Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CC0347

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Wathelet - 18 ta' Lulju 2013.
    Caisse nationale des prestations familiales vs Ulrike Wiering u Markus Wiering.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour de cassation - il-Lussemburgu.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Sigurtà soċjali - Regolament (KEE) Nru 1408/71 - Regolament (KEE) Nru 574/72 - Benefiċċji tal-familja - Allowances tal-familja - Allowance tal-edukazzjoni - ‘Elterngeld’ - ‘Kindergeld’ - Kalkolu tas-suppliment għad-differenza.
    Kawża C-347/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:504

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    WATHELET

    ippreżentati fit-18 ta’ Lulju 2013 ( 1 )

    Kawża C‑347/12

    Caisse nationale des prestations familiales

    vs

    Ulrike Wieringu

    Markus Wiering

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Lussemburgu)]

    “Sigurtà soċjali — Regolamenti (KEE) Nri 1408/71 u 574/72 — Benefiċċji tal-familja — Regoli ‘antikumulu’ — Artikoli 12, 73 u 76 tar-Regolament Nru 1408/71 — Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 — ‘Elterngeld’ — ‘Kindergeld’ — Allowance tal-edukazzjoni — Kalkolu tas-suppliment għad-differenza — Benefiċċji tal-istess natura”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Din id-domanda għal deċiżjoni preliminari, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Lulju 2012, tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolamenti tal-Unjoni fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sistema tas-sigurtà soċjali, jiġifieri, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 ( 2 ), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006 ( 3 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), u b’mod iktar partikolari l-Artikoli 12, 73 u 76 kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu bir-Regolament Nru 118/97 ( 4 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 574/72”), u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 10(1) tiegħu.

    2.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari saret fil-kuntest ta’ kawża bejn la Caisse nationale des prestations familiales (iktar ’il quddiem is-“CNPF”) u U. u M. Wiering, dwar il-portata tad-dritt tagħhom għall-benefiċċji tal-familja fil-Grand Dukat tal-Lussemburgu, wara t-twelid tat-tieni wild tagħhom.

    3.

    Essenzjalment, il-koppja Wiering, li kienu jibbenefikaw minn benefiċċji tal-familja fil-Ġermanja (imsejħa Kindergeld, iktar ’il quddiem il-“Kindergeld” u Elterngeld, iktar ’il quddiem l-“Elterngeld”) fejn jirrisjedu, talbu lill-Grand Dukat tal-Lussemburgu, fejn jaħdem M. Wiering, suppliment għad-differenza li jikkorrispondi għad-differenza bejn il-benefiċċji tal-familja Ġermaniżi u Lussemburgiżi.

    4.

    Is-CNPF u l-koppja Wiering ma qablux dwar il-benefiċċji tal-familja Ġermaniżi li għandhom jitqiesu fil-kalkolu tal-eventwali suppliment għad-differenza, peress li s-CNPF ippretendiet li tinkludi l-Kindergeld u l-Elterngeld Ġermaniżi filwaqt li l-koppja Wiering ikkunsidraw li l-Elterngeld huwa benefiċċju ta’ natura oħra u għandu jkun eskluż.

    II – Il-kuntest ġuridiku

    A – Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

    1. Ir-Regolament Nru 1408/71

    5.

    L-Artikolu 1(u) tar-Regolament Nru 1408/71 jiddisponi li:

    “i)

    it-terminu benefiċċju tal-familja jfisser il-benefiċċji kollha in natura u fi flus intenzjonati li jlaħħqu ma’ l-ispejjeż tal-familja taħt il-leġislazzjoni li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikolu 4(1)(h), li teskludi l-kumpensi speċjali tat-twelid jew adozzjoni tat-tfal [...];

    ii)

    kumpensi tal-familja jfissru l-benefiċċji perjodiċi fi flus mogħtija esklussivament b’riferenza għan-numru u, fejn meħtieġ, bl-età tal-membri tal-familja;”

    6.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Materji koperti”, jipprovdi:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

    [...]

    h)

    benefiċċji marbuta mal-familja.

    [...]”

    7.

    L-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, intitolat “Prevenzjoni ta’ benefiċċji mtennija”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Dan ir-Regolament la jista’ jagħti u lanqas iżomm id-dritt għal diversi benefiċċji ta’ l-istess tip għall-istess perjodu ta’ assigurazzjoni. [...].

    [...]”.

    8.

    Skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, li jirrigwarda l-impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-membri tal-familja tagħhom ikunu jirrisjedu fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat kompetenti:

    “Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru tkun intitolata, fejn jidħlu l-membri tal-familja tagħha li qegħdin jabitaw fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti mill-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-ewwel, bħallikieku huma kienu jabitaw f’dak l-Istat, [...]”

    9.

    L-Artikolu 76(1) ta’ l-istess regolament, intitolat “Regoli ta’ prijorità fil-każ ta’ drittijiet mtennija għall-benefiċċji tal-familja bis-saħħa tal-legiżlazzjoni ta’ l-Istat kompetenti u tal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ta’ residenza tal-membri tal-familja”, jipprovdi li:

    “1.   Fejn, matul l-istess perjodu, għall-istess membru tal-familja u minħabba t-twettiq ta’ okkupazzjoni, il-benefiċċji tal-familja jkunu pprovduti mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-familja tabita, l-intitolament tal-benefiċċji tal-familja dovuti skond il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, jekk ikun xieraq taħt l-Artikolu 73 jew 74, jiġu sospiżi sa l-ammont ipprovdut fil-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru”.

    2. Ir-Regolament Nru 574/72

    10.

    L-Artikoli 7 u 10a tar-Regolament (KEE) Nru 574/72 jistabilixxu l-proċedura tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1408/71.

    11.

    L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 jipprovdi:

    (a)

    L-intitolament għall-benefiċċji jew allowances tal-familja dovuti taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, skond liema l-akkwist tad-dritt għal dawk il-benefiċċji jew allowances mhux suġġett għall-kondizzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni, l-impjieg jew l-impjieg għar-ras, ikun sospiż meta, waqt l-istess perjodu u għall-istess membru tal-familja, il-benefiċċji huma dovuti biss insegwitu għal-leġislazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor jew fl-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 73, 74, 77 jew 78 tar-Regolament, sas-somma ta’ dawk il-benefiċċji.

    b)

    Madanakollu, fejn attività professjonali jew kummerċjali titwettaq fit-territorju ta’ l-ewwel Stat Membru:

    i)

    fil-każ tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni biss ta’ Stat Membru ieħor jew taħt l-Artikoli 73 jew 74 tar-Regolament lill-persuna intitolata għall-benefiċċji tal-familja jew lill-persuna li lilha għandhom jitħallsu, id-dritt tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor biss jew taħt dawn l-Artikoli jkunu sospiżi sas-somma tal-benefiċċji tal-familja pprovdut għalihom mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qiegħed jabita. L-ispiża tal-benefiċċji mħallsa mill-Istati Membri li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qed jabita jitħallsu minn dak l-Istat Membru;

    [...]”.

