EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CC0559

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Jääskinen, ippreżentati fil-21 ta’ Novembru 2013.
Ir-Repubblika Franċiża vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell — Għajnuna mill-Istat — Għajnuna fil-forma ta’ garanzija impliċita illimitata favur La Poste li tirriżulta mill-istatus tagħha ta’ entità pubblika — Eżistenza tal-garanzija — Preżenza ta’ riżorsi tal-Istat — Vantaġġ — Oneru u livell tal-prova.
Kawża C‑559/12 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:766

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fil-21 ta’ Novembru 2013 ( 1 )

Kawża C‑559/12 P

Ir‑Repubblika Franċiża

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell — La Poste — Stabbiliment pubbliku li għandu l-personalità ġuridika tiegħu — Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat — Garanzija impliċita u illimitata tal-Istat — Kunċett ta’ vantaġġ — Oneru u livell tal-prova meħtieġa”

I – Introduzzjoni

1.

Bl-appell tagħha, ir-Repubblika Franċiża qed titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Settembru 2012, mogħtija fil-kawża Franza vs Il‑Kummissjoni (T-154/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din il-qorti ċaħdet ir-rikors tagħha kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/605/UE, tas-26 ta’ Jannar 2010, dwar l-għajnuna mill-Istat C 56/07 (eks E 15/05) mogħtija minn Franza lil La Poste (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata ( 2 )”).

2.

Mil-lat ġenerali, dan l-appell, fil-fehma tiegħi, jeħtieġ l-analiżi ta’ tliet kwistjonijiet prinċipali. L-ewwel nett, dik tal-kunċett tal-garanzija impliċita u illimitata tal-Istat li tibbenefika minnha La Poste ( 3 ) u li ġiet ikklassifikata mill-Kummissjoni Ewropea, fid-deċiżjoni kkontestata, bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE: it-tieni nett, dik tal-oneru u tal-livell tal-prova meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali garanzija u, it-tielet nett, jekk u, jekk ikun il-każ, kif il-Kummissjoni għandha tipprova l-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta minn garanzija impliċita mogħtija mill-Istat.

3.

Għandu jiġi enfasizzat li l-ispeċifiċità ta’ din il-kawża qiegħda, qabelxejn, fin-natura impliċita tal-każ inkwistjoni, u dan jagħmel partikolarment kumplessa l-applikazzjoni tal-kriterji li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat l-ewwel nett li l-aspetti li naħseb li huma fundamentali għal eżami dettaljat tal-proċess ma ġewx ikkontestati, jew, għall-inqas, ma ġewx indikati b’mod suffiċjenti fil-kuntest ta’ dan l-appell. Dan huwa l-każ tal-istess kunċett tal-garanzija impliċita u illimitata fid-dritt tal-Unjoni li ma jidhirlix li huwa stabbilit b’mod definittiv. Dan huwa wkoll il-każ tar-rabta li jista’ jkun hemm bejn is-sistema kontenzjuża tal-EPIK u l-kunċett ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali li ġie indirizzat biss minn perspettiva ferm ristretta.

II – Il-kuntest ġuridiku, id-deċiżjoni kkontestata u s-sentenza appellata

4.

Għad-deskrizzjoni tad-dritt nazzjonali li jirregola l-istatus ta’ La Poste u tal-fatti li wasslu għall-kawża, għandu jsir riferiment għall-preżentazzjoni dettaljata li tinsab fis-sentenza appellata.

5.

Fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet, fl-Artikolu 1 tagħha, li “[i]l-garanzija mingħajr limitu [illimitata] mogħtija minn Franza lil La Poste tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li mhijiex kompatibbli mas-suq intern. Franza għandha tneħħi din l-għajnuna sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2010”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2 ta’ dik l-istess deċiżjoni, “[i]l-Kummissjoni tikkunsidra li t-trasformazzjoni effettiva ta’ La Poste f’kumpanija b’responsabbiltà limitata tneħħi b’hekk il-garanzija mingħajr limitu [illimitata] li hija tgawdi. It-tneħħija effettiva ta’ din il-garanzija mingħajr limitu [illimitata] sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2010 tikkostitwixxi miżura xierqa biex tiġi eliminata, skont il-liġi tal-Unjoni, l-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 1”.

6.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ April 2010, ir-Repubblika Franċiża ppreżentat kawża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Franċiża sostniet li kien b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kkonkludiet, min-naħa l-waħda, li kien hemm garanzija tal-Istat favur La Poste u, mill-oħra, li dik il-miżura kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, meta l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE ma kinitx ġiet stabbilita ( 4 ).

7.

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha invokati mir-Repubblika Franċiża u, konsegwentement, ikkonfermat il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

III – Fuq l-aggravji tal-appell

8.

Fl-appell li ppreżentat fil-5 ta’ Diċembru 2012, ir-Repubblika Franċiża tinvoka erba’ aggravji, bit-tieni u bit-tielet aggravji jkunu maqsuma f’erba’ partijiet. Bl-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali injorat is-sens tal-motivi invokati quddiemha, meta hija kkunsidrat li kollha kienu marbuta mal-eżistenza ta’ vantaġġ u mhux mal-kriterju ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Bit-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka żball ta’ liġi inkwantu l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt l-eżistenza ta’ garanzija tal-Istat mogħtija lil La Poste. Bit-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet numru ta’ żnaturamenti tad-dritt nazzjonali. Bir-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka żball ta’ liġi inkwantu l-Qorti Ġenerali kkunsidrat bħala suffiċjenti l-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti bl-allegata garanzija tal-Istat. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni talbet li l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

9.

Fil-fehma tiegħi, indipendentement min-numru ta’ aggravji invokati mir-Repubblika Franċiża, l-aspett essenzjali ta’ dan l-appell jirrigwarda l-problema msemmija iktar ’il fuq, marbuta mal-prinċipji li għandhom jiġu osservati mill-Kummissjoni sabiex jiġu stabbiliti l-eżistenza ta’ garanzija impliċita u l-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta minnha. Għaldaqstant, biħsiebni nanalizza l-appell billi niġbor l-aggravji invokati skont dawn l-aspetti prinċipali.

A – Fuq l-istabbiliment tal-eżistenza ta’ garanzija impliċita li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (it-tieni u t-tielet aggravji tal-appell)

1. It-talbiet tal-partijiet

10.

Bit-tieni aggravju tagħha, maqsum f’erba’ partijiet, ir-Repubblika Franċiża essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni stabbilixxiet, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza ta’ garanzija tal-Istat.

11.

Bl-ewwel parti tal-imsemmi aggravju, ir-Repubblika Franċiża tilmenta li fil-punt 23 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kellha raġun li twettaq inverżjoni tal-oneru tal-prova, meta attribwixxiet lill-awtoritajiet Franċiżi l-kompitu li jipprovaw l-assenza ta’ garanzija. Bit-tieni parti, filwaqt li tikkritika l-allegati preżunzjonijiet negattivi inklużi fid-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Franċiża tilmenta li l-Qorti Ġenerali vvalidat, fil-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata, l-inverżjoni tal-oneru tal-prova li twettqet mill-Kummissjoni fil-premessi 126 u 131 tad-deċiżjoni kkontestata. Bit-tielet parti, ir-Repubblika Franċiża tilmenta li fil-punt 119 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat is-sentenza Il‑Kummissjoni vs MTU Friedrichshafen ( 5 ).

12.

Bir-raba’ parti tat-tieni aggravju, ir-Repubblika Franċiża ssostni li anki jekk, kif sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punt 120 tas-sentenza appellata, “in-natura tal-provi li għandhom jiġu prodotti mill-Kummissjoni tiddependi, fil-biċċa l-kbira, fuq in-natura tal-miżura Statali inkwistjoni”, in-natura impliċita tal-garanzija allegatament identifikata però la tista’ tissarraf f’rekwiżit inqas fir-rigward tal-prova u lanqas f’inverżjoni tal-oneru tal-prova. F’din il-perspettiva, fil-punt 121 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet eżaminat b’mod pożittiv l-eżistenza ta’ garanzija illimitata tal-Istat favur La Poste, u li hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni diversi elementi konsistenti li jikkostitwixxu bażi suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dik il-garanzija. Issa, skont l-appellanti, l-eżistenza ta’ garanzija impliċita tista’ tiġi pprovata biss b’mod pożittiv.

13.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni twieġeb, l-ewwel nett, li hija bl-ebda mod ma invertiet l-oneru tal-prova. It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-kontestazzjonijiet dwar l-allegat użu ta’ preżunzjonijiet negattivi jew ta’ suppożizzjonijiet jirriżulta li kienu sempliċi repetizzjonijiet tal-allegazzjonijiet tal-ewwel istanza. It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li r-riferiment għall-ġurisprudenza Il‑Kummissjoni vs MTU Friedrichshafen, iċċitata iktar ’il fuq, kienet tirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni, kif ġie rrikonoxxut fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Scott ( 6 ), tad-diffikultà tal-kompitu kumpless li kellha l-Kummissjoni f’dan il-każ. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tipproponi li l-kritika tal-punti 120 u 121 tas-sentenza appellata għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva u infondata.

