This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012CJ0113
Judgment of the Court (Fourth Chamber), 3 October 2013.#Donal Brady v Environmental Protection Agency.#Request for a preliminary ruling from the Supreme Court (Ireland).#Environment — Directive 75/442/EEC — Slurry produced in a piggery and stored there pending its transfer to farmers who use it as fertiliser on their land — Classification as ‘waste’ or ‘by-product’ — Conditions — Burden of proof — Directive 91/676/EEC — Failure to transpose — Personal liability of the producer as to compliance by those farmers with EU law concerning the management of waste and fertilisers.#Case C‑113/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-3 ta’ Ottubru 2013.
Donal Brady vs Environmental Protection Agency.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda).
Ambjent — Direttiva 75/442/KEE — Demel likwidu prodott u maħżun f’razzett tal-ħnieżer sakemm jiġi ttrasferit lil operaturi agrikoli li jużawh bħala fertilizzant fuq ir-raba’ tagħhom — Klassifikazzjoni bħala ‘skart’ jew bħala ‘prodott sekondarju’ — Kundizzjonijiet — Oneru tal-prova — Direttiva 91/676/KEE — Assenza ta’ traspożizzjoni — Responsabbiltà personali tal-produttur fir-rigward tar-rispett minn dawn l-operaturi tad-dritt tal-Unjoni dwar l-immaniġġar tal-iskart u tal-fertilizzanti.
Kawża C‑113/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-3 ta’ Ottubru 2013.
Donal Brady vs Environmental Protection Agency.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda).
Ambjent — Direttiva 75/442/KEE — Demel likwidu prodott u maħżun f’razzett tal-ħnieżer sakemm jiġi ttrasferit lil operaturi agrikoli li jużawh bħala fertilizzant fuq ir-raba’ tagħhom — Klassifikazzjoni bħala ‘skart’ jew bħala ‘prodott sekondarju’ — Kundizzjonijiet — Oneru tal-prova — Direttiva 91/676/KEE — Assenza ta’ traspożizzjoni — Responsabbiltà personali tal-produttur fir-rigward tar-rispett minn dawn l-operaturi tad-dritt tal-Unjoni dwar l-immaniġġar tal-iskart u tal-fertilizzanti.
Kawża C‑113/12.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:627
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
3 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )
“Ambjent — Direttiva 75/442/KEE — Demel likwidu prodott u maħżun f’razzett tal-ħnieżer sakemm jiġi ttrasferit lil operaturi agrikoli li jużawh bħala fertilizzant fuq ir-raba’ tagħhom — Klassifikazzjoni bħala ‘skart’ jew bħala ‘prodott sekondarju’ — Kundizzjonijiet — Oneru tal-prova — Direttiva 91/676/KEE — Assenza ta’ traspożizzjoni — Responsabbiltà personali tal-produttur fir-rigward tar-rispett minn dawn l-operaturi tad-dritt tal-Unjoni dwar l-immaniġġar tal-iskart u tal-fertilizzanti”
Fil-Kawża C‑113/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Marzu 2012, fil-proċedura
Donal Brady
vs
Environmental Protection Agency,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, U. Lõhmus, M. Safjan u A. Prechal (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Frar 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal M. Brady, minn A. Collins, SC, u D. Gearty, solicitor, |
— |
għall-Environmental Protection Agency, minn A. Doyle, solicitor, N. Butler, SC, u S. Murray, BL, |
— |
għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u S. Menez, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Mifsud-Bonnici u D. Düsterhaus kif ukoll minn A. Alcover San Pedro, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Mejju 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU L 194, p. 39), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350/KE, tal-24 ta’ Mejju 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, p. 3, p. 59, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 75/442”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn D. Brady u l-Environmental Protection Agency (l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent, iktar ’il quddiem, l-“APA”), rigward ċerti kundizzjonijiet li għalihom ġiet suġġetta l-awtorizzazzjoni għat-tkabbir ta’ razzett għat-trobbija ta’ ħnieżer maħruġa minn din l-amministrazzjoni lil D. Brady. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 75/442
3 |
Id-Direttiva 75/442 tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9), li mbagħad hija nnifisha tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, p. 3). Madankollu, fid-dawl tad-data li fiha nħarġet l-awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din il-kawża tibqa’ rregolata permezz tad-Direttiva 75/442. |
4 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442 kien jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
|
5 |
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442 kien jagħti lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej il-kompitu li tistabbilixxi “lista ta’ l-iskartijiet li jappartjienu għall-kategoriji mniżżla fil-lista fl-Anness I”. Bid-Deċiżjoni 94/3/KE, tal-20 ta’ Diċembru 1993 (ĠU 1994, L 5, p. 15), il-Kummissjoni stabbiliet tali lista (iktar ’il quddiem, il-“katalgu Ewropew tal-iskart”), li tinkludi b’mod partikolari, fost l-“iskart li ġej mill-produzzjoni ewlenija tal-agrikoltura” [traduzzjoni mhux uffiċjali], l-“eskrementi, awrina u demel (inkluż tiben maħmuġ), dranaġġ miġbur separatament u ttrattat f’post ieħor” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
6 |
