This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012CJ0072
Judgment of the Court (Second Chamber), 7 November 2013.#Gemeinde Altrip and Others v Land Rheinland-Pfalz.#Request for a preliminary ruling from the Bundesverwaltungsgericht.#Reference for a preliminary ruling — Environment — Directive 85/337/EEC — Environmental impact assessment — Århus Convention — Directive 2003/35/EC — Right to challenge a development consent decision — Temporal application — Development consent procedure initiated before the period prescribed for transposing Directive 2003/35/EC expired — Decision taken after that date — Conditions of admissibility of the action — Impairment of a right — Nature of the procedural defect that may be invoked — Scope of the review.#Case C‑72/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Novembru 2013.
Gemeinde Altrip et vs Land Rheinland-Pfalz.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Direttiva 85/337/KEE — Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — Konvenzjoni ta’ Aarhus — Direttiva 2003/35/KE — Dritt għal azzjoni kontra deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni — Applikazzjoni ratione temporis — Proċeduri ta’ awtorizzazzjoni mibdija qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/35/KE — Deċiżjoni meħuda wara din id-data — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors — Ksur ta’ dritt — Natura tad-difett proċedurali li jista’ jiġi invokat — Portata tal-istħarriġ.
Kawża C‑72/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Novembru 2013.
Gemeinde Altrip et vs Land Rheinland-Pfalz.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Direttiva 85/337/KEE — Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — Konvenzjoni ta’ Aarhus — Direttiva 2003/35/KE — Dritt għal azzjoni kontra deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni — Applikazzjoni ratione temporis — Proċeduri ta’ awtorizzazzjoni mibdija qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/35/KE — Deċiżjoni meħuda wara din id-data — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors — Ksur ta’ dritt — Natura tad-difett proċedurali li jista’ jiġi invokat — Portata tal-istħarriġ.
Kawża C‑72/12.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:712
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
7 ta’ Novembru 2013 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Direttiva 85/337/KEE — Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — Konvenzjoni ta’ Aarhus — Direttiva 2003/35/KE — Dritt għal azzjoni kontra deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni — Applikazzjoni ratione temporis — Proċeduri ta’ awtorizzazzjoni mibdija qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/35/KE — Deċiżjoni meħuda wara din id-data — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors — Ksur ta’ dritt — Natura tad-difett proċedurali li jista’ jiġi invokat — Portata tal-istħarriġ”
Fil-Kawża C‑72/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Jannar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Frar 2012, fil-proċedura
Gemeinde Altrip,
Gebrüder Hört GbR,
Willi Schneider
vs
Land Rheinland-Pfalz,
fil-preżenza ta’:
Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.‑C. Bonichot (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Jannar 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Gemeinde Altrip, Gebrüder Hört GbR u W. Schneider, minn S. Lesch, F. Heß, W. Baumann u C. Heitsch, avukati, |
— |
għal-Land Rheinland-Pfalz, minn M. Schanzenbächer, H. Seiberth u U. Klein, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u A. Wiedmann, bħala aġenti, |
— |
għall-Irlanda, minn E. Creedon, bħala aġent, assistita minn G. Gilmore, BL, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Oliver u G. Wilms, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja [aċċess ġudizzjarju] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466), kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima [evalwazzjoni] tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva 2003/35 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/337”). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Gemeinde Altrip (komun ta’ Altrip, fil-Land ta’ Rheinland-Pfalz), il-kumpannija rregolata mid-dritt ċivili Gebrüder Hört GbR u W. Schneider (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti”) u l-Land ta’ Rheinland‑Pfalz (ir-reġjun ta’ Rheinland‑Pfalz) dwar deċiżjoni li tapprova pjan ta’ kostruzzjoni ta’ baċir għall-ilma tal-għargħar f’żona tax-xmara Rhein fejn minn dejjem kien jogħla l-livell tal-ilma u li hija ikbar minn 320 ettaru. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 |