14.

Bit-tielet aggravju, ir-Repubblika Franċiża tilmenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet numru ta’ żnaturamenti tad-dritt nazzjonali li l-elementi tiegħu kienu jikkostitwixxu l-punt ta’ tluq tar-raġunament tal-Kummissjoni sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza tal-garanzija impliċita u illimitata. Bl-ewwel parti, l-appellanti tikkontesta l-kunsiderazzjoni li d-dritt Franċiż ma jeskludix il-possibbiltà li l-Istat jagħti garanzija impliċita lill-EPIK. Bit-tieni parti, ir-Repubblika Franċiża tilmenta li l-Qorti Ġenerali żnaturat id-dritt Franċiż għaliex approvat il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Liġi Nru 80‑539 ( 7 ). Bit-tielet parti, filwaqt li tallega nuqqas ta’ motivazzjoni, ir-Repubblika Franċiża tilmenta li l-Qorti Ġenerali assimilat b’mod żbaljat il-kundizzjonijiet ta’ stabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat ma’ mekkaniżmu ta’ garanzija fid-dawl tas-sentenza Société fermière de Campoloro et autres du Conseil d’État ( 8 ), tas-sentenza Société de gestion du port de Campoloro et Société fermière de Campoloro vs Franza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 9 ) u tan-nota tal-Conseil d’État tal-1995 ( 10 ). Bir-raba’ parti, l-appellanti tirreferi għall-problema, eżaminata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 102 tas-sentenza appellata, tat-trasferiment tad-drittijiet u tal-obbligi marbuta ma’ funzjoni ta’ servizz pubbliku.

15.

Bi tweġiba għal dawn l-ilmenti, il-Kummissjoni tallega li t-tielet aggravju tal-appell — li essenzjalment huwa repetizzjoni tat-tieni motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali — fil-fatt għandu l-għan li jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi, u minħabba f’hekk dan l-aggravju huwa manifestament inammissibbli.

2. Analiżi

16.

Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ garanzija, għalkemm magħruf mal-ewwel daqqa ta’ għajn, ma ġiex iddefinit b’mod ċar fid-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni, filwaqt li fl-avviż tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji ( 11 ) qalet li “[f]il-forma l-aktar komuni tagħhom, il-garanziji huma assoċjati ma’ self jew obbligu finanzjarju ieħor aċċettat minn min jissellef fil-konfront ta’ min jisilfu; dawn jistgħu jingħataw bħala garanziji individwali jew fi ħdan skemi ta’ garanzija”, ikkunsidrat ukoll li jikkostitwixxu “għajnuna fil-forma ta’ garanzija t-termini ta’ finanzjament aktar favorevoli akkwistati minn intrapriżi li l-forma legali tagħhom teskludi proċeduri ta’ falliment jew proċeduri oħra ta’ insolvenza jew tipprovdi b’mod espliċitu garanzija jew kopertura tat-telf mill-Istat ( 12 )”. Il-Kummissjoni tagħmel ukoll distinzjoni bejn garanziji li jkollhom “oriġini kuntrattwali” jew “oriġini legali ieħor [oħra]” u “garanziji li l-forma tagħhom hija inqas viżibbli”.

17.

F’din il-kawża, għalhekk huwa determinanti li l-garanzija impliċita u illimitata inkwistjoni taqa’ taħt kategorija ta’ interventi indiretti li fil-kuntest tagħhom ir-riżorsi stabbiliti mill-Istat ma jissarrfux b’mod awtomatiku f’vantaġġ korrispondenti għall-benefiċjarji. Din il-kategorija tkopri, b’mod partikolari, il-garanziji impliċiti li jirriżultaw mis-sistema legali partikolari applikabbli għall-benefiċjarju jew inkella l-ittri ta’ intenzjoni jew ta’ patroċinju.

18.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, huma partikolarment ikkunsidrati bħala għajnuna l-interventi tal-Istat li, taħt forom diversi, inaqqsu l-ispejjeż li normalment jolqtu l-finanzi ta’ impriża u li, bl-istess mod, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi ( 13 ). Mill-ġurisprudenza jirriżulta li intervent tal-Istat li jista’ kemm ipoġġi lill-impriżi li għalihom japplika f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn oħrajn kif ukoll li joħloq riskju suffiċjentement konkret tat-twettiq, fil-futur, ta’ piż supplimentari għall-Istat, jista’ jkun ta’ piż fuq ir-riżorsi tal-Istat ( 14 ). Fil-fatt, it-terminu “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma”, inkluż fl-Artikolu 107 TFUE jinftiehem bħala li japplika għall-vantaġġi, mingħajr ma n-natura legali jew l-għan ta’ tali vantaġġ unilaterali tkun rilevanti. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li vantaġġi konsentiti fil-forma ta’ garanzija tal-Istat jistgħu jimplikaw piż supplimentari għall-Istat ( 15 ).

19.

Issa, l-istess eżistenza tal-garanzija impliċita inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kienet is-suġġett tal-ilment żviluppat, b’mod partikolari fir-raba’ parti tat-tieni aggravju li biħsiebni neżamina l-ewwel, tagħti lok għal diffikultà partikolari, peress li l-ebda test leġiżlattiv Franċiż ma jipprevedi espressament l-eżistenza tal-imsemmija garanzija. Fil-fatt, l-għajnuna kkontestata tirriżulta mhux minn miżura distinta, imma pjuttost mill-fatt li l-EPIK ma humiex suġġetti għal sistema ġenerali ta’ falliment, jew aħjar mill-introduzzjoni ta’ sistema partikolari b’dan il-għan b’rabta mal-allegata assenza ta’ sitwazzjoni fejn id-djun tal-entitajiet pubbliċi li jkollhom personalità ġuridika tagħhom jibqgħu ma jiġux imħallsa lill-kredituri tagħhom. B’hekk, wara li eżaminat diversi sorsi, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq diversi elementi sabiex ikkonkludiet li kien hemm garanzija impliċita u illimitata.

20.

Il-miżura inkwistjoni titlob min-naħa tiegħi l-osservazzjonijiet li ġejjin dwar il-metodu u l-livell tal-prova meħtieġa kif ukoll dwar l-intensità tal-istħarriġ li għandu jsir mill-qorti tal-Unjoni.

– Garanzija impliċita

21.

L-ewwel nett, fir-rigward tal-metodu tal-eżami, għandu jiġi osservat li t-terminu “garanzija impliċita” li l-kunċett tiegħu ma ġiex ikkontestat mill-appellanti, huwa terminu pjuttost metaforiku u kontradittorju per se, peress li l-kunċett ta’ garanzija ġeneralment jikkorrispondi għal approvazzjoni jew għal wegħda li tikkostitwixxi fatt jew att legali, li jikkawża jew jista’ jikkawża konsegwenzi partikolari għad-destinatarju tiegħu. Fil-fatt, kreditur ma jistax jinvoka garanzija impliċita bl-istess mod bħal garanzija espliċita. Fil-fehma tiegħi, anki jekk kontra l-garanti jista’ jiġi invokat tali “impenn”, il-bażi tiegħu iktar għandha tiġi mfittxija fost il-prinċipji ġenerali tar-responsabbiltà ċivili.

22.

B’hekk, jekk jiġi preżunt li t-terminu inkwistjoni huwa bbażat fuq id-dritt tal-kompetizzjoni ( 16 ), għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE għandu jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “garanzija impliċita” ma huwiex kunċett ta’ liġi biss, imma jaqa’ wkoll taħt l-eżami tal-fatti. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “garanzija impliċita” huwa marbut mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni inkwantu jiddeskrivi b’mod uniformi “aġir” tal-awtoritajiet nazzjonali li jikkostitwixxi, jekk ikun il-każ, fid-dawl tal-effetti ekonomiċi tiegħu, għajnuna mill-Istat lill-benefiċjarju tiegħu.

23.

Id-diffikultà prinċipali tinsab fin-natura impliċita tal-garanzija inkwistjoni li hija inkluża f’indizji kemm legali kif ukoll fattwali. Il-garanzija impliċita b’hekk hija fenomenu dedott u anki preżunt ( 17 ). Il-ġustifikazzjoni prinċipali sabiex jintuża dan il-kunċett fid-dritt tal-għajnuna mill-Istat tinsab fil-fatt li l-miżura inkwistjoni toħloq sitwazzjoni finanzjarja analoga għal dik li tirriżulta minn garanzija espliċita u illimitata li l-Istat Membru jagħti lil impriża, mingħajr ma din tal-aħħar tkun obbligata tħallas primjum, li jikkorrispondi għall-valur ekonomiku tagħha.

24.