L-Artikolu 1(b) u (ċ) tad-Direttiva 75/442 kien jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:
|
7 |
L-Artikolu 2(1)(b)(iii) tal-imsemmija direttiva kien jipprovdi: “Dawn li ġejjin għandhom jitħallew barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva: […]
|
8 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442 kien jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw illi l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr l-użu ta’ proċessi jew ta’ metodi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent, u b’ mod partikolari:
L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprojbixxu l-abbandun, it-tfigħ u r-rimi mhux ikkontrollat ta’ l-iskart.” |
9 |
L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva kien jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-pussessur ta’ l-iskart:
|
10 |
L-Artikolu 10 tad-Direttiva 75/442 kien jispeċifika li l-istabbilimenti u l-impriżi kollha li jwettqu operazzjonijiet ta’ rkupru ta’ skart elenkati fl-Anness II B tal-imsemmija direttiva kellhom l-obbligu li jiksbu awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti. |
11 |
Fost l-operazzjonijiet elenkati b’dan il-mod fl-Anness II B kien jinsab, fil-punt R 10, [i]“t-trattament ta’ l-art li jirriżulta f’benefiċċju għall-biedja jew għat-titjib ekoloġiku”. |
12 |
Skont l-Artikolu 11(1) u (2) tad-Direttiva 75/442: “1. […] jistgħu jiġu eżentati mill-ħtieġa tal-permess impost bl-Artikolu 9 jew bl-Artikolu 10: […]
Din l-eżenzjoni tista’ tapplika biss:
2. L-istabbilimenti jew l-impriżi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rreġistrati ma’ l-awtoritajiet kompetenti.” |
Id-Direttiva 91/676/KEE
13 |
Il-premessa 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68) tipprovdi: “Billi huwa għalhekk meħtieġ, sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u r-riżorsi ħajjin u l-ekosistemi akwatiċi u sabiex jiġu salvagwardjati l-użi leġittimi l-oħra ta’ l-ilma, li jitnaqqas it-tniġġis ta’ l-ilma ikkawżat jew imdaħħal bin-nitrati minn sorsi agrikoli u sabiex jiġi prevenut iktar tniġġis bħal dan; billi għal dan il-għan huwa importanti li jittieħdu miżuri dwar il-ħażna u l-applikazzjoni fuq l-art tal-komponenti kollha tan-nitroġenu u dwar il-prattiċi tal-ġestjoni ta’ ċerti artijiet”. |
14 |
Skont l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 91/676: “1. L-ilmijiet effettwati bit-tniġġis u l-ilmijiet li jistgħu jiġu effettwati bit-tniġġis jekk ma titteħidx azzjoni skond l-Artikolu 5 għandhom jiġu identifikati mill-Istati Membri skond il-kriterji stabbiliti f’l-Anness I. 2. L-Istati Membri għandhom […] jinominaw bħala żoni vulnerabbli ż-żoni kollha ta’ l-art fit-territorji tagħhom li jxaqilbu lejn l-ilmijiet identifikati skond il-paragrafu I u li jikkontribwixxu għat-tniġġis […]” |
15 |
L-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li, bl-għan li jipprovdu għall-ilmijiet kollha livell ġenerali ta’ protezzjoni kontra t-tniġġis, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kodiċi jew kodiċijiet ta’ prattika agrikola tajba, li għandhom jiġu mħaddma mill-bdiewa fuq bażi volontarja, li għandhom jinkludu mill-inqas l-elementi msemmija fil-punt A tal-Anness II tal-imsemmija direttiva. L-elementi riprodotti fl-imsemmi punt A jirrigwardaw, fost l-oħrajn, il-perijodi li matulhom l-applikazzjoni tal-fertilizzanti ma hijiex xierqa, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-fertilizzanti skont in-natura u l-istat tal-artijiet jew jekk humiex qrib mogħdijiet ta’ ilma, il-kapaċità u l-kostruzzjoni tal-kontenituri li jaħżnu d-demel tal-annimali u l-modi tal-applikazzjoni tal-fertilizzanti. |
16 |
Skont l-Artikolu 5(1) u (4) tad-Direttiva 91/676, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi ta’ azzjoni rigward iż-żoni nnominati vulnerabbli li għandhom jinkludu, b’mod obbligatorju, il-miżuri msemmija fl-Anness III kif ukoll il-miżuri adottati fil-kodiċi jew kodiċijiet ta’ prattika agrikola tajba, għajr dawk li ġew issostitwiti bil-miżuri msemmija f’dan l-anness. Il-miżuri msemmija fl-Anness III għandhom, kif jirriżulta minnu, jinkludu regoli dwar, fost l-oħrajn, il-perijodi li matulhom l-applikazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ fertilizzanti hija pprojbita, il-kapaċità tal-kontenituri li jaħżnu d-demel tal-annimali, il-limitazzjoni tal-applikazzjoni tal-fertilizzanti sabiex tiġi żgurata preżenza bilanċjata ta’ nitroġenu fl-artijiet u l-kwantitajiet massimi ta’ demel li jistgħu jiġu applikati skont il-kontenut ta’ nitroġenu tiegħu. |
Id-dritt Irlandiż
17 |
Il-Liġi tal-1996 dwar l-immaniġġar ta’ skart (Waste Management Act, 1996, iktar ’il quddiem, il-“Liġi tal-1996”) ġiet adottata sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 75/442. L-Artikolu 4(1) ta’ din il-liġi jipprovdi: “F’din il-liġi, ‘skart’ ifisser kwalunkwe sustanza jew oġġett li jaqgħu f’waħda mill-kategoriji ta’ skart inklużi fl-Anness I jew li attwalment huma inklużi fil-Katalgu Ewropew tal-Iskart u li d-detentur jarmi, jew beħsiebu jarmi jew għandu l-obbligu li jarmi; kulma jintrema jew jiġi ttrattat bħallikieku kien skart għandu jiġi preżunt li huwa skart sakemm ma tinġabx prova kontrarja.” |
18 |
L-Artikolu 51(2)(a) tal-Liġi tal-1996 jipprovdi: “Bla ħsara għall-paragrafu (b), ma huwiex meħtieġ li tintalab awtorizzazzjoni fil-qasam tal-iskart [...] għall-irkupru ta’: [...]
