Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CC0237

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fis-16 ta’ Jannar 2014.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 91/676/KEE – Artikolu 5(4) – Punti 1 sa 3 u 5 tal-Parti A tal-Anness II – Punti 1.1 sa 1.3 u 2 tal-Anness III – Protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli – Perijodi għall-applikazzjoni fuq l-art ta’ demel – Kapaċità tal-kontenituri għall-ħażna tad-demel tal-bhejjem – Limitazzjoni tal-applikazzjoni fuq l-art – Projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq art b’xaqliba wieqfa ħafna jew fuq art iffriżata jew miksija bil-borra – Nuqqas ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.
    Kawża C‑237/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:14

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentati fis-16 ta’ Jannar 2014 ( 1 )

    Kawża C‑237/12

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir-Repubblika Franċiża

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 91/676/KEE — Protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli — Perijodi għall-applikazzjoni fuq l-art ta’ demel — Kapaċità tal-kontenituri għall-ħażna tad-demel — Limitazzjoni tal-applikazzjoni fuq l-art — Projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq art b’xaqliba wieqfa ħafna jew fuq art iffriżata jew miksija bil-borra”

    Werrej

     

    I – Introduzzjoni

     

    II – Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni

     

    III – Il-proċedura u t-talbiet

     

    IV – Analiżi

     

    A – Fuq id-dritt applikabbli

     

    B – Ir-regoli Franċiżi applikabbli ratione temporis

     

    C – Fuq il-parametri għall-evalwazzjoni tal-implementazzjoni ta’ punti tal-Annessi tad-Direttiva dwar in-nitrati

     

    D – Fuq l-ewwel motiv — Perijodi għall-applikazzjoni fuq l-art

     

    1. Fuq il-partijiet tal-motiv li ma humiex ikkontestati fuq il-mertu

     

    2. Fuq l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija II għall-mergħat li jkunu miżrugħa għal iktar minn sitt xhur

     

    3. Fuq l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija III għall-mergħat li jkunu miżrugħa għal iktar minn sitt xhur

     

    E – Fuq it-tieni motiv — Kapaċità tal-kontenituri għall-ħażna tad-demel

     

    1. Fuq l-assenza ta’ regoli preċiżi għall-kalkolu tal-kapaċitŕ ta’ ħażna meħtieġa

     

    2. Fuq it-tul tal-itwal perijodu ta’ żmien ta’ ħażna li għandu jiġi kopert

     

    3. Fuq il-ħażna fl-għelieqi

     

    F – It-tielet motiv — Fertilizzazzjoni ekwilibrata

     

    G – Fuq ir-raba’ motiv — Osservanza tal-limitu massimu ta’ 170 kg nitroġenu għal kull ettaru u għal kull sena

     

    1. Fuq il-baqar imrobbija għall-ħalib

     

    2. Fuq l-annimali tar-razzett l-oħra

     

    H – Fuq il-ħames motiv — Applikazzjoni fuq art b’xaqliba wieqfa ħafna

     

    I – Fuq is-sitt motiv — Art iffriżata jew miksija bil-borra

     

    V – L-ispejjeż

     

    VI – Konklużjoni

    I – Introduzzjoni

    1.

    Id-Direttiva dwar in-nitrati ( 2 ) hija ta’ importanza kbira għall-kwalità tal-ilma fl-Unjoni Ewropea. Din id-direttiva tikkonċerna l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzant, b’mod partikolari ta’ demel, li fih ikun jinsab in-nitroġenu. L-għan tad-Direttiva huwa li l-bdiewa ma japplikawx nitroġenu iktar milli jkunu jeħtieġu l-uċuħ tar-raba’ fi żmien partikolari. Jekk dan l-ammont jinqabeż, ikun hemm ir-riskju li n-nitroġenu ma jiġix assorbit mill-uċuħ tar-raba’ u jispiċċa mxerred fl-ambjent.

    2.

    Hawnhekk ma huwiex qiegħed isir riferiment għan-nitroġenu bħala tali, li, kif inhuwa magħruf, jinsab f’ammonti kbar fl-arja, iżda għall-komponenti tan-nitroġenu meħtieġa għat-tkabbir tal-uċuħ tar-raba’, u b’mod partikolari għan-nitrat. Dawn il-forom tan-nitroġenu huma deskritti bħala “mineralizzati”. Minbarra nitroġenu mmineralizzat, id-demel huwa kompost ukoll, fil-parti l-kbira minnu, minn nitroġenu organiku, u b’mod partikolari minn proteini u aċidu amminiku. Qabel ma jkun jista’ jiġi assorbit mill-uċuħ tar-raba’, dan in-nitroġenu organiku jkollu jiġi “mmineralizzat” permezz ta’ mikroorganiżmi.

    3.

    Nitrati li ma jkunux assorbiti mill-uċuħ tar-raba’ jistgħu jniġġsu l-ilma. Dawn in-nitrati jinħallu fl-ilma u għalhekk jistgħu jnixxu fl-ilma ta’ taħt l-art jew fl-ilma tal-wiċċ. Barra minn hekk, l-ilma tal-wiċċ jista’ jitniġġes ukoll permezz ta’ nitrati li jkunu jinsabu fl-ilma li jiskula fuq il-wiċċ tal-art. Anki nitroġenu organiku li jkun diġà ġie mmineralizzat fl-ilma jista’ jiġi ttrasportat permezz ta’ dan it-tip ta’ tniġġis.

    4.

    Fil-ilmijiet tal-wiċċ, in-nitrati jaġixxu bħala fertilizzant u għalhekk jinkoraġġixxu b’mod partikolari t-tkabbir ta’ ċerti alki. Dawn jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ilma u fuq il-bijodiversità fl-ilma. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm anki tifqigħat ta’ ċerti speċi ta’ alka li jipproduċu sustanzi tossiċi. It-tniġġis ikkawżat min-nitrati jista’ jkollu impatt negattiv b’mod partikolari fuq il-kwalità tal-ilma tax-xorb.

    5.

    Għalkemm il-Kummissjoni reċentement irrapportat li kien hemm titjib fil-kwalità tal-ilma tal-wiċċ, ftit li xejn kien hemm bidliet fir-rigward tal-ilma ta’ taħt l-art ( 3 ). Dan jgħodd ukoll għal Franza fejn, sa mis-sena 2000, iktar minn 10 % tal-installazzjonijiet kollha ta’ osservazzjoni kejlu l-valur tan-nitrati f’iktar minn 50 mg/l fl-ilma ta’ taħt l-art. Dan jiġri ħafna inqas fil-każ tal-ilma tal-wiċċ u, barra minn hekk, wieħed jista’ jidentifika tendenza ta’ tnaqqis fir-riżultati li juru valuri problematiċi ( 4 ). Fi kwalunkwe każ, fadal ħafna xi jsir sabiex jitnaqqas it-tniġġis tal-ilma min-nitrati.

    6.

    Din ma hijiex l-ewwel darba li d-Direttiva dwar in-nitratti qiegħda titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, din il-kawża tirrappreżenta stadju ġdid fl-implementazzjoni tagħha. Filwaqt li l-kawżi preċedenti kienu prinċipalment intiżi sabiex l-Istati Membri effettivament jieħdu l-miżuri previsti, fil-kawża ineżami l-Kummissjoni qiegħda tikkonċentra fuq il-kwalità tal-miżuri ta’ implementazzjoni.

    7.

    Għaldaqstant, din il-kawża parzjalment tikkonċerna kwistjonijiet tekniċi diffiċli, jiġifieri l-perijodi ta’ żmien li matulhom għandha tiġi pprojbita l-applikazzjoni fuq l-art ta’ demel, il-kapaċità li hija għaldaqstant neċessarja tal-kontenituri għall-ħażna tad-demel, il-kundizzjonijiet u l-ammonti li fihom għandu jkun jista’ jiġi applikat id-demel, kif ukoll l-applikazzjoni fuq art b’xaqliba wieqfa ħafna jew fuq art iffriżata jew miksija bil-borra.

    II – Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni

    8.

    L-għan tad-Direttiva dwar in-nitrati huwa stabbilit fl-Artikolu 1 tagħha:

    “Din id-Direttiva għandha l-mira li:

    tnaqqas it-tniġġis ta’ l-ilma kkawżat jew imdaħħal bin-nitrati minn sorsi agrikoli u

    tipprevjieni aktar tniġġis minn dan.”

    9.

    Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar in-nitrati, jistabbilixxu kodiċi mhux vinkolanti ta’ prattika agrikola tajba li għandu jinkludi minn tal-anqas il-punti inklużi fil-Parti A tal-Anness II, u għandhom, skont l-Artikolu 3, jidentifikaw iż-żoni vulnerabbli li jeħtiegu protezzjoni partikolari, li hija speċifikata f’iktar dettall fl-Artikolu 5:

    “1.   [...] [L]-Istati Membri għandhom, bl-iskop li jilħqu l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1, jistabbilixxu programmi ta’ azzjoni rigward iż-żoni nnominati vulnerabbli.

    […]

    3.   Il-Programmi ta’ azzjoni għandhom iqisu:

    (a)

    l-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli, b’mod partikolari b’riferiment għall-kontribuzzjonijiet tan-nitroġenu rispettivi ġejjin minn sorsi agrikoli jew minn sorsi oħra;

    (b)

    il-kondizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni rilevanti ta’ l-Istat Membru interessat.

    4.   Il-programmi ta’ azzjoni għandhom jiġu implimentati fi żmien erba’ snin minn meta jiġu stabbiliti u għandhom jikkonsistu mill-miżuri obbligatorji li ġejjin:

    (a)

    il-miżuri f’L-Anness III;

    b)

    dawk il-miżuri li l-Istati Membri jkunu stabbilew fil-kodiċi/jiet ta’ prattika agrikola tajba stabbiliti skond l-Artikolu 4, għajr dawk li posthom ikun ġie meħud mill-miżuri f’l-Anness III.

    […]

    7.   L-Istati Membri għandhom jirrevedu u jekk meħtieġ jikkorreġu l-programmi ta’ azzjoni tagħhom, inkluża kull miżura addizzjonali meħuda skond il-paragrafu 5, mill-inqas kull erba’ snin. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’ kull tibdil fil-programmi ta’ azzjoni.”

    10.

    B’mod speċifiku, l-Annessi II u III jikkonċernaw il-miżuri segwenti:

    “Anness II

    Il-kodiċi(jiet) ta’ prattika agrikola tajba

    A.

    Kodiċi jew kodiċijiet ta’ prattika agrikola tajba bil-mira li jitnaqqas it-tniġġis min-nitrati u jingħata kas tal-kondizzjonijiet fir-reġjuni differenti tal-Komunità għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li jkopru l-intestaturi li ġejjin, sakemm ikunu rilevanti:

    1.

    il-perjodi taż-żmien meta l-applikazzjoni ta’ fertilizzant fir-raba tkun barra minn lokha;

    2.

    l-applikazzjoni ta’ fertilizzant fuq art b’xaqliba wieqfa ħafna;

    3.

    l-applikazzjoni ta’ fertilizzant fuq art mifqugħa bl-ilma, imgħarrqa, iffriżata jew miksija bil-borra;

    [...]

