EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0028

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-28 ta’ April 2015.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament — Ftehimiet internazzjonali mħalltin — Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-iffirmar u ta’ applikazzjoni provviżorja ta’ dawn il-ftehimiet — Deċiżjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill — Awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni — Parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-proċedura u fid-deċiżjoni previsti fl-Artikolu 218 TFUE — Modalitajiet tal-votazzjoni fi ħdan il-Kunsill.
Kawża C-28/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:282

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

28 ta’ April 2015 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Ftehimiet internazzjonali mħalltin — Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-iffirmar u ta’ applikazzjoni provviżorja ta’ dawn il-ftehimiet — Deċiżjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill — Awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni — Parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-proċedura u fid-deċiżjoni previsti fl-Artikolu 218 TFUE — Modalitajiet tal-votazzjoni fi ħdan il-Kunsill”

Fil-Kawża C‑28/12,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fis-17 ta’ Jannar 2012,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Valero Jordana u K. Simonsson kif ukoll minn S. Bartelt, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn R. Passos u A. Auersperger Matić, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M.-M. Joséphidès u E. Karlsson kif ukoll minn F. Naert u R. Szostak, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek u E. Ruffer, bħala aġenti,

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn U. Melgaard u L. Volck Madsen, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze, N. Graf Vitzthum u B. Beutler, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn A. Samoni-Rantou u S. Chala, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, F. Fize u D. Colas kif ukoll minn N. Rouam, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels u J. Langer, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes u M.L. Duarte, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski, bħala aġent,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, bħala aġent,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn C. Murrell u L. Christie, bħala aġenti, assistiti minn R. Palmer, barrister,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, viċi-President, R. Silva de Lapuerta, L. Bay Larsen u K. Jürimäe, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, A. Borg Barthet, J. Malenovský (Relatur), C. Toader, M. Safjan, D. Šváby u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Novembru 2014,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Jannar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tad-Deċiżjoni 2011/708/UE tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tas-16 ta’ Ġunju 2011, dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti; u dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti (ĠU L 283, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

2

Fil-25 u fit-30 ta’ April 2007, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra, kienu ffirmaw Ftehim dwar it-trasport bl-ajru (ĠU 2007, L 134, p. 4), li ġie emendat permezz ta’ Protokoll iffirmat fil-Lussemburgu fl-24 ta’ Ġunju 2010 (ĠU 2010, L 223, p. 3).

3

Peress li dan il-ftehim dwar it-trasport bl-ajru jipprovdi l-possibbiltà ta’ adeżjoni ta’ Stati terzi, ir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja ppreżentaw talba ta’ adeżjoni matul l-2007. Għall-finijiet ta’ din l-adeżjoni, dawn iż-żewġ Stati għaldaqstant ikkonkludew, mal-partijiet kontraenti tal-imsemmi ftehim, Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal‑Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti (ĠU 2011, L 283, p. 3, iktar ’il quddiem, il‑“Ftehim ta’ Adeżjoni”). Dan tal-aħħar jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru inizjali, mutatis mutandis, għal kull waħda mill-partijiet kontraenti.

4

Il-Kummissjoni nnegozjat ukoll ftehim anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti (ĠU 2011, L 283, p. 16, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Anċillari”). Dan tal-aħħar jikkompleta l-Ftehim ta’ Adeżjoni sa fejn huwa intiż, b’mod partikolari, li jżomm in-natura bilaterali tal-proċeduri ta’ adozzjoni tal-miżuri ta’ applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru oriġinali, billi jipprevedi li bħala prinċipju l-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lir-Repubblika tal-Islanda u lir-Renju tan-Norveġja f’dawn il-proċeduri.

5

Fit-2 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni adottat proposta ta’ deċiżjoni dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Adeżjoni u tal-Ftehim Anċillari. Din, ibbażata fuq l-Artikolu 100(2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 218(5) TFUE, kienet tipprevedi li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biss kellu kompetenza sabiex jadotta din id-deċiżjoni.

