Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CC0533

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Wathelet - 15 ta' Jannar 2014.
    Société nationale maritime Corse-Méditerranée (SNCM) SA (C-533/12 P) u ir-Repubblika Franċiża (C-536/12 P) vs Corsica Ferries France SAS.
    Appell - Għajnuna għar-ristrutturazzjoni - Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni Ewropea - Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea - Test ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq - Rekwiżit ta’ analiżi settorjali u ġeografika - Prattika suffiċjentement stabbilita - Razzjonalità ekonomika għal perijodu twil - Ħlas ta’ allowances addizzjonali ta’ tkeċċija.
    Każijiet Magħquda C-533/12 P u C-536/12 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:4

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    WATHELET

    ippreżentati fil-15 ta’ Jannar 2014 ( 1 )

    Kawżi magħquda C‑533/12 P u C‑536/12 P

    Société nationale maritime Corse-Méditerranée (SNCM) SA,

    Ir-Repubblika Franċiża

    vs

    Corsica Ferries France SAS

    “Appell — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni — Test tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni — Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali — Immaġni tal-Istat — Rekwiżit ta’ analiżi settorjali u ġeografika — Prattika suffiċjentement stabbilita — Ħlas ta’ allowances addizzjonali ta’ tkeċċija”

    1. 

    Is-suġġett ta’ din il-kawża huwa l-appell ippreżentat mis-Société nationale maritime Corse-Méditerranée (SNCM) SA (iktar ’il quddiem l-“SNCM”) u mir-Repubblika Franċiża kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem “is-sentenza appellata”) ( 2 ), sa fejn din annullat it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/611/UE, tat-8 ta’ Lulju 2008, dwar il-miżuri C 58/02 (ex N 118/02) li Franza ħadet favur l-SNCM (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) ( 3 ).

    2. 

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2013, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna li l-Kawżi C-533/12 P u C-536/12 P jingħaqdu.

    I – Il-fatti li wasslu għall-kawża

    3.

    L-SNCM hija kumpannija marittima li, minn Franza kontinentali (Marseille, Toulon u Nice), tagħmel rotot regolari lejn Korsika, l-Afrika ta’ Fuq (Alġerija u Tuneżija) u Sardinja.

    4.

    Fl-2002, 20 % tal-ishma tal-SNCM kienu l-proprjetà tas-Société nationale des chemins de fer u 80 % tal-Compagnie générale maritime et financière (iktar ’il quddiem iċ-“CGMF”), miżmuma 100 % mill-Istat Franċiż. Mal-ħruġ tal-kapital fl-2006, żewġ xerrejja Butler Capital Partners (iktar ’il quddiem “BCP”) u Veolia Transport (iktar ’il quddiem “VT”), ħadu l-kontroll ta’ 38 % u 28 % tal-kapital rispettivament, filwaqt li ċ-CGMF baqgħet iżżomm 25 % u li 9 % tal-kapital kien baqa’ rriżervat għall-impjegati. Wara, BCP biegħet l-ishma tagħha lil VT.

    5.

    Corsica Ferries France SAS (iktar ’il quddiem “Corsica Ferries”), hija kumpannija marittima li toffri rotot marittimi regolari lejn Korsika bi tluq minn Franza kontinentali (Marseille, Toulon u Nice) u mill-Italja. Hija waħda mill-kompetituri sinjifikattivi tal-SNCM. Fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, Corsica Ferries kienet il-protagonista dominanti tar-rotot marittimi bejn il-kontinent u Korsika, u s-sehem tagħha fis-suq baqa’ dejjem jikber ( 4 ).

    6.

    Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Frar 2002, ir-Repubblika Franċiża nnotifikat lill-Kummissjoni bi proġett ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur iċ-SNCM fl-ammont ta’ EUR 76 miljun (iktar ’il quddiem il-“pjan tal-2002”).

    7.

    Permezz tad-Deċiżjoni 2004/166/KE tagħha, tad-9 ta’ Lulju 2003, dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni li Franza kellha l-intenzjoni li tagħti lis-Société nationale maritime Corse-Méditerranée (SNCM) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-2003”) ( 5 ), il-Kummissjoni approvat kundizzjonalment żewġ porzjonijiet ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur l-SNCM fl-ammont totali ta’ EUR 76 miljun, waħda ta’ EUR 66 miljun, pagabbli immedjatament, u l-oħra, fl-ammont massimu ta’ EUR 10 miljuni, li kienet tiddependi fuq ir-riżultat nett tat-trasferimenti fir-rigward, b’mod partikolari, tal-vapuri ta’ SNCM. L-uniku element tal-pjan tal-2002 li qed jiġi kkontestat huwa l-bilanċ tar-ristrutturazzjoni ta’ ammont finali ta’ EUR 15.81 miljuni ( 6 ).

    8.

    Permezz tad-Deċiżjoni 2005/36/KE tagħha, tat-8 ta’ Settembru 2004, li temenda d-Deċiżjoni tal-2003 ( 7 ), il-Kummissjoni emendat waħda mill-kundizzjonijiet imposti permezz tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2003. Dawn l-emendi ma għandhom ebda effett fuq dawn l-appelli.

    9.

    Fit-13 ta’ Ottubru 2003, Corsica Ferries ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni tal-2003.

    10.

    Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni, abbażi tad-Deċiżjoni tal-2003, approvat il-ħlas parzjali tat-tieni porzjon tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni msemmija fil-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għall-ammont ta’ EUR 3,327,400.

    11.

    Permezz tas-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005 ( 8 ), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-2003 minħabba evalwazzjoni żbaljata tan-natura minima tal-għajnuna, dovuta prinċiparjament għal żbalji ta’ kalkolu fid-dħul nett mill-bejgħ, u ċaħdet il-motivi l-oħra kollha bbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE [li sar l-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE] ( 9 ) u tal-Linji Gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi f’diffikultà ( 10 ).

    12.

    F’ittra tas-7 ta’ April 2006, l-awtoritajiet Franċiżi stiednu lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li, minħabba n-natura ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku, parti minn din l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni permessa fil-kuntest tal-pjan tal-2002, fl-ammont ta’ EUR 53.48 miljun, ma kellhiex tiġi kklassifikata bħala “miżura meħuda fil-kuntest ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni iżda bħala miżura li ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, Ġabra p. I-7747, iktar ’il quddiem is-“sentenza Altmark”), jew miżura awtonoma mill-pjan tal-2002 abbażi tal-Artikolu 86(2) KE” ( 11 ).

    13.

    Fil-21 ta’ April 2006, l-abbozz ta’ konċentrazzjoni li jirrigwarda l-ksib ta’ kontroll konġunt tal-SNCM minn BCP u VT ġie nnotifikat lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi ( 12 ). Il-Kummissjoni awtorizzat il-konċentrazzjoni fid-29 ta’ Mejju 2006 abbażi tal-Artikolu 6(1)(b) tal-istess regolament.

    14.

    Fis-16 ta’ Mejju 2006, BCP, VT u CGMF iffirmaw Memorandum ta’ Ftehim, li jipprovdi li 75 % tal-kapital tal-SNCM jiġi ttrasferit lix-xerrejja privati. Dan il-memorandum jinkludi tliet miżuri tal-Istat li kienu fil-qalba tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u huma kkontestati f’din il-proċedura:

    il-bejgħ tal-SNCM bi prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun (kontribuzzjoni kapitali ta’ EUR 142.5 miljun u l-ħlas tal-ispejjeż tal-assigurazzjoni tas-saħħa għal ammont ta’ EUR 15.5 miljun);

    il-ħlas minn qabel f’kont kurrenti miċ-CGMF għal ammont ta’ EUR 38.5 miljun favur l-impjegati li jingħataw is-sensja mill-SNCM, u

    iż-żieda fil-kapital ta’ EUR 8.75 miljun sottoskritt miċ-CGMF b’mod konġunt u konkomitanti mal-kontribuzzjoni ta’ EUR 26.25 miljun li saret mill-VT u l-BCP.

    15.

    Wara li fit-13 ta’ Settembru 2006, l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet finanzjarji li saru fl-okkażjoni tat-trasferiment tal-SNCM fis-settur privat, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE u teżamina f’dan il-kuntest il-miżuri l-ġodda implementati favur l-SNCM illi inkorporaw il-pjan tal-2002 ( 13 ).

    16.

    Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-kontribuzzjoni kapitali ta’ EUR 53.48 miljun prevista fil-pjan tal-2002 bħala kumpens ta’ servizz pubbliku tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali fis-sens tal-Artikolu 88(3) KE, iżda hija kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 86(2) KE u l-Artikolu 87(3)(ċ) KE u li l-miżuri tal-pjan ta’ privatizzazzjoni tal-2006 ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

    II – Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    17.

    Permezz tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, Corsica Ferries talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

    18.

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment ir-rikors tagħha. Dwar it-tliet miżuri inklużi fil-Memorandum ta’ Ftehim, tas-16 ta’ Mejju 2006, u l-bilanċ tar-ristrutturazzjoni inkluż fil-pjan tal-2002, hija ddeċidiet li:

    il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li l-approvazzjoni tat-trasferiment tal-SNCM bi prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE;

    il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li l-kontribuzzjoni kapitali mis-CGMF ta’ EUR 8.75 miljun ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE;

    il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li l-ħlas minn qabel magħmul lill-SNCM miċ-CGMF għall-ammont ta’ EUR 38.5 miljun ma jikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE;

    il-Kummissjoni ma ssostanzjatx b’mod adegwat l-analiżi tagħha dwar il-bilanċ ta’ ristrutturazzjoni bl-ammont finali ta’ EUR 15.81 miljun u wettqet għalhekk żball manifest ta’ evalwazzjoni billi approvat dan il-bilanċ skont l-Artikolu 87(1) KE.

    19.

    Abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali annullat it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

    III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    20.

    Permezz tal-appell tagħha ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Novembru 2012, l-SNCM talbet l-annullament parzjali tas-sentenza appellata. Permezz tal-appell tagħha ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Novembru 2012, ir-Repubblika Franċiża talbet l-annullament tas-sentenza appellata. Corsica Ferries ippreżentat ir-risposta tagħha fit-28 ta’ Frar 2013. Fis-6 ta’ Novembru 2013, inżammet seduta li fiha l-SNCM, ir-Repubblika Franċiża kif ukoll Corsica Ferries ippreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

    21.

    Għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni, li d-deċiżjoni tagħha ġiet parzjalment annullata mill-Qorti Ġenerali, ma appellatx mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, la billi fformulat appell jew appoġġjat l-SNCM u lir-Repubblika Franċiża u lanqas billi pparteċipat fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    IV – L-appell

    22.

    L-SNCM u r-Repubblika Franċiża jqajmu erba’ aggravji marbuta ma’ kull wieħed mill-erba’ miżuri msemmija fil-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    A – Fuq l-ewwel aggravju, dwar it-trasferiment ta ’ SNCM bi prezz negattiv

    1. Id-deċiżjoni kkontestata

    23.

    Fil-premessi 259 sa 348 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li fid-dawl li jiġi ddeterminat jekk il-privatizzazzjoni tal-SNCM bi prezz ta’ bejgħ negattiv ta’ EUR 158 miljun għandhiex l-elementi ta’ għajnuna mill-Istat, hemm lok li jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat setax jiġi mħajjar li jipproċedi għal kontribuzzjonijiet f’kapitali tal-istess daqs fil-qafas tal-bejgħ tal-SNCM jew jekk kienx jagħżel li din tiġi stralċjata.

    24.

    Skont il-Kummissjoni, il-gruppi kbar ta’ impriżi ma jistgħux attwalment, meta jipproċedu għall-għeluq ta’ siti jew stralċ ta’ sussidjarji, ma jinterressawx ruħhom mill-konsegwenzi soċjali li jirriżultaw minn tali għeluq jew stralċ. Hija żiedet li bosta drabi huma jimplementaw pjanijiet soċjali li jistgħu jinkludu allowances għat-terminazzjoni tal-impjieg li jmorru lil hinn minn dak li jimponu l-liġi u l-ftehim kollettivi.

    25.

    Il-Kummissjoni qieset għalhekk li, fl-ipoteżi ta’ stralċ tal-SNCM, miżuri bħal dawn kienu jiġu stabbiliti b’mod supplimentari mal-obbligi legali bl-għan li ma ssirx ħsara lill-immaġni tal-kumpannija holding li lilha tappartjeni u tal-azzjonist finali tagħha, jiġifieri l-Istat Franċiż.

    26.

    Il-Kummissjoni eżaminat imbagħad jekk l-ispiża tal-allowances għat-terminazzjoni tal-impjieg li tmur lil hinn minn dak li jimponu l-liġi u l-ftehim kollettivi, teċċedix il-prezz negattiv tal-bejgħ u kkonkludiet li dan ma huwiex il-każ. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni aċċettat li l-għażla li l-SNCM tiġi ttrasferita bi prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, peress li hija konformi mal-għażla li kien jagħmel grupp privat li jopera f’ekonomija tas-suq u dan, meta jiġu kkunsidrati l-ispejjeż soċjali li kien jimplika stralċ tal-impriża.

    2. Is-sentenza appellata

    27.

    Waqt l-eżami tagħha tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, il-Qorti Ġenerali aċċettat li sabiex jiġi ddefinit l-aġir ta’ investitur privat għaqli, għandhom jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni r-responsabbiltajiet tiegħu f’ekonomija soċjali tas-suq fil-konfront tal-partijiet ikkonċernati kollha tal-impriża kif ukoll il-bdil tal-kuntest soċjali, ekonomiku u ambjentali li fih huwa jopera l-impriża tiegħu ( 14 ).

    28.

    Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali aċċettat li l-għoti ta’ allowances addizzjonali ta’ tkeċċija min-naħa ta’ investitur privat jista’ jikkostitwixxi prattika leġittima u xierqa, bil-għan li jiġi promoss djalogu soċjali paċifiku u tinżamm l-immaġni ta’ kumpannija jew ta’ grupp ta’ kumpanniji ( 15 ). Madankollu, skont il-Qorti Ġenerali, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe razzjonalità ekonomika, anki fuq perijodu twil, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż lil hinn mill-obbligi legali u kuntrattwali stretti għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat ( 16 ).

    29.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkritikat lill-Kummissjoni li ma ddefinixxietx l-attivitajiet ekonomiċi tal-Istat Franċiż li fir-rigward tagħhom jista’ eventwalment ikun hemm il-bżonn ta’ protezzjoni tal-immaġni u li fir-rigward tagħhom għandha tiġi evalwata r-razzjonalità ekonomika tal-bejgħ bi prezz negattiv magħmul f’dan il-każ ( 17 ).

    30.

    Fl-assenza ta’ tali definizzjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li huwa impossibbli li hija tistħarreġ ir-razzjonalità ekonomika fuq perijodu twil tal-prezz tat-trasferiment negattiv li l-Istat Franċiż ikkonċeda sabiex jevita l-ħlas ta’ allowances addizzjonali ta’ tkeċċija f’każ ta’ stralċ. Hija kkonkludiet għalhekk li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi ( 18 ).

    31.

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma ressqitx elementi oġġettivi u verifikabbli suffiċjenti li jistgħu juru li l-ħlas ta’ allowances addizzjonali ta’ tkeċċija huwa prattika stabbilita fost l-imprendituri privati u li hija ma pproduċietx elementi li jistgħu juru l-eżistenza ta’ probabbiltà raġonevoli tar-realizzazzjoni ta’ spejjeż soċjali li tiġġustifika l-ħlas ta’ dawn l-allowances ( 19 ).

    32.

    Qabel ma laqgħet il-motiv imqajjem minn Corsica Ferries ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li l-approvazzjoni tal-bejgħ tal-SNCM bi prezz negattiv ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat ( 20 ), il-Qorti Ġenerali fi kliemha kkonkludiet li “[i]l-Kummissjoni ma ppreżentat ebda element li jista’ juri, għall-finijiet tal-liġi, b’liema mod l-inklużjoni tal-ispiża kunsiderevoli tal-indennizzi supplimentari għat-tkeċċija, li barra minn hekk jistgħu jilħqu ammont sa għaxar darbiet l-ammont li jirriżulta mill-obbligi legali u kuntrattwali, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 277 tad-deċiżjoni kkontestata, kienet motivata, fil-każ inkwistjoni, minn probabbiltà raġonevoli għall-Istat Franċiż li jikseb profitt materjal indirett anki fuq perijodu twil. Huwa impossibbli li jitneħħew ir-riskji ta’ ċerti konsegwenzi soċjali f’impriżi pubbliċi oħra fil-każ ta’ likwidazzjoni tal-SNCM mingħajr ħlas ta’ indennizzi supplimentari għat-tkeċċija, id-daqs tal-ispejjeż soċjali indiretti kkonċernati, kif ukoll il-probabbiltà ta’ espożizzjoni tagħhom, bl-ebda mod ma ġew analizzati mill-Kummissjoni, lanqas fit-tweġibiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li r-razzjonalità ekonomika fit-tul tal-komportament tal-Istat Franċiż ma ġietx murija għall-finijiet tal-liġi” ( 21 ).

    3. Analiżi

    a) Dwar l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-SNCM

    33.

    L-SNCM ikkritikat lill-Qorti Ġenerali li interpretat b’mod żbaljat il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq.

    34.

    Fil-punti 86 u 87 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li, fil-kuntest tat-test tal-investitur privat hija l-Kummissjoni li għandha tiddefinixxi l-attivitajiet ekonomiċi tal-Istat, b’mod partikolari fil-livell ġeografiku u settorjali, li fir-rigward tagħhom għandha tiġi evalwata r-razzjonalità ekonomika għall-perijodu twil tal-aġir ta’ dan l-Istat. Skont il-Qorti Ġenerali, din l-analiżi hija indispensabbli sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli, ta’ prattika suffiċjentement stabbilita fost dawn l-investituri privati ta’ referenza ddefinita minn qabel u tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ probabbiltà raġonevoli u suffiċjentement sostanzjata li l-Istat Membru jikseb, mill-aġir inkwistjoni, profitt materjali indirett.

    35.

    L-SNCM tikkunsidra li dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali jmorru ferm lil hinn mill-analiżi tal-eventwali żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni u jqiegħdu inkwistjoni l-evalwazzjoni ekonomika tagħha tal-fatti li ġew ippreżentati lilha kif ukoll il-kwalità tax-xogħol tal-espert indipendenti nnominat mill-Kummissjoni. Skont l-SNCM, is-sentenza appellata tmur kontra l-ekwilibriju istituzzjonali fis-sens li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq espert tar-relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-impriża.

    36.

    Jien nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-SNCM għar-raġunijiet li ġejjin.

    37.

    Ċertament għandu jiftakkar li ma huwiex l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-Kummissjoni ( 22 ). Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l‑evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li saru mill-Kummissjoni huwa stħarriġ limitat li jillimita ruħu għal verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u tal-motivazzjoni, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter” ( 23 ).

    38.

    Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak allegat mill-SNCM, il-Qorti Ġenerali ma ssostitwixxitx l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, iżda wriet ir-raġunament tagħha u fuq kollox bil-mod kif issostanzjat lil dan tal-aħħar, uriet tali lakuni li poġġew f’dubju l-applikazzjoni tajba tal-Artikolu 87 KE mill-Kummissjoni.

    39.

    Jiena lanqas ma naqbel mal-ilment li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx il-fatt li l-Kummissjoni nnominat espert indipendenti u bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-konklużjonijiet tiegħu u b’hekk poġġiet f’dubju l-kontenut tax-xogħol tal-espert. Kif tirrileva Corsica Ferries, il-Qorti Ġenerali ma kkontestatx il-konklużjonijiet tal-espert iżda kkritikat biss lill-Kummissjoni talli ma ssostanzjatx suffiċjentement l-elementi oġġettivi u verifikabbli, li tpoġġew għad-dispożizzjoni tagħha bix-xogħol tal-espert.

    b) Dwar it-tieni u r-raba’ partijiet tal-ewwel aggravju tal-SNCM u t-tieni parti tal-ewwel aggravju tar-Repubblika Franċiża

    40.