|
19 |
L-Artikolu 52 tal-Liġi tal-1992 li tistabbilixxi l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent (Environmental Protection Agency Act 1992, iktar ’il quddiem, il-“Liġi tal-1992”) jipprovdi: “(1) […] il-funzjonijiet tal-[APA] jinkludu:
[…]
[…]
[…]” |
20 |
Il-qorti tar-rinviju ssostni li, minkejja li l-Liġi tal-1992 stabbilixxiet sistema ta’ awtorizzazzjoni li tixbah, taħt ċerti aspetti, dik prevista mid-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80), it-traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar fid-dritt Irlandiż seħħet biss fl-2003, b’tali mod li l-awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma nħarġitx skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati sabiex tiġi trasposta din id-direttiva. |
21 |
L-imsemmija qorti tenfasizza, minbarra dan, li, fid-data li fiha nħarġet l-imsemmija awtorizzazzjoni, id-Direttiva 91/676 kienet għadha ma ġietx trasposta fid-dritt Irlandiż u l-ebda liġi nazzjonali oħra ma kienet tirregola l-użu tad-demel tal-annimali bħala fertilizzant fuq ir-raba’ agrikolu. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
22 |
D. Brady jopera impriża ta’ trobbija intensiva ta’ ħnieżer li tinvolvi madwar 2000 qżieqeż nisa. |
23 |
Fid-9 ta’ Marzu 1998, D. Brady ressaq talba għal awtorizzazzjoni sabiex ikabbar ir-razzett tiegħu, u fl-imsemmija talba indika li kien bena fl-imsemmi razzett tankijiet b’kapaċità li tippermettielu jaħżen l-ekwivalenti tal-produzzjoni annwali tiegħu ta’ demel likwidu u li kkonkluda ma’ diversi operaturi ftehim fis-sens li dawn tal-aħħar kienu qed jimpenjaw ruħhom li jiksbu demel likwidu sabiex jużawh bħala fertilizzant fuq ir-raba’ tagħhom. |
24 |
L-awtorizzazzjoni li nħarġitlu mill-APA, b’deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 1999, tipprovdi, b’mod partikolari, li D. Brady għandu jara li l-operaturi li jirċievu kunsinni ta’ demel likwidu mingħandu jużawh b’mod strettament konformi mal-kundizzjonijiet speċifikati f’din l-awtorizzazzjoni. |
25 |
Insostenn tar-rikors li huwa ppreżenta kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-High Court, D. Brady sostna, minn naħa, li d-demel likwidu inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi mhux “skart” fis-sens tad-Direttiva 75/442 u tal-Liġi tal-1996, iżda prodott sekondarju tar-razzett tiegħu li huwa jqiegħed fis-suq inkwantu fertilizzant, b’tali mod li l-APA ma kellhiex, abbażi tal-Liġi tal-1992, is-setgħa li tirregola r-rimi jew l-irkupru ta’ dan id-demel likwidu skont il-modalitajiet previsti fl-awtorizzazzjoni inkwistjoni. |
26 |
Min-naħa l-oħra, skont D. Brady, l-APA ma hijiex iġġustifikata timponilu, taħt piena ta’ sanzjoni kriminali, l-obbligu, li huwa impossibbli li jiġi sodisfatt, li jikkontrolla l-mod kif id-demel likwidu li huwa jbigħ lil operaturi oħra jintuża minn dawn tal-aħħar, u tant hu hekk li l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet liġi speċifika li għandha tapplika għall-applikazzjoni ta’ demel mill-annimali tat-trobbija inkwantu fertilizzant, jiġifieri d-Direttiva 91/676. |
27 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li D. Brady sostna, insostenn tar-rikors tiegħu, li l-kundizzjonijiet marbuta mal-immaniġġar tal-iskart inklużi fl-awtorizzazzjoni inkwistjoni għandhom bħala konsegwenza li huwa għandu, fost l-oħrajn: “[…]
|
28 |
Peress li r-rikors ta’ D. Brady ġie miċħud mill-High Court, dan ippreżenta appell quddiem is-Supreme Court. Insostenn tal-appell tiegħu huwa jinvoka żewġ aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-High Court meta adottat il-klassifikazzjoni ta’ skart fir-rigward tad-demel likwidu prodott fir-razzett tiegħu u, it-tieni wieħed, fuq il-fatt li, fil-każ li l-imsemmi demel likwidu għandu fil-fatt jiġi kklassifikat bħala skart, l-APA ma hijiex iġġustifikata tqiegħed fuq l-awtorizzazzjoni li hija ħarġitlu kundizzjonijiet li jobbligawh jikkontrolla attivitajiet ta’ applikazzjoni ta’ fertilizzant imwettqa minn terzi fuq raba’ li huwa proprjetà tagħhom u li jkun responsabbli għal tali applikazzjoni. |
29 |
Is-Supreme Court tqis li, minkejja li s-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-416/02, Ġabra p. I-7487) u Il-Kummissjoni vs Spanja (C-121/03, Ġabra p. I-7569) kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-194/05, Ġabra p. I-11661); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-195/05, Ġabra p. I-11699) u Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-263/05, Ġabra p. I-11745), jinkludu diversi indikazzjonijiet utli f’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk id-demel likwidu inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux jiġi kklassifikat bħala skart tibqa’ inċerta. |
30 |
Filwaqt li tosserva li mill-imsemmija ġurisprudenza jirriżulta b’mod partikolari li d-demel likwidu jibqa’ skart jekk għandu jinħażen fit-tul b’mod li joħloq riskju ta’ tniġġis bħal dawk ir-riskji li d-dritt tal-Unjoni huwa intiż li jipprevjeni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, x’inhuma l-kriterji li jippermettu li jiġi vverifikat jekk tali hijiex is-sitwazzjoni fil-kawża pendenti quddiemha. |
31 |
Hija tosserva, f’dan ir-rigward, minn naħa, li, peress li l-bejgħ tal-fertilizzanti huwa ta’ natura staġjonali, il-volum kbir ta’ demel likwidu li jirriżulta mill-attivitajiet tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għandu neċessarjament jagħti lok għal ħażna fit-tul li madankollu, normalment, ma għandhiex taqbeż il-perijodu ta’ tnax-il xahar li jifred żewġ staġuni ta’ fertilizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti tenfasizza li ma għandhiex elementi xierqa sabiex jindikaw jekk is-sempliċi eżistenza ta’ dan it-tip ta’ ħażna fit-tul fit-tankijiet awtorizzati għal dan il-għan tikkawżax jew tistax tikkawża tniġġis. |
32 |
Minbarra dan, jekk jingħad li d-demel likwidu fil-kawża prinċipali għandu jitqies bħala skart, tqum, imbagħad, il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettix li l-APA tissuġġetta awtorizzazzjoni ta’ operat għal kundizzjonijiet li għandhom de facto bħala konsegwenza li jkomplu jimponu fuq D. Brady obbligi rigward l-eventwali użu ulterjuri tad-demel likwidu tiegħu minn operaturi oħra jew jekk ir-responsabbiltà għal tali użu għandhiex tkun tal-imsemmija operaturi. |
