This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012CC0301
Opinion of Advocate General Kokott delivered on 20 June 2013. # Cascina Tre Pini Ss v Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare and Others. # Reference for a preliminary ruling: Consiglio di Stato - Italy. # Request for a preliminary ruling - Environment - Conservation of natural habitats and of wild fauna and flora - Directive 92/43/EEC - Sites of Community importance - Review of status in the event of pollution or degradation of the environment - National legislation not providing for persons concerned to request such a review - Attribution to the competent national authorities of a discretionary power to undertake of their own motion a review procedure of that status. # Case C-301/12.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 20 ta' Ġunju 2013.
Cascina Tre Pini Ss vs Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare et..
Talba għal deċiżjoni preliminari: Consiglio di Stato - l-Italja.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ambjent - Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa - Direttiva 92/43/KEE - Siti ta’ importanza Komunitarja - Reviżjoni tal-istatus ta’ tali sit fil-każ ta’ tniġġiż jew ta’ deterjorament tal-ambjent - Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix il-possibbiltà għall-persuni kkonċernati li jitolbu tali reviżjoni - Għoti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ setgħa diskrezzjonali li jibdew ex officio proċedura ta’ reviżjoni tal-imsemmi status.
Kawża C-301/12.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 20 ta' Ġunju 2013.
Cascina Tre Pini Ss vs Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare et..
Talba għal deċiżjoni preliminari: Consiglio di Stato - l-Italja.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ambjent - Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa - Direttiva 92/43/KEE - Siti ta’ importanza Komunitarja - Reviżjoni tal-istatus ta’ tali sit fil-każ ta’ tniġġiż jew ta’ deterjorament tal-ambjent - Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix il-possibbiltà għall-persuni kkonċernati li jitolbu tali reviżjoni - Għoti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ setgħa diskrezzjonali li jibdew ex officio proċedura ta’ reviżjoni tal-imsemmi status.
Kawża C-301/12.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:420
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fl-20 ta’ Ġunju 2013 ( 1 )
Kawża C‑301/12
Cascina Tre Pini s.s.
vs
Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare et
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja)]
“Direttiva 92/43/KEE — Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa — Siti ta’ importanza għall-Komunità — Deklassifikazzjoni — Proprjetà — Eżami fuq talba — Smigħ — Awtoritajiet kompetenti”
I – Introduzzjoni
1. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha tittratta diversi drabi l-istabbiliment ta’ Natura 2000, in-netwerk Ewropew għaż-żoni ta’ konservazzjoni, kif ukoll il-protezzjoni ta’ dawn iż-żoni. Kuntrarjament, din il-kawża tirrigwarda l-kwistjoni dwar f’liema ċirkustanzi għandu jitneħħa l-istatus ta’ żona protetta. |
2. |
Għalkemm id-Direttiva dwar il-habitats ( 2 )issemmi l-possibbiltà li titneħħa l-klassifikazzjoni bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni, din il-kawża tirrigwarda l-kwistjoni dwar liema huma d-drittijiet li għandhom il-proprjetarji tal-art inkwistjoni. Din il-kwistjoni hija ta’ importanza kunsiderevoli sabiex tiġi aċċettata l-konservazzjoni tan-natura Ewropea. Ir-risposta għaliha tiddependi fuq ir-rekwiżiti tad-dritt ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-implementazzjoni tad-Direttiva dwar il-habitats mill-amministrazzjonijiet nazzjonali, jiġifieri b’mod partikolari, id-dritt fundamentali għall-proprjetà u d-dritt għal smigħ. |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
3. |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-habitats jiddefinixxi Natura 2000, in-netwerk Ewropew ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni: “Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-netwerk, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.” |
4. |
L-għażla tas-siti protetti hija rregolata permezz tal-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-habitats. Skont l-Artikolu 4(1), kull Stat Membru għandu jipproponi, abbażi ta’ ċerti kriterji, lista ta’ siti. Abbażi ta’ kriterji oħra, il-Kummissjoni għandha tagħżel, skont l-Artikolu 4(2), mil-listi tat-territorji tal-Istati Membri kollha, liema huma dawk inklużi fil-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja (iktar ’il quddiem “SIK”). |
5. |
Għandha tiġi enfasizzata r-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, li tirrigwarda l-adattament tal-lista: “Fejn jixraq, l-Istati Membri għandhom jipproponu l-adattament tal-lista in vista tar-riżultati tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11.” |
6. |
L-Artikolu 4(4) u (5) tad-Direttiva dwar il-habitats jirrigwarda l-protezzjoni tas-SIK: “(4) Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skond l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti. (5) Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4).” |
7. |
L-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva dwar il-habitats jiddefinixxi l-protezzjoni tas-siti f’termini iktar speċifiċi: “(2) L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinjifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva. (3) Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinjifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali. (4) Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati. [...]” |
