EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CC0501

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fit-28 ta’ Novembru 2013.
Thomas Specht et vs Land Berlin u Bundesrepublik Deutschland.
Talbiet għal deċiżjonijiet preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Artikoli 2, 3(1)(ċ) u 6(1) — Diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età — Salarju bażiku tal-uffiċjali stabbilit skont l-età — Sistema tranżitorja — Kontinwazzjoni tad-differenza fit-trattament — Ġustifikazzjonijiet — Dritt għal kumpens — Responsabbiltà tal-Istat Membru — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.
Kawżi magħquda C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:779

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-28 ta’ Novembru 2013 ( 1 )

Kawżi magħquda C-501/12 sa C-506/12, C-540/12 u C-541/12

Thomas Specht (C-501/12), Jens Schombera (C-502/12), Alexander Wieland (C-503/12), Uwe Schönefeld (C-504/12),

Antje Wilke (C-505/12),Gerd Schini (C-506/12)

vs

Land Berlin

u

Rena Schmeel (C-540/12),

Ralf Schuster (C-541/12)

vs

Bundesrepublik Deutschland

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja)]

“Politika soċjali — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tal-ħaddiema — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li s-salarju bażiku tal-uffiċjali jiġi stabbilit skont l-età tal-uffiċjal”

1. 

F’dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari, il-kuntest ġuridiku huwa d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ( 2 ).

2. 

B’mod iktar partikolari, id-domandi magħmula mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja) ser iwasslu, l-ewwel nett, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiffoka sussegwentement fuq il-validità tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 kif ukoll fuq l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali, sussegwentement fuq il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età kif espress fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tistabbilixxi l-konsegwenzi legali li jirriżultaw minn eventwali ksur ta’ dan il-prinċipju. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha teżamina jekk regola nazzjonali, kif inhi dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprevedi l-obbligu tal-uffiċjal li jinvoka dritt għal benefiċċji finanzjarji li ma joħorġux direttament mil-liġi qabel tmiem is-sena finanzjarja fis-seħħ, tirrispettax id-dritt għal rimedju effettiv.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2000/78 huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplementa fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

4.

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi dan li ġej:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji’

[...]”

5.

L-Artikolu 3(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li din id-direttiva għandha tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni Ewropea, għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi organi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, inklużi b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni.

6.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi kif ġej:

“1.   Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

b)

L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

[...]”

7.

Skont l-Artikolu 16(a) tad-Direttiva 2000/78, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li jitneħħew kwalunkwe liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

B – Id-dritt Ġermaniż

1. Il-leġiżlazzjoni li tapplika għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin

a) Il-liġi federali fuq ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali li kienet fis-seħħ sax-xahar ta’ Ġunju 2011

8.

Sat-30 ta’ Ġunju 2011, l-Artikoli 27 et seq tal-liġi federali fuq ir-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali (Bundesbesoldungsgesetz, iktar ’il quddiem il-“verżjoni antika tal-BBesG”), fil-verżjoni li kienet fis-seħħ fil-31 ta’ Awwissu 2006, kienu jikkostitwixxu l-bażi legali tas-sistema ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin.

9.

Fil-verżjoni antika tal-BBesG, hija l-età ta’ riferiment, stabbilita skont l-età reali, li kienet tikkostitwixxi l-kriterju ta’ riferiment għall-klassifikazzjoni inizjali fi skala waħda kif ukoll il-punt ta’ tluq li minnu wieħed jibda l-progressjoni fl-iskala tar-remunerazzjonijiet tas-sistema ta’ remunerazzjoni.

10.

Għaldaqstant, l-Artikolu 27 tal-verżjoni antika tal-BBesG jipprovdi li s-salarju bażiku huwa kkalkolat fi skali, u dan bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji tas-sistemi ta’ remunerazzjoni. Il-progress fl-iskali huwa bbażat fuq l-età ta’ riferiment u fuq il-mertu tal-uffiċjal. L-uffiċjal jew is-suldat jirċievi tal-inqas is-salarju bażiku inizjali tal-grad li fih jinħatar. Dejjem skont din id-dispożizzjoni, is-salarju bażiku jiżdied kull sentejn sal-ħames skala, imbagħad kull tliet snin sad-disa’ skala, u wara kull erba’ snin. L-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi wkoll li l-uffiċjali u s-suldati li jaqgħu taħt is-sistema ta’ remunerazzjoni A li jiddistingwu ruħhom b’livell ta’ prestazzjoni konsistenti u fit-tul jistgħu jirċievu bil-quddiem is-salarju bażiku li jikkorrispondi mal-livell immedjatament ogħla (skala tal-mertu) qabel iż-żmien. Għand l-istess persuna li timpjega, in-numru ta’ persuni li jibbenefikaw għalhekk minn skala tal-mertu ma jistax, matul is-sena kalendarja, jeċċedi l-15 % tan-numru ta’ uffiċjali u suldati li jaqgħu taħt is-sistema ta’ remunerazzjoni A li għadhom ma laħqux is-salarju bażiku finali. Jekk jiġi kkonstatat li l-livell ta’ prestazzjoni tal-uffiċjal jew tas-suldat ma jikkorrispondix mar-rekwiżiti medji marbuta mal-pożizzjoni okkupata, dan jibqa’ kklassifikat fl-iskala tiegħu sakemm il-livell ta’ prestazzjoni tiegħu jiġġustifika l-progress fl-iskala immedjatament ogħla.

11.

Skont l-Artikolu 28 tal-verżjoni antika tal-BBesG, l-età ta’ riferiment tibda tiġi kkalkolata mill-ewwel jum tax-xahar tal-wieħed u għoxrin sena tal-uffiċjal jew tas-suldat.

12.

Dan il-punt tat-tluq tal-kalkolu tal-età ta’ riferiment jiġi pospost għall-perijodi ta’ wara l-età ta’ 31 magħluqa li ma tawx id-dritt għar-remunerazzjoni bħala uffiċjal jew suldat, sa kwart tal-perijodu li jwassal sal-età ta’ 35 sena magħluqa, u mbagħad sa nofs il-perijodu li jiġi wara. Jitqiesu bħala remunerazzjonijiet ta’ uffiċjal jew suldat dawk ir-remunerazzjonijiet li jittieħdu għal attività professjonali ekwivalenti prinċipalment għas-servizz ta’ persuna li timpjega rregolata taħt id-dritt pubbliku, ta’ komunitajiet kulturali rregolati taħt id-dritt pubbliku jew il-gruppi tagħhom, kif ukoll kull prinċipal ieħor li japplika l-ftehim kollettivi li jkunu fis-seħħ fis-settur pubbliku jew ftehim kollettivi li jkollhom kontenut kważi simili u li fihom l-Istat jew persuni pubbliċi oħra jkollhom parteċipazzjoni sostanzjali, kemm jekk bi ħlas ta’ kontribuzzjonijiet jew sussidji jew b’xi mod ieħor.

13.

Permezz tat-tieni liġi li temenda r-Regolamenti tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku (Zweites Dienstrechtsänderungsgesetz), tal-21 ta’ Ġunju 2011, il-Land Berlin integrat id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-verżjoni l-antika tal-BBesG fid-dritt tal-Land Berlin bħala liġi federali fuq ir-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali fil-verżjoni tranżitorja tagħha għal Berlin (Bundesbesoldungsgesetz in der Überleitungsfassung für Berlin, iktar ’il quddiem il-“verżjoni antika tal-BBesG Bln”).

b) Il-liġi federali fuq ir-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2011

14.

Permezz tal-liġi li tirriforma r-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali tal-Land Berlin (Gesetz zur Besoldungsneuregelung für das Land Berlin – Berliner Besoldungsneuregelungsgesetz, iktar ’il quddiem il-“BerlBesNG”), tad-29 ta’ Ġunju 2011, il-Land Berlin emenda l-verżjoni preċedenti tal-BBesG Bln. Minn dakinhar, leġiżlazzjonijiet differenti japplikaw għall-uffiċjali tal-Land Berlin, u dan skont jekk dawn daħlux fis-servizz wara l-1 ta’ Awwissu 2011 (iktar ’il quddiem l-“uffiċjali l-ġodda”) jew jekk kinux diġà impjegati fil-31 ta’ Lulju 2011 (iktar ’il quddiem l-“uffiċjali eżistenti”). L-Artikolu 1(1) tal-BerlBesNG emenda l-verżjoni preċedenti tal-BBesG Bln b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2011. Għall-uffiċjali l-ġodda, hija l-verżjoni emendata tal-ex verżjoni tal-BBesG Bln (iktar ’il quddiem il-“verżjoni l-ġdida tal-BBesG Bln”) li tapplika.

i) Il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-uffiċjali l-ġodda

15.

Il-klassifikazzjoni inizjali tal-uffiċjali l-ġodda fi skala (ta’ esperjenza) u l-progressjoni ulterjuri tar-remunerazzjoni, permezz ta’ kull skala, fi ħdan is-sistema ta’ remunerazzjoni A ma għadhomx marbuta mal-età ta’ riferiment, stabbilita skont l-età reali, imma mat-tul tal-perijodi ta’ servizz imwettqa skont ir-rekwiżiti mitluba ta’ esperjenza.

16.

Għaldaqstant, l-Artikolu 27 tal-verżjoni l-ġdida tal-BBesG Bln jipprovdi li s-salarju bażiku huwa kkalkolat fi skali (skali ta’ esperjenza), ħlief għal dispożizzjonijiet li jmorru kontra s-sistemi ta’ remunerazzjoni. Il-progress fl-iskala immedjatament ogħla jsir skont l-esperjenza miksuba. Skont dan l-artikolu, għal kull l-ewwel ħatra f’impjieg li tagħti dritt għal remunerazzjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-verżjoni l-ġdida tal-BBesG Bln, hemm salarju bażiku li jikkorrispondi mal-livell 1, u dan bla ħsara għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi preċedenti skont l-Artikolu 28(1) tal-istess. L-Artikolu 27(3) tal-verżjoni l-ġdida tal-BBesG Bln jindika li s-salarju bażiku jiżdied fi tmiem perijodu ta’ sentejn esperjenza fl-iskala 1, fi tmiem perijodu ta’ tliet snin ta’ esperjenza fl-iskali 2 sa 4, u mbagħad fi tmiem perijodu ta’ 4 snin esperjenza fl-iskali 5 sa 7. Il-perijodi li ma jagħtux dritt għal remunerazzjoni bħala uffiċjal itawwlu, minħabba t-tul rispettiv tagħhom, il-progress fil-karriera tal-uffiċjal, u dan bla ħsara għall-Artikolu 28(2) tal-verżjoni l-ġdida tal-BBesG Bln.