    L-ewwel aggravju tar-Repubblika Franċiża, u b’mod iktar partikolari l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, iqajjem il-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-immaġni tal-Istat bħala attur ekonomiku globali f’ekonomija tas-suq, sabiex teskludi mill-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, il-ħlas ta’ allowances addizzjonali ta’ tkeċċija. Peress li din il-kwistjoni ma setgħetx titqajjem ħlief jekk l-allowances inkwistjoni jeċċedu l-ammonti imposti mill-obbligi legali u kuntrattwali u jekk ma huwiex possibbli li jintwera li dan it-tip ta’ ħlas jikkostitwixxi prattika stabbilita fl-ekonomija inkwistjoni, jidhirli li huwa iktar loġiku li l-ewwel tiġi ttrattata t-tieni parti tal-ewwel aggravju tar-Repubblika Franċiża li tipprovdi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi talbet lill-Kummissjoni tagħti prova li l-ħlas ta’ allowances addizzjonali ta’ tkeċċija jikkostitwixxi prattika suffiċjentement stabbilita, u saħansitra kostanti, fost l-investituri privati.

    41.

    Fl-istess sens l-SNCM ikkritikat lill-Qorti Ġenerali li, sabiex tinterpreta u tapplika l-kriterju tal-investitur privat, implementat, fil-punti 86 u 87 tas-sentenza appellata, “test ibbażat kollu fuq deċiżjonijiet tal-qrati” li jitlob li l-Kummissjoni timplementa analiżi settorjali jew ġeografika [titolu i)], turi prattika suffiċjentement stabbilita [titolu ii)] u li hija tilħaq standard ta’ prova għoli ħafna sabiex tistabilixxi l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ profitt materjali indirett [titolu iii)].

    i) Dwar il-ħtieġa tal-implementazzjoni ta’ analiżi ġeografika jew settorjali

    42.

    Fil-punt 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, “[...]fil-kuntest tat-test tal-investitur privat hija l-Kummissjoni li għandha, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa tagħha, tiddefinixxi l-attivitajiet ekonomiċi tal-Istat, b’mod partikolari fil-livell ġeografiku u settorjali, li fir-rigward tagħhom għandha tiġi evalwata r-razzjonalità ekonomika għall-perijodu twil tal-aġir ta’ dan l-Istat” ( 24 ).

    43.

    Il-Qorti Ġenerali tikkritika għalhekk lill-Kummissjoni li ma pprovditx l-informazzjoni neċessarja sabiex tkun deċiża r-razzjonalità ekonomika tal-ħlas ta’ allowances addizzjonali ta’ tkeċċija.

    44.

    Kif tirrileva Corsica Ferries, l-użu tal-avverb “b’mod partikolari” juri li l-Qorti Ġenerali ħalliet miftuħa l-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra, mingħajr ma tillimita l-applikazzjoni tat-test tal-investitur privat għall-analiżi ġeografika jew settorjali.

    45.

    Barra minn hekk, ma hemm xejn fil-ġurisprudenza li jipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli tinnota li analiżi ġeografika jew settorjali tista’ tkun rilevanti sabiex tkun deċiża r-razzjonalità ekonomika fuq perijodu twil tal-aġir tal-Istat. Barra minn hekk, din l-analiżi tista’ tikkonkludi li l-attivitajiet ekonomiċi tal-Istat inkwistjoni jkopru żona wiesgħa ħafna u ta’ setturi multipli. Hija tista’ wkoll tkun utli sa fejn is-salarji u l-allowances ta’ tkeċċija jvarjaw b’mod kunsiderevoli fil-funzjoni tas-swieq jew tas-setturi kkonċernati.

    46.

    L-SNCM tinvoka s-sentenza L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “hemm lok li jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat ta’ kobor komparabbli ma’ dak tal-korpi li jamministraw is-settur pubbliku setax ikun imħajjar jagħmel kontribuzzjonijiet f’kapital tal-istess daqs” ( 25 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    47.

    Fl-opinjoni tiegħi, din id-definizzjoni hija ġustament intiża sabiex tidentifika f’termini ta’ kobor it-tip ta’ investitur privat li jista’ jkun kkomparat mal-Istat, dak li analiżi “b’mod partikolari fil-livell ġeografiku u settorjali” tal-attivitajiet ekonomiċi tal-Istat, kif issuġġeriet mill-Qorti Ġenerali, tista’ tikkontribwixxi sabiex jiġi ppreċiżat.

    48.

    It-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-SNCM għandha tiġi miċħuda wkoll sa fejn hija tinvoka ksur tal-Artikolu 295 KE li jipprovdi li “il-preżenti Trattat bl-ebda mod ma jippreġudika s-sistema tal-proprjetà fl-Istati Membri”. L-SNCM hija tal-opinjoni li l-analiżi ġeografika u settorjali msemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 86 tas-sentenza appellata tinjora l-fatt li jeżistu holdings privati diversi ħafna u li l-attivitajiet tagħhom ma humiex limitati għal settur wieħed jew żona ġeografika partikolari. Jien ma narax kif din l-analiżi ġeografika u settorjali tal-attivitajiet ekonomiċi tal-Istati kif ukoll il-fatt li ċerti holdings privati ma humiex limitati għal settur wieħed jew għal żona ġeografika waħda jista’ jkollhom effett fuq il-protezzjoni mogħtija lis-sistema tal-proprjetà li teżisti fl-Istati Membri.

    ii) Dwar il-prova ta’ prattika suffiċjentement stabbilita

    49.

    Fil-punti 95 u 96 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma “ressqitx elementi oġġettivi u verifikabbli suffiċjenti li jistgħu juru li l-ħlas ta’ indennizzi supplimentari għat-tkeċċija, f’ċirkustanzi simili, huwa prattika stabbilita fost l-imprendituri privati” u “[hija] llimitat ruħha li tiddikjara li l-ħlas ta’ indennizzi supplimentari għat-tkeċċija [...] saru prattiċi komuni fost gruppi kbar ta’ impriżi [...]”. Il-Qorti Ġenerali kkritikatha li ma pprovdietx l-iċken prova ta’ din id-dikjarazzjoni.

    50.

    L-SNCM tikkunsidra li, permezz ta’ din il-kritika tar-raġunament tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali introduċiet rekwiżit ġdid li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-applikazzjoni tajba tat-test tal-investitur privat u marret kontra l-Artikolu 345 TFUE. Ir-Repubblika Franċiża kif ukoll l-SNCM jikkunsidraw li sabiex tikkonforma mar-rekwiżit tal-investitur privat, huwa biżżejjed li jintwera li impriża privata waħda ħallset allowances addizzjonali ta’ tkeċċija f’ċirkustanzi simili.

    51.

    Jiena ma naqbilx ma’ din il-kritika tas-sentenza appellata.

    52.

    Infakkar li l-ħlas ta’ allowances addizzjonali ta’ tkeċċija għandu jkun analizzat fil-kuntest tat-test tal-investitur privat, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ispiża tal-likwidazzjoni tal-SNCM teċċedix dik tal-bejgħ bi prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun, fi kliem ieħor jekk investitur privat minflok l-Istat kienx jipproċedi b’dan it-trasferiment.

    53.

    Huwa għalhekk neċessarju li jiġi ddeterminat jekk l-ispiża tal-likwidazzjoni tinkludix l-allowances addizzjonali inkwistjoni. Jekk ikun il-każ dan jirrigwarda l-allowances previsti mil-liġi jew il-ftehim kollettivi. Peress li f’dan il-każ, l-allowances addizzjonali ta’ tkeċċija jeċċedu ferm dawn ir-rekwiżiti, l-unika raġuni għaliex, fir-rigward tal-kriterju tal-investitur privat, huma għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ispiża tal-likwidazzjoni, tinsab fil-fatt li tirrigwarda prattika suffiċjentement stabbilita.

    54.

    L-SNCM u r-Repubblika Franċiża jqisu li l-possibbiltà jew il-fatt li investitur privat wieħed seta’ ddeċieda li jħallas jew ħallas allowances addizzjonali ta’ tkeċċija simili huwa suffiċjenti sabiex dawn jiġu inklużi fil-kalkolu tal-ispiża tal-likwidazzjoni.

    55.

    Jidhirli li dan huwa ferm insuffiċjenti, iktar u iktar jekk dik l-unika possibbiltà jew l-unika okkażjoni li fiha investitur privat seta’ jieħu jew ħa din id-deċiżjoni tinsab fost ħafna eżempji ta’ investituri privati li ma ħaduhix, għax dan juri li, ħlief f’każ eċċezzjonali, il-ħlas ta’ allowances addizzjonali ta’ tkeċċija ma għandu ebda razzjonalità ekonomika.

    56.

    Kif irrilevat Corsica Ferries fis-seduta, il-prova tal-eżistenza ta’ prattika stabbilita, komuni jew kostanti fis-suq, ma tikkostitwixxix, f’dan il-kuntest, rekwiżit ġdid jew extraordinarju. Il-Kummissjoni semmiet hija stess f’waħda mill-Komunikazzjonijiet tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat li r-riżorsi tal-Istat jikkostitwixxu għajnuna jekk “ma jaqgħux f’kontribuzzjoni fil-kapital f’riskju skont il-prattika normali tal-kumpanniji f’ekonomija tas-suq [...]” ( 26 ). Id-differenza fit-terminoloġija (“prattika normali”, “prattika stabbilita” ( 27 ), “prattika suffiċjentement stabbilita” ( 28 ), “prattika komuni” ( 29 ) jew “prattika stabbilita” ( 30 )) ma turix, fl-opinjoni tiegħi, it-twelid ta’ rekwiżit ġdid ta’ prova fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

    57.

    Barra minn hekk, fil-premessa 268 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddikjara li l-gruppi kbar ta’ impriżi “bosta drabi [...] jimplimentaw pjanijiet soċjali [...] li jagħmlu aktar minn dak li jimponu l-liġi u l-ftehimiet kollettivi”. Il-kliem “bosta drabi” għandhom jirreferu biss għall-prattika stabbilita, li l-eżistenza tagħha għandha tiġi pprovata b’mod evidenti.

    58.

    Madankollu, ħlief għal verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u tal-motivazzjoni, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter ( 31 ), l-identifikazzjoni ta’ prattika suffiċjentement stabbilita ma hijiex kompetenza tal-qorti tal-Unjoni iżda tal-Kummissjoni li hija barra minn hekk responsabbli b’mod impliċitu mill-funzjoni li turi, anki b’sempliċi dikjarazzjonijiet, li jkun hemm prattika stabbilita fis-suq ( 32 ).

