Frar 2009, kawża quddiem ir-rechtbank van koophandel van Antwerpen (qorti tal-kummerċ ta’ Antwerpen) bil-għan li NMB tiġi kkundannata għal ħlas ta’ diversi tipi differenti ta’ kumpens previsti mil-liġi dwar il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, jiġifieri allowance kumpensatorja ta’ pre-avviż, kumpens għat-tkeċċija u kumpens addizzjonali minħabba t-tkeċċija tal-persunal, li flimkien jammontaw għas-somma ta’ EUR 849 557.05.

22

Min-naħa tagħha, NMB talbet quddiem l-istess qorti il-kundanna ta’ Unamar għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 327 207.87, bħala arretrati ta’ trasport tal-merkanzija.

23

Fil-kuntest tal-kawża ppreżentata minn Unamar, NMB invokat eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti Belġjana sabiex tisma’ l-kawża ppreżentata quddiemha, abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ inkluża fil-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali. Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Mejju 2009, wara li għaqdet flimkien żewġ kawżi li kienu ġew ippreżentati quddiemha minn kull waħda mill-partijiet, ir-rechtbank van koophandel van Antwerpen qieset li din l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni invokata minn NMB kienet infondata. Fir-rigward tal-liġi applikabbli għaż-żewġ kawżi ppreżentati quddiemha, dik il-qorti ddeċidiet b’mod partikolari li l-Artikolu 27 tal-liġi dwar il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali kien jikkostitwixxi regola unilaterali ta’ kunflitti tal-liġijiet, b’applikazzjoni immedjata bħala “regola mandatorja”, u li b’hekk kienet tirrendi invalida l-għażla ta’ dritt barrani.

24

Permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2010, il-hof van beroep te Antwerpen (qorti tal-appell ta’ Antwerpen) laqgħet parzjalment l-appell ippreżentat minn NMB kontra s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2009, sa fejn din ikkundannat lill-Unamar għall-ħlas ta’ arretrati ta’ trasport tal-merkanzija fl-ammont ta’ EUR 77 207.87, miżjud bl-interessi moratorji bir-rata legali u bl-ispejjeż. Barra minn hekk, hija ddikjarat li ma għadhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq fuq it-talba għall-ħlas ta’ diversi tipi ta’ kumpens li kienet tressqet minn Unamar fid-dawl tal-klawżola ta’ arbitraġġ inkluża fil-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, li ġiet ikkunsidrata valida minn dik il-qorti. Fil-fatt, din tal-aħħar qieset li l-liġi dwar il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali ma kinitx ta’ ordni pubbliku u lanqas ma kienet taqa’ taħt l-ordni pubbliku internazzjonali Belġjan, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-konvenzjoni ta’ Ruma. Barra minn hekk, hija qieset li d-dritt Bulgaru magħżul mill-partijiet kien joffri wkoll lill-Unamar, bħala aġent marittimu ta’ NMB, il-protezzjoni prevista mid-Direttiva 86/653, anki jekk din tal-aħħar tipprovdi biss għal protezzjoni minima. F’dawn il-kundizzjonijiet, skont dik l-istess qorti, il-prinċipju tal-awtonomija tal-intenzjoni tal-partijiet għandu jipprevalixxi u, għaldaqstant, huwa d-dritt Bulgaru li għandu japplika.