Konsegwentement, il-metodu tas-serje ta’ indizji jidhirli li huwa partikolarment adattat sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ din il-miżura impliċita ( 18 ), billi l-metodu inkwistjoni jiġi wkoll applikat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ( 19 ).

25.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li b’mod ġenerali ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq numru ta’ ċirkustanzi tali li jindikaw l-eżistenza, fil-fatt, ta’ programm ta’ għajnuna ( 20 ). Madankollu, xorta huwa neċessarju li l-Kummissjoni tiddikjara l-elementi leġiżlattivi, amministrattivi, finanzjarji jew ekonomiċi li jkunu ppermettew il-karatterizzazzjoni tal-għajnuna kkontestata ( 21 ).

26.

Nixtieq nagħmel żewġ preċiżazzjonijiet f’dan il-kuntest. Min-naħa l-waħda, bil-kontra ta’ dak li jidher li hija l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, jiena tal-fehma li n-natura “impliċita” ta’ miżura teskludi ċertezza dwar l-eżistenza tagħha. B’hekk, garanzija impliċita dedotta minn serje ta’ indizji għandha titqies li hija eżistenti sakemm ma tiġix prodotta l-prova kuntrarja tal-ineżistenza tagħha. F’dan il-każ, għandu jkun relattivament faċli li tiġi prodotta tali prova billi jsir riferiment għal każijiet konkreti fejn id-djun ta’ EPIK jew ta’ awtorità reġjonali Franċiża baqgħu għal bosta snin mhux imħallsa, u dan minkejja l-assenza ta’ proċedura formali ta’ falliment jew ta’ insolvenza. Fil-fatt, tali difiża ta’ Stat Membru twassal biex jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija msejsa fuq premessi tabilħaqq żbaljati ( 22 ).

27.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali hija obbligata tiddetermina jekk il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat l-imsemmi “aġir” tal-awtoritajiet nazzjonali u jekk din id-data tkunx tali li ssostni l-allegazzjoni li l-impriża tkun ibbenefikat minn għajnuna impliċita mill-Istat.

28.

Fil-fatt, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, żball manifest ta’ evalwazzjoni jista’ jikkonsisti fil-fatt li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq elementi li ma “jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa ( 23 )”.

29.

Għaldaqstant, il-kriterju sabiex “tiġi stabbilita pożittivament” l-eżistenza ta’ garanzija jiġi sodisfatt meta, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni twettaq il-proċedura ta’ eżami tal-miżuri kkontestati b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex hija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, l-informazzjoni l-iktar kompluta u affidabbli possibbli għal dan il-għan ( 24 ). Dan jimplika, f’każ bħal dan inkwistjoni, in-neċessità li tinġabar l-informazzjoni kollha li b’mod kumulattiv u plawżibbli tista’ ssostni l-eżistenza ta’ miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Din l-eżistenza tiġi dedotta wkoll mill-assenza ta’ informazzjoni li tikkonfutaha.

30.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, wara li, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, fakkret l-obbligi li għandha l-Kummissjoni b’rabta mal-elementi li jistgħu jsostnu l-konklużjoni li l-impriża qed tibbenefika minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fil-punt 120 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali affermat li n-natura tal-provi li għandhom jiġu prodotti mill-Kummissjoni tiddependi fuq in-natura tal-miżura. Huwa ovvju li b’dan il-mod il-Qorti Ġenerali esprimiet il-kunċett tad-diversifikazzjoni tal-miżuri li jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat mingħajr madankollu ma kisret il-prinċipji li jirregolaw l-oneru u l-livell tal-prova. Fir-rigward tal-eżistenza ta’ miżura impliċita kkontestata, il-Qorti Ġenerali adattat il-konstatazzjoni msemmija iktar ’il fuq meta, fl-imsemmi punt 120, iddeċidiet ġustament li l-eżistenza ta’ garanzija impliċita tista’ tiġi dedotta minn serje ta’ elementi konverġenti. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali elenkat, b’rabta mat-tieni motiv invokat fl-ewwel istanza, l-elementi kollha konsistenti li jikkostitwixxu bażi għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

31.

Għandu jiġi osservat li ma ġiex espressament ikkontestat li l-EPIK ma humiex suġġetti għas-sistema ġenerali jew speċifika ta’ falliment jew għall-proċedura ta’ insolvenza. Minn dan jirriżulta li l-kontestazzjoni tal-veraċità ta’ indizju individwali adottat mill-Qorti Ġenerali ma tistax titqies li hija suffiċjenti sabiex tiġi pprovata l-ineżistenza tal-miżura li l-eżistenza tagħha hija bbażata fuq metodu ta’ serje ta’ indizji. Ċertament, fl-assenza ta’ kontroeżempju konkret li jikkonfuta l-eżistenza ta’ garanzija impliċita, l-appellanti hija obbligata tikkontradixxi kull indizju wieħed wara l-ieħor. Madankollu, fil-fehma tiegħi, l-awtur tal-kontestazzjoni għandu jkun obbligat jipprova li l-elementi kollha li jikkostitwixxu serje ta’ indizji jsostnu l-ineżistenza ta’ garanzija impliċita u illimitata tal-Istat.

32.

Minn dan isegwi li l-ilmenti invokati f’parti mit-tieni aggravju u fit-tielet aggravju kollu, inkwantu ma jqiegħdux f’dubju l-konklużjoni globali dwar l-eżistenza tal-garanzija impliċita imma jirrigwardaw indizji differenti meħuda separatament, jistgħu għaldaqstant jiġu miċħuda mill-ewwel bħala ineffettivi.

– L-oneru u l-livell tal-prova meħtieġa

33.

It-tieni nett, fir-rigward tal-oneru tal-prova, ma hemmx dubju li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza ta’ miżura li tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat. Il-Qorti Ġenerali b’hekk interpretat b’mod korrett ir-rwol tal-Kummissjoni meta, diversi drabi fis-sentenza appellata, ivverifikat in-natura suffiċjenti tal-provi miġbura mill-Kummissjoni ( 25 ), u dan f’konformità mal-ġurisprudenza li tipprovdi li l-Kummissjoni għandha dejjem l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti tat-tranżazzjoni inkwistjoni u l-kuntest tagħhom ( 26 ) biex waslet, mingħajr ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi, għall-konklużjoni fil-punti 120 u 121 tas-sentenza appellata. B’hekk, bil-kontra ta’ dak li qed tallega r-Repubblika Franċiża, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx inverżjoni tal-oneru tal-prova.

34.

Fir-rigward tal-livell tal-prova meħtieġa ( 27 ), mifhum bħala l-grad tar-rekwiżit applikat mill-qorti meta teżamina l-provi li jkunu ġew prodotti quddiemha, huwa utli li jsir riferiment fil-qosor għall-ġurisprudenza dwar id-dritt tal-kompetizzjoni fis-sens wiesa’, kif ukoll għall-prinċipji tal-“common law”. Fir-rigward tal-prattika tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 28 ), mingħajr ma teżisti definizzjoni uniformi tal-livell tal-prova applikabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi prova tal-fatti “b’mod suffiċjenti fid-dritt ( 29 )”, jew “provi suffiċjentement preċiżi u konsistenti ( 30 )” u tapplika wkoll il-metodu tas-“serje ta’ indizji serji, preċiżi u konsistenti” fl-assenza ta’ dokumenti li jistabbilixxu l-ftehim bejn il-produtturi ( 31 ). Fil-kuntest tal-analiżi prospettiva dwar il-konċentrazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta wkoll il-kriterju ta’ “l-iktar probabbli ( 32 )”. Min-naħa l-oħra, fil-“common law”, id-distinzjoni ssir bejn minn naħa, l-“istandard” inqas strett applikat fil-qasam ċivili magħruf bħala l-“balance of probabilities”, li jfisser li l-parti għandha tikkonvinċi lill-qorti li l-fatt li hija qed tallega huwa “iktar probabbli milli improbabbli” u, min-naħa l-oħra, l-“istandard” iktar strett applikabbli fil-qasam kriminali indikat mill-espressjoni “beyond a reasonable doubt” li tfisser li l-qorti ma għandu jkollha l-ebda dubju raġonevoli dwar il-ġabra ta’ elementi li jikkostitwixxu l-ksur wara eżami razzjonali tal-provi ( 33 ).

35.

Naħseb li, fil-każ ta’ garanzija impliċita li l-eżistenza tagħha tiġi dedotta minn serje ta’ indizji, il-livell tal-prova għandu jkun ibbażat fuq dak tal-probabbiltà serja u tas-suffiċjenza tal-provi. Il-livell applikabbli b’hekk ikun iktar eżiġenti minn sempliċi probabbiltà filwaqt li jkun inqas eżiġenti minn dak tal-assenza ta’ dubju raġonevoli. Din jidhirli li kienet l-analiżi li wettqet ġustament il-Qorti Ġenerali fid-dawl tal-elementi prodotti mill-Kummissjoni.

36.