33 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Supreme Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin: “Fin-nuqqas ta’ interpretazzjoni definittiva tat-tifsira ta’ ‘skart’ għall-iskopijiet tal-liġi tal-Unjoni, jista’ Stat Membru taħt il-liġi nazzjonali jimponi l-obbligu fuq produttur tad-demel likwidu tal-ħnieżer li jistabbilixxi li dan id-demel ma huwiex skart, jew dak li huwa skart għandu jiġi ddeterminat b’referenza għal kriterji oġġettivi tat-tip kif jissemmew fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
34 |
Bid-domanda introduttorja u bl-ewwel domanda tagħha li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, taħt liema kundizzjonijiet jista’ demel likwidu prodott f’razzett ta’ trobbija intensiva ta’ ħnieżer u maħżun sakemm jingħata lil operaturi agrikoli sabiex jintuża minnhom bħala fertilizzant fuq ir-raba’ tagħhom jista’ jiġi kklassifikat bħala prodott sekondarju u ma jibqax, għaldaqstant, jitqies bħala “skart” fis-sens tad-Direttiva 75/442, u, b’mod partikolari, liema huwa, f’dan ir-rigward, il-livell ta’ ċertezza meħtieġ f’dak li jirrigwarda l-użu mill-ġdid tad-demel likwidu previst b’dan il-mod. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti tistaqsi f’liema miżura l-oneru tal-prova li l-imsemmija kundizzjonijiet huma sodisfatti tista’ tkun fuq il-produttur ta’ dan id-demel likwidu. |
Fuq l-ewwel parti tal-ewwel domanda
35 |
Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom id-demel likwidu tal-ħnieżer maħżun minn produttur sakemm jingħata lil operaturi agrikoli sabiex jintuża minnhom bħala fertilizzant fuq ir-raba’ tagħhom għandu jiġi kklassifikat bħala prodott sekondarju minflok bħala “skart” fis-sens tad-Direttiva 75/442, għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(a) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-iskart bħala “kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness I li l-possessur jarmi jew ikun beħsiebu [...] li jarmi”. |
36 |
Kemm l-imsemmi Anness I kif ukoll il-lista tal-iskart inkluża fil-katalgu Ewropew tal-iskart adottat abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442 huma biss ta’ natura indikattiva (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑188/08, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Minbarra dan, il-fatt li f’dan il-katalgu huma inklużi l-“eskrementi, awrina u demel (inkluż tiben maħmuġ), dranaġġ miġbur separatament u ttrattat f’post ieħor” ma huwiex determinanti għall-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ skart. Fil-fatt, dan ir-riferiment ġenerali għad-dranaġġ tat-trobbija ma jiħux inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet li fihom dan id-dranaġġ jintuża u li huma determinanti għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑121/03, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66). |
38 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni ta’ “skart”, fis-sens tad-Direttiva 75/442, tirriżulta qabel kollox mill-aġir tal-possessur u mit-tifsira tal-kelma “jarmi”, imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(a) tal-imsemmija direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑194/05, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, u tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer, C-188/07, Ġabra p. I-4501, punt 53). |
39 |
Il-kelma “jarmi” għandha tiġi interpretata mhux biss fid-dawl tal-għan essenzjali tad-Direttiva 75/442, li, skont it-tielet premessa tagħha, huwa “il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent mill-effetti ta’ ħsara kkawżati mill-ġbir, mit-trasport, mit-trattament, mill-ħażna u mill-ħatt ta’ l-iskart”, iżda wkoll fid-dawl tal-Artikolu 174(2) KE. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li “[i]l-politika Komunitarja dwar l-ambjent għandu jkollha l-mira ta’ protezzjoni ta’ livell għoli li tieħu kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Komunità. Għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipju li azzjoni preventiva għandha tittieħed […]”. Għaldaqstant il-kelma “jarmi”, u konsegwentement il-kunċett ta’ “skart” fis-sens ta’ din id-direttiva, ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑194/05, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Commune de Mesquer, punti 38 u 39). |
40 |
B’mod partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fost iċ-ċirkustanzi li jistgħu jikkostitwixxu indizju tal-eżistenza ta’ azzjoni, ta’ intenzjoni jew ta’ obbligu li “jarmi” sustanza jew oġġett, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442, kien inkluż il-fatt li s-sustanza użata hija residwu ta’ produzzjoni jew ta’ konsum, jiġifieri prodott li ma ġiex imfittex inkwantu tali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑194/05, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Commune de Mesquer, punt 41). |
41 |
Bl-istess mod, jista’ jikkostitwixxi tali indizju l-fatt li s-sustanza meqjusa bħala residwu ta’ produzzjoni li l-użu eventwali tagħha għandu jsir f’kundizzjonijiet partikolari ta’ prekawzjoni minħabba n-natura perikoluża, għall-ambjent, tal-kompożizzjoni tagħha (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2000, ARCO Chemie Nederland et, C-418/97 u C-419/97, Ġabra p. I-4475, punt 87, kif ukoll tat-18 ta’ April 2002, Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus, C-9/00, Ġabra p. I-3533, punt 43). |
42 |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-metodu ta’ pproċessar jew il-mod ta’ użu ta’ sustanza ma humiex determinanti għall-klassifikazzjoni bħala skart jew bħala mhux skart ta’ din is-sustanza u li l-kunċett ta’ skart ma jeskludix is-sustanzi u l-oġġetti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ użu ekonomiku mill-ġdid. Is-sistema ta’ sorveljanza u ta’ mmaniġġar stabbilita permezz tad-Direttiva 75/442 hija intiża, fil-fatt, sabiex tkopri l-oġġetti u s-sustanzi kollha li l-proprjetarju tagħhom jarmi, anki jekk għandhom valur kummerċjali u jinġabru kummerċjalment għal riċiklaġġ, irkupru jew użu mill-ġdid (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑194/05, punti 36 u 37, kif ukoll Commune de Mesquer, punt 40). |
43 |