25

Unamar ippreżenatat appell ta’ kassazzjoni kontra dik is-sentenza tal-hof van beroep te Antwerpen. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Hof van Cassatie hija tal-opinjoni li mix-xogħlijiet preparatorji tal-liġi dwar il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali jirriżulta li l-Artikoli 18, 20 u 21 ta’ din tal-aħħar għandhom jiġu kkunsidrati bħala dispożizzjonijiet mandatorji minħabba n-natura mandatorja tad-Direttiva 86/653 li hija tittrasponi fl-ordinament ġurdiku intern. Fil-fatt, mill-Artikolu 27 ta’ din il-liġi jirriżulta li l-għan segwit minn din tal-aħħar huwa dak li l-aġent kummerċjali li jkollu s-sede prinċipali tiegħu fil-Belġju jingħata l-protezzjoni tad-dispożizzjonijiet mandatorji tal-liġi Belġjana, indipendentement mid-dritt applikabbli għall-kuntratt.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hof van Cassatie ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Fid-dawl ukoll tal-klassifikazzjoni fid-dritt Belġjan tal-Artikoli 18, 20 u 21 tal-[liġi dwar il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali] inkwistjoni fil-proċedura, bħala regoli tad-dritt mandatorji fis-sens tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma [...], l-Artikoli 3 u 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, moqrija jew le flimkien mad-Direttiva [...] 86/653 [...], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li r-regoli tad-dritt mandatorji tal-pajjiż tal-qorti li joffru protezzjoni iktar wiesgħa mill-protezzjoni minima imposta mid-Direttiva [86/653], jiġu applikati għall-kuntratt, anki jekk jidher li d-dritt applikabbli għall-kuntratt huwa d-dritt ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea li fih hemm ukoll il-protezzjoni minima offerta mid-Direttiva [86/653] iċċitata iktar ’il fuq li ġiet implementata?”

Fuq id-domanda preliminari

27

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni fuq id-domanda preliminari preżenti li tirrigwarda l-Konvenzjoni ta’ Ruma skont l-Ewwel Protokoll ta’ din tal-aħħar, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2004. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(a) ta’ dak il-protokoll, il-Hof van Cassatie van België Hoge Raad għandha l-fakultà li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari dwar kwistjoni mqajma f’kawża pendenti quddiemha li tinvolvi l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

28

Min-naħa l-oħra, minkejja l-fatt li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni sabiex tisma’ l-kawża prinċipali ġiet diskussa quddiem il-qrati tal-ewwel istanza u dawk tal-appell, il-qorti tar-rinviju ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja unikament id-domanda relatata mal-liġi applikabbli għall-kuntratt, u b’hekk qieset li hija għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi l-kawża abbażi tal-Artikolu II5(3) tal-Konvenzjoni dwar ir‑Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin iffirmata f’New York fl-10 ta’ Ġunju 1958. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tintervjeni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Garkalns, C‑470/11, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 3 u 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-liġi ta’ Stat Membru li tissodisfa l-protezzjoni minima stabbilita bid-Direttiva 86/653, magħżula mill-partijiet f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, tistax tiġi evitata mill-qorti adita, stabbilita fi Stat Membru ieħor, sabiex minflokha tapplika l-lex fori minħabba raġuni bbażata fuq in-natura mandatarja, fl-ordinament ġuridiku tal-aħħar imsemmi Stat Membru, ta’ regoli li jirregolaw is-sitwazzjoni tal-aġenti kummerċjali indipendenti.

30

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, għalkemm id-domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju ma tirrigwardax kuntratt ta’ bejgħ jew ta’ xiri ta’ merkanzija iżda kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali relatata mal-operat ta’ servizz ta’ trasport marittimu, b’tali mod li d-Direttiva 86/653 ma tistax tirregola direttament is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, xorta jibqa’ l-fatt li, waqt it-traspożizzjoni fid-dritt intern tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva, il-leġiżlatur Belġjan iddeċieda li japplika trattament identiku għal dawk iż-żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering, C-3/04, Ġabra p. I-2505, punt 17, kif ukoll tat-28 ta’ Ottubru 2010, Volvo Car Germany, C-203/09, Ġabra p. I-10721, punt 26). Barra miinn hekk, kif diġà ntqal fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur Bulgaru wkoll iddeċieda li japplika r-reġim tad-direttiva għal aġent kummerċjali inkarigat jinnegozja u jikkonkludi tranżazzjonijiet, bħal ma huwa l-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