    B – Il-kuntest ġuridiku nazzjonali Lussemburgiż

    12.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ressqet lill-qorti tar-rinviju, fil-15 ta’ Marzu 2013, talba għall-kjarifiki skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-qorti tar-rinviju kienet mistiedna tiddeskrivi b’mod iktar preċiż il-benefiċċji tal-familji Lussemburgiżi u l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħhom. Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ April 2013, il-qorti tar-rinviju indikat li l-benefiċċji tal-familja Lussemburgużi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu l-allowance tal-familja, kif ukoll l-allowance tal-edukazzjoni u żiedet li l-allowance tal-leave parentali ma kienx ikkontestat fil-kawża pendenti quddiemha, peress li l-ilmenti ta’ U. u M. Wiering f’dan ir-rigward, kienu ddikjarati inammissibbli.

    1. L-allowances tal-familja

    13.

    Skont il-qorti tar-rinviju, l-allowances tal-familja joħorġu minn mekkaniżmu ta’ ridistribuzzjoni ta’ parti mid-dħul nazzjonali għall-benefiċċju tal-ulied, għan-nom tal-prinċipju ta’ solidarjetà soċjali. Hija żiedet li l-allowances tal-familja ma għandhomx ikunu kkunsidrati bħala suppliment għall-paga ta’ dawk li għandhom ulied dipendenti, iżda li għandhom l-iskop proprju tagħhom, speċjalment wara l-uniformalizzazzjoni tal-ammont tal-allowances għall-ulied kollha, indipendentement mill-istatus professjonali tal-ġenituri tagħhom. Sabiex jiggarantixxi li dan l-iskop jintlaħaq, il-leġiżlatur stabilixxa d-dritt personali tal-ulied għall-allowances tal-familja.

    14.

    L-Artikolu 269 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, intitolat “Kundizzjonijiet għall-għoti” jiddisponi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

    “Għandhom dritt għall-allowances tal-familja fil-kundizzjonijiet previsti f’dan il-kapitolu,

    a)

    għalihom stess, it-tfal kollha effettivament u b’mod kontinwu residenti fil-Lussemburgu u li għandhom domiċilju legali;

    [...]”.

    15.

    B’applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 271 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, il-benefiċċju huwa dovut sa mix-xahar tat-twelid sal-età ta’ tmintax-il sena. Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 271 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, id-dritt għall-allowances tal-familja jinżamm sa mhux iktar mill-età ta’ sebgħa u għoxrin sena magħluqa għall-istudenti tal-edukazzjoni sekondarja u tal-edukazzjoni sekondarja teknika ddedikati b’mod prinċipali għall-istudju tagħhom.

    2. L-allowance tal-edukazzjoni

    16.

    B’applikazzjoni tal-Artikolu 299(1) tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali:

    “Allowance tal-edukazzjoni hija mogħtija fuq talba lill-persuni kollha li:

    a)

    għandhom id-domiċilju legali tagħhom fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu u jirrisjedu hemmhekk effettivament, jew li huma affiljati b’mod obbligatorju mas-sigurtà soċjali Lussemburgiża minħabba attività professjonali u jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Komunità;

    b)

    għandhom fil-familja tagħhom wild wieħed jew iktar li għalihom l-applikant jitħallas [...], allowances tal-familja u li jissodisfaw fir-rigward tagħhom il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 270 [tal-istess kodiċi dwar id-determinazzjoni tal-grupp familjari];

    ċ)

    jiddedikaw ruħhom prinċipalment għall-edukazzjoni tat-tfal fil-familja u li ma jwettqu l-ebda attività professjonali jew li ma jibbenefikawx minn xi dħul ieħor”.

    17.

    Fis-seduta, li nżammet fis-6 ta’ Ġunju 2013, is-CNPF ippreċiżat li l-kundizzjonijiet huma kumulattivi.

    18.

    Skont l-Artikolu 299(2) tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, “[b’] deroga għall-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (1)(ċ) jistgħu jirċievu wkoll l-allowance l-persuni kollha li jeżerċitaw attività professjonali waħda jew iktar jew jibbenefikaw minn xi dħul ieħor u li, irrispettivament mit-tul tax-xogħol magħmul, għandhom flimkien mal-konjugu mhux isseparat tagħhom jew mal-persuna li magħha huma jgħixu f’komunità domestika, dħul [li ma jeċċedix ammont iddeterminat]”.

    19.

    B’applikazzjoni tal-Artikolu 299(3) tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali:

    “B’deroga [għal] kundizzjoni [...] prevista [...] fil-paragrafu (1)(ċ) u fil-paragrafu (2), jistgħu jirċievu nofs l-allowance tal-edukazzjoni, irrispettivament mid-dħul li huma għandhom, il-persuni kollha li

    a)

    jeżerċitaw attività professjonali waħda jew iktar part-time u li jiddedikaw ruħhom prinċiparjament għall-edukazzjoni tat-tfal tal-familja matul perijodu li tal-inqas huwa ekwivalenti għal nofs il-ħin normali ta’ xogħol [...].

    [...]”

    20.

    B’applikazzjoni tal-Artikolu 304 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali:

    “L-allowance tal-edukazzjoni tkun sospiża meta jkun hemm benefiċċju mhux Lussemburgiżi tal-istess natura dovuti għall-istess wild.

    [...], ma hijiex dovuta f’każ fejn wieħed mill-ġenituri jibbenefika għall-istess tfal minn allowance tal-leave parentali previst fil-Kapitolu VI ta’ dan il-kodiċi jew minn benefiċċju mhux Lussemburgiż mħallas minħabba leave parentali [...]”.

    C – Il-kuntest ġuridiku nazzjonali Ġermaniż

    21.

    Fid-19 ta’ Marzu 2013, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-Gvern Ġermaniż skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jippreċiża l-għanijiet u l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-Kindergeld u l-Elterngeld fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ April 2013, il-Gvern Ġermaniż ippreżenta l-informazzjoni segwenti dwar dawn il-benefiċċji.

    1. Kindergeld

    23.

    Il-Kindergeld, kif jipprovdi l-Artikolu 31 tal-Liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz, iktar ’il quddiem l-“EstG”), hija intiża sabiex tikkumpensa l-ispiża familjari u kif ukoll tiggarantixxi livell ta’ għajxien minimu għat-tfal.

    24.

    Skont l-Artikolu 62(1) tal-EstG, il-benefiċjarju (ġeneralment ġenitur) għandu jkollu d-domiċilju jew residenza abitwali tiegħu fil-Ġermanja jew huwa taxxabbli mingħajr limitu jew ittrattat bħala tali fil-Ġermanja. It-tifel għandu jkollu d-domiċilju jew residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, fl-Isvezja, fl-Islanda, fil-Liechtenstein jew fin-Norveġja.

    25.

    B’applikazzjoni tal-Artikolu 32(4) tal-EstG, tifel huwa meħud inkunsiderazzjoni għall-Kindergeld, mingħajr kundizzjonijiet oħra, sakemm ikollu 18-il sena jew sakemm ikollu 21 sena meta huwa ma jaħdimx u jirreġistra għax-xogħol ma’ aġenzija nazzjonali tax-xogħol (Agentur für Arbeit im Imland) jew sakemm ikollu 25 sena, jekk huwa jattendi għal taħriġ jew iwettaq servizz volontarju rrikonoxxut jew fl-aħħar nett mingħajr limitu ta’ età jekk, minħabba raġuni ta’ diżabbiltà fiżika jew mentali, huma ma jistax jgħix b’mod indipendenti.