    5.

    il-kapaċità u l-kostruzzjoni tal-kontenituri li jaħżnu d-demel ta’ l-annimali, inklużi miżuri li jipprevjienu t-tniġġis ta’ ilma meta l-likwidi li jkun fihom id-demel tal-bhejjem tar-riezet u l-effluwenti mill-materjali tal-pjanti maħżuna bħall-għalf tal-ħaxix, jiskulaw jew inixxu fl-ilma ta’ taħt l-art u l-ilma tal-wiċċ;

    6.

    il-proċeduri sabiex jiġu applikati fir-raba, inklużi r-rata u l-uniformità tat-tferrix, kemm tal-fertilizzanti kimiċi u kemm tad-demel ta’ l-annimali, li żżomm it-telf tan-nutrijenti fl-ilma għal livell aċċettabbli.

    […]

    Anness III

    Il-miżuri li għandhom jiġu nklużi fil-programmi ta’ azzjoni skond l-Artikolu 5(4)(a)

    1.

    Il-miżuri għandhom jinkludu regoli li għandhom x’ jaqsmu ma’:

    1.

    il-perjodi taż-żmien meta l-applikazzjoni fir-raba ta’ ċerti tipi ta’ fertilizzanti hija projbita;

    2.

    il-kapaċità tal-kontenituri tal-ħażna tad-demel ta’ l-annimali; din il-kapaċità għandha taqbeż dik meħtieġa għall-ħażna matul l-itwal perjodu taż-żmien li matulu tkun ipprojbita l-applikazzjoni fir-raba fiz-zona vulnerabbli, għajr fejn jista’ jintwera lill-awtoritajiet kompetenti illi kull kwantità ta’ demel li taqbeż il-kapaċità attwali tal-ħażna tiġi disponuta b’manjiera li ma tikkawżax ħsara lill-ambjent;

    3.

    il-limitazzjoni ta’ l-applikazzjoni tal-fertilizzanti fir-raba, konsistenti mal-prattika agrikola tajba u li tqis il-karatteristiċi taż-żona vulnerabbli interessata, b’mod partikolari:

    (a)

    il-kondizzjonijiet tal-ħamrija, it-tip tal-ħamrija, u l-pendil;

    (b)

    il-kondizzjonijiet klimatiċi, ix-xita u t-tisqija;

    (c)

    l-użu ta’ l-art u l-prattiċi agrikoli, inklużi s-sistemi tan-newba;

    u li jridu jkunu msejsa fuq bilanċ bejn

    i)

    il-ħtiġiet imbassra tan-nitroġenu ta’ l-uċuħ tar-raba’, u

    ii)

    il-forniment tan-nitroġenu lill-uċuh mill-ħamrija u mill-fertilizzant li jikkorrispondi għal:

    l-ammont tan-nitroġenu li jkun jinsab fil-ħamrija fil-waqt meta l-prodott jibda jużah [meta l-uċuħ tar-raba’ jibdew jużawh] f’qies sinifikanti (f’ammonti konsiderevoli fit-tmiem tax-xitwa),

    il-forniment tan-nitroġenu permezz tal-mineralizzazzjoni netta tar-riservi tan-nitroġenu organiku fil-ħamrija,

    [iż-żidiet tal-komposti tan-nitroġenu mid-demel;]

    iż-żidiet tal-komposti tan-nitrogenu minn fertilizzanti kimiċi u oħrajn.

    2.

    Dawn il-miżuri jridu jiżguraw illi għal kull razzett jew unità ta’ bhima, l-ammmont tad-demel ta’ l-annimali applikat kull sena fuq l-art, inkluż dak mill-annimali nfushom, ma għandux jaqbeż ammont speċifiku għal kull ettaru.

    L-ammont speċifikat għal kull ettaru għandu jkun l-ammont tad-demel li jkun fih 170 kg N[itroġenu]. [...]

    3.

    L-Istati Membri jistgħu jikkalkolaw l-ammonti msemmija fil-paragrafu 2 fuq il-bażi tan-numri ta’ l-annmali. [...]”

    III – Il-proċedura u t-talbiet

    11.

    Il-Kummissjoni bdiet tinvestiga r-regoli Franċiżi fl-2009 u, wara li stiednet lil Franza sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, fit-28 ta’ Ottubru 2011 ħarġet opinjoni motivata indirizzata lil dan l-Istat Membru fejn stabbiliet it-28 ta’ Diċembru 2011 bħala t-terminu finali sabiex Franza twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni. Peress li r-risposta ta’ Franza ma ssodisfatx it-tħassib tal-Kummissjoni, din tal-aħħar ippreżentat ir-rikors ineżami fis-16 ta’ Mejju 2012.

    12.

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    1)

    tiddikjara li r-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar in-nitrati, ikkunsidrat flimkien mal-punti 1 sa 3 u 5 tal-Parti A tal-Anness II u mal-punti 1.1 sa 1.3 u 2 tal-Anness III tagħha, sa fejn ma ħaditx il-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura li r-rekwiżiti kollha msemmija fl-Annessi II u III ta’ din id-direttiva jiġu debitament u kompletament issodisfatti; u

    2)

    tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

    13.

    Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    1)

    tiċħad ir-rikors tal-Kummissjoni; u

    2)

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    14.

    Minbarra l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom fis-seduta tas-7 ta’ Novembru 2013.

    IV – Analiżi

    A – Fuq id-dritt applikabbli

    15.

    Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva dwar in-nitrati għandha l-għan li tnaqqas it-tniġġis tal-ilma kkawżat jew imdaħħal min-nitrati minn sorsi agrikoli u li tipprevjeni iktar tniġġis ta’ dan it-tip.

    16.

    Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom, fost affarijiet oħra, jidentifikaw żoni vulnerabbli li huma mniġġsa min-nitrati jew li jistgħu jiġu mniġġsa jekk ma jittiħdux miżuri ta’ protezzjoni. Skont l-Artikolu 5(1), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi ta’ azzjoni fir-rigward ta’ dawn iż-żoni.

    17.

    Il-kawża ineżami tikkonċerna dawn il-programmi ta’ azzjoni. Dawn il-programmi fil-fatt ikopru madwar nofs it-territorju tal-Istat Franċiż ( 5 ).

    18.

    Skont l-Artikolu 5(4)(a) u (b) tad-Direttiva dwar in-nitrati, il-programmi ta’ azzjoni għandhom jistabbilixxu l-miżuri vinkolanti previsti fl-Anness III u fil-kodiċijiet ta’ prassi agrikola tajba. Skont l-Artikolu 4(1)(a), il-kodiċijiet ta’ prassi agrikola tajba għandhom jinkludu minn tal-inqas il-punti previsti fil-Parti A tal-Anness II.

    B – Ir-regoli Franċiżi applikabbli ratione temporis

    19.

    Fil-proċedura prekontenzjuża u fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta, minn naħa, id-Digriet Nru 2001-34 tal-10 ta’ Jannar 2001 ( 6 ) u digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 ( 7 ), li jikkonċernaw it-tnejn li huma l-programmi ta’ azzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis min-nitrati minn sorsi agrikoli, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-programmi ta’ azzjoni tad-diversi dipartimenti.

    20.

    Madankollu, Franza tinvoka esklużivament regoli iktar reċenti, b’mod partikolari digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 ( 8 ), dispożizzjonijiet dawn li dwarhom ikkumentat ukoll il-Kummissjoni.

    21.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni li fiha kien jinsab l-Istat Membru mal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Bidliet sussegwenti ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 9 ).

    22.

    Fl-opinjoni motivata tagħha tat-28 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni tat lil Franza terminu finali li kien jiskadi fit-28 ta’ Diċembru 2011.

    23.

    Id-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 daħal fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu u għalhekk, bħala prinċipju, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’din il-kawża ( 10 ). Madankollu, l-Artikolu 2(II) ta’ dan id-digriet ministerjali jidentifika numru ta’ dispożizzjonijiet li ma kellhomx jidħlu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Settembru 2012, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-opinjoni motivata. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ numru ta’ regoli huwa previst li dawn għandhom jiġu osservati b’effett mill-1 ta’ Lulju 2016, jiġifieri fi żmien saħansitra iktar sussegwenti. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ gruppi ta’ dispożizzjonijiet ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kawża ineżami.

    24.

    Barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni tistax tikkontesta r-regoli l-oħra li jinsabu fid-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011. Għalkemm dawn ir-regoli ma kinux is-suġġett tal-proċedura prekontenzjuża, ma tistax tkun meħtieġa analoġija kompleta f’kull każ bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu indirizzati fl-opinjoni motivata u d-dispożizzjonijiet indikati fir-rikors. Fil-każ li bejn id-diversi stadji tal-proċedura jkun hemm bidla fil-liġi, huwa biżżejjed li r-regoli li permezz tagħhom kienu adottati d-dispożizzjonijiet ikkontestati fil-proċedura prekontenzjuża jkunu, b’mod ġenerali, inżammu fis-seħħ permezz tal-miżuri li l-Istat Membru jkun adotta sussegwentement għall-opinjoni motivata u li jkunu kkontestati permezz tar-rikors ( 11 ).

    25.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li rikors huwa ammissibbli meta jikkonċerna miżuri nazzjonali ġodda li jkunu introduċew eċċezzjonijiet għar-regoli li kienu s-suġġett tal-opinjoni motivata u li jwieġbu parzjalment għall-ilmenti magħmula f’din l-opinjoni motivata. Jekk l-ammissibbiltà tar-rikors tiġi miċħuda f’każ bħal dan, l-Istat Membru jkun qiegħed jingħata l-possibbiltà li jostakola proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu billi kull darba li tinħareġ opinjoni motivata fil-konfront tiegħu jibdel parzjalment id-dispożizzjonijiet tiegħu filwaqt li jħalli fis-seħħ il-bqija tar-regoli kkontestati ( 12 ).

    26.

    Madankollu, dan ma japplikax fil-każ ta’ lmenti li jkunu ġodda meta mqabbla mal-ilmenti magħmula fl-opinjoni motivata u li jkunu jikkonċernaw miżuri nazzjonali li jkunu ġew adottati sussegwentement għall-opinjoni motivata bl-iskop li jindirizzaw l-ilmenti mqajma fl-imsemmija opinjoni motivata ( 13 ).

    27.

    Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata issa l-ammissibbiltà tad-diversi lmenti mressqa fir-rikors, sa fejn jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    C – Fuq il-parametri għall-evalwazzjoni tal-implementazzjoni ta ’ punti tal-Annessi tad-Direttiva dwar in-nitrati

    28.

    Fir-rigward ta’ diversi lmenti, Franza ssostni li d-Direttiva dwar in-nitrati tħalli f’idejn l-Istati Membri d-deċiżjoni dwar x’dispożizzjonijiet jadottaw sabiex jimplementaw id-diversi punti tal-Annessi II u III. Għaldaqstant, skont Franza, il-Kummissjoni tista’ tikkontesta biss regoli li jkunu manifestament inadegwati.

    29.