17.

Skont l-Artikolu 27(4) tal-verżjoni l-ġdida tal-BBesG Bln, l-uffiċjali li jaqgħu taħt is-sistemi ta’ remunerazzjoni A li jiddistingwu ruħhom b’livell ta’ prestazzjoni sostenibbli u fit-tul, jistgħu jirċievu s-salarju bażiku li jikkorrispondi mal-iskala ta’ esperjenza immedjatament ogħla (skala skont il-mertu) qabel iż-żmien. Mal-istess persuna li timpjega, in-numru ta’ persuni li jibbenefikaw għalhekk minn skala skont il-mertu ma jistax, matul is-sena kalendarja, jeċċedi l-15 % tan-numru ta’ uffiċjali li jaqgħu taħt is-sistemi ta’ remunerazzjoni A li għadhom ma laħqux is-salarju bażiku finali. Jekk jiġi kkonstatat li l-livell ta’ prestazzjoni tal-uffiċjal ma jikkorrispondix mar-rekwiżiti medji marbuta mal-pożizzjoni okkupata, dan jibqa’ kklassifikat fl-iskala skont l-esperjenza tiegħu sakemm il-livell ta’ prestazzjoni tiegħu jiġġustifika li javvanza fl-iskala immedjatament ogħla.

18.

L-Artikolu 28(1) tal-verżjoni l-ġdida tal-BBesG Bln jipprovdi li, waqt l-iffissar tal-iskala inizjali skont l-Artikolu 27(2) tal-istess BBesG Bln, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-perijodi li jikkorrispondu mal-eżerċizzju ta’ attività professjonali ekwivalenti prinċipalment mas-servizz ta’ prinċipal irregolat taħt id-dritt pubbliku, ta’ komunitajiet kulturali rregolati taħt id-dritt pubbliku jew il-gruppi tagħhom, u dan sakemm din l-attività professjonali ma tkunx kundizzjoni għall-aċċettazzjoni tagħhom għall-karriera kkonċernata. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-perijodi li għandu jsir ħlas għalihom skont il-liġi dwar iż-żamma tal-impjieg fis-servizz militari jew ċivili obbligatorju (Arbeitsplatzschutzgesetz), meta d-dħul fis-servizz pubbliku jkun ġie ttardjat minħabba l-obbligu ta’ żmien fis-servizz militari jew ċivili.

ii) Il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-uffiċjali diġà rreklutati

19.

L-Artikolu 2(1) tal-BerlBesNG ħoloq regola derogatorja għall-uffiċjali eżistenti. Din hija l-liġi ta’ Berlin li tiddefinixxi l-modalitajiet għall-klassifikazzjoni mill-ġdid fis-sistema ġdida tal-uffiċjali diġà rreklutati (Berliner Besoldungsüberleitungsgesetz, iktar ’il quddiem il-“BerlBesÜG”), tad-29 ta’ Ġunju 2011.

20.

Skont l-Artikolu 2(1) tal-BerlBesÜG, fl-1 ta’ Awwissu 2011, l-uffiċjali għandhom, skont il-modalitajiet iddefiniti fil-paragrafi segwenti, jiġu kklassifikati fl-iskali jew fl-iskali tranżitorji previsti fl-Anness 3 tal-BerlBesNG skont l-impjieg okkupat fil-31 ta’ Lulju 2011 u skont is-salarju bażiku li għalih ikollhom dritt fl-1 ta’ Awwissu 2011 skont il-liġi dwar l-aġġustament tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali 2010/2011 għal Berlin (Gesetz zur Besoldungs- und Versorgungsanpassung für Berlin), tat-8 ta’ Lulju 2010. Skont l-Artikolu 2(2) tal-BerlBesÜG l-uffiċjal jiġi kklassifikat fl-iskala jew fil-livell tranżitorju li jikkorrispondi mal-ammont tas-salarju bażiku arrotondat ’il fuq sad-diviżjoni ogħla.

21.

L-Artikolu 3(1) tal-BerlBesÜG jindika li l-klassifikazzjoni fi skala kif previst fl-Anness 3 tal-BerlBesNG tikkostitwixxi l-punt ta’ tluq għall-kalkolu tat-tul tal-esperjenza mitluba għall-finijiet tal-progress skont l-Artikolu 27(3) tal-verżjoni l-ġdida tal-BBesG Bln.

22.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-leġiżlatur iġġustifika din ir-riforma billi sostna li, fid-dawl tad-Direttiva 2000/78, is-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni kienet dejjem iktar kontroversjali minħabba l-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażata fuq l-età, speċjalment wara l-ġurisprudenza reċenti li tikkonċerna l-membri tal-persunal bil-kuntratt.

23.

Fir-rigward tal-uffiċjali fil-veru sens tal-kelma, il-leġiżlatur kkonstata li, għalkemm sa issa hemm biss sentenzi mogħtija minn qrati tal-ewwel istanza li ma kkonstatawx il-preżenza ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, xorta waħda kien wasal iż-żmien li ssir għażla favur sistema bbażata fuq l-esperjenza, peress li ma setax jiġi eskluż li l-qrati ta’ grad ogħla u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jevalwaw din il-kwistjoni b’mod differenti, ħaġa li, jekk ikun il-każ, tista’ tinvolvi spejjeż supplimentari annwali stmati fl-ammont ta’ EUR 109 miljun. Kien xieraq, konsegwentement, li r-remunerazzjoni inizjali u l-progressjoni ulterjuri tagħha ma jibqgħux jiġu stabbiliti abbażi tal-età ta’ riferiment, ikkalkolata skont l-età reali, iżda li jiġi ppreferut kriterju bbażat fuq it-tul tal-perijodi ta’ servizz imwettqa skont ir-rekwiżiti mitluba. Il-leġiżlatur iżid jgħid li r-riforma msemmija tieħu inkunsiderazzjoni d-Direttiva 2000/78. Fil-fehma tiegħu, l-għan tas-sistema l-ġdida huwa wkoll, madankollu, li ma tinvolvi la tnaqqis u lanqas żieda fid-dħul tal-uffiċjali. L-iskala l-ġdida ta’ remunerazzjonijiet, konsegwentement, ġiet maħluqa l-ewwel nett “bi spiża kostanti” u tiddevja għall-massimu bejn wieħed u ieħor sa 1 % mid-dħul fittizju fil-grad rispettiv li kien jintlaħaq mill-uffiċjal fl-età ta’ 65 sena, mingħajr promozzjoni. Id-dispożizzjoni derogatorja prevista għall-uffiċjali eżistenti kienet ispirata wkoll mix-xewqa li jiġu ppreservati d-drittijiet kweżiti tal-uffiċjali.

2. Il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-uffiċjali federali

24.

Sat-30 ta’ Ġunju 2009, l-Artikoli 27 et seq tal-verżjoni l-antika tal-BBesG, fil-verżjoni li kienet fis-seħħ fis-6 ta’ Awwissu 2002, kienu jikkostitwixxu l-bażi legali tas-sistema ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali federali. Dawn id-dispożizzjonijiet kienu identiċi għal dawk esposti preċedentement, dwar il-verżjoni l-antika tal-BBesG, fil-verżjoni tagħha li kienet fis-seħħ fil-31 ta’ Awwissu 2006.

25.

Il-liġi li rriformat u mmodernizzat id-dritt federali tas-servizz pubbliku (Gesetz zur Neuordnung und Modernisierung des Bundesdienstrechts), tal-5 ta’ Frar 2009, bidlet is-sistema ta’ kalkolu tar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali federali, ibbażata fuq l-età ta’ riferiment. Għaldaqstant, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2009, skont l-Artikoli 27 et seq tal-verżjoni l-ġdida tal-BBesG, fil-verżjoni tagħha li kienet fis-seħħ fil-5 ta’ Frar 2009, din is-sistema saret ibbażata fuq skali msejħa “ta’ esperjenza”, u dawn stess kienu ffissati skont il-perijodi ta’ servizz imwettqa skont ir-rekwiżiti meħtieġa.

II – Il-fatti tal-kawżi prinċipali

26.

Il-fatti tal-kawżi prinċipali jistgħu jinġabru bil-mod kif ġej. T. Specht (Kawża C‑501/12), J. Schombera (Kawża C‑502/12), A. Wieland (Kawża C‑503/12), U. Schönefeld (Kawża C‑504/12), A. Wilke (Kawża C‑505/12) u G. Schini (Kawża C‑506/12), min-naħa waħda, kif ukoll R. Schmeel (Kawża C‑540/12) u R. Schuster (Kawża C‑541/12), min-naħa l-oħra (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”), inħatru bħala uffiċjali permanenti tal-Land Berlin u uffiċjali permanenti tal-Bundesrepublik Deutschland, rispettivament.

27.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew inizjalment ikklassifikati fis-sistema ta’ remunerazzjonijiet skont il-verżjoni l-antika tal-BBesG, jiġifieri skont l-età ta’ riferiment tagħhom fil-ġurnata tal-ħatra tagħhom.

28.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw il-kalkolu tar-remunerazzjoni tagħhom u quddiem il-qorti tar-rinviju jsostnu li huma ġew iddiskriminati minħabba l-età.

29.

Fil-Kawżi C‑502/12 u C‑506/12, J. Schombera u G. Schini talbu li titħallas lilhom somma li tikkorrispondi mad-differenza bejn ir-remunerazzjoni li huma kienu jirċievu kieku ġew ikklassifikati fl-ogħla skala u dik li huma rċevew effettivament għall-perijodu kollu bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-1 ta’ Awwissu 2011, li hija d-data li fiha bdiet is-sistema ta’ remunerazzjoni ġdida bbażata fuq l-esperjenza.

30.

