Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0085

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-24 ta’ Ottubru 2013.
LBI hf vs Kepler Capital Markets SA u Frédéric Giraux.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Riorganizzazzjoni u stralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu — Direttiva 2001/24/KE – Artikoli 3, 9 u 32 – Att tal-leġiżlatur nazzjonali li jagħti lil miżuri ta’ riorganizzazzjoni l-effetti ta’ proċedura ta’ stralċ – Dispożizzjoni leġiżlattiva li tipprojbixxi jew li tissospendi kull azzjoni ġudizzjarja kontra istituzzjoni ta’ kreditu wara d-dħul fis-seħħ ta’ moratorju.
Kawża C‑85/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:697

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

24 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Riorganizzazzjoni u stralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu — Direttiva 2001/24/KE — Artikoli 3, 9 u 32 — Att tal-leġiżlatur nazzjonali li jagħti lil miżuri ta’ riorganizzazzjoni l-effetti ta’ proċedura ta’ stralċ — Dispożizzjoni leġiżlattiva li tipprojbixxi jew li tissospendi kull azzjoni ġudizzjarja kontra istituzzjoni ta’ kreditu wara d-dħul fis-seħħ ta’ moratorju”

Fil-Kawża C‑85/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Frar 2012, fil-proċedura

LBI hf, li kienet Landsbanki Islands hf

vs

Kepler Capital Markets SA,

Frédéric Giraux,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Marzu 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal LBI hf, minn S. Le Damany, T. Brun, J. E. Bunetel u J. Wohl, avukati,

għal F. Giraux, minn P. Jupile Boisverd u G. Brasier Porterie, avukati,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, F. Fize u N. Rouam, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

għall-Gvern Islandiż, minn Þ. Hjatested, V. Benediktsdóttir u J. Bjarnadóttir, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Dintilhac, A. Nijenhuis u E. Traversa, bħala aġenti,

għall-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, minn X. Lewis u M. Moustakali, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Mejju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ April 2001, fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, LBI hf, li kienet Landsbanki Islands hf (iktar ’il quddiem “LBI”), istituzzjoni ta’ kreditu Islandiża, u, min-naħa l-oħra, Kepler Capital Markets SA u F. Giraux, dwar żewġ sekwestri kawtelatorji eżegwiti fi Franza minn dan tal-aħħar kontra LBI fi żmien meta din tal-aħħar kienet is-suġġett ta’ moratorji fuq il-ħlas fl-Islanda.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 6, 7, 16, 20 u 30 tad-Direttiva 2001/24 jipprovdu:

“(6)

L-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini għandhom ikollhom is-setgħa waħedhom li jiddeċiedu u jimplimentaw il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni provduti fil-liġi u l-prattiċi fis-seħħ f’dak l-Istat Membru. Minħabba d-diffikultà li jkunu armonizzati l-liġijiet u l-prattiki ta’ l-Istati Membri, huwa meħtieġ li jkun stabbilit rikonoxximent reċiproku minn Stati Membri tal-miżuri meħuda minnhom kollha biex jerġgħu jsiru vijabbli l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li tkun aworizzat.

(7)

Huwa essenzjali li jkun garantit li l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni adottati mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini u l-miżuri adottati minn persuni jew korpi appuntati minn dawk l-awtoritajiet biex jamministraw dawk il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni, inkluż miżuri li jinvolvu l-possibbiltà ta’ sospensjoni ta’ ħlasijiet, sospensjoni ta’ miżuri esekuttivi jew tnaqqis ta’ talbiet u kull miżura oħra li tista’ taffettwa jeddijiet eżistenti ta’ terzi persuni, huma effettivi fl-Istati Membri kollha.

[...]

(16)

Trattament ugwali ta’ kredituri jeħtieġ li l-istituzzjoni tal-kreditu tkun stralċjata skond il-prinċipji ta’ l-unità u l-universalità, li jeħtieġu li l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini ikollhom ġurisdizzjoni waħedhom u d-deċiżjoniiet tagħhom jkunu rikonoxxuti u li jkunu kapaċi li jipproduċu fl-Istati Membri kollha l-oħra, mingħajr xi formalità, l-effetti mogħtiha lilhom bil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini, ħlief fejn din id-Direttiva tipprovdi mod ieħor.

[...]

(20)

L-għoti ta’ informazzjoni lill-kredituri magħrufa fuq bażi individwali huwa essenzjali daqs kemm hu essenzjali li tkun ippubblikata biex tħallihom, fejn meħtieġ, li jippreżentaw it-talbiet tagħhom jew jissottomettu osservazzjonijiet dwar it-talbiet tagħhom f’termini ta’ żmien preskritt. Dan għandu jseħħ mingħajr diskriminazzjoni kontra l-kredituri ddomiċiljati fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta’ oriġini, ibbażat fuq il-post tagħhom ta’ residenza jew in-natura tat-talbiet tagħhom. Il-kredituri għandhom jinżammu regolarment informati b’mod xieraq waqt il-proċeduri kollha ta’ l-istralċ.