31

Skont ġurisprudenza stabbilita, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tadotta għal sitwazzjonijiet purament interni, l-istess soluzzjonijiet bħal dawk adottati fid-dritt Komunitarju sabiex, b’mod partikolari, tiġi evitata d-diskriminazzjoni jew distorsjoni eventwali ta’ kompetizzjoni, jeżisti ċertament interess Komunitarju li, sabiex jiġu evitati d-diverġenzi futuri ta’ interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni jingħataw interpretazzjoni uniformi, indipendentement miċ-ċirkustanzi li fihom huma għandhom japplikaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur‑Bloem, C-28/95, Ġabra p.I-4161, punt 32; kif ukoll Poseidon Chartering, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Huwa proprju f’dan il-kuntest li tqum il-kwistjoni dwar jekk il-qorti nazzjonali tistax tevita, b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, il-liġi ta’ Stat Membru, magħżula mill-partijiet kontraenti u li tittrasponi d-dispożizzjonijiet vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni, u dan favur il-liġi ta’ Stat Membru ieħor, il-lex fori, ikklassifikata bħala imperattiva f’dan l-ordinament ġuridiku.

33

Skont NMB, il-liġi dwar il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “mandatarj[a]” għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, peress li din il-kawża tikkonċerna suġġett li jaqa’ taħt id-Direttiva 86/653 u li l-liġi magħżula mill-partijiet hija preċiżament il-liġi ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni li wkoll ittraspona dik id-direttiva fl-ordinament ġuridiku tiegħu. Għalhekk, skont NMB, il-prinċipji tal-awtonomija tal-intenzjoni tal-partijiet u taċ-ċertezza legali jipprekludu li, f’ċirkustanzi bħal dawk eżistenti fil-kawża prinċipali, id-dritt Bulgaru jiġi evitat biex minfloku jiġi applikat id-dritt Belġjan.

34

Il-Gvern Belġjan, min-naħa tiegħu jsostni li d-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali jippreżentaw natura imperattiva u jistgħu jiġu kklassifikati bħala regoli mandatarji. F’dan ir-rigward, dan il-Gvern jirrileva li din il-liġi, għalkemm ġiet adottata bħala miżura ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 86/653, tat portata iktar ampja lill-kunċett ta’ “aġent kummerċjali” minn dak inkluż f’dik id-direttiva peress li kull aġent kummerċjali inkarigat “[j]innegozja u eventwalment [j]ikkonkludi kummerċ” huwa indirizzat mill-imsemmija liġi. Il-Gvern Belġjan insista wkoll, fl-osservazzjonijiet tiegħu, fuq il-fatt li din l-istess liġi estendiet il-possibbiltajiet ta’ kumpens favur l-aġent kummerċjali f’każ ta’ rexissjoni tal-kuntratt tiegħu, fatt li jirriżulta fil-konsegwenza li l-kawża prinċipali għandha tiġi deċiża fid-dawl tal-liġi Belġjana.

35

Il-Kummissjoni Ewropea ssostni essenzjalment, li l-invokazzjoni unilaterali ta’ regoli mandatorji minn Stat hija, fi kwalunkwe każ, kuntrarja għall-prinċipji li jsejsu l-konvenzjoni ta’ Ruma, b’mod partikolari ir-regola fundamentali tal-prevalenza tal-liġi magħżula kuntrattwalment mill-partijiet, sa fejn din il-liġi hija dik ta’ Stat Membru li integra fl-ordinament ġuridiku intern tiegħu d-dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt tal-Unjoni kkonċernati. Konsegwentement, l-Istati Membri ma jistgħux imorru kontra dak il-prinċipju fundamentali billi jikklassifikaw sistematikament bħala imperattivi r-regoli nazzjonali tagħhom, ħlief meta dawn ikunu jikkonċernaw b’mod espliċitu interess importanti.