Barra minn hekk, jidhirli li dan l-approċċ jikkorrispondi għal ġurisprudenza reċenti minn fejn jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rabta suffiċjentement diretta bejn, min-naħa l-waħda, il-vantaġġ mogħti lil benefiċjarju u, min-naħa l-oħra, tnaqqis tal-baġit tal-Istat, saħansitra riskju ekonomiku suffiċjentement konkret tal-piżijiet li jaqgħu fuqu ( 34 ), mingħajr madankollu ma teħtieġ li tali tnaqqis, jew anki tali riskju, jikkorrispondi jew ikun ekwivalenti għall-vantaġġ, u lanqas li dan tal-aħħar ikollu bħala korrispettiv tali tnaqqis jew tali riskju, u lanqas li jkun tal-istess natura bħall-impenn tar-riżorsi tal-Istat minn fejn jirriżulta ( 35 ).

37.

Fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ imwettaq mill-qorti tal-Unjoni, għandu jitfakkar li, jekk il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, peress li din timplika evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika kumplessi, l-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jwettqu tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi huwa stħarriġ ristrett li bilfors ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u tar-regoli tal-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter ( 36 ). Ir-rwol tal-qorti għalhekk ma huwiex dak li tistabbilixxi hija stess l-eżistenza u l-ammont tal-għajnuna billi twettaq hi dak li huwa l-kompitu tal-Kummissjoni ( 37 ).

38.

Issa, huwa paċifiku li l-istabbiliment tal-eżistenza ta’ garanzija impliċita u illimitata, kif ukoll tal-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta minnha, jeħtieġ evalwazzjoni kumplessa min-naħa tal-Kummissjoni.

39.

F’din il-perspettiva, l-argument tal-appellanti mressaq globalment fit-tieni aggravju, u b’mod partikolari fir-raba’ parti tiegħu, għandu jiġi miċħud għaliex ma jinvolvi l-ebda elementi li abbażi tiegħu jista’ jiġi lmentat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Min-naħa l-oħra, mill-motivi tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma kisritx ir-regoli dwar l-oneru u l-portata tal-prova li għadhom kif tfakkru iktar ’il fuq u setgħet tibbaża b’mod korrett il-konklużjoni tagħha fuq is-serje ta’ indizji li jsostnu l-eżistenza ta’ garanzija impliċita tal-Istat.

– Ilmenti eżaminati għal finijiet ta’ kompletezza

40.

Fir-rigward tal-ewwel tliet partijiet tat-tieni aggravju, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-kritika tal-appellanti hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-punt 23 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha għal riproduzzjoni tal-elementi essenzjali għad-deskrizzjoni tal-fatti tal-każ mingħajr ma tat deċiżjoni dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova. It-tieni nett, l-argumenti mressqa mir-Repubblika Franċiża huma limitati għal kritika kontra d-deċiżjoni kkontestata, xi ħaġa li tagħmilhom inammissibbli. Barra minn hekk, il-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata jagħmlu parti mill-kuntest tat-tieni motiv tal-ewwel istanza, u jikkonsistu f’interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li l-evalwazzjoni tagħha ma hijiex suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament ( 38 ), li, f’dan il-każ, ma ġiex ipprovat mill-appellanti.

41.

It-tielet nett, fir-rigward tal-interpretazzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs MTU Friedrichshafen, iċċitata iktar ’il fuq, imsemmija fil-punt 119 tas-sentenza appellata, din is-sentenza tistabbilixxi projbizzjoni għall-Kummissjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq preżunzjonijiet negattivi fil-każ ta’ assenza ta’ informazzjoni li tippermetti li tinġibed konklużjoni kuntrarja. Għaldaqstant, ma hijiex għalkollox applikabbli f’dan il-każ. Madankollu, kif tosserva l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali setgħet tagħmel riferiment għaliha sabiex tenfasizza d-diffikultà tal-kompitu kumpless li kellha l-Kummissjoni sabiex tindika l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ garanzija illimitata u impliċita.

42.

Fir-rigward tat-tielet aggravju, għandu jiġi osservat li r-Repubblika Franċiża tikkritika l-interpretazzjoni tal-elementi ta’ serje ta’ indizji li tat il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-garanzija mogħtija lil La Poste. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li lment ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali huwa ammissibbli meta jiġi lmentat li l-Qorti Ġenerali tkun żnaturat dan id-dritt ( 39 ). B’hekk, huwa minnu li, f’dak li jirrigwarda l-eżami, fil-kuntest ta’ appell, tal-konstatazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali tagħmel fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza sabiex teżamina, l-ewwel nett, jekk il-Qorti Ġenerali, abbażi tad-dokumenti u tal-atti l-oħra li ġew ippreżentati quddiemha, tkunx żnaturat il-kliem tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jew il-ġurisprudenza nazzjonali relatata magħhom jew inkella d-duttrina legali li tittrattahom; it-tieni nett, jekk il-Qorti Ġenerali għamlitx, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, konstatazzjonijiet li jmorru manifestament kontra l-kontenut tagħhom; u, fl-aħħar nett, jekk il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżami tal-elementi kollha, tkunx tat lil wieħed minn dawn l-elementi, sabiex tikkonstata l-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, portata li ma tixraqlux meta mqabbel mal-elementi l-oħra, sa fejn dan jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess ( 40 ).

43.

Madankollu, dan ma huwiex il-każ tal-argumenti mressqa fl-ewwel tliet partijiet ta’ dan l-aggravju. Fil-fatt, qabelxejn għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Franċiża fil-fatt qed tipprova, anki jekk hija qed tinvoka żbalji ta’ liġi, tqiegħed f’dubju l-evalwazzjoni tal-fatti li għamlet il-Qorti Ġenerali u, b’mod partikolari, tikkontesta l-interpretazzjoni tal-fatti u tad-dokumenti li wasslet lil din tal-aħħar sabiex tikkonkludi li kien hemm garanzija impliċita. L-imsemmija argumenti jikkostitwixxu, fil-fatt, repetizzjoni tal-kritika mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, tant li għandhom jiġu kkunsidrati bħala inammissibbli. Kien x’kien il-każ, billi l-iżnaturament imsemmi la ġie pprovat u lanqas ma kien manifest, l-imsemmija allegazzjonijiet għandhom jiġu miċħuda. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivazzjoni mqajjem fil-kuntest tat-tielet parti tat-tielet aggravju b’rabta mal-ġurisprudenza Société de gestion du port de Campoloro u Société fermière de Campoloro vs Franza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali wieġbet għal dan b’mod suffiċjenti fid-dritt fil-punti 96 sa 99 tas-sentenza appellata. Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-raba’ parti tat-tielet aggravju, billi din tirrigwarda motiv superfluwu, din għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

44.

Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, naħseb li l-Qorti Ġenerali wettqet b’mod korrett ir-rwol tagħha fir-rigward tal-istħarriġ ristrett tal-eżistenza tal-garanzija impliċita. Għaldaqstant, nipproponi li t-tieni u t-tielet aggravji tal-appell għandhom jiġu miċħuda.

B – Fuq l-istabbiliment tal-vantaġġ li jirriżulta mill-garanzija impliċita (ir-raba’ aggravju)

1. It-talbiet tal-partijiet

45.

Bir-raba’ aggravju tagħha, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt l-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta mill-allegata garanzija tal-Istat mogħtija lil La Poste. L-ewwel nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli li jirregolaw l-oneru u l-livell tal-prova fir-rigward tal-prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ, meta kkunsidrat, fil-punti 123 u 124 tas-sentenza appellata, li meta jkun hemm għajnuna eżistenti, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tipprova l-effetti reali ta’ dik l-għajnuna, imma tista’ tippreżumihom. Barra minn hekk, anki jekk id-dritt tal-Unjoni ma jimponix l-istabbiliment tal-effetti reali ta’ għajnuna eżistenti, il-Kummissjoni għandha, għall-inqas, tipprova l-eżistenza tal-effetti potenzjali. Dan ġie, inċidentalment, eskluż b’mod żbaljat fil-punt 1.2 tal-Avviż tal-2008. Minn din il-perspettiva, il-Qorti Ġenerali b’hekk wettqet ukoll żball ta’ liġi meta, fil-punti 106 u 108, ikkunsidrat li l-analiżi tal-Kummissjoni kienet fondata.

46.

B’mod sussidjarju, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi meta kkunsidrat, min-naħa l-waħda, fil-punti 110 u 123 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni — filwaqt li għamlet riferimenti għall-metodi tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu biss sabiex tikkonferma u mhux sabiex tipprova l-eżistenza ta’ vantaġġ — ipprovdiet elementi suffiċjenti sabiex tistabbilixxi li l-garanzija kkontestata kienet tikkostitwixxi vantaġġ reali. F’dan il-kuntest hija tikkritika l-punti 111 sa 116 tal-imsemmija sentenza.

47.