8. |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-habitats isemmi l-possibbiltà ta’ deklassifikazzjoni tal-istatus ta’ protezzjoni ta’ ċerti siti: “Il-Kummissjoni, li taġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, għandha tirrevedi minn żmien għall-żmien is-sehem li qed tagħti Natura 2000 biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 u 3. F’dan il-kuntest, żona speċjali ta’ konservazzjoni tista’ titiqies għal diklassifikazzjoni fejn dan ikun ġustifikat minn żviluppi naturali osservati bħala riżultat tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11.” |
9. |
L-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-habitats jobbliga lill-Istati Membri jirrispettaw l-ispeċi u l-habitats naturali li għandhom jiġu protetti fis-sens tagħha: “L-Istati Membri għandhom iwettqu sorveljanza fuq l-istat ta’ konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u l-imsemmija fl-Artikolu 2 b’attenzjoni speċjali għat-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità u speċi ta’ priorità.” |
10. |
Skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-habitats, kull sitt snin l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni rapport li, fost l-oħrajn, jinkludi r-riżultati prinċipali tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11. |
B – Id-dritt Taljan
11. |
L-Artikolu 3(4a) tad-Decreto del Presidente della Repubblica (Digriet tal-President tar-Repubblika, iktar ’il quddiem id-“DPR”) Nru 357/1997 għall-implementazzjoni tad-Direttiva 92/43/KEE jirregola l-kompetenza nazzjonali għar-reviżjoni ta’ Natura 2000: “Sabiex tiġi ggarantita implementazzjoni funzjonali tad-[…] [Direttiva dwar il-habitat], ir-reġjuni għandhom iwettqu […] abbażi tal-miżuri ta’ sorveljanza […] evalwazzjoni perjodika tan-natura idonea tas-siti sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva, li tippermettilhom jipproponu lill-Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare (Ministeru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Baħar, iktar ’il quddiem il-“Ministeru għall-Ambjent”) aġġornament tal-lista tas-siti, id-delimitazzjoni tagħhom u tal-kontenut tal-iskema ta’ informazzjoni korrispondenti. Il-Ministeru għall-Ambjent għandu jibgħat din il-proposta lill-Kummissjoni Ewropea għall-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva.” |
III – Il-fatti tal-kawża u t-talba għal deċiżjoni preliminari
12. |
Cascina Tre Pini s.s. hija kumpannija taħt id-dritt ċivili u proprjetarja ta’ art ta’ madwar 22 ettaru li tinsab fit-territorju tal-muniċipalità Somma Lombardo, qrib l-ajruport ta’ Milan-Malpensa. Din l-art hija parti mit-territorju “Brughiera del Dosso”, li l-Kummissjoni inkludiet fil-lista tas-SIK ( 3 ) għal erja totali ta’ 455 ettari taħt in-Nru IT2010012 ( 4 ). |
13. |
Skont il-formola standard ta’ informazzjoni għal dan is-sit ( 5 ) dan jinkludi fost l-oħrajn boskijiet qodma aċidofili tar-ruvlu Quercus robur fuq pjanuri ramlija (Kodiċi 9190) u parzjalment xagħri niexef Ewropew (Kodiċi 4030) kif ukoll, b’kollox, erbatax-il speċi tal-Anness II tad-Direttiva dwar il-habitats, b’mod partikolari ż-żrinġ aġili tal-Italja (Rana latastei) u n-nase tal-Italja (Chondrostoma soetta). Ma humiex imsemmija speċi jew habitats ta’ prijorità. |
14. |
Sadattant, l-ajruport ta’ Malpensa ġie mkabbar, kif previst mill-“Piano d’Area Malpensa” (pjan għaż-żona ta’ Malpensa), awtorizzat b’liġi reġjonali tal-1999. Skont Cascina Tre Pini, dan il-pjan jipprovdi li ż-żoni li jinsabu, b’mod partikolari, fuq it-territorju tal-muniċipalità ta’ Somma Lombardo, huma intiżi għal żvilupp “kummerċjali u industrijali”. |
15. |
Skont Cascina Tre Pini, iż-żieda kontinwa fit-traffiku tal-ajru f’Malpensa wasslet biż-żmien għal deterjorament ambjentali progressiv tal-art tagħha. Għaldaqstant, fl-2005 hija talbet lill-konsorzju Parco Lombardo Valle del Ticino, li jamministra s-sit “Brughiera del Dosso”, sabiex jadotta l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni tad-deterjorament ambjentali tal-art tagħha. Skont Cascina Tre Pini, ma ngħatatx risposta għal din it-talba. |
16. |
Fl-2006, Cascina Tre Pini talbet lill-Ministeru għall-Ambjent Taljan sabiex ineħħi l-art tagħha mis-sit ta’ “Brughiera del Dosso”, għaliex qieset li r-rekwiżiti fattwali u legali tal-leġiżlazzjoni rilevanti u, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti tal-Anness III tad-Direttiva dwar il-habitats ma kinux baqgħu ssodisfatti. B’deċiżjoni tat-2 ta’ Mejju 2006, il-Ministeru għall-Ambjent iddikjara ruħu mhux kompetenti u rrefera lill-appellanti għar-reġjun tal-Lombardia. |
17. |
Cascina Tre Pini mbagħad ippreżentat talba quddiem ir-reġjun tal-Lombardia, u dan ċaħadha fis-26 ta’ Lulju 2006 għaliex “[…] it-talba inkluża fl-applikazzjoni […] tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss jekk il-Ministeru għall-Ambjent jitlob lir-reġjuni jibdew il-proċedura prevista fl-Artikolu 3(4a) tad-DPR”. |
18. |
It-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia ċaħad fl-ewwel istanza r-rikors ippreżentat minn Cascina Tre Pini kontra din id-deċiżjoni. L-appell minnu huwa pendenti quddiem il-Consiglio di Stato, il-Kunsill tal-Istat Taljan. Dan għamel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
19. |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-riferiment għall-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-habitats f’dawn id-domandi huwa bbażat fuq żball tat-tipa. Il-Consiglio di Stato fil-fatt qiegħed jirreferi għall-Artikolu 11. |
20. |
Barra minn hekk, il-Consiglio di Stato jittrażmetti domanda magħmula minn Cascina Tre Pini:
|
21. |