6

Filwaqt li ma adottax il-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill adotta d‑deċiżjoni kkontestata fil-forma ta’ deċiżjoni ibrida, li toriġina fl-istess ħin mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill.

7

L-Artikoli 1 sa 3 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdu:

“Artikolu 1

L-iffirmar tal-[Ftehim ta’ Adeżjoni] u [tal-Ftehim Anċillari] huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmija Ftehimi.

It-test tal-Ftehim ta’ Adeżjoni u tal-Ftehim Anċillari huma mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar il-persuna/i bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim ta’ Adeżjoni u l-Ftehim Anċillari f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Ftehim ta’ Adeżjoni u l-Ftehim Anċillari għandhom jiġu applikati b’mod proviżorju mid-data tal-iffirmar mill-Unjoni Ewropea u, safejn permess skont il-liġi nazzjonali applikabbli, mill-Istati Membri tagħha u l-Partijiet rilevanti, sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tagħhom.”

8

Il-Ftehim ta’ Adeżjoni ġie ffirmat fil-Lussemburgu u f’Oslo fis-16 u fil-21 ta’ Ġunju 2011 rispettivament. Il-Ftehim Anċillari ġie ffirmat fl-istess postijiet u fl-istess dati.

9

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2012, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit, minn naħa, u l-Parlament Ewropew, min-naħa l-oħra, tħallew jintervjenu fit-tilwima insostenn tat-talbiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni rispettivament.

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

10

Il-Kunsill jeċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors tal-Kummissjoni għal tliet raġunijiet. Fl-ewwel lok, dan ir-rikors kellu jkun dirett kontra l-Istati Membri, u mhux kontra l-Kunsill, u dan peress li l-Kummissjoni qiegħda tikkontesta l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-proċess deċiżjonali li wassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dan il-fatt, il-Kummissjoni fir-realtà qiegħda tikkontesta irregolarità imputabbli mhux lill-Kunsill, iżda lill-Istati Membri.

11

Minn dan isegwi li r-rikors tal-Kummissjoni huwa, fit-tieni lok, inammissibbli, minħabba li att adottat mir-rappreżentanti tal-Istati Membri ma jistax jiġi mistħarreġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rikors għal annullament.

12

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ma għandhiex interess ġuridiku reali, peress li l-annullament li hija qiegħda titlob ma għandu ebda konsegwenza ġuridika. Il-Kunsill isostni li, peress li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jaġixxu f’koordinazzjoni mill-qrib fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza kondiviża tagħhom, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata twassal biss għal diviżjoni artifiċjali ta’ din tal-aħħar f’żewġ deċiżjonijiet distinti, li fi kwalunkwe każ għandhom jiġu adottati fl-istess waqt. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikors tal-Kummissjoni ma jista’ jagħti ebda vantaġġ, la lill-Unjoni u lanqas lill-Kummissjoni.

13

Il-Kummissjoni u l-Parlament iqisu li r-rikors huwa ammissibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

14

Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors għal annullament għandu jkun miftuħ għad-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, indipendentement min-natura jew mill-forma, sakemm dawn ikunu intiżi li jipproduċu effetti legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-181/91 u C-248/91, EU:C:1993:271, punt 13, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-27/04, EU:C:2004:436, punt 44).

15

F’dan il-każ, billi d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Adeżjoni u tal-Ftehim Anċillari f’isem l-Unjoni, kif ukoll l-applikazzjoni provviżorja ta’ dawn il-ftehimiet mill-Unjoni, minn naħa, u mill-Istati Membri, min-naħa l-oħra, minn dan isegwi li l-Kunsill ipparteċipa fid-deċiżjonijiet adottati fuq dawn il-punti kollha (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-114/12, EU:C:2014:2151, punt 41).