L-appellanti tippreċiża wkoll li ma ammettietx, kif jirriżulta mill-punt 106 tas-sentenza appellata, li l-fatt li impriża ma setgħetx tiġi suġġetta, minħabba l-istatus legali tagħha, għal proċedura ta’ falliment jew għal proċedura ekwivalenti kellu l-effett li jagħti “awtomatikament” vantaġġ.

48.

Il-Kummissjoni twieġeb li huwa ġġustifikat li jintuża l-istess qafas analitiku għall-għajnuna eżistenti u għall-għajnuna ġdida, u abbażi ta’ dan hija ma hijiex obbligata li tipprova l-effetti reali ta’ dawn il-miżuri. Fir-rigward tal-kontestazzjoni tal-Avviż tal-2008, il-Kummissjoni tikkunsidraha bħala inammissibbli, b’mod partikolari minħabba l-assenza ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fil-mori tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Fir-rigward tal-punt 106 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tallega li abbażi ta’ dik id-dikjarazzjoni, il-Qorti Ġenerali setgħet biss tiċħad it-tielet motiv invokat quddiemha.

2. Analiżi

49.

Kif diġà spjegajt iktar ’il fuq, qabelxejn il-punt tat-tluq għandu jkun il-premessa li l-każ li wassal għal dan il-kwistjoni kontenzjuża jikkostitwixxi “sitwazzjoni ta’ liġi u ta’ fatt” simili għal dik tal-eżistenza ta’ garanzija espliċita. Fil-fatt, peress li hija involuta assenza ta’ miżura fis-sens abitwali, il-garanzija impliċita għandha l-partikolarità li l-“miżura” u l-effetti tagħha jistgħu jiġu konfużi ma’ xulxin. Għall-finijiet ta’ din l-analiżi, għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li l-garanzija impliċita tipproduċi effetti ekwivalenti għal dawk li jirriżultaw minn garanzija espliċita, li hija miżura direttament identifikabbli u, skont id-definizzjoni, li tista’ tipproduċi ċerti effetti.

50.

Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi stabbilit jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, għandu jiġi ddeterminat jekk l-impriża benefiċjarja tirċevix vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq ( 41 ). Issa, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi kkonstatat li tali approċċ fit-tfittxija ta’ vantaġġ ma jikkorrispondix għall-ispeċifiċità tal-garanzija tal-Istat inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 42 ).

51.

Huwa wkoll paċifiku li l-Artikolu 107(1) TFUE ma jistabbilixxix distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom ( 43 ). Meta miżura tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 107 TFUE, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti li din jista’ jkollha ( 44 ) kif ukoll l-elementi kollha rilevanti u l-kuntest tagħhom ( 45 ). Madankollu, il-ġurisprudenza ma tweġibx b’mod eżawrjenti għall-mistoqsijiet dwar il-mod li bih il-Kummissjoni hija obbligata tistabbilixxi vantaġġ u n-natura tal-effetti ta’ miżura li għandha tipprova meta hija tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta minn miżura impliċita.

– L-eżistenza ta’ vantaġġ

52.

Qabelxejn, fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 124 tas-sentenza appellata, jiġifieri li l-effett reali tal-vantaġġ li tagħti garanzija tal-Istat jista’ jiġi preżunt, il-punt li huwa deċiżiv għar-raġunament tal-Qorti Ġenerali sabiex tiġi kkonfermata l-analiżi tal-Kummissjoni u sabiex tkun ammessa l-eżistenza ta’ vantaġġ f’dan il-każ jirriżulta b’mod prinċipali mill-punt 106, moqri flimkien mal-punt 108 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat li garanzija illimitata tippermetti li l-benefiċjarju tagħha jikseb kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli minn dawk li huwa kieku kien jikseb abbażi tal-merti tiegħu biss u, għaldaqstant, tippermetti li titnaqqas il-pressjoni imposta fuq il-baġit tiegħu.

53.

Fil-fatt, għall-Qorti Ġenerali, l-għoti ta’ garanzija b’kundizzjonijiet li ma jikkorrispondux għal dawk tas-suq, bħal garanzija illimitata mogħtija mingħajr xejn inkambju, huwa, b’mod ġenerali, ta’ natura li jagħti vantaġġ lill-persuna li tibbenefika minnha, fis-sens li dan għandu bħala konsegwenza t-titjib tal-pożizzjoni finanzjarja tal-benefiċjarju permezz ta’ tnaqqis tal-ispejjeż li, normalment, huma inklużi fil-baġit tiegħu ( 46 ).

54.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li, bla ħsara għall-prova tal-eżistenza ta’ piż supplimentari għall-Istat sabiex l-impriżi kkonċernati jingħataw vantaġġ partikolari li ma jistax jiġi dedott awtomatikament ( 47 ), l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ derogi meta mqabbla mal-proċedura ordinarja ta’ falliment kif ukoll l-esklużjoni ta’ kull mezz ta’ eżekuzzjoni individwali għad-djun fiskali u għall-penalitajiet meta mqabbla mal-impriżi kkonċernati tista’ titqies li hija għajnuna mill-Istat ( 48 ). Tali vantaġġi, permessi mil-leġiżlatur nazzjonali, jistgħu jimplikaw piż supplimentari għall-awtoritajiet pubbliċi, fil-forma ta’ rinunzja effettiva tad-djun pubbliċi, ta’ eżenzjoni tal-obbligu tal-ħlas tal-multi jew ta’ sanzjonijiet pekunjarji oħrajn jew ta’ rata mnaqqsa tat-taxxa ( 49 ).

55.

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kriterju ta’ vantaġġ, wara li kkonstatat li “jidher li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tista’ tpoġġi lill-impriżi li għalihom tapplika f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn oħrajn”, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminatu fil-kawżi Ecotrade u Piaggio, iċċitati iktar ’il fuq, mill-perspettiva tal-possibbiltà li impriża kkonċernata twettaq l-attività ekonomika f’ċirkustanzi fejn din il-possibbiltà tkun eskluża fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli ordinarji fil-qasam ta’ falliment. B’hekk, jidhirli li l-ġurisprudenza diġà tammetti l-possibbiltà li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ vantaġġ meta dan jirriżulta b’mod plawżibbli mill-kuntest leġiżlattiv nazzjonali li jirregola l-funzjonament tal-impriżi inkwistjoni.

56.

Barra minn hekk, jidhirli li dan il-każ ma jikkorrispondix b’mod ċar għal għajnuna individwali, imma pjuttost jixbah lil skema ta’ għajnuna li, billi hija applikabbli għall-EPIK, ikollha effett fuq is-sitwazzjoni ġuridika ta’ La Poste. Għaldaqstant, għandha tiġi applikata par analogiam il-ġurisprudenza li tirrigwarda l-programmi ta’ għajnuna, jiġifieri li l-Kummissjoni tista’ sempliċement tistudja l-karatteristiċi tagħhom sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni, jekk, minħabba l-metodi previsti minn dawn il-programmi, dawn jiżgurawx vantaġġ sinjifikattiv lill-benefiċjarji meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u jekk humiex kapaċi li essenzjalment ikunu ta’ profitt għal impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn l-Istati Membri. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li jkun neċessarju li tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata ( 50 ).

57.

Għandu jiġi nnotat ukoll li mis-sentenza Residex Capital IV ( 51 ) li tirrigwarda garanzija espliċita jirriżulta b’mod ċar li, “meta s-self mogħti minn istituzzjoni ta’ kreditu lil min jissellef huwa ggarantit mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru, min isellef normalment jikseb vantaġġ finanzjarju u jibbenefika b’hekk minn għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, sa fejn l-ispiża finanzjarja li jsostni huwa inferjuri għal dak li kien isostni li kieku kien ikollu jikseb dan l-istess finanzjament u din l-istess garanzija għall-prezzijiet tas-suq”.

58.

Jidhirli wkoll li, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta, fuq livell ġenerali, il-kunċett ta’ “garanzija impliċita” u tammetti, f’dan il-każ, l-eżistenza tagħha, l-eżistenza ta’ vantaġġ tista’ tiġi preżunta fl-istess kundizzjonijiet bħallikieku tkun garanzija espliċita, fi kliem ieħor billi tali garanzija tiġi kkunsidrata bħala li tista’ ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża benefiċjarja. Huwa ovvju li din hija preżunzjoni sempliċi. Għaldaqstant, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament qieset li l-garanziji jistgħu jagħtu vantaġġ lill-benefiċjarji tagħhom.

– Il-kuntest ekonomiku

59.

Madankollu, din il-konstatazzjoni la teżenta lill-Kummissjoni u lanqas lill-Qorti Ġenerali mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet legali u ekonomiċi li fil-kuntest tagħhom topera l-entità li allegatament tibbenefika minn vantaġġ ( 52 ). Fil-fatt, kif diġà għidt iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tevalwa l-vantaġġ inkwistjoni ( 53 ).

60.