[...]

(30)

L-effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew proċeduri ta’ stralċ fuq kawża pendenti huma determinati bil-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-kawża hija pendenti bħala eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-lex concursus. L-effetti ta’ dawk il-miżuri u proċeduri fuq azzjonijiet individwali ta’ infurzar li joħorġu minn dawn il-kawżi għandhom ikunu ggvernati mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-origini, skond ir-regola ġenerali stabbilita minn din id-Direttiva.”

4

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24 huwa fformulat kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

‘miżuri ta’ riorganizzazzjoni’ għandhom ifissru miżuri li huma maħsuba biex jippreservaw jew iġibu lura s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u li tista’ taffettwa d-drittijiet pre-eżistenti ta’ terzi, inkluż miżuri li jinvolvu l-possibbiltà ta’ sospensjoni ta’ ħlasijiet, sospensjoni ta’ miżuri ta’ infurżar jew tnaqqis ta’ talbiet;

[...]

‘proċeduri ta’ l-istralċ’ għandhom ifissru proċeduri kollettivi miftuħa u sorveljati mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji ta’ Stat Membru bl-għan tar-realizzazzjoni ta’ l-assi taħt is-superviżjoni ta’ dawk l-awtoritajiet, inkluż fejn il-proċeduri jintemmu b’kompożizzjoni jew miżura simili oħra;

[...]”

5

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Adozzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni — liġi applikabbli”, jipprovdi:

“1.   L-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini għandhom ikunu waħedhom mogħtija s-setgħa li jiddeċiedu fuq l-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni jew iżjed f’istituzzjoni ta’ kreditu, inkluż friegħi stabbiliti fi Stati Membri oħra.

2.   Il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni għandhom ikunu applikati skond il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini, sakemm ma jkunx provdut mod ieħor f’din id-Direttiva.

Għandhom ikunu effettivi għal kollox skond il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru ġewwa l-[Unjoni] kollha mingħajr kull formalità oħra, inkluż kontra terzi f’Istati Membri oħra, ukoll fejn ir-regoli ta’ l-Istat Membru ospitanti applikabbli għalihom ma jipprovdux għal dawk il-miżuri jew jagħmlu l-implimentazzjoni tagħhom soġġetta għall-kondizzjonijiet li ma jintlaħqux.

Il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni għandhom ikunu effettivi ġewwa l-[Unjoni] kollha ladarba jidħlu fis-seħħ fl-Istat Membru fejn ikunu ittieħdu.”

6

Intitolat “Bidu ta’ proċeduri ta’ l-istralċ — Informazzjoni li għandha tkun ikkomunikata lill-awtoritajiet l-oħra kompetenti”, l-Artikolu 9 ta’ din l-istess direttiva, jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini li għandhom ir-responsabbiltà għall-istralċ waħedhom biss għandhom ikollhom is-setgħa li jiddeċiedu fuq il-bidu ta’ proċeduri ta’ l-istralċ dwar istituzzjoni ta’ kreditu, inkluż friegħi stabbiliti fi Stati Membri oħra.

Deċiżjoni biex jinbdew proċeduri ta’ stralċ meħuda mill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini għandha tkun rikonoxxuta, mingħajr formalità oħra, fit-territorju ta’ l-Istati Membri l-oħra u għandha tkun effettiva hemmhekk hekk meta d-deċiżjoni tkun effettiva fl-Istat Membru fejn il-proċeduri huma miftuħa.”

7

Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2001/24, intitolat “Liġi applikabbli”:

“1.   Istituzzjoni ta’ kreditu għandha tkun stralċata skond il-liġijiet, regolamenti u proċeduri applikabbli ġewwa Stat Membru ta’ oriġini safejn din id-Direttiva ma tipprovdix mod ieħor.

2.   Il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini għandha tiddetermina partikolarment:

[…]

e)

l-effetti tal-proċeduri ta’ l-istralċ fuq proċeduri mibdija mill-kredituri individwali, bl-eċċezzjoni ta’ kawżi pendenti, kif provdut fl-Artikolu 32;

[…]

l)

ir-regoli dwar n-nullità, l-annullabbilità jew in-nuqqas ta’ esekuzzjoni ta’ atti legali ta’ detriment lill-kredituri kollha.”

8

Skont l-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva, l-“effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew proċeduri ta’ stralċ fuq kawża pendenti dwar beni jew dritt li minnhom l-impriża ta’ l-assigurazzjoni [l-istituzzjoni ta’ kreditu] tkun ġiet svestita għandhom ikunu iggvernati biss bil-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-kawza hija pendenti”.

