This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012CJ0023
Judgment of the Court (Fifth Chamber), 17 January 2013.#Mohamad Zakaria.#Request for a preliminary ruling from the Augstākās tiesas Senāts.#Regulation (EC) No 562/2006 — Community Code on the rules governing the movement of persons across borders (Schengen Borders Code) — Alleged violation of the right to respect for human dignity — Effective judicial protection — Right of access to a court.#Case C‑23/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-17 ta’ Jannar 2013.
Mohamad Zakaria.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās tiesas Senāts.
Regolament (KE) Nru 562/2006 — Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) — Ksur allegat tad-dritt għar-rispett tad-dinjità tal-bniedem — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Dritt ta’ aċċess għal qorti.
Kawża C‑23/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-17 ta’ Jannar 2013.
Mohamad Zakaria.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās tiesas Senāts.
Regolament (KE) Nru 562/2006 — Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) — Ksur allegat tad-dritt għar-rispett tad-dinjità tal-bniedem — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Dritt ta’ aċċess għal qorti.
Kawża C‑23/12.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:24
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
17 ta’ Jannar 2013 ( *1 )
“Regolament (KE) Nru 562/2006 — Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) — Ksur allegat tad-dritt għar-rispett tad-dinjità tal-bniedem — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Dritt ta’ aċċess għal qorti”
Fil-Kawża C-23/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākās tiesas Senāts (il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Jannar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Jannar 2012, fil-proċeduri mibdija minn
Mohamad Zakaria
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur), E. Juhász, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u I. Ņesterova, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u A. Sauka, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll l-Artikoli 6(1) u 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, p. 1). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn M. Zakaria fir-rigward tar-rifjut li tintlaqa’ talba għad-danni mressqa mill-persuna kkonċernata minħabba fl-aġir ta’ awtorità amministrattiva meta qasam il-fruntiera Latvjana. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessa 20 tar-Regolament Nru 562/2006 hija fformulata kif ġej: “Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. Huwa għandu jiġi implimentat skond l-obbligi ta’ l-Istati Membri fir-rigward tal-protezzjoni internazzjonali u non-refoulement.” |
4 |
L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Twettiq ta’ verifiki fuq il-fruntiera”, huwa fformulat kif ġej: “1. Il-gwardji tal-fruntiera għandhom, fit-twettieq ta’ dmirijiethom, jirrispettaw b’mod sħiħ id-dinjità umana. Kwalunkwe miżura li tittieħed fit-twettieq ta’ dmirijiethom għandha tkun proporzjonata għall-objettivi li tali miżuri jfittxu li jiksbu. 2. Fit-twettiq ta’ verifiki fuq il-fruntiera, il-gwardji tal-fruntiera m’għandhomx jiddiskriminaw kontra persuni għal raġunijiet ta’ sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, disabilità, età jew orjentazzjoni sesswali.” |
5 |
L-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Persuni li jkun mċaħħda d-dħul għandu jkollhom id-dritt ta’ appell. L-appelli għandhom isiru skond il-liġi nazzjonali. Indikazzjoni bil-miktub dwar il-punti ta’ kuntatt li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar rappreżentanti kompetenti biex jaġixxu f’isem iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz skond il-liġi nazzjonali għandha wkoll tingħata liċ-ċittadin ta’ pajiż terz. L-applikazzjoni għal appell m’għandiex ikollha l-effett li tissospendi d-deċiżjoni li tiċħad id-dħul. Mingħajr preġudizzju għal xi kumpens mogħti skond il-liġi nazzjonali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu jkun intitolat għal korrezzjoni tat-timbru tad-dħul ikkanċellat, u għal kwalunkwe kanċellazzjoni jew addizzjoni li tkun saret, mill-Istat Membru li jkun ċaħad id-dħul jekk l-appell jikkonkludi li d-deċiżjoni biex jiġi miċħud id-dħul ma kinitx fondata.” |