Issa, ir-Repubblika Franċiża tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha raġun li tirreferi għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu sabiex “tikkonferma” u mhux sabiex “tipprova” l-eżistenza ta’ vantaġġ għal La Poste.

61.

Huwa minnu li, sabiex tipprova li La Poste kienet tgawdi minn pożizzjoni iktar vantaġġuża li kienet tirriżulta minn kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli minn dik li kien ikollha mingħajr miżura ta’ garanzija illimitata tal-Istat Franċiż, il-Kummissjoni rreferiet b’mod prinċipali għad-data tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu kif ukoll għall-metodi użati minn dawn tal-aħħar ( 54 ). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li La Poste kienet tibbenefika wkoll minn profitt li kien jikkorrispondi għall-assenza ta’ primjum imħallas lill-Istat ( 55 ).

62.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat qabelxejn li fid-dawl tal-premessa li l-eżistenza ta’ vantaġġ f’dan il-każ tista’ tiġi preżunta, in-natura konfermattiva tad-data tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu tagħmel ċertament parti mil-loġika tal-preżunzjoni. Għaldaqstant, l-ilment li jirrigwarda l-insuffiċjenza tal-prova b’rabta mal-użu tal-metodi u tad-data tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għandu jitqies li huwa infondat.

63.

Barra minn hekk, huwa preċiżament sabiex jiġi llimitat b’mod korrett il-kuntest ekonomiku tal-garanzija kkontestata li l-Kummissjoni rreferiet għall-metodi u għad-data tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. F’dan ir-rigward, jiena tal-fehma li, bla ħsara għall-inapplikabbiltà tat-test tal-investitur privat għal dan il-każ, il-firxa ta’ strumenti li l-Kummissjoni tista’ tuża sabiex timmotiva l-analiżi tagħha għandha tkun waħda wiesgħa. Għaldaqstant, għandhom jiġu adottati l-kundizzjonijiet tal-krediti l-iktar favorevoli sostnuti mid-data tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Barra minn hekk, fil-punti 115 sa 117 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonfermat ir-rilevanza tagħhom, filwaqt li ċaħdet l-ilment dwar ir-raġunament ċirkolari mqajjem quddiemha. Inkwantu dan l-ilment huwa marbut mal-problema tal-metodu li għandu jiġi applikat mill-Kummissjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ fil-każ ta’ garanziji tal-Istat, dan biħsiebni nerġa’ nindirizzah iktar ’il quddiem bħala obiter dictum.

– Il-kategorija tal-effetti tal-għajnuna diġà mogħtija

64.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-effetti ta’ għajnuna ġdida u ta’ għajnuna eżistenti, mill-punt 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat il-miżura inkwistjoni bħala li taqa’ taħt il-kunċett ta’ għajnuna eżistenti ( 56 ). Minbarra l-mistoqsijiet li tista’ tqanqal prima facie tali klassifikazzjoni ( 57 ), qabelxejn għandu jiġi osservat li huwa diffiċli li jiġu ddeterminati l-effetti ratione temporis ta’ miżura bħall-garanzija impliċita, peress li l-imsemmija garanzija ma tirriżultax minn att ta’ darba u perċettibbli, imma tiġi dedotta abbażi ta’ serje ta’ indizji konsistenti. Madankollu, peress li hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ għajnuna jirrispondi għal sitwazzjoni oġġettiva li tiġi evalwata fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha, huma l-evalwazzjonijiet magħmula f’din id-data li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jitwettaq l-istħarriġ ġudizzjarju ( 58 ).

65.

Fil-punt 123 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-ġurisprudenza li tipprovdi li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata, fid-deċiżjoni tagħha, li tipprova l-effett reali tal-għajnuna diġà mogħtija ( 59 ). Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk il-Kummissjoni jkollha tipprova l-effett reali tal-għajnuna diġà mogħtija, dan iwassal sabiex jiġu ffavoriti l-Istati Membri li jagħtu għajnuna bi ksur tal-obbligu ta’ notifika u b’detriment għal dawk li jinnotifikaw l-għajnuna fl-istadju tal-abbozz ( 60 ).

66.

Madankollu, mhux biss din il-linja ġurisprudenzjali ( 61 ) ma għandha l-ebda rabta mal-eżami tal-għajnuna eżistenti, imma fuq kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi speċifikament għall-mod li bih jiġu ddeterminati żewġ kriterji oħrajn tal-kunċett ta’ għajnuna, jiġifieri dak tal-effett fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni mingħajr ma nsemmu l-problema ta’ vantaġġ. Dan tabilħaqq jikkorrispondi għall-approċċ klassiku fejn il-Kummissjoni hija obbligata biss li teżamina jekk l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u mhux tistabbilixxi l-effett reali tal-miżura inkwistjoni fuq dawn iż-żewġ kriterji ( 62 ).

67.

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat, fir-rigward tal-effett fuq il-kummerċ u tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, li l-istess trattament għandu jiġi żgurat għaż-żewġ tipi ta’ għajnuna, jiġifieri l-għajnuna eżistenti u l-għajnuna mogħtija mingħajr ma tkun ġiet innotifikata qabel lill-Kummissjoni ( 63 ). Min-naħa l-oħra, ir-rilevanza ta’ dik il-ġurisprudenza għad-determinazzjoni tal-effetti ta’ vantaġġ ma ġietx stabbilita. Barra minn hekk, mill-punt 123 tas-sentenza appellata ma jirriżultax b’mod ċar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellhiex l-intenzjoni li tagħmel distinzjoni bejn id-determinazzjoni tal-vantaġġ u d-determinazzjoni ta’ kriterji oħrajn jew jekk il-ġurisprudenza Boussac Saint Frères u P&O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, bil-kontra, ġietx iċċitata biss sabiex il-Kummissjoni tiġi eżentata mill-obbligu li tipproduċi l-prova ta’ effetti vantaġġużi tal-miżura kkontestata par analogiam.

68.

Barra minn hekk, meta tinqara l-espożizzjoni tal-argumenti tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi nnotat li, filwaqt li fil-punt 123 tas-sentenza appellata hija skartat in-neċessità li jiġu vverifikati l-effetti reali tal-għajnuna eżistenti u illegali, fil-punt 124, hija ddeċidiet li l-effett reali tal-vantaġġ li tagħti garanzija tal-Istat jista’ jiġi preżunt.

69.

Fid-dawl ta’ dik l-espożizzjoni tal-Qorti Ġenerali kkaratterizzata min-nuqqas ta’ ċarezza u minn applikazzjoni konfuża tal-ġurisprudenza, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunament inkluż fil-punt 123 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma huwiex tali li jinvalida s-sentenza appellata jekk id-dispożittiv tagħha jidher fondat fid-dawl ta’ raġunijiet oħra ta’ dritt ( 64 ).

70.

Issa, peress li s-sentenza appellata hija bbażata ġustament fuq l-argument li l-vantaġġ li tagħti garanzija jista’ jiġi preżunt, dan l-iżball ma jistax jaffettwa d-dispożittiv tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, il-possibbiltà ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità tal-punt 1.2 tal-Avviż għandha titqies li hija manifestament inammissibbli.

71.

Fl-aħħar nett, fil-kuntest tar-raba’ aggravju, l-appellanti tikkritika l-punt 106 tas-sentenza appellata u tippreċiża li waqt is-seduta hija ma affermatx li l-fatt li impriża ma setgħetx tiġi suġġetta għal proċedura ta’ falliment jikkawża “awtomatikament” vantaġġ. Naħseb li din il-kritika ġejja minn interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma semmiet tali awtomatiżmu. Barra minn hekk, mill-allegazzjonijiet tal-appellanti ma jirriżulta l-ebda żnaturament, u b’hekk dan l-ilment ma jistax jintlaqa’.

72.

F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala infondat.

– Obiter dicta dwar il-kriterju tal-investitur privat

73.

Bħala obiter dictum, u mingħajr ma rrid inqiegħed f’dubju s-sentenza appellata, nixtieq nindirizza kwistjoni proċedurali li għandha rabta mal-metodu li għandu jiġi segwit mill-Kummissjoni meta tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ. Fil-fatt, kif jirriżulta kemm mill-ġurisprudenza kif ukoll mill-Avviż tal-Kummissjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk garanzija jew skema ta’ garanzija tagħtix vantaġġ, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha fuq il-prinċipju tal-“investitur f’ekonomija tas-suq”, li jeżiġi li jitqiesu l-possibbiltajiet effettivi għal impriża benefiċjarja li takkwista riżorsi finanzjarji ekwivalenti billi tirrikorri għas-suq kapitali ( 65 ). Billi l-kriterju tal-investitur privat huwa ċċentrat fuq il-kriterju ta’ profitt ta’ livell raġonevoli, għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk tranżazzjoni tkunx saret f’kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-interazzjoni bejn l-aġenti ekonomiċi differenti ( 66 ).

74.