Fl-aħħar nett, it-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi sitt domandi tar-Reġjun tal-Lombardia, li, madankollu, il-Consiglio di Stato diġà qies bħala inammissibbli ( 6 ). Għaldaqstant dawn id-domandi ma humiex riprodotti hawnhekk. |
22. |
Cascina Tre Pini, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Ċeka, dawn il-partijiet esprimew ruħhom anki fis-seduta tas-16 ta’ Mejju 2013. |
IV – Evalwazzjoni legali
A – Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi riprodotti fit-talba għal deċiżjoni preliminari
23. |
Id-domandi tal-Consiglio di Stato Nri 1 sa 4, riprodotti iktar ’il fuq ( 7 ), huma mingħajr dubju ammissibbli u għaldaqstant għandha tingħata risposta għalihom. |
24. |
Kuntrarjament, ir-Repubblika Ċeka tikkontesta l-ammissibbiltà tad-domandi tal-partijiet fil-proċeduri nazzjonali. Fil-fatt, l-Artikolu 267 TFUE jipprevedi kollaborazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali permezz ta’ proċedura mhux kontenzjuża li teskludi kwalunkwe inizjattiva tal-partijiet u li matulha dawn tal-aħħar huma sempliċement mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Skont din id-dispożizzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali u mhux il-partijiet fil-kawża prinċipali li għandha tadixxi l-Qorti tal-Ġustizzja ( 8 ). Minkejja li tali qorti tista’ tistieden lill-partijiet fil-kawża mressqa quddiemha sabiex jissuġġerixxu l-formulazzjoni li tista’ tiġi adottata għad-domandi preliminari, xorta jibqa’ l-fatt li hija l-qorti waħidha li tiddeċiedi fl-aħħar mill-aħħar kemm il-forma kif ukoll il-kontenut tagħhom ( 9 ). |
25. |
B’mod differenti minn kawżi fil-passat, id-domandi magħmula mill-partijiet f’din il-kawża ma humiex madankollu inklużi fl-osservazzjonijiet tagħhom, iżda hija l-qorti nazzjonali nfisha li għamlithom lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Kif sostniet il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni, li għandha tiddeċiedi, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-każ, dwar ir-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala prinċipju, tagħti deċiżjoni ( 10 ). |
26. |
Għaldaqstant teżisti preżunzjoni tar-rilevanza tad-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali għal deċiżjoni preliminari ( 11 ). Din għandha tgħodd ukoll għad-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali lill-Qorti tal-Ġustizzja, wara li jkunu ġew proposti mill-partijiet fil-kawża. |
27. |
Il-preżunzjoni tista’ tiġi eskluża eċċezzjonalment, jiġifieri meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta d-domanda tkun waħda ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha ( 12 ). |
28. |
Il-ħames domanda proposta minn Cascina Tre Pini hija madankollu manifestament relatata mill-qrib mal-kawża prinċipali, kif jidher ukoll mill-fatt li tikkoinċidi mad-domandi tal-Consiglio di Stato. Barra minn hekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi l-informazzjoni neċessarja sabiex tingħata risposta għal din id-domanda. |
29. |
Min-naħa l-oħra, is-sitt domandi tal-Lombardia huma ta’ natura ipotetika. Skont ma jindika l-Consiglio di Stato, huma jirreferu għal dispożizzjonijiet li fil-preżent ma jeżistux fid-dritt Taljan u għaldaqstant huma inammissibbli ( 13 ). |
B – Ir-risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari
30. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda kwistjonijiet ta’ proċedura marbuta mal-possibbiltà ta’ deklassifikazzjoni tal-istatus ta’ protezzjoni tad-dritt tal-Unjoni ta’ sit inkluż mill-Kummissjoni fil-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja. |
31. |
Dawn għandhom jiġu kkategorizzati kif ġej: l-ewwel, ir-raba’ u l-ħames domandi jitolbu li jiġi stabbilit jekk l-awtoritajiet kompetenti humiex obbligati skont l-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva dwar il-habitats, fuq talba mmotivata mressqa mill-proprjetarji tas-siti affettwati, iwettqu reviżjoni tas-SIK, b’mod partikolari meta dawn il-proprjetarji jallegaw deterjorament tas-sit u/jew jekk dan huwa pprovat (f’dan ir-rigward, ara l-punt 1 iktar ’il quddiem). It-tieni domanda tistaqsi jekk l-awtoritajiet kompetenti jistgħux jirrevedu b’mod perjodiku s-SIK (f’dan ir-rigward, ara l-punt 2 iktar ’il quddiem) u jekk dan ikun il-każ, li tiġi permessa l-parteċipazzjoni pubblika (f’dan ir-rigward, ara l-punt 3 iktar ’il quddiem). Fl-aħħar nett, it-tielet domanda tirrigwarda t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet nazzjonali, jiġifieri l-bżonn li possibbilment l-awtoritajiet tal-Istat ċentrali jingħataw s-setgħa li jirrevedu s-SIK (f’dan ir-rigward, ara l-punt 4 iktar ’il quddiem). |
1. Dwar l-obbligu ta’ reviżjoni tas-SIK
32. |
Bl-ewwel u r-raba’ domanda, li jikkoinċidu fil-biċċa l-kbira mal-ħames domanda ta’ Cascina Tre Pini, il-Consiglio di Stato jitlob li jiġi stabbilit jekk l-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva dwar il-habitats jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma liberi li jipproponu reviżjoni tas-SIK mingħajr il-bżonn li jieħdu inkunsiderazzjoni t-talbiet tal-individwi, proprjetarji tas-siti, jew l-affermazzjonijiet tagħhom rigward id-deterjorament tal-imsemmija siti. |
33. |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi stabbilit, taħt liema kundizzjonijiet tista’ tiġi prevista reviżjoni tas-SIK skont id-Direttiva dwar il-habitats. Din ir-reviżjoni ma hijiex prevista b’mod espliċitu fid-Direttiva dwar il-habitats. Madankollu, it-tieni sentenza tal-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-habitats issemmi d-“deklassifikazzjoni ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni”, li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni. Dan jimplika neċessarjament reviżjoni tas-SIK. Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(4), l-Istati Membri għandhom jindikaw is-SIK kollha bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Għalhekk, huma għandhom ineħħu din il-klassifikazzjoni biss fejn is-siti affettwati ma jibqgħux jitqiesu bħala SIK. |
