Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CC0417

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Jääskinen - 30 ta' April 2014.
ir-Renju tad-Danimarka vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell - FAEGG - Serħan ta’ żoni - Verifika permezz ta’ remote sensing - Kopertura bil-ħaxix taż-żoni mserrħa - Korrezzjonijiet finanzjarji.
Kawża C-417/12 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:286

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fit-30 ta’ April 2014 ( 1 )

Kawża C‑417/12 P

Ir-Renju tad-Danimarka

vs

Il-Kummissjoni

“Appell — Inammissibbiltà — FAEGG — ‘Taqsima tal-Garanzija’ — Esklużjoni mill-finanzjament Komunitarju ta’ ċertu nfiq imwettaq mir-Renju tad-Danimarka minħabba s-serħan ta’ żoni — Verifika permezz ta’ remote sensing — Artikoli 15, 22 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 2419/2001 — Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 2316/1999 — Kopertura bil-ħaxix taż-żoni mserrħa — Oneru u livell tal-prova — Kundizzjonijiet tal-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa”

I – Introduzzjoni

1.

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ verifiki amministrattivi u verifiki fuq il-post sabiex jiżguraw li r-rekwiżiti materjali u formali għall-għoti tal-ammonti allokati mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) jiġu osservati b’mod korrett. Jekk jinstabu xi nuqqasijiet mill-Kummissjoni u jekk jiġi kkonstatat telf għall-FAEGG, il-Kummissjoni tista’ teskludi mill-finanzjament l-ispejjeż ineliġibbli. Dan japplika wkoll jekk ikun jeżisti dubju serju u raġonevoli f’dan ir-rigward, mingħajr ma l-Istat Membru inkwistjoni jirnexxielu jipprovdi elementi li jistgħu jsostnu l-argumenti tiegħu intiżi sabiex ineħħu dan id-dubju. Dan il-prinċipju jirregola kemm id-determinazzjoni tal-oneru tal-prova kif ukoll l-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet b’rati fissi fil-każijiet fejn jeżistu irregolaritajiet li jaffettwaw l-ammonti mogħtija mill-FAEGG.

2.

Permezz tal-appell tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Qorti Ġenerali”), tat-3 ta’ Lulju 2012 ( 2 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż li jikseb, prinċiparjament, l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/253/KE, tad-19 ta’ Marzu 2009, (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) ( 3 ), sa fejn hija teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti spejjeż sostnuti mir-Renju tad-Danimarka minħabba s-serħan ta’ żoni.

3.

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni Ewropea, għal dak li jirrigwarda r-Renju tad-Danimarka, fir-rigward tal-perijodi finanzjarji 2003, 2004 u 2005, li jirrigwardaw is-snin 2002, 2003 u 2004 rispettivament, ipproponiet li jiġu applikati korrezzjonijiet finanzjarji b’rati fissi. Il-korrezzjonijiet jammontaw, skont il-każ, għal 2 %, sa 5 % jew sa 10 % skont il-lakuni kkonstatati fir-rigward tal-verifiki permezz ta’ remote sensing u verifiki tal-osservanza tar-rekwiżiti leġiżlattivi għaż-żoni mserrħa (iktar ’il quddiem il-“verifiki taż-żoni mserrħa”).

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

4.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Ġunju 2009, ir-Renju tad-Danimarka ppreżenta appell intiż, prinċiparjament għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikors, irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bin-numru T-212/09, kien ibbażat fuq erba’ motivi, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq żball ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni tar-regoli dwar il-verifika permezz ta’ remote sensing, fit-tieni lok, fuq żball ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni tar-regoli dwar il-verifiki taż-żoni mserrħa, fit-tielet lok, fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u fir-raba’ lok, fuq żball ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni tar-regoli dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji.

5.

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu u kkundannat lil kull parti tħallas l-ispejjeż tagħha.

6.

Għal deskrizzjoni dettaljata tal-fatti u tal-proċedura li taw lok għall-kawża, għandu jsir riferiment għall-preżentazzjoni li tinsab fis-sentenza appellata.

III – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

7.

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Settembru 2012, ir-Renju tad-Danimarka ppreżenta appell kontra s-sentenza appellata. Huwa talab lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fl-intier tagħha jew parti minnha, tilqa’ t-talbiet imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali u, sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal smigħ u sentenza mill-ġdid.

8.

Insostenn tal-appell tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka jinvoka ħames aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2419/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 23 tal-istess regolament, dwar l-insuffiċjenza tal-miżuri ta’ verifika permezz ta’ remote sensing ( 4 ). It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żewġ żbalji ta’ liġi, wieħed jirrigwarda l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 2316/1999 u l-ieħor jirrigwarda obbligu mhux iġġustifikat u indefinit tal-ħart tal-eventwali kopertura bil-ħaxix ( 5 ). It-tielet aggravju huwa bbażat fuq l-iżnaturament tal-oneru tal-prova. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet ta’ korrezzjoni b’rata fissa filwaqt li skont il-ħames aggravju, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet b’rati fissi ta’ 5 % u ta’ 10 % rispettivament ma kinux issodisfatti.

9.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u, sussidjarjament, tikkonferma s-sentenza appellata u tikkundanna lir-Renju tad-Danimarka għall-ispejjeż.

10.

Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tar-Renju tad-Danimarka. Dawn l-Istati Membri ppreżentaw noti ta’ intervent.

11.

Waqt is-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2013 instemgħu r-rappreżentanti tar-Renju tad-Danimarka u l-Kummissjoni kif ukoll ir-rappreżentant tar-Renju tal-Isvezja.

IV – Analiżi ġuridika

A – Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

12.

Fl-ewwel lok il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi “miċħud”, li fil-fatt jiena ninterpreta bħala talba indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara l-appell inammissibbli. Fil-fatt, il-Kummissjoni targumenta li dan l-appell huwa limitat għal repetizzjoni jew riproduzzjoni testwali tal-motivi u l-argumenti ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk ibbażati fuq fatti espressament imwarrba minn dik il-qorti. Hija żżid li tali appell fil-verità jikkostitwixxi talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tat-talba ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, u dan imur lil hinn mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 6 ). Skont il-Kummissjoni, l-azzjoni mibdija mir-Renju tad-Danimarka tirrigwarda unikament — jew tal-inqas fil-parti l-kbira tagħha — l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali.

13.

Min-naħa tiegħi, nirrileva li l-appell jinkludi mingħajr kontestazzjoni ċerti elementi li kkritikat il-Kummissjoni. Madankollu, l-ilmenti tar-Renju tad-Danimarka huma bbażati b’mod ċar fuq allegati żbalji legali mwettqa mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, l-appell huwa intiż, essenzjalment, sabiex jikkontesta l-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali fuq diversi kwistjonijiet ta’ liġi li ġew sottomessi lilha fl-ewwel istanza, inkluż il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti mill-Qorti Ġenerali. Għalhekk, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn l-imsemmi appell jinkludi indikazzjonijiet preċiżi dwar il-punti kkritikati tas-sentenza appellata kif ukoll il-motivi u l-argumenti li jsostnuha, huwa ma jistax ikun iddikjarat inammissibbli fl-intier tiegħu ( 7 ).

B – Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta ’ interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2419/2001 u ta ’ ommissjoni parzjali li tiddeċiedi

1. Argumenti tal-partijiet

14.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 15 u 23 tar-Regolament Nru 2419/2001, ir-Renju tad-Danimarka, sostnut f’dan ir-rigward mir-Repubblika Franċiża, jargumenta li l-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni żbaljata meta ddeċidiet, fil-punti 51 u 52 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni tista’, sabiex tevalwa l-effiċjenza tal-verifika permezz ta’ remote sensing tal-Istati Membri, tuża kull mezz adegwat, inkluż sistema ta’ pożizzjonament globali (iktar ’il quddiem il-“GPS”), sabiex isiru paraguni. Ir-Renju tad-Danimarka jiddikjara li differenza bejn kejl permezz ta’ remote sensing u kejl permezz ta’ GPS ma tistax isservi sabiex jiġi stabbilit jekk ir-remote sensing kienx suffiċjentement effiċjenti fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2419/2001.

15.

Huwa jsostni wkoll li fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi dwar ċerti motivi oħra li permezz tagħhom ir-Renju tad-Danimarka kkontesta l-validità tat-talbiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-effiċjenza tal-miżuri ta’ verifika Daniżi permezz ta’ remote sensing, għar-raġuni li dawn it-talbiet kienu bbażati fuq numru ta’ żbalji fundamentali. Ir-Renju tad-Danimarka jqis li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, meta l-Qorti Ġenerali tiddikjara fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet preċedentement poġġiet f’dubju l-kwalità tal-verifiki permezz ta’ remote sensing eżegwiti, ma ppreżentatx il-fatti b’mod preċiż. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra l-azzjonijiet korrettivi implementati mir-Renju tad-Danimarka li jirrigwardaw l-użu ta’ mmaġini msejħa “HR” (immaġini b’riżoluzzjoni għolja) ( 8 ).

16.

Il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 48 u 49 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li l-verifika mwettqa mill-awtoritajiet Daniżi kienet insuffiċjenti u, fil-punti 51 u 52 tas-sentenza appellata, hija kkunsidrat li l-ilment sostnut mir-Renju tad-Danimarka fl-appell tiegħu kien infondat.

2. Evalwazzjoni

17.

Il-fatt li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li l-kwistjoni li tqum f’dan il-każ ma hijiex dwar jekk l-użu tal-immaġini b’riżoluzzjoni għolja huwiex awtorizzat iżda b’liema mod għandhom jintużaw dawn l-immaġini, fl-opinjoni tiegħi huwa essenzjali ( 9 ). Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri b’mod partikolari l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2419/2001 u l-Artikolu 22(1) ( 10 ) tar-Regolament Nru 2419/2001, jirriżulta li huma l-Istati Membri li għandhom jadottaw il-miżuri li huma jqisu xierqa sabiex jiżguraw l-effiċjenza tal-verifiki u, għalhekk, l-eżattezza tal-miżuri meħuda bl-użu tar-remote sensing ( 11 ).

18.

Issa, ir-Renju tad-Danimarka jiddikjara b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikoli 15 u 23 tar-Regolament Nru 2419/2001 b’mod żbaljat għal dak li jirrigwarda l-użu ta’ kejl bil-GPS sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-remote sensing huwiex suffiċjentement effiċjenti fis-sens tar-Regolament Nru 2419/2001.

19.

Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali b’mod korrett irrikonoxxiet mhux biss ir-responsabbiltà tal-Istati Membri fir-rigward tal-kwalità tal-verifika, iżda wkoll id-dritt tal-Kummissjoni li twettaq verifiki addizzjonali, jekk ikun il-każ, sabiex tkun tista’ tevalwa l-affidabbiltà tal-verifiki implementati mill-Istati Membri. Il-Qorti Ġenerali ma tistax tkun ikkritikata li pprivileġġat metodu ta’ kejl partikolari jew li ħadet deċiżjonijiet inadegwati f’każ ta’ użu ta’ metodi differenti. La l-formulazzjoni u lanqas l-għanijiet tal-Artikoli 15, 22 u 23 tar-Regolament Nru 2419/2001 ma jeżiġu li l-Kummissjoni tiffavorixxi ċertu metodu meta hija tivverifika l-affidabbiltà tar-riżultati tal-kontrolli nazzjonali.

20.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi li l-irregolaritajiet imqajma mill-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni jindikaw in-natura insuffiċjenti tal-verifiki fuq il-post imwettqa mir-Renju tad-Danimarka sabiex jivverifika l-kejl taż-żona ta’ artijiet inizjalment imwettqa bl-użu ta’ immaġini b’riżoluzzjoni għolja ( 12 ).

21.

Għalhekk skont il-Qorti Ġenerali, huwa żbaljat li r-Renju tad-Danimarka kkritika lill-Kummissjoni li użat, waqt l-investigazzjoni mwettqa fl-2002, fl-2003 u fl-2004, metodu differenti minn dak użat mill-Istat Membru kkonċernat, jiġifieri l-kejl bil-GPS ( 13 ). Fil-fatt, għalkemm il-leġiżlazzjoni applikabbli ma timponix l-użu ta’ metodu ta’ kejl partikolari, mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 2419/2001 jirriżulta li, għalkemm l-Istati Membri huma liberi li jagħżlu l-mezzi sabiex jiddeterminaw iż-żona tal-artijiet agrikoli, l-imsemmija mezzi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni. Għalhekk, sabiex jiġi evalwat jekk l-Istati Membri ssodisfawx dan ir-rekwiżit, il-Kummissjoni għandha hija stess tuża kull mezz adegwat li jippermettilha li tiddetermina bl-iktar mod preċiż possibbli ż-żona tal-artijiet li hija tikkontrolla ( 14 ). Jiena naqbel mal-punti kollha tal-analiżi tal-Qorti Ġenerali.

22.

Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħi l-interpretazzjoni proposta mir-Renju tad-Danimarka ma hijiex koerenti maż-żewġ livelli ta’ verifika li fuqhom hija bbażata l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEGG. Fil-fatt, min-naħa, fuq livell nazzjonali, l-organi li jħallsu jipproċessaw it-talbiet ta’ finanzjament u jiżguraw fuq il-post li l-kundizzjonijiet għall-ħlas ta’ għajnuna huma ssodisfatti. Min-naħa l-oħra, fuq livell Komunitarju, il-Kummissjoni, abbażi tar-rapporti nazzjonali tal-organi li jħallsu, twettaq verifiki hija stess permezz ta’ kampjuni fuq il-post, sabiex tiżgura l-affidabbiltà tas-sistemi nazzjonali ta’ verifika. Qbil perfett bejn dawn iż-żewġ livelli għal dak li jirrigwarda l-metodi użati jkollu l-effett li jiddegrada din is-sistema.

23.