Il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja [aċċess ġudizzjarju] fi kwistjonijiet ambjentali, tal-25 ta’ Ġunju 1998, approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), tipprovdi fl-Artikolu 9 tagħha: “[…] 2. Kull parti għandha tiżgura li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, il-membri tal-pubbliku kkonċernat
ikunu jistgħu jressqu kawża quddiem qorti tal-liġi u/jew proċedura ta’ reviżjoni quddiem xi korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità, sostantiva u proċedurali ta’ kwalunkwe deċiżjoni, att jew ommissjoni li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, fejn ikun hekk previst skont id-dritt nazzjonali u bla ħsara għall-paragrafu 3 iktar ’il quddiem, ta’ dispożizzjonijiet rilevanti oħra ta’ din il-konvenzjoni. Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u ksur ta’ dritt għandu jiġi ddeterminat skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u f’konformità mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess ġudizzjarju wiesa’ fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni. Għal dan il-għan, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 2(5) għandu jitqies suffiċjenti għall-għanijiet tas-subparagrafu (a) iktar ’il fuq. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li jistgħu jinkisru skont l-għanijiet tas-subparagrafu (b) iktar ’il fuq. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà li titressaq proċedura ta’ reviżjoni preliminari quddiem awtorità amministrattiva u ma għandhomx jeludu l-obbligu li jiġu eżawriti r-rimedji amministrattivi qabel ma jingħata bidu għal proċedura ġudizzjarja, meta dan l-obbligu jkun previst fid-dritt nazzjonali. 3. Barra minn hekk, u bla ħsara għall-proċeduri ta’ stħarriġ imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 iktar ’il fuq, kull Parti għandha tiżgura li, meta jkunu sodisfatti l-kriterji stabbiliti fid-dritt nazzjonali tagħha, jekk ikun hemm tali kriterji, il-membri tal-pubbliku jkollhom aċċess għall-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji biex jikkontestaw atti u ommissjonijiet ta’ individwi privati jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiksru xi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha dwar l-ambjent. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2003/35
4 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/35 huwa redatt kif ġej: “Il-mira ta’ din id-Direttiva hija li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-obbligi li joħorġu mill-Konvenzjoni ta’ Århus, b’mod partikolari billi: […]
|
5 |
L-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2003/35 jipprovdi għall-inklużjoni ta’ Artikolu 10a fid-Direttiva 85/337. |
6 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/35/KE jiddisponi: “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard mill-25 ta’ Ġunju 2005. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih. […]” |
Id-Direttiva 85/337
7 |
L-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 għalhekk huwa redatt kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku interessat [ikkonċernat]:
ikollhom aċċess għal rivista [jistgħu jressqu kawża] quddiem qorti tal-ġustizzja jew [jistgħu jressqu proċedura ta’ reviżjoni quddiem] korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi għalbiex jisfida [jikkontestaw] l-legalità sostanzjali jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu rrikużati [ikkontestati] d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet. Dak li jikkostiwixxi interess suffiċjenti u l-indebboliment [ksur] ta’ dritt għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-mira li jingħata aċċess għall-ġustizzja [aċċess ġudizzjarju wiesa’] lill-pubbliku interessat [ikkonċernat]. […] […]” |
Id-dritt Ġermaniż
Il-VwGO
8 |