34. |
Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi, it-tħassir jew il-bidla ta’ SIK għandha ssir skont l-istess proċedura bħall-inklużjoni ta’ sit fil-lista. Skont l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-habitats, il-Kummissjoni tiddeċiedi fuq l-inklużjoni ta’ sit fil-lista tas-SIK fuq proposta tal-Istat Membru. Għalhekk, l-Istati Membri jipproponu, skont ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(1), jekk ikun il-każ, l-adattament tal-lista fid-dawl tar-riżultati tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11. Mit-tieni sentenza tal-Artikolu 9 jirriżulta li tali adattament jista’ jinkludi d-deklassifikazzjoni ta’ SIK. |
35. |
Madankollu, il-kliem tat-tieni sentenza tal-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-habitats ma jindikax li jeżisti l-obbligu ta’ deklassifikazzjoni ta’ SIK. Jingħad biss li s-setgħa tal-Kummissjoni li tadatta l-lista tas-SIK tinkludi wkoll is-setgħa ta’ deklassifikazzjoni. |
36. |
Kuntrarjament, skont il-kliem tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, il-proposta ta’ adattament tal-lista tas-SIK ma hijiex fid-diskrezzjoni libera tal-Istati Membri. Huwa minnu li mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-proċedura ta’ identifikazzjoni tas-siti li jistgħu jitqiesu bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom ċerta marġni diskrezzjonali sabiex jagħmlu l-proposti tagħhom skont l-Artikolu 4(1), iżda jibqa’ l-fatt li huma għandhom jagħmlu dan filwaqt li josservaw kriterji stabbiliti fid-Direttiva ( 14 ). Għaldaqstant, huma għandhom jagħmlu proposti korrispondenti meta r-riżultati tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11 ma jippermettu ebda evalwazzjoni oħra, jiġifieri, meta l-marġni diskrezzjonali abbażi tal-fatti tippermetti biss proposta għall-adattament tal-lista. Hija partikolarment ċara l-verżjoni Ingliża, li tuża t-terminu “shall”, iżda wkoll il-verżjoni Olandiża, li tipprovdi li għandha ssir proposta meta huwa “nodig”, jiġifieri meta huwa neċessarju. |
37. |
Ma hemmx dubju li tali obbligu huwa konformi mal-għanijiet tad-Direttiva dwar il-habitats, meta jinstabu siti ġodda li għandhom jiġu inklużi fil-lista ( 15 ). |
38. |
Madankollu, il-lista tista’ wkoll titnaqqas meta sit ma jibqax kapaċi li jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva dwar il-habitats. F’dan il-każ, ma huwiex iġġustifikat li s-sit jibqa’ suġġett għar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva. Il-konservazzjoni tal-ispeċi u tal-habitats naturali ma titjiebx meta l-awtoritajiet kompetenti jkomplu jużaw riżorsi limitati għall-ġestjoni tas-sit. Kieku n-netwerk Natura 2000 jinkludi siti li ma jikkontribwixxux sabiex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu, dan jista’ wkoll iwassal għal nuqqas ta’ ftehim jew għal żbalji dwar il-kwalità tal-imsemmi netwerk. |
39. |
F’dan il-każ, dak li huwa determinanti huwa madankollu d-dritt fundamentali għall-proprjetà. Il-klassifikazzjoni ta’ sit bħala parti mis-SIK tillimita l-possibbiltajiet tal-użu li jista’ jsir minnu u b’dan il-mod id-drittijiet tal-proprjetarju tal-art inkwistjoni. Sakemm jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti għall-protezzjoni tas-sit, dawn il-limitazzjonijiet tad-dritt għall-proprjetà huma, bħala regola ġenerali, iġġustifikati minħabba l-għan tal-protezzjoni tal-ambjent ( 16 ). Madankollu, jekk dawn ir-rekwiżiti, sadattant, ma jibqgħux issodisfatti, iż-żamma tal-limitazzjonijiet tal-użu tal-artijiet tista’ tikser id-dritt għall-proprjetà. Fl-Unjoni Ewropea, ma tista’ tiġi aċċettata l-ebda miżura li ma hijiex konformi mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem irrikonoxxuti u protetti ( 17 ). |
40. |
Għaldaqstant, ma jkunx kompatibbli ma’ interpretazzjoni u applikazzjoni tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-habitats konformi mad-drittijiet fundamentali jekk l-eżami ta’ talba mmotivata ta’ proprjetarju sabiex tiġi proposta reviżjoni tas-SIK jitħalla fid-diskrezzjoni libera tal-awtoritajiet kompetenti. |
41. |
Madankollu, għandu jiġi eżaminat liema motiv jista’ jagħti lok għal reviżjoni. Jekk ikun suffiċjenti kwalunkwe motiv, teżisti l-biża’ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom jeżaminaw bosta talbiet mhux fondati, mingħajr ma dan l-infiq joħloq benefiċċju korrispondenti għall-proprjetarju jew għal Natura 2000. |
42. |
Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-habitats, tista’ ssir id-deklassifikazzjoni bħala SIK (biss) fejn dan ikun iġġustifikat minn żviluppi naturali osservati bħala riżultat tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11. |
43. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tagħti żewġ motivi għall-possibbiltà ta’ reviżjoni. L-ewwel nett, huwa allegat li l-operat tal-ajruport ta’ Malpensa kkawża dannu ambjentali fuq is-sit inkwistjoni. It-tieni nett, jingħad li l-art tinsab f’żona li hija intiża għal żvilupp “kummerċjali u industrijali”. |
44. |
L-ebda waħda miż-żewġ ċirkustanzi ma hija żvilupp naturali. Għaldaqstant ma jistgħux jiġġustifikaw deklassifikazzjoni ta’ sit mis-SIK skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-habitats. |
45. |
Huwa minnu li d-Direttiva dwar il-habitats ma tinkludi l-ebda regola li teskludi b’mod espliċitu r-reviżjoni tas-SIK abbażi ta’ żviluppi oħra. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-Direttiva tobbligax lill-Istati Membri jipproponu r-reviżjoni tas-SIK meta s-siti jkunu ddeterjorati minħabba attivitajiet tal-bniedem jew meta jkunu intiżi għal attivitajiet speċifiċi li ma humiex kompatibbli mal-protezzjoni tagħhom skont id-Direttiva dwar il-habitats. |