Fil-Kawżi C‑501/12, C‑503/12 u C‑505/12, T. Specht u A. Wieland kif ukoll A. Wilke, rispettivament, jitolbu li jitħallsu, għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Settembru 2006 u l-31 ta’ Lulju 2011 (Kawża C‑501/12) kif ukoll għall-perijodu inkluż bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-31 ta’ Lulju 2011 (Kawżi C‑503/12 u C‑505/12), ir-remunerazzjoni relatata mal-iskala l-iżjed għolja. Għall-perijodu wara l-31 ta’ Lulju 2011, li hija d-data li fiha bdiet is-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida, huma qegħdin jitolbu li jirċievu remunerazzjoni li tikkorrispondi ma’ dik li huma kienu jirċievu kieku l-klassifikazzjoni mill-ġdid tas-salarji skont il-BerlBesÜG kienet saret abbażi tal-ogħla livell tal-grad ta’ salarju antik tagħhom.

31.

Fil-Kawża C‑504/12, U. Schönefeld jikkontesta l-modalitajiet tal-klassifikazzjoni tiegħu taħt is-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida u jitlob li jitħallsu lilu arretrati li jikkorrispondu mad-differenza bejn ir-remunerazzjoni li huwa effettivament rċieva u dik li suppost kellu jirċievi, skont hu, b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2011.

32.

Fl-aħħar nett, fil-Kawżi C‑540/12 u C‑541/12, R. Schmeel u R. Schuster jikkontestaw il-kalkolu tar-remunerazzjoni tagħhom u jitolbu l-ħlas ta’ arretrati li jikkorrispondu mad-differenza bejn ir-remunerazzjoni li huma kienu jirċievu kieku ġew ikklassifikati fl-ogħla skala u dik li huma rċevew effettivament għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Jannar 2008 u x-xahar ta’ Lulju 2009, li hija d-data li fiha bdiet is-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida.

III – Id-domandi preliminari

33.

Id-domandi magħmula fil-Kawżi C‑501/12, C‑503/12 u C‑505/12 huma identiċi. Dawk magħmula fil-Kawżi C-502/12 u C‑506/12 huma identiċi mill-ewwel sal-ħames domandi magħmula fil-Kawżi C‑501/12, C‑503/12 u C‑505/12. L-ewwel sas-sitt domandi magħmula fil-Kawża C‑504/12 jikkorrispondu mal-ewwel sat-tielet u s-sitt sat-tmien domandi magħmula fil-Kawżi C‑501/12, C‑503/12 u C‑505/12. Fl-aħħar nett, id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi C‑540/12 u C‑541/12 huma identiċi wkoll għall-ewwel sal-ħames domandi magħmula fil-Kawżi C‑501/12, C‑503/12 u C‑505/12, bl-unika differenza hija r-riferiment għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali federali u mhux dik tar-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin.

34.

Għaldaqstant, jiena ser nittraskrivi d-domandi magħmula fil-Kawżi C‑501/12, C‑503/12 u C‑505/12, u dan peress li dawn il-kawżi jiġbru d-domandi kollha magħmula fil-kawżi li għandna quddiemna hawnhekk.

35.

Il-Verwaltungsgericht Berlin iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-dritt [tal-Unjoni] primarju u/jew sekondarju Ewropew, f’dan il-każ b’mod partikolari d-Direttiva 2000/78/KE[...], għandu jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi projbizzjoni komprensiva fir-rigward ta’ diskriminazzjoni mhux iġġustifikata bbażata fuq l-età li tkopri wkoll regoli nazzjonali dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali ta’ Land?

2)

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv: l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt [tal-Unjoni] primarju u/jew sekondarju Ewropew twassal sabiex dispożizzjoni nazzjonali, li tipprovdi li l-ammont tas-salarju bażiku ta’ uffiċjal fil-mument li jinħatar bħala uffiċjal permanenti fis-servizz pubbliku jiddependi fil-parti l-kbira tiegħu mill-età tiegħu u li dan l-ammont sussegwentement jiżdied prinċipalment fuq il-bażi tat-tul tas-servizz tiegħu fis-servizz pubbliku, tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq l-età?

3)

Fil-każ li anki t-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv: l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt [tal-Unjoni] primarju u/jew sekondarju Ewropew tipprekludi li tali dispożizzjoni nazzjonali tiġi ġġustifikata permezz tal-għan leġiżlattiv li tiġi rikonoxxuta l-esperjenza professjonali?

4)

Fil-każ li anki t-tielet domanda tingħata risposta fl-affermattiv: l-interpretazzjoni tad-dritt [tal-Unjoni] primarju u/jew sekondarju Ewropew tippermetti, sakemm ma jkun implementat ebda dritt għal remunerazzjoni li ma jimplikax diskriminazzjoni, konsegwenza legali oħra apparti l-għoti ta’ remunerazzjoni retroattivament lill-persuni ddiskriminati skont l-ogħla livell ta’ salarju fil-grad ta’ salarju tagħhom?

Il-konsegwenza legali tal-ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tirriżulta direttament mid-dritt [tal-Unjoni] primarju u/jew sekondarju Ewropew, f’dan il-każ b’mod partikolari mid-Direttiva 2000/78[...], jew jista’ jkun hemm pretensjoni biss [min-naħa tal-persuna ddiskriminata] minħabba implementazzjoni [tal-prinċipju, rikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni, tar-responsabbiltà tal-Istati Membri f’każ ta’ traspożizzjoni inkorretta tad-dispożizzjonijiet tad-dritt [tal-Unjoni]?

5)

[Din l]-interpretazzjoni tad-dritt [tal-Unjoni] primarju u/jew sekondarju Ewropew tipprekludi miżura nazzjonali li tissuġġetta [l-eżistenza ta’ dritt] għal ħlas (b’lura) jew għal kumpens [bil]-kundizzjoni li l-uffiċjali jkunu ressqu din il-pretensjoni fi żmien [relattivament qasir]?

6)

Fil-każ li l-ewwel sat-tielet domandi jingħataw risposta fl-affermattiv: l-interpretazzjoni tad-dritt [tal-Unjoni] primarju u/jew sekondarju Ewropew twassal sabiex liġi tranżitorja, li tipprevedi li l-uffiċjali eżistenti jitqiegħdu fi grad tas-sistema l-ġdida fuq il-bażi biss tal-ammont tas-salarju bażiku li kienu jirċievu taħt i[s-sistema ta’ remunerazzjoni l-preċedenti] (u diskriminatorja) [] fid-data [ta’ riferiment stabbilita għ]at-tranżizzjoni [għas-sistema l-ġdida], u li tipprovdi li l-progress sussegwenti għal gradi ogħla ser ikun ikkalkolat biss fuq il-bażi tal-perijodi ta’ esperjenza miksuba wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi tranżitorja, irrispettivament mill-perijodu ta’ esperjenza konkretament miksub mill-uffiċjal[], titqies bħala esten[s]joni tad-diskriminazzjoni eżistenti fuq il-bażi tal-età, diskriminazzjoni li tippersisti sakemm jintlaħaq l-ogħla livell ta’ salarju f’kull każ individwali?

7)

Fil-każ li anki s-sitt domanda tingħata risposta fl-affermattiv: l-interpretazzjoni tad-dritt [tal-Unjoni] primarju u/jew sekondarju Ewropew tipprekludi li din l-inugwaljanza bla limiti u kontinwa fit-trattament tiġi ġġustifikata permezz tal-għan leġiżlattiv li l-liġi tranżitorja ma hijiex intiża li tipproteġi (biss) id-drittijiet kweżiti eżistenti fid-data ta[’ riferiment għa]t-tranżizzjoni [għas-sistema l-ġdida] iżda (anki) l-aspettattivi fir-rigward tad-dħul matul il-ħajja professjonali kollha fil-grad ta’ salarju rispettiv li kien mistenni li jitħallas taħt il-liġi preċedenti dwar ir-remunerazzjoni?

I[l-kontinwazzjoni ta]d-diskriminazzjoni kontra l-uffiċjali [diġà] eżistenti tista’ tiġi ġġustifikata permezz tal-fatt li l-alternattiva leġiżlattiva ([li tikkonsisti fl-]assenjazzjoni individwali [...] ta’ uffiċjali eżistenti fuq il-bażi tal-perijodi ta’ esperjenza) [tkun iktar ta’ piż, amministrattivament, biex tiġi implementata]?

8)

Fil-każ li [l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-ġustifikazzjonijiet imsemmija fis]-seba’ domanda [...]: [din] l-interpretazzjoni tad-dritt [tal-Unjoni] primarju u/jew sekondarju tippermetti, sakemm jiġi implementat [sistema ta’] remunerazzjoni li ma jimplikax diskriminazzjoni fir-rigward ukoll tal-uffiċjali eżistenti, konsegwenzi legali oħra apparti l-għoti ta’ remunerazzjoni retroattivament u kontinwament lill-uffiċjali eżistenti skont l-ogħla livell ta’ salarju fil-grad ta’ salarju tagħhom?

Il-konsegwenza legali [marbuta m]al-ksur tal-[prinċipju ta’ non]diskriminazzjoni tirriżulta direttament mid-dritt [tal-Unjoni] primarju u/jew sekondarju, f’dan il-każ b’mod partikolari mid-Direttiva 2000/78[...], jew jista’ jkun hemm pretensjoni [tal-persuna ddiskriminata] biss minħabba [l-applikazzjoni tal-prinċipju, rikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni, tar-responsabbiltà tal-Istati Membri f’każ ta’ traspożizzjoni inkorretta tad-dispożizzjonijiet tad-dritt [tal-Unjoni]?”

IV – Analiżi

A – Fuq il-validità tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 u l-applikazzjoni tiegħu għall-kundizzjonijiet ta ’ remunerazzjoni tal-uffiċjali

36.

L-ewwel domanda, li tirrigwarda l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 għas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tinqasam, fil-fehma tiegħi, f’żewġ partijiet. L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ din id-direttiva japplikax għall-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali. F’dan ir-rigward, hija turi dubji dwar il-validità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tat-Trattat TFUE.

37.

Għaldaqstant, hija tfakkar li l-imsemmija direttiva ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 19 TFUE (li jikkorrispondi mal-ex Artikolu 13 KE) li jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu li, “[m]ingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati u fil-limiti tal-poteri mogħtija minnu lill-Unjoni, il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] [...] jista’ jieħu l-azzjoni xierqa sabiex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq [...] l-età ( 3 )”. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni tat-tneħħija tal-eventwali diskriminazzjoni minħabba l-età fis-sistema ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali tmiss ukoll dik tar-remunerazzjoni bħala tali, qasam li fih id-dritt primarju, fil-prinċipju, ma jagħti ebda ġurisdizzjoni lill-Unjoni skont l-Artikolu 153(5) TFUE. Peress li l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi espressament li din tapplika għall-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni, il-validità tagħha tista’ tiġi kkontestata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat TFUE.