L-Artikolu 61 tal-Liġi dwar il-Qorti Amministrattiva (Verwaltungsgerichtsordnung, iktar ’il quddiem il-“VwGO”) huwa redatt kif ġej: “Għandhom locus standi biex ikunu partijiet għall-proċedura:
[…]” |
L-UVPG
9 |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (Gesetz über die Umweltverträglichkeitsprüfung, iktar ’il quddiem l-“UVPG”) tipprovdi: “L-evalwazzjoni ambjentali tagħmel parti integrali mill-proċeduri deċiżjonali amministrattivi li jikkontribwixxu għat-teħid tad-deċiżjoni dwar il-legalità tal-proġetti.” |
10 |
Skont l-Artikolu 2(3) tal-UVPG “[hija deċiżjoni] fi ħdan it-tifsira tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 […] id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ pjan”. |
L-UmwRG
11 |
Il-Liġi dwar dispożizzjonijiet supplimentari fir-rigward tal-kawżi fi kwistjonijiet ambjentali previsti mid-Direttiva 2003/35/KE (Gesetz über ergänzende Vorschriften zu Rechtsbehelfen in Umweltangelegenheiten nach der EG-Richtlinie 2003/35/EG, iktar ’il quddiem l-“UmwRG”) tittrasponi l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337. |
12 |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tal-UmwRG tipprovdi: “Din il-liġi għandha tapplika għall-kawżi mressqa kontra
[…] jista’ jkun hemm obbligu biex titwettaq evalwazzjoni ambjentali.” |
13 |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tal-UmwRG tipprovdi: “Tista’ ssir talba għall-annullament ta’ deċiżjoni fir-rigward tal-legalità ta’ proġett, fis-sens tal-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) iktar ’il fuq meta
meħtieġa abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-[UVPG] […], ma tkunx saret u li din l-omissjoni ma tkunx ġiet rettifikata iktar tard. […]” |
14 |
L-Artikolu 4(3) tal-UmwRG għalhekk huwa redatt kif ġej: “Il-paragrafi 1 u 2 ta’ iktar ’il fuq huma applikabbli per analogiam għall-kawżi tal-partijiet fis-sens tal-Artikolu 61(1) u (2) tal-[VwGO].” |
15 |
L-Artikolu 5(1) tal-UmwRG fih dawn id-dispożizzjonijiet li ġejjin: “Din il-liġi tkun applikabbli għall-proċeduri fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1), li jkunu nbdew jew li kellhom jibdew wara l-25 ta’ Ġunju 2005. […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huma kollha kkonċernati mill-proġett billi sidien jew operaturi tal-artijiet li jinsabu fil-parti li tagħti aċċess għall-proġett inkwistjoni, ressqu quddiem il-Verwaltungsgericht (Qorti Amministrattiva) rikors għal annullament dirett kontra d-deċiżjoni tal-awtorità reġjonali li approvat pjan għall-kostruzzjoni ta’ dan il-proġett. Huma kkontestaw din id-deċiżjoni, billi sostnew li l-evalwazzjoni ambjentali li seħħet qabel kienet insuffiċjenti. Wara li r-rikors tagħhom ġie miċħud, huma appellaw quddiem l-Oberverwaltungsgericht Rheinland-Pfalz (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Rheinland-Pfalz). |
17 |
Din il-qorti ċaħdet l-appell billi b’mod partikolari kkunsidrat li r-rikorrenti ma kellhomx dritt għal azzjoni billi skont l-Artikolu 5(1) tal-UmwRG huma ma jistgħux jinvokaw irregolaritajiet li jaffettwaw l-evalwazzjoni ambjentali fi proċedura amministrattiva mibdija qabel il-25 ta’ Ġunju 2005. F’kull każ, l-Oberverwaltungsgericht esprimiet dubji dwar l-ammissibbiltà tar-rikors minħabba li l-Artikolu 4(3) tal-UmwRG, jipprovdi rimedju biss fil-każ ta’ ommissjoni pura u sempliċi ta’ evalwazzjoni ambjentali u għalhekk ma japplikax f’każijiet ta’ sempliċi irregolarità tal-evalwazzjoni ambjentali. |
18 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell ta’ “reviżjoni” quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Amministrattiva Federali). Il-qorti tistaqsi jekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tal-UmwRG, sa fejn din teskludi l-applikazzjoni tal-UmwRG għall-proċeduri amministrattivi mibdija qabel il-25 ta’ Ġunju 2005, anki meta d-deċiżjonijiet li jirriżultaw minn tali proċeduri ġew adottati, bħal f’din il-kawża, wara dik id-data, hija konformi mad-Direttiva 2003/35 peress li din iżżomm din id-data tal-25 ta’ Ġunju 2005, skont l-Artikolu 6 tagħha, bħala biss id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha. |