46. |
F’dan ir-rigward, il-punt inizjali għandu jkun il-prinċipji għall-għażla tas-SIK. L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-habitats ma jipprevedix it-teħid inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward ta’ rekwiżiti oħrajn għajr dawk marbuta mal-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-flora u tal-fawna selvaġġa jew mal-istabbiliment tan-netwerk ( 18 ). Dan huwa essenzjali sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-habitats li jiġi stabbilit in-netwerk Natura 2000. Dan in-netwerk huwa magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitats naturali elenkati fl-Anness I u l-habitats tal-ispeċi elenkati fl-Anness II tal-imsemmija direttiva, u li għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitats naturali u l-habitats naturali ta’ l-ispeċi kkonċernati jinżammu jew, fejn xieraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom ( 19 ). |
47. |
Kuntrarjament, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-għażla tas-SIK motivi oħra għajr dawk li jaqgħu taħt il-protezzjoni tal-ambjent, b’mod partikolari l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali kif ukoll il-karatteristiċi partikolari reġjonali jew lokali ( 20 ). |
48. |
Għaldaqstant, deklassifikazzjoni hija ġġustifikata biss meta s-sit ma jkunx kapaċi jibqa’ jikkontribwixxi għall-konservazzjoni tal-habitats naturali msemmija fl-Anness I tad-Direttiva, jew tal-flora u tal-fawna selvaġġa msemmija fl-Anness II jew għall-istabbiliment tan-netwerk Natura 2000 ( 21 ). |
49. |
Huwa minnu li ma huwiex neċessarju, iżda jista’ jiġi previst, li l-operat tal-ajruport ta’ Malpensa jikkawża tali deterjorament fuq is-siti inkwistjoni li dawn ma jkunux jistgħu jagħtu l-kontribuzzjoni korrispondenti tagħhom. Madankollu, jeżisti dubju jekk dawn jistgħux jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom meta, skont il-pjan taż-żona ta’ Malpensa, huma intiżi għal għanijiet kummerċjali jew industrijali. |
50. |
Madankollu, mhux kull deterjorament serju ta’ SIK jiġġustifika d-deklassifikazzjoni tiegħu. Fil-fatt, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitats jobbliga lill-Istati Membri jipproteġu s-SIK mid-deterjorament. Jekk Stat Membru jonqos minn dan l-obbligu ta’ protezzjoni għal sit, dan ma jiġġustifikax id-deklassifikazzjoni tal-imsemmi sit mill-istatus ta’ protezzjoni ( 22 ). L-Istati Membri għandhom pjuttost jieħdu l-miżuri neċessarji għar-ripristinar tas-sit. U b’mod partikolari, meta jiġu informati b’deterjorament, ma jistgħux jibqgħu inattivi iżda għandhom jieħdu l-okkażjoni sabiex jiżguraw protezzjoni tal-ambjent li tkun suffiċjenti sabiex is-sitwazzjoni tas-sit ma tkomplix tmur għall-agħar. |
51. |
Madankollu, l-obbligu ta’ protezzjoni ma jeżistix fir-rigward ta’ sit li huwa affettwat minn pjan jew proġett li huwa awtorizzat taħt l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva dwar il-habitats ( 23 ). Għaldaqstant, eżami tal-impatt eventwali ta’ miżura fid-dawl tal-għan tal-konservazzjoni tas-sit skont l-Artikolu 6(3) għandu juri li s-sit ġie affettwat. Fl-istess waqt l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu waslu għad-deċiżjoni, abbażi tal-kriterji fl-Artikolu 6(4), li l-miżura għandha tiġi implementata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku u li ma teżisti l-ebda soluzzjoni alternattiva. Minbarra dan, għandhom jittieħdu l-miżuri kumpensatorji kollha neċessarji sabiex jiġi ggarantit li l-koerenza globali ta’ Natura 2000 tiġi protetta. |
52. |
Fiż-żmien tal-adozzjoni tal-pjan għaż-żona ta’ Malpensa għas-sena 1999, is-sit “Brughiera del Dosso” kien għadu ma jinstabx fil-lista tas-SIK. Għaldaqstant, l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva dwar il-habitats kien għadu ma huwiex applikabbli ( 24 ). Għandu jkun hemm dikjarazzjonijiet fid-dettall mill-qrati nazzjonali sabiex jiġi deċiż jekk dan huwiex ukoll il-każ għall-awtorizzazzjoni għat-tkabbir tal-ajruport ta’ Malpensa. |
53. |
Madankollu, mill-inklużjoni tas-sit fil-lista japplika l-obbligu Statali ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 6(2) ( 25 ). F’dan il-każ, deterjorament tas-sit minħabba pjan awtorizzat minn qabel jista’ jiġi kkunsidrat biss meta l-impatt tiegħu — jekk ikun il-każ, a posteriori — jiġi evalwat skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(3) u jekk jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 6(4) ( 26 ). |
54. |
Minbarra dan, l-Artikolu 6(2) jista’ wkoll jobbliga lill-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex jeliminaw żviluppi naturali li jistgħu jiddeterjoraw l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi u tal-habitats naturali fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni ( 27 ). |
55. |
Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel, ir-raba’ u l-ħames domanda ta’ Cascina Tre Pini għandha tkun li, skont ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fuq talba tal-proprjetarju ta’ sit inkluż fis-SIK, għandhom jevalwaw jekk il-Kummissjoni għandhiex tiġi proposta tneħħi dawn is-siti mis-SIK, jekk din it-talba tkun ibbażata fuq il-motiv li, minkejja l-osservanza tal-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva, dan is-sit ma jistax jikkontribwixxi għall-konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-flora u tal-fawna selvaġġa jew sabiex jiġi stabbilit in-netwerk Natura 2000. |
2. Dwar in-neċessità ta’ reviżjoni perjodika tas-SIK
56. |