Id-dritt Latvjan
6 |
L-Artikolu 20 tal-Liġi dwar l-Immigrazzjoni (Imigrācijas likums, Latvijas Vēstnesis, 2002, Nru 169, p. 2744) jiddisponi: “(1) Barrani għandu d-dritt li jressaq ilment, quddiem ir-rappreżentanza diplomatika, kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul fil-Latvja, fi żmien 30 ġurnata mill-adozzjoni tagħha. (2) It-talba msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu hija eżaminata mid-direttur tal-gwardji tal-fruntiera jew mid-delegat tiegħu, u d-deċiżjoni meħuda ma hijiex suġġetta għal appell.” |
7 |
L-Artikolu 76(2) tal-Kodiċi ta’ proċedura amministrattiva (Administratīvā procesa likums, Latvijas Vēstnesis, 2001, Nru 164, p 2551) fil-verżjoni tiegħu applikabbli fiż-żmien li seħħew il-fatti, jiddisponi: “L-atti amministrattivi jistgħu jkunu suġġetti għal ilment quddiem awtorità ġerarkika ogħla. Il-liġi jew ir-regolamenti tal-Kunsill tal-Ministri jistgħu jaħtru awtorità oħra li quddiemha jista’ jitressaq l-ilment kontra l-att amministrattiv ikkonċernat. Fil-każ fejn dik l-awtorità hija l-Kunsill tal-Ministri, l-att amministrattiv jista’ direttament ikun suġġett għal azzjoni ġudizzjarja.” |
8 |
L-Artikolu 89 ta’ dan il-Kodiċi, intitolat “Kunċett ta’ att de facto ta’ awtorità” jiddisponi: “(1) Att de facto huwa att ta’ awtorità fil-qasam tad-dritt pubbliku, li ma huwiex immanifestat fil-forma ta’ att ġuridiku u li huwa intiż li jipproduċi effetti fattwali, jekk persuna fiżika għandha dritt għal dan l-att jew jekk dan tal-aħħar kiser jew jaf jikser d-drittijiet individwali jew l-interessi legali ta’ persuna. Huma wkoll atti de facto dawk l-atti ta’ awtoritajiet, li irrispettivament mir-rieda ta’ dawn tal-aħħar, jipproduċu effetti fattwali li jikkawżaw jew jafu jikkawżaw dannu lid-drittijiet ta’ persuna. L-atti proċedurali tal-awtoritajiet (atti li ma għandhomx in-natura ta’ regolament definittiv) ma humiex atti de facto. (2) Jikkostitwixxi wkoll att ta’ de facto n-nuqqas ta’ azzjoni tal-awtorità, jekk dan kien jew huwa meħtieġ mil-liġi li jeżegwixxi att, kif ukoll ċertifikat maħruġ mill-awtorità.” |
9 |
L-Artikolu 92 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jiddisponi: “Kull persuna għandha d-dritt għal kumpens għad-danni materjali jew personali, inklużi d-danni morali, sostnuti bħala riżultat ta’ att amministrattiv jew ta’ att de facto ta’ awtorità.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10 |
Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fit-28 ta’ Novembru 2010, M. Zakaria ħa ajruplan minn Bejrut (il-Libanu) għal Kopenħagen (id-Danimarka) vija Riga (il-Latvja). Id-dokument ta’ identità ta’ M. Zakaria kien dokument tal-ivvjaġġar maħruġ għal refuġjat Palestinjan mir-Repubblika Lebaniża. Fis-27 ta’ Novembru 2008, huwa kiseb permess ta’ residenza permanenti fl-Isvezja, fejn sostna li għex għal għaxar snin u kien beda proċeduri biex jikseb ċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat Membru. Huwa mar Kopenħagen, billi r-residenza tiegħu li tinsab f’Lund (l-Isvezja) kienet iktar aċċessibbli faċilment u f’ħin qasir minn Kopenħagen. |
11 |
Fl-ajruport ta’ Riga, il-gwardji tal-fruntiera wettqu kontroll tad-dokument ta’ identità ta’ M. Zakaria u fl-aħħar awtorizzaw id-dħul tal-persuna kkonċernata fil-Latvja u fit-territorju tal-Istati Membri li huma partijiet għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9), iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990. Madankollu, skont M. Zakaria, dan il-kontroll ġie effettwat b’mod provokattiv u offensiv għad-dinjità tal-bniedem. Minħabba fit-tul li kien meħtieġ għal dan il-kontroll, huwa tilef it-titjira lejn Kopenħagen. |
12 |
Billi kkontesta l-atti mwettqa mill-gwardji tal-fruntiera matul il-kontroll tal-fruntieri u billi kkunsidra li dawn l-atti kienu kkawżawlu danni morali, M. Zakaria ppreżenta lment quddiem id-direttur tal-gwardji tal-fruntiera u talab għal kumpens ta’ ammont ta’ LVL 7 000. |
13 |
Id-Deċiżjoni Nru 25 mogħtija fit-28 ta’ Frar 2011 mid-direttur irrikonoxxiet il-legalità ta’ dawn l-atti u tal-att amministrattiv maħruġ bħala riżultat ta’ dawn, jiġifieri l-awtorizzazzjoni tad-dħul ta’ M. Zakaria, passiġġier fuq tranżitu, fit-territorju tar-Repubblika tal-Latvja, Stat Membru li huwa parti għal din il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim Schengen. Min-naħa l-oħra, it-talba tiegħu dwar id-danni mitluba ma ntlaqgħatx. |