16

Barra minn hekk, huwa paċifiku li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata għandha titqies li hija att tal-Kunsill li fir-rigward tiegħu jista’ jiġi ppreżentat rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, b’mod li l-ewwel u t-tieni motivi ta’ inammissibbiltà għandhom jitwarrbu.

18

Fir-rigward tat-tielet motiv ta’ inammissibbiltà, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament tal-Kummissjoni ma tistax tkun suġġetta għall-kundizzjoni tal-ġustifikazzjoni ta’ interess ġuridiku tagħha (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill, 45/86, EU:C:1987:163, punt 3, u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-370/07, EU:C:2009:590, punt 16).

19

Peress li t-tielet motiv ta’ inammissibbiltà għandu jitwarrab ukoll, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa, konsegwentement, ammissibbli.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

Fuq l-ewwel motiv

20

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, issostni li, billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill kiser l-Artikolu 13(2) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 218(2) u (5) TFUE.

21

Minn naħa, minn dan l-aħħar artikolu jirriżulta li l-Kunsill biss huwa maħtur bħala l-istituzzjoni awtorizzata sabiex tawtorizza l-iffirmar ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi adottata mill-Kunsill waħdu, mingħajr l-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill. Dan tal-aħħar fil-fatt ma jistax jidderoga b’mod unilaterali mill-proċedura prevista fl-Artikolu 218 TFUE billi jippermetti li l-Istati Membri jipparteċipaw fl-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

22

F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni ċara bejn l-oqsma ta’ attività tal-Unjoni u l-oqsma li fihom l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li att intergovernattiv jitwaħħad ma’ att tal-Unjoni, peress li tali fużjoni tiżnatura l-proċeduri tal-Unjoni previsti fl-Artikolu 218 TFUE, billi ċċaħħadhom mill-għan tagħhom.

23

Min-naħa l-oħra, il-Kunsill kiser l-Artikolu 13(2) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 218(2) u (5) TFUE, minħabba li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux ma jsegwux ir-regoli stabbiliti mit-Trattati u jagħmlu użu minn proċeduri alternattivi. Dan huwa l-każ fil-kawża ineżami, peress li l-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata seħħet taħt kundizzjonijiet differenti minn dawk meħtieġa mill-Artikolu 218 TFUE. Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ natura mħallta ma hijiex prevista minn dan l-artikolu.

24

Skont il-Kunsill u l-gvernijiet intervenjenti, id-deċiżjoni kkontestata hija konformi kemm mal-Artikolu 13(2) TUE kif ukoll mal-Artikolu 218(2) u (5) TFUE.

25

L-ewwel nett, din id-deċiżjoni tgħaqqad żewġ atti differenti. L-ewwel wieħed ġie adottat mill-Kunsill waħdu abbażi tal-Artikolu 218 TFUE. Permezz tiegħu, il-Kunsill awtorizza l-iffirmar tal-ftehimiet inkwistjoni f’isem l-Unjoni kif ukoll l-applikazzjoni provviżorja tagħhom mill-Unjoni. Ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, min-naħa tagħhom, adottaw biss l-att imsemmi fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz ta’ dan l-att, l-Istati Membri awtorizzaw l-applikazzjoni provviżorja tal-imsemmija ftehimiet fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom.

26

Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri ma pparteċipawx fil-proċedura ta’ adozzjoni tal-att li l-awtur tiegħu huwa l-Kunsill abbażi tal-Artikolu 218(2) u (5) TFUE.

27

It-tieni nett, it-Trattati ma fihomx dispożizzjonijiet espliċiti li jiffissaw il-modalitajiet dwar in-negozjati u l-konklużjoni tal-ftehimiet imħalltin. Il-Kunsill u l-Istati Membri għaldaqstant huma liberi li jiddeterminaw il-forma preċiża tagħhom. Issa, il-fatt li l-awtorizzazzjoni ta’ ffirmar ta’ ftehim internazzjonali tingħata f’deċiżjoni waħda jew f’żewġ atti separati bl-ebda mod ma jippreġudika r-rekwiżiti tal-proċedura imposta fl-Artikolu 218 TFUE.