    26.

    L-ammont tal-Kindergeld huwa bħalissa, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 66(1) tal-EstG, ta’ EUR 184 fix-xahar għal kull wieħed mill-ewwel żewġt itfal, ta’ EUR 190 għat-tielet u ta’ EUR 215 għal kull tifel ieħor u dan irrispettivament mid-dħul jew patrimonju tal-membri tal-familja kollha, bl-attività professjonali tal-ġenituri tittieħed inkunsiderazzjoni biss f’każ ta’ ġenituri barranin li ma jibbenefikawx mill-moviment liberu.

    2. Elterngeld

    26.

    B’applikazzjoni tal-Artikolu 1(1) tal-Liġi federali dwar l-Elterngeld u l-parentela (Bundeselterngeld- und Elternzeitgesetz iktar ’il quddiem il-“BEEG”) għandhom dritt għall-Elterngeld il-persuni kollha li għandhom id-domiċilju jew residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja, li jgħixu flimkien mat-tfal tagħhom taħt l-istess saqaf, jieħdu ħsieb dawn it-tfal jew studenti, u ma jeżerċitawx attività professjonali jew jaħdmu full-time ( 5 ). L-Elterngeld tista’ titħallas sa mit-twelid tat-tfal sakemm jagħlqu 14-il xahar ( 6 ).

    27.

    L-Elterngeld tikkorrispondi għal 67 % tad-dħul magħmul mill-attività professjonali eżerċitata qabel it-twelid tat-tfal. Hija titħallas, b’limitu fix-xahar li jammonta għal EUR 1 800 għax-xhur kollha li fihom il-benefiċjarju ma jirċevix dħul minn attività professjonali.

    28.

    Fil-każ fejn id-dħul minn attività qabel it-twelid kien inferjuri għal EUR 1 000, il-perċentwali ta’ 67 % jiżdied, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2) tal-BEEG, b’0.1 % għal kull EUR 2 inqas minn dan id-dħul ta’ EUR 1 000, u dan sa 100 %. Fil-każijiet fejn id-dħul tal-attività professjonali qabel it-twelid kien jeċċedi EUR 1 200, il-perċentwali ta’ 67 % jitnaqqas, b’applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) tal-BEEG, b’0.1 % għal kull EUR 2 iktar minn dan id-dħul ta’ EUR 1 200 u dan sa 65 %. L-Elterngeld jammonta, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(4),tal-BEEG, għal tal-inqas EUR 300 kull xahar u dan, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(4) tal-istess liġi, anki jekk il-benefiċjarju ma kien jirċievi ebda dħul professjonali qabel it-twelid tat-tfal. Matul il-perijodu ta’ ħlas tal-ammont minimu ta’ EUR 300, il-benefiċjarju ma jistax jeżerċita attività professjonali full time ( 7 ).

    III – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    29.

    Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, il-fatti tal-proċess, kif jirriżultaw mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huma s-segwenti.

    30.

    U. u M. Wiering jirrisjedu fil-Ġermanja, fejn U. Wiering taħdem, u r-raġel tagħha jaħdem fil-Lussemburgu.

    31.

    Wara t-twelid tat-tieni tifel tagħhom, imwieled fit-12 ta’ Mejju 2007, U. Wiering ibbenefikat minn leave tal-maternità mit-13 ta’ Mejju 2007 sas-16 ta’ Lulju 2007 flimkien ma’ leave parentali mis-17 ta’ Lulju 2007 sal-11 ta’ Mejju 2008. Matul il-perijodu ta’ leave parentali, U. Wiering ibbenefikat mill-Elterngeld fil-Ġermanja. Il-konjuġi Wiering ibbenefikaw mill-Kindergeld għal kull wieħed mit-tfal tagħhom wara t-twelid ta’ dawn tal-aħħar.

    32.

    Fit-12 ta’ Ottubru 2007, M. Wiering talab lis-CNPF il-ħlas għall-perijodu tal-1 ta’ Lulju 2007 sal-31 ta’ Mejju 2008 ta’ suppliment għad-differenza fir-rigward tal-benefiċċji dovuti għaż-żewġt itfal tiegħu, korrispondenti għad-differenza bejn il-benefiċċji tal-familja mħallsa fil-Ġermanja u dawk previsti mid-dritt Lussemburgiż.

    33.

    Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ April 2008, il-Kumitat tat-tmexxija tas-CNPF irrifjuta li jħallas suppliment għad-differenza lill-konjuġi Wiering għar-raġuni li l-benefiċċji riċevuti fil-Ġermanja, jiġifieri l-Kindergeld u l-Elterngeld, jeċċedu għall-perijodu inkwistjoni dawk previsti mil-liġi Lussemburgiża, jiġifieri l-allowances tal-familja u l-allowance tal-edukazzjoni.

    34.

    Ninnota li fis-seduta, ir-rappreżentant tas-CNPF iddikjara li l-konjuġi Wiering ma talbux l-allowance tal-edukazzjoni li għalhekk kienet inkluża ex officio fil-kalkolu tas-suppliment għad-differenza mis-CNPF. Jidher madankollu — u dan għandu jiġi vverfikat mill-qorti tar-rinviju — li skont l-Artikolu 304 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, il-konjuġi Wiering qatt ma kellhom dritt għal din l-allowance, li kieku huma talbuha.

    35.

    Fil-25 ta’ Awwissu 2008, il-konjuġi Wiering ippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tas-17 ta’ April 2008 quddiem il-Conseil arbitral des assurances sociales (iktar ’il quddiem is-“CAAS”) li ddikjarah infondat fil-31 ta’ Lulju 2009.

    36.

    Fl-appell tal-konjuġi Wiering, ippreżentat fid-9 ta’ Settembru 2009, il-Conseil supérieur de la sécurité sociale (iktar ’il quddiem is-“CSSS”), permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Marzu 2011, biddel is-sentenza tal-31 ta’ Lulju 2009 tal-CAAS u ddeċieda li l-konjuġi Wiering kellhom dritt għall-ħlas ta’ suppliment għad-differenza għaż-żewġt itfal tagħhom għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2007 sal-31 ta’ Mejju 2008.

    37.

    Is-CSSS ikkunsidra li “huma biss il-benefiċċji tal-familja dovuti għall-istess membru tal-familja” (f’dan il-każ it-tfal, anki jekk huma mħallsin lill-ġenituri) li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tas-suppliment għad-differenza li ma kienx il-każ għall-Elterngeld, li hija dovuta biss għall-membru tal-familja li jieħu ħsieb l-edukazzjoni tat-tfal u mhux għat-tfal stess. Skont is-CSSS, is-CNPF għalhekk, b’mod żbaljat, ħadet inkunsiderazzjoni l-Elterngeld riċevut minn U. Wiering, sabiex tirrifjuta l-ħlas tas-suppliment għad-differenza għaż-żewġt itfal.

    38.