14 |
M. Zakaria adixxa lill-administratīvā rajona tiesa (qorti amministrattiva tad-distrett) sabiex tirrikonoxxi l-illegalità tal-atti de facto tal-gwardji tal-fruntiera u sabiex jikseb kumpens għad-dannu personali u morali tiegħu stmat fl-ammont ta’ LVL 7 000. |
15 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-administratīvā rajona tiesa tad-29 ta’ Marzu 2011, it-talba ta’ M. Zakaria ġiet miċħuda bħala inammissibbli taħt il-proċedura amministrattiva. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq l-argumenti li ġejjin. |
16 |
Skont din il-qorti, l-Artikolu 20 tal-Liġi dwar l-immigrazzjoni jipprovdi li l-barranin li d-dħul tagħhom ġie rrifjutat fil-Latvja jistgħu jressqu mar-rappreżentanza diplomatika lment kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul fit-30 ġurnata wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut. Id-direttur tal-gwardji tal-fruntiera jew id-delegat tiegħu jeżamina l-ilment u d-deċiżjoni tiegħu ma hijiex suġġetta għal appell. |
17 |
Fl-assenza ta’ rikors quddiem qorti kontra rifjut ta’ awtorizzazzjoni ta’ dħul fil-Latvja, it-talba sabiex jiġi kkonstatat difett proċedurali mwettaq matul proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ dħul f’dan l-Istat Membru lanqas ma jista’ jiġi eżaminat minn qorti. |
18 |
Talba għal kumpens ma tistax tiġi kkunsidrata bħala talba separata, għaliex din hija inseparabbli mit-talba prinċipali. Konsegwentement, fl-assenza ta’ talba prinċipali, it-talba għal kumpens ta’ dannu personali u morali ma huwiex ammissibbli u għandu jiġi miċħud ukoll. |
19 |
M. Zakaria ppreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-administratīvā rajona tiesa. L-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali) ikkonfermat il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Madankollu din il-qorti rrikonoxxiet, li jekk M. Zakaria ħass li l-gwardji tal-fruntiera kisru l-unur u d-dinjità tiegħu u li għalhekk kellu dritt għal kumpens, huwa kien intitolat li jressaq talba għal kumpens quddiem il-qrati ordinarji. |
20 |
M. Zakaria ppreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-Administratīvā apgabaltiesa quddiem l-Augstākās tiesas Senāts (Senat tal-Qorti Suprema). Skont dan ir-rikors, huwa ma huwiex qed jitlob li tiġi rreveduta d-deċiżjoni ta’ permess ta’ dħul fit-territorju tal-Latvja, iżda dan pjuttost jirrigwarda l-atti de facto li l-gwardji tal-fruntiera wettqu fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni, iżda li ma humiex marbuta ma’ din id-deċiżjoni. Huwa jallega wkoll li dawn l-atti de facto jaqgħu taħt id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 89 tal-Kodiċi ta’ proċedura amministrattiva. |
21 |
L-Augstākās tiesas Senāts, qorti tar-rinviju, tesponi li fl-assenza ta’ rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni tad-direttur tal-gwardji tal-fruntiera quddiem qorti amministrattiva u minħabba fil-fatt li r-rikors ta’ M. Zakaria huwa intiż kontra l-atti mwettqa matul proċedura amministrattiva, it-talba għal kumpens ma tistax tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili. Madankollu, hija tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 562/2006, mar-regoli nazzjonali li jipprekludu li jista’ jitressaq appell minn deċiżjoni quddiem qorti jew istituzzjoni, li fuq livell istituzzjonali u funzjonali tiggarantixxi eżami indipendenti u oġġettiv tal-appell. |
22 |
Bl-istess mod, din il-qorti għandha dubji dwar il-fatt jekk l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 562/2006 joffri dritt għal azzjoni biss f’każijiet fejn il-persuna ma titħalliex tidħol fit-territorju tal-Istat ikkonċernat, u tikkunsidra li persuna għandha dritt tikkontesta l-ksur imwettqa matul il-proċeduri, b’mod partikolari l-ksur għad-dinjità tal-bniedem, anki meta l-kontenut tad-deċiżjoni amministrattiva huwa favorevoli. |
23 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-Augstākās tiesas Senāts iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
24 |