    59.

    Issa, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 135 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni, tat biss eżempju datat fl-1991 iżda fejn ma tqumx il-kwistjoni ta’ ħlas ta’ allowances komparabbli ma’ dawk ta’ din il-kawża kif ukoll għaxar każijiet oħra ta’ pjanijiet soċjali li jirrigwardaw, kif ammettiet il-Kummissjoni fis-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, tranżazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni u mhux ta’ likwidazzjoni, magħmula madankollu f’setturi li ma għandhom xejn x’jaqsmu mat-trasport marittimu ( 33 ).

    60.

    Huwa għalhekk fil-kuntest ta’ dawn il-limitazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li billi llimitat ruħha li tiddikjara “mingħajr madankollu ma pprovdiet l-iċken prova” ( 34 ) li l-ħlas ta’ allowances addizzjonali ta’ tkeċċija kien prattika stabbilita fost l-investituri privati, il-Kummissjoni ma ssostanzjatx suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha.

    61.

    F’dan l-istadju, nista’ wkoll niċħad ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju tal-SNCM, li permezz tiegħu l-SNCM tikkritika lill-Qorti Ġenerali li naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi ma ddefinixxitx il-kunċetti ta’ “prattika suffiċjentement stabbilita” u ta’ “prattika stabbilita”.

    62.

    Minbarra li dawn l-espressjonijiet huma ċari biżżejjed u jirreferu għal evalwazzjoni tal-fatti, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex għaliex tiddefinihom, u dan iktar u iktar peress li ma hemmx bżonn ta’ motivazzjoni twila sabiex jinftiehem li eżempju wieħed jew xi eżempji li madankollu ma humiex konvinċenti ma jistgħux jikkostitwixxu “prattika stabbilita” jew “suffiċjentement stabblita”.

    63.

    Fl-opinjoni tiegħi, huwa għalhekk ġust li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma stabbilixxitx b’mod suffiċjenti li l-ħlas ta’ allowances addizzjonali ta’ tkeċċija kien prattika suffiċjentement stabbilita fost l-investituri privati.

    iii) Dwar il-prova ta’ aġir immotivat minn probabbiltà raġonevoli li tirrendi profitt materjali indirett

    64.

    Fil-punt 101 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li fl-assenza ta’ prattika stabbilita ta’ ħlas ta’ allowances addizzjonali ta’ tkeċċija, il-Kummissjoni lanqas ma wriet li l-ħlas inkwistjoni kien immotivat min-naħa tal-Istat Franċiż minn probabbiltà raġonevoli li tirrendi profitt materjali indirett, anki fuq perijodu twil.

    65.

    L-SNCM tilmenta li, b’din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali imponiet fuq il-Kummissjoni oneru tal-prova eċċessiv għaliex hija kellha tikkwantifika b’mod preċiż id-dannu subit f’każ li l-immaġni tal-Istat tiġi ddegredata, minkejja li tali kwantifikazzjoni għandha tkun ibbażata min-natura tagħha stess fuq elementi diffiċilment prevedibbli.

    66.

    Din l-interpretazzjoni tas-sentenza appellata ma hijiex korretta. Fil-punt 102 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “[i]l-Kummissjoni [...] ma pproduċietx elementi, fid-deċiżjoni kkontestata, li jistgħu jispjegaw in-natura konkreta tad-dannu subit u b’mod partikolari li jistgħu jippreċiżaw fil-konfront ta’ liema parti interessata (utenti, klijenti, fornituri jew persunal) kellha tiġi affettwata l-immaġni taċ-CGMF u tal-Istat Franċiż. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda element li juri li l-Kummissjoni ppruvat tikkwantifika d-dannu subit, dannu li neċessarjament għandu jitqabbel mal-ispiża stmata tal-indennizzi supplimentari għat-tkeċċija li tagħhom huwa jikkostitwixxi l-ġustifikazzjoni”.

    67.

    Mingħajr ma tkellmet dwar “kwantifikazzjoni preċiża”, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “[i]l-Kummissjoni limitat ruħha, fil-premessi 270 u 271 tad-deċiżjoni [kkontestata], li tiddikjara li t-tensjonijiet soċjali fi ħdan l-impriża, murija fil-fehma tagħha mill-kunflitt soċjali li seħħ matul is-sena 2004, iwasslu, fil-każ tal-likwidazzjoni tal-SNCM, għal ferment soċjali ta’ natura tali li jibdel l-immaġni tal-kumpannija parent tagħha u tal-azzjonist finali tagħha” ( 35 ).

    68.

    Barra minn hekk, waqt is-seduta tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ammettiet li hija bl-ebda mod ma studjat il-probabbiltà raġonevoli tar-realizzazzjoni ta’ spejjeż soċjali (pereżempju, strajks) li tiġġustifika l-ħlas ta’ allowances addizzjonali ta’ tkeċċija ( 36 ). Jidhirli għalhekk li l-Qorti Ġenerali ma imponiet ebda oneru tal-prova eċċessiv u ma għamlet xejn ħlief ikkonstatat l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar dan il-punt.

    c) Dwar l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tar-Repubblika Franċiża

    69.

    Kif jiena diġà invokajt fil-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika Franċiża takkuża lill-Qorti Ġenerali li kisret l-Artikolu 87(1) KE billi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma setgħetx, fil-kuntest tal-kriterju tal-investitur privat għaqli, tieħu inkunsiderazzjoni r-riskju ta’ effett ħażin fuq l-immaġni tal-Istat bħala attur ekonomiku globali f’ekonomija tas-suq.

    70.

    B’mod iktar preċiż, permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, ir-Repubblika Franċiża tallega li fil-punti 90, 93 u 94 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fir-realtà, ċaħdet il-possibbiltà li Stat Membru jieħu inkunsiderazzjoni r-riskju ta’ effett ħażin fuq l-immaġni tiegħu bħala attur ekonomiku globali, possibbiltà li jidher li madankollu hija kienet irrikonoxxietlu fil-punt 85 tas-sentenza tagħha.

    71.

    Ir-Repubblika Franċiża hija tal-opinjoni li l-Kummissjoni kellha dritt li tieħu inkunsiderazzjoni tali riskju sabiex tiddetermina jekk il-ħlas ta’ allowances addizzjonali ta’ tkeċċija jirrispondix għall-perspettivi ta’ profittabbiltà fuq żmien twil u jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat għaqli setax ukoll jitħajjar iħallas tali allowances sabiex jipproteġi l-immaġni tiegħu.

    72.

    Ir-Repubblika Franċiża tqis ukoll li l-ħlas tal-allowances addizzjonali ta’ tkeċċija huwa neċessarju sabiex tipproteġi l-immaġni tal-Istat. Insostenn tal-argument tagħha, hija tirreferi għar-riskju ta’ strajks ta’ solidarjetà magħmula fis-settur pubbliku kollu li jkollhom l-effett li japparalizzaw l-attività ekonomika tal-impriżi ta’ dan is-settur.

    73.

    F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Franċiża tallega li epidemija ta’ strajks ikollha bħala konsegwenza telf ekonomiku gravi għall-Istat. Hija tirreferi għall-ksur brutali tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-impriżi fi strajk u l-fornituri u klijenti tagħhom u għad-diffikultà tal-ħlas u ta’ provvista li jobbligaw lill-klijenti mhux professjonali ta’ impriżi pubbliċi li jersqu lejn impriżi privata kompetituri.

    74.

    Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra għalhekk li l-projbizzjoni ta’ dawn il-konsegwenzi ekonomiċi ħżiena tirrappreżenta l-profitt materjali indirett li l-Istat jixtieq jagħmel mill-ħlas ta’ allowances addizzjonali ta’ tkeċċija.

    75.

    Jiena ma naqbilx ma’ din l-analiżi.

    76.

    Għandu qabelxejn jitfakkar li fil-punt 83 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li “il-fakoltà li jingħataw indennizzi supplimentari għat-tkeċċija hija wkoll miftuħa għall-Istati Membri f’każ ta’ likwidazzjoni ta’ impriża pubblika, anki jekk l-obbligi tagħhom ma jaqbżux a priori l-minimu legali u kuntrattwali”.

    77.

    Fil-punt 84 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat madankollu li fl-assenza ta’ kwalunkwe razzjonalità ekonomika, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż lil hinn mill-obbligi legali u kuntrattwali stretti għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u fil-punt 85 tal-istess sentenza żiedet li riferiment sommarju għall-immaġni tal-Istat bħala attur ekonomika globali ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiskarta l-kwalifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat.

    78.

    Fl-istess punt 85, tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, għajr f’ċirkustanzi partikolari u mingħajr motivazzjoni partikolarment konvinċenti, il-protezzjoni tal-immaġni tal-Istat bħala investitur globali fl-ekonomija ma tistax tikkostitwixxi ġustifikazzjoni suffiċjenti sabiex tintwera r-razzjonalità ekonomika fuq perijodu twil tat-teħid tar-responsabbiltà għal spejjeż addizzjonali bħall-allowances addizzjonali ta’ tkeċċija.

    79.

    Għalhekk għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mir-Repubblika Franċiża, anki jekk il-Qorti Ġenerali teżiġi l-preżenza f’każ ta’ “[...] ċirkustanzi partikolari u [...] motivazzjoni partikolarment konvinċenti” ( 37 ), hija ma eskluditx bħala prinċipju t-teħid inkunsiderazzjoni tal-immaġni tal-Istat bħala investitur globali fl-ekonomija f’kuntest fattwali u legali bħal dak ta’ din il-kawża. Jidhirli li din il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali taqbel mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    80.

    Għandu qabelxejn jiġi nnotat li hemm ftit ġurisprudenza dwar l-immaġni tal-Istat bħala attur ekonomiku. L-ewwel sentenza dwar dan il-punt, imsemmija wkoll mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ( 38 ), hija s-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li d-deċiżjoni li jiġi sostnut it-telf “[tista’] tkun immotivata [...] mhux biss mill-probabbiltà li jinkiseb profitt materjali indirett, iżda wkoll minn kwistjonijiet oħra, bħaż-żamma tal-immaġni tal-marka tal-grupp, jew li tibdel id-direzzjoni tal-attivitajiet tagħha” ( 39 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    81.