38.

Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, f’każ li jiġi deċiż li l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 huwa invalidu, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età inkwantu prinċipju ġenerali tad-dritt jew l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 4 ) jistgħux jiġu applikati b’mod indipendenti fil-każijiet li għandna quddiemna f’dawn il-kawżi.

39.

Il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jsostnu li d-direttiva msemmija hija valida u li tapplika għal dan il-każ. Jiena naqbel ma’ din il-fehma u dan għar-raġunijiet segwenti.

40.

Huwa ċertament minnu li l-użu tal-Artikolu 19 TFUE bħala bażi għal leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huwa limitat għal oqsma li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, meta jadotta test biex jiġġieled id-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq wieħed mill-motivi elenkati f’dan l-artikolu, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jiżgura ruħu li l-qasam ikkonċernat ikun fil-fatt wieħed mill-oqsma li għalihom l-Unjoni jkollha ġurisdizzjoni biex taġixxi, skont il-prinċipju ta’ attribuzzjoni msemmi fl-Artikolu 5(1) u (2) TUE, bir-riskju, altrimenti, li l-kamp ta’ applikazzjoni tat-trattati jiġi estiż.

41.

Issa, l-Artikolu 153 TFUE, li jinsab fit-Titolu X dwar il-politika soċjali u li jippermetti lil-leġiżlatur tal-Unjoni li jilleġiżla fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, jeskludi espressament fil-paragrafu (5) tiegħu, il-pagi [remunerazzjonijiet] mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

42.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tastjeni minn kull stħarriġ jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkollha rabta mar-remunerazzjoni, tkun xi tkun? L-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 huwa invalidu minħabba din l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 153(5) TFUE? Jien ma naħsibx.

43.

Teżisti differenza, li għalkemm huwa minnu li prima facie tista’ tidher artifiċjali, hija madankollu essenzjali, bejn il-kelma “pagi” [remunerazzjoni] kif użata f’din id-dispożizzjoni, u l-espressjoni “kundizzjonijiet għall-paga” użata fl-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78.

44.

Fil-fatt, fis-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso ( 5 ), wara li fakkret li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, peress li l-Artikolu 153(5) TFUE jikkostitwixxi dispożizzjoni li tidderoga mill-paragrafi (1) sa (4) tal-istess artikolu, l-oqsma rriżervati minn dan il-paragrafu għandhom jiġu interpretati b’mod strett b’mod li ma tiġix affettwata indebitament il-portata tal-imsemmija paragrafi 1 sa 4 u lanqas li jiġu ppreġudikati l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 151 TFUE ( 6 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li, għal dak li jikkonċerna b’mod iżjed partikolari l-eċċezzjoni li tirrigwarda l-“pagi” [remunerazzjonijiet] msemmija fl-Artikolu 153(5) TFUE, din hija dovuta għall-fatt li l-iffissar tal-livell tal-pagi jaqa’ taħt l-awtonomija kuntrattwali ta’ l-imsieħba soċjali fuq skala nazzjonali kif ukoll taħt il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ġie deċiż li huwa xieraq, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, li tiġi eskluża d-determinazzjoni tal-livell tal-pagi minn armonizzazzjoni taħt l-Artikoli 151 TFUE et seq ( 7 ).

45.

Għaldaqstant huwa ċar li l-kelma “pagi” [remunerazzjonijiet] fis-sens tal-Artikolu 153(5) TFUE, ma tinkludix il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni. Dawn tal-aħħar jagħmlu parti mill-kundizzjonijiet ta’ impjieg. Dawn ma humiex intiżi direttament għall-iffissar tal-livell ta’ remunerazzjoni, imma ċ-ċirkustanzi li fihom l-impjegat jingħata dik ir-remunerazzjoni jew oħra, remunerazzjoni li tiġi stabbilita minn qabel mill-partijiet ikkonċernati, kemm jekk bejn il-persuni fis-settur privat jew bejn l-imsieħba soċjali u l-Istat.

46.

Is-sistema ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali Ġermaniżi inkwistjoni fil-kawża prinċipali turi ċar, fil-fehma tiegħi, din id-differenza bejn remunerazzjoni u kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni. Fil-fatt, il-livell ta’ salarju tal-uffiċjali Ġermaniżi huwa stabbilit permezz ta’ gradi u mbagħad bi skali. L-ammont ta’ kull grad u dak ta’ kull skala huma stabbiliti liberament mill-awtoritajiet kompetenti u b’ebda mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jista’, abbażi tal-Artikolu 153(5) TFUE, jintervjeni fid-determinazzjoni ta’ dawn l-ammonti billi jimponi, pereżempju, livell minimu. F’dawn l-aħħar każijiet, din hija kompetenza esklużiva tal-Istati Membri ( 8 ). Id-differenzi fis-salarju li jeżistu fi ħdan l-Unjoni ma jistgħux, fl-istat attwali tad-dritt, ikunu s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

47.

Min-naħa l-oħra, ir-regoli nazzjonali li jirregolaw il-modalitajiet ta’ klassifikazzjoni f’dawn il-gradi u f’dawn l-iskali ma jistgħux ikollhom l-effett li jiddiskriminaw l-uffiċjali minħabba, b’mod partikolari, l-età tagħhom.

48.

Kif indika l-Kunsill fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, ir-remunerazzjonijiet jikkostitwixxu element essenzjali tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol ( 9 ), u jista’ jkun li huwa l-iktar element importanti u l-iktar li huwa suġġett għal diskriminazzjonijiet ( 10 ). Għaldaqstant, kieku l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni kellhom jiġu inklużi fl-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 153(5) TFUE, dan ineħħi l-parti l-kbira mis-sens tal-Artikolu 19 TFUE li, għandu jitfakkar, huwa intiż li jiġġieled kontra d-diskriminazzjonijiet.

49.

Għaldaqstant, l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 huwa validu. Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont dan l-artikolu, din id-direttiva tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi organi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u remunerazzjoni ( 11 ).

50.

Konsegwentement, jiena nemmen li l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali.

51.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ma huwiex meħtieġ, fil-fehma tiegħi, li tingħata risposta għat-tieni parti tal-ewwel domanda.

B – Fuq id-diskriminazzjoni minħabba l-età

52.

Qabel ma neżamina t-tieni u t-tielet domandi, huwa utli, fil-fehma tiegħi, li nerġa’ ndur għas-sistema ta’ remunerazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali u li nispjegahom bl-għajnuna ta’ eżempji konkreti sabiex jinftiehem aħjar il-funzjonament tagħhom.

53.

Skont il-verżjoni antika tal-BBesG, il-klassifikazzjoni inizjali tal-uffiċjal fi skala ta’ remunerazzjoni fi grad partikolari ssir skont l-età ta’ riferiment li tibda fl-ewwel jum tal-wieħed u għoxrin anniversarju tal-uffiċjal. Sal-età ta’ 31 sena magħluqa, l-uffiċjal jiġi rreklutat fl-iskala li fiha kien ikun ikklassifikat kieku ġie rreklutat fl-età ta’ 21 sena. F’ċerti ċirkustanzi, din l-età ta’ riferiment hija posposta bit-tul tal-perijodi ta’ wara l-età ta’ 31 magħluqa sa kwart tal-perijodu li jwassal sal-età ta’ 35 sena magħluqa, u mbagħad sa nofs il-perijodu li jiġi wara.

54.

L-eżempji segwenti juru b’mod konkret il-mod li bih tiġi kkalkolata l-età ta’ riferiment ( 12 ).

55.

Persuna li twieldet fl-1 ta’ April 1977 u li ġiet irreklutata bħala uffiċjal fl-1 ta’ Ottubru 1994 laħqet l-età ta’ 21 sena magħluqa fil-31 ta’ Marzu 1998. Għaldaqstant, l-età ta’ riferiment tagħha hija ffissata għall-1 ta’ Marzu 1998.

56.

Persuna li twieldet fl-1 ta’ April 1967 u li ġiet irreklutata bħala uffiċjal fis-16 ta’ Ottubru 2000 laħqet l-età ta’ 21 sena magħluqa fil-31 ta’ Marzu 1988. Peress li kellha 33 sena meta ġiet irreklutata, l-età ta’ riferiment ma tkunx iffissata għall-1 ta’ Marzu 1988. Il-perijodu inkluż bejn il-31 ta’ Marzu 1998 (età ta’ 31 sena magħluqa) u s-16 ta’ Ottubru 2000 (data ta’ reklutaġġ) huwa ta’ sentejn, sitt xhur u 16-il jum. Skont l-Artikolu 28(2) tal-verżjoni l-antika tal-BBesG, l-età ta’ riferiment tiġi posposta bi kwart ta’ dan il-perijodu, jiġifieri minn seba’ xhur u 19-il jum, arrotondat għal seba’ xhur. Għaldaqstant, l-età ta’ riferiment hija ffissata għall-1 ta’ Marzu 1988 miżjuda b’seba’ xhur, jiġifieri fil-1 ta’ Ottubru 1988.

57.

Persuna li twieldet fl-10 ta’ Settembru 1964 u li ġiet irreklutata bħala uffiċjal fl-1 ta’ Mejju 2001 tkun laħqet l-età ta’ 21 sena fid-9 ta’ Settembru 1985. L-età ta’ riferiment kellha tkun dik tal-1 ta’ Settembru 1985. Madankollu, fil-mument tar-reklutaġġ, din il-persuna kellha 36 sena. Għaldaqstant, tapplika l-istess dispożizzjoni. Għaldaqstant, jittieħed inkunsiderazzjoni l-kwart tal-perijodu ta’ erba’ snin li hemm bejn id-9 ta’ Settembru 1995 (età ta’ 31 sena magħluqa) u d-9 ta’ Settembru 1999 (età ta’ 35 sena magħluqa), jiġifieri perijodu ta’ sena. Imbagħad, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni nofs il-perijodu ta’ sena, seba’ xhur u 21 jum li hemm bejn id-9 ta’ Settembru 1999 (età ta’ 35 sena magħluqa) u t-30 ta’ April 2001 (data ta’ reklutaġġ), jiġifieri perijodu ta’ disa’ xhur. L-età ta’ riferiment tiġi hekk posposta b’sena u 9 xhur u tiġi ffissata għall-1 ta’ Ġunju 1987.

