EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CC0279

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Cruz Villalón - 5 ta' Settembru 2013.
Fish Legal u Emily Shirley vs Information Commissioner et..
Talba għal deċiżjoni preliminari: Upper Tribunal (Administrative Appeals Chamber) - ir-Renju Unit.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Konvenzjoni ta’ Århus - Directtiva 2003/4/KE - Aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni ambjentali - Kamp ta’ applikazzjoni - Kunċett ta’ ‘awtorità pubblika’ - Impriżi ta’ drenaġġ u ta’ distribuzzjoni tal-ilma - Privatizzazzjoni tas-settur tal-ilma fl-Ingilterra u f’Wales.
Kawża C-279/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:539

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fil-5 ta’ Settembru 2013 ( 1 )

Kawża C‑279/12

Fish Legal

Emily Shirley

vs

The Information Commissioner

United Utilities, Yorkshire Water and Southern Water

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Administrative Appeals Chamber) (ir-Renju Unit)]

“Aċċess għall-informazzjoni ambjentali — Obbligu tal-awtoritajiet pubbliċi — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jwettqu funzjonijiet amministrattivi pubbliċi skont il-liġijiet nazzjonali — Persuna fiżika jew ġuridika ‘taħt il-kontroll’ tal-Istat jew ta’ korp li jwettaq funzjonijiet pubbliċi — Kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni”

1. 

Permezz ta’ din id-domanda preliminari tqum mill-ġdid il-problema tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess tal-individwi għall-informazzjoni ambjentali miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi u li l-iżvelar tagħha huwa rregolat mid-Direttiva 2003/4 ( 2 ) billi tqajjem, b’mod speċifiku, il-kwistjoni tan-natura ta’ “awtorità pubblika” tal-korp li lilu titressaq talba għal informazzjoni skont id-Direttiva. Din hija kwistjoni dibattuta peress li huma kkonċernati kumpanniji privati li jiġġestixxu servizz pubbliku relatat mal-ambjent, fejn huwa diskuss jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-karatteristiċi ta’ din il-ġestjoni għandhomx iwasslu sabiex jiġi konkluż li, minkejja n-natura privata tagħhom, il-kumpanniji kkonċernati għandhom jitqiesu bħala “awtorità pubblika” skont id-Direttiva 2003/4 u, għaldaqstant, għandhom jilqgħu t-talba għal informazzjoni li ressqulhom żewġ individwi.

2. 

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiċċara l-ġurisprudenza tagħha dwar żewġ oqsma speċifiċi ħafna. Minn naħa, bla dubju ta’ xejn, dwar il-qasam speċifiku tad-dritt fih innifsu ta’ aċċess għall-informazzjoni. Min-naħa l-oħra, ukoll, dwar dak tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “awtorità pubblika”, kwistjoni ta’ rilevanza trasversali għal numru ta’ oqsma tad-dritt tal-Unjoni u li sabiex tiġi riżolta, f’dan il-każ, huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati l-kunċetti ta’ “dipendenza” u ta’ “kontroll”, komuni, pereżempju, fil-ġurisprudenza dwar il-kumpanniji stabbiliti sabiex jipprovdu ċerti servizzi.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt internazzjonali

3.

Il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 ( 3 ) tipprovdi kif ġej fl-Artikolu 2(2) tagħha:

“‘awtorità pubblika’ għandha tfisser:

a)

l-amministrazzjoni pubblika f’livell nazzjonali, reġjonali jew f’livell ieħor;

b)

il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jwettqu, bis-saħħa tal-liġijiet nazzjonali, funzjonijiet amministrattivi pubbliċi, inklużi kompiti, attivitajiet jew servizzi partikolari relatati mal-ambjent;

ċ)

kull persuna fiżika jew ġuridika oħra li jkollha responsabbiltajiet jew funzjonijiet pubbliċi, jew li tipprovdi servizzi pubbliċi relatati mal-ambjent taħt l-awtorità ta’ korp jew ta’ persuna li taqa’ taħt il-kategoriji msemmija fil-punti preċedenti (a) u (b);

d)

l-istituzzjonijiet ta’ kwalunkwe organizzazzjoni ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali msemmija fl-Artikolu 17 li hija Parti għal din il-Konvenzjoni.

Din id-definizzjoni ma tinkorporax il-korpi jew l-istituzzjonijiet li jaġixxu f’kapaċità ġudizzjarja jew leġiżlattiva.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4.

Skont l-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, bla ħsara għal ċerti riżervi u għal ċerti kundizzjonijiet, il-partijiet għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet pubbliċi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, l-informazzjoni dwar l-ambjent li tkun mitluba lilhom.

B – Id-dritt tal-Unjoni

5.

Id-Direttiva 2003/4 tinkludi s-segwenti premessi interessanti:

Premessa 1: “L-aċċess pubbliku miżjud għat-tagħrif ambjentali u t-tixrid ta’ dan it-tagħrif jikkontribwixxu għal konoxxenza ikbar dwar il-materji ambjentali, skambju ħieles tal-veduti, parteċipazzjoni iktar effettiva mill-pubbliku fit-tiswir tad-deċiżjonijie[t] u, eventwalment, ambjent aħjar.”

Premessa 5: “[…] Id-disposizzjonijiet tal-liġijiet Komunitarji jridu jkunu konsistenti [mal-Konvenzjoni ta’ Århus] bil-ħsieb tal-konklużjoni tagħha mill-Komunità Ewropea.”

Premmes 8: “Huwa meħtieġ li jiġi żgurat illi kull persuna naturali [fiżika] jew legali [ġuridika] jkollha dritt għall-aċċess tat-tagħrif dwar l-ambjent għand l-awtoritajiet pubbliċi jew miżmum għalihom mingħajr ma jkollhom għalfejn jiddikjaraw interess.”

Premessa 11: “Sabiex jitqies il-prinċipju fl-Artikolu 6 tat-Trattat, illi l-ħtiġiet tal-protezzjoni ta’ l-ambjent għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet Komunitarji, id-definizzjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi għandha tiġi mwessgħa sabiex tkopri l-amministrazzjoni governattiva jew amministrazzjonijiet oħra pubbliċi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali sewwa jekk ikollhom responsabbiltajiet speċifiċi rigward l-ambjent u sewwa jekk le. Bl-istess mod id-definizzjoni għandha tiġi mwessgħa sabiex tinkludi persuni jew korpi oħra li jwettqu l-funzjonijiet ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi fejn għandu x’jaqsam l-ambjent skond il-liġijiet nazzjonali, kif ukoll persuni jew korpi oħra li jaġixxu taħt il-kontroll tagħhom u li jkollhom responsabbilitajiet jew funzjonijiet pubbliċi fejn jidħol l-ambjent.”

6.

L-għanijiet tad-Direttiva 2003/4 huma ddefiniti fl-Artikolu 1 tagħha:

“(a)

li jiġi ggarantit id-dritt għall-aċċess tat-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għand l-awtoritajiet pubbliċi jew miżmum għalihom, u li jiġu ddikjarati t-termini u l-kondizzjonijiert bażiċi ta’ l-eżerċizzju tiegħu u l-arranġamenti prattiċi għalih; u

(b)

li jiġi żgurat illi, bħala ħaġa naturali, it-tagħrif dwar l-ambjent jiġi magħmul disponibbli u jixxerred b’mod progressiv fost il-pubbliku sabiex jinkisbu id-disponibbiltà u t-tixrid l-iktar wiesa’ possibbli tat-tagħrif dwar l-ambjent fost il-pubbliku. Għal dan il-fini, għandhom jiġu promossi b’mod partikolari l-użu tat-telekomunikazzjoni bil-kompjuter u/jew tat-teknoloġija eletronika, meta disponibbli.”

7.

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “awtorità pubblika” kif ġej:

“(a)

l-amministrazzjoni governattiva jew amministrazzjoni oħra pubblika, inklużi l-korpi pubbliċi konsultattivi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali;

(b)

kull persuna naturali [fiżika] jew legali [ġuridika] li jwettqu funzjonijiet amministrattivi pubbliċi skond il-liġijiet nazzjonali, inklużi d-dmiritjiet, l-attivitajiet jew is-servizzi speċifiċi fejn jidħol l-ambjent; u

(ċ)

kull persuna naturali jew legali li jkollhom responsabbiltajiet jew funzjonijiet pubbliċi, jew li jipprovdu servizzi pubbliċi, li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent taħt il-kontroll ta’ korp jew persuna li jidħlu fil-(a) jew fil-(b).

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi din id-definizzjoni ma għandhiex tinkludi korpi jew istituzzjonijiet meta jaġixxu f’kapaċità ġudizzjali jew leġislattiva. Jekk id-disposizzjonijiet kostituzzjonali tagħhom fid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva ma jagħmlu l-ebda disposizzjoni għall-proċedura tar-rivista fit-tifsira ta’ l-Artikolu 6, l-Istati Membri jistgħu jeskludu dawn il-korpi jew istituzzjonijiet minn din id-definizzjoni.”

8.

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/4, “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa li jagħmlu disponibbli l-informazzjoni dwar l-ambjent li jkun għandhom jew miżmum għalihom lil kull applikant fuq it-talba tiegħu u mingħajr ma jkollu għalfejn jiddikjara l-interess tiegħu”.

C – Id-dritt nazzjonali

9.

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali segwenti hija ta’ interess:

1. Il-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni ambjentali

10.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti tinsab fl-Environmental Information Regulations 2004 (SI Nru. 3391) (Regolamenti dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent; iktar ’il quddiem l-“EIR 2004”), li permezz tagħhom ġiet trasposta d-Direttiva 2003/4 u li l-Artikolu 2(2) tagħhom jiddefinixxi l-kunċett ta’ “awtorità pubblika” kif ġej:

“2.   Bla ħsara għall-paragrafu (3), ‘awtorità pubblika’ tfisser:

(a)

id-dipartimenti tal-Gvern;

(b)

kull awtorità pubblika oħra fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-[Freedom of Information Act 2000 (Att dwar il-libertà tal-informazzjoni tal-2001; iktar ’il quddiem, il-‘FIA 2000’)];

(c)

kull korp jew persuna oħra li twettaq funzjonjiet ta’ amministrazzjoni pubblika, jew

(d)

kull korp jew persuna oħra suġġetta għall-kontroll ta’ persuna inkluża fil-kategoriji msemmija fil-paragrafi (a), (b) jew (c) u

(i)

li għandha responsabbilitajiet pubbliċi fil-qasam tal-ambjent;

(ii)

li twettaq funzjonijiet ta’ natura pubblika fil-qasam tal-ambjent, jew

(iii)

li tipprovdi servizzi pubbliċi relatati mal-ambjent.

[…]”

11.

Skont l-Artikoli 5 u 7 tal-EIR 2004, l-informazzjoni dwar l-ambjent mitluba għandha tingħata fi żmien 20 jum ta’ xogħol, li taħt ċertu kundizzjonijiet, jista’ jiġi estiż għal 40 jum mill-awtorità kkonċernata.

12.

Skont l-Artikolu 50(1) tal-FIA 2000, fil-verżjoni emendata permezz tal-Artikolu 18 tal-EIR 2004, il-persuna kkonċernata tista’ titlob lill-Information Commissioner (Kummissarju għall-informazzjoni) jiddeċiedi jekk l-awtorità pubblika kkonċernata ttrattatx it-talba tagħha għal informazzjoni skont ir-rekwiżiti tal-EIR 2004.