    Fl-20 ta’ Mejju 2011, is-CNPF ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza billi sostniet erba’ motivi, li minnhom it-tieni, it-tielet u r-raba’ huma bbażati fuq il-ksur, ir-rifjut tat-talba, jew fuq l-interpretazzjoni żbaljata, rispettivament tal-Artikoli 10(1)(a)(i) tar-Regolament Nru 574/72, 10(3) tal-istess regolament u 76(1) tar-Regolament Nru 1408/71. Is-CNPF oġġezzjonat għas-sentenza tas-CSSS li bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-Elterngeld għall-kalkolu tas-suppliment għad-differenza, għar-raġuni li din l-allowance tkun dovuta u pagabbli lill-omm, u li f’dan il-kalkolu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-benefiċċji dovuti lit-tfal, anki jekk dawn jitħallsu lill-ġenituri.

    39.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li kellha dubji dwar il-benefiċċji tal-familja li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tas-suppliment għad-differenza, il-Cour de cassation (il-Lussemburgu) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u fit-12 ta’ Lulju 2012 tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

    “Għall-kalkolu tas-suppliment għad-differenza eventwalment dovut skont l-Artikoli 1(u)(i), 4(1)(h) u 76 tar-Regolament [...] Nru°1408/71 [...] u l-Artikolu 10 [(b)(i)] tar-Regolament [...] Nru 574/72 [...], mill-entità kompetenti tal-Istat tal-post tax-xogħol, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala allowances tal-familja tal-istess natura, l-allowances kollha li l-familja tal-ħaddiem immigrant tirċievi fl-Istat ta’ residenza, f’dan il-każ [l-Elterngeld] u [l-Kindergeld] ipprovduti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża?”.

    IV - Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    40.

    L-osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll l-osservazzjonijiet verbali ġew ippreżentati, waqt is-seduta, minn U. u M. Wiering, mis-CNPF kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

    41.

    U. u M. Wiering huma tal-opinjoni li, sabiex ikun ikkalkolat l-ammont tas-suppliment għad-differenza, huma biss il-benefiċċji tal-istess natura li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Billi jqisu li l-Elterngeld ma huwiex tal-istess natura tal-Kindergeld, l-Elterngeld ma għandhiex, fl-opinjoni tagħhom, tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tas-suppliment għad-differenza. Skont U. u M. Wiering, it-tfal tagħhom kienu l-unika kredituri tal-Kindergeld filwaqt li U. Wiering kienet l-unika kreditriċi tal-Elterngeld, li għandha għalhekk tkun ikklassifikata bħala sostituzzjoni tal-paga mħallsa lill-ġenitur li jirrinunzja temporanjament għall-attività professjonali tiegħu kollha jew parti minnha sabiex jiddedika ruħu esklużivament jew prinċiparjament għall-edukazzjoni tat-tfal tiegħu.

    42.

    Is-CNPF tikkunsidra li r-Regolament Nru 1408/71 ma jipprovdix b’mod manifest għad-distinzjoni bejn il-benefiċċji tal-familja skont ir-riċevitur jew il-benefiċjarju ta’ dawn il-benefiċċji. Skont is-CNPF, ma jistax ikun irritenut fl-istess waqt li l-Elterngeld hija benefiċċju li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72, u għalhekk ma hijiex allowance speċjali tat-twelid jew adozzjoni ( 8 ) u fl-istess waqt tkun irrifjutata l-inklużjoni tagħha fil-kalkolu tas-suppliment għad-differenza għax dan huwa benefiċċju li minnu japprofitta biss “membru tal-familja li jieħu ħsieb l-edukazzjoni tat-tfal, f’dan il-każ il-konjugu, u mhux it-tfal stess jew għan-nom tat-tfal”.

    43.

    Il-Kummissjoni tirrileva li fl-ebda mument ma tpoġġa dubju fuq in-natura “familjari” tal-benefiċċji inkwistjoni f’dan il-każ. Skont il-Kummissjoni li rreferiet għas-sentenza Feyerbacher ( 9 ), l-Elterngeld tikkostitwixxi allowance parentali li jingħata lill-persuna li tieħu ħsieb, hija stess, il-kura u l-edukazzjoni tat-tfal tagħha u għandha għalhekk skop simili ħafna għall-allowance tal-edukazzjoni inkwistjoni fil-kawża Hoever u Zachow ( 10 ). F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li tali allowance tikkostitwixxi “benefiċċju tal-familja”, u li l-għan tagħha huwa li tikkumpensa l-ispejjeż tal-familja fis-sens tal-Artikolu 1(u)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 u li, b’mod iktar preċiż, hija intiża għall-ħlas tal-edukazzjoni mogħtija lit-tfal, għall-kumpens tal-ispejjeż ta’ kura u edukazzjoni oħra u, jekk ikun il-każ li tnaqqas l-iżvantaġġi finanzjarji li timplika rinunzja għad-dħul minn attività professjonali full time. Il-Kummissjoni tqis li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-allowances mogħtija, f’ċerti ċirkustanzi, lill-ħaddiema li jwaqqfu l-karriera tagħhom fil-kuntest ta’ leave parentali, għandhom ikunu assimilati ma’ benefiċċju tal-familja, fis-sens tal-Artikoli 1(u)(i) u 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71.

    44.

    Fis-seduta, il-Kummissjoni rrinunzjat għall-argument li hija kienet żviluppat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li kien jipprovdi, li peress li U. Wiering kienet waqqfet il-karriera tagħha matul il-leave parentali, id-dispożizzjoni applikabbli kienet l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 bil-konsegwenza li l-Istat prijoritament kompetenti kien il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u mhux ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li jwaqqa’ l-kwistjoni kollha ta’ suppliment għad-differenza eventwali fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

    45.

    Jekk U. Wiering waqfitx kompletament l-attivitajiet professjonali tagħha matul il-leave parentali tagħha, fatt li huwa kkontestat mill-intervenjenti, hawn hekk huwa irrilevanti. Fil-fatt, kollha jaqblu li f’kull każ hija ma tilfitx, matul dan il-perijodu, l-istatus tagħha ta’ uffiċjal fil-belt ta’ Trèves u għalhekk il-kwalità tagħha ta’ ħaddiema. Dan għandu bħala konsegwenza li jirrendi applikabbli għall-proċess inkwistjoni l-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 574/72 u jagħmel lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja l-Istat Membru prijoritament kompetenti, li jikkorrispondi għalhekk għall-argument li fuqu hija bbażata d-domanda preliminari.

    46.

    Jien inżied li huwa assurd li l-omm li waqfet l-attività professjonali tagħha matul il-leave parentali tagħha ma tiġix ikkunsidrata bħala ħaddiema ( 11 ). Sabiex tibbenefika mill-Elterngeld fil-Ġermanja, U. Wiering għandha twaqqaf jew tillimita l-attivitajiet professjonali tagħha ( 12 ). Jekk pereżempju, U. Wiering twaqqaf l-attivitajiet professjonali tagħha, huwa l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 li jsir applikabbli għaliex hija ma tkunx iktar ħaddiema. Għal dan il-fatt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlef l-istatus ta’ Stat Membru prijoritament kompetenti u ma għandhiex tħallas iktar l-Elterngeld ... u kollox jerġa’ jinbidel jekk U. Wiering tkompli taħdem part-time ( 13 ).