19 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-Artikolu 4(3) tal-UmwRG, li jillimita d-dritt għal azzjoni għall-każ fejn l-evalwazzjoni ambjentali kienet purament u sempliċement tħalliet barra, jittrasponi korrettament l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 li jeħtieġ dritt għal azzjoni li jippermetti li tiġi kkontestata l-legalità tad-deċiżjonijiet ivvizzjati b’difetti proċedurali. Hija, fl-aħħar nett, tistaqsi jekk hijiex kompatibbli ma’ dan id-dritt ġurisprudenza nazzjonali stabbilita li tgħid li persuna kkonċernata minn proġett suġġett għal evalwazzjoni ambjentali tista’ tkun biss leża fid-drittijiet tagħha meta d-difett proċedurali jkollu rabta kawżali bir-riżultat finali tal-approvazzjoni tal-pjan li taffettwaha negattivament. |
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
21 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, billi tipprevedi li għandha tiġi trasposta sal-iktar tard fil-25 ta’ Ġunju 2005, id-Direttiva 2003/35, li żiedet l-Artikolu 10a għad-Direttiva 85/337, għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati għall-finijiet tat-traspożizzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni għandhom jiġu applikati wkoll għall-proċeduri amministrattivi ta’ awtorizzazzjoni qabel il-25 ta’ Ġunju 2005 meta dawn ikunu rriżultaw fil-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni wara din id-data. |
22 |
Għandu jiġi mfakkar li, bħala prinċipju, dispożizzjoni legali ġdida tapplika sa mid-dħul fis-seħħ tal-att li joħloqha. Jekk hija ma tapplikax għas‑sitwazzjonijiet ġuridiċi maħluqa u miksuba b’mod definittiv taħt is-sistema legali preċedenti, hija tapplika għall-effetti futuri tagħhom, kif ukoll għas‑sitwazzjonijiet ġuridiċi ġodda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Monsanto Technology, C-428/08, Ġabra p. I-6765, punt 66). Dan ikun differenti, u suġġett għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti ġuridiċi, jekk ir-regola l-ġdida jkollha magħha dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis tagħha (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu et, C-266/09, Ġabra p. I-13119, punt 32). |
23 |
Id-Direttiva 2003/35 ma fiha l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 10a l-ġdid tad-Direttiva 85/337. |
24 |
Għandu wkoll jitfakkar li skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/35, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-direttiva mhux iktar tard mill-25 ta’ Ġunju 2005. Fost il-miżuri li għalhekk għandhom jiġu trasposti f’dik id-data hemm l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 li estenda d-dritt għal azzjoni tal-membri tal-pubbliku kkonċernat mid-deċiżjonijiet, mill-atti jew mill-ommissjonijiet imsemmija minn din id-direttiva dwar l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent. |
25 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju li l-proġetti li jista’ jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali ma huwiex applikabbli fil-każijiet fejn id-data tat-tressiq formali tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ proġett ikunu qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 85/337 (sentenzi tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C-431/92, Ġabra p. I-2189, punti 29 u 32; tat-18 ta’ Ġunju 1998, Gedeputeerde Staten van Noord‑Holland, C-81/96, Ġabra p. I-3923, punt 23, kif ukoll tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, punt 94). |
26 |
Fil-fatt, din id-direttiva hija intiża l-iktar għal proġetti ta’ skala ċerta, fejn it-twettiq tagħhom ta’ spiss jeħtieġ perijodu twil ta’ żmien. B’hekk, ma jkunx opportun li proċeduri diġà kumplessi fuq livell nazzjonali, jiġu mtaqqla u mdewma mill-fatt tar-rekwiżiti speċifiċi imposti minn din id-direttiva, u li sitwazzjonijiet diġà stabbiliti jiġu affettwati (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Gedeputeerde Staten van Noord-Holland, punt 24 kif ukoll Križan et, punt 95). |
27 |
Madankollu, ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-Artikolu 10a tal-istess direttiva ma jistgħux jitqiesu bħala li jtaqqlu u jdewmu, bħala tali, il-proċeduri amministrattivi, bħall-istess issuġġettar tal-proġetti għal evalwazzjoni ambjentali. Fil-fatt, hekk kif qies l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma toħloq l-ebda rekwiżit ġdid ta’ din in-natura iżda għandha l-għan li ttejjeb l-aċċess għal proċedura għat-tressiq ta’ kawża. Barra minn hekk, jekk l-estensjoni tad-dritt għal azzjoni miftuħ għall-pubbliku kkonċernat kontra l-atti jew l-ommissjonijiet relatati ma tali proġetti huwa suxxettibbli li jesponi lil dawn għar-riskju ta’ proċeduri kontenzjużi, tali żieda ta’ riskju eżistenti ma jistax jitqies li huwa jolqot sitwazzjoni diġà fformata. |