    Għandu jiġi rrikonoxxut li l-punti kontenzjużi huma fformulati b’mod relattivament flessibbli fl-Annessi. Għalkemm l-Istati Membri huma obbligati jadottaw dispożizzjonijiet jew regoli dwar kwistjonijiet speċifiċi, mill-formulazzjoni waħedha mhux dejjem jirriżulta b’mod ċar biżżejjed x’kontenut għandu jkollhom dawn id-dispożizzjonijiet jew regoli adottati għall-finijiet ta’ implementazzoni. Għaldaqstant, id-Direttiva dwar in-nitrati tagħti lill-Istati Membru ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-implementazzjoni tagħha ( 14 ).

    30.

    Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa madankollu ristrett, b’mod partikolari permezz tal-għan tad-Direttiva dwar in-nitrati, stabbilit fl-Artikolu 1 tagħha, jiġifieri li tnaqqas it-tniġġis tal-ilma kkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli u li tipprevjeni iktar tniġġis ta’ dan it-tip ( 15 ). Għaldaqstant, l-iskop tad-Direttiva huwa li tikseb l-għan tat-titjib tal-kwalità tal-ambjent fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 191(1) TFUE u li timplementa l-prinċipju ta’ prekawzjoni fis-sens tal-Artikolu 191(2) TFUE.

    31.

    Barra minn hekk, fid-determinazzjoni tal-miżuri meħtieġa fil-programmi ta’ azzjoni, l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva dwar in-nitrati u kif previst fl-Artikolu 191(3) TFUE, jieħdu inkunsiderazzjoni d-data xjentifika u teknika disponibbli ( 16 ).

    32.

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tikkontesta n-nuqqasijiet kollha fil-programmi ta’ azzjoni nazzjonali li jostakolaw tnaqqis u prevenzjoni effettivi tat-tniġġis tal-ilma min-nitrati minn sorsi agrikoli. B’mod partikolari, dawn il-programmi għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar data xjentifika disponibbli.

    33.

    F’dan ir-rigward, fil-kawża ineżami huma ta’ interess partikolari tliet studji. Il-Kummissjoni tinvoka espressament studju mwettaq fl-2001 fuq talba tagħha stess ( 17 ) u kontribuzzjoni xjentifika tal-2007 ( 18 ) li, għalkemm ma ġietx ippreżentata mill-Kummissjoni, il-kontenut tagħha ma huwiex jiġi kkontestat minn Franza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppubblikat fuq l-internet studju reċenti tal-2011 ( 19 ) li wkoll kien ikkummissjonat minnha. Dan l-aħħar studju iżda ma jistax jiġi invokat kontra Franza sa fejn il-partijiet ma għamlux riferiment għalih. Madankollu, sa fejn il-Kummissjoni manifestament tikkunsidra dan l-istudju bħala rilevanti, għandu jiġi kkunsidrat li dan l-istudju, meta mqabbel mal-istudju tal-2001, jiddokumenta informazzjoni xjentifika aġġornata. Għaldaqstant, dan l-istudju jista’ jintuża sabiex jiġu megħluba, jew minn tal-inqas relativizzati, l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq raġunament xjentifiku.

    34.

    Barra minn hekk, Franza tista’ tegħleb l-argumenti korrispondenti billi tippreżenta, b’mod partikolari, data xjentifika iktar reċenti jew ta’ kwalità aħjar. Għal dan il-għan, dan l-Istat Membru qiegħed jippreżenta diversi dokumenti.

    35.

    Fl-aħħar nett, għandha tiġi enfasizzata wkoll l-importanza li d-Direttiva dwar in-nitrati tiġi implementata b’mod li tkun tista’ tiġi applikata fil-prattika mill-bdiewa. Fir-rigward tal-implementazzjoni tad-Direttiva dwar il-habitat ( 20 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest ta’ din id-direttiva, li tinkludi regoli kumplessi u tekniċi fil-qasam tad-dritt dwar il-protezzjoni tal-ambjent, l-Istati Membri huma b’mod partikolari meħtieġa jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom li timplementa din id-direttiva tkun ċara u preċiża ( 21 ). Kif turi l-kawża ineżami, ir-regoli tad-Direttiva dwar in-nitrati huma wkoll kumplessi u tekniċi. Barra minn hekk, l-applikazzjoni prattika tagħha ma taqax prinċipalment fuq l-awtoritajiet, li għandu jkollhom il-kompetenza meħtieġa, iżda fuq il-bdiewa. Għaldaqstant, l-implementazzjoni għandha tkun prevista b’mod tant preċiż u speċifiku li tkun tista’ titwettaq anki mingħajr taħriġ bħala xjentist f’affarijiet ambjentali ( 22 ).

    D – Fuq l-ewwel motiv — Perijodi għall-applikazzjoni fuq l-art

    36.

    L-ewwel motiv huwa maqsum f’ħames partijiet li jikkonċernaw il-perijodi għall-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti. Skont il-punt 1 tal-Parti A tal-Anness II tad-Direttiva dwar in-nitrati, il-kodiċijiet ta’ prattika agrikola tajba għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-perijodi ta’ żmien meta l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzant tkun barra minn lokha, sakemm tali dispożizzjonijiet ikunu rilevanti. Il-punt 1.1 tal-Anness III tal-istess direttiva jipprovdi wkoll li l-programmi ta’ azzjoni għandhom jinkludu regoli dwar il-perijodi ta’ żmien meta l-applikazzjoni fuq l-art ta’ ċerti tipi ta’ fertilizzanti għandha tkun ipprojbita.

    37.

    Franza tirribatti għal dan il-motiv billi tinvoka esklużivament il-punt 1 tal-Anness I tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, li jinkludi regoli ġodda fir-rigward tal-parti l-kbira tal-partijiet ta’ dan il-motiv. Għalkemm dan id-digriet ministerjali daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Diċembru 2011, ir-rekwiżiti prinċipali, skont l-Artikolu 2(II) tiegħu, ma kellhomx japplikaw — kif tirrikonoxxi Franza — qabel l-1 ta’ Settembru 2012. Għaldaqstant, fiż-żmien rilevanti, dawn ir-rekwiżiti prinċipali ma kinux jifformaw parti mill-qafas legali applikabbli.

    38.

    Għaldaqstant, ir-regoli rilevanti huma dawk li kienu applikabbli preċedentement u li jinsabu fid-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001. Dawn ir-regoli, l-istess bħar-regoli l-ġodda, jagħmlu distinzjoni bejn, minn naħa, uċuħ tar-raba’ differenti u, min-naħa l-oħra, tipi differenti ta’ fertilizzanti. Fir-rigward tal-uċuħ tar-raba’, issir distinzjoni bejn l-uċuħ tar-raba’ l-kbar tar-rebbiegħa u tal-ħarifa u l-mergħat li jkunu miżrugħa għal iktar minn sitt xhur. Fil-klassifikazzjoni tal-fertilizzanti, il-kategorija I tinkludi d-demel li jkun iktar solidu filwaqt li l-kategorija II tinkludi d-demel li jkun iktar likwidu, jiġifieri d-demel li jkun semi likwidu u d-demel likwidu. Il-kategorija III tinkludi, fost oħrajn, fertilizzanti artifiċjali.

    1. Fuq il-partijiet tal-motiv li ma humiex ikkontestati fuq il-mertu

    39.

    Il-Kummissjoni ssostni li Franza naqset milli twettaq l-obbligi tagħha sa fejn:

    ma stabbilixxietx projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija I għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar tal-ħarifa u għall-mergħat li jkunu miżrugħa għal iktar minn sitt xhur,

    stabbilixxiet projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija I għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar tar-rebbiegħa li tapplika biss matul Lulju u Awwissu,

    stabbilixxiet projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija II għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar tal-ħarifa li tapplika biss mill-1 ta’ Novembru sal-15 ta’ Jannar u sa fejn ma stabbilixxietx tali projbizzjoni fir-rigward ta’ fertilizzanti tal-kategorija III għall-perijodu wara l-15 ta’ Jannar,

    stabbilixxiet projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija II għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar tar-rebbiegħa li tapplika biss sal-15 ta’ Jannar.

    40.

    Fir-rigward tal-assenza kompleta ta’ projbizzjoni, il-Kummissjoni ssostni li, skont il-punt 1 tal-Parti A tal-Anness II u skont il-punt 1.1 tal-Anness III tad-Direttiva dwar in-nitrati, l-Istati Membri huma obbligati, bħala prinċipju, li jadottaw tali projbizzjonijiet. Għaldaqstant, il-fatt li ma tiġix stabbilita projbizzjoni għandu jiġi ġġustifikat.

    41.

    Sa fejn il-Kummissjoni tikkritika li l-projbizzjonijiet eżistenti huma inadegwati, hija ssostni li ma għandu jiġi applikat ebda fertilizzant wara li jintemm jew qabel ma jibda l-perijodu ta’ tkabbir.

    42.

    Madankollu, Franza ma tipprovax tiġġustifika għaliex numru ta’ projbizzjonijiet ma ġewx stabbiliti u lanqas ma tipprova tispjega fuq x’hiex huma bbażati l-perijodi ta’ applikabbiltà tal-projbizzjonijiet ikkritikati. Permezz tal-argumenti tagħha, hija sempliċement tippreżenta jew tiddefendi l-projbizzjonijiet minimi fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art introdotti permezz tal-Parti I tal-Anness I tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011.

    43.

    B’hekk, Franza ma hijiex qiegħda tegħleb il-kritika li r-regoli eżistenti qabel l-2011 ma kinux adegwati. Sa fejn ir-regoli l-ġodda kienu għadhom ma daħlux fis-seħħ fiż-żmien rilevanti għal din il-kawża, dawn il-partijiet tal-motiv huma fondati.

    44.

    Sa fejn il-Kummissjoni tikkritika r-regoli l-ġodda ( 23 ), l-argumenti tagħha jistgħu jiġu miċħuda direttament abbażi tal-fatt li, kif sostniet ġustament Franza, dawn l-ilmenti, bi ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut u tal-Artikolu 38(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, li jikkonċerna l-preżentata ta’ rikors [li sar l-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura] ma jirriżultawx mir-rikors iżda minn anness tal-opinjoni motivata ( 24 ).

    45.

    Dan japplika iktar u iktar fil-kawża ineżami sa fejn, fir-rikors, il-Kummissjoni kkritikat biss perijodi partikolari li matulhom tapplika projbizzjoni filwaqt li huwa biss fl-imsemmi anness li tindika liema huma l-perijodi li matulhom tapplika projbizzjoni li hija tqis li huma adegwati. Madankollu, dan l-argument tal-aħħar jista’ jibdel is-suġġett tal-kawża u għalhekk kien imissu ġie identifikat b’mod ċar fir-rikors (u fil-proċedura prekontenzjuża). L-osservazzjonijiet f’dan ir-rigward magħmula fir-replika huma, skont l-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jikkonċerna l-preżentata ta’ replika [li sar l-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura], tardivi.

    46.