9

Id-Direttiva 2001/24 ġiet integrata fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 167/2002, tas-6 ta’ Diċembru 2002, li temenda l-Anness IX (Servizzi finanzjarji) għall-Ftehim taż-ŻEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 8, p. 30).

Id-dritt Islandiż

10

L-Artikolu 138 tal-Liġi Nru 21/1991, dwar il-fallimenti, tas-26 ta’ Marzu 1991 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 21/1991 dwar il-fallimenti”), li jinsab fil-Kapitolu XX ta’ din il-liġi, dwar l-annullament tal-azzjonijiet meħuda mill-fallut, jipprovdi:

“Meta jkun hemm dikjarazzjoni ġudizzjarja ta’ falliment, għandu jiġi annullat awtomatikament is-sekwestru kawtelatorju ta’ beni tal-fallut, bil-kundizzjoni li l-beni kkonċernat jiġi inkluż fil-massa tal-falliment. L-istess regola tapplika għall-eżekuzzjonijiet forzati li joħolqu garanzija fuq beni tal-fallut fis-sitt xhur li jippreċedu d-data ta’ referenza, bil-kundizzjoni li l-beni kkonċernat jiġi inkluż fil-massa tal-falliment.

[...]”

11

Il-Liġi Nru 161/2002, dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji, tal-20 ta’ Diċembru 2002 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 161/2002 dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji”), tipprevedi, fil-Kapitolu XII tagħha, regoli dwar ir-riorganizzazzjoni finanzjarja, l-istralċ u l-merger ta’ istituzzjonijiet finanzjarji.

12

Fil-kuntest tal-kriżi bankarja u finanzjarja internazzjonali li laqtet lir-Repubblika tal-Islanda matul is-sena 2008, id-dispożizzjonijiet li jinsabu taħt il-Kapitolu XII tal-Liġi Nru 161/2002 dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji ġew emendati diversi drabi. F’dan is-sens, l-Artikolu 98 ta’ din il-liġi ġie emendat bil-Liġi Nru 129/2008 tat-13 ta’ Novembru 2008 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 129/2008”), b’tali mod li l-istituzzjonijiet finanzjarji f’diffikultà setgħu jingħataw moratorju li, b’effett mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-miżura, kien b’mod partikolari jipproteġihom minn kull azzjoni ġudizzjarja u b’tali mod li kien jordna s-sospensjoni tal-azzjonijiet ġudizzjarji pendenti għat-tul kollu tal-moratorju, u dan sakemm il-liġi ma kinitx tipprovdi mod ieħor jew sakemm il-każ ma kienx jikkonċerna t-twettiq ta’ reat kriminali.

13

Ir-regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji taħt moratorju, previsti permezz tal-Liġi Nru 161/2002 dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji, kif emendata bil-Liġi Nru 129/2008, ġew emendati mill-ġdid bil-Liġi Nru 44/2009 tal-15 ta’ April 2009 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 44/2009”). Minn naħa, ġew imħassra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 98 tal-Liġi Nru 161/2002 dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji li kienu jipprojbixxu l-ftuħ ta’ azzjonijiet ġudizzjarji u li kienu jissospendu l-proċeduri pendenti kontra l-istituzzjonijiet finanzjarji mqiegħda taħt moratorju. Min-naħa l-oħra, il-Liġi Nru 44/2009 introduċiet sensiela ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji, li minn fosthom il-punt II, li jikkonċerna l-istituzzjonijiet finanzjarji taħt moratorju, huwa fformulat kif ġej:

“Ir-regoli speċjali li ġejjin għandhom japplikaw għall-istituzzjonijiet finanzjarji li jibbenefikaw minn moratorju fuq id-dejn fil-mument tad-dħul fis-seħħ [tal-Liġi Nru 44/2009].

1.   Il-moratorju awtorizzat għandu jibqa’ fis-seħħ minkejja d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi u jista’ jiġi estiż inkonformità mar-regoli previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 [tal-Liġi Nru 44/2009].

2.   Fir-rigward tal-moratorju, id-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 101, tal-Artikoli 102, 103 u 103a [tal-Kapitolu XII tal-Liġi Nru 161/2002 dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji] japplikaw bħallikieku l-istralċ ta’ din l-istituzzjoni kien ġie deċiż minn qorti mad-dħul fis-seħħ tal-[Liġi Nru 44/2009]; madankollu, il-proċeduri ta’ stralċ ser jissejħu ‘moratorju awtorizzat fuq id-dejn’ sakemm din l-awtorizzazzjoni tkun għadha valida, [inkonformità ma’ dak li huwa previst fil-punt 1, iktar ’il fuq]. Mal-iskadenza ta’ din l-awtorizzazzjoni, l-istituzzjoni ser titqies awtomatikament, sakemm ma jkunx hemm deċiżjoni speċifika minn qorti, bħala li hija s-suġġett ta’ proċeduri ta’ stralċ inkonformità mar-regoli ġenerali [...].”