Anki jekk mill-ġurisprudenza jirriżulta li bl-adozzjoni ta’ regoli ta’ kondotta, il-Kummissjoni għamlet restrizzjoni fuqha nfisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma ssib ruħha li qed tikkommetti ksur ( 67 ), il-kriterju msemmi iktar ’il fuq ma ġiex applikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u dan in-nuqqas ma ġiex iċċensurat mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, wieħed għandu jistaqsi jekk tali motiv setax jitqajjem ex officio mill-Qorti Ġenerali wara li tkun informat lill-partijiet ( 68 ). Sa fejn l-applikabbiltà tal-imsemmi kriterju ma tqajmitx fil-kuntest ta’ dan l-appell, din il-problema tista’ tissemma b’ċertu utilità mill-Qorti tal-Ġustizzja biss mill-perspettiva tal-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, bħala ksur tad-dmir ta’ motivazzjoni ( 69 ).

75.

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ sitwazzjonijiet: dawk fejn l-intervent tal-Istat ikollu natura ekonomika u dawk fejn l-intervent tal-Istat jaqa’ taħt atti ta’ awtorità pubblika ( 70 ), bil-kriterju tal-operatur privat ikun applikabbli biss fl-ewwel każ. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement iddeċidiet li vantaġġ ekonomiku, anki jekk mogħti b’mezzi fiskali, għandu jiġi evalwat, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat jekk jidher, wara evalwazzjoni globali, fejn meħtieġa, li l-Istat Membru kkonċernat, minkejja l-użu ta’ tali mezzi ta’ awtorità pubblika, ta l-imsemmi vantaġġ fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist tal-impriża li hija proprjetà tiegħu ( 71 ).

76.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-applikazzjoni tat-test tal-investitur privat ma hijiex adattata għall-każ ta’ garanzija impliċita tal-Istat u b’hekk għandha tiġi eskluża, b’mod partikolari, minħabba li tali garanzija taqa’ taħt atti jew ommissjonijiet tal-awtorità pubblika fis-sens ġenerali, u mhux taħt atti adottati bħala detentriċi ta’ interessi patrimonjali fl-impriża kkonċernata, f’dan il-każ, f’La Poste. Min-naħa l-oħra, naħseb li l-Qorti Ġenerali setgħet tagħti deċiżjoni dwar din il-kwistjoni billi tqajjimha ex officio.

C – Fuq is-sens tal-motivi invokati quddiem il-Qorti Ġenerali (l-ewwel aggravju tal-appell)

77.

Bl-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 53 sa 57 tas-sentenza appellata, li l-motivi kollha invokati insostenn tar-rikors għal annullament kienu marbuta mad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ u li, għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq ksur tal-kundizzjoni dwar it-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat kien inammissibbli sa fejn kien jikkostitwixxi motiv ġdid imressaq fil-mori tal-kawża. Minn din il-perspettiva, l-appellanti ssostni wkoll li, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Qorti Ġenerali fil-punt 57 tas-sentenza appellata, hija ma ammettietx, waqt is-seduta, li l-argument tagħha kien jikkonċerna biss il-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ vantaġġ.

78.

Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li bla ebda dubju mill-proċess verbali tas-seduta, li l-veraċità tiegħu ma ġietx ikkontestata mir-Repubblika Franċiża, jirriżulta li din kienet qalet, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li ma kinitx qed tikkontesta li dawn kienu riżorsi tal-Istat, fil-każ li l-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li kien hemm garanzija impliċita u illimitata. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-korrispondenza sussegwenti għas-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali ( 72 ), ir-Repubblika Franċiża kkonfermat li, “jekk il-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li kien hemm garanzija impliċita u illimitata, din kienet tkun riżorsi tal-Istat”. F’din l-istess ittra, ir-Repubblika Franċiża sussegwentement ippreċiżat in-natura tal-provi li għandhom jiġu prodotti, fil-fehma tagħha, mill-Kummissjoni, sabiex tkun tista’ tikkonkludi li kien hemm tali garanzija. Minn dan nikkonkludi li r-Repubblika Franċiża ma hijiex qed tiċħad it-teħid ta’ pożizzjoni tagħha waqt is-seduta. Barra minn hekk, il-possibbiltà ta’ żnaturament tal-provi tidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi ( 73 ). Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża ineżami.

79.

Naħseb ukoll, li meta ċaħdet il-problema tal-kriterju distint tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat bħall-kriterju tal-impenn tar-riżorsi tal-Istat, il-Qorti Ġenerali ma għamlet xejn għajr kienet konformi mal-ġurisprudenza dwar il-projbizzjoni ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tas-suġġett tar-rikors ( 74 ). Fil-fatt, filwaqt li ċerti punti tar-rikors huma marbuta mat-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat, jidher ċar mill-punt 49 tas-sentenza appellata fejn hemm is-sunt tal-argumenti tar-Repubblika Franċiża li l-ebda motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali ma jirreferi espressament għall-analiżi tal-imsemmi kriterju. Issa, jiena naħseb li ma għandhiex tkun il-Qorti Ġenerali li tirrikostitwixxi l-motivi invokati quddiemha abbażi ta’ indikazzjonijiet frammentarji inklużi f’diversi partijiet tar-rikors ( 75 ). Għaldaqstant, l-ewwel aggravju wkoll għandu jiġi miċħud.

IV – Konklużjoni

80.

Fl-aħħar nett, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell tar-Repubblika Franċiża,

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża sabiex tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU L 274, p. 1.

( 3 ) Kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza tal-garanzija kkontestata favur La Poste, assimilata ma’ entità pubblika ta’ natura industrijali u kummerċjali (iktar ’il quddiem “EPIK”), tnisslet minn serje ta’ indizji, fosthom prinċipalment, l-inapplikabbiltà tal-proċeduri ta’ insolvenza u ta’ falliment u l-indikazzjoni tal-Istat bħala responsabbli għall-irkupru tad-djun magħmula (ara l-punti 20 sa 36 tal-imsemmija deċiżjoni).

( 4 ) Ir-Repubblika Franċiża invokat tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq allegat żball ta’ liġi peress li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-Repubblika Franċiża sostniet li l-Kummissjoni allegatament wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ fatt billi qieset li La Poste, minħabba l-istatus ta’ EPIK tagħha, kienet tibbenefika minn garanzija impliċita u illimitata tad-djun tagħha mill-Istat. It-tielet motiv kien ibbażat fuq l-ineżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

( 5 ) Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009 (C-520/07 P, Ġabra p. I-8555).

( 6 ) Sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010 (C-290/07 P, Ġabra p. I-7763).

( 7 ) Liġi tas-16 ta’ Lulju 1980 dwar il-pagamenti ta’ penalità imposti fil-qasam amministrattiv u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi mill-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku (JORF tas-17 ta’ Lulju 1980, p. 1799).

( 8 ) Sentenza tal-Conseil d’État tat-18 ta’ Novembru 2005 (Ġabra ta’ deċiżjonijiet tal-Conseil d’État, p. 515).

( 9 ) Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-26 ta’ Settembru 2006 (Rikors Nru 57516/00).

( 10 ) Ara l-punt 139 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 11 ) Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (2008/C 155/02), (ĠU 2008, C 155, p. 10, l-ewwel paragrafu tal-punt 1.2, iktar ’il quddiem l-“Avviż”).

( 12 ) Ara t-tieni paragrafu tal-punt 1.2 tal-Avviż.

( 13 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et (C‑399/10 P u C‑401/10 P, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) F’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade (C-200/97, Ġabra p. I-7907, punt 41).

( 15 ) Sentenzi Ecotrade, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43; tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV (C-275/10, Ġabra p. I-13043, punti 39 sa 42), u Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 107).

( 16 ) Qabelxejn, nirrileva l-kumplessità tal-possibbiltà ta’ waqfien ta’ għajnuna mogħtija bħala garanzija impliċita, skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Jekk huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tikkunsidra miżuri indiretti, il-grad ta’ diffikultà li jirriżulta min-natura impliċita tal-miżura inkwistjoni hawnhekk jidhirli, madankollu, li huwa wieħed eċċezzjonali.

( 17 ) Għandu jiġi nnotat li l-eżistenza ta’ garanzija impliċita li tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli hija aċċettata mill-Kummissjoni fl-assenza ta’ test tad-dritt nazzjonali li jippermetti li jiġi ċċarat l-istatus legali ta’ La Poste.

( 18 ) Kif enfasizzajt fil-punti 87 u 88 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Il‑Belġju vs Deutsche Post u DHL International, għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ indizju u l-kunċett ta’ prova. Il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tipprova ċerti ċirkustanzi, imma għandha tkun tista’ tislet konklużjoni loġika u motivata abbażi tal-elementi oġġettivi li jkunu ġew sottomessi lilha (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, C-148/09 P, Ġabra p. I-8573).