    Madankollu, dan ma jfissirx li l-Parti I tal-Anness I tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Novembru 2011 ma hijiex ikkonċernata minn dan il-motiv. B’mod partikolari, Franza ppreżentat b’mod parzjali biss ir-regoli l-ġodda dwar l-applikazzjoni fuq mergħat. Dawn ir-regoli jinkludu eċċezzjoni għall-applikazzjoni fuq mergħat ta’ demel li ma tantx iniġġes, ikklassifikat fil-kategorija I, sa limitu massimu ta’ 20 kg nitroġenu għal kull ettaru ( 25 ). Madankollu, jekk il-bdiewa japplikaw tant nitroġenu kull xahar, dan ikun ifisser li f’sena jkunu ġew applikati 240 kg nitroġenu, ammont li huwa ferm iktar minn dak permess mill-punt 2 tal-Anness III tad-Direttiva dwar in-nitrati. Fid-dawl ta’ din l-eċċezzjoni li hija daqstant wiesgħa, il-Parti I tal-Anness I tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 għandha għaldaqstant titqies, fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ demel tal-kategorija I fuq mergħat, bħala li tintroduċi bidla negliġibbli fil-qafas legali li kien preċedentament applikabbli. Għaldaqstant, din ir-regola taqa’ fis-suġġett ta’ din il-kawża sa fejn tippermetti l-applikazzjoni ta’ demel tal-kategorija I fuq mergħat matul is-sena kollha ( 26 ) .

    47.

    Għaldaqstant, Franza kisret l-Artikolu 5(4), il-punt 1 tal-Parti A tal-Anness II u l-punt 1.1 tal-Anness III tad-Direttiva dwar in-nitrati sa fejn,

    id-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 ma jistabbilixxix projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija I għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar tal-ħarifa, u

    il-Parti I tal-Anness I tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 tistabbilixxi biss limitazzjoni negliġibbli fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija I għall-mergħat li jkunu miżrugħa għal iktar minn sitt xhur,

    id-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 jipprojbixxi l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija I għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar tar-rebbiegħa bejn l-1 ta’ Lulju u l-31 ta’ Awwissu biss,

    id-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 jipprojbixxi l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija II għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar tal-ħarifa bejn l-1 ta’ Novembru u l-15 ta’ Jannar biss, kif ukoll sa fejn

    id-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 jipprojbixxi l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija III għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar tal-ħarifa u ta’ fertilizzanti tal-kategorija II għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar tar-rebbiegħa sal-15 ta’ Jannar biss.

    2. Fuq l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija II għall-mergħat li jkunu miżrugħa għal iktar minn sitt xhur

    48.

    Il-Kummissjoni tinsisti li Franza għandha tipprojbixxi l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija II għall-mergħat sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Settembru, u mhux b’effett mill-15 ta’ Novembru kif previst fid-digrieti ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 u tad-19 ta’ Diċembru 2011. Hija ssostni li l-uċuħ tar-raba’ jibdew jikbru, u għalhekk jibdew jassorbixxu n-nitroġenu, meta t-temperatura ta’ barra tkun ta’ 5 gradi Celsius. Barra minn hekk, in-nitroġenu organiku jimmineralizza ruħu anki f’temperaturi iktar baxxi, jiġifieri jieħu forma li tkun disponibbli għall-uċuħ tar-raba’. Sabiex jiġi evitat ir-riskju li dan in-nitroġenu jnixxi, huwa meħtieġ li l-fertilizzant jiġi applikat sa mhux iktar tard minn 15-il jum qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tkabbir. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni żżid li l-fertilizzanti tal-kategorija II fihom konċentrazzjonijiet partikolarment għolja ta’ nitroġenu mmineralizzat. Għaldaqstant, ir-riskju ta’ tniġġis tal-ilma huwa partikolarment għoli.

    49.

    Fil-fehma ta’ Franza, huwa meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni aspetti oħra. Madankollu, l-argumenti tagħha huma kkonċentrati essenzjalment fuq il-fertilizzanti tal-kategorija I, li ma humiex rilevanti għall-ilment ineżami.

    50.

    Fir-rigward tal-fertilizzanti tal-kategorija II, Franza ssostni, b’mod relattivament ġenerali, li n-nitroġenu organiku li jinsab f’tali fertilizzanti ma jiġix immineralizzat daqstant malajr bħalma qiegħda ssostni l-Kummissjoni. Franza ssostni li sabiex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed nitroġenu disponibbli meta jibda l-perijodu ta’ tkabbir, ikun jagħmel sens li l-fertilizzant jiġi applikat diġà lejn l-aħħar tal-ħarifa preċedenti.

    51.

    Franza, madankollu, ma tikkontradixxix l-argument konklużiv tal-Kummissjoni dwar il-proporzjon relattivament għoli ta’ nitroġenu li jkun diġà mmineralizzat f’dawn il-fertilizzanti. B’hekk, l-applikazzjoni fuq l-art fil-ħarifa tkabbar ir-riskju li nitroġenu mmineralizzat inixxi matul ix-xitwa, u b’hekk jikkontribwixxi għat-tniġġis tal-ilma, minflok ma jiġi assorbit mill-uċuħ tar-raba’.

    52.

    Lanqas l-argument dwar in-nuqqas ta’ nitroġenu (“faim d’azote”) minħabba l-eliminazzjoni tan-nitroġenu mill-mikroorganiżmi ma jista’ jiġġustifika applikazzjoni fuq l-art fil-ħarifa. Għall-kuntrarju, il-parti l-kbira tan-nitroġenu applikat fil-ħarifa wisq probabbli jkun eliminat jew inixxi sa meta tasal ir-rebbiegħa. L-uniku mod sabiex jiġi evitat ir-riskju tal-eliminazzjoni huwa li l-applikazzjoni fuq l-art issir kemm jista’ jkun qrib il-perijodu ta’ tkabbir.

    53.

    Għaldaqstant, Franza naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(4), il-punt 1 tal-Parti A tal-Anness II u l-punt 1.1 tal-Anness III tad-Direttiva dwar in-nitrati sa fejn il-Parti I tal-Anness I tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 ma tipprojbixxix l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija II għall-mergħat li jkunu miżrugħa għal iktar minn sitt xhur b’effett mill-15 ta’ Settembru.

    3. Fuq l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija III għall-mergħat li jkunu miżrugħa għal iktar minn sitt xhur

    54.

    Il-Kummissjoni teżiġi li l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija III għall-mergħat għandha tkun ipprojbita wkoll fi Frar f’żoni muntanjużi fejn it-temperaturi jibqgħu taħt il-5 gradi Celsius matul dan il-perijodu ta’ żmien. Dan la huwa previst mid-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 u lanqas mid-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011.

    55.

    Il-qofol ta’ dan l-argument jinsab fil-fatt li, f’temperaturi baxxi, l-uċuħ tar-raba’ ma jikbrux u għalhekk ma jassorbux nitroġenu. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-Parti A tal-Anness II tad-Direttiva dwar in-nitrati għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi bħalma huma l-karatteristiċi ġeoloġiċi u klimatiċi ta’ kull reġjun ( 27 ). Fir-rigward tar-rekwiżiti previsti fil-punt 1.1 tal-Anness III, mill-Artikolu 5(3)(b) diġà jirriżulta li l-fatt li, f’żoni muntanjużi ikun hemm temperaturi baxxi għal żmien itwal, għandu għaldaqstant jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art.

    56.

    Franza ma tikkontradixxix dan l-argument konvinċenti tal-Kummissjoni.

    57.

    Għaldaqstant, Franza naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(4), il-punt 1 tal-Parti A tal-Anness II u l-punt 1.1 tal-Anness III tad-Direttiva dwar in-nitrati sa fejn il-Parti I tal-Anness I tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 ma tipprojbixxix l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija III għall-mergħat li jkunu miżrugħa għal iktar minn sitt xhur f’żoni muntanjużi fi Frar, meta t-temperaturi jkunu għadhom inqas minn 5 gradi Celsius.

    E – Fuq it-tieni motiv — Kapaċità tal-kontenituri għall-ħażna tad-demel

    58.

    Permezz tat-tieni motiv, il-Kummissjoni tikkontesta r-regoli Franċiżi dwar il-ħażna tad-demel.

    59.

    Skont il-punt 5 tal-Parti A tal-Anness II tad-Direttiva dwar in-nitrati, il-kodiċijiet ta’ prattika agrikola tajba għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-kapaċità u l-kostruzzjoni ta’ kontenituri għall-ħażna tad-demel, inklużi miżuri dwar il-prevenzjoni tat-tniġġis tal-ilma kkawżat mill-iskular jew mit-tnixxija ta’ likwidi li jkun fihom id-demel u ta’ effluwenti mill-materjali tal-pjanti maħżuna, bħall-għalf tal-ħaxix, fl-ilma ta’ taħt l-art jew fl-ilma tal-wiċċ, sa fejn dan il-punt ikun rilevanti. Barra minn hekk, skont il-punt 1.2 tal-Anness III, il-programmi ta’ azzjoni għandhom jinkludu regoli dwar il-kapaċità tal-kontenituri għall-ħażna tad-demel. Dawn il-kontenituri għandhom ikunu ta’ kapaċità ikbar minn dik meħtieġa għall-ħażna tad-demel matul l-itwal perijodu ta’ żmien li matulu tkun ipprojbita l-applikazzjoni tad-demel fuq ir-raba’ f’żoni vulnerabbli, sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma jingħatawx provi li l-kwantitajiet ta’ demel li jaqbżu l-kapaċità attwali tal-ħażna jiġu eliminati b’mod li ma jikkawżax ħsara lill-ambjent.

    60.

    Il-Kummissjoni ssostni li Franza ma stabbilixxietx regoli preċiżi għall-kalkolu, b’mod li jista’ jiġi vverifikat, tal-kapaċitajiet meħtieġa. Sa fejn għall-finijiet tal-kalkolu ġew indikati perijodi ta’ żmien partikolari, dawn il-perijodi ta’ żmien huma qosra wisq u l-ħażna ta’ demel solidu ma għandhiex tkun permessa fl-għelieqi.

    1. Fuq l-assenza ta’ regoli preċiżi għall-kalkolu tal-kapaċità ta’ ħażna meħtieġa

    61.

    Fil-fehma tal-Kummissjoni, ma huwiex biżżejjed li d-dritt Franċiż jistabbilixxi b’mod astratt l-għan tar-regoli dwar il-kapaċità tal-ħażna meħtieġa mingħajr ma jipprevedi ebda regoli konkreti dwar kif għandha tiġi kkalkolata l-kapaċità tal-ħażna tal-kontenituri individwali. La l-bdiewa u lanqas l-awtoritajiet ta’ sorveljanza ma jistgħu jiddeterminaw liema huma l-kapaċitajiet neċessarji.

    62.

    Għalkemm Franza ma tikkontestax il-ħtieġa ta’ regola konkreta, b’risposta għall-argument tal-Kummissjoni hija ssostni li l-punt 1 tal-Parti II tal-Anness II tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 jinkludi l-kriterji meħtieġa. Skont dan il-punt, il-kapaċitajiet tal-ħażna għandhom ikopru l-perijodi li matulhom tkun ipprojbita l-applikazzjoni fuq l-art ta’ demel u għandhom jiġu kkalkolati permezz tal-metodu DEXEL (Diagnostic Environnement de l’Exploitation d’Elevage (dijanjosi ambjentali tal-irziezet li jkabbru l-annimali).

    63.