58.

Għaldaqstant, permezz tat-tieni u t-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li biha l-ammont tas-salarju bażiku ta’ uffiċjal, fil-mument tad-dħul tiegħu fis-servizz pubbliku, jiddependi b’mod deċiżiv mill-età tiegħu u jiżdied imbagħad essenzjalment abbażi tal-anzjanità tiegħu fis-servizz pubbliku.

59.

Barra minn hekk, permezz tas-sitt u seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dawn l-istess dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema tranżitorja, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li, għall-klassifikazzjoni tal-uffiċjali eżistenti fl-iskali tas-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida, tikkunsidra biss is-salarju bażiku preċedenti u li, għall-progressjoni ulterjuri fl-iskali, tikkunsidra biss l-esperjenza miksuba b’effett mid-dħul fis-seħħ ta’ din is-sistema tranżitorja, indipendentement mit-tul totali tal-esperjenza tal-uffiċjal.

1. Fuq is-sistema ta’ remunerazzjoni stabbilita bil-verżjoni antika tal-BBesG

60.

Infakkar li l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli hija, kienet tiġi jew ser tiġi ttrattata oħra f’sitwazzjoni simili, għal xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din l-istess direttiva, fosthom l-età.

61.

Fid-dawl tal-funzjonament tas-sistema ta’ remunerazzjoni implementata mill-verżjoni antika tal-BBesG, kif deskritta preċedentement, ma hemmx dubju, fil-fehma tiegħi, li din toħloq diskriminazzjoni minħabba l-età, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

62.

Fil-fatt, kif rajna diġà, din is-sistema tipprevedi klassifikazzjoni inizjali fi skala, fi ħdan grad, skont kriterju wieħed, jiġifieri dak tal-età. Minn dan jirriżulta li żewġ uffiċjali b’età differenti, iżda li għandhom esperjenza professjonali ekwivalenti, li jkunu rreklutati fl-istess grad, jingħataw remunerazzjoni differenti peress li jiġu kklassifikati fi skali differenti li jikkorrispondu biss mal-età tagħhom. Dawn iż-żewġ uffiċjali, minkejja li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, jiġu ttrattati b’mod differenti, u dan peress li wieħed minnhom jirċievi salarju bażiku inqas favorevoli mill-ieħor u dan unikament minħabba li għandu inqas età.

63.

Is-sistema ta’ remunerazzjoni stabbilita mill-verżjoni antika tal-BBesG toħloq għaldaqstant differenza ta’ trattament ibbażata fuq il-kriterju tal-età, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78. Mill-bqija, din is-sistema ta’ remunerazzjoni hija analoga għal dik li kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai ( 13 ), u li ġiet meqjusa li hija diskriminatorja mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 14 ).

64.

Madankollu, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi li trattament differenti bbażat fuq l-età ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni ladarba dawn id-differenzi jkunu oġġettivament u raġonevolment iġġustifikati, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, b’għan leġittimu, b’mod partikolari b’għanijiet leġittimi tal-politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u tat-taħriġ professjonali, u l-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji.

65.

F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż isostni li, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonstata diskriminazzjoni minħabba l-età, din tkun iġġustifikata bil-fatt li s-sistema ta’ remunerazzjoni taħt il-verżjoni antika tal-BBesG, li għandha bħala prinċipju r-remunerazzjoni skont l-età ta’ riferiment, kellha l-għan fundamentalment leġittimu li tieħu inkunsiderazzjoni flimkien, waqt ir-reklutaġġ ta’ uffiċjali ġodda, il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali miksuba ġewwa u barra s-servizz pubbliku. Barra minn hekk, din is-sistema kienet intiża bħala l-garanzija ta’ prattika uniformi fil-każijiet kollha ta’ reklutaġġ. Hija kienet intiża li tirrimedja l-inkonvenjenzi ta’ prattika ta’ klassifikazzjoni preċedenti, ċertament ġusta, ta’ każ b’każ, iżda kkumplikata u, għaldaqstant, applikata b’mod mhux uniformi. Fl-aħħar nett, skont il-Gvern Ġermaniż, l-imsemmija sistema kellha bħala għan li żżid l-attenzjoni lejn is-servizz pubbliku għall-kandidati li jixtiequ t-tieni karriera.

66.

Jien ma naħsibx li dawn l-għanijiet huma leġittimi fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

67.

Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-għanijiet li jistgħu jitqiesu li huma leġittimi u, għaldaqstant, ta’ natura li jiġġustifikaw deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età huma għanijiet li jaqgħu taħt il-politika soċjali, bħal dawk marbuta mal-politika tal-impjieg, mas-suq tax-xogħol jew mat-taħriġ professjonali ( 15 ).

68.

Għal dak li jikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan l-għan għandu, fil-prinċipju, jitqies li huwa jiġġustifika “oġġettivament u raġonevolment”, “fil-kuntest tad-dritt nazzjonali”, trattament differenti bbażat fuq l-età, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 ( 16 ). Fil-fatt, il-fatt li tiġi kkumpensata l-esperjenza miksuba minn ħaddiem, li tpoġġih f’pożizzjoni li jwettaq aħjar id-doveri tiegħu, tikkostitwixxi, bħala regola ġenerali għan leġittimu ta’ politika salarjali ( 17 ).

69.

F’dan il-każ, jiena ma naħsibx li l-mezzi implementati biex jintlaħaq dan l-għan huma xierqa u neċessarji. Huwa minnu li l-użu tal-kriterju bbażat fuq l-anzjanità huwa, bħala regola ġenerali, xieraq sabiex jintlaħaq dan il-għan peress li l-anzjanità tmur flimkien mal-esperjenza professjonali ( 18 ).

70.

Madankollu, peress li s-sistema ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali Ġermaniżi taħt il-verżjoni antika tal-BBesG kienet ibbażata biss fuq l-età tal-uffiċjal, hija ma tippermettix verament it-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza miksuba. Fil-fatt, uffiċjal li jkollu 30 sena fil-ġurnata tar-reklutaġġ tiegħu fi grad partikolari, mingħajr ebda esperjenza professjonali, jiġi kklassifikat direttament fl-iskala 5. Għaldaqstant, huwa jibbenefika minn remunerazzjoni bażika ekwivalenti għal dik li jirċievi uffiċjal li kien ġie rreklutat ta’ 21 sena u li, b’kuntrast miegħu, jibbenefika minn anzjanità u minn esperjenza professjonali ta’ disa’ snin f’dan l-istess grad. Bl-istess mod, l-uffiċjal li jkollu 30 sena fil-ġurnata tar-reklutaġġ tiegħu jibbenefika mill-istess progress fl-iskali, sakemm jasal sal-aħħar skala, bħall-uffiċjal li jkollu 21 sena fil-ġurnata tar-reklutaġġ tiegħu, minkejja li dan tal-aħħar jiġġustifika l-grad tiegħu b’esperjenza professjonali ħafna ikbar.

71.

Ċertament, l-Artikolu 27 tal-verżjoni antika tal-BBesG jipprevedi progress fil-livell tal-mertu għall-uffiċjali li juru livell ta’ prestazzjoni konsistenti u fit-tul. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, skont din id-dispożizzjoni, fi ħdan l-istess prinċipal, in-numru ta’ persuni li għaldaqstant jibbenefikaw minn skala tal-mertu ma jistax, matul is-sena kalendarja, jeċċedi l-15 % tan-numru ta’ uffiċjali u suldati li jaqgħu taħt is-sistema ta’ remunerazzjoni A li għadhom ma laħqux is-salarju bażiku finali. Din il-miżura mhux biss ma tippermettix lill-uffiċjali kollha li ħaqqhom jibbenefikaw minn progress, imma, iktar minn hekk, ma tikkorreġix l-assenza ta’ esperjenza professjonali billi tikklassifika l-uffiċjali fi skala iktar baxxa li tikkorrispondi mal-livell reali ta’ esperjenza tagħhom fil-grad.

72.

Konsegwentement, jidhirli li s-sistema ta’ remunerazzjoni implementata mill-verżjoni antika tal-BBesG tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju u xieraq bix jintlaħaq l-għan leġittimu invokat mill-Gvern Ġermaniż, jiġifieri t-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali.

73.

Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Hennigs u Mai, iċċitata iktar ’il fuq, kriterju li jistrieħ ukoll fuq l-anzjanità jew l-esperjenza professjonali miksuba, mingħajr riferiment għall-età, jidher, fid-dawl tad-Direttiva 2000/78, iktar adattat għat-twettiq ta’ dan l-għan ( 19 ).

74.

Għal dak li jikkonċerna l-argument tal-Gvern Ġermaniż ibbażat fuq l-għan ta’ simplifikazzjoni amministrattiva, jidher li dan ma huwiex tali li jiġġustifika diskriminazzjoni minħabba l-età. Fil-fatt, rajna kif l-għanijiet li jistgħu jitqiesu bħala “leġittimi” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 huma għanijiet li jaqgħu taħt il-politika soċjali. Għaldaqstant, il-Gvern Ġermaniż ma jistax jinvoka biss il-kumplessità ta’ prattika, li, kif jammetti huwa stess, kienet tkun iktar ġusta, biex jiġġustifika diskriminazzjoni minħabba l-età.

75.

Fl-aħħar nett, il-Gvern Ġermaniż jinvoka l-għan intiż li jżid l-attrazzjoni lejn is-servizz pubbliku għall-kandidati li jixtiequ t-tieni karriera sabiex jiġġustifika d-diskriminazzjoni li stabbilixxiet il-verżjoni antika tal-BBesG. Għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diġà li l-promozzjoni tar-reklutaġġ tikkostitwixxi inkontestabbilment għan leġittimu tal-politika soċjali jew tal-impjieg tal-Istati Membri ( 20 ), jiena tal-fehma, madankollu li, f’dan il-każ, il-verżjoni antika tal-BBesG tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju u xieraq biex jintlaħaq dan l-għan, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni biss tal-anzjanità jew tal-esperjenza professjonali miksuba, mingħajr riferiment għall-età, kienet tkun biżżejjed biex tinkoraġġixxi lill-persuni li kellhom diġà karriera fis-settur privat sabiex iressqu kandidatura għal impjieg fis-servizz pubbliku Ġermaniż.