14

Il-Liġi Nru 132/2010, tas-16 ta’ Novembru 2010 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 132/2010”), emendat, min-naħa tagħha, id-dispożizzjonijiet tranżitorji introdotti fil-Liġi Nru 161/2002 dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji permezz tal-Liġi Nru 44/2009. Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 132/2010, l-istituzzjonijiet finanzjarji mqiegħda taħt moratorju ma għadhomx jitqiegħdu awtomatikament taħt stralċ mal-iskadenza ta’ dan il-moratorju iżda t-tqegħid fi stralċ għandu jkun intalab lil qorti qabel din id-data. Dan l-artikolu jipprovdi wkoll li meta din il-qorti taċċetta t-talba għat-tqegħid fi stralċ, il-miżuri li jkunu ttieħdu matul il-perijodu tal-moratorju li tkun ibbenefikat minnu l-istituzzjoni finanzjarja, wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 44/2009, jibqgħu fis-seħħ mingħajr ebda bidla.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Fl-10 ta’ Novembru 2008, F. Giraux eżegwixxa żewġ sekwestri kawtelatorji fuq KeplerCapital Markets SA, bil-għan li jiġi ggarantit il-ħlas tal-kreditu li kien igawdi fil-konfront ta’ LBI.

16

LBI talbet, quddiem it-Tribunal de grande instance de Paris (Franza), l-irtirar ta’ dawn is-sekwestri kawtelatorji. Filwaqt li invokat il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ adottati fil-konfront tagħha fl-Islanda, LBI sostniet li dawn il-miżuri setgħu jiġu invokati kontra l-kreditur Franċiż tagħha u li, inkonformità mal-Liġi Nru 44/2009 u mal-Artikolu 138 tal-Liġi Nru 21/1991 dwar il-fallimenti, il-miżuri kollha ta’ infurzar implementati b’effett mill-15 ta’ Mejju 2008 kienu retroattivament nulli.

17

Fir-rigward tal-miżuri meħuda fl-Islanda kontra LBI, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-awtorità Islandiża għas-sorveljanza finanzjarja kienet ġiet awtorizzata, permezz ta’ liġi ta’ emerġenza tas-6 ta’ Ottubru 2008, sabiex tintervjeni fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Sussegwentement, din l-awtorità ħadet kontroll fuq LBI u nnominat kumitat ta’ tmexxija provviżorju għal LBI, bil-għan li jikkontrolla l-ġestjoni tal-beni tal-bank u li jmexxi l-operazzjonijiet tiegħu. Fil-5 ta’ Diċembru 2008, il-qorti lokali ta’ Rejkjavik (l-Islanda) tat moratorju lil LBI, inkonformità mal-Liġi Nru 161/2002 dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji. Dan il-moratorju, li kien estiż diversi drabi, kien is-suġġett ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Jannar 2009 (ĠU C 4, p. 3) bħala miżura ta’ riorganizzazzjoni, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/24. L-avviż kien jippreċiża li ebda azzjoni ġudizzjarja ma setgħet titressaq kontra LBI matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-moratorju. Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet separati tal-qorti lokali ta’ Rejkjavik tal-24 ta’ Novembru 2008, ingħata moratorju wkoll, fuq l-istess bażi legali, lil żewġ istituzzjonijiet finanzjarji oħra, jiġifieri lil Kaupthing Bank hf u Glitnir Bank hf.

18

It-Tribunal de grande instance de Paris ċaħad it-talba ta’ LBI fil-25 ta’ Ġunju 2009. Dik il-qorti kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Liġi Nru 44/2009 ma kinux jirreferu għall-Artikolu 138 tal-Liġi Nru 21/1991 dwar il-fallimenti. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 44/2009 ma kinux jikkostitwixxu miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ meħuda mill-“awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji”, fis-sens tad-Direttiva 2001/24.

19

Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata permezz ta’ sentenza tal-Cour d’appell de Paris (Franza) tal-4 ta’ Novembru 2010. Permezz ta’ att tal-14 ta’ Frar 2012, LBI ppreżentat appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza tal-Cour d’appell quddiem il-Cour de cassation (Franza).

20

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikoli 3 u 9 tad-[Direttiva 2001/24] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ stralċ ta’ istituzzjoni finanzjarja, bħal dawk li jirriżultaw mil-[Liġi Nru 44/2009], għandhom jiġu kkunsidrati bħala miżuri meħuda minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja fis-sens ta’ dawn l-artikoli?