    Din id-dispożizzjoni daħlet formalment fis-seħħ hekk kif ġie ppubblikat id-digriet ministerjali. Franza ssostni, mingħajr ma hija kontradetta mill-Kummissjoni, li din id-dispożizzjoni kienet applikabbli immedjatament għall-perijodi attwali li matulhom tkun ipprojbita l-applikazzjoni fuq l-art. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni kienet diġà fis-seħħ meta skada t-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata, jiġifieri fit-28 ta’ Diċembru 2011, u għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kawża ineżami.

    64.

    Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li lanqas il-metodu DEXEL ma huwa ċar biżżejjed sa fejn ma jipprevedi ebda kriterji bażiċi għall-kalkolu tad-demel akkumulat. Għall-kuntrarju, dan il-metodu jipprevedi sett kumpless ta’ regoli li jkollhom jiġu applikati minn esperti akkreditati fir-rigward ta’ kull razzett.

    65.

    Madankollu, ma jirriżultax b’mod ċar li l-involviment ta’ esperti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ ħażna neċessarji huwa inadegwat jew li huwa pprojbit mid-Direttiva dwar in-nitrati. Għall-kuntrarju, minn studju tal-Kummissjoni jirriżulta li l-kalkolu preċiż tal-kapaċitajiet ta’ ħażna neċessarji huwa kompitu kumpless ħafna ( 28 ) li effettivament jista’ jkun jeħtieġ l-involviment ta’ esperti.

    66.

    Fil-proċedura prekontenzjuża l-Kummissjoni qajmet ukoll il-kritika li l-metodu DEXEL iwassal għal kapaċitajiet ta’ ħażna insuffiċjenti. Il-Kummissjoni kkonkretizzat din il-kritika fir-replika, b’mod ammissibbli, fis-sens li ma huwa previst ebda marġni ta’ sigurtà u li l-metodu jieħu inkunsiderazzjoni wkoll, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kapaċitajiet ta’ ħażna, il-limitazzjonijiet ekonomiċi u agronomiċi tal-irziezet.

    67.

    Il-ħtieġa ta’ marġni ta’ sigurtà tirriżulta mill-formulazzjoni tal-punt 1.2 tal-Anness III tad-Direttiva dwar in-nitrati. Skont dan il-punt, il-kapaċità tal-kontenituri għall-ħażna tad-demel għandha taqbeż dik meħtieġa għall-ħażna tad-demel matul l-itwal perijodu ta’ żmien.

    68.

    Madankollu, Franza ġustament issostni li marġni minimu ta’ sigurtà huwa previst fil-punt 1.3 tal-Parti II tal-Anness I tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011. Skont dan il-punt, għandhom jiġu inklużi riskji relatati mal-klima, jiġifieri r-riskju ta’ perijodi addizzjonali li matulhom ma għandux jiġi applikat id-demel minħabba, pereżempju, li l-art tkun iffriżata. Għaldaqstant, din il-parti tal-motiv tal-Kummissjoni ma hijiex fondata.

    69.

    Fir-rigward tal-limitazzjonijiet ekonomiċi u agronomiċi, ma hemm xejn fid-Direttiva dwar in-nitratti li tali limitazzjonijiet jistgħu jiġġustifikaw xi tip ta’ derogi mir-rekwiżiti tagħha. Fil-każ li razzett ma jkunx jista’ jipprovdi l-kapaċità ta’ ħażna meħtieġa u lanqas ma jkun jista’ jipprova eliminazzjoni tad-demel b’mod li ma tikkawżax ħsara lill-ambjent, tali razzett għandu jillimita b’mod korrispondenti n-numru ta’ annimali.

    70.

    Madankollu, mis-siltiet tad-dokument dwar il-metodu DEXEL ( 29 ) ippreżentati mill-Kummissjoni ma jistax jiġi dedott li dan il-metodu, meta applikat għall-finijiet tal-kalkolu tal-kapaċitajiet ta’ ħażna neċessarji, jitwettaq fuq il-bażi ta’ limitazzjonijiet ekonomiċi u agronomiċi. Għall-kuntrarju, dawn is-siltiet huma intiżi sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tad-Direttiva dwar in-nitrati mingħajr spejjeż żejda.

    71.

    Dak li jista’ jiġi kkritikat, l-iktar l-iktar, huwa l-fatt li l-metodu jipprevedi miżuri tranżitorji sakemm tintlaħaq il-kapaċità ta’ ħażna neċessarja u b’hekk jaċċetta, sakemm tkun disponibbli kapaċità ta’ ħażna suffiċjenti, applikazzjoni fuq l-art li tmur kontra d-Direttiva dwar in-nitrati. Issa, għalkemm ftit li xejn huwa realistikament prattiku li wieħed jinsisti li l-bdiewa ma japplikawx demel minkejja li l-kontenituri tagħhom ikunu diġà mimlija, l-Istati Membri xorta waħda jkunu qegħdin jiksru d-Direttiva dwar in-nitrati jekk jippermettu tali aġir. Dawn għandhom għall-kuntrarju jiżguraw li l-bdiewa, f’każ ta’ bżonn, ikunu jistgħu jaħżnu d-demel żejjed b’xi mod ieħor jew jeliminawh inkonformità mar-regoli applikabbli. Dan iżda ma huwiex punt li jaqa’ fis-suġġett tar-rikors.

    72.

    Għaldaqstant, din il-parti tal-motiv ma hijiex fondata.

    2. Fuq it-tul tal-itwal perijodu ta’ żmien ta’ ħażna li għandu jiġi kopert

    73.

    Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni espressament li l-itwal perijodu ta’ żmien ta’ ħażna li minnu jirriżulta l-kalkolu tal-kapaċitajiet ta’ ħażna huwa qasir wisq.

    74.

    Din il-parti tal-motiv hija fondata sa fejn, skont il-punt 2 tal-Artikolu 2(I) tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, il-kalkolu tal-kapaċitajiet ta’ ħażna neċessarji għandu jkun ibbażat fuq il-projbizzjonijiet ta’ applikazzjoni l-ġodda sa mhux iktar tard minn tliet snin wara l-adozzjoni tal-ħames programm ta’ azzjoni u, fi kwalunkwe każ, mhux iktar tard mill-1 ta’ Lulju 2016. Peress li l-projbizzjonijiet ta’ applikazzjoni huma attwalment stabbiliti b’mod li jkopru perijodu qasir wisq ( 30 ), il-kapaċitajiet ta’ ħażna previsti neċessarjament ma jkoprux dak li huwa meħtieġ.

    75.

    Il-Kummissjoni, madankollu, tmur lil hinn minn dan: fil-fehma tagħha, fid-dipartimenti kollha li jinsabu fir-reġjuni Bretagne, Basse-Normandie, Haute-Normandie, Picardie, Champagne-Ardenne, Lorraine, Alsace, Poitou-Charentes, Franche-Comté, Ile-de-France, Rhône-Alpes, Auvergne, Bourgogne, Pays de Loire, Nord-Pas-de-Calais u Centre għandu jiġi stabbilit perijodu ta’ żmien ta’ minn tal-inqas sitt xhur filwaqt li fid-dipartimenti li jinsabu fir-Reġjuni Languedoc-Roussillon, Aquitaine, Midi-Pyrénées u Côte d’Azur għandu jiġi stabbilit perijodu ta’ żmien ta’ minn tal-inqas ħames xhur. Il-Kummissjoni tibbaża dawn il-perijodi ta’ żmien fuq l-istudju tal-2001 ( 31 ).

    76.

    Franza tirribatti dak li targumenta l-Kummissjoni billi ssostni li dawn ir-rekwiżiti huma ta’ natura wisq ġenerali. Fil-fehma tagħha, hemm numru kbir ta’ fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u li jistgħu jwasslu għal perijodi ta’ żmien differenti.

    77.

    Hija tenfasizza tnejn minn dawn il-fatturi: minn naħa, it-trattament ta’ demel solidu jew ta’ kompost ta’ tiben u demel (“fumier compact pailleux”), li fi Franza huwa ddefinit bħala fertilizzant tal-kategorija I, u, min-naħa l-oħra, id-daqs tal-mergħat.

    78.

    Franza tippreżenta sommarju ta’ studju, li l-kontenut tiegħu ma ġiex ikkontestat mill-Kummissjoni u li minnu jirriżulta li diversi tipi ta’ fertilizzant u b’mod partikolari l-kompost ta’ tiben u demel inizjalment iżommu iktar nitroġenu mmineralizzat milli jirrilaxxaw ( 32 ). Għaldaqstant, anki meta dawn il-fertilizzanti jiġu applikati relattivament kmieni wisq qabel il-perijodu tat-tkabbir, ir-riskju li jiġi kkawżat tniġġis tal-ilma huwa limitat. Studju iktar reċenti ppubblikat mill-Kummissjoni jasal għall-istess konklużjonijiet ( 33 ).

    79.

    Barra minn hekk, apparentament, mergħat jistgħu jassorbixxu nitroġenu fuq perijodi ta’ żmien ħafna itwal meta mqabbla ma’ wċuħ tar-raba’ oħra. Għalhekk, l-istudju tal-2011 ippubblikat mill-Kummissjoni jindika li, fir-rigward tal-mergħat, il-perijodi ta’ żmien li għandhom jiġu koperti huma ħafna iqsar minn dawk li għandhom jiġu koperti fir-rigward ta’ wċuħ oħra tar-raba’, u, b’mod partikolari għal Franza, jindika perijodi ta’ bejn xahrejn u sitt xhur, skont ir-reġjun ( 34 ). Dan l-istudju huwa rilevanti għall-kawża ineżami sa fejn jaġġorna l-informazzjoni xjentifika li tinsab fl-istudju tal-2001 invokat mill-Kummissjoni.

    80.

    Għaldaqstant, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-oġġezzjonijiet l-oħra kollha ta’ Franza, jista’ jingħad li l-perijodi ta’ żmien fissi ta’ sitt jew ħames xhur, li l-Kummissjoni tixtieq li Franza timplementa, ma jistgħux jiġu ġġustifikati fir-rigward ta’ kull parti ta’ Franza.

    81.

    F’dan is-sens, dawn il-perijodi ta’ żmien ikunu probabbilment twal wisq għal razzett fejn, fil-parti tan-nofsinhar ta’ Franza, jitkabbru l-annimali fuq mergħat estensivi. Għall-kuntrarju, razzett fit-tramuntana li jkabbar l-annimali b’mod intensiv u li juża l-artijiet tiegħu esklużivament għat-tkabbir tal-għalf, jaf ikollu jibbaża l-kalkolu tal-kapaċitajiet ta’ ħażna neċessarji fuq perijodi ta’ żmien saħansitra itwal.

    82.

    Għaldaqstant, Franza naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(4), il-punt 5 tal-Parti A tal-Anness II u l-punt 1.2 tal-Anness III tad-Direttiva dwar in-nitrati sa fejn, skont il-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2(I) kif ukoll skont il-Parti II tal-Anness I tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, il-kapaċitajiet għall-ħażna tad-demel għandhom jiġu kkalkolati fuq il-bażi ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art li tapplika matul perijodu ta’ żmien qasir wisq. Il-kumplament ta’ din il-parti tal-motiv huwa infondat.

    3. Fuq il-ħażna fl-għelieqi

    83.