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet din il-konstatazzjoni fir-rigward ta’ investitur privat li ried “jiżgura li tiġi salvata impriża li kienet għaddejja minn diffikultajiet temporanji” jew “jippermetti t-trasferiment tal-attività ta’ [sussidjarja] fl-aħjar kundizzjonijiet” ( 40 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    82.

    Abbażi ta’ din l-analiżi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “meta l-kontribuzzjonijiet fil-kapitali [...] ineħħu kull perspettiva ta’ profittabbiltà, anki fuq perijodu twil, dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu kkunsidrati bħala għajnuna [mill-Istat]” ( 41 ).[traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fir-realtà, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dik il-kawża, “il-kumpens tat-telf sar f’kundizzjonijiet li ma kinux aċċettabbli għall-investitur privat li jaħdem f’kundizzjonijiet normali tas-suq u li ebda investitur privat, lanqas holding industrijali, ma kien ħa inkunsiderazzjoni l-kwistjonijiet li jargumentaw il-Gvern Taljan u l-Gvern Spanjol” ( 42 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali], jiġifieri kunsiderazzjonijiet tal-ordni soċjali jew reġjonali ( 43 ), tal-istess tip bħal dawk invokati mir-Repubblika Franċiża f’din il-kawża.

    83.

    L-immaġni tal-Istat kienet invokata, għat-tieni darba, fil-kuntest tal-kriterju tal-investitur privat mill-Gvern Spanjol fis-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni ( 44 ). Il-Gvern Spanjol kien ipprova jiġġustifika l-injezzjoni ta’ kapital fil-kumpannija statali Hytasa miżmuma mill-Patrimonio del Estado billi qal li “iż-żamma tal-immaġni tal-marka tal-grupp tikkostitwixxi kwistjoni leġittima. L-immaġni tal-Patrimonio del Estado tbati dannu gravi jekk hija titrasferixxi l-attivitajiet tagħha f’reġjun mifni b’livell għoli ta’ qgħad u b’kundizzjonijiet soċjali diffiċli. Kwalunkwe kumpannija privata li ssib ruħha fl-istess sitwazzjoni bħal Patrimonio del Estado, hija wkoll, sensibbli għall-pressjoni magħmula mis-sindikali jew politiċi” ( 45 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    84.

    F’dik il-kawża, b’risposta għall-argument tal-Gvern Spanjol li jipprovdi li l-aġir tiegħu kien dak ta’ investitur privat għax l-alternattiva, jiġifieri l-likwidazzjoni ta’ Hytasa setgħet kienet tiswa iktar għall-Istat, l-Avukat Ġenerali Jacobs irrimarka li “[għandha] issir distinzjoni bejn l-obbligi li l-Patrimonio del Estado [għandu] jassumi bħala proprjetarju ta’ kapital-azzjonijiet ta’ Hytasa u l-obbligi li [għandu] l-Istat Spanjol bħala fornitur ta’ servizzi ta’ sigurtà soċjali u ta’ allowances tal-qgħad” ( 46 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont l-Avukat Ġenerali, “dan l-aħħar tip ta’ obbligu ma [jista]x jittieħed inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat” ( 47 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    85.

    Għalhekk huwa qies nieqes minn kull rilevanza l-argument li l-kontribuzzjoni f’kapital lil Hytasa kien iġġustifikat sabiex jipproteġi l-immaġni tal-marka tal-Patrimonio del Estado. Abbażi ta’ dan huwa kkonkluda li “[huwa ħsieb] ħażin li kumpannija holding li tappartjeni lill-Istat ser tkun f’dan l-istadju preokkupata bl-effett ħażin li ser ikollu fuq l-immaġni tagħha fil-pubbliku l-falliment ta’ waħda mill-impriżi tagħha u li ser tkun disposta, għal din ir-raġuni, li toffri ammonti ta’ flus enormi lill-kumpannija privata sabiex tinkoraġġiha tieħu lura l-imsemmija impriża” ( 48 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    86.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-istess konklużjoni tal-Avukat Ġenerali Jacobs billi bħalu ddubitat, ir-razzjonalità ekonomika ta’ tali aġir tal-Istat ( 49 ).

    87.

    Il-kunċett tal-immaġni tal-Istat reġa’ deher fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat mogħtija mil-Land Bayern lill-impriża Ġermaniża li minnha hija kellha 45 % ( 50 ). Il-Land Bayern kienet tatha self rimborżabbli biss fil-każ li l-impriża tirreġistra dħul fis-sena preċedenti ( 51 ). Il-Gvern Ġermaniż ipprova jiġġustifika dan l-aġir billi qal li “[i]l-likwidazzjoni tal-impriżi kellha bħala effett li tiġġenera spejjeż supplimentari għal-Land, ġabet ukoll dannu sinjifikattiv għall-immaġni tagħha bħala imprenditur u tfixkel l-effetti ta’ sinerġija li għandhom jirriżultaw mit-tibdil ta’ direzzjoni tal-grupp kollu” ( 52 )[traduzzjoni mhux uffiċjali]..

    88.

    Fid-digriet tiegħu, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja billi ddeċieda, fost oħrajn, li “fil-limiti tal-ewwel analiżi, il-kunsiderazzjonijiet ġenerali mressqa, b’mod partikolari dwar il-ħarsien tal-immaġni tal-Land jew tar-riorganizzazzjoni tal-attivitajiet tagħha, ma humiex suffiċjenti sabiex jistabbilixxu żball manifest min-naħa tal-Kummissjoni” ( 53 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Preliminarjament, fir-rigward tal-analiżi tal-Kummissjoni, huwa rrilevat, li ma jidhirx li “ir-rikorrenti u l-intervenjenti [kienu] ressqu provi konkreti suffiċjentement sinjifikattivi insostenn tad-dikjarazzjoni li l-Land Bayern setgħet ġustament tistenna li s-self jiġi rimborżat” ( 54 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    89.

    Matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Gvern Ġermaniż irrepeta l-argument tiegħu bbażat fuq l-immaġni tal-Istat ( 55 ). Hija ddeċidiet li r-rikorrenti ma wrewx “[...] f’hiex jikkonsisti l-immaġni tal-Land Bayern bħala imprenditriċi privata fis-settur [industrijali inkwistjoni, f’dan il-każ is-settur] tal-azzar u lanqas kif il-falliment [tal-impriża inkwistjoni] seta’ jippreġudika din l-immaġni” ( 56 )[traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet għalhekk li “ma [kien]x verosimili li l-Land Bayern kienet marbuta li tħallas ammont ta’ flus sinjifikattiv lill-kumpannija privata [...] sabiex tinkoraġġiha tieħu lura [l-impriża inkwistjoni] sabiex tevita li l-falliment ta’ din tal-aħħar jaffettwa b’mod gravi l-immaġni tal-marka tal-Land” ( 57 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    90.

    L-appell magħmul kontra din is-sentenza tal-Qorti Ġenerali kien miċħud permezz ta’ digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr ma din tkellmet dwar ir-rilevanza tal-immaġni tal-marka tal-Istat ( 58 ).

    91.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi billi kkonkludiet li “l-protezzjoni tal-immaġni ta’ Stat Membru bħala investitur globali fl-ekonomija tas-suq ma tistax tikkostitwixxi, għajr f’ċirkustanzi partikolari u mingħajr motivazzjoni partikolarment konvinċenti, ġustifikazzjoni suffiċjenti sabiex tintwera r-razzjonalità ekonomika fuq perijodu twil tat-teħid tar-responsabbiltà għal spejjeż addizzjonali bħall-indennizzi supplimentari għat-tkeċċija” ( 59 ) u li dan l-argument tal-immaġni tal-Istat ma jikkonċernax fi kwalunkwe każ il-kumpannija holding CGMF li ma għandha ebda assi oħra fis-settur tat-trasport marittimu ( 60 ).

    92.

    Mingħajr ma tiġi skartata, fil-prinċipju, il-possibbiltà tad-dimostrazzjoni mitluba mill-Qorti Ġenerali, jiena nirrileva li jidhirli ferm improbabbli li l-kunsiderazzjonijiet mressqa sa issa mill-Istati fir-rigward tal-immaġni tagħhom bħala investituri globali f’ekonomija tas-suq jistgħu qatt iwasslu sabiex id-deċiżjonijiet tagħhom jiskartaw il-klassifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-kriterju tal-investitur privat.

    93.

    Dan il-kriterju jimponi bħala minimu, anki jekk fuq perijodu twil, perspettivi ta’ profittabbiltà ta’ miżuri ta’ rekapitalizzazzjoni u tar-rimborż tal-ammonti mislufa. Kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 26 tas-sentenza tagħha Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, “investitur privat li jsegwi politika strutturali, globali jew settorjali ggwidata minn perspettivi ta’ redditu fuq żmien twil ma jistax jippermetti lilu nnifsu b’mod raġonevoli, wara snin ta’ telf bla interruzzjoni, li jipproċedi għal kontribuzzjoni f’kapitali li, f’termini ekonomiċi, mhux biss huwa aktar għali minn likwidazzjoni tal-assi, iżda huwa wkoll relatat mal-bejgħ tal-impriża, u dan ineħħilha kull prospett ta’ qligħ, anki fit-tul” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan jimplika li “meta l-provvisti ta’ kapital minn investitur ma jkunu jinkludu ebda perspettiva ta’ qligħ, anki fuq żmien twil, provvisti bħal dawn għandhom jitqiesu bħala għajnuniet” ( 61 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    94.

    Madankollu, il-preokkupazzjonijiet imqajma mill-Istati Membri fir-rigward tal-immaġni tal-marka tagħha bħala investituri globali f’ekonomija tas-suq, għalkemm jistgħu jkunu nobbli minn perspettivi oħra, huma ferm ’il bogħod minn dawk ta’ investitur privat u dan anki jekk jirrigwardaw “spejjeż politiċi” (flimkien mal-ispejjeż ekonomiċi u soċjali) ta’ għeluq ta’ impriża ( 62 ), “pressjoni eżerċitata minn sindikabbli jew politiċi” ( 63 ), l-impriża tinsab f’diffikultà “f’żona fi kriżi soċjali” ( 64 ), jew f’din il-kawża, riskju ta’ strajks ta’ solidarjetà magħmula fis-settur pubbliku kollu ( 65 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi hija nieqsa minn kwalunkwe perspettiva ta’ profittabbiltà anki fuq perijodu twil tal-impriża li tibbenefika mill-miżura statali.