2)

L-Artikolu 32 tad-[Direttiva 2001/24] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 98 tal-[Liġi Nru 161/2002 dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji], li pprojbixxiet jew issospendiet kwalunkwe azzjoni ġudizzjarja kontra istituzzjoni finanzjarja mad-dħul fis-seħħ ta’ moratorju, milli jkollha effett fir-rigward ta’ miżuri kawtelatorji meħuda fi Stat Membru ieħor qabel l-impożizzjoni tal-moratorju?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 3 u 9 tad-Direttiva 2001/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ stralċ ta’ istituzzjoni finanzjarja, bħal dawk ibbażati fuq id-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu taħt il-punt II tal-Liġi Nru 44/2009, għandhom jitqiesu bħala miżuri meħuda minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja fis-sens ta’ dawn l-artikoli tad-Direttiva 2001/24, sa fejn id-dispożizzjonijiet tranżitorji msemmija jipproduċu l-effetti tagħhom biss permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jagħtu moratorju lil istituzzjoni ta’ kreditu.

22

Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2001/24, kif jirriżulta mill-premessa 6 tagħha, hija intiża sabiex tistabbilixxi r-rikonoxximent reċiproku mill-Istati Membri tal-miżuri meħuda minn kull wieħed minnhom sabiex jerġgħu jsiru vijabbli l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkunu ġew awtorizzati minn dan l-Istat Membru. Dan il-għan, kif ukoll l-għan li tiġi ggarantita l-ugwaljanza bejn il-kredituri, iddikjarat fil-premessa 16 tal-istess direttiva, jeżiġu li l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ meħuda mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini jipproduċu, fl-Istati Membri l-oħra kollha, l-effetti mogħtija lilhom mil-liġi ta’ dan l-Istat Membru.

23

Kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-5 ta’ Diċembru 2008, il-qorti lokali ta’ Rejkjavik tat lil LBI moratorju, skont l-Artikolu 98 tal-Liġi Nru 161/2002 dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji, kif emendata bil-Liġi Nru 129/2008, sabiex LBI tkun tista’ tirriorganizza s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha. Dan il-moratorju ngħata mill-qorti msemmija fid-dawl tad-diffikultajiet finanzjarji ta’ LBI u ġie estiż diversi drabi, sal-5 ta’ Diċembru 2010. Huwa paċifiku li dan il-moratorju, sa fejn kellu jippermetti lil LBI tirriorganizza s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, kien jikkostitwixxi miżura ta’ riorganizzazzjoni fis-sens tas-seba’ inċiż tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24.

24

Id-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu taħt il-punt II tal-Liġi Nru 44/2009 emendaw l-effetti legali ta’ dawn il-moratorji billi ssuġġettaw lill-istituzzjonijiet finanzjarji mqiegħda taħt moratorju għal regoli partikolari ta’ stralċ, mingħajr ma dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji ma kienu mqiegħda fi stralċ qabel l-iskadenza tal-imsemmi moratorju.

25

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

26

F’dan id-dawl, għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont l-Artikoli 3(1) u 9(1) tad-Direttiva 2001/24, huma biss l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ oriġini li għandhom il-kompetenza li jiddeċiedu dwar l-implementazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni fil-konfront ta’ istituzzjoni ta’ kreditu kif ukoll dwar il-ftuħ ta’ proċedura ta’ stralċ fil-konfront ta’ tali istituzzjoni.

27

Min-naħa l-oħra, inkonformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-direttiva msemmija, il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet li jiftħu proċedura ta’ stralċ meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ oriġini għandhom jipproduċu, fl-Istati Membri l-oħra kollha, l-effetti li tattribwixxilhom il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru.

28

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li huma l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ deċiżi mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ oriġini li huma s-suġġett ta’ rikonoxximent skont id-Direttiva 2001/24, bl-effetti li jattribwixxilhom id-dritt ta’ dan l-Istat Membru. Għall-kuntrarju, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini dwar ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, bħala prinċipju, jista’ jkollha effetti fl-Istati Membri l-oħra biss permezz tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ dan l-Istat Membru fil-konfront ta’ istituzzjoni ta’ kreditu partikolari.

29

Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu fil-punt II tal-Liġi Nru 44/2009, għandu jiġi enfasizzat li dawn emendaw l-effetti tal-moratorji fuq il-pagamenti li kienu fis-seħħ fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi. Issa, id-dikjarazzjoni tal-motivi ta’ din il-liġi tirreferi b’mod espliċitu, fil-parti li tikkonċerna l-motivi u l-għanijiet ta’ dan l-intervent leġiżlattiv, għal LBI, għal Kaupthing Bank hf u għal Glitnir Bank hf.