    Permezz tal-aħħar parti tat-tieni motiv, il-Kummissjoni ssostni li l-programmi ta’ azzjoni kollha ta’ Franza jippermettu l-ħażna ta’ kompost ta’ tiben u demel fl-għelieqi għal perijodu ta’ għaxar xhur, mingħajr ma huwa meħtieġ kisi fuq l-art jew fuq il-kompost. B’hekk, in-nitrati jistgħu jispiċċaw fl-ilma ta’ taħt l-art u, meta jkun hemm xita qawwija, anki fl-ilma tal-wiċċ. Fir-replika tagħha l-Kummissjoni ssostni għall-ewwel darba li l-kundizzjonijiet previsti fid-dritt Franċiż fir-rigward tal-ħażna ma humiex ikkontrollati b’mod adegwat.

    84.

    F’dan ir-rigward, Franza ssostni, l-ewwel nett, li, fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li ħażna temporanja għal ftit ġimgħat kienet permissibbli ( 35 ). Għaldaqstant, din il-parti hija ammissibbli biss sa fejn il-Kummissjoni qiegħda tikkritika l-ħażna għal iktar minn ftit ġimgħat.

    85.

    It-tieni nett, fir-rigward tal-kontroll tal-konformità ma’ dawn il-kundizzjonijiet, il-kritika magħmula mill-Kummissjoni fir-replika testendi s-suġġett tal-kawża. Din il-kritika, b’mod partikolari, ma tikkonċernax direttament ir-riskju ta’ tniġġis ikkawżat mill-prassi permessa iżda tikkonċerna r-riskju ta’ ħażna pprojbita ta’ demel fl-għelieqi li ma kienx għadu tqajjem.

    86.

    Madankollu, sa fejn il-Kummissjoni, fir-rikors tagħha, tikkontesta l-kundizzjonijiet tal-ħażna, jiġifieri n-nuqqas ta’ kisi fuq l-art u fuq id-demel, l-ilment tagħha kien, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Franza, inkluż minn tal-inqas b’mod impliċitu fl-ilment imqajjem fil-proċedura prekontenzjuża fir-rigward ta’ ħażna għal żmien eċċessiv fl-għelieqi. Dan sa fejn dawn il-kundizzjonijiet huma karatteristiċi tar-riskju, assoċjat ma’ din il-prassi, li jkun hemm tniġġis tal-ilma. Għaldaqstant, din il-parti hija ammissibbli.

    87.

    Huwa minnu li Franza tinvoka regola li, skont l-Artikolu 2(II) tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 daħlet fis-seħħ wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri l-punt 2 tal-Parti II tal-Anness I. Madankollu, skont dak li tallega Franza mingħajr ma hija kontradetta, dawn ir-regoli jikkorrispondu għar-raba’ programm ta’ azzjoni li kien diġà fis-seħħ. Għaldaqstant dawn jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kawża ineżami.

    88.

    Dawn ir-regoli jnaqqsu r-riskju ta’ tniġġis ta’ ilma sa fejn jipprevedu li l-kompost ta’ tiben u demel għandu l-ewwel jinħażen fil-magħluq għal xahrejn, b’tali mod li t-tnixxijiet li jista’ jkun fihom in-nitrati jilħqu joħorġu. Mill-bqija, demel li jkun pjuttost niexef ftit li xejn ikun fih eċċess ta’ nitrati sa fejn in-nitroġenu mmineralizzat jerġa’ jiġi assorbit mill-mikroorganiżmi ( 36 ).

    89.

    Franza ssostni, madankollu, li l-assorbiment mill-mikrobi ta’ nitroġenu mmineralizzat huwa wkoll limitat fiż-żmien, b’mod partikolari għall-ħarifa u għax-xitwa ( 37 ). Madankollu, sa fejn id-demel jista’ jinħażen għal perijodu li jista’ jkun ta’ għaxar xhur, wieħed jista’ jassumi li fil-perijodi iktar sħan tas-sena jerġa’ jakkumula eċċess ta’ nitroġenu mmineralizzat. Huwa l-iktar tard f’dan il-punt li toħroġ ir-rilevanza tal-fatt li ma huwiex previst l-obbligu li jkun hemm kisi fuq l-art taħt id-demel u fuq id-demel. Kompost ta’ tiben u demel li jkun maħżun fil-miftuħ jista’ jixxarrab bl-ilma tax-xita, ilma li jassorbi n-nitroġenu u jittrasportah fl-ilma ta’ taħt l-art jew fl-ilma tal-wiċċ.

    90.

    Għaldaqstant, Franza naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(4), il-punt 5 tal-Parti A tal-Anness II u l-punt 1.2 tal-Anness III tad-Direttiva dwar in-nitrati sa fejn il-punt 2 tal-Parti II tal-Anness I tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 jippermetti l-ħażna ta’ kompost ta’ tiben u demel fl-għelieqi għal perijodu ta’ għaxar xhur mingħajr ma jipprovdi li għandu jkun hemm kisi fuq l-art taħt id-demel u fuq id-demel.

    F – It-tielet motiv — Fertilizzazzjoni ekwilibrata

    91.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, skont l-Artikolu 5(4)(a) tad-Direttiva dwar in-nitratti, ikkunsidrat flimkien mal-punt 1.3 tal-Anness III tagħha, il-miżuri li għandhom jiġu inklużi fil-programm ta’ azzjoni għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-limitazzjoni tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti li jkunu bbażati fuq ibbilanċjar bejn il-bżonnijiet prevedibbli f’termini ta’ nitroġenu tal-uċuħ tar-raba’ u n-nitroġenu li dawn jassorbu mill-art u mill-fertilizzanti ( 38 ). Din l-interpretazzjoni tal-punt 1.3 tal-Anness III hija barra minn hekk ikkonfermata mill-għan tad-Direttiva, jiġifieri li jiġu stabbiliti l-istrumenti neċessarji sabiex tiġi żgurata, fl-Unjoni, il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis min-nitrati minn sorsi agrikoli ( 39 ).

    92.

    Il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm jirriproduċu dawn il-prinċipji, ir-regoli Franċiżi ma jimplementawhomx b’mod direttament applikabbli. Sabiex il-bdiewa jkunu jistgħu jikkalkolaw l-ammont ta’ demel li jistgħu japplikaw, huwa meħtieġ li jkun identifikat metodu ċar għall-kalkolu kif ukoll li jkunu ddeterminati l-parametri neċessarji. Dawn il-parametri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari d-diversi tipi ta’ wċuħ tar-raba’, l-effettività tan-nitroġenu fid-diversi tipi ta’ demel u l-ammont ta’ nitroġenu li diġà jkun jinsab fl-art.

    93.

    Franza tressaq essenzjalment żewġ oġġezzjonijiet għal dan il-motiv: l-ewwel nett, id-Direttiva dwar in-nitrati ma teżiġix tali regoli ddettaljati u, it-tieni nett, il-punt 1 tal-parti III tal-Anness I tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 huwa ħafna iktar adegwat sabiex tiġi żgurata fertilizzazzjoni ekwilibrata milli huma r-rekwiżiti tal-Kummissjoni.

    94.

    Fir-rigward tal-ewwel oġġezzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat li l-punt 1.3 tal-Anness III tad-Direttiva dwar in-nitrati għandu jiġi implementat b’mod preċiż ( 40 ). Għall-finijiet tal-livell ta’ preċiżjoni meħtieġ għandhom jitqiesu l-persuni indirizzati mir-regoli. Dawn għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw liema obbligi huma suġġetti għalihom. Fil-każ li r-regoli rispettivi jkunu indirizzati lill-bdiewa, dawn għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw b’mod preċiż, permezz tal-mezzi li jkunu disponibbli għalihom, l-ammonti ta’ demel li jistgħu japplikaw fuq l-art.

    95.

    F’dan l-istadju ma huwiex meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk dawn ir-rekwiżiti jistgħux jiġu ssodisfatti biss permezz tas-sistema mixtieqa mill-Kummissjoni.

    96.

    Id-dispożizzjonijiet introdotti minn Franza żgur ma jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti sa fejn, meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, dawn id-dispożizzjonijiet kienu għadhom ma humiex applikabbli għall-bdiewa. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(II) tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, il-punt 1(c) tal-Parti III tal-Anness I tal-istess digriet ministerjali, li jistabbilixxi l-obbligi tal-bdiewa, japplika b’effett mill-1 ta’ Settembru 2012.

    97.

    Barra minn hekk, għalkemm is-sistema stabbilita fil-punt 1(a) u (b) tal-Parti III tal-Anness I tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 kienet diġà fis-seħħ fiż-żmien rilevanti, din is-sistema xorta waħda kienet għadha ma tistax tiġi applikata. L-imsemmi punt 1(a) jipprevedi b’mod partikolari l-istabbiliment ta’ dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni, jiġifieri preparazzjoni operazzjonali u l-elaborazzjoni tagħha permezz ta’ parametri. Skont l-imsemmi punt 1(b), dawn għandhom jiġu stabbiliti mir-reġjuni għal kull wiċċ tar-raba’ u għall-mergħat. Skont il-Kummissjoni, kien fl-1 ta’ Settembru 2012, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu rilevanti, li dawn ir-regoli daħlu fis-seħħ.

    98.

    Sa fejn tikkontesta għall-ewwel darba fir-replika n-nuqqasijiet sostanzjali ta’ dawn ir-regoli reġjonali u ta’ ċerti regoli ddettaljati tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni qiegħda tipprova testendi s-suġġett tal-kawża ineżami. Għaldaqstant, dawn l-argumenti huma inammissibbli.

    99.

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-regoli preċedenti li jinsabu fil-punt 2.3 tal-Anness tad-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001, li fiż-żmien rilevanti kienu ċertament japplikaw għall-bdiewa, dawn sempliċemenet jipprovdu li l-bdiewa għandhom jiżguraw fertilizzazzjoni ekwilibrata fis-sens tal-punt 1.3 tal-Anness III tad-Direttiva dwar in-nitrati.

    100.

    L-argumenti ta’ Franza bbażati fuq dawn ir-regoli qiegħed nifhimhom fis-sens li l-bdiewa huma meħtieġa jiddeterminaw huma stess, għal kull biċċa art individwali, x’tip ta’ fertilizzazzjoni hija permissibbli. Din is-soluzzjoni hija preferibbli mid-definizzjoni ta’ parametri speċifiċi sa fejn tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni kompletament il-kundizzjonijiet lokali.

    101.

    Fit-teorija dan l-approċċ jiggarantixxi l-aħjar fertilizzazzjoni possibbli. Madankollu, il-kawża ineżami turi li d-determinazzjoni tal-fertilizzazzjoni permissibbli hija kompitu ferm kumpless. Ma huwiex evidenti li kull bidwi jista’ jkun kapaċi jwettaq dan il-kompitu b’mod korrett jekk ma jingħatax rekwiżiti konkreti ( 41 ). Barra minn hekk, fl-assenza ta’ kriterji li jkunu jistgħu jiġu faċilment ivverifikati, jeżisti perikolu sinjifikattiv ta’ abbuż. Ta’ min jgħid ukoll li fir-regoli l-ġodda tagħha Franza stess abbandunat dan l-approċċ favur regoli reġjonali ta’ implementazzjoni.

    102.