    V - Analiżi

    47.

    Id-domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-benefiċċji tal-familja kollha riċevuti mill-familja ta’ ħaddiem migrant fl-Istat ta’ residenza tiegħu (fil-proċess inkwistjoni, il-Kindergeld u l-Elterngeld imħallas lill-familja Wiering fil-Ġermanja) għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala li huma tal-istess natura għall-kalkolu tas-suppliment għad-differenza eventwalment dovut mill-Istat tal-post tax-xogħol lil wieħed mill-ġenituri (f’dan il-każ, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu) skont l-Artikoli 1(u)(i) u 4(1(h), 12 u 76 tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll l-Artikolu 10(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72.

    A - Il-kunċett ta’ “kumulu” u ta’ “suppliment għad-differenza” fil-qasam tal-benefiċċji tal-familja

    48.

    Fid-dawl tal-formulazzjoni tad-domanda mressqa, huwa neċessarju li preliminarjament ikunu ppreċiżati fir-rigward tar-Regolament Nru 1408/71il-kunċetti ta’ kumulu u ta’ suppliment għad-differenza fil-kuntest tal-benefiċċji tal-familja.

    49.

    L-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li persuna impjegata jew li taħdem għal rasha suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tkun intitolata, fejn jidħlu l-membri tal-familja tagħha li jkunu qed jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-ewwel, bħallikieku huma kienu jirrisjedu f’dak l-Istat. Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiffaċilita lill-ħaddiema emigranti l-ġabra tal-allowances tal-familja fl-Istati fejn huma impjegati, meta l-familja tagħhom ma tiċċaqlaqx magħhom ( 14 ).

    50.

    Madankollu, fil-każ fejn il-benefiċċji tal-familja huma, matul l-istess perijodu, għall-istess membru tal-familja, ipprovduti fl-istess waqt mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jirresjedu l-membri tal-familja u mil-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-impjieg tal-ħaddiem migrant, l-Artikoli 12 u 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 jipprovdu regoli preċiżi sabiex ikun iddeterminat l-Istat Membru prijoritament kompetenti għall-ħlas tal-benefiċċji tal-familja sabiex ikun evitat il-kumulu inġustifikat tagħhom.

    51.

    Fil-fatt, skont l-għan li jkunu evitati kumuli inġustifikati ta’ benefiċċji stabbilit fis-seba’ u għoxrin premessa tar-Regolament Nru 1408/71, l-Artikolu 12 tal-istess regolament, intitolat: “Prevenzjoni ta’ benefiċċji mtennija”, jipprovdi, fost oħrajn, fil-paragrafu (1) tiegħu, li r-Regolament “la jista’ jagħti u lanqas jista’ jissokta d-dritt għal numru ta’ benefiċċji ta’ l-istes tip u kwalità għal perijodu ta’ żmien wieħed u l-istess ta’ assigurazzjoni obbligatorja” ( 15 ).

    52.

    Peress li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1408/71 jinsab fit-Titolu I ta’ dan ir-regolament dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali, il-prinċipji stabbiliti minn din id-dispożizzjoni japplikaw għar-regoli ta’ priorità f’każ ta’ kumulu ta’ drittijiet għall-benefiċċji jew allowances tal-familja pprovduti kemm fl-Artikolu 76 tal-istess regolament ( 16 ), kif ukoll fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 ( 17 ).

    53.

    Madankollu, fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ April 1983, Ferraioli ( 18 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-għan tat-Trattati li jistabilixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema jikkondizzjona l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 u li l-Artikolu 76 tal-istess regolament ma jistax ikun applikat b’mod li jċaħħed lill-ħaddiem, permezz tas-sostituzzjoni tal-allowances miftuħa minn Stat Membru bl-allowances dovuti minn Stat Membru ieħor, mill-benefiċċju tal-allowances l-iktar favorevoli. Skont il-Qorti, peress li l-prinċipji li jispiraw ir-Regolament Nru 1408/71 jeżiġu li l-ammont tal-benefiċċji mogħtija mill-Istat ta’ residenza huwa inferjuri għal dak tal-benefiċċji mogħtija mill-Istat debitur l-ieħor, il-ħaddiem jżomm l-ammont ta’ benefiċċju l-iktar għoli u d-dritt li jirċievi, a spejjeż tal-istituzzjoni soċjali ta’ dan l-aħħar Stat, suppliment tal-benefiċċji pari għad-differenza bejn iż-żewġ ammonti ( 19 ).

    54.

    Il-proċeduri ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ non-kumulu tal-benefiċċji tal-familja stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni jipprovdu, b’mod partikolari, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri ta’ residenza u tal-impjieg fid-dawl tal-paragun tal-benefiċċji inkwistjoni u tal-ammonti tagħhom sabiex jiġi ddeterminat is-suppliment għad-differenza eventwali ( 20 ).

    B - Benefiċċji “tal-istess natura”

    55.

    Peress li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li huwa biss id-dritt ta’ benefiċċju minn ħafna benefiċċji tal-istess natura fl-istess perijodu ( 21 ) li jikkostitwixxi kumulu inġustifikat, id-determinazzjoni tad-dritt tal-ħlas ta’ suppliment għad-differenza f’dan il-każ jeżiġi l-verifika minn qabel tan-natura tal-benefiċċji inkwistjoni.

    56.

    Fi kliem ieħor, huma biss il-benefiċċji tal-familja tal-istess natura li huma komparabbli u ma jistgħux jakkumulaw. Min-naħa l-oħra, kif il-benefiċjarju għandu dritt għall-ammont l-iktar għoli taż-żewġ benefiċċji, suppliment għad-differenza jitħallas lilu jekk l-ammont mogħti mill-Istat Membru prijoritament kompetenti huwa inferjuri minn dan l-ammont.

    57.

    Jien nikkunsidra li minn ġurisprudenza stabbilita f’dan il-qasam jirriżulta li l-eżami tan-natura tal-benefiċċji b’mod partikolari għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1408/71jinkludi neċessarjament żewġ fatturi: l-ewwel wieħed marbut mad-determinazzjoni tal-għanijiet u karatteristiċi tal-benefiċċji u t-tieni marbuta mal-identifikazzjoni tal-benefiċjarji ta’ dawn il-benefiċċji.

    58.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Lulju 1992, Knoch ( 22 ) li l-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali għandhom jiġu kkunsidrati, indipendentement mill-karatteristiċi speċifiċi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti, bħala jkunu tal-istess natura meta s-suġġett u l-iskop tagħhom, kif ukoll il-bażi li fuqu jiġu kkalkulati u l-kundizzjonijiet sabiex jingħataw, ikunu identiċi. Min-naħa l-oħra, karatteristiċi purament formali ma jistgħux ikunu rilevanti għad-distinzjoni tal-benefiċċji.

    59.