30

Barra minn hekk, bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji msemmija, il-leġiżlatur Islandiż ma ordnax l-istralċ, bħala tali, tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mqiegħda taħt moratorju, iżda attribwixxa ċerti effetti marbuta ma’ proċedura ta’ stralċ lil moratorji li kienu fis-seħħ f’data preċiża.

31

Skont il-parti introduttiva tad-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu fil-punt II tal-Liġi Nru 44/2009, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw biss għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li kienu jibbenefikaw minn moratorju fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, b’tali mod li, fl-assenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tat jew estendiet moratorju favur istituzzjoni ta’ kreditu partikolari qabel din id-data, id-dispożizzjonijiet tranżitorji msemmija ma setgħux jipproduċu effetti.

32

Peress li l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tranżitorji msemmija kienet tiddependi mill-eżistenza ta’ deċiżjoni individwali li tagħti jew testendi moratorju, dawn id-dispożizzjonijiet legali ma jipproduċux l-effetti tagħhom, inkonformità mal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2001/24, b’mod dirett iżda permezz ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni ordnata minn awtorità ġudizzjarja fil-konfront ta’ istituzzjoni ta’ kreditu partikolari.

33

Fl-aħħar nett, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fit-22 ta’ Novembru 2010, il-ftuħ ta’ proċedura ta’ stralċ kontra LBI kien ordnat permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti lokali ta’ Rejkjavik.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li t-tqegħid fi stralċ ta’ LBI ma jirriżultax mis-sempliċi applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu fil-punt II tal-Liġi Nru 44/2009.

35

Issa, l-effetti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji jimmaterjalizzaw permezz tal-miżuri individwali ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ. Fil-kawża prinċipali, dawn il-miżuri individwali huma, minn naħa, id-deċiżjoni tal-qorti lokali ta’ Rejkjavik, tal-5 ta’ Diċembru 2008, li tagħti moratorju lil LBI, bħala miżura ta’ riorganizzazzjoni, u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni ta’ din l-istess qorti, tat-22 ta’ Novembru 2010, li tiftaħ u timplementa l-proċedura ta’ stralċ kontra LBI.

36

Minn dan isegwi li dawn il-miżuri individwali ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ huma ta’ natura tali li jistgħu jipproduċu fl-Istati Membri tal-Unjoni, inkonformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2001/24, l-effetti li tattribwixxilhom il-leġiżlazzjoni Islandiża.

37

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata permezz tal-argument imqajjem minn F. Giraux fis-sens li, peress li huma dispożizzjonijiet leġiżlattivi u mhux deċiżjoni meħuda minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja, id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Liġi Nru 44/2009, li ttrasformaw il-moratorju mogħti lil LBI fi proċedura ta’ stralċ, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors u għalhekk ma jistgħux jipproduċu effetti fl-Istati Membri tal-Unjoni skont id-Direttiva 2001/24.

38

Kif tfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, l-effetti li miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ oriġini jistgħu jipproduċu fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni huma ddeterminati, inkonformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2001/24, mid-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini. Għaldaqstant, id-direttiva msemmija ma tipprekludix lil dan l-Istat Membri milli jemenda, b’effett retroattiv, ir-regoli legali applikabbli għal tali miżuri.

39

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Liġi Nru 44/2009 għandhomx ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors sabiex jikkostitwixxu miżuri meħuda minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja fis-sens tal-Artikoli 3 u 9 tad-Direttiva 2001/24, għandu jitfakkar li din id-direttiva, kif jirriżulta mill-premessa 6 tagħha, timplementa sistema ta’ rikonoxximent reċiproku tal-miżuri nazzjonali ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ, mingħajr ma hija intiża li tarmonizza l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f’dan il-qasam.

40

Issa, fil-kuntest tas-sistema stabbilita permezz tad-Direttiva 2001/24, il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ tal-Istat Membru ta’ oriġini għandhom, kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, jiġu rrikonoxxuti “mingħajr [ebda] formalità oħra”. B’mod partikolari, din id-direttiva ma tissuġġettax ir-rikonoxximent tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ għall-kundizzjoni li għandu jkun jista’ jiġi ppreżentat rikors kontrihom. Bl-istess mod, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tal-istess direttiva, l-Istat Membru ospitanti lanqas ma jista’ jissuġġetta dan ir-rikonoxximent għal tali kundizzjoni, li tista’ anki tkun prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu.