    95.

    Barra minn hekk, jien naqbel perfettament mal-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet li “[l]-effettività tar-regoli [tal-Unjoni] fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat tkun imnaqqsa kunsiderevolment jekk wieħed isegwi l-argument [...] li jipprovdi li kull parteċipazzjoni tal-Istat f’impriża jippermetti, b’riferiment għall-immaġni tal-korp pubbliku kkonċernat u l-parteċipanti l-oħra tiegħu, kontribuzzjonijiet finanzjarji mingħajr limitu li ġejjin minn mezzi pubbliċi, mingħajr ma dawn il-kontribuzzjonijiet ikunu kkunsidrati bħala għajnuna” ( 66 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    96.

    Jiena nipproponi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tar-Repubblika Franċiża.

    d) Dwar it-tielet parti tal-ewwel aggravju tal-SNCM

    97.

    L-SNCM takkuża lill-Qorti Ġenerali li żnaturat id-deċiżjoni kkontestata billi kkunsidrat, fil-punt 93 tas-sentenza tagħha, li l-Kummissjoni ma ddefinitx, għall-finijiet tal-liġi, l-attivitajiet ekonomiċi tal-Istat li fir-rigward tagħhom għandha tiġi evalwata r-razzjonalità ekonomika tal-bejgħ bi prezz negattiv.

    98.

    Ma hijiex sorpriża li l-SNCM tressaq dan l-argument, għaliex għaliha r-riferiment għall-immaġni tal-Istat, miftiehem li jinkludi l-attivitajiet ekonomiċi kollha tal-Istat, huwa biżżejjed sabiex jissostanzja d-deċiżjoni kkontestata.

    99.

    Fir-risposta tiegħi għall-ewwel parti tal-ewwel aggravju jiena indikajt li dan ma kienx il-każ. Għalhekk il-Qorti Ġenerali ma żnaturatx id-deċiżjoni kkontestata meta kkonstatat li dikjarazzjonijiet u ġeneralizzazzjonijiet mingħajr provi probatorji ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala motivazzjoni suffiċjenti.

    B – Fuq it-tieni aggravju, dwar il-kontribuzzjoni f’kapital għall-ammont ta ’ EUR 8.75 miljuni miċ-CGMF

    1. Id-deċiżjoni kkontestata

    100.

    Fil-premessi 355 sa 360 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-kontribut tax-xerrejja privati f’ammont ta’ EUR 26.25 miljuni kien sinjifikattiv u konkomitanti, u għalhekk in-natura ta’ għajnuna setgħet tkun skartata mill-bidu nett għall-kontribut ta’ kapital tas-CGMF. Fil-premessi 361 sa 365 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li r-rata ta’ profittabbiltà fissa ta’ 10 % kienet tikkostitwixxi remunerazzjoni adegwata tal-kapitali investiti u li l-eżistenza ta’ klawżola riżoluttiva ta’ bejgħ ( 67 ) ma kinitx tali li tikkontesta l-ugwaljanza fit-trattament. Għalhekk hija kkonkludiet li l-kontribut ta’ kapital taċ-CGMF, għall-ammont ta’ EUR 8.75 miljuni, ma jikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

    101.

    Fir-rigward tar-rata ta’ profittabbiltà fissa ta’ 10 %, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni dwar jekk dan ir-redditu tal-parteċipazzjoni taċ-CGMF kienx aċċettabbli għal investitur privat ipotetiku. Hija kkunsidrat li, sa fejn dan ir-redditu stabbilit kien jeżenta lis-CGMF mir-riskji kollha tal-attwazzjoni tal-pjan tan-negozju, dan ir-redditu ta’ kapitali investit kien adegwat fuq perijodu twil. Barra minn hekk, l-espert tal-Kummissjoni kkonkluda li f’termini ta’ riskji l-kontribuzzjoni f’kapital kienet iktar simili għal obbligu b’rata fissa milli għal investiment f’ishma.

    102.

    Rigward il-klawżola riżoluttiva inkluża fil-kuntratt ta’ bejgħ tal-SNCM, il-Kummissjoni aċċettat li l-eżistenza ta’ din il-klawżola ma kinitx tali li tikkontesta l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament tal-investituri. Skont il-Kummissjoni, din il-klawżola kienet fil-fatt tirrigwarda l-bejgħ totali tal-SNCM lix-xerrejja privati u mhux l-investiment konkomitanti tax-xerrejja privati u l-Istat fl-SNCM ipprivatizzata.

    2. Is-sentenza appellata

    103.

    Il-Qorti Ġenerali nnotat qabelxejn li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet, fit-tweġiba għal waħda mill-mistoqsijiet tagħha, li l-konkomitanza ta’ investimenti pubbliċi u privati waħedha, anki fil-preżenza ta’ investimenti privati sinjifikattivi, ma tistax tkun suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li ma kienx hemm għajnuna fis-sens tat-Trattat, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-punti rilevanti l-oħra ta’ fatt jew ta’ liġi.

    104.

    Imbagħad, hija eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, u b’mod iktar partikolari l-kwistjoni tar-redditi u dik tal-impatt tal-klawżola riżoluttiva, fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura paragunabbli tal-kundizzjonijiet ta’ investiment ta’ kontribuzzjonijiet f’kapitali konkomitanti. Hija kkonkludiet fin-negattiv ( 68 ).

    105.

    Fil-punt 124 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma setgħetx teżenta ruħha milli tagħmel analiżi fil-fond tal-effett tad-differenzi bejn ir-redditu tal-holdings tas-CGMF u r-redditi tax-xerrejja privati fil-kuntest tal-eżami tal-ugwaljanza fit-trattament.

    106.

    Fir-rigward tal-klawżola riżoluttiva, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 130 tas-sentenza appellata, li din setgħet, minn tal-inqas, ixxejjen kull periklu għax-xerrejja privati fil-każ li jseħħ wieħed mill-elementi li jattivawha u li l-imsemmija klawżola għandha, għalhekk, valur finanzjarju reali. Hija setgħet tbiddel il-profili ta’ riskju tal-kontribuzzjonijiet ta’ kapital tax-xerrejja privati u taċ-CGMF u tqiegħed inkwistjoni n-natura paragunabbli tal-kundizzjonijiet ta’ investiment. Skont il-Qorti Ġenerali, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma setgħetx toqgħod lura milli twettaq analiżi fil-fond tal-impatt ekonomiku tal-klawżola riżoluttiva ta’ trasferiment.

    3. Analiżi

    107.

    L-SNCM tikkunsidra li, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi rilevanti kollha, il-Qorti Ġenerali żnaturat id-deċiżjoni kkontestata. Skont l-SNCM, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-reddittu fiss ta’ 10 % tal-investiment fil-kapital tal-Istat fl-SNCM jikkostitwixxi għall-investitur privat profittabbiltà adegwata fuq perijodu twil tal-kapitali investiti. L-SNCM tqis li reddittu fiss ta’ livell partikolarment għoli huwa għalhekk żgurat minn dan it-tip ta’ investiment, li juri li r-rata ta’ reddittu ta’ 10 % kienet aċċettabbli għall-investitur privat ipotetiku. Fil-każ tal-eżerċizzju tal-klawżola riżoluttiva, li tħassar b’mod retroattiv il-kuntratt ta’ bejgħ, l-investiment tal-Istat ikun annullat u għalhekk ir-redditu tiegħu jkun null, li juri, skont l-SNCM, li l-impatt tal-klawżola riżoluttiva kien newtrali u ma kienx jeħtieġ analiżi fil-fond min-naħa tal-Kummissjoni.

    108.

    Dwar l-eżistenza tal-klawżola riżoluttiva nnifisha, l-SNCM u r-Repubblika Franċiża jqisu li, fl-akkwist tal-SNCM, ix-xerrejja privati xtraw assigurazzjoni li jistgħu jirkupraw il-kontribut fil-kapital tagħhom f’każ li jseħħ wieħed mill-avvenimenti li jippermettu l-implementazzjoni tal-klawżola riżoluttiva. Għalihom, il-klawżola riżoluttiva ma tpoġġiex inkwistjoni l-ekwilibriju tal-kundizzjonijiet tal-investiment tal-kontribuzzjonijiet f’kapital sussegwenti tax-xerrejja privati u tal-Istat Franċiż.

    109.

    Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonkludi, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, b’mod partikolari r-redditti, fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura paragunabbli tal-kundizzjonijiet ta’ investiment tal-kontribuzzjonijiet f’kapital, privati u pubbliċi, u lanqas tikkwalifika a fortiori din l-ommissjoni bħala żball ta’ evalwazzjoni.

    110.

    Madankollu, il-konklużjoni tagħha li tilqa’ l-ilment li jikkontesta l-fondatezza tal-analiżi tal-Kummissjoni li tikkonkludi li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kien ġie osservat bejn ix-xerrejja privati u ċ-CGMF tibqa’ fondata għal raġunijiet ta’ liġi oħra ( 69 ).

    111.

    Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni invokat fid-deċiżjoni tagħha l-kwistjoni tar-redditu fiss u dik dwar l-impatt tal-klawżola riżoluttiva ta’ bejgħ, il-motivazzjoni tal-konklużjonijiet tagħha dwar dawn iż-żewġ punti ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li dawn ġew suffiċjentement stabbiliti.

    112.

    Dwar il-kwistjoni tar-redditti, il-Kummissjoni, fil-premessi 361 sa 363 tad-deċiżjoni kkontestata, qieset li r-rata ta’ reddittu fiss kienet tali li investitur privat kien jaċċetta li jipparteċipa fil-kontribuzzjoni f’kapital favur l-SNCM f’dawn il-kundizzjonijiet. Skont il-Kummissjoni, il-fatt li l-klawżola riżoluttiva ma tistax tkun invokata ħlief mix-xerrejja privati ma jiksirx il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament bejn l-investitur pubbliku u l-investituri privati.

    113.