36

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li d-Direttiva 86/653 għandha l-għan li tarmonizza d-dritt tal-Istati Membri fir-rigward tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali (sentenzi tat-30 ta’ April 1998, Bellone, C-215/97, Ġabra p. I-2191, punt 10; tat-23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali, C-465/04, Ġabra p. I-2879, punt 18, u tas-26 ta’ Marzu 2009, Semen, C-348/07, Ġabra p. I-2341, punt 14).

37

Fil-fatt, mit-tieni premessa ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-miżuri ta’ armonizzazzjoni stabbiliti minn din tal-aħħar huma maħsuba, inter alia, sabiex jitħassru r-restrizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ aġent kummerċjali, sabiex jiġu uniformati l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea u sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2000, Ingmar, C-381/98, Ġabra p. I-9305, punt 23).

38

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jissubordinaw il-validità ta’ kuntratt ta’ aġenzija għar-reġistrazzjoni tal-aġent kummerċjali f’reġistru previst għal dan l-għan huma ta’ natura li jfixklu b’mod kunsiderevoli l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ kuntratti ta’ aġenzija bejn partijiet fi Stati Membri differenti u huma għaldaqstant, minn dan il-lat, kuntrarji għall-iskopijiet tad-Direttiva 86/653 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bellone, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

39

F’dan ir-rigward, l-Artikoli 17 u 18 ta’ din id-direttiva huma ta’ importanza determinanti peress li dawn jiddefinixxu il-livell ta’ protezzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies raġonevoli li jingħata lill-aġenti kummerċjali fil-kuntest tat-ħolqien tas-suq waħdieni.

40

Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema stabbilita għal dan l-għan mid-Direttiva 68/653 hija ta’ natura imperattiva. Fil-fatt, l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva jobbliga lill-Istati Membri li jimplementaw mekkaniżmu għall-kumpens tal-aġent kummerċjali wara t-tmiem tal-kuntratt. Għalkemm dan l-artikolu joffri lill-Istati Membri għażla bejn is-sistema ta’ indennizz jew ta’ kumpens għad-danni, l-Artikoli 17 u 18 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxu kuntest preċiż li fi ħdanu l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom fir-rigward tal-għażla tal-metodi tal-kalkolu tal-indennizz jew tal-kumpens li għandu jingħata. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 19 tal-istess direttiva, il-partijiet ma jistgħux jidderogaw minn dawk id-dispożizzjonijiet bi ħsara għall-aġent kummerċjali qabel l-iskadenza tal-kuntratt (sentenza Ingmar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

41

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk qorti nazzjonali tistax tevita l-liġi magħżula mill-partijiet sabiex minflokha tapplika il-liġi nazzjonali tagħha li tittrasponi l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 86/653, jeħtieġ li jsir riferiment għall-Artikolu 7 tal-konvenzjoni ta’ Ruma.

42

Hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 7 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Regoli mandatarji”, isemmi, fil-paragrafu 1 tiegħu, id-dispożizzjonijiet imperattivi tal-liġi barranija u, fil-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, id-dispożizzjonijiet imperattivi tal-lex fori.

43

Għalhekk, l-Artikolu 7(1) tal-imsemmija konvenzjoni, tippermetti lill-Istat tal-forum li japplika d-dispożizzjonijiet imperattivi tal-liġi ta’ pajjiż ieħor li miegħu s-sitwazzjoni jkollha rabta mill-qrib minflok il-liġi applikabbli għall-kuntratt. Sabiex jiġi deċiż jekk għandhomx jiġu applikati dawk id-dispożizzjonijiet imperattivi, għandu jittieħed kont tan-natura tagħhom u tal-iskop tagħhom kif ukoll tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tagħhom jew min-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħhom.

44

L-Artikolu 7(2) tal-istess konvenzjoni min-naħa tiegħu, jippermetti l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi tal-forum li jirregolaw imperattivament is-sitwazzjoni, indipendentement mil-liġi applikabbli għall-kuntratt.