Fir-rigward tal-allegata ommissjoni tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi dwar ċerti motivi oħra li permezz tagħhom ir-Renju tad-Danimarka kkontesta d-deċiżjoni kkontestata jiġifieri dawk li jirrigwardaw l-effiċjenza tal-miżuri ta’ verifika Daniżi permezz ta’ remote sensing, ir-Renju tad-Danimarka jibbaża ruħu fuq riferimenti għall-atti proċedurali mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma jispjega l-kontenut tagħhom u lanqas jippreċiża għaliex il-Qorti Ġenerali kellha teħodhom inkunsiderazzjoni.

24.

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma timponix lill-Qorti Ġenerali twettaq preżentazzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita, dejjem bil-kundizzjoni li hija għandha tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn il-miżuri inkwistjoni jkunu ttieħdu u lill-qorti kompetenti sabiex din ikollha biżżejjed elementi quddiemha biex teżerċita l-istħarriġ tagħha ( 15 ).

25.

Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra l-azzjonijiet korrettivi implementati mir-Renju tad-Danimarka fir-rigward tal-użu ta’ mmaġini ta’ riżoluzzjoni għolja, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 16 ). L-iżnaturament għandu jidher b’mod ċar fid-dawl tad-dokumenti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li terġa’ ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi ( 17 ).

26.

Issa, fl-opinjoni tiegħi, l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Qorti Ġenerali għal dak li jirrigwarda l-effiċjenza tal-miżuri ta’ verifika Daniżi permezz ta’ remote sensing ma juru ebda żnaturament tal-fatti jew tal-provi.

27.

Fir-rigward tal-ilment li l-punt 50 tas-sentenza appellata ma jirrapreżentax b’mod preċiż il-fatti, għandu jitfakkar li ma huwiex b’mod manifest fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħmel tali eżami mill-ġdid tal-fatti fil-kuntest ta’ appell ( 18 ).

28.

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

C – Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 2316/1999

1. Argumenti tal-partijiet

29.

Ir-Renju tad-Danimarka, sostnut mir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Finlandja, jikkontesta l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-kunċett ta’ “preservazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-prattika agrikola” huwa previst fl-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 2316/1999. Ir-Renju tad-Danimarka jilmenta li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-imsemmi paragrafu jfisser li eventwali kopertura tal-art bil-ħaxix għandha tinżamm b’tali mod li tiżgura l-preservazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-prattika agrikola. Skont dan l-Istat Membru, il-Qorti Ġenerali ma ppreċiżatx dak li tista’ tkopri l-espressjoni “preservazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-prattika agrikola”, u b’mod partikolari jekk hija tistax tinkludi obbligu ta’ ħart tal-wiċċ tal-art. Għalhekk, ir-Renju tad-Danimarka jikkontesta l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 2316/1999, sa fejn hija donnha tirrikonoxxi obbligu impliċitu ta’ ħart tal-wiċċ tal-art.

30.

Għaldaqstant, skont ir-Renju tad-Danimarka, il-Qorti Ġenerali ma tagħmel ebda evalwazzjoni tal-validità tal-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-obbligu tal-manutenzjoni, kemm fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-regoli li fuqhom tistrieħ il-Kummissjoni jew tal-kriterju, lanqas ampjament iddefinit, li l-Qorti Ġenerali donnha tiddeduċi mill-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 2316/1999.

31.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali lanqas ma ddeċidiet la dwar id-dokumenti, iddettaljati u kruċjali ferm skont ir-Renju tad-Danimarka, li ġew prodotti, li juru b’mod partikolari li ż-żoni mserrħa kienu ser jibqgħu art agrikola kultivabbli li setgħu jiġu reintegrati immedjatament fil-produzzjoni, u lanqas dwar il-kwistjoni tal-kaċċa u tal-uċuħ allegatament umidi żżejjed.

32.

Għaldaqstant, ir-Renju tad-Danimarka jiddikjara li l-iżball ta’ interpretazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni kien tant sinjifikattiv li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi annullata. Hija ma tistax tinżamm abbażi ta’ żewġ irregolaritajiet minimi, jiġifieri l-preżenza tal-balal tas-silla u tal-iskart ta’ kostruzzjoni fuq l-uċuħ imserrħa.

33.

Mill-banda l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li wiċċ b’kopertura bil-ħaxix jinżamm b’mod konformi mar-rekwiżiti applikabbli għall-uċuħ imserrħa, previsti mill-politika agrikola komuni, u enfasizzat għalhekk li jirriżulta wkoll id-dmir tal-Istat Membru responsabbli li jikkontrolla l-osservanza effettiva tal-obbligu tal-manutenzjoni ( 19 ). Fil-fatt, huma preċiżament l-Istati Membri li għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw li l-fondi tal-FAEGG jitħallsu biss b’konformità mal-gwidi adottati u mal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat.

34.

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, mill-fatti tal-kawża jirriżulta li r-Renju tad-Danimarka naqas mill-obbligu tiegħu li jiggarantixxi verifika suffiċjenti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonfermat li l-irregolaritajiet ikkonstatati mill-Kummissjoni juru insuffiċjenzi gravi fil-verifika mwettqa mir-Renju tad-Danimarka u li din iċ-ċirkustanza waħedha hija biżżejjed sabiex tiġġustifika l-esklużjoni tal-finanzjament Komunitarju.

2. Evalwazzjoni

35.

Għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 2316/1999, jidhirli li r-Renju tad-Danimarka qara s-sentenza appellata b’mod żbaljat. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali la b’mod espliċitu u lanqas b’mod impliċitu ma ddeċidiet li l-obbligu tal-ħart tal-kopertura tal-art jirriżulta mill-imsemmi Artikolu 19(4).

36.

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali f’din il-parti tas-sentenza appellata ddeċidiet li hemm lok li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 2316/1999 jiġu interpretati kif ġej. Minn naħa, l-Istati Membri għandhom japplikaw miżuri xierqa li jippermettulhom jilħqu ż-żewġ għanijiet li jridu jintlaħqu fil-qasam tas-serħan tal-artijiet, jiġifieri l-manutenzjoni taż-żoni mserrħa u l-protezzjoni tal-ambjent. Min-naħa l-oħra, iż-żamma ta’ kopertura tal-art fuq l-uċuħ imserrħa tikkostitwixxi miżura xierqa fost oħrajn, fis-sens tal-imsemmi artikolu ( 20 ). Skont il-Qorti Ġenerali, huwa żbaljat li l-Kummissjoni interpretat l-imsemmija dispożizzjonijiet fis-sens li ż-żamma ta’ kopertura bil-ħaxix fuq l-artijiet imserrħa tikkostitwixxi eċċezzjoni meta mqabbla mal-miżuri xierqa li għandhom jippermettu li jiġi ssodisfatt l-għan tal-manutenzjoni tal-uċuħ li jrid jintlaħaq mill-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 2316/1999 ( 21 ).

37.

Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti fl-analiżi tal-ewwel ilment jirriżulta li huwa żbaljat li l-Kummissjoni kkunsidrat li, fir-rigward taż-żoni mserrħa, iż-żamma ta’ kopertura bil-ħaxix tikkostitwixxi eċċezzjoni meta mqabbla mal-miżuri xierqa applikati mill-Istati Membri, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 2316/1999. Mill-banda l-oħra, huwa ġust li hija kkunsidrat li l-kopertura bil-ħaxix miżmuma fuq l-uċuħ imserrħa għandha tkun l-għan tal-manutenzjoni, fis-sens tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 2316/1999” ( 22 ).

38.

Għaldaqstant, anki jekk ir-Renju tad-Danimarka eċċepixxa l-“importanza” tal-iżball imwettaq mill-Kummissjoni u kkonstatat mill-Qorti Ġenerali, jiena naħseb li allegat obbligu ta’ ħart tal-kopertura bil-ħaxix ma jirriżulta la b’mod espliċitu u lanqas b’mod impliċitu mis-sentenza appellata.

39.

Il-Qorti Ġenerali għaddiet imbagħad għall-eżami tal-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn dan l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata ( 23 ). Hija ġustament irrilevat li, kif jirriżulta mill-motivi esposti fir-rapport ta’ sintesi dwar il-lakuni tal-verifiki taż-żoni mserrħa mwettqa mir-Renju tad-Danimarka, il-Kummissjoni, fl-imsemmi rapport, ikkonstatat diversi tipi ta’ irregolaritajiet li jirrigwardaw l-uċuħ imserrħa u li jistgħu, fl-opinjoni tagħha, ikunu l-bażi tad-deċiżjoni tagħha li tiddikjara l-ispiża ineliġibbli għall-FAEGG. Madankollu, skont il-Qorti Ġenerali wħud mill-imsemmija irregolaritajiet ma kinux relatati mal-kwistjoni dwar jekk inżammitx kopertura bil-ħaxix fuq l-imsemmija wċuħ ( 24 ).

40.

Għaldaqstant, skont il-Qorti Ġenerali, l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward l-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 2316/1999 ma jistax jipproduċi effetti legali fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-konstatazzjoni mill-Kummissjoni ta’ dawn l-aħħar irregolaritajiet ( 25 ).

41.

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li skont ġurisprudenza stabbilita sew, motiv żbaljat ma jiġġustifikax l-annullament tal-att li huwa jivvizzja jekk huwa żejjed u jekk jeżistu motivi oħra suffiċjenti sabiex ikunu l-bażi tiegħu ( 26 ). Għalhekk kjarifika addizzjonali tal-interpretazzjoni tal-kunċett “preservazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-prattika agrikola” ma jidhirlix li kienet neċessarja sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tevalwa l-irregolaritajiet allegati.

42.

Ir-Renju tad-Danimarka ma setax juri li teħid ta’ pożizzjoni iktar ddettaljata tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward kien legalment neċessarju sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-kumplament tat-tieni motiv ta’ dan l-Istat Membru sa fejn dan jirrigwarda l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-verifiki taż-żoni mserrħa. Fir-verità, il-Qorti Ġenerali, fl-opinjoni tiegħi ġustament, ikkwalifikat l-aspetti l-oħra mqajma mir-Renju tad-Danimarka bħala kwistjonijiet ta’ evalwazzjoni ( 27 ).

43.

Għal dawn ir-raġunijiet it-tieni aggravju tar-Renju tad-Danimarka għandu jiġi miċħud bħala infondat.

D – Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq l-iżnaturament tal-oneru tal-prova

1. Argumenti tal-partijiet

44.

Ir-Renju tad-Danimarka u l-erba’ Stati Membri li intervjenew ma jikkontestawx il-korrettezza tad-deskrizzjoni ġenerali magħmula mill-Qorti Ġenerali tar-rekwiżiti li jirrigwardaw l-oneru tal-prova li għandha l-Kummissjoni, kif żviluppati fil-ġurisprudenza dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEGG u li huma, għal raġunijiet prattiċi, affettwati minn tnaqqis kunsiderevoli tal-imsemmi oneru għall-Kummissjoni. B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni bbażat il-konstatazzjonijiet tagħha fuq dubju serju u raġonevoli dwar in-natura suffiċjenti tal-verifiki mwettqa ( 28 ) u li kien l-Istat Membru li kellu jipprovdi provi li jistgħu jsostnu l-argumenti tiegħu intiżi għat-tneħħija tal-imsemmija dubji ( 29 ).

45.

Madankollu, skont ir-Renju tad-Danimarka, minn din il-ġurisprudenza ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni tista’ tissodisfa l-oneru tal-prova billi tibbaża ruħha biss fuq fatti kkonstatati bil-għajnuna ta’ verifiki ta’ kampjuni li jsiru ħafna wara li jkun spiċċa l-perijodu tas-serħan tal-artijiet. Tal-inqas il-fatti inkwistjoni għandu jkollhom natura li jikkostitwixxu indizji konkreti u tali fatti jiġu pprovduti wkoll matul l-imsemmi perijodu.

46.

Sussegwentement, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-Qorti Ġenerali ddikjarat b’mod żbaljat, fil-punt 123 tas-sentenza appellata, li r-Renju tad-Danimarka ma ppreżenta ebda prova li tista’ tiġġustifika l-konklużjoni li l-Kummissjoni ma hijiex meħlusa mill-oneru tal-prova li hija għandha. Barra minn hekk, ir-Renju tad-Danimarka ma għandux jipprova li l-Kummissjoni ma ssodisfatx dan l-oneru, iżda, għall-kuntrarju, għandu jiċħad eventwali allegazzjonijiet ippreżentati minnha.

47.

Skont ir-Renju tad-Danimarka, sostnut f’dan ir-rigward mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, is-sentenza appellata hija bbażata fuq perċezzjoni żbaljata tal-oneru u tal-livell tal-prova li għandha l-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-perċezzjoni ta’ prova imposta mill-Qorti Ġenerali fuq l-Istati Membri tmur lil hinn minn dik stabbilita mill-ġurisprudenza stabbilita f’dan il-qasam u fil-prattika hija impossibbli li tiġi ssodisfatta. Barra minn hekk, b’diversi modi, il-Qorti Ġenerali żnaturat b’mod manifest il-motivi invokati mir-Renju tad-Danimarka u ċ-ċirkustanzi fattwali. Għal dawn ir-raġunijiet ukoll, is-sentenza appellata għandha għalhekk tiġi annullata.

48.

Il-Kummissjoni ssostni li hija ma għandhiex turi b’mod eżawrjenti l-insuffiċjenza tal-verifiki mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali, iżda għall-kuntrarju, għandha tippreżenta provi dwar id-dubji serji u raġonevoli li hija għandha fir-rigward ta’ dawn il-verifiki jew taċ-ċifri.

49.