28

It-tielet nett, huma l-Istati Membri u l-Unjoni li għandhom jikkooperaw mill-qrib fi ftehimiet imħalltin u li jadottaw approċċ komuni sabiex jiżguraw rappreżentanza unitarja tal-Unjoni fir-relazzjonijiet internazzjonali. L-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ natura mħallta hija l-espressjoni tal-kooperazzjoni hekk imposta.

Fuq it-tieni motiv

29

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, issostni li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra r-regola prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 100(2) TFUE, li jgħid li l-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata. Fil-fatt, peress li d-deċiżjoni kkontestata toriġina mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, hija ġiet adottata bl-unanimità. Issa, tali adozzjoni unanima tneħħi s-sens tal-proċedura ta’ votazzjoni prevista fl-Artikolu 218(8) TFUE.

30

Il-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tmur ukoll kontra r-rekwiżit ta’ ċertezza legali, li jeħtieġ li kull att legali jsemmi r-regola li serviet ta’ bażi legali għalih. Tali tismija tiddetermina l-proċedura ta’ adozzjoni tal-att ikkonċernat u, għaldaqstant, il-modalitajiet ta’ votazzjoni fi ħdan il-Kunsill. Issa, il-bażi legali indikata fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-Artikolu 100(2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 218(5) u (8) TFUE, ma jippermettix li jiġu ddeterminati r-regoli ta’ votazzjoni applikabbli fi ħdan il-Kunsill, peress li r-regola ta’ votazzjoni prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet, jiġifieri l-maġġoranza kwalifikata, fir-realtà ġiet issostitwita mir-regola tal-unanimità.

31

Il-Kunsill, sostnut mill-gvernijiet intervenjenti, iqis li ssodisfa r-regoli ta’ votazzjoni msemmija fit-Trattati. Fil-fatt, il-fatt li ebda membru tal-Kunsill ma oppona d-deċiżjoni kkontestata ma jistax ifisser li l-votazzjoni bil-maġġoranza kwalifikata ma ġietx osservata f’dan il-każ, peress li kull deċiżjoni adottata bl-unanimità neċessarjament tissodisfa r-rekwiżit ta’ maġġoranza kwalifikata.

32

Barra minn hekk, fil-qasam tal-ftehimiet internazzjonali, kumulu ta’ diversi regoli ta’ votazzjoni ma fih xejn inabitwali. Tali prattika tirrifletti n-neċessità li jintlaħaq qbil bejn l-Istati Membri, u dan tal-aħħar jista’ jew jiġi rifless f’deċiżjoni ta’ natura mħallta, jew inkella jirriżulta mid-deċiżjonijiet meħuda minn kull Stat Membru b’mod individwali.

Fuq it-tielet motiv

33

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, tikkritika lill-Kunsill li kiser l-għanijiet tat-Trattati u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 13(2) TFUE.

34

Billi ppermetta lill-Istati Membri li jintervjenu fil-kompetenzi tal-Unjoni, il-Kunsill, minn naħa, wettaq konfużjoni dwar il-personalità tal-Unjoni fir-relazzjonijiet internazzjonali u l-awtorizzazzjoni li hija għandha sabiex waħedha tadotta deċiżjoni f’dan il-qasam. Min-naħa l-oħra, huwa ma osservax id-dmir ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet, li skontu huwa kellu jeżerċita l-kompetenzi tiegħu b’mod li ma jdgħajjifx il-qafas istituzzjonali tal-Unjoni, billi jippermetti lill-Istati Membri jintervjenu fl-iżvolġiment ta’ proċedura li tikkonċerna esklużivament lill-Kunsill.