76.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena tal-fehma li l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li permezz tagħha l-ammont tas-salarju bażiku ta’ uffiċjal, fil-mument tad-dħul tiegħu fis-servizz pubbliku, ikun jiddependi b’mod deċiżiv fuq l-età tiegħu u jiżdied sussegwentement essenzjalment skont l-anzjanità tiegħu fis-servizz pubbliku.

2. Fuq is-sistema tranżitorja

77.

Permezz tas-sitt u seba’ domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, ukoll, jekk is-sistema tranżitorja applikabbli għall-uffiċjali eżistenti tmurx kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età.

78.

Fil-fatt, infakkar li skont l-Artikolu 2 tal-BerlBesÜG, huwa biss is-salarju bażiku preċedenti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-uffiċjali eżistenti fi skala tas-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3 tal-BerlBesÜG, hija biss l-esperjenza miksuba wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi li tittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-progressjoni fl-iskali.

79.

Fis-sentenza Hennigs u Mai, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, billi tieħu bħala bażi għall-iffissar tar-remunerazzjoni ta’ riferiment — jiġifieri r-remunerazzjoni ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid biex wieħed jgħaddi għal sistema konvenzjonali ta’ remunerazzjoni ġdida — ir-remunerazzjoni mħallsa qabel, is-sistema tranżitorja kompliet il-fatt li membri tal-persunal jirċievu remunerazzjoni inqas minn dik li jirċievu membri tal-persunal oħra meta jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli, u dan sempliċement minħabba l-età li kellhom waqt ir-reklutaġġ tagħhom ( 21 ).

80.

L-istess japplika f’dawn il-kawżi, peress li kif tindika l-qorti tar-rinviju, is-salarju bażiku preċedenti kien stabbilit abbażi ta’ kriterju diskriminatorju, jiġifieri dak tal-età; id-diskriminazzjoni li kienet teżisti taħt il-verżjoni antika tal-BBesG baqgħet teżisti waqt l-applikazzjoni tas-sistema tranżitorja għall-uffiċjali eżistenti.

81.

B’kuntrast ma’ dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, il-modalitajiet ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid ma jeliminawx progressivament id-diskriminazzjonijiet minħabba l-età li kienu jeżistu taħt is-sistema ta’ remunerazzjoni stabbilita mill-verżjoni antika tal-BBesG.

82.

Fil-fatt, anki jekk, skont l-Artikolu 3 tal-BerlBesÜG, hija biss l-esperjenza miksuba wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi li ttieħdet inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-progressjoni fl-iskali waħda jibqa’ l-fatt li, fl-aħħar mill-aħħar, il-klassifikazzjoni mill-ġdid fl-iskali tas-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida għandha bħala riferiment inizjali s-salarju bażiku preċedenti kkunsidrat bħala diskriminatorju. Għaldaqstant, bl-istess esperjenza, il-progressjoni fl-iskali tibqa’ dejjem diskriminatorja għall-uffiċjal b’inqas età.

83.

Jekk wieħed jieħu l-eżempju ta’ żewġ uffiċjali, b’esperjenza ndaqs, fejn l-uffiċjal A jkollu 20 sena fil-ġurnata tar-reklutaġġ tiegħu u l-uffiċjal B ikollu 30 sena, dan tal-aħħar jiġi kklassifikat mill-ġdid, fil-mument li tibda s-sistema tranżitorja, fi skala ogħla minn dik li fiha jiġi kklassifikat l-uffiċjal A, peress li jittieħed inkunsiderazzjoni biss is-salarju bażiku preċedenti li huwa bbażat fuq l-età. Barra minn hekk, il-progressjoni fl-iskali tas-sistema l-ġdida tkun dejjem iktar vantaġġuża għall-uffiċjal B milli għall-uffiċjal A u dan peress li l-uffiċjal B jilħaq l-iskali qabel u, għaldaqstant, jibbenefika minn salarju ogħla.

84.

Il-Gvern Ġermaniż, waqt is-seduta, indika li fis-sistema tranżitorja ma teżistix diskriminazzjoni peress li l-uffiċjali eżistenti, u li kienu ddiskriminati taħt is-sistema preċedenti, jilħqu iktar malajr l-ogħla skala milli kieku huma komplew javvanzaw taħt din is-sistema l-antika. Madankollu, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, b’esperjenza ndaqs, uffiċjal li jkollu iktar età jibbenefika matul perijodu itwal mill-ogħla skala, u għaldaqstant minn salarju bażiku iktar favorevoli meta pparagunat mal-uffiċjal b’inqas età. Id-diskriminazzjoni, iktar milli tisparixxi biż-żmien, tkompli.

85.

F’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk din id-diskriminazzjoni tistax tkun iġġustifikata minħabba għan leġittimu bħal dak li ġie invokat mill-Gvern Ġermaniż, li jikkonsisti fil-protezzjoni tad-drittijiet miksuba fid-data ta’ riferiment li fiha bdiet is-sistema l-ġdida.

86.

F’dan ir-rigward, fil-kuntest ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-protezzjoni tad-drittijiet miksuba minn kategorija ta’ persuna tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika din ir-restrizzjoni, bil-kundizzjoni madankollu li l-miżura restrittiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal din il-protezzjoni ( 22 ).

87.

Skont il-Gvern Ġermaniż, it-telf ta’ remunerazzjoni għall-uffiċjali eżistenti jekk kienet saret applikazzjoni tas-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida, mingħajr ma tiġi applikata s-sistema tranżitorja, ikun ekwivalenti għal skala, li tikkorrispondi mas-somma li tista’ tvarja minn EUR 80 sa EUR 150.

88.

Madankollu, b’kuntrast mal-fatti fil-kawża li tat lok għas-sentenza Hennigs u Mai, iċċitata iktar ’il fuq, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżura tranżitorja ma kinitx tmur lil hinn minn dak li kien neċessarju għall-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti ( 23 ), f’dan il-każ rajna kif l-effetti diskriminatorji ma humiex intiżi hawnhekk li jieqfu progressivament mal-evoluzzjoni tar-remunerazzjoni tal-uffiċjali.

89.

Is-sistema tranżitorja diskriminatorja tibqa’ għaddejja, għaldaqstant, mingħajr limitazzjoni ratione temporis. Għaldaqstant, għalkemm din is-sistema tranżitorja tista’, effettivament, titqies li hija xierqa biex jiġi evitat it-telf ta’ dħul għall-uffiċjali eżistenti, jidhirli, madankollu, li hija tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tad-drittijiet kweżiti. Il-leġiżlatur Ġermaniż seta’, fil-fatt, jipprovdi għal sistema tranżitorja li telimina l-effetti tad-diskriminazzjoni ratione temporis billi jersaq bil-mod lejn is-sistema ta’ remunerazzjoni ġdida bbażata fuq l-esperjenza professjonali indipendentement mill-età.

90.

Kif tindika l-qorti tar-rinviju, kien possibbli li tiġi applikata sistema tranżitorja li tiggarantixxi lill-uffiċjal eżistenti li kien ivvantaġġat indebitament, il-livell ta’ remunerazzjoni preċedenti għaż-żmien kollu li huwa ma kienx kiseb l-esperjenza meħtieġa mis-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida biex jibda jirċievi remunerazzjoni ogħla. Għaldaqstant, id-diskriminazzjoni kienet tiġi eliminata progressivament, mingħajr ma l-uffiċjali eżistenti, li kienu jgawdu minn vantaġġ meta pparagunati ma’ dawk ta’ inqas età, jaraw ir-remunerazzjoni tagħhom tonqos f’daqqa.

91.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ piż relattivament sinjifikattiv li timplika soluzzjoni bħal dik li ġiet deskritta hawn fuq, jiġifieri l-klassifikazzjoni mill-ġdid individwali tal-uffiċjali eżistenti skont it-tul tal-esperjenza professjonali tagħhom, humiex tali li jiġġustifikaw diskriminazzjoni minħabba l-età. Jien ma naħsibx. Kif indikajt diġà, l-għanijiet li jistgħu jitqiesu bħala “leġittimi” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 huma għanijiet li jaqgħu taħt il-politika soċjali. Kunsiderazzjonijiet ta’ natura prattika għall-amministrazzjoni ma jistgħux, minnhom infushom, jikkostitwixxu għan imfittex minn din il-politika u li jista’ jiġġustifika l-ksur ta’ prinċipju fundamentali, bħall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età, u dan speċjalment peress li d-dħul fis-seħħ tas-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali turi ċar il-possibbiltà, għall-amministrazzjoni, li tikklassifika individwalment l-uffiċjali skont l-esperjenza professjonali tagħhom.

92.

Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema tranżitorja, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li, għall-klassifikazzjoni tal-uffiċjali eżistenti fl-iskali tas-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida, tieħu inkunsiderazzjoni biss is-salarju bażiku preċedenti u li, għall-progressjoni fl-iskali, tikkunsidra biss l-esperjenza professjonali miksuba bid-dħul fis-seħħ ta’ din is-sistema tranżitorja, indipendentement mit-tul totali tal-esperjenza professjonali tal-uffiċjal.

C – Fuq il-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill-konstatazzjoni ta ’ ksur tal-prinċipju ta ’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età

93.

Permezz tar-raba’ u t-tmien domandi, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf liema huma l-konsegwenzi legali li għandhom jirriżultaw mill-konstatazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età mwettaq minħabba dispożizzjonijiet bħalma huma dawk previsti mill-verżjoni antika tal-BBesG u mill-BerlBesÜG.

94.

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tindika li, anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu, huwa impossibbli għaliha li tapplika l-metodu tal-interpretazzjoni konformi.

95.

Barra minn hekk, hija ssostni li lanqas ma tista’ tapplika l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn jingħad li hija l-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq kawża dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età, li għandha tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġuridika li tirriżulta għall-partijiet fil-kawża mid-dritt tal-Unjoni u li tiggarantixxi l-effett totali tiegħu billi ma tapplikax id-dispożizzjonijiet kollha tal-liġi nazzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni ( 24 ).

96.