Dan it-tnaqqis tal-oneru tal-prova għall-Kummissjoni huwa dovut għall-fatt li huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu l-aħjar possibbiltajiet biex jiġbor u jivverifika d-data meħtieġa għall-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEGG, u li għalhekk għandu jippreżenta l-prova iktar dettaljata u eżawrjenti tal-effikaċja tal-verifiki jew taċ-ċifri tiegħu u, eventwalment, tal-ineżattezza tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni ( 30 ). Sakemm huwa jibqa’ ma jirnexxilux jipprova li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex eżatti, dawn jikkostitwixxu elementi li jistgħu jqajmu dubji serji rigward l-implementazzjoni ta’ sistema xierqa u effettiva ta’ miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll ( 31 ).

50.

Il-Kummissjoni tqis li din ir-rimarka dwar il-possibbiltajiet li titwettaq il-verifika li għandhom l-Istati Membri ma twassalx, fil-fatt, għall-obbligu ta’ kull Stat Membru li jwettaq tali verifika b’mod eżawrjenti u fid-dettall tal-artijiet kollha li jibbenefikaw minn għajnuna. Huwa l-Istat Membru li għandu jġib il-prova li lakuna fil-verifika, murija b’mod konkret mill-Kummissjoni, ma hijiex manifestazzjoni ta’ lakuna ġenerali, iżda tikkostitwixxi, għall-kuntrarju, każ uniku u totalment iżolat.

51.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-mument tal-verifika, il-Kummissjoni tfakkar li, fil-maġġoranza tal-każijiet, iċ-ċirkustanzi jkunu li żoni mserrħa rrikonoxxuti eliġibbli għal għajnuna mill-awtoritajiet Daniżi ma setgħux jiġi kkunsidrati eliġibbli peress li minħabba n-natura tagħhom setgħu jiżviluppaw biss matul perijodu twil. Huwa għalhekk impossibbli li dawn ħarġu immedjatament wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ serħan. Barra minn hekk, il-mument tal-viżti tal-awditjar ma huwiex rilevanti fil-parti l-kbira tal-każijiet.

52.

Il-Kummissjoni tirrileva paralellament li huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw li l-verifika taż-żoni mserrħa titwettaq qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ serħan u li kull ommissjoni ma jistax ikollha l-konsegwenza li tkabbar l-oneru tal-prova li għandha l-Kummissjoni.

2. Evalwazzjoni

53.

Infakkar li r-regola relatata mat-tqassim tal-oneru tal-prova applikata mill-Qorti Ġenerali ma hija kkontestata la mill-Istati Membri u lanqas mill-Kummissjoni. Hija l-applikazzjoni tagħha li hija inkwistjoni f’dan il-każ.

54.

Sa fejn ir-Renju tad-Danimarka jiddikjara li huwa osserva l-obbligu tal-prova li huwa għandu, billi pprovda elementi fattwali suffiċjenti li jistgħu jsostnu l-argumenti tiegħu intiżi sabiex ineħħu d-dubji mqajma, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tiegħu huwa intiż sabiex jinkoraġġixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti.

55.

Mill-banda l-oħra, fir-rigward tal-livell ta’ prova rikjest mill-Istat Membru kkonċernat ( 32 ), mifhum bħala l-grad ta’ eżiġenza applikat mill-qorti fl-analiżi tal-provi suġġetti lilha, tqum il-kwistjoni ta’ liġi dwar jekk il-Qorti Ġenerali stabbilixxietx livell ta’ prova impossibbli li jintlaħaq mill-Istati Membri.

56.

Nirrileva li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li “il-Kummissjoni tinsab f’impossibbiltà, għal raġunijiet prattiċi evidenti, li tipproċedi b’verifika b’mod eżawrjenti u fid-dettal tal-artijiet kollha kkonċernati f’kull Stat Membru. Mill-banda l-oħra, […] l-Istati Membri jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex iwettqu tali verifika” u li “ir-Renju tad-Danimarka kkuntenta ruħu li jippreżenta provi dwar il-konstatazzjonijiet puntwali mwettqa mill-Kummissjoni […] li jibdew mill-kampjuni tal-artijiet miżmuma. F’ebda ħin ma ppreżenta provi dwar l-artijiet kollha mserrħa. Għalhekk, l-imsemmija elementi ma humiex iddettaljati biżżejjed u kompleti sabiex juru r-realtà tal-verifiki tiegħu jew taċ-ċifri tiegħu u għalhekk, ma jissodisfawx l-oneru tal-prova li għandhom l-Istati Membri skont l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEGG” ( 33 ).

57.

Minkejja għażla ta’ termini kemmxejn diskutabbli fiż-żewġ punti ċċitati, jiena ma naħsibx li l-Qorti Ġenerali stenniet li l-Istat Membru jipprovdi provi dwar l-artijiet imserrħa kollha sabiex jissodisfa l-livell ta’ prova meħtieġ f’sitwazzjoni fejn jeżisti dubju serju u raġonevoli dwar in-natura suffiċjenti tal-verifiki mwettqa. Bħall-Kummissjoni, jiena naħseb li qari ta’ dawn il-punti fid-dawl tal-punti 57 u 58 tas-sentenza appellata jiġġustifika l-interpretazzjoni li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali riedet tenfasizza li, fil-każijiet fejn il-verifiki permezz ta’ kampjuni jikxfu irregolaritajiet, huwa l-Istat Membru li għandu juri li dawn huma każijiet iżolati, li ma għandhomx iwasslu għall-konklużjoni li s-sistema nazzjonali ta’ verifika hija insuffiċjenti jew inaffidabbli fl-intier tagħha. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-punt 167 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li “ir-Renju tad-Danimarka ma ppreżentax il-prova l-iktar dettaljata u kompluta tar-realtà tal-verifiki tiegħu jew taċ-ċifri tiegħu, u jekk ikun il-każ, tal-ineżattezza tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni”.

58.

Għal dak li jirrigwarda l-mument tal-verifika, ninnota li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li kieku r-Renju tad-Danimarka kien implementa, kif kien obbligat jagħmel, azzjonijiet korrettivi qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ serħan, u dan b’mod partikolari bit-twettiq ta’ kontrolli msaħħa fuq il-post, allura huwa kien ikun jista’ jikkonstata, bi grad ogħla ta’ ċertezza, il-preżenza jew l-assenza ta’ balal tas-silla jew ta’ skart ta’ kostruzzjoni fuq ċerti artijiet ( 34 ), u fuq kollox fl-opinjoni tiegħi matul il-perijodu ta’ serħan.

59.

Fil-fatt, l-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni wara l-perijodu ta’ serħan irnexxilhom jistabbilixxu dubju serju u raġonevoli dwar in-natura suffiċjenti tal-verifiki mwettqa mir-Renju tad-Danimarka. Dwar dan il-punt, ladarba jeżisti dubju, l-Istat Membru kkonċernat kellu jipprovdi provi li jsostnu l-argumenti tiegħu intiżi sabiex ineħħu dawn id-dubji. Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li r-Renju tad-Danimarka ma ppreżenta ebda prova li tista’ ssostni l-argumenti tiegħu intiżi sabiex ineħħu l-imsemmija dubji ( 35 ).

60.