Fid-dawl tat-tagħlim mill-ġurisprudenza mfakkar b’dan il-mod, għandu jitqies li demel iġġenerat minn razzett ta’ trobbija intensiva ta’ ħnieżer li ma huwiex il-produzzjoni mixtieqa prinċipalment mill-operatur ta’ dan ir-razzett u li l-irkupru eventwali tiegħu permezz tal-applikazzjoni inkwantu fertilizzant għandu, kif jirriżulta b’mod partikolari mis-sitt premessa tad-Direttiva 91/676 u mill-mekkaniżmu stabbilita minnha, iseħħ f’kundizzjonijiet partikolari ta’ prekawzjoni minħabba n-natura potenzjalment perikoluża, għall-ambjent, tal-kompożizzjoni tiegħu, jikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, skart (ara, b’mod analogu, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑194/05, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Commune de Mesquer, punt 41). |
44 |
Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, f’ċerti sitwazzjonijiet, oġġett, materjal jew materja prima li jirriżultaw minn proċess ta’ estrazzjoni jew ta’ manifattura li ma huwiex intiż prinċipalment sabiex jipproduċi tali oġġett, materjal, jew materja prima jistgħu jikkostitwixxu mhux residwu, iżda prodott sekondarju, li l-possessur tiegħu ma jipprovax “jarmi” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442, iżda li huwa beħsiebu jisfrutta jew iqiegħed fis-suq – inkluż, fejn xieraq, għall-bżonnijiet ta’ operaturi ekonomiċi differenti minn dawk li pproduċew l-imsemmi prodott sekondarju – f’kundizzjonijiet li huma ta’ vantaġġ għalih, fi proċess ulterjui, sakemm tali użu mill-ġdid ma jkunx biss eventwali iżda ċert, mingħajr ipproċessar minn qabel, u bħala parti mill-proċess kontinwu ta’ produzzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-8 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑121/03, punt 58; tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑194/05, punt 38, u Commune de Mesquer, punt 42). |
45 |
Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, ta’ demel minn razzett ta’ trobbija bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan seta’ jkun eskluż mill-klassifikazzjoni ta’ skart, jekk jintuża bħala fertilizzant tal-artijiet fil-kuntest ta’ prattika legali ta’ applikazzjoni fuq raba’ identifikat b’mod ċar u jekk il-ħażna tiegħu tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ għal dawn l-operazzjonijiet ta’ applikazzjoni (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑121/03, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60). |
46 |
Barra minn hekk hija sostniet, f’dan ir-rigward, li ma hemmx lok li din l-analiżi tiġi limitata għad-demel minn razzett ta’ trobbija li jintuża bħala fertilizzant fuq ir-raba’ li jagħmel parti mill-istess stabbiliment agrikolu li ġġenera dan id-demel. Fil-fatt, sustanza tista’ ma titqiesx bħala “skart” fis-sens tad-Direttiva 75/442 jekk tintuża b’ċertezza għall-bżonnijiet ta’ operaturi ekonomiċi għajr dak li jkun ipproduċieha (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑121/03, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61). |
47 |
Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u miċ-ċirkustanzi kollha tas-sitwazzjoni quddiemhom, l-eżistenza reali ta’ prodott sekondarju, billi joqogħdu attenti, f’dan ir-rigward, li jiżguraw li l-klassifikazzjoni ta’ prodott sekondarju tkun ristretta għas-sitwazzjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza. |
48 |
Fir-rigward tal-verifika li l-użu mill-ġdid tad-demel likwidu maħżun sakemm jiġi applikat huwa ta’ natura suffiċjentement ċerta, għandu jitfakkar, b’mod preliminari, li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza, is-sempliċi fatt li tali użu mill-ġdid isir, fil-fatt, totalment ċert biss meta l-operazzjonijiet ta’ applikazzjoni previsti jkunu effettivament seħħew bl-intervent tat-terzi kkonċernati li jkunu akkwistaw id-demel likwidu ma jipprekludix tali klassifikazzjoni bħala prodott sekondarju. |
49 |
Fil-fatt, dak li jseħħ fil-futur minn oġġett jew minn sustanza ma huwiex deċiżiv minnu nnifsu fir-rigward tan-natura eventwali tiegħu bħala skart, li hija ddeterminata, skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442, skont l-azzjoni, l-intenzjoni jew l-obbligu tal-pussessur ta’ dan l-oġġett jew ta’ din is-sustanza li jarmih (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑194/05, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 u 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
Minbarra dan għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li l-użu mill-ġdid tad-demel likwidu previst minn D. Brady juri, f’dan il-każ, livell ta’ ċertezza suffiċjenti sabiex, tul il-ħażna tiegħu minn Brady u sal-kunsinna effettiva tiegħu lit-terzi kkonċernati, l-imsemmi demel likwidu jkun jista’ jitqies bħala prodott sekondarju li l-persuna kkonċernata ma tipprovax “tarmi” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442, iżda li hija tipprova tisfrutta jew tqiegħed fis-suq, tali fatt bl-ebda mod ma jaffettwa l-fatt li l-imsemmi demel likwidu jista’, eventwalment, isir skart, wara l-imsemmija kunsinna, b’mod partikolari jekk jirriżulta li finalment jintrema mill-imsemmija terzi b’mod mhux kontrollat fl-ambjent f’ċirkustanzi li jippermettu li jitqies bħala tali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑416/02, iċċitata iktar ’il fuq, punt 96). |
51 |
F’każ bħal dan, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-persuna li tinsab, fil-fatt, fil-pussess ta’ prodotti immedjatament qabel ma jsiru skart għandha titqies li “pproduċiet” dan l-iskart fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 75/442 u għandha għaldaqstant titiqes bħala “possessur” tiegħu fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) ta’ din id-direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Commune de Mesquer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74). |
52 |
Sabiex jiġi vverifikat jekk l-użu mill-ġdid tad-demel likwidu permezz tal-applikazzjoni minn operaturi agrikoli oħra, kif previst mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, huwiex ta’ natura suffiċjentement ċerta sabiex tiġġustifika l-ħażna tiegħu għal tul ta’ żmien differenti minn dak meħtieġ għall-ġbir tiegħu sabiex jintrema, hija, min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju, u kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, li għandha tara, fost l-oħrajn, li r-raba’ tal-imsemmija operaturi li fuqu għandu jseħħ dan l-użu mill-ġdid huwa, qabel kollox, identifikat b’mod ċar. Tali identifikazzjoni hija, fil-fatt, tali li turi li l-kwantitajiet ta’ demel likwidu li ser ikunu s-suġġett tal-kunsinna huma fil-prinċipju effettivament intiżi sabiex jintużaw għall-fertilizzazzjoni tar-raba’ tal-operaturi kkonċernati. |