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li fid-dawl tad-differenzi numerużi li jeżistu bejn is-sistema nazzjonali tas-sigurtà soċjali, ir-rekwiżit ta’ similarità sħiħa fil-bażi li fuqu jiġu kkalkolati u l-kundizzjonijiet sabiex jingħataw ser ikollu l-konsegwenza li l-applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-kumulu pprovduta fl-Artikolu 12 ser tkun imnaqqsa b’mod kunsiderevoli. Dan l-effett imur kontra l-għan ta’ din il-projbizzjoni li huwa li jkunu evitati l-kumuli mhux iġġustifikati tal-benefiċċji soċjali ( 23 ).

    60.

    Barra minn hekk, fis-sentenza Dammer ( 24 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta, li jkun hemm kumulu meta d-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja jeżistu fil-konfront ta’ żewġ persuni differenti, f’dan il-każ żewġ ġenituri, għall-benefiċċju tal-istess tifel. L-ispirtu tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 fir-rigward tal-kumulu tal-benefiċċji tal-familja kif ukoll is-soluzzjonijiet li huma previsti fil-każ ta’ kumulu juru wkoll li l-iskop tal-Artikolu 12 huwa li jipprekludi kemm li l-benefiċjarju dirett ta’ benefiċċju tal-familja, jiġifieri l-ħaddiem, kif ukoll il-benefiċjarji indiretti tagħhom, jiġifieri l-membri tal-familja tal-ħaddiem, jistgħu jibbenefikaw simultanjament minn żewġ benefiċċji tal-istess natura ( 25 ).

    C - Applikazzjoni għall-każ inkwistjoni

    1. Allowances tal-familja Lussemburgużi u l-Elterngeld Ġermaniż

    61.

    Għandu jitfakkar li f’dan il-każ suppliment għad-differenza għandu jitħallas mil-Lussemburgu biss jekk il-benefiċċji tal-familja li huma fis-seħħ hemm hekk huma superjuri għal dawk imħallsa fil-Ġermanja. Huwa għalhekk deċiżiv li jiġi stabbilit jekk l-Elterngeld huwiex tal-istess natura bħall-allowances tal-familja Lussemburgiżi, peress li ma huwiex ikkontestat li dawn tal-aħħar huma tal-istess natura tal-Kindergeld.

    62.

    Fil-fatt, il-Kindergeld, deskritt fid-dettall fil-punti 22 et seq, hawn fuq għandu bħala għan prinċipali li “jiggarantixxi livell ta’ għajxien minimu għat-tfal” mingħajr ma jqis la d-dħul u lanqas il-patrimonju tal-membri tal-familja, u lanqas ta’ attività professjonali eventwali tal-ġenituri. F’ċerti każijiet, il-Kindergeld huwa mogħti lit-tifel stess.

    63.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li jekk il-Kindergeld huwa intiż sabiex jippermetti lill-ġenituri jkopru l-ispejjeż okkażżjonali għall-bżonnijiet tat-tfal, il-benefiċjarji aħħari tiegħu huma t-tfal u mhux il-ġenituri. Ma huwiex ikkontestat li l-Kindergeld huwa tal-istess natura tal-allowances tal-familja Lussemburgiżi deskritti fid-dettall fil-punti 13 sa 15 hawn fuq. Peress li dan il-benefiċċju jingħata biss fl-eżistenza tat-tfal, il-leġiżlatur nazzjonali ddedika d-dritt personali tat-tfal għal dan il-benefiċċju.

    64.

    Fir-rigward tal-Elterngeld, għandu jkun innotat, preliminarjament, li f’dan il-każ la l-partijiet fil-kawża prinċipali u lanqas il-Kummissjoni ma jikkontestaw il-klassifikazzjoni tagħha bħala “benefiċċji tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71. Jiena naqbel ma’ din l-opinjoni. Fil-fatt, mir-risposti għat-talbiet ta’ kjarifika indirizzati lill-qorti tar-rinviju u lill-Gvern Ġermaniż jirriżulta b’mod ċar li dan il-benefiċċju jingħata awtomatikament lill-persuni li jissodisfaw ċerti kriterji oġġettivi, mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali ( 26 ) u li huwa marbut b’mod ċar ma’ wieħed mir-riskji elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 peress li huwa intiż sabiex jgħin l-affiljati responsabbli mill-familja fil-forma ta’ kontribuzzjoni mis-soċjetà għall-ispejjeż tagħhom.

    65.

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Ġunju 1998, Kuusijärvi ( 27 ), li għandu jkun assimilat għall-benefiċċju tal-familja, fis-sens tal-Artikoli 1(u)(i) u 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71, benefiċċju intiż sabiex jippermetti lil wieħed mill-ġenituri jiddedika ruħu għall-edukazzjoni tat-tfal żgħar, b’mod iktar preċiż sabiex iħallas l-edukazzjoni mogħtija lit-tfal, jikkumpensa l-ispejjeż ta’ kura u edukazzjoni oħra u, jekk ikun il-każ li jnaqqas l-iżvantaġġi finanzjarji li timplika rinunzja għad-dħul minn attività professjonali.

    66.

    Jiena nikkunsidra madankollu li l-Elterngeld hija distinta b’mod ċar mill-allowances tal-familja Lussemburgiżi b’ħafna modi, għal dak li jirrigwarda, min-naħa, l-għanijiet u l-karatteristiċi tagħhom, u min-naħa l-oħra, il-benefiċjarji tagħhom u li għalkemm it-tnejn jistgħu jkunu kklassifikati bħala “benefiċċji tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71, huma ma humiex “tal-istess natura” fis-sens tal-Artikolu 12 ta’ dak ir-regolament.

    67.

    Fil-fatt mir-risposta tal-Gvern Ġermaniż għat-talba ta’ kjarifika jirriżulta li l-Elterngeld għandha l-għan, l-ewwel nett, li tgħin lill-familji li jżommu l-kundizzjonijiet ta’ għajxien tagħhom meta l-ġenituri jiddedikaw ruħhom bi priorità għat-tfal tagħhom, u t-tieni nett, li tgħin lill-ġenituri, b’mod partikolari speċjalment fl-ewwel żmien wara li jkunu għadhom kif saru, billi jippermettilhom li jieħdu ħsieb lit-tfal tagħhom biss matul dan il-perijodu, li jimplika rinunzja temporanja, totali jew parzjali, ta’ attività professjonali. Fiċ-ċirkustanza li ġenitur responsabbli mit-tfal iwaqqaf jew inaqqas l-attività professjonali tiegħu, huwa jibbenefika abbażi tad-dħul personali tiegħu, minn kumpens tat-telf tad-dħul matul l-ewwel sena tat-tfal, kif ukoll minn għajnuna intiża sabiex iżomm il-kundizzjonijiet ta’ għajxien tal-familja.

    68.

    Skont il-Gvern Ġermaniż, l-Elterngeld hija intiża wkoll sabiex tikkontribwixxi u tippermetti liż-żewġ ġenituri li jiżguraw aħjar, matul dan il-perijodu, il-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-għajxien tagħhom. Hija tevita telf definittiv li jwassal għal riskju ta’ dipendenza vis-à-vis il-benefiċċji tal-Istat, sabiex jiżgura libertà tal-għażla bejn il-familja u x-xogħol u jippromwovi l-indipendenza ekonomika.