2. Leġiżlazzjoni dwar l-istruttura tal-industrija tal-ilma fl-Ingilterra u f’Wales

a) L-isfond

13.

F’nofs is-seklu XX, il-parti l-kbira tas-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ kienu ta’ proprjetà pubblika u kienu pprovduti mill-awtoritajiet tal-gvern lokali skont il-Public Health Act 1936 (Att dwar is-saħħa pubblika tal-1936).

14.

Il-Water Act 1973 (Att dwar l-ilma tal-1973; iktar ’il quddiem, il-“WA 1973”) ittrasferixxa, b’mod ġenerali, ir-responsabbiltà għal dawn is-servizzi lill-awtoritajiet reġjonali fil-qasam tal-ilma. Xi wħud mis-servizzi kienu pprovduti minn kumpanniji statutorji li kienu jaġixxu f’isimhom.

15.

Il-Water Act 1989 (iktar ’il quddiem il-“WA 1989”) ipprivatizza l-industrija tal-ilma fl-Ingilterra u f’Wales, u introduċa fil-biċċa l-kbira l-istruttura applikabbli llum. Il-funzjonijiet, is-setgħat, il-proprjetajiet u l-assi l-oħra tal-awtoritajiet reġjonali tal-ilma nqasmu bejn in-National Rivers Authority [illum, wara l-Environment Act 1995 (Att dwar l-ambjent tal-1995), l-Environment Agency (Aġenzija għall-Ambjent)] u l-kumpanniji pprivatizzati l-ġodda, li suċċessivament kellhom jipprovdu s-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ fl-Ingilterra u f’Wales.

16.

Il-leġiżlazzjoni li tirregola l-ġestjoni tal-ilma fl-Ingilterra u f’Wales kienet ikkonsolidata u emendata fl-1991. Waħda mil-liġijiet prinċipali li jikkostitwixxu l-kuntest legali preżenti tal-industrija tal-ilma hija l-Water Industry Act 1991) (Att dwar l-industrija tal-ilma tal-1991; iktar ’il quddiem, il-“WIA 1991”).

b) L-istruttura korporattiva tal-kumpanniji konċessjonarji u l-ġestjoni tagħhom

17.

Skont l-Artikolu 6 tal-WIA 1991 is-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ jistgħu jiġu pprovduti biss mill-kumpanniji maħtura mis-Secretary of State (Segretarju tal-Istat) jew (attwalment) mill-OFWAT (Awtorità li tirregola s-servizzi tal-ilma) bħala konċessjonarji għall-provvista ta’ servizzi tal-ilma u/jew tad-drenaġġ f’żona speċifika tal-Ingilterra u ta’ Wales.

18.

Kumpannija b’responsabbiltà limitata biss tista’ tinħatar bħala konċessjonarja għas-servizzi tal-ilma jew tad-drenaġġ (Artikolu 6(5)). Kull kumpannija hija amministrata minn bord ta’ diretturi, li huwa responsabbli quddiem l-azzjonisti tal-kumpannija. Il-kumpanniji huma ġestiti skont il-prinċipji kummerċjali komuni, skont kif indikat fil-memorandum u fl-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħhom, bil-għan li jiġġeneraw profitti għad-distribuzzjoni tagħhom bejn l-azzjonisti fil-forma ta’ dividendi u għall-investiment mill-ġdid tagħhom fl-impriża.

19.

Il-kumpanniji huma suġġetti għall-istess regoli bħall-kumpanniji pubbliċi u privati l-oħra kollha b’responsabbiltà limitata. Dawn ma jirċievu ebda sussidju pubbliku. La deċiżjonijiet ta’ kreditu u lanqas dawk ta’ investiment ma huma imposti direttament mill-Gvern jew minn xi korp pubbliku ieħor. Lanqas is-self favur il-kumpanniji ma huwa sostnut mill-Istat. Għaldaqstant, il-finanzjament tagħhom jirriżulta mit-tariffi ffatturati lill-klijenti, mill-bejgħ ta’ azzjonijiet u ħruġ ta’ drittijiet oħra, mill-kreditu miksub fis-swieq kapitali b’rati kummerċjali komuni u minn attivitajiet kummerċjali oħra bħall-bejgħ ta’ artijiet jew ta’ assi oħra.

20.

Kull kumpannija għandha kuntratt ta’ konċessjoni (“liċenzja”) li jinkludi l-kundizzjonijiet tal-konċessjoni tas-servizz tal-provvista tal-ilma jew tas-servizz tad-drenaġġ lil kull kumpannija. Minbarra li jimponilha l-obbligi ġenerali tagħha u jagħtiha s-setgħat legali ġenerali, dan jinkludi kundizzjonijiet oħra (Artikolu 11). Dawn jistgħu jinkludu l-ħlas ta’ ċerti kwantitajiet lis-Secretary of State.

21.

Il-liċenzja tista’ tiġi rrevokata biss b’avviż minn qabel ta’ 25 sena u li għandu jkun motivat [Artikolu 195A(1)(c)]. Dan jista’ jiġi mmodifikat biss mill-OFWAT: (1) bil-kunsens tal-kumpannija affetwata, jew (2) mingħajr il-kunsens tagħha, wara rapport tal-Competition Commission (Kummissjoni tal-kompetizzjoni).

22.

L-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-liċenzja taqa’ taħt is-Secretary of State jew l-OFWAT, li jistgħu jeħtieġu lil konċessjonarju jwettaq azzjonijiet jew miżuri speċifiċi. Il-WIA 1991 jipprovdi wkoll għal sanzjonijiet finanzjarji u jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet komuni relatati max-xoljiment ta’ kumpanniji.

c) Il-funzjonijiet tal-OFWAT

23.

Il-kumpanniji huma, fil-fatt, l-uniċi fornituri lill-parti l-kbira tal-utenti tas-servizzi tagħhom fiż-żoni rispettivi ta’ konċessjoni. Għaldaqstant, is-sistema regolatorja hija intiża sabiex tikkontrolla l-prezzijiet monopolistiċi tagħhom permezz ta’ dak li huwa magħruf bħala “kompetizzjoni komparattiva”, sistema li abbażi tagħha l-prezzijiet tal-kumpaniji huma mqabbla ma’ xulxin sabiex tkun tista’ ssir evalwazzjoni ta’ kif il-prestazzjoni ta’ kull kumpannija tista’ titqabbel ma’ dik tal-kumpanniji l-iktar effiċjenti. Abbażi ta’ din l-evalwazzjoni, l-OFWAT tiddetermina kull ħames snin l-ammont massimu li kull kumpannija tista’ tiffattura lill-klijenti tagħha u l-mod ta’ kif it-tariffi tagħha għandhom jitħallsu.

24.

L-OFWAT hija meħtieġa teżerċita l-funzjonijiet regolatorji tagħha b’mod li jiġi żgurat li l-kumpanniji jkunu finanzjarjament kapaċi li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom bħala konċessjonarji għas-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ (b’mod partikolari, billi jiġi żgurat dħul raġonevoli fuq il-kapital tagħhom).

d) Setgħat u obbligi tal-konċessjonarji għas-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ

25.

Il-konċessjonarji għas-servizzi tal-ilma għandhom l-obbligu li jiżviluppaw u li jżommu sistema effiċjenti u ekonomika ta’ provvista tal-ilma fiż-żona tagħhom. Il-possibbiltà tal-konċessjonarji għas-servizzi tal-ilma li jaqtgħu lil klijenti min-netwerk tal-provvista tal-ilma hija limitata u hija suġġetta għal rekwiżiti proċedurali stretti, li l-ksur tagħhom jikkostitwixxi reat.

26.

Skont il-WIA 1991 il-konċessjonarji għas-servizzi tad-drenaġġ għandhom l-obbligi segwenti: (a) jipprovdu, itejbu u jestendu sistema ta’ drenaġġ pubbliku (kemm jekk fiż-żona tagħhom kif ukoll jekk f’żona oħra) u jnaddfu u jżommu din is-sistema ta’ drenaġġ b’mod li jiġi żgurat li jkunu osservati rekwiżiti speċifiċi ta’ sanità; (b) jilħqu ċerti livelli ta’ servizz skont il-leġiżlazzjoni; (c) jipprovdu sistemi ta drenaġġ f’postijiet fejn l-ineżistenza tagħhom għandha jew jista’ jkollha effetti negattivi fuq l-ambjent, jew jipprovdu servizz fil-każ li ma jkunux jistgħu jipprovdu netwerk pubblika ta’ sistema ta’ drenaġġ; (d) jippermettu l-konnessjoni tad-drejnijiet u tal-katusi privati man-netwerk pubblika ta’ drenaġġ tagħhom.

27.

Il-konċessjonarji għas-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ huma mogħtija numru ta’ setgħat, li f’xi każijiet huma maqsuma ma’ oħrajn, li jeċċedu dawk li normalment għandhom l-impriżi privati.

28.

Il-konċessjonarji għas-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ ma jistgħux jiddisponu mill-artijiet ta’ esplojtazzjoni tagħhom mingħajr l-awtorizzazzjoni tas-Secretary of State.

29.

Il-Water Act 2003 (iktar ’il quddiem il-“WA 2003”) impona fuq il-konċessjonarji għas-servizzi tal-ilma l-obbligu li jħejju pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma u pjanijiet ta’ nixfa.

e) Obbligi li tiġi pprovduta informazzjoni differenti minn dik inkwistjoni fil-kawża preżenti

30.

Minbarra ċerta informazzjoni li l-kumpanniji jipprovdu b’mod volontarju, huma għandhom ukoll jipprovdu ċerta informazzjoni taħt liġijiet oħra, bħal pereżempju sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni tad-data u tal-informazzjoni korporattiva.

31.

Il-kumpanniji, bħala konċessjonarji għas-servizzi tad-drenaġġ, għandhom iżommu reġistru pubbliku b’informazzjoni dwar awtorizzazzjonijiet u ftehim relatati ma’ dumping industrijali.

32.

OFWAT għandha żżomm reġistru bil-kuntratti ta’ konċessjoni kollha u bil-kundizzjonijiet korrispondenti tagħhom.

33.

Is-Secretary of State jista’ jippubblika l-informazzjoni li huwa jqis opportun relatata mal-attività tal-konċessjonarji għas-servizzi tal-ilma. L-OFWAT għandha s-setgħa tiżvela din l-informazzjoni lill-konsumaturi.

34.

Bħala regola ġenerali huwa reat li tiġi żvelata informazzjoni miksuba bis-saħħa tal-WIA 1991 relatata ma’ attivitajiet ta’ konċessjonarji speċifiċi mingħajr il-kunsens tagħhom.

35.

L-Aġenzija għall-Ambjent għandha żżomm reġistri pubbliċi tat-talbiet kollha għal awtorizzazzjoni ta’ dumping, tal-awtorizzazzjonijiet u tal-kundizzjonijiet imposti. Dan ir-reġistru għandu jinkludi informazzjoni relatata mal-kampjuni tal-iskart u tal-ilmijiet li fih dan intefa’ meħuda mill-Aġenzija għall-Ambjent u mal-analiżi tagħhom, kif ukoll l-informazzjoni kollha effettivament ipprovduta f’dan ir-rigward lill-Aġenzija għall-Ambjent mill-kumpanniji. L-informazzjoni dwar il-kampjuni għandha tiġi inkluża fir-reġistru fi żmien xahrejn. Jekk l-informazzjoni titqies li hija kummerċjalment kunfidenzjali din ma tistax tiġi rreġistrata mingħajr il-kunsens tal-kumpanniji.