45

Minn dak li ntqal jirriżulta li, skont l-Artikolu 7(1) tal-konvenzjoni ta’ Ruma, l-applikazzjoni mill-qorti nazzjonali ta’ dispożizzjonijiet imperattivi ta’ liġi barranija tista’ ssir biss f’kundizzjonijiet espressament definiti, filwaqt li l-kliem tal-Artikolu 7(2) tal-konvenzjoni ma jipprevedix b’mod espliċitu kundizzjoni partikolari għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imperattivi tal-lex fori.

46

Madankollu, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-possibbiltà li tiġi eċċepita l-eżistenza ta’ regoli mandatarji skont l-Artikolu 7(2) tal-konvenzjoni ta’ Ruma ma tinċidix fuq l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw il-konformità ta’ dawn ir-regoli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appartenenza ta’ regoli nazzjonali għall-kategorija tar-regoli mandatarji u ta’ sigurtà ma teżenthomx mill-osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u dan sabiex ma tiġix ippreġudikata s-supremazija u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni. Ir-raġunijiet li jsejsu tali leġiżlazzjonijiet nazzjonali jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mid-dritt tal-Unjoni unikament bħala eċċezzjonijiet għal-libertajiet previsti espressament mit-Trattat u, fejn xieraq, bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (sentenza tat-23 ta’ Novembru 1999, Arblade et, C-369/96 u C-376/96, Ġabra p. I-8453, punt 31).

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-klassifikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali bħala dispożizzjonijiet mandatorji u ta’ sigurtà minn Stat Membru hija intiża għad-dispożizzjonijiet li l-osservazzjoni tagħhom ġiet ikkunsidrata bħala kruċjali għas-salvagwardja tal-organizzazzjoni politika, soċjali u ekonomika tal-Istat Membru kkonċernat, sal-punt li timponi l-osservanza lil kull persuna li ssib ruħha fit-territorju nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru jew għal kull relazzjoni ġuridika lokalizzata fih (sentenzi Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30, kif ukoll tad-19 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Luxembourg, C-319/06, Ġabra p.I-4323, punt 29).

48

Din l-interpretazzjoni hija konformi wkoll mal-kliem tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Ruma I, li madankollu ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-vertenza fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, skont dan l-Artikolu, regola mandatarja hija dispożizzjoni imperattiva li l-osservanza tagħha huwa meqjus bħala kruċjali minn pajjiż għas-salvagwardja tal-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa’ fl-ambitu tagħhom, irrispettivament mil-liġi applikabbli għall-kuntratt skont dan ir-regolament.

49

Għalhekk, sabiex jingħata effett sħiħ lill-prinċipju tal-awtonomija tal-intenzjoni tal-partijiet kontraenti, pedament essenzjali tal-konvenzjoni ta’ Ruma, li ġie riprodott fil-Regolament Ruma I, hemm lok li jsir mezz sabiex l-għażla magħmula liberament minn dawk il-partijiet dwar il-liġi applikabbli fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali tagħhom tiġi osservata, b’mod konformi mal-Artikolu 3(1) tal-konvenzjoni ta’ Ruma, b’tali mod li l-eċċezzjoni relatata mal-eżistenza ta’ “regola mandatorja” fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, kif prevista mill-Artikolu 7(2) ta’ dik il-konvenzjoni, għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv.