    Din il-konklużjoni tista’ titpoġġa f’dubju minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti mill-Qorti Ġenerali li nnotat li, għall-kuntrarju tal-każ tal-Istat Franċiż, il-profittabbiltà tal-kontribuzzjoni f’kapital tax-xerrejja privati ma kinitx stabbilita mill-Memorandum ta’ Ftehim u li “ir-rata ta’ remunerazzjoni fissa [tal-Istat Franċiż] ma [kinitx] ggarantita sa fejn, fil-każ li l-klawżola riżoluttiva ta’ trasferiment tintuża [...] ir-redditu fiss ma jibqax jitħallas” ( 70 ). Il-Qorti Ġenerali nnotat ukoll l-eżistenza ta’ sproporzjon bejn il-kontribuzzjoni f’kapital tax-xerrejja privati li l-korrispettiv tagħha tikkonsisti, skont il-Qorti Ġenerali, f’ “impenji qawwija, taħt forom differenti, tal-Istat Franċiż” ( 71 ).

    114.

    Dwar il-kwistjoni tal-klawżola riżoluttiva, il-Qorti Ġenerali tirrileva n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata “li tillimita ruħha li tikkonstata li din il-klawżola ma tistax tikkonfuta l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-investituri konkomitanti, iżda ma tinkludi l-ebda analiżi ta’ natura ekonomika” ( 72 ). Ir-raġunament tal-Kummissjoni huwa miġbur f’erba’ linji fil-premessi 364 tad-deċiżjoni kkontestata fejn il-Kummissjoni kkonstatat xejn iktar milli l-klawżola inkwistjoni “fil-fatt tirrigwarda l-bejgħ totali tal-SNCM lix-xerrejja privati u mhux l-investiment (EUR 35 miljun) konkomitanti tax-xerrejja privati (EUR 26.25 miljun) u l-Istat (EUR 8.75 miljun) fl-SNCM ipprivatizzata”.

    115.

    Jiena nikkonkludi għalhekk li l-Qorti Ġenerali kien fondata meta laqgħet l-ilment inkwistjoni minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni ma ssostanzjatx jew ma ssontanzjatx suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha dwar l-ugwaljanza fit-trattament tal-investituri pubbliċi u privati fl-SNCM.

    C – Fuq it-tielet aggravju dwar il-ħlas minn qabel fil-kont kurrenti magħmul miċ-CGMF fl-ammont ta ’ EUR 38.5 miljuni favur l-impjegati mkeċċija mill-SNCM

    1. Id-deċiżjoni kkontestata

    116.

    Fil-premessi 366 sa 379 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżuri ta’ għajnuna għal kull persuna jmorru lil hinn mill-allowances previsti mil-leġiżlazzjoni soċjali u l-ftehim kollettivi applikabbli, u jammontaw għal EUR 38.5 miljuni, iddepożitati f’kont issekwestrat, ser ikunu implementati fl-eventwalità ta’ pjan ġdid ta’ tnaqqis tal-impjegati li jkun deċiż mix-xerrejja privati u li ma jikkorrispondux għat-twettiq tat-tnaqqis tal-impjegati previsti fil-pjan tal-2002.

    117.

    Skont il-Kummissjoni, din l-għajnuna setgħet titħallas biss lil individwi li l-kuntratt tax-xogħol tagħhom mal-SCNM ġie mitmum minn qabel. Għalhekk, dawn il-miżuri ma humiex spejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni normali tal-leġiżlazzjoni soċjali applikabbli fil-qafas tat-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol. Il-Kummissjoni kkonkludiet li din l-għajnuna għal kull persuna, approvata mill-Istat bħala awtorità pubblika u mhux bħala l-Istat azzjonist, taqa’ għalhekk taħt il-politika soċjali tal-Istati Membri u ma tikkostitwixxix, minn dan il-fatt, għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    2. Is-sentenza appellata

    118.

    Fil-punti 142 sa 147 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-Kummissjoni ma ddeterminatx b’mod korrett in-natura u l-effetti tal-eżistenza tal-kont issekwestrat.

    119.

    Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali qieset li l-fatt li l-miżura inkwistjoni ma tirriżultax mill-obbligi legali u kuntrattwali stretti, ma jistax fih innifsu jeskludi n-natura ta’ għajnuna mill-Istat ta’ din il-miżura. Fit-tieni lok, hija kkunsidrat li l-eżistenza ta’ kont issekwestrat setgħet tinkoraġġixxi lill-impjegati tal-SNCM jitilqu mill-impriża mingħajr ma jinnegozjaw it-termini tat-tluq tagħhom, b’mod partikolari l-għoti eventwali tal-allowances addizzjonali ta’ tkeċċija, u skont il-Qorti Ġenerali dan jikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku għall-SNCM.

    3. Analiżi

    120.

    L-SNCM takkuża lill-Qorti Ġenerali li żnaturat id-deċiżjoni kkontestata billi kkunsidrat li l-Kummissjoni ppretendiet li l-fatt li l-miżura inkwistjoni ma tirriżultax mill-obbligi legali u kuntrattwali stretti setgħet, min-natura tagħha, teskludi li tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat. L-SNCM tqis ukoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi rifset fil-marġni li għandha l-Kummissjoni fl-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi. Fl-aħħar nett l-SNCM u r-Repubblika Franċiża jakkużaw lill-Qorti Ġenerali li ma mmotivatx is-sentenza tagħha billi kklassifikat il-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat mingħajr ma vverifikat, sussidjarjament, jekk din il-miżura tissodisfax jew le t-test tal-investitur privat għaqli, kif madankollu ssostni l-Kummissjoni fil-premessa 378 tad-deċiżjoni kkontestata.

    121.

    Jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad it-tielet aggravju għar-raġunijiet li ġejjin.

    a) Dwar l-ewwel parti tat-tielet aggravju tal-SNCM

    122.

    Rigward l-argument tal-SNCM bbażat fuq l-allegata żnaturalizzazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, jiena nqis li fil-punt 143 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fehmet b’mod korrett il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li sabiex tiġi eskluża n-natura ta’ għajnuna mill-Istat tal-miżura inkwistjoni, għandu jiġi vverifikat “li l-miżura ma tħaffifx il-piż għall-SNCM tal-ispejjeż relatati mal-ġestjoni ta’ kuljum tagħha, jiġifieri f’ dan il-każ mill-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni normali tal-leġiżlazzjoni soċjali applikabbli għas-settur fil-qafas tat-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol” ( 73 ).

    123.

    Ir-raġunament tal-Kummissjoni kif espost fil-premessi 371 sa 377 tad-deċiżjoni kkontestata huwa intiż sabiex juri li l-miżura inkwistjoni tirriżulta minn obbligi li jmorru lil hinn mill-allowances previsti mil-leġiżlazzjoni soċjali u mill-ftehim kollettivi applikabbli. Huwa ċar ukoll, speċjalment mill-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni, li din tal-aħħar kienet tal-opinjoni li l-fatt li l-miżura inkwistjoni ma tirriżultax mill-obbligi legali u kuntrattwali stretti setgħet twassal sabiex ma tkunx ikkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat.

    124.

    Jiena għalhekk tal-opinjoni li l-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma żnaturat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fis-sens issuġġerit fit-tielet aggravju.

    b) Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju tal-SNCM

    125.

    L-SNCM tallega li, fil-punt 144 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi rifset fil-marġni li għandha l-Kummissjoni fl-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

    126.

    Fl-imsemmi punt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “l-eżistenza tal-kont issekwestrat hija tali li toħloq inċentiv għall-impjegati tal-SNCM li jħallu l-impriża jew, minn tal-inqas, li jitilqu mingħajr ma jinnegozjaw it-tluq tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-għoti eventwali ta’ indennizzi supplimentari għat-tkeċċija [...] tad-deċiżjoni kkontestata, u dawn kollha huma aspetti li joħolqu vantaġġ ekonomiku indirett għall-SNCM”.

    127.

    Il-kwistjoni dwar jekk il-kont issekwestrat huwiex tali li jinkoraġġixxi l-impjegati tal-SNCM jitilqu mingħajr ma jinnegozjaw it-tluq tagħhom u jekk joħloqx vantaġġ ekonomiku indirett għall-SNCM hija b’mod ċar kwistjoni ta’ konstatazzjoni ta’ fatti li ma humiex kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

    128.

    It-tieni parti tat-tielet aggravju tal-SNCM hija għalhekk inammissibbli u għandha tiġi miċħuda.

    c) Dwar it-tielet parti tat-tielet aggravju tal-SNCM u t-tielet aggravju tar-Repubblika Franċiża

    129.

    Skont l-SNCM u r-Repubblika Franċiża, il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha billi kklassifikat il-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat mingħajr ma vverifikat, sussidjarjament, jekk din il-miżura tissodisfax jew le t-test tal-investitur privat għaqli.

    130.

    Is-sustanza ta’ dan l-argument hija li anki jekk l-eżistenza tal-kont issekwestrat għandha l-effett li tħaffef il-piż għall-SNCM, din il-miżura tista’ tkun eżentata grazzi għall-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat.

    131.

    L-SNCM u r-Repubblika Franċiża jikkunsidraw (bħall-Kummissjoni fil-premessa 378 tad-deċiżjoni kkontestata) li, jekk il-valur tal-kont issekwestrat, jiġifieri EUR 38.5 miljuni, jiżdied mal-prezz negattiv tal-bejgħ, jiġifieri EUR 158 miljun, il-prezz totali tal-bejgħ, jiġifieri EUR 196.5 miljuni xorta ser ikun inqas mill-ispejjeż tal-likwidazzjoni. Dan juri li investitur privat xorta kien jieħu din il-miżura li għalhekk ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

    132.

    Issa, mill-premessa 70 tad-deċiżjoni u min-nota 66 jirriżulta b’mod ċar li l-kont issekwestrat sar sabiex jitħallsu allowances addizzjonali ta’ tkeċċija. Waqt l-analiżi tiegħi tal-ewwel aggravju, jiena diġà tkellimt dwar l-applikazzjoni ta’ dawn it-tip ta’ allowances tal-kriterju tal-investitur privat.

    133.

    Għar-raġunijiet mogħtija fil-punti 51 sa 63, u 79 sa 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena nikkunsidra li l-Kummissjoni ma ssostanzjatx suffiċjentement il-pożizzjoni tagħha li investitur privat kien iħallas allowances addizzjonali ta’ tkeċċija simili f’ċirkustanzi komparabbli lanqas a fortiori li kien iżid il-valur tal-kont issekwestrat għall-prezz tal-bejgħ.