( 19 ) Fir-rigward tal-kriterju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fil-qasam tal-ftuħ ta’ proċedura formali mill-Kummissjoni, ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2001, Prayon‑Rupel vs Il‑Kummissjoni (T-73/98, Ġabra p. II-867), u, iktar reċenti, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Jannar 2013, 3F vs Il‑Kummissjoni (C‑646/11 P, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Sentenza tat-13 ta’ April 1994, Il‑Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il‑Kummissjoni (C-324/90 u C-342/90, Ġabra p. I-1173, punt 15).

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23.

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C-276/02, Ġabra p. I-8091, punt 37).

( 23 ) Sentenza tal-15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval (C-12/03 P, Ġabra p. I-987, punt 39).

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Scott (punt 90).

( 25 ) Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tat-tieni motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, il-punti 66, 71, 78, 82, 87, 92 sa 94 tas-sentenza appellata.

( 26 ) Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il‑Kummissjoni (T-228/99 u T-233/99, Ġabra p. II-435, punt 270), u tas-17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (T-196/04, Ġabra p. II-3643, punt 59).

( 27 ) Fir-rigward tad-distinzjoni li għandha ssir bejn l-oneru tal-prova u l-livell tal-prova, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, C-97/08 P, Ġabra p. I-8237), punt 74 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 64).

( 28 ) It-terminu “livell tal-prova” (“standard of proof”) deher espressament fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bis-sentenzi importanti fil-Kawżi Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, iċċitata iktar ’il fuq; tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni (C-403/04 P u C-405/04 P, Ġabra p. I-729); tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C-413/06 P, Ġabra p. I-4951); u tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et (C-501/06 P, C-513/06 P, C-515/06 P u C-519/06 P, Ġabra p. I-9291, punt 87).

( 29 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG‑Telefunken vs Il‑Kummissjoni (107/82, Ġabra p. 3151, punt 136).

( 30 ) Sentenza tat-28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il‑Kummissjoni (29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 20).

( 31 ) Sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni (C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, Ġabra p. I-1307, punti 70 u 127).

( 32 ) Ara s-sentenza Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, iċċitata iktar ’il fuq (punti 47, 51 u 52). Il-kriterju ġie ripetut mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il‑Kummissjoni (T-210/01, Ġabra p. II-5575), fil-punti 64 u 65 “skond kull probabbiltà”, fil-punt 331 “prevedibbli b’ċertu livell ta’ probabbiltà suffiċjenti” u fil-punt 340 “[…] l-Kummissjoni ma wrietx, abbażi ta’ provi konvinċenti, u bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet tuża s-saħħa kummerċjali ta’ GECAS kif ukoll is-saħħa finanzjarja tal-grupp li jirriżultaw mill-pożizzjoni ta’ GE Capital [...] fil-futur”.

( 33 ) Sibony, A., Barbier de La Serre E., “Charge de la preuve et théorie du contrôle en droit communautaire de la concurrence”, RTD Eur. 2007, p. 205.

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C-279/08 P, Ġabra p. I-7671, punt 111).

( 35 ) Sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 109 sa 110).

( 36 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Scott, iċċitata iktar ’il fuq (punti 64 sa 66).

( 37 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu 2010, Bundesverband deutscher Banken vs Il‑Kummissjoni (T-163/05, Ġabra p. II-387, punt 38).

( 38 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari s-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 49), u tat-23 ta’ Marzu 2006, Mülhens vs UASI (C-206/04 P, Ġabra p. I-2717, punt 28).

( 39 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni (C-82/01 P, Ġabra p. I-9297, punti 56 u 63).

( 40 ) Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI (C-263/09 P, Ġabra p. I-5853, punt 53).

( 41 ) Ara, ex multis, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C-39/94, Ġabra p. I-3547, punt 60), u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni (C-487/06 P, Ġabra p. I-10515, punt 82).

( 42 ) Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-identifikazzjoni tal-vantaġġ fil-qasam tal-garanziji tingħaraf ukoll minħabba li l-garanzija tista’ tkun ta’ benefiċċju kemm b’mod kumulattiv lil min isellef u lil min jissellef, kif ukoll biss lil dan tal-aħħar. Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 33 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Residex Capital IV, iċċitata iktar ’il fuq, u s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il‑Ġermanja et vs Il‑Kummissjoni (C-329/93, C-62/95 u C-63/95, Ġabra p. I-5151, punt 56).

( 43 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs franza et, iċċitata iktar ’il fuq, u l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (173/73, Ġabra p. 709, punt 27); tal-24 ta’ Frar 1987, Deufil vs Il‑Kummissjoni (310/85, Ġabra p. 901, punt 8); u tas-26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il‑Kummissjoni (C-241/94, Ġabra p. I-4551, punt 20).

( 45 ) Sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 270).

( 46 ) Punt 106 tas-sentenza appellata.

( 47 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun (C-72/91 u C-73/91, Ġabra p. I-887, punt 21).

( 48 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ecotrade, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45.

( 49 ) Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio (C-295/97, Ġabra p. I-3735, punt 42).

( 50 ) Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere”et vs Il‑Kummissjoni (C-71/09 P, C-73/09 P u C-76/09 P, Ġabra p. I-4727, punt 63).

( 51 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq, punt 39.

( 52 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et (C-341/06 P u C-342/06 P, Ġabra p. I-4777, punt 128 a contrario).

( 53 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Belġju vs Deutsche Post u DHL International, iċċitata iktar ’il fuq (punti 84 sa 87).

( 54 ) Mill-bqija, dan jirrifletti approċċ li diġà ġie segwit mill-Kummissjoni sabiex tiġi adottata deċiżjoni simili li kienet tirrigwarda lil EDF li dak iż-żmien kellha l-istatus ta’ EPIK [ara l-punti 67 sa 72 tad-Deċiżjon 2005/145/KE tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Diċembru 2003, dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza lil EDF u lis-settur tal-industriji tal-elettriku u tal-gass (ĠU L 49, p. 9). Din id-deċiżjoni ma kienet is-suġġett tal-ebda rikors].

( 55 ) Punt 2.2 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 56 ) Minħabba li l-garanzija kienet teżisti qabel l-1958, il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 1(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

( 57 ) Mill-proċess jirriżulta li kien biss fl-1990 li d-Direttorat Ġenerali tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet preċedenti kien ġie ttrasformat, mill-1 ta’ Jannar 1991, f’żewġ persuni ġuridiċi awtonomi rregolati mid-dritt pubbliku: France Télécom u La Poste. Kif jirriżulta mill-punt 2 [3] tas-sentenza appellata, b’sentenza tat-18 ta’ Jannar 2001, il-Cour de cassation aċċettat il-prinċipju li La Poste kienet ġiet assimilata ma’ EPIK. Għandu jiġi osservat li l-argument tal-għajnuna eżistenti jimplika li qabel l-1990, il-mekkaniżmu tal-garanzija impliċita kien fis-seħħ minħabba li din kienet entità li taqa’ taħt l-Istat stess. B’hekk, fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, l-Istat kien il-garanti tiegħu stess.

( 58 ) Sentenza Chronopost u La Poste vs UFEX et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 144).

( 59 ) Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2006, P&O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni (C-442/03 P u C-471/03 P, Ġabra p. I-4845, punt 110).

( 60 ) Sentenza tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “Boussac Saint Frères” (C-301/87, Ġabra p. I-307, punti 32 u 33).

( 61 ) Ara s-sentenzi P&O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u, tad-29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C-298/00 P, Ġabra p. I-4087, punt 49).

( 62 ) Ara l-punt 4 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Capotorti ppreżentati fil-kawża Philip Morris Holland vs Il‑Kummissjoni (sentenza tas-17 ta’ Settembru 1980, 730/79, Ġabra p. 2671). Ara, ukoll, is-sentenzi Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 296 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-10 tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C-222/04, Ġabra p. I-289, punt 140).

( 63 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C-372/97, Ġabra p. I-3679, punti 44 u 45).

( 64 ) F’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 47), u tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni (C-352/09 P, Ġabra p. I-2359, punt 136).

( 65 ) Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “Stardust” (C-482/99, Ġabra p. I-4397) u l-Avviż, punt 4.1.

( 66 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2010, Bundesverband deutscher Banken vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 36 et seq).

( 67 ) Sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 211 sa 213).

( 68 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et (C-89/08 P, Ġabra p. I-11245).

( 69 ) Ibidem, punti 34 u 35.

( 70 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C-278/92 sa C-280/92, Ġabra p. I-4103, punt 22), kif ukoll l-punt 20 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger ippreżentati fil-kawża Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, C-280/00, Ġabra p. I-7747).

( 71 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs EDF, iċċitata iktar ’il fuq (punt 92).

( 72 ) Anness 3 tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja: ittra tal-Gvern Franċiż indirizzata lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2012.

( 73 ) B’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C-419/08 P, Ġabra p. I-2259, punti 30 sa 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 74 ) Sentenza tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il‑Kummissjoni (C‑176/06 P).

( 75 ) Kif diġà pproponejt fil-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-Kawża Il-Belġju vs Deutsche Post u DHL International, iċċitata iktar ’il fuq.

Top