36.

Il-FIA 2000 jeħtieġ li kwantità kbira ta’ informazzjoni miżmuma mill-korpi pubbliċi bħall-Aġenzija għall-Ambjent, l-OFWAT u s-Secretary of State tiġi pprovduta fuq talba minn qabel. Dan l-att ma huwiex liġi li hija intiża sabiex tittrasponi d-Direttiva 2003/4. Sa ċertu punt, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa iżgħar. L-iżvelar ta’ ċerta informazzjoni jista’ jiġi rrifjutat minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità kummerċjali. Ma hemmx dritt ta’ aċċess għal informazzjoni li kienet ġiet ipprovduta b’mod volontarju lill-korp pubbliku.

II – Il-fatti

37.

Fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, entità mingħajr skop ta’ lukru u persuna fiżika talbu aċċess għal informazzjoni miżmuma minn kumpanniji li l-awtorità nazzjonali ma qisitx bħala “awtoritajiet pubbliċi” skont id-Direttiva 2003 ( 4 ).

38.

Wara l-ftuh tal-proċess korrispondenti, id-deċiżjoni amministrattiva ġiet ikkonfermata fl-ewwel istanza. Waqt appell pendenti quddiem l-Upper Tribunal, il-kumpanniji kkonċernati finalment qablu li jipprovdu l-informazzjoni mitluba, madankollu mingħajr ma kienu jqisu li huma kienu obbligati jagħmlu dan.

39.

Irrispettivament minn dan li ntqal, l-Upper Tribunal ressqet il-preżenti talba għal deċiżjoni preliminari.

III – Id-domandi magħmula

40.

Il-formulazzjoni tad-domandi preliminari hija li ġejja:

“[L-]Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2003/4 KE

1)

Meta jiġi kkunsidrat jekk persuna fiżika jew ġuridika hijiex fost dawk li ‘jwettqu funzjonijiet amministrattivi pubbliċi skond il-liġijiet nazzjonali’, id-dritt u l-analiżi applikabbli huma purament nazzjonali?

2)

Jekk dan ma huwiex il-każ, liema huma l-kriterji tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jew ma jistgħux jintużaw sabiex ikun stabbilit:

i)

jekk il-funzjoni inkwistjoni hijiex, essenzjalment, fost il-funzjonijiet ‘amministratitvi pubbliċi’;

ii)

jekk id-dritt nazzjonali essenzjalment jagħtix tali funzjoni lil din il-persuna?

[L-]Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2003/4/KE.

3)

Xi jfisser meta persuna tkun ‘taħt il-kontroll ta’ korp jew persuna li jidħlu fil-(a) jew fil-(b)?’ B’mod partikolari, liema huma, in-natura, il-forma u l-livell ta’ kontroll meħtieġa u liema huma l-kriterji li jistgħu jew ma jistgħux jintużaw biex jiġi identifikaw tali kontroll?

4)

‘Estensjoni tal-Istat’ (fis-sens tal-paragrafu 20 tas-sentenza Foster et vs British Gas plc (Kawża C‑188/89) hija neċessarjament persuna li taqa’ taħt l-Artikolu 2(2)(c)?

[L-]Artikolu 2(2)(b) u (ċ)

5)

Meta persuna taqa’ taħt waħda minn dawn id-dispożizzjoni fir-rigward ta’ uħud mill-funzjonijiet tagħha, ta’ uħud mir-responsabbiltajiet tagħha, jew ta’ uħud mis-servizzi tagħha, l-obbligi tagħha li tipprovdi informazzjoni ambjentali huma limitati għall-informazzjoni li tirrigwarda l-funzjonijiet, ir-responsabbiltajiet u s-servizi tagħha jew dawn jestendu għall-informazzjoni ambjentali kollha, irrispettivament mill-għan ta’ din l-informazzjoni?”

41.

Fi kliem l-Imħallef tal-qorti tar-rinviju, “il-kwistjoni li għandi nirriżolvi hija jekk skont il-leġiżlazzjoni Ingliża l-kumpanniji tal-ilma humiex awtoritajiet pubbliċi għall-finijiet ta’ żvelar ta’ informazzjoni dwar l-ambjent. B’mod partikolari, nixtieq inkun naf liema huma l-kriterji li abbażi tagħhom korp huwa kklasifikat għal dan il-għan. Għalkemm il-kwistjoni tqum fir-rigward ta’ kumpanniji tal-ilma, din hija rilevanti wkoll għal setturi oħra pprivatizzati u rregolati li jipprovdu servizz li qabel kien ta’ proprjetà pubblika: l-elettriku, il-gass, is-servizzi tal-ferrovija u t-telekomunikazzjoni ( 5 )”.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

42.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Ġunju 2012.

43.

Il-partijiet fil-proċeduri prinċipali, il-Gvern Ingliż u dak Taljan u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

44.

Fis-seduta tas-16 ta’ April 2013 dehru l-partijiet fil-proċeduri prinċipali, il-Gvern Ingliż u dak Daniż kif ukoll il-Kummissjoni.

V – L-argumenti

45.

Il-kumpanniji kkonċernati jsostnu li, peress li huma pprovdew l-informazzjoni mitluba, id-domanda preliminari hija purament ipotetika u, għalhekk, inammissibbli.

46.

Fir-rigward tal-ewwel żewġ domandi, Fish Legal, E. Shirley, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni jsostnu li dawn għandhom jingħataw risposta fl-affermattiv. Insostenn tal-pożizzjoni tagħhom, u wara li enfasizzaw li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċetti stabbiliti fl-Artikolu 2(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2003/4 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi, huma jallegaw li l-kunċett ta’ “funzjonijiet amministrattivi pubbliċi” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, peress li hekk biss jista’ jiġi ggarantit l-għan tad-Direttiva 2003/4, li ma huwa xejn iktar ħlief it-tixrid estensiv u sistematiku tal-informazzjoni relatata mal-ambjent. Din l-interpretazzjoni wiesgħa tinkludi bla dubju ta’ xejn il-funzjonijiet imwettqa mill-kumpanniji tal-ilma kkonċernati, li n-natura pubblika tagħhom hija attestata kemm mill-obbligi li huma jassumu meta huma jieħdu s-servizz f’idejhom kif ukoll mis-setgħat uffiċjali li l-Istat jagħtihom sabiex iwettquhom.

47.

Għall-kuntrarju, l-Information Commissioner, il-kumpanniji kkonċernati u l-Gvern tar-Renju Unit isostnu li d-domanda ta’ jekk persuna “[twettaqx] funzjonijiet amministrattivi pubbliċi skond il-liġijiet nazzjonali” għandha tingħata risposta skont il-liġijiet nazzjonali, b’mod li ma hemmx bżonn li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari. Fl-opinjoni tagħhom, huwa ċar li l-espressjoni “skond il-liġijiet nazzjonali” għandha tinftiehem bħala li tirreferi espressament għad-dritt tal-Istati Membri, li fil-kuntest tiegħu għandhom jiġu interpretati t-tifsira u l-portata tal-kunċett “funzjonijiet amministrattivi pubbliċi”.

48.

Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandu jintuża kunċett uniformi, il-kumpanniji kkonċernati u l-Gvern Brittaniku jqisu li, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2003/4, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li l-obbligi stabbiliti fiha jikkonċernaw lill-eżekuttiv u lill-amministrazzjoni pubblika nazzjonali, li huma normalment dawk li jżommu l-informazzjoni dwar l-ambjent minħabba l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom ta’ natura pubblika. Il-kumpanniji tal-ilma, min-naħa tagħhom, ma jwettqux funzjonijiet ta’ natura pubblika. F’kull każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk, f’ċirkustanzi partikolari, korp iwettaqx funzjonijiet li jistgħu jxebhuh ma’ “awtorità pubblika”. Fil-każ inkwistjoni hemm diversi elementi li jimmilitaw favur risposta negattiva, b’mod partikolari n-natura privata u lukrattiva tal-kumpanniji tal-ilma, li anki qabel il-privatizzazzjoni tagħhom ma kellhomx setgħat eżekuttivi jew governattivi, filwaqt li l-fatt li storikament is-servizz tal-ilma kien totalment jew parzjalment ipprovdut mill-Gvern jew li dan is-servizz jibbenefika lis-soċjetà u huwa ta’ interess ġenerali huwa irrilevanti, għaliex dan fih innifsu ma jimplikax li l-provvista tas-servizz minn impriżi b’għan ta’ lukru ssir “funzjoni amministrattiva pubblika”. Fil-kuntest tas-servizz tal-ilma, l-awtoritajiet regolatorji biss (l-OFWAT u l-Aġenzija dwar l-Ambjent) iwettqu “funzjonijiet amministrattivi pubbliċi” u għaldaqstant huma suġġetti għall-obbligi tad-Direttiva 2003/4.

49.

Fir-rigward tat-tielet domanda, Fish Legal u E. Shirley jsostnu li, fid-dawl tas-setgħat mogħtija lill-kumpanniji tal-ilma mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u fid-dawl tal-livell ta’ regolazzjoni li dawn huma suġġetti għalih, dawn ma jistgħux jitqiesu bħala kumpanniji privati li jwettqu l-attività tagħhom b’mod indipendenti, iżda għall-kuntrarju dawn jaġixxu bħala awtorità pubblika. Min-naħa tagħhom l-Information Commissioner, il-kumpanniji kkonċernati u l-Gvern tar-Renju Unit jirribattu li, skont ċertu ġurisprudenza nazzjonali ( 6 ), sabiex jiġi kkonstatat li persuna hija “taħt il-kontroll” ta’ awtorità pubblika għall-għanijiet tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2003/4, in-natura, il-forma u l-grad ta’ kontroll eżerċitati fuq dik il-persuna għandhom imorru lil hinn mill-funzjonijiet assoċjati mar-regolament. Skonthom, ma hemm ebda relazzjoni ta’ kontroll jekk tinżamm l-indipendenza tal-persuna kkonċernata fir-rigward tal-mod li bih hija tassumi r-responsabbiltajiet u l-funzjonijiet tagħha u tipprovdi s-servizz. Min-naħa l-oħra, ikun hemm relazzjoni ta’ kontroll jekk l-awtorità pubblika tkun f’pożizzjoni li tiffissa l-għanijiet tagħha u l-mezzi li l-persuna kkonċernata għandha tuża sabiex tilħaq dawn l-għanijiet.

50.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern Taljan jallega li jeżisti “kontroll” skont l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2003/4, meta aspetti importanti tal-attività relatata mal-ambjent jiddependu minn deċiżjonijiet ta’ awtorità pubblika, b’mod li l-awtonomija tal-ġestjoni tal-entità titnaqqas b’mod sinjifikattiv meta mqabbla ma’ dik li kien ikollha kieku kienet topera f’kundizzjonijiet normali. Il-Gvern Daniż isostni li l-espressjoni “taħt il-kontroll” timplika l-issuġġettar għall-influwenza deċiżiva tal-awtoritajiet pubbliċi mingħajr ma jkun ta’ importanza jekk il-korp huwiex suġġett għal regoli ġuridiċi u l-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx tali sottomissjoni huma kriterji bħall-proprjetà, id-dritt għal vot, l-istatut u l-kompożizzjoni tal-grupp ta’ kontroll.

51.