Għandu jingħad ukoll li l-Qorti Ġenerali kkritikat il-metodu użat mill-awtoritajiet Daniżi, li kien jikkonsisti, f’każ ta’ konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet bħal, pereżempju, il-ħażna ta’ balal tas-silla fuq art, li l-applikant għal għajnuna jibbenefika minn dubju, u dan peress li l-imsemmija balal ma kinux maħżuna fuq l-art inkwistjoni matul il-perijodu ta’ serħan. Skont il-Qorti Ġenerali, tali metodu ma huwiex konformi mar-regoli ta’ verifika li għandhom jiġi implementati mill-Istati Membri sabiex jiġi żgurat l-użu tajjeb tal-fondi tal-Unjoni, u dan skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEGG. Fil-fatt, hija żżid ir-riskji ta’ użu ħażin tal-imsemmija fondi, għaliex, f’każ li tinstab possibbiltà ta’ irregolarità matul il-verifiki tardivi, l-imsemmija dipartimenti Daniżi jippreżumu li hija ma ġietx ikkonstatata matul il-perijodu ta’ serħan tal-artijiet inkwistjoni ( 36 ).

61.

Dwar l-allegat żnaturament tal-motivi invokati mir-Renju tad-Danimarka u taċ-ċirkustanzi fattwali, jiena nikkonferma l-pożizzjoni espressa fil-punti 24 u 25 sa 27 hawn fuq.

62.

Għal dawn ir-raġunijiet, jiena nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tar-regoli u prinċipji dwar l-oneru u l-livell ta’ prova. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad it-tielet aggravju tal-appell bħala infondat.

E – Fuq ir-raba ’ u l-ħames aggravju, dwar il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni ta ’ korrezzjonijiet b’rati fissi u l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji b’rati fissi ta ’ 5 % u ta ’ 10 % rispettivament

1. Argumenti tal-partijiet

63.

Għal dak li jirrigwarda r-raba’ aggravju, ir-Renju tad-Danimarka josserva qabel xejn li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, iddikjarat fil-punt 155 tas-sentenza appellata, li r-Renju tad-Danimarka ma wera ebda dubju dwar il-fatt li l-għażla ta’ korrezzjoni b’rata fissa kienet fondata.

64.

Sussegwentement, dwar il-kwistjoni jekk il-FAEGG kienx espost għal riskju reali ta’ telf jew ta’ irregolarità, ir-Renju tad-Danimarka isostni prinċipju fundamentali f’dan ir-rigward, jiġifieri li r-rata ta’ korrezzjoni għandha tkun b’mod ċar marbuta mat-telf probabbli. Peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet biss dwar l-irregolaritajiet li jirrigwardaw il-ħażna ta’ balal tas-silla u l-iskart ta’ kostruzzjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-allegati fatti kkritikati mill-Kummissjoni ( 37 ) jikkostitwixxu irregolaritajiet, u lanqas li dawn esponew lill-FAEGG għal riskju ta’ telf reali. Iż-żewġ anomaliji invokati mill-Qorti Ġenerali sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li tikkunsidra d-deċiżjoni kkontestata bħala fondata huma ’il bogħod milli jiġu kkwalifikati bħala riskju ta’ telf reali. Għalhekk fir-realtà, il-Qorti Ġenerali żnaturat kompletament il-kuntest oriġinali u l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, u b’hekk issostitwixxiet il-bażi sostnuta mill-Kummissjoni, b’dik tagħha. Din iċ-ċirkustanza waħedha tiġġustifika l-annullament tas-sentenza appellata.

65.

Fil-kuntest tal-ħames aggravju, dwar il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji b’rati fissi ta’ 5 % u ta’ 10 % rispettivament, ir-Renju tad-Danimarka jargumenta li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ tali korrezzjonijiet b’rati fissi ma humiex issodisfatti u li huwa ġab prova li ma hemmx riskju ta’ telf reali għall-FAEGG. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 158 tas-sentenza appellata, għamlet rappreżentazzjoni ineżatta tal-allegazzjonijiet tar-Renju tad-Danimarka u taċ-ċirkustanzi fattwali tal-kwistjoni.

66.

Skont ir-Renju tad-Danimarka, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali, li b’mod sħiħ jibbaża ċ-ċaħda tal-pożizzjoni tar-Renju tad-Danimarka fuq l-irregolaritajiet minimi inkwistjoni u li ma ħax pożizzjoni dwar l-aspetti essenzjali li fuqhom ibbażat il-Kummissjoni sabiex ħadet id-deċiżjoni tagħha, għandu l-effett li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala stabbilit il-fatt li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet b’rati fissi ta’ 5 % u ta’ 10 % rispettivament kienu ssodisfatti.

67.

Ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja jikkontestaw id-dritt li jiġu applikati korrezzjonijiet finanzjarji b’rati fissi f’dan il-każ, għar-raġuni li l-kundizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni tagħhom ma humiex issodisfatti. Dawn l-Istati Membri li intervjenew isostnu barra minn hekk li l-applikazzjoni effettiva tal-korrezzjonijiet finanzjarji b’rati fissi hija sproporzjonata.

68.

Skont il-Kummissjoni, peress li s-sistema Daniża ma tiggarantixxi ebda manutenzjoni kontinwa, din ma tosservax ir-rekwiżiti kollha previsti fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2316/1999. Kien għalhekk neċessarju, fl-interess komuni u sabiex jiġu protetti r-riżorsi tal-Komunità, li tiġi applikata korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa.

69.

Huwa għalhekk li korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 5 % u 10 % rispettivament kellha tkun applikata għas-snin 2003, 2004 u 2005, minħabba nuqqasijiet fil-verifika tal-osservanza tar-rekwiżiti relatati mal-artijiet imserrħa.

70.

F’dan il-każ, ġew applikati korrezzjonijiet finanzjarji b’rati fissi ta’ 2 %, 5 % u 10 % rispettivament, ikkalkolati fuq parti żgħira ħafna mill-fondi tal-FAEGG imqassma lill-bdiewa Daniżi mill-awtoritajiet Daniżi fl-2003, fl-2004 u fl-2005. Il-Kummissjoni ssostni li din l-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji b’rati fissi hija kemm leġittima kif ukoll proporzjonata.

2. Evalwazzjoni

71.

Qabel xejn għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx obbligu ta’ ħart, iżda li hija bbażat is-sentenza tagħha fuq il-konklużjoni li l-Kummissjoni bbażat il-konstatazzjonijiet tagħha b’mod validu fuq dubji serji u raġonevoli dwar in-natura suffiċjenti tal-verifiki mwettqa, mingħajr ma l-Istat Membru seta’ jipprovdi provi li setgħu jsostnu l-argumenti intiżi sabiex ineħħu l-imsemmi dubju. Dan ir-raġunament huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet li ma nstabux fl-ispezzjonijiet nazzjonali, b’mod partikolari l-preżenza ta’ balal ta’ silla jew ta’ skart ta’ kostruzzjoni fuq ċerti artijiet, kif ukoll fuq l-applikazzjoni ta’ metodu inadegwat mill-awtoritajiet Daniżi.