35

Il-Kunsill, sostnut mill-gvernijiet intervenjenti, isostni li huwa ma kkawża ebda konfużjoni fir-rigward tal-individwalità tal-Unjoni fl-Istati terzi. Fir-rigward tal-ftehimiet imħalltin, tali konfużjoni tinħoloq, għall-kuntrarju, mill-fatt li l-Kunsill jadotta deċiżjoni dwar dawn il-ftehimiet mingħajr ma jdaħħal fiha wkoll id-deċiżjoni korrispondenti tal-Istati Membri.

36

Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex biss konformi mal-għan ta’ unità ta’ rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni, iżda tiggarantixxih, tippromwovih u ssaħħu, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni komuni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. L-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni hija preċiżament l-espressjoni tal-obbligu ta’ kooperazzjoni mill-qrib meħtieġa mit-Trattati.

37

Ċertament, l-att tal-Unjoni għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ ftehim imħallat u l-att korrispondenti tal-Istati Membri jistgħu jiġu adottati skont żewġ proċeduri differenti. Madankollu, it-twettiq ta’ proċeduri paralleli joħloq riskji ta’ diverġenza bejn l-Istati Membri u jista’ joħloq xi dewmien, b’mod li ma jkunx jippermetti li tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib biżżejjed bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38

Permezz tal-ewwel u t-tieni motivi tagħha, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex konformi mal-Artikolu 13(2) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 218(2) (5) u (8) TFUE, minħabba li hija ma ġietx adottata mill-Kunsill waħdu u b’applikazzjoni tal-proċedura u tal-modalitajiet tal-votazzjoni previsti fl-Artikolu 218 TFUE.

39

Għandu jitfakkar li t-Trattati fundaturi tal-Unjoni, b’differenza mit-trattati internazzjonali ordinarji, stabbilixxew ordinament ġuridiku ġdid, b’istituzzjonijiet tiegħu, li għall-benefiċċju tiegħu l-Istati llimitaw, f’oqsma li dejjem jikbru, id-drittijiet sovrani tagħhom u li għalih huma suġġetti mhux biss l-Istati Membri iżda wkoll iċ-ċittadini tagħhom (ara, b’mod partikolari, Opinjoni 1/09, EU:C:2011:123, punt 65, u Opinjoni 2/13, EU:C:2014:2454, punt 157).

40

Barra minn hekk, l-Istati Membri, minħabba s-sħubija tagħhom fl-Unjoni, aċċettaw li r-relazzjonijiet bejniethom, fir-rigward tal-oqsma li huma s-suġġett tat-trasferiment ta’ kompetenzi mill-Istati Membri lill-Unjoni, ikunu rregolati mid-dritt tal-Unjoni, bl-esklużjoni, jekk din tkun meħtieġa minn dan id-dritt, ta’ kull dritt ieħor (Opinjoni 2/13, EU:C:2014:2454, punt 193).

41

Skont l-Artikolu 13(2) TUE, kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skont il-proċeduri, il-kundizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-regoli dwar il-formazzjoni tar-rieda tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiġu stabbiliti mit-Trattati u la huma għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet stess (sentenzi Ir-Renju Unit vs Il‑Kunsill, 68/86, EU:C:1988:85, punt 38, u Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑133/06, EU:C:2008:257, punt 54).

43

F’dak li jikkonċerna l-kawża ineżami, l-Artikolu 218(1) TFUE jirrikjedi li l-ftehimiet bejn l-Unjoni u Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali jiġu nnegozjati u konklużi skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 218(2) sa (11), peress li l-Istati Membri, inkwantu huma suġġetti għad-dritt tal-Unjoni, huma marbuta permezz tad-dispożizzjonijiet kollha tal-imsemmi artikolu.

44

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 218(5) TFUE, id-deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar ta’ tali ftehimiet u, jekk ikun il-każ, l-applikazzjoni provviżorja tagħhom mill-Unjoni għandha tiġi adottata mill-Kunsill. Għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, ebda kompetenza ma hija rrikonoxxuta lill-Istati Membri.