28 |
Jekk ma jistax jiġi eskluż li din l-estensjoni madankollu għandha l-effett, fil-prattika, li tittardja l-proġetti kkonċernati, żvantaġġ ta’ din in-natura huwa inerenti mal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet, tal-atti jew tal-ommissjonijiet suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/337 li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, b’mod konformi mal-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ried jassoċja lill-membri tal-pubbliku kkonċernat li jkollhom interess ġuridiku biżżejjed jew li jallegaw ksur ta’ dritt, sabiex jikkontribwixxu għall-preżervazzjoni, għall-protezzjoni u għat-titjib tal-kwalità tal-ambjent u għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. |
29 |
Minħabba f’dawn l-għanijiet, l-iżvantaġġ imsemmi fil-punt preċedenti ma jiġġustifikax li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/35 huma mċaħħda mill-effettività tagħhom fuq is-sitwazzjonijiet attwali fid-data li fiha kellha tiġi trasposta meta dawn ikunu rriżultaw fil-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni wara din id-data. |
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, bis-saħħa tal-awtonomija proċedurali tagħhom u bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għalkemm l-Istati Membri għandhom marġni ta’ flessibbiltà fl-implementazzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 (sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Solvay et, C‑182/10, punt 47), dawn ma jistgħux għalhekk jirriżervaw l-applikazzjoni biss għall-proċeduri amministrattivi ta’ awtorizzazzjoni mibdija wara l-25 ta’ Ġunju 2005. |
31 |
Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li, billi tipprovdi li din għandha tiġi trasposta sa mhux iktar tard mill-25 ta’ Ġunju 2005, id-Direttiva 2003/35, li żiedet l-Artikolu 10a għad-Direttiva 85/337, għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati għat-traspożizzjoni ta’ dan l-artikolu għandhom japplikaw ukoll għall-proċeduri amministrattivi ta’ awtorizzazzjoni mibdija qabel il-25 ta’ Ġunju 2005, anki jekk dawn wasslu għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni wara din id-data. |
Fuq it-tieni domanda
32 |
Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, huwa neċessarju li tiġi eżaminata t-tieni domanda, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-Istati Membri jillimitaw l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni ta’ dan l-artikolu biss għall-każ fejn il-legalità ta’ deċiżjoni hija kkontestata fuq il-bażi li l-evalwazzjoni ambjentali tħalliet barra, mingħajr ma jestendiha għall-każ fejn tali evalwazzjoni twettqet iżda hija irregolari. |
Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni domanda
33 |
L-Irlanda ssostni li din il-kwistjoni hija inammissibbli minħabba n-natura ipotetika tal-problema mqajma, u li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tippreċiża l-irregolaritajiet fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent li huma inkwistjoni f’din il-kawża. |
34 |
Madankollu, hekk kif qies l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dritt nazzjonali inkwistjoni ma jirrikonoxxi, skont il-qorti tar-rinviju, l-ebda dritt għall-annullament ta’ deċiżjoni bħal dak imsemmi mid-Direttiva 85/337, irrispettivament mid-difett proċedurali invokat, għalhekk twettqet evalwazzjoni tal-effett fuq l-ambjent. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ssostni li jekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva kienet fis-sens li difetti proċedurali jistgħu jiġu kkontrollati fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, hija għandha tħassar is-sentenza tal-qorti tal-appell u tirrinvija l-eżami tal-kawża prinċipali peress li l-appellanti fil-kawża prinċipali jsostnu preċiżament li tali difetti jivvizzjaw il-proċedura amministrattiva. |
35 |
Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li r-risposta għat-tieni domanda hija utli għas-soluzzjoni tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju u li, konsegwentement, din id-domanda hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
36 |
Billi l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 85/337 jipprevedi li d-deċiżjonijiet, l-atti u l-ommissjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu għandhom ikunu jistgħu jiġu ssuġġettati għal azzjoni ġudizzjarji sabiex tiġi kkontestata l-legalità tagħhom, fuq il-mertu jew fir-rigward tal-proċedura, dan bl-ebda mod ma jillimita l-motivi li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ tali rikors (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein‑Westfalen, C-115/09, Ġabra p. I-3673, punt 37). |
37 |
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma humiex intiżi sabiex jillimitaw l-applikabbiltà tagħhom fil-każ biss fejn il-kontestazzjoni tal-legalità tagħha tistrieħ fuq il-motiv li jirriżulta mill-ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effett fuq l-ambjent. Li teskludi din l-applikabbiltà fil-każ fejn, wara li tkun saret evalwazzjoni tal-effett fuq l-ambjent li tkun ivvizzjata b’difett, anki gravi, iċċaħħad id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/337 dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku mill-effettività essenzjali tagħhom. Tali esklużjoni għalhekk tkun kuntrarja għall-għan li jiġi żgurat aċċess wiesa’ għall-qrati kif imsemmi fl-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva. |
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-Istati Membri jillimitaw l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni ta’ dan l-artikolu biss għall-każ fejn il-legalità ta’ deċiżjoni hija kkontestata minħabba li l-evalwazzjoni ambjentali tħalliet barra, mingħajr ma jestendiha għall-każ fejn tali evalwazzjoni twettqet iżda hija irregolari. |
Fuq it-tielet domanda
39 |
Fid-dawl tar-risposta għat-tieni domanda, huwa neċessarju li tiġi eżaminata t-tielet domanda, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ rikors għal kundizzjonijiet kumulattivi billi l-applikant, sabiex jistabbilixxi l-ksur ta’ dritt fis-sens ta’ dan l-artikolu, jiġġustifika li d-difett proċedurali li jibbaża fuqu huwa tali li huwa possibbli, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, li d-deċiżjoni kkontestata kienet tkun differenti jekk dan il-vizzju ma kienx jeżisti u li l-pożizzjoni ġuridika materjali tkun effettwata. |
Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet domanda
40 |
Għall-istess raġuni bħal dik esposta fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, l-Irlanda ssostni li t-tielet domanda tippreżenta natura ipotetika u għalhekk ma hijiex ammissibbli. |
41 |
Madankollu, jirriżulta mill-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-Bundesverwaltungsgericht li jekk tirreferi l-kawża lill-qorti nazzjonali ta’ appell, din għandha tindika, b’mod vinkolanti, jekk ser iżżomm jew le l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors kif invokati fit-tielet domanda. Għalhekk, ir-risposta li ser tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li ser taffettwa l-eżitu tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, hija ta’ natura utli. Għalhekk din il-kwistjoni hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
42 |
Sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk il-kriterji kumulattivi ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi kif applikati mill-ġurisprudenza nazzjonali jibqgħu konsistenti mar-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, għandu jitfakkar li dawn jipprevedu żewġ każijiet, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ din l-ammissibbiltà, dawn jistgħu jiġu suġġetti għal “interess ġuridiku biżżejjed”, jew li r-rikorrenti jsostni “ksur ta’ dritt” skont jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tirreferix għall-kundizzjoni waħda jew l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38). |
43 |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 85/337 tippreċiża barra minn hekk li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw dak li jikkostitwixxi ksur ta’ dritt, b’mod konformi mal-għan li jipprevedi li jagħti lill-pubbliku kkonċernat aċċess wiesa’ għall-ġustizzja (sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein‑Westfalen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39). |