    69.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li meta ġenitur, bħal U. Wiering, uffiċċjal fil-belt ta’ Trèves, tieħu ħsieb il-kura tat-tfal tagħha minflok teżerċita l-attività professjonali tagħha, l-Elterngeld tikkumpensa parzjalment it-telf tad-dħul subit minn dak il-ġenitur, li jagħti lil dan il-benefiċċju funzjoni ta’ dħul li jissostitwixxi dħul ieħor.

    70.

    Dan l-aspett tas-sostituzzjoni ta’ dħul ieħor huwa msaħħaħ mill-fatt li l-Elterngeld jitla’, bħala regola ġenerali, sa 67 % tal-paga ta’ qabel b’limitu ta’ EUR 1 800 fix-xahar.

    71.

    Barra minn hekk, minkejja l-fatt li ċerti kriterji tal-għoti tal-Elterngeld huma b’mod ċar marbuta mat-tfal, pereżempju mal-għajxien tagħhom stess u mal-età tagħhom ( 28 ), jiena nikkunsidra li mill-għanijiet u karatteristiċi tagħha jirriżulta mingħajr ekwivoku, li l-benefiċjarju tal-Elterngeld huwa l-ġenitur li jiżgura l-kura tat-tfal u mhux it-tfal stess. Mingħajr l-EUR 300 li jingħataw ukoll jekk il-ġenitur ma kien jeżerċita ebda attività professjonali qabel iżda li b’mod ċar seta’ jagħmel dan full time ( 29 ) matul il-perijodu li fih huwa jingħata din is-somma minima, il-prevalenza tar-rabta bejn, min-naħa, l-eżerċizzju jew le ta’ attività professjonali u d-dħul minnha u min-naħa l-oħra, l-Elterngeld hija għalhekk evidenti ( 30 ).

    72.

    Isegwi li l-Elterngeld mogħtija lil U. Wiering matul il-leave parentali tagħha ma huwiex tal-istess natura bħall-allowances tal-familja Lussemburgiżi u ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tas-suppliment għad-differenza eventwalment dovut għaż-żewġt itfal ta’ M. u U. Wiering, jekk il-Kindergled Ġermaniż hija inqas mill-imsemmija allowances.

    2. Allowance tal-edukazzjoni Lussemburgiża u l-Elterngeld Ġermaniż

    73.

    Jekk is-suppliment għad-differenza intiż mill-qorti tar-rinviju għandu jkun inkluż bħala suppliment eventwali meta imqabbel maż-żewġ benefiċċji tal-familja fis-seħħ fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, jiġifieri, l-allowances tal-familja u l-allowance tal-edukazzjoni, għandu jkun mistoqsi wkoll il-punt dwar jekk l-Elterngeld għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni bħala benefiċċju tal-familja tal-istess natura tal-allowance tal-edukazzjoni Lussemburgiża.

    74.

    Jiena nfakkar li din l-allowance tal-edukazzjoni ma ġietx mitluba mill-konjuġi Wiering, u kienet inkluża ex officio fil-kalkolu mis-CNPH u li dubji serji jeżistu dwar il-punt jekk M. u U. Wieiring kinux intitolati għaliha ( 31 ).

    75.

    Bla ħsara għal dawn il-verifiki mill-qorti tar-rinviju, l-allowance tal-edukazzjoni prevista fl-Artikolu 299(1) tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali Lussemburgiż, hija intiża bħall-Elterngeld, sabiex tikkumpensa tal-inqas parzjalment it-telf ta’ dħul subit mill-ġenitur li jiddedika ruħu prinċiparjament għall-edukazzjoni tat-tfal fil-familja tiegħu u ma jeżerċitax attività professjonali jew ma jibbenefikax minn xi dħul ieħor. Din hija biss ċertu ammont ta’ dħul tal-familja li, b’deroga għall-prinċipju tal-paragrafu (1), persuna li teżerċita attività professjonali jew tibbenefika minn dħul ieħor tista’ tippretendi l-allowance tal-edukazzjoni ( 32 ). L-Artikolu 299(3) jipprovdi, għalhekk, li persuna tista’ tibbenefika min-nofs l-allowance tal-edukazzjoni jekk essenzjalment hija teżerċita attività professjonali b’nofs il-ħinijiet u tiddedika ruħha prinċiparjament għall-edukazzjoni tat-tfal fil-familja tagħha matul perijodu tal-inqas ekwivalenti għal nofs il-ħinijiet normali tax-xogħol, dak li jikkonferma r-rabta tal-allowance tal-edukazzjoni Lussemburgiża mal-kumpens tat-telf tad-dħul professjonali jew dħul ieħor.

    76.

    Jidher għalhekk, li kemm fuq livell ta’ għanijiet, ta’ karatteristiċi kif ukoll ta’ benefiċjarji eventwali, l-allowance tal-edukazzjoni Lussemburgiża u l-Elterngeld għandhom ikunu kkunsidrati bħala benefiċċji tal-familja tal-istess natura.

    3. Sinteżi

    77.

    Skont il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-kalkolu tas-suppliment għad-differenza eventwali dovut mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu minħabba allowances tal-familja li għalihom huma intitolati t-tfal ta’ M. u U. Wiering, ma għandux jieħu inkunsiderazzjoni l-Elterngeld.

    78.

    Jekk, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk hemmx lok li għal suppliment għad-differenza eventwalment dovut mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, minħabba l-allowances tal-familja u l-allowance tal-edukazzjoni, timponi ruħha distinzjoni: għall-kalkolu tas-suppliment għad-differenza eventwalment dovut minħabba l-allowances tal-familja Lussemburgiżi, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni fil-paragun il-Kindergeld Ġermaniż u għall-kalkolu tas-suppliment għad-differenza eventwali minħabba l-allowance tal-edukazzjoni, l-Elterngeld biss għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-paragun.

    IV – Konklużjoni

    79.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Cour de cassation tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu:

    L-Artikoli 4(1)(h), 12, 73 u 76 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u għall-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 ( 33 ), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006 u l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 għandhom ikunu interpretati fis-sens li benefiċċju tal-familja bħall-Elterngeld previst mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma huwiex tal-istess natura bħall-benefiċċju tal-familja bħall-Kindergeld previst mill-istess leġiżlazzjoni jew l-allowances tal-familja bħal dawk previsti mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża u ma għandux għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tas-suppliment għad-differenza għall-allowances tal-familja eventwalment dovut għat-tfal ta’ ħaddiem migrant.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU Edizzjoni Specjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3.

    ( 3 ) ĠU L 392, p. 1.

    ( 4 ) ĠU Edizzjoni Specjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83

    ( 5 ) Persuna ma hijiex ikkunsidrata bħala li teżerċita attività professjonali full-time jekk ix-xogħol tagħha ma jeċċedix 30 siegħa fil-ġimgħa b’medja għal kull xahar, (Artikolu 1(6) tal-BEEG).