    Għaldaqstant, Franza naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(4) u l-punt 1.3 tal-Anness III tad-Direttiva dwar in-nitrati sa fejn, fid-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001, ma stabbilixxietx regoli speċifiċi biżżejjed dwar il-fertilizzazzjoni ekwilibrata.

    G – Fuq ir-raba ’ motiv — Osservanza tal-limitu massimu ta ’ 170 kg nitroġenu għal kull ettaru u għal kull sena

    103.

    Dan il-motiv jikkonċerna l-metodu applikat fi Franza sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-limitu massimu ta’ 170 kg nitroġenu għal kull ettaru u għal kull sena skont il-punt 2 tal-Anness III tad-Direttiva dwar in-nitrati. Il-punt 3 tal-imsemmi anness jippermetti li dan l-ammont jiġi kkalkolat fuq il-bażi tan-numru tal-annimali. Dan il-metodu huwa applikat fi Franza fejn huma indikati ammonti ta’ nitroġenu għad-diversi speċi ta’ annimali, li jinkludi d-demel applikat f’sena minn annimal tal-ispeċi inkwistjoni.

    104.

    Id-determinazzjoni tal-ammonti ta’ nitroġenu permissibbli fuq il-bażi tan-numru tal-annimali hija manifestament maħsuba sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-limitu massimu. Ma huwiex meħtieġ li l-bdiewa jeżaminaw l-ammont ta’ nitroġenu li jkun effettivament applikat. Sakemm in-numru tal-annimali tagħhom ma jaqbiżx il-kapaċità tal-artijiet li fuqhom jiġi applikat id-demel, ikun fil-fatt biżżejjed li d-demel jitferrex b’mod konsistenti sabiex jiġu ssodisfatti dawn il-kundizzjonijiet.

    105.

    Il-Kummissjoni iżda ssostni li l-ammonti ta’ nitroġenu fid-demel applikat stabbiliti minn Franza fir-rigward tad-diversi speċi ta’ annimali huma baxxi wisq.

    106.

    Fir-rigward ta’ dan il-motiv Franza tinvoka, b’mod żbaljat, ir-regoli l-ġodda li jinsabu fid-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, speċifikament fl-Anness II, regoli li skont il-Parti V tal-Anness I, ikkunsidrata flimkien mal-Artikolu 2(II), huma applikabbli b’effett mill-ħarifa tal-2012. Madankollu, dawn ir-regoli huma rilevanti biss għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-valuri ta’ demel prodotti mill-baqar imrobbija għall-ħalib sa fejn il-valuri għall-annimali l-oħra baqgħu l-istess.

    1. Fuq il-baqar imrobbija għall-ħalib

    107.

    Il-Kummissjoni tibbaża l-kritika tagħha dwar il-valuri ta’ demel prodotti mill-baqar imrobbija għall-ħalib fuq żewġ argumenti xjentifiċi: l-ewwel nett, il-produzzjoni tal-ħalib tal-baqar ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni. Biż-żieda fil-produzzjoni tal-ħalib ser ikun hemm ukoll żieda fl-ammonti ta’ demel prodotti. It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkritika l-applikazzjoni ta’ hekk imsejħa koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni li huma għoljin wisq.

    108.

    Franza ma tikkontestax l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq il-produzzjoni tal-ħalib u b’mod partikolari l-bażi xjentifika tagħhom. Għall-kuntrarju, il-Parti B tal-Anness II tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 jikkonferma l-pożizzjoni tal-Kummissjoni. Fl-imsemmija parti ġew stabbiliti, minflok valur wieħed ta’ demel prodott, diversi valuri li jiddependu mill-produzzjoni tal-ħalib. Għaldaqstant, sa dan il-punt din il-parti tal-motiv hija fondata.

    109.

    It-tieni argument, li jikkonċerna l-hekk imsejħa koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni, jeħtieġ li jiġi kkjarifikat. Dawn il-koeffiċjenti jippermettu li, mill-ammonti ta’ nitroġenu prodotti, titnaqqas proporzjon li tikkorrispondi għall-ammont li jintilef fl-arja qabel l-applikazzjoni. Dan it-tnaqqis kien dedott minn deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn ġie deċiż li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu massimu annwali ta’ 170 kg nitroġenu, huwa rilevanti n-nitroġenu li jkun applikat permezz tad-demel. Għaldaqstant, il-volatilizzazzjoni ta’ nitroġenu matul l-applikazzjoni ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni bl-iskop li jiġi applikat tnaqqis ( 42 ). Madankollu, il-Kummissjoni ma hijiex qiegħda tikkontesta li, f’dan il-kuntest, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni n-nitroġenu li jkun diġà ntilef qabel l-applikazzjoni, jiġifieri fl-istalla u matul il-ħażna tad-demel.

    110.

    Sabiex twettaq dan it-tnaqqis, Franza tapplika l-koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni. Qabel id-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, dan il-koeffiċjent kien ta’ 30 % għall-baqar imrobbija għall-ħalib. B’hekk Franza tassumi li 30 % tan-nitroġenu prodott fl-istalla jintilef fl-arja fl-istalla stess jew matul il-ħażna tad-demel. Madankollu, il-Kummissjoni tinvoka kontribuzzjoni xjentifika tal-2007 ( 43 ) li minnha jirriżulta koeffiċjent ta’ 24 % biss.

    111.

    Id-dokumentazzjoni prodotta minn Franza tikkonferma din iċ-ċifra ( 44 ). Fil-fatt, id-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 ma baqax japplika koeffiċjent ta’ 30 % iżda ta’ 25 %.

    112.

    Għaldaqstant, Franza naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar in-nitrati, ikkunsidrat flimkien mal-punti 2 u 3 tal-Anness III tagħha, sa fejn id-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 ma jiħux inkunsiderazzjoni b’mod adegwat, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valuri ta’ demel prodotti mill-baqar imrobbija għall-ħalib, id-differenza fil-produzzjoni tal-ħalib u sa fejn huwa bbażat fuq koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni għolja wisq.

    113.

    Sa fejn il-Kummissjoni tikkontesta r-regoli tranżitorji li jkopru l-perijodu bejn l-1 ta’ Settembru 2012 u l-31 ta’ Awwissu 2013, għandu jingħad li dawn ir-regoli ma jaqgħux fis-suġġett tal-kawża ineżami. L-argumenti tagħha għalhekk huma inammissibbli.

    2. Fuq l-annimali tar-razzett l-oħra

    114.

    Fir-rigward tal-annimali tar-razzett l-oħra, il-Kummissjoni tillimita l-kritika tagħha għall-koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni rispettivi, li ma nbidlux permezz tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011. Madankollu, il-Kummissjoni rtirat il-kritika tagħha fir-rigward tal-ħnieżer.

    115.

    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ewwel oġġezzjoni mressqa minn Franza u tammetti li, fir-rigward tal-annimali tal-ifrat, bl-eċċezzjoni tal-baqar imrobbija għall-ħalib, hija wettqet żball ta’ kalkolu fl-iżvolġiment ta’ din il-kritika fir-rikors li wassal għal rappreżentazzjoni żbaljata tal-konsegwenzi tal-koeffiċjenti kkritikati. Barra minn hekk, hija lanqas ma tikkontesta l-argument ta’ Franza li dan l-istess żball jikkonċerna wkoll ir-rappreżentazzjoni tal-konsegwenzi fir-rigward tal-annimali tar-razzett l-oħra. Madankollu, dan l-iżball ta’ kalkolu ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jitwarrab l-ilment dwar l-applikazzjoni ta’ koeffiċjenti għolja wisq.

    116.

    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, f’tabella dwar l-annimali tal-ifrat l-oħra, il-Kummissjoni indikat, b’mod żbaljat, li kellha tapplika koeffiċjent ta’ 30 % meta mbagħad effettivament applikat koeffiċjent ta’ 21 % ( 45 ). Dan seta’ wassal sabiex Franza taħseb, b’mod żbaljat, li l-Kummissjoni ma kinitx għadha tikkontesta l-koeffiċjent Franċiż ( 46 ). Madankollu, l-iżball manifestament tal-pinna mwettaq mill-Kummissjoni ma jistax jingħata dan is-sinjifikat sa fejn il-kuntest u l-valuri effettivament indikati juru li l-Kummissjoni kompliet billi applikat koeffiċjent iżgħar.

    117.

    Franza ssostni wkoll li l-koeffiċjenti kkontestati kienu kkalkolati permezz ta’ metodu li huwa aħjar mill-valuri li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni. Il-valuri tal-Kummissjoni huma bbażati fuq l-ammonti ta’ nitroġenu li jiġu rrilaxxati mill-istalel u mill-kontenituri tad-demel fl-arja ċirkostanti. Għall-kuntrarju, il-valuri Franċiżi kienu bbażati fuq paragun bejn in-nitroġenu prodott u n-nitroġenu li jkun għadu jinsab fid-demel meta dan jinħareġ mill-istalla jew mill-kontenitur sabiex jiġi applikat.

    118.

    Il-Kummissjoni ma tikkontestax b’mod espliċitu dan l-argument, li prima facie jidher plawżibbli, iżda tikkontestah minn tal-inqas b’mod impliċitu sa fejn tibqa’ tinsisti fuq il-valuri tagħha.

    119.

    Hemm dubji dwar il-pożizzjoni Franċiża sa fejn id-dokumentazzjoni ppreżentata minn Franza ma tippermettix li jiġi identifikat metodu partikolari li huwa ppreferut minn oħrajn iżda sempliċement tindika li l-valuri kollha użati fid-dokumentazzjoni huma bbażati fuq esperimenti li jieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kundizzjonijiet konkretament eżaminati tar-razzett tal-annimali ( 47 ). Barra minn hekk, fid-dawl tad-differenza kbira bejn il-valuri identifikati, għandu jiġi enfasizzat u sostnut li l-koeffiċjenti Franċiżi jinsabu qrib ħafna tal-valuri mogħtija fid-dokumentazzjoni ( 48 ). Fl-aħħar nett, anki l-istudju ppreżentat mill-Kummissjoni għandu jiġi inkluż mingħajr ma jiddaħħal inkwistjoni.

    120.

    Barra minn hekk, minn konsultazzjoni tad-dokumenti Franċiżi li fihom jiġu identifikati għall-ewwel darba l-koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni li għadhom applikabbli attwalment għall-annimali tal-ifrat, jirriżulta li dawn huma sempliċement il-medja ta’ dak li d-dokumentazzjoni disponibbli dak iż-żmien kienet tindika fir-rigward tal-volatilizzazzjoni tan-nitroġenu prodott mill-baqar imrobbija għall-ħalib ( 49 ). Ma tirriżulta ebda diskussjoni dwar il-metodu.

    121.

    Għaldaqstant, ma jistax jingħad li hemm xi differenzi metodoloġiċi fir-rigward tad-determinazzjoni tal-koeffiċjenti li jistgħu jdaħħlu inkwistjoni l-bażi xjentifika ta’ dan il-motiv tal-Kummissjoni.

    122.