44 |
Għalhekk huwa fir-rigward ta’ dan il-għan li għandha titqies il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-kriterji invokati mill-qorti tar-rinviju u li jippermettu li jiddeterminaw, skont id-dritt nazzjonali inkwistjoni, il-ksur ta’ dritt meħtieġ bħala kundizzjoni għall-ammissibbiltà tar-rikorsi. |
45 |
Għalhekk, fl-assenza ta’ regoli fissi f’dan il-qasam mid-dritt tal-Unjoni, huwa għal kull Stat Membru li jirregola, fis-sistema legali tiegħu, ir-regoli proċedurali għar-rikorsi li jiżguraw salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni, dawn it-termini, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, ma għandhomx, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw rikorsi nazzjonali simili u ma għandhomx skont il-prinċipju ta’ effettività, jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43). |
46 |
Għalhekk, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw, meta s-sistema legali tagħhom tkun tali, kif huwa f’dan il-każ, liema huma d-drittijiet li l-ksur tagħhom jista’ jagħti lok għal rikors fil-qasam tal-ambjent, fil-limiti imposti mill-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, u l-kriterji li jiffissaw għal dan il-għan ma jistgħux jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva intiżi li jagħtu lill-pubbliku kkonċernat aċċess wiesa’ għall-ġustizzja, sabiex jikkontribwixxu għall-preżervazzjoni, għall-protezzjoni u għat-titjib tal-kwalità tal-ambjent u għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. |
47 |
F’dan il-każ, u fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kriterju tar-rabta kawżali li għandu jkun hemm bejn id-difett proċedurali invokat u s-sens tad-deċiżjoni finali kkontestata (iktar ’il quddiem il-“kriterju ta’ kawżalità”), għandu jiġi osservat li, billi l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-pubbliku kkonċernat jistgħu jressqu rikors sabiex jikkontestaw il-legalità, fuq il-mertu jew il-proċedura, tad-deċiżjonijiet, tal-atti jew tal-ommissjonijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/337, il-leġiżlatur tal-Unjoni, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, bl-ebda mod ma qiegħed xi limitu fuq il-motivi li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ rikors. F’kull każ, huwa ma kellux l-intenzjoni li jorbot il- possibbiltà li jiġi invokat difett proċedurali għall-kundizzjoni li dan kellu effett fuq is-sens tad-deċiżjoni finali kkontestata. |
48 |
Barra minn hekk, peress li din id-direttiva għandha, b’mod partikolari, l-għan li jiġu ffissati garanziji proċedurali li, b’mod partikolari, jippermettu informazzjoni aħjar u parteċipazzjoni mill-pubbliku fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġetti pubbliċi u privati li x’aktarx għandhom effett sinjifikattiv fuq dan l-ambjent, il-konformità mar-regoli tal-proċedura f’dan il-qasam huma ta’ importanza partikolari. B’mod konformi mal-għan intiż li jagħti aċċess wiesa’ għall-ġustizzja, il-pubbliku kkonċernat għandu għalhekk ikun kapaċi, bħala prinċipju, jinvoka kull difett proċedurali insostenn ta’ rikors li jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjonijiet taħt din id-direttiva. |
49 |
Madankollu, ma jistax jiġi kkontestat li kull difett proċedurali mhux neċessarjament iwassal għal konsegwenzi li jistgħu jaffettwaw is-sens ta’ tali deċiżjoni u li, konsegwentement, ma jistax f’dan il-każ jitqies li huwa jaffettwa b’mod ħażin id-drittijiet ta’ min jinvokah. F’tali każ, ma jidhirx li l-għan tad-Direttiva 85/337 intiża li tagħti l-pubbliku kkonċernat aċċess wiesa’ għall-ġustizzja, tiġi ppreġudikata jekk il-liġi ta’ Stat Membru tikkunsidra li rikorrent li jinvoka difett ta’ din in-natura għandu jitqies li ma nkisrux id-drittijiet tiegħu u għaldaqstant, li ma huwiex ammissibbli sabiex jikkontesta tali deċiżjoni. |
50 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva jagħti lill-Istati Membri marġni sostanzjali ta’ manuvra sabiex jiddeterminaw dak li jkun jikkostitwixxi ksur ta’ dritt (ara f’dan is-sens, is-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein‑Westfalen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55). |