Il-Kummissjoni tafferma li, kif tindika l-Gwida ta’ Implementazzjoni għall-Konvenzjoni ta’ Århus, l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva huwa applikabbli meta persuna hija kkontrollata mill-Gvern stess jew minn korp li jwettaq funzjonijiet amministrattivi pubbliċi skont il-liġijiet nazzjonali u li r-“responsabbiltajiet jew funzjonijiet pubbliċi” huma kkonferiti lilha de facto u mhux b’applikazzjoni ta’ att legali jew regolamentari. Għal din ir-raġuni, fl-opinjoni tagħha, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għad-domanda sa fejn din tirreferi għall-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk, fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-korpi kkonċernati humiex “taħt il-kontroll”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

52.

Fir-rigward tar-raba’ domanda E. Shirley tallega li jkun inkompatibbli mal-għan u mal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/4 li jiġu esklużi kumpanniji li l-qorti nazzjonali ( 7 ) diġà ddeċidiet li jikkostitwixxu “estensjonijiet tal-Istat” skont is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster ( 8 ). Min-naħa tagħhom l-Information Commissioner, il-kumpanniji kkonċernati u l-Gvern tar-Renju Unit isostnu li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “estensjonijiet tal-Istat” ma hijiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2003/4. Fl-opinjoni tagħhom, din id-dispożizzjoni tkopri kunċett iktar restrittiv, li jikkostitwixxi xorta ta’ lex specialis li tippreċiża l-korpi “taħt kontroll” li għandhom jiġu ttrattati bħala parti mill-Istat. Kemm in-natura kumplessa tal-kunċett ta’ awtorità pubblika użat fid-Direttiva 2003/4 kif ukoll ir-riferiment fl-Artikolu 2(2)(b) għal-liġijiet nazzjonali juru li l-leġiżlatur tal-Unjoni evita intenzjonalment il-kunċett ta’ “estensjoni tal-Istat”; kunċett li barra minn hekk huwa awtonomu u ma jinsabx fil-Konvenzjoni ta’ Århus, li diversi Stati terzi jifformaw parti minnha. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tafferma li mir-risposti tagħha għad-domandi 2 u 3 tagħha jirriżulta li meta s-setgħat speċjali li jirreferi għalihom il-punt 20 tas-sentenza Foster huma bbażati fuq bażi ġuridika formali, l-Artikolu 2(2)(b) huwa applikabbli, filwaqt li fil-każ ta’ setgħat mogħtija de facto huwa l-Artikolu 2(2)(ċ) tal-istess direttiva li huwa applikabbli.

53.

Fir-rigward tal-ħames u tal-aħħar domanda preliminari, Fish Legal, E. Shirley, il-kumpanniji kkonċernati u l-Gvern Taljan ma jaqblux ma’ soluzzjoni “ibrida”, peress li jekk persuna tissodisfa l-profil tal-Artikolu 2(2)(a) jew (b) tad-Direttiva 2003/4 u l-informazzjoni mitluba tikkonforma mal-kunċett ta’ “tagħrif dwar l-ambjent”, l-informazzjoni kollha kkonċernata għandha tiġi pprovduta, irrispettivament mill-għan li għalih din hija miżmuma. Soluzzjoni oħra tirrendi iktar diffiċli l-applikazzjoni tad-Direttiva, li, min-naħa l-oħra, tikkontempla biss il-possibbiltà li jiġu esklużi l-awtoritajiet ġudizzjarji jew leġiżlattivi. L-Information Commissioner u l-Gvern Brittaniku jaffermaw li s-soluzzjoni deskritta fil-ħames domanda għandha tiġi adottata jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li korp ta’ natura essenzjalment privata jista’ jkun awtorità pubblika skont id-Direttiva 2003/4. Il-Kummissjoni, fl-aħħar nett, issostni li jekk korp huwa kkunsidrat awtorità pubblika biss minħabba l-funzjonijiet eċċezzjonali fdati lilu, xejn ma jiġġustifika li dan jiġi ttrattat bħala awtorità meta huwa ma jaġixxix fl-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet.

VI – Evalwazzjoni

A – Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

54.

Hekk kif diġà ġie indikat, il-kumpanniji kkonċernati finalment aċċettaw li jipprovdu l-informazzjoni li ġiet mitluba lilhom. Għaldaqstant, fil-prinċipju, jista’ jiġi sostnut li t-talba sostantiva mressqa fil-proċeduri prinċipali ntlaqgħet barra mill-kuntest ta’ dawn il-proċeduri. Din hija l-opinjoni tal-kumpanniji kkonċernati, li skonthom it-talba għal deċiżjoni preliminari issa hija biss ta’ natura ipotetika u għaldaqstant għandha tiġi ddikjarata invalida.

55.

Fl-opinjoni tiegħi, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tilfitx l-iskop tagħha.

56.

Bla dubju ta’ xejn, ma hemm ebda talba pendenti għal kumpens ibbażata fuq id-dannu kkawżat mir-rifjut inizjali tal-kumpanniji kkonċernati, b’mod li ma hemmx, b’dan il-mod indirett, interess awtonomu li tingħata risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, is-sempliċi affermazzjoni tal-Upper Tribunal li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun utli għaliha sabiex tiddeċiedi kawżi simili ( 9 ) ma tidhirx li fiha nnifisha hija biżżejjed sabiex jitqies li effettivament hemm kwistjoni pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

57.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu biss jitfakkar li “l-ġustifikazzjoni għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex li dan jippermetti li jingħataw opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi iżda li dan huwa neċessarju għar-riżoluzzjoni effettiva ta’ tilwima ( 10 )”.

58.

Madankollu, kif tindika l-qorti tar-rinviju fil-punt 3 tad-digriet tar-rinviju tagħha, anki jekk l-informazzjoni mitluba finalment ingħatat b’mod volontarju, jibqa’ li jiġi ddeterminat jekk il-kumpanniji kkonċernati kinux f’kull każ obbligati li jipprovduha u jekk, barra minn hekk, huma kellhomx jagħmlu dan fit-terminu stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li kien diġà skada meta huma aċċettaw li jiżvelawha.

59.

Fil-fatt, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-għan veru tal-proċeduri fil-kawża prinċipali huwa r-rifjut tal-amministrazzjoni li tqis lill-kumpanniji kkonċernati bħala “awtoritajiet pubbliċi” u, bħala tali, obbligati jipprovdu l-informazzjoni mitluba f’terminu speċifiku. Dan il-punt ma ġiex riżolt permezz tal-għoti volontarju tal-informazzjoni, peress li l-punt inkwistjoni fil-proċeduri fil-kawża prinċipali huwa speċifikament jekk dan l-għoti fil-fatt jikkostitwixxix is-suġġett ta’ dmir li jista’ jiġi infurzat kontra l-kumpanniji kkonċernati, jew jekk, għall-kuntrarju, dan l-għoti huwiex att li jiddependi mir-rieda tagħhom biss.

60.

Huwa biss ladarba din il-kwistjoni tkun riżolta li jkun possibbli li jiġi kklassifikat ġuridikament l-aġir tal-kumpanniji kkonċernati u li għaldaqstant jiġi konkluż jekk huma eżerċitawx libertà jew, għall-kuntrarju, naqsu milli jwettqu l-obbligu li jipprovdu informazzjoni f’terminu speċifiku.

61.

Madankollu, is-sussistenza tas-suġġett tat-tilwima ma hijiex iġġustifikata biss mill-fatt li din il-kwistjoni ta’ klassifikazzjoni ġuridika għadha pendenti. Fir-realtà, il-verità hija li lanqas ma jista’ jiġi ġustament affermat li t-talbiet ta’ Fish Legal u ta’ E. Shirley intlaqgħu barra mill-kuntest tal-proċeduri prinċipali. Dan huwa għaliex dak li huwa mitlub ma huwiex biss l-aċċess għal informazzjoni speċifika, iżda l-aċċess għal din l-informazzjoni f’terminu speċifiku, jiġifieri: dak li fih il-kumpanniji kkonċernati kien imisshom ipprovdewlhom din l-informazzjoni bħala “awtoritajiet pubbliċi” fis-sens tad-Direttiva 2003/4. Peress li huwa stabbilit li l-informazzjoni ma ġietx ipprovduta f’dan it-terminu, huwa evidenti li, fir-rigward ta’ dan il-punt, it-talba ta’ Fish Legali u ta’ E. Shirley ma ġietx sodisfatta barra mill-proċeduri prinċipali. Sabiex jiġi stabbilit jekk it-talba tagħhom hijiex leġittima, huwa neċessarju li l-ewwel nett jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni neċessarja għall-fondatezza tagħha hijiex sodisfatta, jiġifieri jekk il-kumpanniji kkonċernati kinux obbligati jipprovdu d-dokumentazzjoni f’terminu speċifiku u mhux meta huma effettivament għamlu dan. Għal dan il-għan, huwa indispensabbli li jsir definittivament magħruf jekk dawn għandhomx jitqiesu bħala “awtoritajiet pubbliċi” fis-sens tad-Direttiva 2003/4.

62.

Fil-każ ta’ risposta affermattiva, l-għoti ta’ informazzjoni ma jkunx evita t-twettiq ta’ aġir illegali li jwassal għal konsegwenzi li n-natura u l-portata tagħhom għandhom, skont il-każ, jiġu ddeterminati mill-qorti tar-rinviju, li madankollu tista’ tiddeċiedi biss jekk hija l-ewwel tikseb mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja r-risposta mitluba, peress li l-eventwali aġir illegali tal-kumpanniji kkonċernati jiddependi minn jekk humiex ikkunsidrati jew le bħala “awtoritajiet pubbliċi” fis-sens tad-Direttiva 2003/4, kwistjoni li hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li tista’ tiddeċiedi.

63.

Fil-qosor, inqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma hija vvizzjata b’ebda motiv ta’ inammissibbiltà.

B – L-ewwel domanda

64.

L-ewwel domanda tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva u tistaqsi jekk il-kunċett ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li “jwettqu funzjonijiet amministrattivi pubbliċi skond il-liġijiet nazzjonali” għandux jiġi stabbilit b’riferiment biss għal-liġijiet nazzjonali jew abbażi tad-dritt tal-UE.

65.

Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għal din l-ewwel domanda teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni ż-żewġ dimensjonijiet li, fl-opinjoni tiegħi, jaqa’ taħthom l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2003/4. Minn naħa, id-dimensjoni relatata mal-kunċett imsejjaħ “funzjonijiet amministrattivi pubbliċi”. Min-naħa l-oħra, dak relatat mal-identifikazzjoni tal-persuni awtorizzati “jwettqu” dawn il-funzjonijiet.

66.

Fir-rigward tal-kunċett, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li, skont il-kliem tas-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012 Flachglas Torgau ( 11 ), li tirreferi wkoll għad-Direttiva 2003/4, “kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit is-sens u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni”.

67.

Għaldaqstant, jidher ċar li hemm bżonn li jiġi ddefinit kunċett awtonomu tal-kategorija “funzjonijiet amministrattivi pubbliċi”. Kif huwa komuni fid-dritt tal-Unjoni, l-użu ta’ kategoriji intiżi sabiex japplikaw fi 28 sistema legali nazzjonali huwa possibbli biss sa fejn dawn il-kategoriji huma ridotti għal kunċett unitarju u uniformi għall-Istati Membri kollha.

68.