45

Barra minn hekk, mill-Artikolu 218(8) TFUE jirriżulta li, fir-rigward ta’ deċiżjoni bħal dik imsemmija fil-punt ta’ qabel dan, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata.

46

Fil-kawża preżenti, huwa paċifiku li l-Ftehim ta’ Adeżjoni u l-Ftehim Anċillari jikkostitwixxu ftehimiet imħalltin.

47

Il-partijiet kontraenti ta’ ftehim imħallat konkluż ma’ pajjiżi terzi huma, minn naħa, l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri. Matul in-negozjati u l-konklużjoni ta’ tali ftehim, kull waħda minn dawn il-partijiet għandha taġixxi fl-ambitu tal-kompetenzi li hija għandha u b’osservanza tal-kompetenzi ta’ kwalunkwe parti kontraenti oħra.

48

Hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, din tawtorizza l-iffirmar tal-ftehimiet inkwistjoni f’isem l-Unjoni u tipprevedi l-applikazzjoni provviżorja tagħhom.

49

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni fir-realtà tgħaqqad żewġ atti differenti, jiġifieri, minn naħa, att dwar l-iffirmar tal-ftehimiet inkwistjoni f’isem l-Unjoni u dwar l-applikazzjoni provviżorja tagħhom minn din tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, att dwar l-applikazzjoni provviżorja ta’ dawn il-ftehimiet mill-Istati Membri, mingħajr ma huwa possibbli li ssir distinzjoni ta’ liema att jirrifletti r-rieda tal-Kunsill u liema att jirrifletti r-rieda tal-Istati Membri.

50

Minn dan isegwi li l-Istati Membri pparteċipaw fl-adozzjoni tal-att dwar l-iffirmar tal-ftehimiet inkwistjoni f’isem l-Unjoni u dwar l-applikazzjoni provviżorja tagħhom minn din tal-aħħar, filwaqt li, skont l-Artikolu 218(5) TFUE, tali att għandu jiġi adottat mill-Kunsill waħdu. Barra minn hekk, il-Kunsill kien involut, bħala istituzzjoni tal-Unjoni, fl-adozzjoni tal-att li jikkonċerna l-applikazzjoni provviżorja ta’ dawn il-ftehimiet mill-Istati Membri, filwaqt li qabelxejn tali att jaqa’ taħt id-dritt intern ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati u, sussegwentement, taħt id-dritt internazzjonali.

51

Fit-tieni lok, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fil-kuntest ta’ proċedura li kienet tinkludi, b’mod indistint, elementi li jagħmlu parti mill-proċess deċiżjonali tal-Kunsill u elementi ta’ natura intergovernattiva.

52

Hekk kif ikkonferma l-Kunsill matul is-seduta, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata permezz ta’ proċedura unika applikata għaż-żewġ atti msemmija fil-punt 49 tas-sentenza preżenti. Issa, l-att li jikkonċerna l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehimiet inkwistjoni mill-Istati Membri jimplika qbil tar-rappreżentanti ta’ dawn l-Istati, u għaldaqstant il-ftehim unanimu tagħhom, filwaqt li l-Artikolu 218(8) TFUE jipprevedi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi, f’isem l-Unjoni, b’maġġoranza kwalifikata. Iż-żewġ atti differenti, miġbura fid-deċiżjoni kkontestata, għaldaqstant ma jistgħux jiġu adottati b’mod validu fl-ambitu ta’ proċedura unika (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑338/01, EU:C:2004:253).

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex konformi mal-Artikolu 218(2), (5) u (8) TFUE u, għaldaqstant, mal-Artikolu 13(2) TUE.