53 |
Barra minn hekk, il-produttur tad-demel likwidu għandu, jekk jixtieq jaħżen id-demel likwidu għal tul ta’ żmien itwal minn dak li huwa meħtieġ għall-ġbir tiegħu sabiex jintrema, ikollu impenji fissi min-naħa tal-operaturi li jirċievu l-kunsinna tal-imsemmi demel likwidu sabiex jużawh bħala fertilizzant fuq raba’ identifikat kif xieraq. |
54 |
Rigward il-kundizzjoni, li wkoll hija mfakkra fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, fis-sens li l-ħażna tad-demel minn razzett ta’ trobbija għandha tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ għall-operazzjonijiet ta’ applikazzjoni, għandu jitfakkar li din hija ġġustifikata, b’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li operazzjonijiet ta’ ħażna bl-għan ta’ użu mill-ġdid ta’ sustanza jistgħu, meta jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul ta’ żmien tagħhom, jikkostitwixxu oneru għall-possessur u potenzjalment jistgħu jagħtu lok għal dannu ambjentali li d-Direttiva 75/442 tipprova, preċiżament, tillimita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑194/05, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40). |
55 |
F’dan ir-rigward, huma b’mod partikolari l-qrati nazzjonali li għandhom jaraw li l-istallazzjonijiet ta’ ħażna użati mill-produttur tad-demel liwidu huma maħsuba b’mod li jipprevjeni li din is-sustanza tiskula jew tnixxi fl-art u li joffru kapaċità suffiċjenti sabiex jinħażen id-demel likwidu prodott sal-kunsinna effettiva tiegħu lill-operaturi agrikoli kkonċernati. |
56 |
Huwa wkoll importanti li l-ħażna effettiva tad-demel likwidu tkun strettament limitata għal dak li huwa meħtieġ għall-operazzjonijiet ta’ applikazzjoni previsti, u dan jitlob, minn naħa, li l-kwantitajiet maħżuna jkunu limitati b’mod li l-intier tagħhom ikun fil-fatt intiż biex jintuża mill-ġdid b’dan il-mod (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40), u, min-naħa l-oħra, li t-tul ta’ żmien tal-ħażna jkun limitat skont il-bżonnijiet li twassal għalihom in-natura staġjonali tal-operazzjonijiet ta’ applikazzjoni, jiġifieri, li huwa ma jaqbiżx dak li huwa meħtieġ sabiex il-produttur ikun jista’ jissodisfa l-impenji kuntrattwali eżistenti tiegħu li jikkunsinna demel likwidu għal finijiet ta’ applikazzjoni tul l-istaġun tal-applikazzjoni pendenti u dak ta’ warajh. |
57 |
Minbarra dan, huma wkoll il-qrati nazzjonali li għandhom jaraw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li l-użu mill-ġdid tad-demel likwidu mit-terzi kkonċernati, kif ipprogrammat mill-produttur, huwa tali li jagħti lil dan tal-aħħar vantaġġ li jmur lil hinn mis-sempliċi fatt li jkun jista’ jeħles minn dan il-prodott, u tali fatt isaħħaħ, għall-bqija, meta jirriżulta, il-probabbiltà ta’ użu mill-ġdid effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi, iċċitati iktar ’il fuq tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑194/05, punt 52, kif ukoll Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus, punt 37). |
58 |
Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, huwa biss, fil-fatt, jekk ikun jista’ jitqies li d-demel likwidu inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa fil-fatt intiż sabiex ikun is-suġġett ta’ sfruttament jew ta’ kummerċjalizzazzjoni effettivi f’kundizzjonijiet ekonomikament vantaġġużi għall-possessur tal-imsemmi demel likwidu li jkun jista’ jingħad li dan għandu, ekonomikament, il-valur ta’ prodott. |
59 |
Fost iċ-ċirkustanzi rilevanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qrati nazzjonali sabiex jiġi vverifikat jekk humiex sodisfatti l-imsemmija rekwiżiti huwa inkluż il-fatt li s-sustanzi kkonċernati huma s-suġġett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali effettivi u jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tax-xerrejja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Commune de Mesquer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47). Għalhekk jista’ jkun rilevanti, f’din il-perspettiva, li jsir l-eżami tal-kundizzjonijiet, b’mod partikolari finanzjarji, li fihom isiru t-tranżazzjonijiet li jseħħu bejn il-produttur tad-demel likwidu u dawk li jakkwistawh. Dan jgħodd ukoll għall-ispejjeż, marbuta b’mod partikolari mal-ħażna tas-sustanzi kkonċernati, li joħloq, għall-possessur, l-użu mill-ġdid ta’ dawn, spejjeż li ma għandhomx jirriżultaw eċċessivi għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Commune de Mesquer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59). |
60 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442 għandu jiġi interpretat fis-sens li demel likwidu prodott f’razzett ta’ trobbija intensiva ta’ ħnieżer u maħżun sal-kunsinna tiegħu lil operaturi agrikoli sabiex jintuża mill-ġdid minnhom bħala fertilizzant fuq ir-raba’ tagħhom jikkostitwixxi mhux “skart” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, iżda prodott sekondarju, meta l-imsemmi produttur ikun beħsiebu jikkummerċjalizza dan id-demel likwidu f’kundizzjonijiet ekonomikament vantaġġużi għalih, fi proċess ulterjuri, sakemm dan l-użu mill-ġdid ma jkunx biss eventwali iżda ċert, mingħajr ipproċessar minn qabel, u bħala parti mill-proċess kontinwu ta’ produzzjoni. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jaraw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjonijiet quddiemhom, jekk dawn id-diversi kriterji humiex sodisfatti. |
Fuq it-tieni parti tal-ewwel domanda
61 |
F’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-persuna li għandha l-oneru tal-prova li huma sodisfatti l-kriterji li jimplikaw, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, li għandu jiġi kkunsidrat li sustanza għandha tiġi kklassfikata bħala prodott sekondarju u mhux bħala “skart” fis-sens tad-Direttiva 75/442, għandu jiġi osservat li l-imsemmija direttiva ma tinkludix dispożizzjonijiet speċifiċi dwar din il-kwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika, f’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tas-sistema legali proprja tagħha sakemm, b’dan il-mod, ma tiġix ippreġudikata l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tad-Direttiva 75/442 u sakemm tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq ARCO Chemie Nederland et, punt 70, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑194/05, punti 44, 52 u 53). |