Ċertament il-kunċett ikkonċernat ma huwiex biss rilevanti fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, iżda jidħol fil-kuntest ta’ konvenzjoni internazzjonali, il-Konvenzjoni ta’ Århus, li hija vinkolanti għall-Unjoni u li abbażi tagħha għandha tiġi interpretata d-Direttiva 2003/4. Ovvjament din id-direttiva ma hijiex determinanti għall-interpretazzjoni tas-sens tal-Konvenzjoni ta’ Århus, iżda hija determinanti sabiex tiġi ggarantita l-osservanza, mill-Unjoni, tal-obbligi tagħha b’rabta ma’ din il-konvenzjoni, għaliex hija tista’ tissodisfahom biss jekk hija tista’ tiggarantixxi, fil-qasam tal-Unjoni Ewropea, li l-kunċett ta’ “persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jwettqu funzjonijiet amministrattivi pubbliċi skont il-liġijiet nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] imsemmi fl-Artikolu 2(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, ikun uniformi fl-Istati Membri kollha.

69.

Il-fatt li l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2003/4 jirreferi għal-liġijiet nazzjonali bħala bażi għat-twettiq tal-“funzjonijiet amministrattivi pubbliċi” jista’ jissuġġerixxi — kif jargumentaw l-Information Commissioner, il-kumpanniji kkonċernati u l-Gvern Brittaniku — li l-kunċett inkwistjoni għandu jiġi ddefinit abbażi ta’ kull sistema legali nazzjonali.

70.

Madankollu, ma naħsibx li dan huwa l-każ. Ir-raġuni għal dan tirriżulta mit-tieni dimensjoni msemmija fil-punt 65 iktar ’il fuq. Fil-fatt, id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq hija bbażata fuq kunċett ta’ “funzjonijiet amministrattivi pubbliċi” li, għar-raġunijiet imsemmija, jista’ jkun biss kunċett komuni u maqsum u, għaldaqstant, kunċett tal-Unjoni. Madankollu, skont il-prinċipju ta’ awtonomija istituzzjonali, id-dritt tal-Unjoni ma jistax jiddetermina liema persuni jew istituzzjonijiet konkretament iwettqu dawn il-funzjonijiet f’kull Stat Membru. Huwa għal din ir-raġuni, u għal ebda raġuni oħra, li l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2003/4 jipprovdi li għandhom ikunu l-liġijiet nazzjonali li għandhom jiddeterminaw, skont il-każ, min iwettaq “funzjonijiet amministrattivi pubbliċi” barra mill-awtoritajiet pubbliċi fis-sens strett u formali [jiġifieri barra mill-każ previst fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva], filwaqt li huwa d-dritt tal-Unjoni biss li għandu jistabbilixxi liema huma dawn il-“funzjonijiet” u f’hiex dawn jikkonsistu. Għaldaqstant, peress li ċerti funzjonijiet huma ddefiniti taħt id-dritt tal-Unjoni, bħala “funzjonijiet amministrattivi pubbliċi”, għandu sussegwentement jiġi ddeterminat, skont il-liġijiet nazzjonali, liema korpi, barra l-awtoritajiet Statali fis-sens strett, jistgħu eventwalment iwettqu tali funzjonijiet u għaldaqstant jaqgħu taħt l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2003/4.

71.

Għaldaqstant, bħala l-ewwel konklużjoni intermedja, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li l-kunċett ta’ persuna fiżika jew ġuridika li “[twettaq] funzjonijiet amministrattivi pubbliċi skond il-liġijiet nazzjonali” għandu jiġi stabbilit b’riferiment biss għad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “funzjonijiet amministrattivi pubbliċi”, filwaqt li huma l-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw liema persuni fiżiċi u ġuridiċi, fil-każ li dan huwa previst, huma awtorizzati jwettqu tali funzjonijiet.

C – It-tieni domanda

72.

Ladarba dan ġie stabbilit, huwa neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula, u għaldaqstant li jiġi stabbilit, fit-termini mitluba mill-Upper Tribunal, liema kriterji tad-dritt tal-Unjoni huma rilevanti sabiex (A) funzjoni tiġi ddefinita bħala funzjoni “amministrattiva pubblika” u (B) jiġi ddeterminat jekk il-liġi nazzjonali verament ikkonferixxietx tali funzjoni lil persuna fiżika jew ġuridika speċifika.

73.

Fi kliem ieħor issa għandu jiġi ppreċiżat, skont id-dritt tal-Unjoni, il-kunċett ta’ “funzjonijiet amministrattivi pubbliċi” sabiex sussegwentement jiġi ddeterminat liema huma l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jitqies li, skont il-liġi nazzjonali, it-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet ġie fdat lil persuna fiżika jew ġuridika partikolari.

1. Il-kriterji għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “funzjoni amministrattiva pubblika”

74.

Fil-kuntest tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4, il-kunċett ta’ “funzjoni amministrattiva pubblika” huwa sempliċement ekwivalenti għal dak ta’ “awtorità pubblika”. Fl-opinjoni tiegħi dan jirriżulta minn żewġ ċirkustanzi. L-ewwel mill-fatt li l-idea ta’ “funzjoni amministrattiva pubblika” hija użata fid-dispożizzjoni bħala element ewlieni għad-definizzjoni tal-kunċett ġeneriku ta’ “awtorità pubblika”. It-tieni, u fuq kollox, mill-eċċezzjoni stabbilita fis-subparagrafu li jsegwi l-Artikolu 2(2)(ċ), li jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jeskludu mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “awtorità pubblika”“korpi jew istituzzjonijiet [...] [li] jaġixxu f’kapaċità ġudizzjali jew leġislattiva”.

75.

Din il-possibbiltà ta’ esklużjoni, fl-opinjoni tiegħi tfisser li l-idea ta’ “funzjoni amministrattiva pubblika” ma tirreferix strettament għall-istituzzjonijiet amministrattivi jew eżekuttivi fil-veru sens tal-kelma, iżda, b’mod ġenerali, għas-setgħa pubblika nazzjonali fl-intier tagħha. B’dan il-mod biss jagħmel sens li jkun possibbli li jiġu esklużi mid-definizzjoni ta’ “awtorità pubblika” l-istituzzjonijiet li jwettqu funzjonijiet ġudizzjarji jew leġiżlattivi; fi kliem ieħor, funzjonijiet ta’ awtorità pubblika għajr dawk proprji għall-amministrazzjoni stricto sensu ( 12 ).

76.

Dan li jippreċedi jqiegħed il-problema li għandha tiġi riżolta f’dan il-każ f’dimensjoni konkreta ħafna, għaliex, kuntrarjament, pereżempju, għall-każijiet imsemmija fis-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012 Solvay et ( 13 ), u f’dik mogħtija fil-kawża Flachglas Torgau, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex f’dan il-każ tiddetermina jekk att li jinvolvi l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika jistax jaqa’ taħt il-kategorija tal-leġiżlazzjoni u għaldaqstant jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista mid-Direttiva 2003/4, iżda biss tiddetermina x’jikkostitwixxi l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika tout court, mingħajr, għaldaqstant, ma tirreferi għal possibbli eċċezzjonijiet ( 14 ).

77.

Dan ma jirrendix il-kwistjoni inqas kumplessa, għaliex, bħal fil-każ ta’ kategoriji bażiċi oħra, id-definizzjoni ta’ “awtorità pubblika” hija, għal tal-inqas, diffiċli u kontroversjali. Madankollu, għall-finijiet ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, huwa neċessarju li tinstab definizzjoni ta’ “funzjonijiet amministrattivi pubbliċi” li hija adatta fil-kuntest tad-Direttiva 2003/4.

78.

Dan l-approċċ fl-opinjoni tiegħi jwassalna għad-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja minn wara s-sentenza Foster, u għaldaqstant għal definizzjoni tal-funzjonijiet inqas restrittiva minn dik użata, pereżempju, fil-ġurisprudenza dwar l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika bħala eċċezzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 51 TFUE) ( 15 ).

79.

F’dan il-kuntest preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja użat kunċett stabbilit abbażi ta’ distinzjoni bejn l-“awtorità pubblika” u l-“awtorità privata”, ibbażata b’mod partikolari fuq id-differenza fl-importanza tar-ridiet li kull waħda minn dawn l-awtoritajiet isservi għat-twettiq tagħhom.

80.

Kif indikat, dan l-approċċ jinsab fis-sentenza Foster, li fiha huwa affermat li “korp li, irrispettivament mill-forma legali tiegħu, ġie inkarigat, permezz ta’ att tal-Istat, jipprovdi, taħt il-kontroll ta’ din tal-aħħar, servizz ta’ interess pubbliku u li għal dan il-għan għandu setgħat speċjali lil hinn minn dawk li jirriżultaw mir-regoli normali applikabbli f’relazzjonijiet bejn individwi huwa f’kull każ inkluż fost il-korpi li kontrihom jistgħu jintużaw id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jistgħu jkollhom effett dirett ( 16 )”.

81.

Jekk hemm xi ħaġa li fil-fatt tikkaratterizza l-“awtorità pubblika”, hija l-kapaċità tal-persuni li għandhom din l-awtorità li jimponu r-rieda tagħhom b’mod unilaterali. Filwaqt li awtorità pubblika tista’ timponi r-rieda tagħha b’mod unilaterali, jiġifieri, mingħajr il-bżonn tal-kunsens tal-persuna li għandha tali obbligu, individwu, għall-kuntrarju, jista’ jimponi r-rieda tiegħu biss jekk ikun hemm tali kunsens.

82.

Evidentement, din il-kunsiderazzjoni għandha dejjem issir fil-kuntest ta’ Stat taħt l-istat tad-dritt, irregolat mill-prinċipju demokratiku u li huwa suġġett għall-ġurisdizzjoni tal-qrati. Madankollu, dak li huwa importanti għalina huwa li l-atti ta’ awtorità pubblika, għalkemm suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, igawdu per se minn forza eżekuttiva immedjata u awtonoma, b’kuntrast mal-atti tal-individwi, li dejjem jeħtieġu l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi sabiex jiġu imposti fil-każ li ma jingħatax il-kunsens ta’ dawk li jkunu kkonċernati minn dawn l-atti ( 17 ).

83.

Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nemmen li, għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri, jista’ jiġi konkluż li, dejjem fil-kuntest tad-Direttiva 2003/4, “funzjoni amministrattiva pubblika” inkwantu ekwivalenti għal “awtorità pubblika” u bla ħsara għal eċċezzjonijiet leġiżlattivi u ġudizzjarji possibbli — li ma humiex rilevanti f’dan il-każ — hija dik li permezz tagħha, rieda hija imposta fuq l-individwi li l-effettività immedjata tagħha, minkejja li hija suġġetta għal stħarriġ, ma teħtieġx il-kunsens tagħhom.

84.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kumpanniji kkonċernati jeżerċitawx awtorità ta’ dan it-tip. Jiġifieri, jekk matul il-ġestjoni tas-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ huma jistgħu jimponu fuq l-individwi obbligi li fir-rigward tagħhom, huma ma jeħtieġux il-kunsens tagħhom, irrispettivament minn jekk l-individwi kkonċernati jistgħux jikkontestaw dawn l-obbligi quddiem il-qrati. Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk il-kumpanniji kkonċernati humiex f’pożizzjoni sostanzjalment ekwivalenti għal dik tal-awtoritajiet amministrattivi.

85.