    134.

    L-SNCM tirrileva wkoll li l-Qorti Ġenerali mkien ma ssostanzjat jew immotivat l-analiżi tagħha tal-kont issekwestrat miġbura fil-qosor fil-punt 144 tas-sentenza appellata. Fl-opinjoni tiegħi, ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kont issekwestrat jagħti vantaġġ ekonomiku indirett lill-SNCM jirriżultaw b’mod ċar mir-raġunament tagħha.

    135.

    Kif tindika Corsica Ferries, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, adottat l-istess pożizzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri l-fatt li “l-kunċett ta’ għajnuna ma neċessarjament jimplika li jiġi sostnut obbligu legali, iżda pjuttost li l-ispejjeż li normalment jgħabbu l-baġit ta’ impriża jitnaqqsu”. Dan ikun il-każ għall-SNCM f’każ ta’ tnaqqis ġdid tal-impjegati.

    136.

    Dan jirriżulta b’mod iktar ċar mill-premessi 374 u 375 tad-deċiżjoni kkontestata fejn il-Kummissjoni aċċettat li l-implementazzjoni tal-kont issekwestrat isostni lill-Istat fl-infiq tal-allowances addizzjonali ta’ tkeċċija tal-impjegati li ser jkunu mkeċċija ladarba l-SNCM tinbiegħ lix-xerrejja privati.

    137.

    Jiena nikkunsidra għalhekk li l-Qorti Ġenerali mmotivat suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward u nikkonkludi li t-tielet parti tat-tielet aggravju tal-SNCM kif ukoll it-tielet aggravju tar-Repubblika Franċiża għandhom jiġu miċħuda.

    D – Fuq ir-raba ’ aggravju dwar il-bilanċ ta ’ ristrutturar ta ’ EUR 15.81 miljun

    1. Id-deċiżjoni kkontestata

    138.

    Fil-premessa 434 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kontribuzzjoni f’kapital ta’ EUR 15.81 miljun ( 74 ) hija kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

    2. Is-sentenza appellata

    139.

    Fil-punt 149 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-analiżi tal-Kummissjoni ta’ dan il-bilanċ ta’ ristrutturar kienet ibbażata fuq il-premessa li tgħid li l-pjan tal-2006 kien nieqes minn elementi ta’ għajnuna mill-Istat. Fil-punti 152 u 153 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, sa fejn il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jistgħu jikkonfutaw din il-premessa, l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-bilanċ ta’ ristrutturazzjoni ma huwiex issostanzjat b’mod adegwat.

    3. Analiżi

    140.

    L-SNCM u r-Repubblika Franċiża jaċċettaw li s-suċċess tar-raba’ aggravju tagħhom jiddependi fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tilqa’ jew ma tilqax l-aggravji l-oħra mressqa f’dawn l-appelli.

    141.

    Fid-dawl tal-analiżi preċedenti tiegħi u tas-suġġerimenti magħmula minni lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-ewwel tliet aggravji tal-SNCM u tar-Repubblika Franċiża, jiena nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali laqgħet b’mod korrett ir-rikors ta’ Corsica Ferries intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

    142.

    Għalhekk jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad ir-raba’ aggravju tal-SNCM u tar-Repubblika Franċiża.

    V – Konklużjoni

    143.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appelli;

    tikkundanna lis-Société nationale maritime Corse-Méditerranée (SNCM) SA u lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż tagħhom u għal dawk ta’ Corsica Ferries France SAS ugwalment bejniethom.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, (T‑565/08).

    ( 3 ) ĠU 2009, L 225, p. 180.

    ( 4 ) Ara l-premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata.

    ( 5 ) ĠU 2004, L 61, p. 13.

    ( 6 ) Dan l-ammont huwa d-differenza bejn il-ħtiġijiet tal-fondi netti tal-SNCM, jiġifieri EUR 19.75 miljun u d-dħul nett mill-bejgħ tal-assi li jirriżulta mid-Deċiżjoni tal-2003, jiġifieri EUR 3.94 miljun, li jikkorrispondi għall-bejgħ ta’ vapur u tal-ishma fi tliet kumpanniji. Ara n-nota 201 tad-deċiżjoni kkontestata.

    ( 7 ) ĠU 2005, L 19, p. 70.

    ( 8 ) Sentenza Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni (T‑349/03, Ġabra p. II 2197).

    ( 9 ) Sussegwentement f’dawn il-konklużjonijiet, jiena ser nirreferi għall-Artikoli tat-Trattat KE fis-seħħ fl-epoka tad-deċiżjoni kkontestata.

    ( 10 ) ĠU 1999, C 288, p. 2.

    ( 11 ) Ara l-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata.

    ( 12 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40.

    ( 13 ) ĠU 2006, C 303, p. 53.

    ( 14 ) Ara l-punt 82 tas-sentenza appellata.

    ( 15 ) Ibidem (punt 83).

    ( 16 ) Ibidem (punt 84).

    ( 17 ) Ibidem (punti 90 sa 93).

    ( 18 ) Ibidem (punti 93 u 94).

    ( 19 ) Ibidem (punti 95 sa 108).

    ( 20 ) Ibidem (punt 109).

    ( 21 ) Ibidem (punt 108).

    ( 22 ) Ara s-sentenzi, tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing (C-525/04 P, Ġabra p. I-9947, punt 57), u tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott (C-290/07 P, Ġabra p. I-7763, punt 66).

    ( 23 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Scott, iċċitata iktar ’il fuq (punt 66). Ara wkoll is-sentenza, tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et (C-501/06 P, C-513/06 P, C-515/06 P u C-519/06 P, Ġabra p. I-9291, punt 163).

    ( 24 ) Enfasi magħmula minni.

    ( 25 ) Sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003 (C-328/99 u C-399/00, Ġabra p. I-4035, punt 38).

    ( 26 ) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE għal impriżi pubbliċi fis-settur tal-manifattura (ĠU C 307, 13.11.1993, p. 3, punt 14).

    ( 27 ) Punt 101 tas-sentenza appellata.

    ( 28 ) Ibidem (punt 87).

    ( 29 ) Ibidem (point 96).

    ( 30 ) Idem

    ( 31 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Scott, iċċitata iktar ’il fuq (punt 66).

    ( 32 ) Ara l-punti 267 sa 268 u 272 tad-deċiżjoni kkontestata.

    ( 33 ) Ara l-punt 97 tas-sentenza appellata (punt 97).

    ( 34 ) Ibidem (punt 96)

    ( 35 ) Ibidem (punt 102).

    ( 36 ) Ibidem (punt 105).

    ( 37 ) Ara l-punt 85 tas-sentenza appellata.

    ( 38 ) Ara n-nota 137 tad-deċiżjoni kkontestata.

    ( 39 ) Sentenza tal-21 ta’ Marzu 1991(C-303/88, Ġabra p. I-1433, punt 21).

    ( 40 ) Idem

    ( 41 ) Ibidem (punt 22).

    ( 42 ) Ibidem (punt 24).

    ( 43 ) Ibidem (punt 18).

    ( 44 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 1994 (C-278/92 sa C-280/92, Ġabra p. I-4103).

    ( 45 ) Punt 24 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża li tat lok għas-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

    ( 46 ) Ibidem (punt 29).

    ( 47 ) Idem

    ( 48 ) Ibidem (punt 30).

    ( 49 ) Sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 25 u 26).

    ( 50 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-3 ta’ Mejju 1996, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-399/95 R, Ġabra p I-2441).

    ( 51 ) Ibidem (punt 14).

    ( 52 ) Ibidem (punt 32).

    ( 53 ) Ibidem (punt 70).

    ( 54 ) Ibidem (punt 66).

    ( 55 ) Ara s-sentenza, tal-21 ta’ Jannar 1999, Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech-Stahlwerke vs Il-Kummissjoni (T-129/95, T-2/96 u T-97/96, Ġabra p. II-17, punt 122).

    ( 56 ) Ibidem (punt 126).

    ( 57 ) Ibidem (punt 127).

    ( 58 ) Ara d-digriet tal-25 ta’ Jannar 2001, Lech-Stahlwerke vs Il-Kummissjoni (C 111/99 P, Ġabra p. I 727).

    ( 59 ) Punt 85 tas-sentenza appellata.

    ( 60 ) Ibidem (punt 91).

    ( 61 ) Sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 22).

    ( 62 ) Sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24).

    ( 63 ) Punt 24 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża li tat lok għas-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

    ( 64 ) Sentenza Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech-Stahlwerke vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 122).

    ( 65 ) Ara l-punti 58 sa 61 tal-appell tar-Repubblika Franċiża.

    ( 66 ) Sentenza Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech-Stahlwerke vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 125). Ara, fl-istess sens, l-aħħar tal-punt 85 tas-sentenza appellata.

    ( 67 ) Is-Sezzjoni III.5 tal-Memorandum ta’ Ftehim, tas-16 ta’ Mejju 2006, hija dwar il-klawżola ta’ terminazzjoni tal-bejgħ li tista’ tiġi pprattikata b’mod konkomitanti mix-xerrejja f’każ li jseħħ wieħed mill-avvenimenti li ġejjin: i) ma jingħatax il-kuntratt ta’ delega ta’ servizz pubbliku ta’ servizz marittimu għal Korsika għall-perijodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2007 jew ii) in-notifika lill-Gvern Franċiż ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-ammont kollu jew parti tal-kontribuzzjonijiet mill-Istat Franċiż lill-SNCM bħala għajnuna mill-Istat li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

    ( 68 ) Punti 120 sa 131 tas-sentenza appellata.

    ( 69 ) Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il-Kummissjoni (C-30/91 P, Ġabra, p. I-3755, punt 28); tal-15 ta’ Diċembru 1994, Finsider vs Il-Kummissjoni (C-320/92 P, Ġabra p. I-5697, punt 37); tat-12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il-Kummissjoni (C-294/95 P, Ġabra p. I-5863, punt 52), u tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C-210/98 P, Ġabra p. I-5843, punt 58).

    ( 70 ) Punt 124 tas-sentenza appellata.

    ( 71 ) Ibidem (punt 125).

    ( 72 ) Ibidem (punt 127).

    ( 73 ) Premessa 371 tad-deċiżjoni kkontestata.

    ( 74 ) Ara n-nota 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    Top