62 |
Konsegwentement, b’mod partikolari, tali regoli nazzjonali rigward l-oneru tal-prova ma jistgħux iwasslu sabiex jirrendu eċċessivament diffiċli l-prova li sustanzi għandhom, skont il-kriterji li jirriżultaw mill-imsemmija ġurisprudenza, jitqiesu bħala prodotti sekondarji. |
63 |
B’din ir-riżerva, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li fdal ta’ ġebel u ta’ ramel li jibqa’ minn operazzjonijiet ta’ arrikiment ta’ minerali li jiġu mill-isfruttament ta’ minjiera li l-possessur tagħhom juża legalment għall-irdim meħtieġ tal-mini tal-imsemmija minjiera ma jaqgħux taħt il-klassifikazzjoni ta’ “skart” fis-sens tad-Direttiva 75/442, meta l-imsemmi possessur jagħti garanziji suffiċjenti dwar l-identifikazzjoni u l-użu effettiv ta’ dawn is-sustanzi u li hija, minbarra dan, enfassizat li tali ġurisprudenza setgħet tiġi applikata għad-demel minn razzett ta’ trobbija (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni Spanja, C‑121/03, iċċitata iktar ’il fuq, punti 59 u 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
64 |
Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa barra minn hekk ċar li, bħala regola ġenerali, fir-rigward tal-prova ta’ intenzjoni, il-possessur tal-prodotti jista’ biss iġib il-prova li huwa għandu l-intenzjoni mhux li jarmi dawn il-prodotti, iżda li jippermetti l-użu mill-ġdid tagħhom f’kundizzjonijiet li huma adattati sabiex dawn jiġu kklassifikati bħala prodott sekondarju fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
65 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni parti tal-ewwel domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-oneru tal-prova li l-kriterji li jippermettu l-kunsiderazzjoni li sustanza bħalma huwa d-demel likwidu prodott, maħżun u ttrasferit f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi prodott sekondarju huma sodisfatti jaqa’ fuq il-produttur ta’ dan id-demel likwidu, sakemm ma jirriżultax minn dan preġudizzju għall-effikaċja ta’ dan id-dritt, u b’mod partikolari tad-Direttiva 75/442, u sakemm tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw minn dan id-dritt, b’mod partikolari, l-obbligu li ma jiġux suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva sustanzi li, bl-applikazzjoni tal-imsemmija kriterji, għandhom, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jitqiesu bħala prodotti sekondarji li għalihom ma tapplikax l-imsemmija direttiva. |
Fuq it-tielet domanda
66 |
Bit-tielet domanda tagħha li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(b)(iii), tad-Direttiva 75/442 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-demel minn razzett ta’ trobbija prodott f’razzett tal-ħnieżer li jinsab fi Stat Membru huwa “diġà kopert[…] b’liġijiet oħra” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, u, għaldaqstant, eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 75/442, minħabba l-eżistenza tad-Direttiva 91/676, filwaqt li jiġi speċifikat li din id-direttiva msemmija l-aħħar għadha ma ġietx trasposta fid-dritt tal-imsemmi Stat Membru. |
67 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li sabiex jitqiesu bħala “liġijiet oħra” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b)(iii), ir-regoli Komunitarji jew nazzjonali kkonċernati għandhom jinkludu dispożizzjonijiet preċiżi li jorganizzaw l-immaniġġar tal-iskart inkwistjoni u jwasslu għal livell ta’ protezzjoni tal-ambjent li huwa mill-inqas ekwivalenti għal dak li jirriżulta mill-imsemmija direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑121/03, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-10 ta’ Mejju 2007, Thames Water Utilities, C-252/05, Ġabra p. I-3883, punt 34). |
68 |
Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta b’dan il-mod regola li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika u, sussidjarjament, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika, id-Direttiva 75/442 tapplika, dan kien sabiex jiġi evitat li, f’ċerti sitwazzjonijiet, l-immaniġġar ta’ dan l-iskart ma jibqa’ suġġett għal ebda leġiżlazzjoni (ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, AvestaPolarit Chrome, C-114/01, Ġabra p. I-8725, punt 50). |
69 |
Mingħajr il-bżonn, f’din il-kawża, li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk direttiva, bħad-Direttiva 91/676, għandhiex, jekk jingħad li hija trasposta fid-dritt nazzjonali, titqies bħala “liġi[…] oħra” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 75/442, biżżejjed jingħad li, fin-nuqqas ta’ adozzjoni minn Stat Membru tal-miżuri meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-imsemmija direttiva, din ma tistax, f’kull każ, titqies li twassal għal livell ta’ protezzjoni tal-ambjent li huwa mill-inqas ekwivalenti għal dak intiż mid-Direttiva 75/442, u l-imsemmi nuqqas ta’ traspożizzjoni jimplika, bil-kontra, li, peress li ma huwiex suġġett għal din id-direttiva msemmija l-aħħar, l-immaniġġar tad-demel minn razzett ta’ trobbija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwa suġġett għal ebda leġiżlazzjoni oħra. |
70 |
Għaldaqstant ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(b)(iii) tad-Direttiva 75/442 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fin-nuqqas ta’ traspożizzjoni, fid-dritt ta’ Stat Membru, tad-Direttiva 91/676, ma jistax jitqies li d-demel minn razzett ta’ trobbija prodott f’razzett tal-ħnieżer li jinsab fl-imsemmi Stat Membru huwa, minħabba l-eżistenza ta’ din id-direttiva msemmija l-aħħar, “kopert[…] b’liġijiet oħra” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. |
Fuq it-tieni domanda
71 |
Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fil-każ li demel likwidu prodott u miżmum minn razzett ta’ trobbija tal-ħnieżer għandu jiġi kklassifikat bħala “skart” fis-sens tad-Direttiva 75/442, id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li Stat Membru jirrendi tali produttur li jarmi dan id-demel likwidu billi jagħtih lil operaturi oħra li huma mitluba jużawh bħala fertilizzant fuq ir-raba’ tagħhom, personalment responsabbli għar-rispett minn dawn l-operaturi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-immaniġġar tal-iskart u tal-fertilizzanti. |