Madankollu, u għall-finijiet li l-qorti tar-rinviju tingħata gwida li tista’ tkun utli għaliha, għandu jiġi enfasizzat li huwa importanti li, b’mod partikolari, jiġi stabbilit jekk il-kumpanniji kkonċernati għandhomx, sa ċertu punt, setgħat ta’ esproprjazzjoni, setgħat ta’ aċċess għal proprjetà privata, setgħat li jimponu sanzjonijiet u, b’mod ġenerali, setgħat ta’ infurzar fir-rigward ta’ individwi, irrispettivament mill-fatt li fl-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat huma wkoll suġġetti — kif l-awtoritajiet pubbliċi stricto sensu dejjem huma — għall-istħarriġ tal-qrati.

2. Kriterji għall-evalwazzjoni ta’ jekk individwi ġewx fdati bit-twettiq ta’ “funzjoni amministrattiva pubblika”

86.

Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda l-qorti tar-rinviju tistaqsi liema kriterji jistgħu jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat jekk il-liġi nazzjonali kkonferixxietx l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika lil persuna fiżika jew ġuridika, dejjem fil-kuntest tad-Direttiva 2003/4.

87.

Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għal din it-tieni parti tad-domanda hija mogħtija mill-istruttura stess tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4. Suċċessivament, din id-dispożizzjoni tirreferi, fil-punt (a) għall-“amministrazzjoni governattiva jew amministrazzjoni oħra pubblika, inklużi l-korpi pubbliċi konsultattivi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali”, jiġifieri, għall-awtorità pubblika fis-sens strett u formali, inkluż, għar-raġunijiet li tajt fil-punt 75 iktar ’il fuq, il-ġudikatura u l-leġiżlatura. Minn naħa tiegħu, il-punt (b) jirreferi għal “kull persuna naturali [fiżika] jew legali [ġuridika] li jwettqu funzjonijiet amministrattivi pubbliċi skond il-liġijiet nazzjonali”. Fl-opinjoni tiegħi, dawn huma l-persuni jew il-korpi li lilhom il-liġi nazzjonali, fejn meħtieġ, ikkonferixxiet, b’mod espliċitu u formali, l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika ( 18 ), b’kuntrast, għaldaqstant, mal-każ imsemmi fil-punt (ċ) li jirreferi għal persuni li jassumu responsabbiltajiet jew funzjonijiet pubbliċi jew li jipprovdu servizzi pubbliċi “taħt il-kontroll” jew tal-awtoritajiet pubbliċi stricto sensu kif imsemmi fil-punt (a) jew ta’ persuna fiżika jew ġuridika investita b’awtorità pubblika fis-sens tal-punt (b). Kif ser naraw, din it-tielet u l-aħħar possibbiltà msemmija fil-punt (ċ) iddaħħalna fit-territorju tad-delegazzjonijiet ta’ awtorità informali, impliċiti jew indiretti.

88.

Għaldaqstant nemmen li sabiex jiġi ddeterminat jekk il-liġi ta’ Stat Membru kkonferixxietx lil individwu responsabbiltà għat-twettiq ta’ “funzjoni amministrattiva pubblika” fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4, għandu jiġi eżaminat jekk hemmx att ġuridiku formali u espliċitu li jikkonferixxi setgħat uffiċjali. Fin-nuqqas ta’ att li jattribwixxi dawn is-setgħat, u peress li għaldaqstant ġie eskluż li qegħdin nittrattaw ma’ wieħed mill-każijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk nistgħux inkunu qegħdin nittrattaw mal-każ imsemmi fil-punt (ċ), fatt li jwassalna għat-tielet domanda magħmula mill-Upper Tribunal.

89.

Għaldaqstant, bħala konklużjoni intermedja, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda fis-sens li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kumpanniji kkonċernati jistgħux, bis-saħħa ta’ att ġuridiku formali u espliċitu li jikkonferixxi setgħat uffiċjali, jimponu fuq l-individwi obbligi li fir-rigward tagħhom huma ma jeħtieġux il-kunsens tagħhom, bir-riżultat li huma f’pożizzjoni sostanzjalment ekwivalenti għal dik tal-awtoritajiet amministrattivi.

D – It-tielet u r-raba’ domandi

90.

Issa għandu jiġi ddeterminat f’liema każijiet hemm lok li jitqies li persuna fiżika jew ġuridika li ma hijiex awtorità pubblika fis-sens strett [Artikolu 2(2)(a)] u li ma twettaqx “funzjonijiet amministrattivi pubbliċi” bis-saħħa ta’ att formali u espliċitu li jikkonferixxi setgħat uffiċjali [Artikolu 2(2)(b)] għandha “responsabbiltajiet jew funzjonijiet pubbliċi, jew [... tipprovdi] servizzi pubbliċi, li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent taħt il-kontroll” tal-awtorità pubblika stricto sensu jew ta’ persuna fiżika jew ġuridika li twettaq “funzjonijiet amministrattivi pubbliċi”. Fil-qosor din hija d-domanda magħmula permezz tat-tielet u tar-raba’ domandi, li jistaqsu dwar meta persuna tinsab “taħt il-kontroll” ta’ wieħed mill-korpi msemmija fl-Artikolu 2(2)(a) u (b), (it-tielet domanda) u jekk persuna f’dawn il-kundizzjonijiet tistax titqies li hija “estensjoni tal-Istat” fis-sens tas-sentenza Foster (ir-raba’ domanda).

91.

Permezz ta’ din id-dispożizzjoni, id-Direttiva 2003/4 tixtieq, fl-opinjoni tiegħi, teżawrixxi l-possibbiltajiet kollha ta’ identifikazzjoni tad-detenturi — ewlenin, sekondarji jew ċirkustanzjali — ta’ awtorità pubblika sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet li l-leġiżlatur tal-UE ried jilħaq, jiġifieri, fost oħrajn, “parteċipazzjoni iktar effettiva mill-pubbliku fit-tiswir tad-deċiżjonijie[t] ( 19 )” jew il-garanzija li “kull persuna naturali [fiżika] jew legali [ġuridika] jkollha dritt għall-aċċess tat-tagħrif dwar l-ambjent għand l-awtoritajiet pubbliċi jew miżmum għalihom mingħajr ma jkollhom għalfejn jiddikjaraw interess ( 20 )”.

92.

Fil-qosor, hija kwistjoni tat-tressiq tal-awtorità tal-Unjoni sal-limiti tagħha, billi jitneħħew id-diffikultajiet li jirriżultaw mill-assenza ta’ effett dirett tad-direttivi fir-relazzjonijiet bejn l-individwi. Fi kliem ieħor, hija kwistjoni li tiġi identifikata s-setgħa pubblika fejn din sostanzjalment teżisti u li din effettivament issir suġġetta għar-rekwiżiti li jinsabu fid-Direttiva 2003/4.

93.

Dan huwa l-ispirtu tal-ġurisprudenza li fuqha hija bbażata s-sentenza Foster, iċċitata iktar ’il fuq, li skontha, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Van Gervan fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati f’din il-kawża, “kull darba li, fid-dawl tal-għan sottostanti, il-kunċett ta’ ‘Stat’ huwa interpretat b’mod wiesa’, isir riferiment għall-kriterju ta’ kontroll attwali, ta’ influwenza dominati u għall-possibbiltà min-naħa tal-awtoritajiet li jagħtu istruzzjonijiet vinkolanti, irrispettivament mill-mod ta’ kif dan isir [permezz tal-proprjetà, tal-parteċipazzjoni finanzjarja, tas-subordinanza amministrattiva jew permezz ta’ dispożizzjonijiet legali] ( 21 )”.

94.

Dan il-kriterju huwa dak li d-Direttiva 2003/4 fformalizzat fl-Artikolu 2(2)(ċ), billi tirreferi għall-każ ta’ persuni jew korpi li għandhom responsabbiltajiet jew funzjonijiet pubbliċi jew li jipprovdu servizzi pubbliċi “taħt il-kontroll ta’ korp jew persuna li jidħlu fil-(a) jew fil-(b) ( 22 )”, fi kliem ieħor, taħt il-kontroll tal-Istat fis-sens strett (punt (a)) jew ta’ persuna privata li formalment ġiet awtorizzata teżerċita awtorità pubblika (punt (b)).

95.

Għaldaqstant, u għal darb’oħra fi kliem l-Avukat Ġenerali van Gerven, “wieħed dejjem jitlaq mill-idea li fil-bażi hemm element ta’ awtorità pubblika [...] li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, tittrażmetti, permezz tal-kontroll jew tal-influwenza li hija teżerċità, ‘in-natura ta’ awtorità pubblika tagħha” lil korpi jew atti oħra, anki meta dawn huma rregolati mid-dritt privat ( 23 )”.

96.

Sabiex jiġi kkonkretizzat is-sens tal-espressjoni “taħt il-kontroll ta’ korp jew persuna li jidħlu fil-(a) jew fil-(b)”, inqis li, f’dik il-frażi, il-leġiżlatur tal-Unjoni qiegħed jirreferi għal xi ħaġa oħra għajr għall-pożizzjoni ta’ kontroll li, bħala regola ġenerali, l-awtoritajiet pubbliċi jgawdu minnha meta jirregolaw attivitajiet imwettqa minn individwi. Fl-opinjoni tiegħi, ma aħniex qed nittrattaw hawnhekk mas-sitwazzjoni ġenerali ta’ ssuġġettar, ta’ subordinanza jew ta’ dipendenza li fiha jinsab kull individwu li jeżerċita attività kkontrollata jew irregolata mill-Istat. Din l-espressjoni iktar tirreferi għal dipendenza jew għal subordinanza speċifika, li b’riżultat tagħhom individwu ma huwiex sempliċement obbligat jaġixxi fil-kuntest tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi, iżda pjuttost huma l-awtoritajiet pubbliċi li fil-fatt jiddefinixxu l-aġir tiegħu.

97.

Fi kliem ieħor, l-awtorità regolatorja sempliċement tiddelimita l-ambitu ta’ dak li huwa possibbli għal rieda libera u awtonoma, jiġifieri, għal individwu fis-sens strett, prinċipalment, dak li jeżerċita liberament attività fil-kuntest iddefinit mill-awtoritajiet pubbliċi. Għall-kuntrarju, il-persuna li taġixxi taħt il-kontroll tal-awtorità pubblika ma hijiex libera. Fir-realtà, hija l-awtorità pubblika li taġixxi u li timmanifesta ruħha permezz tal-persuna li taġixxi taħt il-kontroll tagħha.

98.

F’dan ir-rigward, huwa possibbli li jsir riferiment, b’mod figurattiv u skont is-sentenza Foster, iċċitata iktar ’il fuq, għal “estensjoni tal-Istat”. Madankollu ma nemminx li t-tifsira ta’ din l-espressjoni tiġġustifika r-raba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li hija stess tirrikonoxxi li għamlitha “mingħajr ħafna entużjażmu kbir ( 24 )”. Fl-opinjoni tiegħi huwa ċar li persuna koperta mill-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2003/4 tista’ tiġi kklassifikata bħala “estensjoni tal-Istat” jekk dan ifisser li l-issuġġettar tagħha għall-awtoritajiet pubbliċi huwa tali li, fl-aħħar mill-aħħar, l-aġir tagħha huwa, fil-fatt, dak tal-awtoritajiet pubbliċi stess. F’kull każ, xorta jibqa’ l-fatt li din hija espressjoni li turi relazzjoni kkaratterizzata minn issuġġettar u minn dipendenza, u dan huwa li fil-fatt huwa importanti.

99.