51 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jiġi aċċettat li d-dritt nazzjonali ma jirrikonoxxix il-ksur ta’ dritt fis-sens tal-Artikolu 10a(b) ta’ din id-direttiva jekk jiġi stabbilit li huwa possibbli, skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża, li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx differenti mingħajr id-difett proċedurali invokat. |
52 |
F’dak li jirrigwarda d-dritt nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali, madankollu jidher li ġeneralment huwa l-applikant, li sabiex jiġi stabbilit ksur ta’ liġi, għandu jiġġustifika ċ-ċirkustanzi tal-kawża li jagħmluha possibbli li d-deċiżjoni kkontestata kienet tkun differenti mingħajr id-difett proċedurali invokat. Madankollu, din id-devoluzzjoni tal-oneru tal-prova fuq l-applikant, għall-implementazzjoni ta’ kriterju ta’ kawżalità, huwa ta’ natura li jagħmel eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lilu mid-Direttiva 85/337, partikolarment minħabba il-kumplessità tal-proċeduri inkwistjoni jew tal-element tekniku tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. |
53 |
Għalhekk, ir-rekwiżiti l-ġodda kif ukoll il-kwistjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva jimplikaw li l-ksur ta’ dritt ma jistax jiġi eskluż ħlief jekk, fid-dawl tal-kawżalità, il-qorti jew il-korp previst taħt dan l-artikolu huma f’pożizzjoni li jikkunsidraw, mingħajr ma bl-ebda mod ma jtaqqlu l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward fuq l-applikant, iżda fid-dawl skont il-każ tal-provi prodotti mill-iżviluppatur tal-proġett jew mill-awtoritajiet kontraenti, u b’mod iktar ġenerali mill-atti kollha tal-proċess sottomessi lilhom, li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx differenti mingħajr id-difett proċedurali invokat mill-applikant. |
54 |
F’din l-evalwazzjoni, huwa għall-qorti jew għall-korp ikkonċernat li jieħdu kont, b’mod partikolari, tal-grad ta’ serjetà tad-difett invokat u li jivverifikaw, b’mod partikolari, għal dan il-għan, jekk dan ċaħħadx lill-pubbliku kkonċernat minn garanzija prevista b’mod konformi mal-għanijiet tad-Direttiva 85/337, li tippermettilu aċċess għall-informazzjoni u jkun awtorizzat illi jipparteċipa fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni. |
55 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju li jirriżulta mill-ksur ta’ pożizzjoni ġuridika materjali tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju stess ma ressqet l-ebda preċiżazzjoni oħra fuq l-elementi konstituttivi tiegħu u li l-ebda wieħed mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju ma jippermettu li jiġi ddeterminat jekk eżami ta’ dan il-kriterju jista’ jkun utli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. |
56 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi f’dan l-istat dwar il-punt jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix tali kriterju. |
57 |
Konsegwentement, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikolu 10a(b) tad-Direttiva 85/337 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tirrikonoxxix il-ksur ta’ dritt fis-sens ta’ dan l-artikolu jekk jiġi stabbilit li huwa possibbli, skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża, li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx differenti mingħajr id-difett proċedurali invokat mill-applikant. Għalhekk huwa biss jekk il-kundizzjoni li l-qorti jew il-korp adit bl-ebda mod ma jtaqqlu l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward fuq l-applikant, u li jiddeċiedu skont il-każ fuq il-provi prodotti mill-iżviluppatur tal-proġett jew mill-awtoritajiet kontraenti, u b’mod iktar ġenerali mill-atti kollha tal-proċess sottomessi lilhom, waqt li b’mod partikolari jikkunsidraw il-grad ta’ serjetà tad-difett invokat u li jivverifikaw, b’mod partikolari, għal dan il-għan, jekk dan ċaħħadx lill-pubbliku kkonċernat minn garanzija prevista b’mod konformi mal-għanijiet tad-Direttiva 85/337, li tippermettilu aċċess għall-informazzjoni u jkun awtorizzat illi jipparteċipa fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni. |
Fuq l-ispejjeż
58 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.