72.

Il-Qorti Ġenerali applikat ukoll dan ir-raġunament għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet b’rati fissi u d-determinazzjoni tal-livell tagħhom. Għalhekk hija kkonkludiet fil-punt 168 tas-sentenza appellata li “[m]ill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, minn naħa, il-Kummissjoni ressqet b’mod suffiċjenti fid-dritt prova ta’ fatt li jista’ jiġġustifika d-dubju serju u raġonevoli li hija kellha fir-rigward tal-verifiki prinċipali li jirrigwardaw l-artijiet imserrħa mwettqa mir-Renju tad-Danimarka u, min-naħa l-oħra, hija b’mod raġonevoli setgħet tikkonkludi li r-riskju ta’ telf għall-FAEGG kien sinjifikattiv u, għalhekk, mingħajr ma kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, imponiet korrezzjoni b’rata fissa li tammonta għal 5 % jew 10 %”.

73.

Kif diġà kkonstatajt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru li tipprova l-eżistenza ta’ ksur tal-liġijiet Komunitarji, ladarba dan il-ksur jiġi stabbilit, huwa l-Istat Membru li għandu juri, jekk ikun il-każ, li l-Kummissjoni wettqet żball fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji li għandhom jitnisslu minnu ( 38 ). Kif ġustament fakkret il-Kummissjoni, skont id-Dokument Nru VI/5330/97, tat-23 ta’ Diċembru 1997 ( 39 ), meta ma jkunx possibbli li jiġi evalwat b’mod preċiż it-telf sostnut mill-Kummissjoni, tista’ tiġi applikata korrezzjoni b’rata fissa ( 40 ).

74.

F’dan ir-rigward nirrileva li, meta l-Kummissjoni, minflok ma ċaħdet l-infiq kollu kkonċernat fil-ksur, ipprovat tistabilixxi regoli intiżi li jistabbilixxu trattament differenti għall-każijiet ta’ irregolaritajiet, skont il-livell ta’ nuqqas ta’ verifika u l-grad ta’ riskju għall-FAEGG, huwa l-Istat Membru li għandu juri li l-kriterji huma arbitrarji u mhux ekwi skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 41 ).

75.

Għandu jiġi kkonstatat li r-Renju tad-Danimarka ma stabbilixxix, f’dan il-każ, li l-parti massima li għaliha huwa espost il-FAEGG hija inferjuri għall-ammont li jirriżulta mill-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa, iżda jiddikjara b’mod repettitiv li l-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji hija bbażata biss fuq irregolaritajiet minimi u iżolati. Fl-opinjoni tiegħi, dan l-argument fil-verità jikkontesta l-metodu tal-verifiki permezz ta’ kampjuni fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEGG. Madankollu, fin-nuqqas ta’ prova tar-realtà tal-verifiki mwettqa mill-Istat Membru jew taċ-ċifri ppreżentati minnu u, jekk ikun il-każ, tal-ineżattezza tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, jew fin-nuqqas ta’ kull tentattiv li titressaq tali prova, hemm lok li l-korrezzjonijiet finanzjarji applikati jiġu kkunsidrati bħala mezz xieraq u proporzjonat sabiex jiġi kkumpensat it-telf sostnut mill-FAEGG minħabba l-lakuni tas-sistema ta’ kontroll Daniża.

76.

Anki jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità kien imsemmi bħala tali mir-Renju tad-Danimarka waqt is-seduta biss, dan il-prinċipju għandu evidentement jiġi osservat waqt l-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji, sabiex dawn ikunu limitati għal dak li huwa effettivament neċessarju, fid-dawl tal-gravità tan-nuqqasijiet ikkonstatati ( 42 ).

77.

Hija ġurisprudenza stabbilita, li għal dak li jirrigwarda l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta r-responsabbiltà tal-FAEGG għall-infiq kollu espost jekk hija tikkonstata li ma jeżistux mekkaniżmi ta’ verifika suffiċjenti ( 43 ). A fortiori, ma huwiex possibbli li jiġi ddikjarat li l-korrezzjonijiet b’rati fissi imposti mill-Kummissjoni minħabba nuqqasijiet gravi tal-mekkaniżmi ta’ verifika huma sproporzjonati. Fil-fatt, il-Kummissjoni hija marbuta bil-gwidi li hija adottat u f’dan il-każ hija segwithom b’mod korrett, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ( 44 ).

78.

F’dan il-każ, l-importanza minima tal-kampjuni — jiġifieri l-artijiet fejn ġew ikkonstatati irregolaritajiet u li abbażi tagħhom inġibdu konklużjonijiet dwar il-kwalità tas-sistema ta’ verifika u l-gravità tal-irregolaritajiet — ma tistax taffettwa l-importanza tan-nuqqas. Il-metodu ta’ verifika permezz ta’ kampjuni jsegwi l-prinċipju msejjaħ “pars pro toto”, li jipprovdi li konklużjoni finali hija bbażata fuq il-kwalitajiet tal-partijiet ikkunsidrati bħala rappreżentattivi. Madankollu, l-evalwazzjoni tal-kwantifikazzjoni tal-irregolaritajiet li jirrigwardaw dan kollu għandhom naturalment ikunu bbażati fuq estrapolazzjoni dderivata minn tali kampjuni, u mhux fuq addizzjoni bejniethom.

79.

Għaldaqstant, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-raba’ u l-ħames aggravju.

V – Konklużjoni

80.

Bħala konklużjoni, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

li tiċħad l-appell u tikkundanna lir-Renju tad-Danimarka għall-ispejjeż; u

li tordna lill-intervenjenti jbatu l-ispejjeż tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Sentenza Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni (T‑212/09, EU:T:2012:335).

( 3 ) Deċiżjoni li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) (ĠU L 75, p. 15).

( 4 ) Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2419/2001, tal-11 ta’ Diċembru 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-amministrazzjoni integrata u s-sistema ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3508/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 34, p. 308), għall-finanzjament Komunitarju, il-verifiki amministrattivi u fuq il-post għandhom isiru b’tali mod li jiżguraw verifika effettiva ta’ konformità mat-termini li taħthom l-għajnuniet huma mogħtija. L-Artikolu 23(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi fost oħrajn li, meta Stat Membru jagħmel użu ta’ verifika permezz ta’ remote sensing fuq il-kampjun kollu jew parti minnu, iż-żoni li għandhom ikunu vverifikati permezz ta’ remote sensing għandhom, kemm jista’ jkun, ikunu magħżula billi jiġu kkunsidrati fatturi ta’ riskju adegwati li għandhom ikunu stabbiliti mill-Istat Membru. Skont il-paragrafu (2) tal-imsemmi artikolu, l-Istat Membru għandu jagħti interpretazzjoni tar-ritratt ta’ mmaġini ta’ satelliti jew ritratti mill-ajru tal-irqajja’ ta’ art agrikoli li għandhom ikunu vverifikati sabiex jiġu rrikonoxxuti l-koperturi bil-ħaxix u l-kejl taż-żona, u għandu jagħmel verifika fuq il-post ta’ dawk l-applikazzjonijiet kollha li għalihom l-interpretazzjoni tar-ritratti ma tippermettix li jiġi konkluż, għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti, li d-dikjarazzjoni hija eżatta. Il-paragrafu (3) tal-imsemmi artikolu jipprovdi li, meta Stat Membru jagħmel verifika permezz ta’ remote sensing, il-verifiki addizzjonali msemmija fl-Artikolu 18(2) tar-regolament għandhom ikunu eżegwiti permezz ta’ verifiki tradizzjonali fuq il-post jekk ma jkunx għadu possibbli li jsiru permezz ta’ remote sensing fl-istess sena.