Bħala “estensjoni tal-Istat”, il-persuna fiżika jew ġuridika koperta mill-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2003/4, hija identifikata, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, mal-Istat innifsu [Artikolu 2(2)(a)] jew ma’ dawk li, formalment awtorizzati mill-Istat, jeżerċitaw awtorità pubblika [Artikolu 2(2)(b)], b’mod li, bħala tali, hija marbuta bid-dmir li tipprovdi aċċess għall-informazzjoni ambjentali li hija għandha.

100.

F’dan ir-rigward, huwa neċessarju li ssir preċiżazzjoni, fis-sens li, għalkemm tista’ tiġi kklassifikata bħala “estensjoni tal-Istat”, il-persuna fiżika jew ġuridika koperta mill-Artikolu 2(2)(ċ) tkompli tkun individwu għall-effetti kollha. Dan ifisser li, b’differenza għall-Istat stricto sensu u għall-korpi koperti mill-Artikolu 2(2)(b), hija ma teżerċitax awtorità pubblika, fis-sens li hija ma tistax timponi b’mod unilaterali r-rieda tagħha fuq individwi oħra. Madankollu, sa fejn l-Istat jaġixxi permezz tagħha, hija neċessarjament taqa’ taħt il-kunċett ta’ awtorità pubblika stabbilit mid-Direttiva 2003/4.

101.

Ċertament, l-Istat imbagħad jaġixxi bħala individwu, mingħajr l-imperium li huwa għandu bħala detentur ewlieni ta’ awtorità pubblika. Madankollu, dan ma jfissirx li huwa jieqaf milli jkun l-Istat u ma hemm xejn li jiġġustifika l-esklużjoni tiegħu f’dan il-każ mill-kunċett formali użat fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva, peress li huwa ċar li l-Istat jista’ wkoll jaġixxi waħdu fil-qasam tar-relazzjonijiet privati bħala sempliċi individwu. Ir-raġunijiet li, kif rajna, jimmilitaw favur interpretazzjoni wiesgħa u sostantiva tal-kunċett ta’ “Stat” jimmilitaw ukoll favur interpretazzjoni purament formali jekk, kif inhuwa l-każ hawnhekk, bis-sempliċi riferiment għall-Istat bħala individwu u irrispettivament min-natura pubblika jew privata tal-atti tiegħu, l-aħjar kundizzjonijiet għall-ilħiq effettiv tal-għanijiet tad-Direttiva 2003/4 huma ggarantiti.

102.

Għaldaqstant, jekk l-individwi li jeżerċitaw awtorità pubblika permezz ta’ delega espressa ta’ awtorità [Artikolu 2(2)(b)] jistgħu figurattivament jingħadu li “huma” Stat fis-sens li huma jeżerċitaw fuq individwi oħra setgħat uffiċjali, l-individwi li, minħabba li jinsabu taħt il-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi (ewlieni jew sekondarju), isiru strument tal-azzjoni sine imperio tal-Istat fil-qasam tar-relazzjonijiet privati; huma wkoll “Stat”, anki jekk huma jaġixxu biss bħala individwi, sempliċement għaliex, fl-aħħar mill-aħħar, l-aġir tagħhom jista’ jiġi intraċċat lura għar-rieda tal-Istat innifsu, li huwa wkoll imdorri jintervjeni fil-qasam tar-relazzjonijiet privati bħala sempliċi individwu.

103.

Fil-qosor, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jistgħu jinġabru fil-qosor bħala li jesprimu l-idea li l-Artikolu 2(2)(b) jirreferi għal individwi li, permezz ta’ delega formali u espressa, jeżerċitaw b’ċertu grad ta’ awtonomija ċerti setgħat uffiċjali, filwaqt li l-Artikolu 2(2)(ċ) jikkonċerna l-individwi li, imċaħħda minn awtonomija sostantiva, huma strument tal-Istat għall-finijiet tal-azzjonijiet ta’ dan tal-aħħar fil-qasam tar-relazzjonijiet privati bħala sempliċi individwu. Għaldaqstant, iż-żewġ każijiet jinvolvu l-Istat, jew għaliex individwu jeżerċita awtorità pubblika mmonopolizzata minnu jew għaliex individwu jippermetti lill-Istat (direttament jew permezz ta’ intermedjarju) jaġixxi permezz tiegħu bħala individwu suġġett għad-dritt privat.

104.

Il-kwistjoni għaldaqstant hija li jiġi ddeterminat liema tip ta’ kontroll huwa neċessarju sabiex individwu, mingħajr ma jieqaf ikun dan, jaġixxi bħala “estensjoni tal-Istat” u liema kriterji jistgħu jintużaw sabiex dan il-kontroll jiġi identifikat.

105.

Għal dak li jikkonċerna l-kontroll, nemmen li dan għandu jkun biżżejjed sabiex l-individwu ma jkunx jista’ jaġixxi f’affarijiet privati bi grad ta’ awtonomija sostantiva, kemm fir-rigward tad-determinazzjoni tal-għanijiet tiegħu kif ukoll fir-rigward tad-definizzjoni tal-istrateġiji u tal-għażla tal-metodi adatti sabiex jilħaq dawn l-għanijiet.

106.

Dan in-nuqqas ta’ awtonomija jista’ jkun l-effett ta’ żewġ fatturi: l-ewwel nett, tal-fatt li l-korp privat huwa l-ħolqien tal-awtoritajiet pubbliċi u huwa direttament taħt id-direzzjoni u l-kontroll tagħhom. It-tieni nett, tal-fatt li, bħala korp formalment indipendenti, il-korp privat għandu jopera f’kuntest iddefinit sal-aħħar dettall (u mhux sempliċement irregolat) mill-awtoritajiet pubbliċi; pereżempju, permezz tal-iffissar ta’ prezzijiet pubbliċi, tal-impożizzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni jew tal-issuġġettar għal linji gwida ddettaljati għall-operazzjoni tas-servizz. Dan it-tieni każ huwa dak li jista’ jiġi kklassifikat bħala każ ta’ “kontroll effettiv” fis-sens li ma huwiex il-konsegwenza tal-intervent immedjat u dirett fil-korp privat, iżda tal-ikkundizzjonar tal-attività tagħha sa tali punt li jirrendi illużorja l-awtonomija sostantiva tal-korp ikkonċernat. Kuntrarjament għal dak li jqis il-Gvern Taljan dan ma huwiex każ ta’ kontroll li ma huwiex ġuridiku jew mhux magħruf fil-liġi — sempliċi factum — iżda iktar ta’ kontroll (ġuridiku) eżerċitat indirettament fuq il-korp permezz tad-drittijiet legali li jippermettu lill-awtoritajiet pubbliċi jintervjenu fil-kontroll tal-attivitajiet ta’ dan il-korp, b’kuntrast ma’ dawk li jippermettulhom kontroll dirett u formali fuq il-korp innifsu.

107.

Għaldaqstant, korp ikun jinsab “taħt il-kontroll” tal-Istat meta huwa stess huwa l-ħolqien tal-awtoritajiet pubbliċi sabiex l-Istat ikun jista’ jipparteċipa fir-relazzjonijiet privati bħala individwu jew meta, peress li huwa formalment korp indipendenti tal-awtoritajiet pubbliċi, huwa obbligat jintervjeni fir-relazzjonijiet privati suġġetti għal kundizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet pubbliċi li jirrendu impossibbli aġir sostanzjalment awtonomu f’aspetti fundamentali tal-attività tal-kumpannija.

108.

Naturalment hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina sa fejn fatturi ta’ dan it-tip huma preżenti f’kull każ, u għal dan il-għan hija tista’ tibbaża ruħha fuq ir-regoli stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata ma’ kumpanniji ta’ kopertura.

109.

Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, huwa perfettament possibbli li jiġu applikati l-kriterji użati mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġu stabbiliti l-każijiet li fihom awtorità kontraenti teżerċita fuq offerent magħżul, li għandu personalità ġuridika distinta minnha, kontroll analogu ( 25 ) għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha ( 26 ).

110.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li “jeżisti ‘kontroll analogu’ meta l-entità inkwistjoni tkun suġġetta għal kontroll li jippermetti lill-awtorità kontraenti li tinfluwenza d-deċiżjonijiet tagħha ( 27 )”, filwaqt li tispeċifika li “[g]ħandu jkun hemm lok għal possibbiltà ta’ influwenza determinanti kemm fuq l-objettivi strateġiċi kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet importanti ta’ din il-kumpannija [...]. Fi kliem ieħor, l-awtorità kontraenti għandha tkun f’pożizzjoni li teżerċita kontroll strutturali[,] [...] funzjonali [u effettiv] fuq din l-entità ( 28 )”.

111.

Għaldaqstant, bħala konklużjoni intermedja, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet u għar-raba’ domandi fis-sens li persuna hija “taħt il-kontroll ta’ korp jew persuna li jidħlu fil-(a) jew fil-(b)” tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 jekk l-aġir tagħha jkun suġġett għal grad ta’ kontroll minn dawn il-korpi jew persuni li jimpedilha taġixxi b’mod verament awtonomu fir-relazzjonijiet privati, u b’dan il-mod hija tkun imġiegħla ssir strument tar-rieda tagħhom, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju.

E – Il-ħames domanda

112.

L-aħħar domanda tirreferi flimkien għall-punti (b) u (ċ) tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 u tistaqsi jekk il-korpi koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jipprovdu l-informazzjoni kollha dwar l-ambjent li huma jkollhom jew biss dik relatata mat-twettiq ta’ funzjonijiet pubbliċi fis-sens tad-Direttiva 2003/4.

113.

Ir-raġuni għall-obbligu ta’ żvelar tal-informazzjoni miksuba fit-twettiq ta’ funzjonijiet pubbliċi huwa l-fatt li din l-informazzjoni setgħet preċiżament tinkiseb b’riżultat tat-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet.

114.

Id-domanda magħmula hija jekk, għal din ir-raġuni, il-korpi u l-persuni koperti mill-Artikolu 2(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2003/4 għandhomx ukoll jipprovdu aċċess għal kull informazzjoni dwar l-ambjent miksuba fit-twettiq ta’ attivitajiet separati minn dawk imwettqa fil-kapaċità tagħhom ta’ “awtoritajiet pubbliċi” fis-sens tad-Direttiva.

115.

Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda teħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-każ imsemmi fil-punt (b) u dak imsemmi fil-punt (ċ) tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva.

116.

Il-persuni jew il-korpi koperti mill-punt (b) għandhom, bħala detenturi ta’ setgħa espressa u formali sabiex jeżerċitaw awtorità pubblika, ikunu suġġetti għall-obbligu ta’ żvelar fuq l-istess bażi bħall-awtoritajiet pubbliċi fis-sens strett, jiġifieri, l-Istat innifsu. L-obbligu li jingħata aċċess għall-informazzjoni kollha dwar l-ambjent li huma għandhom, irrispettivament mill-kapaċità li fiha huma kisbu din l-informazzjoni, għandu japplika fl-intier tiegħu fir-rigward ta’ dawn il-persuni u korpi, peress li, kif argumentajt fil-punt 101 iktar ’il fuq, it-tifsira formali tal-kunċett ta’ “Stat” għandha tipprevali meta din toffri l-aħjar kundizzjonijiet għall-ksib effettiv tal-għanijiet li d-Direttiva trid tikseb.

117.