54

Fir-rigward tal-argument tal-Kunsill li d-deċiżjoni kkontestata tissodisfa d-dmir ta’ kooperazzjoni li huwa impost fuq l-Unjoni u fuq l-Istati Membri fil-qasam tal-ftehimiet imħalltin, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament irrikonoxxiet li, meta jkun jidher li s-suġġett ta’ xi ftehim ikun, parzjalment, jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Unjoni u, parzjalment, taħt dik tal-Istati Membri, għandha tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib bejn dawn tal-aħħar u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kemm fil-proċess tan-negozjati u tal-konklużjoni, kif ukoll fl-eżekuzzjoni tal-impenji meħuda (Opinjoni 1/94, EU:C:1994:384, punt 108, u s-sentenza Il-Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑246/07, EU:C:2010:203, punt 73).

55

Madankollu, dan il-prinċipju ma jistax jiġġustifika li l-Kunsill ma josservax ir-regoli tal-proċedura u l-modalitajiet ta’ votazzjoni previsti fl-Artikolu 218 TFUE.

56

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel u t-tieni motivi huma fondati.

57

Għaldaqstant, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, mingħajr ma jkun meħtieġ li t-tielet motiv invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha jiġi eżaminat.

Fuq it-talba għaż-żamma ratione temporis tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata

58

Il-Kunsill u l-Kummissjoni, sostnuti mill-Parlament u mill-Gvern Ċek, Ġermaniż, Franċiż, Portugiż u Finlandiż, jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja żżomm, fil-każ li hija tannulla d-deċiżjoni kkontestata, l-effetti ta’ din tal-aħħar sakemm tiġi adottata deċiżjoni ġdida.

59

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tqis li huwa meħtieġ, tindika liema mill-effetti tal-att annullat għandhom jitqiesu li huma definittivi.

60

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-effetti ta’ att ikkontestat jistgħu jinżammu għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, b’mod partikolari meta l-effetti immedjati tal-annullament ta’ dan l-att iwasslu għal konsegwenzi negattivi serji u meta l-legalità ta’ tali att ma tkunx ikkontestata minħabba l-għan jew il-kontenut tiegħu, iżda minħabba raġunijiet ta’ inkompetenza tal-awtur tiegħu jew ta’ ksur tal-forom proċedurali sostanzjali (ara s-sentenza Il-Parlament u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑103/12 u C‑165/12, EU:C:2014:2400, punt 90 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61

F’dan il-każ, għandu b’mod partikolari jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata għamlet possibbli li l-Ftehim ta’ Adeżjoni u l-Ftehim Anċillari jiġu applikati b’mod provviżorju mill-Unjoni. L-annullament b’effett immedjat ta’ tali deċiżjoni jkun jista’ jwassal għal konsegwenzi serji fuq ir-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-Istati terzi kkonċernati kif ukoll fuq l-operaturi ekonomiċi li jeżerċitaw l-attività tagħhom tat-trasport bl-ajru u li setgħu jibbenefikaw mill-applikazzjoni provviżorja tal-imsemmija ftehimiet.

62

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeżistu raġunijiet importanti ta’ ċertezza legali li jiġġustifikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talba għaż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għan jew il-kontenut tagħha ma humiex ikkontestati.

63

Għaldaqstant, l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jinżammu sad-dħul fis-seħħ, fi żmien raġonevoli mid-data tal-għoti tas-sentenza preżenti, ta’ deċiżjoni ġdida li għandha tiġi adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 218(5) u (8) TFUE.

Fuq l-ispejjeż

64

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

65

Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regolament, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit u l-Parlament, li intervjenew fil-kawża preżenti, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni 2011/708/UE tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tas-16 ta’ Ġunju 2011, dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti; u dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti, hija annullata.

 

2)

L-effetti tad-Deċiżjoni 2011/708 huma miżmuma sad-dħul fis-seħħ, fi żmien raġonevoli mid-data tal-għoti tas-sentenza preżenti, ta’ deċiżjoni ġdida li għandha tiġi adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 218(5) u (8) TFUE.

 

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

4)

Ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Parlament Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top