Bl-ewwel parti tat-tieni domanda, il-Consiglio di Stato jitlob li jiġi stabbilit jekk l-awtoritajiet kompetenti għandhomx iwettqu reviżjoni tas-SIK b’mod perjodiku, pereżempju kull sentejn jew kull tliet snin. |
57. |
Id-Direttiva dwar il-habitats ma tinkludi ebda regola espliċita dwar l-intervalli bejn tali reviżjonijiet. Mill-kliem tal-ewwel, tar-raba’ u tal-ħames domanda jista’ biss jiġi dedott li tali reviżjoni għandha ssir meta jkun hemm indikazzjonijiet li SIK jew parti speċifika minnu ma tkunx għadha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tan-natura. |
58. |
Madankollu, ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(1) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-habitats jindikaw li s-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11 hija ta’ importanza kunsiderevoli għar-reviżjoni tas-SIK. |
59. |
L-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-habitats jobbliga lill-Istati Membri jissorveljaw l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi u l-habitats naturali msemmija fl-Artikolu 2. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jissorveljaw il-habitats naturali kollha kif ukoll il-flora u l-fawna selvaġġa kollha fit-territorju Ewropew tagħhom. Barra minn hekk, is-sorveljanza għandha tkun intiża sabiex jitwettqu l-għanijiet tad-Direttiva dwar il-habitats, jiġifieri li tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi u habitats naturali. |
60. |
Il-pożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li tinsab fil-parti tad-Direttiva dwar il-habitats li tirrigwarda l-protezzjoni tat-territorju, turi l-interess kunsiderevoli fis-SIK f’dan ir-rigward. Dan jikkorrispondi mal-importanza tagħhom peress li, skont l-Artikolu 3(1), l-Istati Membri għandhom jiżguraw iż-żamma jew, fejn xieraq, ir-ripristinar fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats naturali u tal-ispeċi ta’ interess Komunitarju ( 28 ), jiġifieri l-habitats naturali u l-ispeċi li għandhom ikunu partikolarment protetti skont l-Artikolu 1(ċ) u (g) tad-Direttiva. |
61. |
Is-sorveljanza tas-SIK għandha b’mod partikolari tkun xierqa sabiex jiġu osservati l-prijoritajiet stabbiliti fl-Artikolu 4(4) għaż-żamma jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-ispeċi u tal-habitats naturali fid-diversi SIK, sabiex jiġu implementati l-miżuri konkreti ta’ konservazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 6 u sabiex jiġu osservati l-obbligi ta’ protezzjoni stabbiliti fl-Artikolu 6(2). |
62. |
Id-determinazzjoni taċ-ċirkustanzi li jistgħu jirrendu neċessarja d-deklassifikazzjoni ta’ SIK wara reviżjoni għandha ssir fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet. |
63. |
Jekk is-sorveljanza turi indikazzjonijiet f’dan is-sens, l-awtoritatjiet kompetenti għandhom jaslu għall-konsegwenzi neċessarji. Fl-ewwel lok, għandhom jiġu previsti miżuri komplementari għall-protezzjoni tas-SIK u għall-istabbiliment mill-ġdid tal-elementi li huma affettwati. Jekk, madankollu, il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq jistgħu jwasslu għal deklassifikazzjoni tal-istatus ta’ protezzjoni, għandhom jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evitata limitazzjoni mhux iġġustifikata tad-dritt għall-proprjetà fuq is-sit inkwistjoni. |
64. |
Il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni, prevista fid-Direttiva dwar il-habitats, tippermetti li jiġu dedotti rekwiżiti minimi fir-rigward tal-intervalli tal-miżuri ta’ sorveljanza. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 9 tobbliga lill-Kummissjoni tikkunsidra r-riżultati tas-sorveljanza u tapplikahom fl-evalwazzjoni globali tal-kontribuzzjoni ta’ Natura 2000 għat-twettiq tal-għanijiet tad-Direttiva. Skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-habitats, għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni kull sitt snin li jinkludi, fost l-oħrajn, ir-riżultati prinċipali tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11. |
65. |
Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jorganizzaw is-sorveljanza tagħhom fiż-żmien b’mod li tintbagħat, lill-Kummissjoni, informazzjoni aġġornata dwar l-habitats naturali u l-ispeċi ssorveljati u, b’mod partikolari dwar is-SIK, kull sitt snin. |
66. |
Bħala regola ġenerali, l-Istati Membri ma jkunux jistgħu josservaw, madankollu, l-obbligi tagħhom relatati mas-SIK, jekk huma jikkontrollawhom biss kull sitt snin. La l-protezzjoni ambjentali u lanqas l-osservanza tal-prijoritajiet stabbiliti jew l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni ma jistgħu jiġu ggarantiti b’dan il-mod. Kuntrarjament, l-obbligu ta’ sorveljanza huwa obbligu ta’ natura kontinwa. Huwa biss il-livell tas-sorveljanza meħtieġa li jvarja skont il-każ. |
67. |
Fil-qosor, ir-risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda għandha tkun li l-Istati Membri għandhom jorganizzaw is-sorveljanza tas-SIK imsemmija fl-Artikoli 11 u 17 tad-Direttiva dwar il-habitats b’tali mod li dawn jiġu protetti u amministrati b’mod xieraq u b’mod li jkunu jistgħu jibagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni aġġornata dwar l-istat tas-SIK mill-inqas kull snin snin. Din l-informazzjoni tinkludi l-kwistjoni dwar jekk is-SIK jikkontribwixxux għall-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-flora u l-fawna selvaġġa jew sabiex jiġi stabbilit in-netwerk Natura 2000. |
3. Fuq it-tieni parti tat-tieni domanda
68. |
It-tieni parti tat-tieni domanda tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet kompetenti għandhomx jipprovdu għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku fir-reviżjoni tas-SIK. |
69. |