72 |
B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-kliem innifsu ta’ din id-domanda u għar-raġunijiet li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-imsemmija domanda tqum biss fil-każ li d-demel ta’ trobbija inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi kklassifikat bħala “skart” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442. |
73 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda, tali ipoteżi timplika, jekk isseħħ, li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 75/442 għandhom japplikaw għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
74 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 75/442, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li “l-pussessur ta’ l-iskart” jew jirkuprah jew jarmih huwa nnifsu b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, jew jgħaddih lil kollettur privat jew pubbliku tal-iskart jew lil impriża li twettaq ix-xogħlijiet imniżżla fl-Annessi II A jew II B tagħha. Tali obbligi fuq il-possessuri kollha ta’ skart jikkostitwixxu l-korollarju tal-projbizzjoni tal-abbandun, it-tfigħ u r-rimi mhux ikkontrollat tal-iskart li tinsab fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Van de Walle et, C-1/03, Ġabra p. I-7613, punt 56). |
75 |
F’dan il-każ, huwa stabbilit li r-rikorrent fil-kawża prinċipali, li bl-ebda mod ma huwa beħsiebu jirkupra jew jarmi huwa nnifsu l-iskart li jipproduċi, għandu, inkwantu “possessur” tal-imsemmi skart u b’mod konformi mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 75/442, l-obbligu li jgħaddih lil kollettur privat jew pubbliku tal-iskart jew lil impriża li twettaq ix-xogħlijiet imniżżla fl-Annessi II A jew II B tal-imsemmija direttiva. |
76 |
Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, u fl-ewwel lok, li l-indikazzjonijiet inklużi fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jippermettux il-kunsiderazzjoni li l-operaturi agrikoli li D. Brady beħsiebu jgħaddilhom id-demel likwidu tiegħu jistgħu jitqiesu bħala awtorizzati sabiex iwettqu operazzjonijiet ta’ rkupru fis-sens tal-imsemmi Artikolu 8. |
77 |
Fil-fatt, xejn ma jindika li l-imsemmija operaturi għandhom l-awtorizzazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 75/442 sabiex iwettqu tali operazzjonijiet ta’ rkupru. Bl-istess mod, l-elementi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettux il-kunsiderazzjoni li dawn l-istess operaturi jinsabu eżenti minn tali awtorizzazzjoni skont il-kundizzjonijiet li jipprovdu, f’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva. |
78 |
Jekk jiġi kkonfermat, u dan għandu jsir, eventwalment, mill-qorti tar-rinviju, li l-operaturi li D. Brady beħsiebu jgħaddilhom l-iskart li huwa l-possessur tiegħu ma għandhomx l-awtorizzazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 75/442 u lanqas huma eżenti minnha, skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(1) u (2) ta’ din, isegwi li l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jipprekludi t-trasferimenti previsti b’dan il-mod, u, għaldaqstant, li dawn jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kwalunkwe awtorizzazzjoni maħruġa minn awtorità bħall-APA indipendentement, għall-bqija, mill-kundizzjonijiet li huwa suġġett għalihom il-ħruġ tal-imsemmija awtorizzazzjoni. |
79 |
Fit-tieni lok, għandu jingħad ukoll li, jekk jiġi kkonstatat li l-operaturi kkonċernati għandhom l-awtorizzazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 75/442 jew huma debitament eżenti minn tali awatorizzazzjoni u rreġistrati b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(1) u (2) ta’ din, it-trasferiment tal-iskart inkwistjoni minn D. Brady lil tali operaturi ma jistax ikun suġġett, għal dan tal-aħħar, għal kundizzjonijiet intiżi sabiex jirrenduh responsabbli għar-rispett minn dawn l-operaturi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-immaniġġar tal-iskart u tal-fertilizzanti. |
80 |
F’dan ir-rigward, fil-fatt, għandu, qabel kollox, jitfakkar li, ladarba l-iskart jiġi rkuprat skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 75/442, l-impriża li għandha awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 75/442 jew li hija eżenti minn tali awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 11 tagħha, issir “possessur” tal-iskart inkwistjoni. Mill-kliem innifsu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 75/442 jirriżulta li huwa l-“possessur tal-iskart” li għandu, fejn xieraq, jara li tali skart jiġi rkuprat skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva. |
81 |
Imbagħad, mill-Artikolu 8 flimkien mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 75/442 u mill-istruttura ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, meta possessur ta’ skart jagħti dan l-iskart lil impriża li għandha awtorizzazzjoni maħruġa skont it-tieni dispożizzjoni li tippermettielha tirkuprah, hija biss din l-impriża msemmija l-aħħar, u mhux l-imsemmi possessur preċedenti, li hija responsabbli sabiex twettaq l-operazzjonijiet ta’ rkupru filwaqt li tosserva, f’dan ir-rigward, il-kundizzjonijiet kollha li huma suġġetti għalihom l-imsemmija operazzjonijiet skont kemm il-leġiżlazzjoni applikabbli kif ukoll skont l-imsemmija awtorizzazzjoni. |
82 |
Fl-aħħar nett, jiġi dedott, bl-istess mod, mill-Artikolu 8 flimkien mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 75/442 u mill-istruttura tagħhom li, meta possessur ta’ skart jgħaddih lil impriża li, skont l-imsemmi Artikolu 11, hija eżenti minn awtorizzazzjoni għall-finijiet ta’ rkupru tal-imsemmi skart, hija biss din l-impriża, u mhux l-imsemmi possessur preċedenti, li hija responsabbli sabiex twettaq l-operazzjonijiet ta’ rkupru filwaqt li tosserva, f’dan ir-rigward, ir-regoli ġenerali u r-rekwiżiti li jirreferi għalihom l-Artikolu 11 kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra kollha tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-imsemmija operazzjonijiet. |
83 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, fil-każ fejn demel likwidu prodott u miżmum minn razzett ta’ trobbija tal-ħnieżer għandu jiġi kklassifikat bħala “skart” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442:
|
Fuq l-ispejjeż
84 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.