( 5 ) L-Artikolu 19(3) u (4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2316/1999, tat-22 ta’ Ottubru 1999, li jistabbilixxi regoli ddettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1251/1999 li jistabbilixxi sistema ta’ appoġġ għall-produtturi ta’ uħud mill-prodotti tal-bagħli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 26, p. 362) jipprovdi li “[l]-erji [iż-żoni] mserrħa ma jistgħux jiġu użati għall-produzzjoni agrikola ta’ kull xorta oħra għajr dik ipprovduta fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1251/1999 jew użati għal kull skop ta’ qligħ li mhuwiex kompatibbli mat-tkabbir ta’ l-uċuħ tar-raba’” u li “[l]-Istati Membri għandhom japplikaw miżuri xierqa kompatibbli mas-sitwazzjoni speċifika ta’ l-erji mserrħa sabiex jiġi żgurat illi jibqgħu miżmuma u li l-ambjent ikun imħares. Dawn il-miżuri jistgħu jinvolvu erji koperti bil-ħaxix; f’dan il-każ il-miżuri għandhom jiżguraw illi l-erja koperta bil-ħaxix ma tistax tiġi użata għall-produzzjoni taż-żerriegħa u li taħt l-ebda ċirkostanza ma tista’ tiġi użata għal skopijiet agrikoli, għalbiex jiġu prodotti uċuh għas-suq, qabel il-31 ta’Awissu jew, qabel il-15 ta’ Jannar wara din id-data”.

( 6 ) Sentenza Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni [GC] (C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punti 49 u 50).

( 7 ) Sentenza Il-Polonja vs Il-Kummissjoni [GC] (C‑335/09 P, EU:C:2012:385, punt 28).

( 8 ) Nirrileva li dan il-kunċett ma ġiex iddefinit mill-partijiet.

( 9 ) Punt 44 tas-sentenza appellata.

( 10 ) L-Artikolu 22(1) jipprovdi: “Żoni ta’ pakketti agrikoli għandhom ikunu determinati permezz ta’ mezzi adegwati mfissra mill-awtorità kompetenti li jassiguraw miżura ta’ preċiżjoni għall-inqas ekwivalenti għal dik meħtieġa għall-kejl uffiċjali taħt regoli nazzjonali. L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi livell ta’ tolleranza waqt li tieħu in konsiderazzjoni l-metodu ta’ kejl użat, l-eżattezza tad-dokumenti uffiċjali disponibbli, fatturi lokali bħal niżla u l-forma tar-roqgħa art u d-disposizzjonijiet ta’ paragrafu 2”.

( 11 ) Punt 41 tas-sentenza appellata.

( 12 ) Punt 49 tas-sentenza appellata.

( 13 ) Punt 51 tas-sentenza appellata.

( 14 ) Punt 52 tas-sentenza appellata.

( 15 ) Sentenza Komninou et vs Il-Kummissjoni (C‑167/06 P, EU:C:2007:633, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata) u FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Sentenza l-Italja vs Il-Kummissjoni (C 587/12 P, EU:C:2013:721, punt 31).

( 17 ) Sentenzi Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 32) u Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C‑547/12 P, EU:C:2013:713, punt 12). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2013:766, punt 78).

( 18 ) Fil-punt 50 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li sa mix-xahar ta’ Frar 2002 il-Kummissjoni kienet informat lir-Renju tad-Danimarka bid-dubji tagħha fir-rigward tal-kwalità tal-verifiki permezz ta’ remote sensing eżegwiti sa mis-sena 2000.

( 19 ) Fil-punti 91 sa 93 tas-sentenza appellata.

( 20 ) Punt 85 tas-sentenza appellata.

( 21 ) Punt 86 tas-sentenza appellata.

( 22 ) Punt 84 tas-sentenza appellata.

( 23 ) Punt 103 tas-sentenza appellata.

( 24 ) Punt 104 tas-sentenza appellata.

( 25 ) Punt 104 tas-sentenza appellata.

( 26 ) Sentenza Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C‑321/09 P, EU:C:2011:51, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Punt 107 tas-sentenza appellata.

( 28 ) Punti 57, 105 u 106 tas-sentenza appellata.

( 29 ) Punt 123 tas-sentenza appellata.

( 30 ) Sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑344/01, EU:C:2004:121, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata) u Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C‑300/02, EU:C:2005:103, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Sentenza Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (EU:C:2005:103, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Fil-punt 74 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna tal-paġna 64 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:262), l-Avukat Ġenerali Kokott spjega n-neċessità li ssir distinzjoni bejn l-oneru tal-prova u l-livell tal-prova. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2013:766, punt 34).

( 33 ) Punti 161 u 162 tas-sentenza appellata (enfażi tiegħi).

( 34 ) Punt 120 tas-sentenza appellata.

( 35 ) Punt 123 tas-sentenza appellata.

( 36 ) Punti 121 u 122 tas-sentenza appellata.

( 37 ) Għal dak li jirrigwarda l-kopertura bil-ħaxix, l-obbligu ta’ manutenzjoni, il-kaċċa, l-artijiet umidi, eċċ.

( 38 ) Sentenzi Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C‑5/03, EU:C:2005:426, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata) u Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑418/06 P, EU:C:2008:247, punt 135).

( 39 ) Dokument tal-Kummissjoni intitolat “Orientations concernant le calcul des conséquences financières lors de la préparation de la décision d’apurement des comptes du FAEGG Garantie”, iċċitat fil-punt 151 tas-sentenza appellata.

( 40 ) Sentenzi Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni (C‑346/00, EU:C:2003:474, punt 53) u Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (EU:C:2008:247, punt 136).

( 41 ) Sentenzi Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (C‑28/94, EU:C:1999:191, punt 56), Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑130/99, EU:C:2002:192, punt 44), u L-Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑242/96, EU:C:1998:452, punt 75) u Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (EU:C:2008:247, punt 138).

( 42 ) Ara f’dan ir-rigward, il-punt 148 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali fakkret li “il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ, skont ġurisprudenza stabbilita, li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit”. Sentenzi Denkavit Nederland (15/83, EU:C:1984:183, punt 25) u Air Inter vs Il-Kummissjoni (T‑260/94, EU:T:1997:89, punt 144).

( 43 ) Sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑349/97, EU:C:2003:251, punti 271 u 273).

( 44 ) Punti 152 sa 168 tas-sentenza appellata.

Top