Fuq din il-kwistjoni, id-Direttiva dwar il-habitats lanqas ma tipprovdi regola espliċita. Fir-rigward tal-proprjetarju tas-sit affettwat, jeżistu madankollu rekwiżiti speċifiċi li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mid-dritt għal smigħ ( 29 ). |
70. |
Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li huwa applikabbli meta amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tadotta, fil-konfront ta’ persuna, att li jikkawżalha preġudizzju. Skont dan il-prinċipju, id-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod notevoli għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv fir-rigward tal-informazzjoni li abbażi tagħha l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Għal dan il-għan, huma għandu jkollhom terminu suffiċjenti ( 30 ). |
71. |
Dan l-obbligu huwa impost fuq l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri meta jieħdu deċiżjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, minkejja li l-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli ma tipprevedix espliċitament tali formalità. Fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ dan il-prinċipju, għandu jiġi speċifikat li, meta din ma tkunx stabbilita mid-dritt tal-Unjoni, bħal fil-kawża prinċipali, din taqa’ taħt id-dritt nazzjonali kemm-il darba, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu tal-istess natura bħal dawk li minnhom jibbenefikaw l-individwi jew l-impriżi f’sitwazzjonijiet paragunabbli rregolati bid-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, ma jkunux jirrendu l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża mogħtija bis-sistema legali Komunitarja prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) ( 31 ). |
72. |
L-eżami dwar jekk il-Kummissjoni għandhiex tiġi proposta r-reviżjoni tas-SIK jikkontribwixxi għall-implementazzjoni tad-Direttiva dwar il-habitats u għaldaqstant jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Huwa minnu li l-proprjetarji tas-siti affettwati ma humiex destinatarji ta’ deċiżjoni li tiġi proposta deklassifikazzjoni lill-Kummissjoni jew li ma ssirx tali proposta. Madankollu, din id-deċiżjoni tista’ taffettwa b’mod kunsiderevoli l-interessi tagħhom. Jekk l-awtoritajiet kompetenti ma jipproponux lill-Kummissjoni d-deklassifikazzjoni ta’ SIK, l-artijiet affettwati xorta jibqgħu suġġetti għall-protezzjoni ambjentali, li tista’ tirrestrinġi b’mod kunsiderevoli l-użu tagħhom. Il-proposta għal deklassifikazzjoni tista’, min-naħa l-oħra, tippreġudika l-interess li jiġu sostnuti finanzjarjament għal operat konformi mal-għanijiet ta’ konservazzjoni. |
73. |
Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni parti tat-tieni domanda għandha tkun li l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-proprjetarji tas-siti affettwati l-opportunità li jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom meta huma jeżaminaw jekk il-Kummissjoni għandhiex tiġi proposta l-adattament tal-lista tas-SIK fir-rigward ta’ dawn is-siti. |
4. Fuq it-tielet domanda
74. |
Bit-tielet domanda jintalab li jiġi ċċarat jekk huwiex konformi mal-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva dwar il-habitats li r-reġjuni u l-provinċji awtonomi jingħataw is-setgħa li jipproponu r-reviżjoni tas-SIK, mingħajr ma tiġi prevista din l-istess setgħa għall-Istat, minn tal-inqas b’mod sussidjarju, fil-każ ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni mir-reġjuni jew mill-provinċji awtonomi. |
75. |
Anki f’dan ir-rigward, madankollu, ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-habitats hija iktar rilevanti mill-Artikolu 9. Għaldaqstant, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni din id-dispożizzjoni msemmija l-ewwel. |
76. |
Huwa minnu li jeżistu ċerti atti leġiżlattivi tal-Unjoni li jistabbilixxu regoli għall-awtoritajiet amministrattivi fdati bl-implementazzjoni tagħhom ( 32 ). Madankollu, fejn tali dispożizzjonijiet ma jkunux jeżistu f’direttiva, għandha tiġi osservata r-regola prevista fl-Artikolu 288(3) TFUE, li tipprovdi li d-direttiva torbot lil kull Stat Membru fir-rigward tar-riżultat li għandu jinkiseb, iżda tħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali l-għażla tal-forma u tal-metodi ( 33 ). Dan jirrigwarda b’mod partikolari d-determinazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti. Id-dritt tal-Unjoni jeżiġi biss li t-traspożizzjoni, inkluża d-determinazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, tiżġura effettivament l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tagħha b’mod suffiċjentement ċar u preċiż ( 34 ). |
77. |
Il-kompetenza tal-awtoritajiet reġjonali għall-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-habitats u b’mod partikolari tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(1) tidher assolutament rilevanti u dan għaliex il-protezzjoni u l-ġestjoni tas-SIK jeżiġu għarfien konkret tas-sitwazzjoni lokali. |
78. |
Id-dritt tal-Unjoni lanqas ma jeżiġi li l-kompetenza tal-awtoritajiet reġjonali tkun ikkompletata permezz ta’ kompetenza sussidjarja tal-Istat ċentrali. Minbarra dan, ma huwiex ċert li tali kompetenza hija neċessarja għall-implementazzjoni skont il-liġi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Jekk l-Istat ċentrali lokali ma jipprovdi għal ebda awtorità kompetenti fuq il-post, ma jidhirx probabbli li l-awtoritajiet tiegħu fil-belt kapitali jkunu jistgħu jiddeċiedu liema miżuri huma neċessarji. |
79. |
Huwa minnu li ma jistax jiġi eskluż li l-awtoritajiet kompetenti tal-Lombardia kisru d-Direttiva dwar il-habitats fir-rigward tat-talba ta’ Cascina Tre Pini. Madankollu, anki kieku tali ksur jiġi pprovat, din xorta ma tkunx prova li dawn l-awtoritajiet ma humiex kapaċi jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva. |