Il-Gvern Latvjan u l-Kummissjoni ssottomettew osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. M. Zakaria, li ma ssottomettiex osservazzjonijiet bil-miktub u li ħadd ma ssottometta ebda osservazzjoni f’ismu, talab li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu matul il-fażi orali tal-proċedura, fejn xtaq jiddeskrivi l-fatti dwar l-inċident inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li l-interessi tiegħu kienu qed jiġu rrappreżentati mil-Latvijas Cilvektiesību centrs (Ċentru Latvjan għad-Drittijiet tal-Bniedem). |
25 |
Konformement għall-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li ma ssirx seduta għas-sottomissjonijiet orali jekk tqis, minn qari tan-noti jew tal-osservazzjonijiet ippreżentati matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura, li għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tkun tista’ tiddeċiedi. Konformement għall-Artikolu 76(3) din id-dispożizzjoni ma tapplikax meta titressaq talba motivata għal seduta għas-sottomissjonijiet orali minn parti kkonċernata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut li ma tkunx ipparteċipat fil-fażi bil-miktub tal-proċedura. |
26 |
Ma jirriżulta, la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li M. Zakaria kien irrappreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju mil-Latvijas Cilvektiesību centrs. Barra minn hekk ma huwiex stabbilit li dan l-organu huwa intitolat li jirrappreżenta persuni taħt ir-regoli tal-proċedura applikabbli fil-Latvja, hekk kif previst fl-Artikolu 47(2) tar-Regoli tal-Proċedura. |
27 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk stiednet lil M. Zakaria jikkonferma li ta mandat lil-Latvijas Cilvektiesību centrs sabiex jirrappreżentah quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u sabiex l-ewwel nett jippreċiża jekk dan l-organu huwiex awtorizzat, skont id-dritt Latvjan sabiex, sabiex jirrappreżenta persuni quddiem il-qrati nazzjonali u, it-tieni nett, jekk huwiex ir-rappreżentant ta’ dan iċ-ċentru li ser jitkellem fis-seduta. Billi M. Zakaria ma rrispondix fit-terminu stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-ebda persuna oħra kkonċernata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma talbet għall-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrinunzja l-organizzazzjoni ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali, billi temmen li għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tkun tista’ tiddeċiedi. |
Osservazzjonijiet preliminari
28 |
Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, mill-eżami tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Latvjan huma suġġetti għal interpretazzjonijiet differenti f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li tikkontesta quddiem il-qrati l-atti de facto tal-gwardji tal-fruntiera u sabiex tikseb kumpens għad-dannu personali u morali li dawn setgħu kkawżaw lil persuna, fil-każ fejn tkun ittieħdet deċiżjoni amministrattiva pożittiva, jiġifieri permess ta’ dħul fit-territorju Latvjan. |
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi domanda preliminari magħmula minn qorti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 267 TFUE, hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker u Lesage, C-37/92, Ġabra p. I-4947, punt 7; tal-20 ta’ Ottubru 2005, Ten Kate Holding Musselkanaal et, C-511/03, Ġabra p. I-8979, punt 25, u tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C-506/04, Ġabra p. I-8613, punt 34). |
30 |
Huwa fid-dawl ta’ dan u tal-inċertezza dwar il-kontenut eżatt tad-dritt proċedurali Latvjan li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-Augstākās tiesas Senāts l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tar-regoli tad-dritt nazzjonali mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. |
Fuq id-domandi preliminari
31 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 562/2006 jipprovdix li persuna għandha d-dritt li tippreżenta rikors mhux biss kontra rifjut ta’ dħul fit-territorju iżda wkoll kontra l-ksur imwettaq matul il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni li tawtorizza tali dħul. Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, din il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq timponix lill-Istat Membru l-obbligu li jiżgura rikors quddiem qorti jew quddiem istituzzjoni li jipprovdi, fil-livell istituzzjonali u funzjonali, l-istess garanziji bħal qorti. |
32 |