Il-qorti tar-rinviju tispjega, għaldaqstant, li l-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-verżjoni antika tal-BBesG, tal-verżjoni antika tal-BBesG Bln jew tal-BerlBesÜG ikollha bħala konsegwenza li ċċaħħad ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali mill-bażi legali u, għaldaqstant, li ċċaħħad lill-uffiċjal mir-remunerazzjoni.

97.

Peress li din is-soluzzjoni toħloq lakuna legali li d-dritt nazzjonali Ġermaniż ma jistax jimla, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk is-soluzzjoni pprovduta fis-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve ( 25 ), u tat-22 ta’ Ġunju 2011, Landtová ( 26 ), tapplikax f’dan il-każ. Fil-fatt, f’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, wara li kkonstatat ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li, meta tiġi kkonstatata diskriminazzjoni, kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tista’ tiġi żgurata biss bl-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata tal-istess vantaġġi li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija privileġġata, sistema li, fin-nuqqas tal-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, tibqa’ l-unika sistema ta’ referenza valida ( 27 ).

98.

F’dan il-każ, dan isarraf, skont il-qorti tar-rinviju, f’ugwaljanza retroattiva tar-remunerazzjonijiet permezz ta’ żieda, fejn l-uniku rimedju għal ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età huwa li titħallas, sussegwentement, lill-uffiċjali ddiskriminati r-remunerazzjoni korrispondenti skont l-iskala l-iktar għolja.

99.

Il-punt ċentrali f’dan il-każ huwa dak li nsiru nafu kif id-diskriminazzjonijiet minħabba l-età li huma kontra d-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu miġġielda. L-involviment tar-responsabbiltà tal-Istat Membru għal ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa l-unika soluzzjoni li għandha tiġi kkunsidrata, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, minkejja li din is-soluzzjoni teħtieġ il-preżentata ta’ rikors ġdid quddiem il-qorti nazzjonali u, għaldaqstant, piż ieħor għall-persuni ddiskriminati?

100.

Kieku nadotta l-fehma tal-Kummissjoni fis-sens li l-klassifikazzjoni retroattiva tal-persuni ddiskriminati fl-ogħla skala tal-grad li fih jappartjenu twassal għal diskriminazzjonijiet oħra u, għaldaqstant, ma hijiex is-soluzzjoni xierqa, jiena nemmen, xorta waħda, li huwa possibbli li tiġi applikata l-ġurisprudenza Landtová, iċċitata iktar ’il fuq, fil-kawżi prinċipali preżenti.

101.

Kif rajna diġà, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi li, biex terġa’ tiġi stabbilita l-ugwaljanza fit-trattament, meta ma tkun ġiet adottata ebda miżura nazzjonali f’dan is-sens, għandu jingħata lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata l-istess trattament bħal dak li jibbenefikaw minnu l-persuni tal-kategorija privileġġata. Għal dan il-għan, għandhom jiġu identifikati b’mod preċiż iż-żewġ kategoriji kkonċernati.

102.

Huwa minnu li d-diffikultà li tinsab fiż-żewġ kawżi hija marbuta mal-fatt li l-identifikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ma hijiex daqshekk faċli bħal fil-kawżi li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha sa issa. Il-kategoriji kkonċernati ma humiex, pereżempju, l-irġiel min-naħa, u n-nisa minn oħra ( 28 ).

103.

Fil-kawżi prinċipali, ma jeżistux kategoriji omoġenji ta’ persuni ddiskriminati u ta’ persuni ffavoriti. Fil-fatt, id-diskriminazzjoni stabbilita mis-sistema ta’ remunerazzjoni bbażata fuq il-verżjoni antika tal-BBesG isseħħ fuq diversi livelli. Kif rajna diġà, id-diskriminazzjoni tmiss lill-iktar persuni żgħar fl-età, meta jkun hemm esperjenza professjonali ekwivalenti ( 29 ). Il-kategoriji li għandhom jiġu pparagunati huma, għaldaqstant, ħafna, peress li jista’ jkun hemm kategoriji daqs kemm jeżistu persuni ta’ etajiet differenti li għandhom esperjenza professjonali ekwivalenti.

104.

Għaldaqstant, ma narax raġuni għalfejn ma għandhiex tiġi applikata l-ġurisprudenza bħalma hija dik li ssemmiet fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Terhoeve u Landtová, li ilha stabbilita minn żmien ilu ( 30 ), għall-kawżi prinċipali. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza hija intiża li tiżgura, mingħajr dewmien, liċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun ġie ddiskriminat, ir-rispett tad-drittijiet li dan għandu taħt id-dritt tal-Unjoni. Fil-preżenza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni u meta ma jkunux ġew adottati miżuri nazzjonali biex terġa’ tiġi stabbilita l-ugwaljanza fit-trattament, hija l-qorti nazzjonali li għandha tipproteġi dawn id-drittijiet.

105.

F’dan il-każ, mid-Direttiva 2000/78 ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinvokaw id-dritt li ma jkunux iddiskriminati minħabba l-età tagħhom. L-istabbiliment mill-ġdid tal-ugwaljanza fit-trattament mingħajr dewmien huwa ħafna iktar essenzjali tant li l-konsegwenza marbuta mad-diskriminazzjoni tirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni u, minħabba f’hekk, parti sinjifikattiva tar-remunerazzjoni tal-uffiċjali. L-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Francovich et ( 31 ) jista’ jkollha l-effett li tobbliga lill-imsemmija rikorrenti sabiex jippreżentaw rikors quddiem il-qrati nazzjonali bil-konsegwenzi kollha, b’mod partikolari dawk pekunjarji u ratione temporis, li dan jinvolvi.

106.

Il-fatt li, f’dawn il-kawżi, il-kategoriji kkonċernati ma humiex perfettament omoġenji ma jidhirlix li huwa xi ostakolu insurmontabbli. Fil-fatt, jidhirli li sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-ugwaljanza fit-trattament, lill-uffiċjali ddiskriminati għandu jiġi żgurat lilhom mhux il-klassifikazzjoni fl-ogħla skala tal-grad, iżda l-klassifikazzjoni fl-istess skala bħal dik li fiha jkun ġie kklassifikat uffiċjal ikbar fl-età li għandu esperjenza professjonali ekwivalenti. Mill-bqija, il-Gvern Ġermaniż isemmi din is-soluzzjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu meta jispjega li, inkwantu d-dritt tal-Unjoni jeżiġi rettifika, din għandha tieħu iktar inkunsiderazzjoni ta’ sitwazzjonijiet individwali. Għaldaqstant, huwa jkompli billi jindika li kumpens individwali xieraq jippreżumi li jiġi eżaminat liema kandidati, fis-sitwazzjoni ta’ reklutaġġ konkreta, ġew irreklutati minħabba li huma ikbar fl-età, b’kundizzjonijiet iktar vantaġġużi minn oħrajn, minkejja li għandhom profil simili ( 32 ).

107.

Din is-soluzzjoni, li għalija tidher l-iktar ġusta, għandha l-mertu li tippermetti lill-qorti nazzjonali li tibbaża fuq sistema ta’ referenza eżistenti, jiġifieri, is-sistema antika ta’ remunerazzjoni, u li b’hekk telimina malajr id-diskriminazzjoni subita mill-uffiċjal. Huwa veru li, f’ċerti każijiet, jista’ jkun li quddiem il-qorti nazzjonali titressaq kawża rigward in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ profil ekwivalenti għal dak tal-uffiċjal li jkun ġie żvantaġġat minħabba l-età tiegħu. F’każ bħal dan, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi, b’mod l-iktar ġust possibbli, is-soluzzjoni li l-iktar li, fil-fehma tagħha, tasal għal teħid inkunsiderazzjoni l-iktar ġust possibbli tal-karriera ta’ tali uffiċjal. Pereżempju hija tista’ tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq is-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni li tippermettilu l-klassifikazzjoni skont l-esperjenza professjonali.

108.

Konsegwentement, fid-dawl tal-elementi msemmija hawn fuq, jiena tal-fehma li, meta diskriminazzjoni, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, tkun ġiet ikkonstatata u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament, l-osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament tista tiġi żgurata biss billi l-uffiċjali ddiskriminati jiġu kklassifikati fl-istess skala bħal dik li fiha jkun ġie kklassifikat uffiċjal ikbar fl-età li għandu esperjenza professjonali ekwivalenti.

D – Fuq id-dritt għal rimedju effettiv

109.

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jissuġġettaw l-eżerċizzju tad-dritt tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għal trattament ugwali bil-kundizzjoni li dawn ikunu talbuh mingħand il-persuni li jimpjegawhom fi żmien relattivament qasir, jiġifieri qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja fis-seħħ, jiksrux id-dritt għal rimedju effettiv. Il-Gvern Ġermaniż jippreċiża li l-baġit huwa stabbilit u deċiż mil-liġi tal-finanzi fuq bażi annwali.

110.

L-ewwel nett, infakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi li “[k]ull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu”.

111.

It-tieni nett, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Bulicke ( 33 ), l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78 jistabbilixxi, minn naħa, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi intiżi sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva jkunu aċċessibbli għall-persuni kollha li jħossuhom leżi min-nuqqas ta’ osservanza fir-rigward tagħhom tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, min-naħa l-oħra, li tali obbligi tal-Istati Membri jkunu bla ħsara għar-regoli nazzjonali dwar termini mogħtija għall-preżentata ta’ rikors f’dak li jikkonċerna dan il-prinċipju. Minn din id-dikjarazzjoni jirriżulta l-fatt li l-kwistjoni tat-termini sabiex tinbeda proċedura intiża sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva ma hijiex irregolata mid-dritt tal-Unjoni ( 34 ).

112.

B’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, taħt il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, li għandu jindika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u li jirregola modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li għandhom il-partijiet fil-kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, għalkemm madankollu, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet ( 35 ). Madankollu, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali issa stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, il-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-imsemmija drittijiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx fil-prattika jagħmlu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 36 ).

113.

Għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ ekwivalenza, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-osservanza tiegħu tippresupponi li r-regola nazzjonali inkwistjoni tapplika bl-istess mod għal azzjonijiet ibbażati fuq id-drittijiet li għandhom il-partijiet fil-kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali li jkollhom suġġett u kawża simili. Huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali, li għandha għarfien dirett tal-modalitajiet proċedurali ddettaljati applikabbli, li tevalwa x-xebh bejn l-azzjonijiet ikkonċernati mill-angolu tal-għan tagħhom, tal-kawża tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom ( 37 ).