80. |
Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tagħti lir-reġjuni u lill-provinċji awtonomi s-setgħa li jipproponu r-reviżjoni tas-SIK, mingħajr ma tagħti din l-istess setgħa lill-Istat, mill-inqas b’mod sussidjarju fil-każ ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni mir-reġjuni jew mill-provinċji awtonomi, ma tipprekludix l-applikazzjoni korretta tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(1), tal-Artikolu 9 u tal-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-habitats. |
V – Konklużjoni
81. |
Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006, li tadatta d-Direttivi 73/239/KEE, 74/557/KEE u 2002/83/KE fil-qasam ta’ l-ambjent, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 352M, p. 883).
( 3 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/798/UE, tas-7 ta’ Diċembru 2004, li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-elenku tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku kontinentali (ĠU L 382, p. 1).
( 4 ) It-talba għal deċiżjoni preliminari tirreferi għal konfużjoni fuq in-numri f’dan ir-rigward.
( 5 ) Skont http://natura2000.eea.europa.eu.
( 6 ) Ara, f’dan ir-rigward, punt 27.
( 7 ) Punt 18.
( 8 ) Sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 1965, Singer (44/65, Ġabra p. 1268, 1275), tas-6 ta’ Lulju 2000, ATB et (C-402/98, Ġabra p. I-5501, punt 29) u tal-15 ta’ Ottubru 2009, Hochtief u Linde-Kca-Dresden (C-138/08, Ġabra p. I-9889, punt 20 et seq).
( 9 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Kelly (C-104/10, Ġabra p. I-6813, punt 65).
( 10 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 59) u tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, punt 39).
( 11 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf (C-355/97, Ġabra p. I-4977, punt 22), tal-15 ta’ Mejju 2003, Salzmann (C-300/01, Ġabra p. I-4899, punt 31) u Åkerberg Fransson (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 40).
( 12 ) Sentenzi Beck u Bergdorf (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 22) u Åkerberg Fransson (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 40).
( 13 ) Ara s-sentenza Åkerberg Fransson (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 41).
( 14 ) Sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-67/99, Ġabra p. I-5757, punt 33), Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-71/99, Ġabra p. I-5811, punt 26) u Il-Kummissjoni vs Franza (C-220/99, Ġabra p. I-5831, punt 30).
( 15 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Ċipru (C‑340/10, punti 24 u 27).
( 16 ) Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, punti 113 sa 115).
( 17 ) Sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C-260/89, Ġabra p. I-2925, punt 41), tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C-112/00, Ġabra p. I-5659, punt 73), kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 284).
( 18 ) Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2000, First Corporate Shipping (C-371/98, Ġabra p. I-9235, punt 16), kif ukoll tal-14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg (C-226/08, Ġabra p. I-131, punt 30).
( 19 ) Ara s-sentenzi First Corporate Shipping (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 19) u Stadt Papenburg (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 31).
( 20 ) Sentenza Stadt Papenburg (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 31 u 32).
( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-191/05, Ġabra p. I-6853, punt 13).
( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-418/04, Ġabra p. I-10947, punti 83 sa 86).
( 23 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punti 250 et seq) u tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-404/09, Ġabra p. I-11853, punt 122).
( 24 ) Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2005, Dragaggi et (C-117/03, Ġabra p. I-167, punt 25) u tal-11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, punt 101).
( 25 ) Sentenzi Stadt Papenburg (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 30) u Il-Kummissjoni vs Spanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 125).
( 26 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punti 156 u 157).
( 27 ) Sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-6/04, Ġabra p. I-9017, punt 34).
( 28 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.
( 29 ) Dwar ir-relazzjoni bejn dan il-prinċipju u l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ara l-konklużjonijiet tiegħi tas-6 ta’ Ġunju 2013 fil-Kawża Sabou (C‑276/12).
( 30 ) Sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et (C-32/95 P, Ġabra p. I-5373, punt 21), tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé (C-349/07, Ġabra p. I-10369, punti 36 u 37), tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill (C-141/08 P, Ġabra p. I-9147, punt 83) u tat-22 ta’ Novembru 2012, M.M. (C‑277/11, punti 81 sa 87).
( 31 ) Sentenza Sopropé (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 38).
( 32 ) Ara, pereżempju, għall-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157), is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Seaport et (C-474/10, Ġabra p. I-10227, punti 42 et seq).
( 33 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 157) u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-535/07, Ġabra p. I-9483, punt 60).
( 34 ) Sentenzi tas-27 ta’ April 1988, Il-Kummissjoni vs Franza (252/85, Ġabra p. 2243, punt 5), tat-12 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-507/04, Ġabra p. I-5939, punt 89) u tas-27 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑311/10, punt 40).