41

Fl-aħħar nett, għalkemm il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-kredituri fir-rigward tal-possibbiltajiet ta’ rikors tagħhom, kif stabbilit fil-premessa 12 tad-Direttiva 2001/24, jobbliga lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini sabiex jiggarantixxu lill-kredituri tal-Istati Membri l-oħra trattament ugwali għall-kredituri ta’ dan l-Istat Membru ta’ oriġini, minn dan ma jistax jiġi dedott li huma biss il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors fid-dritt intern li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikonoxximent skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) u skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2001/24.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikoli 3 u 9 tad-Direttiva 2001/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ stralċ ta’ istituzzjoni finanzjarja, bħal dawk ibbażati fuq id-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu taħt il-punt II tal-Liġi Nru 44/2009, għandhom jitqiesu bħala miżuri meħuda minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja fis-sens ta’ dawn l-artikoli tad-Direttiva 2001/24, sa fejn id-dispożizzjonijiet tranżitorji msemmija jipproduċu l-effetti tagħhom biss permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jagħtu moratorju lil istituzzjoni ta’ kreditu.

Fuq it-tieni domanda

43

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 98 tal-Liġi Nru 161/2002 dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji, kif emendata bil-Liġi Nru 129/2008, li pprojbixxiet jew issospendiet kull azzjoni ġudizzjarja kontra istituzzjoni finanzjarja mad-dħul fis-seħħ ta’ moratorju, milli tipproduċi l-effetti tagħha fir-rigward ta’ miżuri kawtelatorji, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meħuda minn Stat Membru ieħor qabel l-impożizzjoni tal-moratorju.

Fuq l-ammissibbiltà

44

F. Giraux isostni li t-tieni domanda hija inammissibbli minħabba li ma hijiex rilevanti sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali u minħabba li hija ta’ natura ipotetika. Huwa jsostni li l-projbizzjoni li jinfetħu azzjonijiet ġudizzjarji kontra istituzzjoni finanzjarja taħt moratorju, skont l-Artikolu 98 tal-Liġi Nru 161/2002 dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji, ma tapplikax għal azzjonijiet imressqa, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, qabel id-deċiżjoni ġudizzjarja li tagħti tali moratorju. Barra minn hekk, F. Giraux josserva li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu invokati minn LBI tħassru permezz tal-Liġi Nru 44/2009.

45

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolatorju u fattwali ddefinit minnha taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Odar, C‑152/11, punt 24).

46

Din il-preżunzjoni ta’ rilevanza ma tistax tiġi kkonfutata bis-sempliċi fatt li waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali tkun qiegħda tikkontesta ċerti fatti, li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, u li minnhom tiddependi d-definizzjoni tas-suġġett tat-tilwima msemmija (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C-379/05, Ġabra p. I-9569, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Issa, il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 98 tal-Liġi Nru 161/2002 dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji jistax jipproduċi effetti fir-rigward ta’ miżuri kawtelatorji ordnati qabel id-deċiżjoni ġudizzjarja li tagħti moratorju u ta’ x’impatt jista’ jkollu, f’dan ir-rigward, it-tħassir tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan l-artikolu, tikkostitwixxi preċiżament kwistjoni li taqa’ fil-kuntest regolatorju u fattwali li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika.

48

Għaldaqstant, it-tieni domanda magħmula għandha titqies li hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

49

Sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 2001/24 hija bbażata, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 16 tagħha, fuq il-prinċipji ta’ unità u ta’ universalità, u tistabbilixxi bħala prinċipju r-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ proċeduri ta’ stralċ kif ukoll tal-effetti tagħhom. Għal dan il-għan, it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 3(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jissuġġettaw il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u l-proċeduri ta’ stralċ għal-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini, filwaqt li jipprovdu li l-effetti ta’ tali miżuri u proċeduri, għandhom jiġu ddeterminati skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat u li jipproduċu l-effetti tagħhom hekk kif jipproduċuhom fl-Istat Membru ta’ oriġini. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu li, bħala prinċipju, hija l-lex concursus li tirregola l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u l-proċeduri ta’ stralċ.

50

Fir-rigward tal-proċeduri ta’ stralċ, l-Artikolu 10(2)(e) tad-Direttiva 2001/24 jippreċiża li l-“proċeduri mibdija mill-kredituri individwali” huma suġġetti għal-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini, bl-eċċezzjoni madankollu tal-effetti fuq il-“kawżi pendenti”.

51

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 jipprovdi li l-effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ proċedura ta’ stralċ fuq kawża pendenti dwar beni jew dritt li minnhom l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun ġiet svestita, għandhom ikunu rregolati biss mil-liġi tal-Istat Membru fejn din il-kawża tkun pendenti.

52

B’hekk, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali li l-effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ għandhom ikunu rregolati mil-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini, u għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta.