    ( 6 ) Jekk iż-żewġ ġenituri jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-għoti, huma jaqblu bejniethom dwar it-tqassim tal-ħlasijiet fix-xahar. Ġenitur jibbenefika mill-Elterngeld matul perijodu minimu ta’ xahrejn u massimu ta’ tnax-il xahar. Ġenitur jibbenefika biss mill-14-il xahar tal-allowance, jekk — fost oħrajn — ikun l-uniku li għandu l-awtorità parentali jew il-kustodja.

    ( 7 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 8 ) Ara l-Artikolu 1(u)(i) tar-Regolament Nru 1408/71.

    ( 9 ) Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012 (C-62/11).

    ( 10 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Ottubru 1996 (C-245/94 u C-312/94, Ġabra p. I-4895).

    ( 11 ) Fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Ġunju 2005, Dodl u Oberhollenzer (C-543/03, Ġabra p. I-5049, punt 34), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li persuna għandha l-karatteristika ta’ “persuna impjegata” fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 jekk tkun assigurata, anki jekk kontra riskju wieħed biss, bis-saħħa ta’ assigurazzjoni obbligatorja jew fakultattiva, ma’ skema ġenerali jew speċjali ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) tal-imsemmi Regolament, u dan irrispettivament minn jekk teżistix relazzjoni ta’ impjieg.

    ( 12 ) Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konlużjonijiet.

    ( 13 ) Ara l-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72.

    ( 14 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Schwemmer (C-16/09, Ġabra p. I-9717, punt 41).

    ( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 1980, Walsh (143/79, Ġabra 1980 p. 1639, punt 15) dwar il-benefiċċji tal-maternità.

    ( 16 ) L-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi għas-sospensjoni tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja fl-Istat Membru tal-impjieg b’applikazzjoni tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 jekk il-benefiċċji tal-familja huma dovuti mill-Istat Membru ta’ residenza minħabba eżerċizzju ta’ attività professjonali mill-persuna kkonċernata. Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Weide (C-153/03, Ġabra I-6017, punti 20 sa 22).

    ( 17 ) Il-paragrafu (1)(b)(i) tiegħu applikabbli għall-proċess Wiering, jippreċiża li d-dritt għall-allowances mogħtija mill-Istat Membru ta’ residenza jipprevali fuq id-dritt għall-allowances tal-Istat Membru ta’ impjieg, li huma mbagħad sospiżi. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Weide, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28).

    ( 18 ) Sentenza tat-23 ta’ April 1983 (153/84, Ġabra 1986, p. 1401).

    ( 19 ) Ara, Ferraioli, iċċitata iktar ’il fuq (punti 16 sa 18). Ara wkoll, is-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 1989, Georges (24/88, Ġabra p. 1905, punti 11 sa 13); tal-14 ta’ Diċembru 1989, Dammer, (C-168/88, Ġabra 1989, p. 4553, punt 25); u tad-9 ta’ Diċembru 1992, Mc Menamin (C-119/91, Ġabra I-6393, punt 26).

    ( 20 ) Ara, pereżempju, 91/425/KEE: Deċiżjoni Nru 147, tal-10 ta’ Ottubru 1990, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 76 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU L 235, p. 21). Ara wkoll 2006/442/KE: Deċiżjoni Nru 207, tas-7 ta’ April 2006, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 76 u tal-Artikolu 79(3) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, kif ukoll l-Artikolu 10(1), tar-Regolament (KEE) Nru 574/72, dwar il-kumuli ta’ benefiċċji jew allowances tal-familja, ĠU L 175 p. 83.

    ( 21 ) Il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex ikkontestat. Huwa jibda mill-1 ta’ Lulju 2007 sal-31 ta’ Mejju 2008.

    ( 22 ) Sentenza tat-8 ta’ Lulju 1992 (C-102/91, Ġabra 1992 p. I-4341).

    ( 23 ) Knoch, iċċitata iktar ’il fuq (punti 40 u 42). F’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-benefiċċji tal-qgħad jikkostitwixxu benefiċċji tal-istess natura, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1408/71, meta dawn huma intiżi sabiex jissostitwixxu l-paga mitlufa minħabba l-qgħad sabiex imantnu lill-persuna u li d-differenzi li jeżistu bejn il-benefiċċji, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-bażi li fuqu jiġu kkalkolati u l-kundizzjonijiet sabiex jingħataw, jirriżultaw mid-differenzi strutturali bejn is-sistemi nazzjonali. Ara wkoll, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 1983, Valentini (171/82, Ġabra p. 2157, punt 13) dwar il-kumulu tal-benefiċċji għall-anzjani u l-irtirar, u tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper (C-406/04, Ġabra p. I-6947, punt 25).

    ( 24 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1989, (168/88, Ġabra p. 4553, punt 10).

    ( 25 ) Dammer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 12). Jien nirrileva li n-neċessità li jkun identifikat il-benefiċjarju tal-benefiċċji jirriżulta wkoll mill-formulazzjoni tal-Artikoli 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u 10 tar-Regolament Nru 574/72, li jipprovdu regoli sabiex jeliminaw il-kumulu tad-drittijiet, matul l-istess perijodu, “għall-istess membru tal-familja”.

    ( 26 ) F’dan ir-rigward, jiena nirrileva li hija ġurisprudenza stabbilita li benefiċċju ma jistax ikun ikkunsidrat bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali ħlief jekk, huwa jingħata, abbażi ta’ sitwazzjoni legalment iddefinita, mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali u jekk, min-naħa l-oħra, huwa marbut ma’ wieħed mir-riskji elenkati espressament fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71. Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Hughes (C-78/91, Ġabra p. I-4839, punt 15); tal-15 ta’ Marzu 2001, Offermanns (C-85/99, Ġabra p. I-2261, punt 28); u tas-7 ta’ Novembru 2002, Maaheimo (C-333/00, Ġabra p. I-10087, punt 22).

    ( 27 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1998 (C-275/96, Ġabra p. I-3419, punt 60).

    ( 28 ) Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konlużjonijiet.

    ( 29 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konlużjonijiet.

    ( 30 ) Jiena nirrileva, f’dan ir-rigward, li l-BEEG tikkostitwixxi waħda mill-miżuri ta’ trażpożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE, tat-8 ta’ Marzu 2010, li timplementa l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU L 68, p. 13) fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Id-Direttiva 2010/18 kif ukoll il-predeċessur tagħha, id-Direttiva 96/34/KE tal-Kunsill, tal-31 ta’ Ġunju 1996, dwar l-Ftehiim Qafas dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn UNICE, CEEP u ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285) li kien fis-seħħ fl-epoka tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistabilixxu preskrizzjonijiet minimi dwar il-leave parentali. Jien nikkunsidra li minkejja n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet fil-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 96/34 u mad-Direttiva 2010/18 dwar il-każ fejn l-Istati Membri jistabilixxu sistemi għar-rimunerazzjoni tal-leave parentali jew ta’ benefiċċji oħra f’dan ir-rigward, dawn ikunu marbuta b’mod obbligatorju mal-leave parentali stess. Id-destinatarji ta’ dawn is-sistemi rimuneratorji huma għalhekk neċessarjament il-ġenituri li ħadu l-leave parentali.

    ( 31 ) Ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 32 ) Ara l-Artikolu 299(2) tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, kif ukoll il-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 33 ) ĠU Edizzjoni Specjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3.

    Top