Fir-rigward, min-naħa tagħhom, il-persuni jew il-korpi koperti mill-punt (ċ), għandhom jiġu kkunsidrati żewġ sitwazzjonijiet possibbli. Min-naħa, dik li fiha l-attività ta’ dawn il-korpi jew persuni hija limitata għall-ġestjoni ta’ servizz f’kundizzjonijiet li jwasslu għat-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom bħala “awtoritajiet pubbliċi” fis-sens tad-Direttiva 2003/4. Min-naħa l-oħra, dik li fiha dawn il-korpi jew persuni, minbarra din il-ġestjoni, jeżerċitaw ukoll attivitajiet oħra kompletament mhux konnessi; nieħdu bħala eżempju, fil-każ ta’ korpi jew ta’ persuni li jiġġestixxu wkoll servizz relatat mal-ambjent f’territorju ieħor, iżda taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni libera u mingħajr ma huwa possibbli li dawn jiġu kklassifikati bħala “awtoritajiet pubbliċi” għall-finijiet tad-Direttiva 2003/4.

118.

Fir-rigward ta’ dawk fl-ewwel sitwazzjoni, il-kwistjoni hija deċiża mid-Direttiva 2003/4 nnifisha, li l-Artikolu 3(1) tagħha jindika li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa li jagħmlu disponibbli l-informazzjoni dwar l-ambjent li jkun għandhom jew miżmum għalihom ( 29 )”. B’mod definittiv, id-Direttiva 2003/4 timponi lill-Istat — kemm lill-Istat stricto sensu kif ukoll lill-“awtorità pubblika” fis-sens, iktar wiesa’, tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2003/4 — l-obbligu li jippermetti l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent li huwa għandu, irrispettivament mill-kapaċità li fiha huwa kiseb din l-informazzjoni; jiġifieri, kemm jekk din l-informazzjoni hija r-riżultat tal-eżerċizzju tal-imperium tiegħu kif ukoll jekk din hija r-riżultat tal-attività tiegħu bħala suġġett tad-dritt privat.

119.

Fir-rigward ta’ dawk fit-tieni sitwazzjoni, fl-opinjoni tiegħi, dawn ma jistħoqilhomx l-istess trattament. Huma kkunsidrati bħala “awtoritajiet pubbliċi” biss sa fejn huma jeżerċitaw attività relatata mal-ambjent f’ċirkustanzi li jwasslu sabiex jiġu kklassifikati bħala “kontroll” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2003/4, jiġifieri meta huma jaġixxu “taħt il-kontroll” tal-awtoritajiet pubbliċi. Barra dan il-każ, huma biss individwi, li għaldaqstant ma humiex suġġetti għar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva.

120.

Nirrikonoxxi li, hekk kif osservaw il-partijiet, dak li ntqal iktar ’il fuq jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jagħti lok għal sitwazzjoni “ibrida” li fil-prattika hija diffiċli li tiġi ġestita. Sa fejn dan huwa l-każ, jiena tal-opinjoni li, fid-dawl tal-ispirtu tad-Direttiva 2003/4 u tal-għan tagħha li tippromwovi l-aċċess għall-informazzjoni li għandhom l-awtoritajiet pubbliċi fl-iktar sens wiesa’, is-sitwazzjonijiet ta’ inċertezza għandhom dejjem jiġu riżolti favur il-persuna li qed titlob l-informazzjoni.

121.

B’mod definittiv, u bħala l-aħħar konklużjoni intermedja nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ħames domanda fis-sens li l-korpi jew il-persuni li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2003/4 għandhom ikunu suġġetti għall-obbligu ta’ żvelar fuq l-istess bażi bħall-awtoritajiet pubbliċi fis-sens strett, jiġifieri, l-Istat innifsu. L-istess obbligu japplika fir-rigward tal-korpi u tal-persuni msemmija fl-Artikolu 2(2)(ċ) meta l-attività tagħhom hija limitata għall-ġestjoni ta’ servizz f’kundizzjonijiet li jwasslu għat-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom bħala “awtoritajiet pubbliċi” fis-sens tad-Direttiva 2003/4. Madankollu, tali korpi jew persuni li, minbarra din il-ġestjoni, jeżerċitaw ukoll attivitajiet oħra kompletament mhux konnessi, ma humiex obbligati jipprovdu l-informazzjoni li huma jiksbu fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar. Fil-każ ta’ dubju, l-obbligu ta’ żvelar għandu jipprevali.

VII – Konklużjoni

122.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula bil-mod li ġej:

“1.

Fil-kunsiderazzjoni ta’ jekk persuna fiżika jew ġuridika ‘[twettaqx] funzjonijiet amministrattivi pubbliċi skond il-liġijiet nazzjonali’ fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2003/4/KE, għandu jsir riferiment biss għad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ ‘funzjonijiet amministrattivi pubbliċi’, filwaqt li huma l-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw, kif meħtieġ, liema persuni fiżiċi u ġuridiċi huma awtorizzati jwettqu tali funzjonijiet.

2.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kumpanniji tal-ilma kkonċernati jistgħux jimponu fuq l-individwi obbligi li fir-rigward tagħhom huma ma jeħtieġux il-kunsens tagħhom, bir-riżultat li l-kumpanniji kkonċernati huma f’pożizzjoni sostanzjalment ekwivalenti għal dik tal-awtoritajiet amministrattivi, bis-saħħa ta’ att ġuridiku formali u espliċitu li jikkonferixxi setgħat uffiċjali.

3.

Persuna hija ‘taħt il-kontroll ta’ korp jew persuna li jidħlu fil-(a) jew fil-(b)’ tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 jekk l-aġir tagħha jkun suġġett għal grad ta’ kontroll minn dawn il-korpi jew persuni li jimpedilha taġixxi b’mod verament awtonomu fir-relazzjonijiet privati, u b’dan il-mod hija mġiegħla ssir strument tar-rieda tal-Istat, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju.

4.

Il-korpi jew il-persuni li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2003/4 għandhom ikunu suġġetti għall-obbligu ta’ żvelar fuq l-istess bażi bħall-awtoritajiet pubbliċi fis-sens strett. L-istess obbligu japplika fir-rigward tal-korpi u tal-persuni msemmija fl-Artikolu 2(2)(ċ) meta l-attività tagħhom hija limitata għall-ġestjoni ta’ servizz f’kundizzjonijiet li jwasslu għat-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom bħala ‘awtoritajiet pubbliċi’ fis-sens tad-Direttiva 2003/4. Madankollu, tali korpi jew persuni li, minbarra din il-ġestjoni, jeżerċitaw ukoll attivitajiet oħra kompletament mhux konnessi, ma humiex obbligati jipprovdu l-informazzjoni li huma jiksbu fir-rigward ta’ dawn l-aħħar. Fil-każ ta’ dubju, l-obbligu ta’ żvelar għandu jipprevali.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Dire[t]tiva tal-Kun[s]ill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).

( 3 ) ĠU L 164M, p. 17.

( 4 ) Il-kumpanniji inkwistjoni huma l-kumpanniji rregolati mid-dritt Ingliż United Utilities Water plc, Yorkshire Water Services Ltd u Southern Water Services Ltd (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji kkonċernati”).

( 5 ) Punt 1 tad-digriet tar-rinviju.

( 6 ) Kawża Smartsource vs Information Commissioner et [2010] UKUT 415 (AAC).

( 7 ) Griffin vs South West Water Services Ltd [1995] IRLR 15.

( 8 ) Kawża C-188/89, Ġabra p. I-3313.

( 9 ) L-Upper Tribunal stess, b’kompożizzjoni oħra, reċentement iddeċidiet fuq kawża simili (Smartsource) fis-sens argumentat mill-amministrazzjoni. Il-kompożizzjoni tal-Upper Tribunal li ressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha interess li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-approċċ adottat f’din id-deċiżjoni.

( 10 ) Digriet tal-10 ta’ Ġunju 2011, Mohamad Imran (C-155/11 PPU, Ġabra, p. I-5095, punt 21) li jiċċita s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, García Blanco (C-225/02, Ġabra p. I-523, punt 28), u d-digriet tal-24 ta’ Marzu 2009, Nationale Loterij (C-525/06, Ġabra p. I-2197, punt 10).

( 11 ) Kawża C‑204/09, punt 37, li jiċċita s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italia et (C-236/01, Ġabra p. I-8105, punt 72). Fl-istess sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro (327/82, Ġabra p. 107, punt 11); tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster (C-287/98, Ġabra p. I-6917, punt 43); u tat-22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (C-482/09, Ġabra p. I-8701, punt 29).

( 12 ) Billi espressament tirrikonoxxi l-possibbiltà li l-awtoritajiet leġiżlattivi u ġudizzjarji jkunu esklużi mill-ambitu tal-awtorità pubblika, id-Direttiva 2003/4 tipprojbixxi, għall-kuntrarju, l-esklużjoni tal-awtoritajiet amministrattivi. L-Istati Membri jistgħu għaldaqstant jestendu dan l-ambitu sabiex jinkludu l-ġudikatura u l-leġiżlatura, iżda ma jistgħux jirrestrinġuh iktar mill-minimu rrappreżentat mill-awtoritajiet amministrattivi li huma, fil-verità, dawk li verament jimportaw fil-kuntest tad-Direttiva 2003/4, “peress li, fi ħdan tal-Istati, huma dawn li s-soltu huma meħtieġa jżommu t-tagħrif dwar l-ambjent fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom” (Flachglas Torgau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

( 13 ) Kawża C‑182/10.

( 14 ) Il-problema tal-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 kienet ukoll is-suġġett tal-konklużjonijiet ippreżentati fil-21 ta’ Marzu 2013 mill-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Deutsche Umwelthilfe (C‑515/11).

( 15 ) Fuq dan il-punt, ara pereżempju s-serje ta’ sentenzi li tibda bis-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C-47/08, Ġabra p. I-4105). Din il-ġurisprudenza hija, b’mod partikolari, ibbażata fuq in-neċessità li jiġi ddelimitat bl-aħjar mod possibbli l-qasam ta’ libertà tal-Unjoni fir-rigward tal-eċċezzjoni kkostitwita mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika tal-Istat.

( 16 ) Sentenza Foster, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20. Enfasi mill-awtur.

( 17 ) Fuq dan il-punt, b’mod ġenerali, De Otto y Pardo, I., Estudios sobre el Poder Judicial, en Obras Completas, Università ta’ Oviedo/Centro de Estudios Políticos y Constitucionales, Madrid, 2010, p. 1266 sa 1279.

( 18 ) Dan huwa l-każ fil-kawża Foster, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għal “korp li, irrispettivament mill-forma legali tiegħu, ġie inkarigat, permezz ta’ att tal-Istat, jipprovdi, taħt il-kontroll ta’ din tal-aħħar, servizz ta’ interess pubbliku [...]” (punti 20 u 22, korsiv miżjud mill-awtur).

( 19 ) Premessa 1.

( 20 ) Premessa 8.

( 21 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali van Gerven, punt 16.

( 22 ) Korsiv miżjud mill-awtur.

( 23 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali van Gerven, iċċitati iktar ’il fuq. Korsiv miżjud mill-awtur.

( 24 ) Punt 28 tad-digriet tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

( 25 ) Mhux neċessarjament identiku, kif speċifikat fis-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2008, Coditel Brabant (C-324/07, Ġabra p. I-8457, punt 46), li tiċċita s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen (C-458/03, Ġabra p. I-8585, punt 62).

( 26 ) Ġurisprudenza miġbura fil-qosor, fost diversi sentenzi oħra, fis-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2012, Econord (C‑182/11 u C‑183/11).

( 27 ) Sentenza Econord, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27.

( 28 ) Ibidem.

( 29 ) Korsiv miżjud mill-awtur.

Top