50

Għalhekk hija l-qorti nazzjonali li għandha, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha dwar in-natura ta’ “regola mandatarja” tal-liġi nazzjonali li hija jkollha l-intenzjoni li tapplika minflok dik magħżula espressament mill-partijiet kontraenti, li tieħu kont mhux biss tat-termini preċiżi ta’ dik il-liġi iżda wkoll tal-istruttura ġenerali u taċ-ċirkustanzi kollha li fihom l-imsemmija liġi ġiet adottata sabiex minn dan tkun tista tiddeduċi li hija ta’ natura imperattiva, sa fejn ikun jidher li l-leġiżlatur nazzjonali adotta din tal-aħħar bil-għan li jipproteġi interess meqjus bħala essenzjali mill-Istat Membru kkonċernat. Kif enfasizzat il-Kummissjoni, tali każ jista’ jkun dak fejn it-traspożizzjoni fl-Istat Membru tal-forum toffri, permezz ta’ estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttiva jew bl-għażla ta’ użu iktar estiż tal-marġni ta’ evalwazzjoni konsentit minn din tal-aħħar, protezzjoni ikbar tal-aġenti kummerċjali bis-saħħa tal-interess partikolari li l-Istat Membru jagħti lil dik il-kategorija ta’ ċittadini.

51

Madankollu, fil-kuntest ta’ dik l-evalwazzjoni u sabiex ma jiġux ippreġudikati la l-effett ta’ armonizzazzjoni rikjest mid-direttiva 86/653 u lanqas l-applikazzjoni uniformi tal-konvenzjoni ta’ Ruma fil-livell tal-Unjoni, jeħtieġ li jittieħed kont tal-fatt li, b’mod differenti mill-kuntratt inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Ingmar, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-liġi ma ġiet evitata kienet il-liġi ta’ pajjiż terz, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-liġi li ser tiġi evitata sabiex minflokha tiġi applikata il-liġi tal-forum hija dik ta’ Stat Membru ieħor li, skont l-intervenjenti kollha u skont il-qorti tar-rinviju, ittraspona d-Direttiva 86/653 b’mod korrett.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikoli 3 u 7(2) tal-konvenzjoni ta’ Ruma għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-liġi ta’ Stat Membru tal-Unjoni li tkun tissodisfa l-protezzjoni minima preskritta mid-Direttiva 86/653, magħżula mill-partijiet f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, tista’ tiġi evitata mill-qorti adita, stabbilita fi Stat Membru ieħor, sabiex minflokha tapplika l-lex fori minħabba raġuni bbażata fuq in-natura imperattiva, fl-ordinament ġuridiku ta’ dan l-aħħar Stat Membru, ta’ regoli li jirregolaw is-sitwazzjoni tal-aġenti kummerċjali indipendenti unikament jekk il-qorti adita tikkonstata b’mod ċirkustanzjat li, fil-kuntest ta’ dik it-traspożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Istat tal-forum ikun qies bħala kruċjali, fi ħdan l-ordinament ġuridiku kkonċernat, li jagħti lill-aġent kummerċjali protezzjoni li tmur lil hinn minn dik prevista mill-imsemmija direttiva, filwaqt li jittieħed kont f’dan ir-rigward tan-natura u tal-iskop ta’ tali dispożizzjonijiet imperattivi.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 3 u 7(2) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-liġi ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li tkun tissodisfa l-protezzjoni minima preskritta mid-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom, magħżula mill-partijiet f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, tista’ tiġi evitata mill-qorti adita, stabbilita fi Stat Membru ieħor, sabiex minflokha tapplika l-lex fori minħabba raġuni bbażata fuq in-natura imperattiva, fl-ordinament ġuridiku ta’ dan l-aħħar Stat Membru, ta’ regoli li jirregolaw is-sitwazzjoni tal-aġenti kummerċjali indipendenti unikament jekk il-qorti adita tikkonstata b’mod ċirkustanzjat li, fil-kuntest ta’ dik it-traspożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Istat tal-forum ikun qies bħala kruċjali, fi ħdan l-ordinament ġuridiku kkonċernat, li jagħti lill-aġent kummerċjali protezzjoni li tmur lil hinn minn dik prevista mill-imsemmija direttiva, filwaqt li jittieħed kont f’dan ir-rigward tan-natura u tal-iskop ta’ tali dispożizzjonijiet imperattivi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top