114.

F’dan il-każ, mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, skont il-prinċipju ġurisprudenzjali Ġermaniż, l-uffiċjal għandu jinvoka dritt għal benefiċċji finanzjarji li ma joħorġux direttament mil-liġi f’terminu relattivament qasir, jiġifieri, f’kull każ, qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja fis-seħħ. Hija tkompli billi tispjega li l-karatteristiċi tal-istatus tal-uffiċjal, permezz tal-obbligu reċiproku ta’ lealtà li dan jimplika, għandhom bħala konsegwenza li jissuġġettaw għal restrizzjonijiet, f’ċerti każijiet, il-possibbiltà għall-uffiċjali li jressqu tali talbiet.

115.

Ir-rekwiżit ta’ terminu relattivament qasir, jiġifieri qabel tmiem is-sena finanzjarja, jidher għalhekk li jikkonċerna kemm ir-rikorsi ppreżentati mill-uffiċjali vittmi ta’ ksur tad-dritt nazzjonali kif ukoll uffiċjali li huma vittmi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, jidher li din ir-regola nazzjonali tosserva l-prinċipju ta’ ekwivalenza ( 38 ). Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.

116.

Għal dak li jikkonċerna l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari li għandha bħala kuntest ġuridiku d-Direttiva 2000/78, li ma jidhirx li l-impożizzjoni ta’ terminu ta’ xahrejn biex jitressaq ilment quddiem il-persuna li timpjega tista’ tagħmel prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni ( 39 ).

117.

Għaldaqstant, a fortiori, l-obbligu tal-uffiċjal li jinvoka d-dritt għal benefiċċji finanzjarji, li ma joħorġux direttament mil-liġi qabel tmiem is-sena finanzjarja fis-seħħ ma jidhirlix li fil-prinċipju jista’ jagħmel prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, inkwantu s-sena finanzjarja tikkorrispondi ma’ sena kalendarja ( 40 ).

118.

Madankollu, il-kwistjoni tal-effettività ta’ tali rimedju tqum meta l-uffiċjal ikun jaf bil-ksur tad-dritt tiegħu li ma jiġix iddiskriminat fi tmiem is-sena finanzjarja. Fil-fatt, fil-każ, pereżempju, fejn dak l-uffiċjal isir jaf bid-diskriminazzjoni kontrih ftit jiem qabel tmiem is-sena finanzjarja, hu jkun kważi mċaħħad mid-dritt tiegħu li jippreżenta rikors.

119.

Għaldaqstant, jidher li uffiċjal f’sitwazzjoni bħalma hija dik li ġiet deskritta qabel jista’ jiġi mċaħħad minn rimedju effettiv quddiem qorti sabiex jiddefendi d-drittijiet tiegħu bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni.

120.

Hija l-qorti tar-rinviju, b’kuntrast mal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, li għandha ġurisdizzjoni li tevalwa l-fatti tal-kawżi prinċipali u li tinterpreta d-dritt Ġermaniż, li tivverifika jekk regola nazzjonali inkwistjoni f’ dawn il-kawżi, li tipprevedi l-obbligu tal-uffiċjal li jinvoka dritt għal benefiċċji finanzjarji li ma joħorġux direttament mil-liġi qabel tmiem is-sena finanzjarja fis-seħħ, tiksirx il-prinċipju ta’ effettività.

121.

Fid-dawl ta’ dak kollu invokat hawn fuq, jiena tal-fehma li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta, ma jipprekludux regola nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprevedi l-obbligu tal-uffiċjal li jinvoka dritt għal benefiċċji finanzjarji, li ma joħorġux direttament mil-liġi, qabel tmiem is-sena finanzjarja fis-seħħ, sakemm ir-rikorsi intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni ma jiġux eżerċitati f’kundizzjonijiet inqas favorevoli minn dawk previsti għar-rikorsi intiżi li jipproteġu d-drittijiet pekunjarji bbażati fuq id-dritt nazzjonali u li tali regola nazzjonali ma tikkaġunax lill-partijiet fil-kawża inkonvenjenzi proċedurali marbuta mat-terminu ta’ dekadenza b’mod li tagħmel eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

V – Konklużjoni

122.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi lill-Verwaltungsgericht Berlin bil-mod segwenti:

1)

L-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali.

2)

L-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li permezz tagħha l-ammont tas-salarju bażiku ta’ uffiċjal, fil-mument tad-dħul tiegħu fis-servizz pubbliku, ikun jiddependi b’mod deċiżiv fuq l-età tiegħu u jiżdied sussegwentement essenzjalment skont l-anzjanità tiegħu fis-servizz pubbliku.

3)

L-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema tranżitorja, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li, għall-klassifikazzjoni tal-uffiċjali eżistenti fil-31 ta’ Lulju 2011 fl-iskali tas-sistema ta’ remunerazzjoni ġdida, tieħu inkunsiderazzjoni biss is-salarju bażiku preċedenti u li, għall-progressjoni fl-iskali, tikkunsidra biss l-esperjenza professjonali miksuba b’effett mid-dħul fis-seħħ ta’ din is-sistema tranżitorja, indipendentement mit-tul totali tal-esperjenza professjonali tal-uffiċjal.

4)

Meta diskriminazzjoni, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, tkun ġiet ikkonstatata u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament, l-osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament tista tiġi żgurata biss billi l-uffiċjali ddiskriminati jiġu kklassifikati fl-istess skala bħal dik li fiha jkun ġie kklassifikat uffiċjal ikbar fl-età li għandu esperjenza professjonali ekwivalenti.

5)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jipprekludux regola nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprevedi l-obbligu tal-uffiċjal li jinvoka dritt għal benefiċċji finanzjarji li ma joħorġux direttament mil-liġi, qabel tmiem is-sena finanzjarja fis-seħħ, sakemm ir-rikorsi intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni ma jiġux eżerċitati f’kundizzjonijiet inqas favorevoli minn dawk previsti għar-rikorsi intiżi li jipproteġu d-drittijiet pekunjarji bbażati fuq id-dritt nazzjonali u li tali regola nazzjonali ma tikkaġunax lill-partijiet fil-kawża inkonvenjenzi proċedurali marbuta mat-terminu ta’ dekadenza b’mod li tagħmel eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.


( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.

( 3 )   Il-korsiv miżjud minni.

( 4 )   Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 5 )   C‑307/05, Ġabra p. I‑7109.

( 6 )   Punti 37 sa 39.

( 7 )   Punt 40.

( 8 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Del Cerro Alonso, iċċitata iktar ’il fuq (punt 46).

( 9 )   Ara l-punt 21 ta’ dawn l-osservazzjonijiet. Mill-bqija, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat l-importanza li għandha r-remunerazzjoni fil-punt 33 tas-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Delahaye (C‑425/02, Ġabra p. I‑10823).

( 10 )   Ara l-paġna 10 tal-Proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar il-ħolqien ta’ kuntest ġenerali favur l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol [COM(1999) 565 finali].

( 11 )   Għal applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva fir-rigward tal-uffiċjali, ara s-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08, Ġabra p. I‑5325); tat-12 ta’ Jannar 2010, Wolf (C‑229/08, Ġabra p. I‑1); tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler (C‑159/10 u C‑160/10, Ġabra p. I‑6919); kif ukoll tas-6 ta’ Diċembru 2012, Dittrich et (C‑124/11, C‑125/11 u C‑143/11).

( 12 )   Dawn l-eżempji ttieħdu mis-siti internet li ġejjin: http://www.dz-portal.de/003_menue_links/008_bezuege/BDA.html u http://www.pc-gehalt.de/Seiten/Besoldungsdienstalter.htm.

( 13 )   C-297/10 u C-298/10, Ġabra p. I-7965.

( 14 )   Punti 54 sa 59.

( 15 )   Ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑286/12, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 )   Sentenza Hennigs u Mai, iċċitata iktar ’il fuq (punt 72).

( 17 )   Idem.

( 18 )   Ibidem (punt 74).

( 19 )   Ibidem (punt 77).

( 20 )   Ara s-sentenzi Fuchs u Köhler, iċċitata iktar ’il fuq (punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, punt 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 )   Punt 84 ta’ din is-sentenza.

( 22 )   Ara s-sentenza Hennigs u Mai, iċċitata iktar ’il fuq (punt 90 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 )   Ibidem (punti 96 sa 98).

( 24 )   Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C-144/04, Ġabra p I-9981, punt 77), u tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C-341/08, Ġabra p. I-47, punt 81).

( 25 )   C‑18/95, Ġabra p. I‑345.

( 26 )   C‑399/09, Ġabra p. I‑5573.

( 27 )   Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Terhoeve (punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Landtová (punt 51).

( 28 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Soukupová (C‑401/11).

( 29 )   Ara l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 1986, Federatie Nederlandse Vakbeweging (71/85, Ġabra p. 3855); tal-24 ta’ Marzu 1987, McDermott u Cotter (286/85, Ġabra p. 1453); tat-13 ta’ Diċembru 1989, Ruzius-Wilbrink (C‑102/88, Ġabra p. 4311); tas-27 ta’ Ġunju 1990, Kowalska (C-33/89, Ġabra p. I-2591); u tas-7 ta’ Frar 1991, Nimz (C-184/89, Ġabra p. I-297).

( 31 )   Sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991 (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357).

( 32 )   Ara l-punt 78 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż.

( 33 )   C-246/09, Ġabra p. I-7003.

( 34 )   Punt 24.

( 35 )   Ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04 (C-93/12, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 )   Ibidem (punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 37 )   Ibidem (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C-429/09, Ġabra p. I-12167, punt 73).

( 39 )   Ara s-sentenza Bulicke, iċċitata iktar ’il fuq (punti 38 u 39). Ara wkoll id-digriet tat-18 ta’ Jannar 2011, Berkizi-Nikolakaki (C‑272/10, punt 51).

( 40 )   Fil-fatt, l-Artikolu 4 tar-Regolament Finanzjarju Federali (Bundeshaushaltsordnung) jipprovdi li s-sena finanzjarja hija s-sena kalendarja u li l-Ministeru Federali tal-Finanzi jista’ jistabbilixxi regoli differenti għal oqsma partikolari.

Top