Dawn id-domandi għandhom jiġu eżaminati flimkien. |
33 |
Fir-rigward tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 562/2006, dan jipprovdi li l-persuni suġġetti għal rifjut ta’ dħul għandhom id-dritt li jappellaw kontra din id-deċiżjoni. Skont din id-dispożizzjoni, tali appelli huma konformi mad-dritt nazzjonali. |
34 |
Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 562/2006 huwa ddedikat kollu kemm hu għall-kwistjonijiet relatati mar-rifjut ta’ dħul. |
35 |
Hekk kif ukoll enfasizzat mill-Gvern Latvjan u mill-Kummissjoni, l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 562/2006 jipprovdi biss għall-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ dħul. |
36 |
Barra minn hekk, jidher li la r-rikorrent fil-kawża prinċipali u lanqas il-qorti tar-rinviju ma kkontestaw il-validità ta’ din id-dispożizzjoni. |
37 |
Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 562/2006, moqri fid-dawl tal-premessa 20 ta’ dan ir-regolament u tal-Artikolu 6(1) ta’ dan tal-aħħar, kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta, jipprovdi obbligu għal Stat Membru li jiżgura rikors kontra l-allegat ksur mwettqa matul il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni li tawtorizza d-dħul, jew quddiem qorti jew quddiem istituzzjoni li jipprovdi, fil-livell istituzzjonali u funzjonali, l-istess garanziji bħal qorti. |
38 |
Dawn iż-żewġ domandi li kienu biss magħmula fil-każ fejn ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv, jiġifieri li l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 562/2006 jipprovdi li persuna għandha d-dritt li tippreżenta rikors mhux biss kontra rifjut ta’ dħul, iżda wkoll kontra l-allegat ksur imwettaq fir-rigward tar-rikorrent u deskritt fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, ma jkunx hemm lok li tingħatalhom risposta. |
39 |
F’kull każ, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tipprovdix informazzjoni suffiċjenti dwar il-kawża prinċipali, b’mod partikolari dwar il-fatti rilevanti, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddetermina r-rilevanza tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 562/2006 għall-finijiet tal-eżami ta’ din il-kawża. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddetermina jekk is-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali hijiex irregolata bid-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB, C-400/10 PPU, Ġabra p. I-8965, punt 51; u tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida, C-40/11, punti 79 sa 81). |
40 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jekk is-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali jaqax fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni, u jekk dan huwa l-każ, jekk rifjut li jiġi rrikonoxxut lil dan ir-rikorrent id-dritt li jressaq it-talbiet tiegħu quddiem qorti jiksirx id-drittijiet rikonoxxuti fl-Artikolu 47 tal-Karta. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-gwardji tal-fruntiera li jwettqu dmirijiethom fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament huma b’mod partikolari meħtieġa li jirrispettaw bis-sħiħ id-dinjità tal-bniedem. Huwa għall-Istati Membri li jipprovdu fid-dritt nazzjonali tagħhom il-possibbiltà li titressaq kawża sabiex tkun żgurata, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, il-protezzjoni tal-persuni li jitolbu għar-rispett tad-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 562/2006. |
41 |
Min-naħa l-oħra, jekk din il-qorti tikkunsidra, fid-dawl tar-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda, li din is-sitwazzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, din għandha twettaq eżami ta’ dan fid-dawl tad-dritt nazzjonali, billi tieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li jagħmlu parti minnha l-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C-256/11, Ġabra p. I-11315, punti 72 u 73). |
42 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 562/2006 jipprovdi biss għall-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ dħul fit-territorju tagħhom. |
Fuq l-ispejjeż
43 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), jipprovdi biss għall-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ dħul fit-territorju tagħhom. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.