53

Il-portata tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 hija ċċarata mill-premessa 30 tagħha, li tagħmel distinzjoni bejn il-“kawżi pendenti” u l-“azzjonijiet individwali ta’ infurzar”. Skont din il-premessa, minn naħa, l-effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ proċedura ta’ stralċ fuq “kawża pendenti” għandhom jiġu rregolati mil-liġi tal-Istat Membru fejn tkun pendenti din il-kawża, u dan b’eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-lex concursus. Min-naħa l-oħra, l-effetti ta’ dawn il-miżuri u ta’ dawn il-proċeduri fuq l-“azzjonijiet individwali ta’ infurzar” li jirriżultaw minn dawn il-kawżi għandhom jiġu rregolati mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini, inkonformità mar-regola ġenerali stabbilita permezz ta’ din id-direttiva.

54

Għaldaqstant, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ proċedura ta’ stralċ, għandha ssir distinzjoni bejn il-kawżi pendenti u l-miżuri ta’ infurzar individwali li jirriżultaw minn dawn il-kawżi, fejn dawn il-miżuri tal-aħħar huma suġġetti, skont ir-regola ġenerali stabbilita mid-Direttiva 2001/24, għal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membru ta’ oriġini. B’hekk, kif osservat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-espressjoni “kawża pendenti” tkopri biss il-proċeduri dwar il-mertu.

55

Issa, interpretazzjoni kuntrarja tad-Direttiva 2001/24 tkun ta’ natura tali li tista’ tippreġudika l-effettività tal-prinċipju ta’ universalità stabbilit minn din id-direttiva u li huwa maħsub sabiex jissuġġetta l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u l-proċeduri ta’ stralċ għal proċedura waħda b’effett universali. Fil-fatt, sa fejn il-miżuri u l-proċeduri koperti mid-Direttiva 2001/24 ikunu saħansitra intiżi li jissospendu l-miżuri ta’ infurzar individwali sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati, kull miżura ta’ infurzar tnaqqas id-disponibbiltà tal-beni li jkunu s-suġġett tar-riorganizzazzjoni u b’hekk tippreġudika l-prinċipju ta’ universalità.

56

Fir-rigward tal-miżuri kawtelatorji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li dawn il-miżuri, li għandhom l-effett li jċaħħdu lil istituzzjoni ta’ kreditu mil-libertà li tiddisponi minn parti mill-assi tagħha fl-istennija ta’ soluzzjoni, fir-rigward tal-mertu, għal tilwima li jkollha ma’ wieħed mill-kredituri tagħha, jikkostitwixxu miżuri ta’ infurzar individwali. Minn dan isegwi li tali miżuri kawtelatorji ma jaqgħux taħt l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 iżda huma rregolati mid-dritt Islandiż bħala l-lex concursus.

57

Il-fatt li dawn il-miżuri ġew adottati qabel ma l-moratorju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ngħata lil LBI ma jistax jirribatti din il-konklużjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mit-termini stess tad-dispożizzjonijiet tat-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 3(2) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2001/24, il-lex concursus tirregola wkoll l-effetti temporali ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ proċeduri ta’ insolvenza. L-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva ma jistax jipprekludi lil dawn il-miżuri u lil dawn il-proċeduri milli jkollhom effett retroattiv.

58

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda preliminari hija li l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 98 tal-Liġi Nru 161/2002 dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji, kif emendata bil-Liġi Nru 129/2008, li pprojbixxiet jew issospendiet kull azzjoni ġudizzjarja kontra istituzzjoni finanzjarja mad-dħul fis-seħħ ta’ moratorju, milli tipproduċi l-effetti tagħha fir-rigward ta’ miżuri kawtelatorji, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meħuda minn Stat Membru ieħor qabel l-impożizzjoni tal-moratorju.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 3 u 9 tad-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ April 2001, fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ stralċ ta’ istituzzjoni finanzjarja, bħal dawk ibbażati fuq id-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu taħt il-punt II tal-Liġi Nru 44/2009, tal-15 ta’ April 2009, għandhom jitqiesu bħala miżuri meħuda minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja fis-sens ta’ dawn l-artikoli tad-Direttiva 2001/24, sa fejn id-dispożizzjonijiet tranżitorji msemmija jipproduċu l-effetti tagħhom biss permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jagħtu moratorju lil istituzzjoni ta’ kreditu.

 

2)

L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 98 tal-Liġi Nru 161/2002, dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji, tal-20 ta’ Diċembru 2002, kif emendata bil-Liġi Nru 129/2008, tat-13 ta’ Novembru 2008, li pprojbixxiet jew issospendiet kull azzjoni ġudizzjarja kontra istituzzjoni finanzjarja mad-dħul fis-seħħ ta’ moratorju, milli tipproduċi l-effetti tagħha fir-rigward ta’ miżuri kawtelatorji, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meħuda minn Stat Membru ieħor qabel l-impożizzjoni tal-moratorju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top