    Tista’ tingħata iktar piż l-oġġezzjoni mressqa minn Franza fis-sens li d-data miġbura b’mod xjentifiku turi differenza kbira bejn il-volatilizzazzjoni ta’ nitrati fl-istalel u matul il-ħażna. Din id-differenza tipprekludi l-identifikazzjoni ta’ valur partikolari bħala l-uniku koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni korrett. F’dan is-sens, wieħed jista’ jifhem li l-Istati Membri, bħala prinċipju, huma liberi li jistabbilixxu koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni li jaqgħu fil-kuntest stabbilit mill-konklużjonijiet diverġenti tal-istudji xjentifiċi.

    123.

    Madankollu, tali marġni ta’ diskrezzjoni jkun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, prinċipju li għandu jiġi osservat fl-implementazzjoni tad-Direttiva dwar in-nitrati ( 50 ) u għaldaqstant anki fl-implementazzjoni tal-punti 2 u 3 tal-Anness III tagħha. Għaldaqstant, l-ammont ta’ demel prodott stabbilit għal kull annimal għandu jiżgura f’kull każ li l-limitu massimu ta’ 170 kg ma jinqabiżx. Dan jista’ jiġi żgurat biss jekk dan l-ammont jiġi stabbilit b’mod daqstant baxx li, irrispettivament mill-marġni ta’ differenza fil-valur reali ta’ volatilizzazzjoni, f’ebda każ ma jiġu applikati iktar minn 170 kg nitrati.

    124.

    Jekk ma jkunx hekk, ikun hemm ir-riskju li, minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi jew minħabba l-prattiki stabbiliti f’reġjuni partikolari, l-ammont ta’ nitroġenu assorbit mill-arja qabel l-applikazzjoni ikun konstantement inqas mill-ammont meħud inkunsiderazzjoni għall-koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni. B’hekk, l-ammont ta’ nitroġenu applikat fis-sena u għal kull ettaru jkun ta’ iktar minn 170 kg. Dan jista’ jwassal għal tniġġis tal-ilma li għandu jiġi evitat permezz tal-programmi ta’ azzjoni.

    125.

    Għaldaqstant, il-koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni, fuq il-bażi tan-numru ta’ annimali, tal-ammonti ta’ demel prodotti, determinazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tal-limitu massimu skont il-punti 2 u 3 tad-Direttiva dwar in-nitrati, jistgħu jiġu stabbilti biss fuq bil-bażi tal-iżgħar valuri ta’ volatilizzazzjoni li jistgħu jiġu vverifikati xjentifikament.

    126.

    Madankollu, jekk l-Istati Membri jkollhom l-intenzjoni jippermettu lill-bdiewa jużaw l-ogħla ammont permissibbli f’kull każ, l-ammonti ta’ demel prodotti permissibbli ma jistgħux jiġu stabbiliti permezz ta’ sempliċi standard ibbażat fuq in-numru tal-annimali. B’mod partikolari, kull standard għandu jkun marbut ma’ marġni ta’ sigurtà suffiċjenti li jippermetti li jiġi evitat li jinqabeż il-limitu massimu f’każijiet partikolari.

    127.

    Sa fejn il-koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni baxxi invokati mill-Kummissjoni huma essenzjalment ibbażati fuq kontribuzzjoni xjentifika tal-2007 ( 51 ), li ma ġietx ikkontestata minn Franza permezz ta’ data aħjar, dawn il-koeffiċjenti huma għaldaqstant rilevanti għall-motivi ineżami.

    128.

    Issa, Franza tapplika, għall-annimali l-oħra tar-razzett, koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni li huma manifestament ogħla minn dawk permessi fuq il-bażi tad-data tal-Kummissjoni, jiġifieri 30 % minflok 21 % għall-annimali tal-ifrat, 60 % minflok 30 % għat-tjur tar-razzett, 30 % minflok 9.5 % għan-nagħaġ u l-mogħoż, 30 % minflok 13 % għaż-żwiemel u 60 % minflok 45 % għall-fniek.

    129.

    Għaldaqstant, Franza naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar in-nitrati, ikkunsidrat flimkien mal-punti 2 u 3 tal-Anness III tagħha, sa fejn id-determinazzjoni tal-valuri ta’ produzzjoni ta’ demel għall-annimali tal-ifrat, minbarra l-baqar imrobbija għall-ħalib, kif ukoll għat-tjur tar-razzett, għan-nagħaġ, għall-mogħoż, għaż-żwiemel u għall-fniek fl-Anness II tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 hija bbażata fuq koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni eċċessivi.

    H – Fuq il-ħames motiv — Applikazzjoni fuq art b’xaqliba wieqfa ħafna

    130.

    Skont il-punt 2 tal-Parti A tal-Anness II tad-Direttiva dwar in-nitrati, il-kodiċijiet ta’ prattika agrikola tajba għandhom jinkludu, sa fejn ikunu rilevanti, dispożizzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta’ fertilizzant fuq art agrikola li jkollha xaqliba wieqfa ħafna. Il-punt 3(a) tal-Parti 1 tal-Anness III jeżiġi wkoll li tittieħed inkunsiderazzjoni x-xaqliba tal-art agrikola.

    131.

    Permezz tal-ħames motiv, il-Kummissjoni ssostni li għalkemm Franza tipprojbixxi l-applikazzjoni fuq tali artijiet, ix-xaqliba permessa ma hijiex stabbilita. Skont il-Kummissjoni, l-applikazzjoni għandha tkun ipprojbita meta x-xaqliba tkun ta’ iktar minn 8 % fil-każ ta’ għelieqi filwaqt li fil-każ ta’ mergħat hija permessa meta x-xaqliba tkun sa 15 %.

    132.

    Min-naħa tagħha, Franza ssostni li ma huwiex meħtieġ li x-xaqliba tiġi rregolata. Għall-kuntrarju, hemm ħafna fatturi oħra li huma wkoll rilevanti għar-riskju ta’ tniġġis tal-ilma. Għaldaqstant, projbizzjoni f’termini ġenerali li tippermetti lill-bdiewa jieħdu dawn il-fatturi inkunsiderazzjoni hija suffiċjenti.

    133.

    Għalkemm il-Kummissjoni ma tikkontestax ir-rilevanza ta’ fatturi oħra, hija tippreżenta studju li jindika li jkun hemm riskju serju meta x-xaqliba tkun ta’ iktar minn 5 % u li jirrakkomanda li jiġi applikat fertilizzant biss sa meta x-xaqliba tkun ta’ 7 %. Meta jiġi applikat tagħmir adegwat jew f’reġjuni muntanjużi, jista’ jiġi applikat fertilizzant fuq art b’xaqliba sa 10 %. Madankollu, fi kwalunkwe każ, id-demel likwidu jista’ jiġi applikat biss fuq art b’xaqliba sa 7 % ( 52 ).

    134.

    Franza ma tressaq ebda argumenti xjentifiċi sabiex tikkontradixxi dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Dan jista’ jiġi interpretat fis-sens li dawn l-argumenti tal-Kummissjoni ma ġewx megħluba. Sa fejn il-programmi ta’ azzjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli, Franza ma adottatx regoli suffiċjenti dwar l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq art b’xaqliba wieqfa ħafna.

    135.

    Madankollu, fi studju iktar reċenti ppubblikat mill-Kummissjoni fuq l-internet, huwa rrakkomandat li ma jiġix applikat fertilizzant fil-wiċċ biss fuq artijiet mistrieħa li jkollhom xaqliba ta’ iktar minn 8 % u dan b’mod partikolari fil-każ ta’ ġnub ta’ għoljiet jew ta’ muntanji li jkunu itwal minn 100 metru. Il-projbizzjoni sħiħa fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti hija rrakkomandata biss fil-każ ta’ art b’xaqliba ta’ iktar minn 15 %. Dawn iż-żewġ rakkomandazzjonijiet japplikaw b’mod partikolari fil-viċinanza ta’ ilma tal-wiċċ ( 53 ).

    136.

    Il-ġnub ta’ għoljiet jew ta’ muntanji li jkunu itwal minn 100 metru jissemmew biss bħala eżempju ta’ riskju partikolari fil-każ ta’ ġnub b’xaqliba ta’ iktar minn 8 %. Għaldaqstant, dan il-fattur ma għandux jitqies bħala kundizzjoni neċessarja għall-obbligu li tiġi stabbilita projbizzjoni.

    137.

    Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, wieħed jista’ jaħseb li fir-rigward tal-viċinanzi ta’ ilma tal-wiċċ japplikaw l-istess kriterji bħal fir-rigward tal-ġnub ta’ għoljiet jew ta’ muntanji. Madankollu, l-istudju jillimita l-preżentazzjoni tar-riskji ta’ applikazzjoni fuq ġnub b’xaqliba wieqfa ħafna għal tniġġis tal-ilma tal-wiċċ. Għaldaqstant, l-applikazzjoni fuq artijiet b’xaqliba hija problematika għaliex id-demel jew in-nitroġenu li jkun diġà xolt fl-ilma jistgħu jkunu ttrasportati ’l isfel flimkien mal-ilma li jkun qiegħed jiskula. Meta dawn jispiċċaw fl-ilma tal-wiċċ, dan l-ilma jista’ jitniġġes direttament.

    138.

    Għalkemm wieħed jista’ jimmaġina li jeżistu riskji speċifiċi għall-ilma ta’ taħt l-art li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ demel fuq artijiet b’xaqliba wieqfa, dawn ir-riskji la ssemmew fl-istudju u lanqas fl-argumenti tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-projbizzjoni ta’ applikazzjoni fuq artijiet b’xaqliba hija neċessarja meta ma jkunx hemm ilma tal-wiċċ fil-viċinanzi.

    139.

    Minkejja dan, ir-regoli Franċiżi dwar l-applikazzjoni ta’ demel fil-viċinanzi ta’ ilma tal-wiċċ li jinsabu fil-Parti VI tal-Anness I tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 ma humiex ta’ natura li jegħlbu dan il-motiv. L-ewwel nett, skont l-Artikolu 2(II) tal-imsemmi digriet ministerjali, dawn ir-regoli wkoll daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2012, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu rilevanti, u għalhekk huma irrilevanti għall-kawża ineżami. It-tieni nett, ma jirriżultax b’mod ċar li l-arranġamenti previsti f’dawn ir-regoli huma ta’ natura li jeliminaw ir-riskju li jiġu introdotti sustanzi tossiċi fuq artijiet b’xaqliba wieqfa. B’mod partikolari, dawn ir-regoli japplikaw irrispettivament mix-xaqliba tal-artijiet fil-viċinanza u għalhekk huma fformulati b’mod oġġettivament xott wisq. Id-distanzi ta’ sigurtà huma ta’ bejn żewġ metri u ħamsa u tletin metru biss. Fil-każ ta’ ilma li jkun jinsab fil-qiegħ tal-ġnub ta’ għoljiet jew ta’ muntanji, dawn id-distanzi ma humiex ta’ natura li jipprekludu l-introduzzjoni diretta ta’ nitrati f’dan l-ilma.

    140.

    Għaldaqstant, Franza naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar in-nitrati, ikkunsidrat flimkien mal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness II u tal-punt 3(a) tal-Parti 1 tal-Anness III tagħha, sa fejn ma pprojbixxietx, fil-viċinanzi ta’ ilma tal-wiċċ, l-applikazzjoni ta’ demel fuq artijiet b’xaqliba ta’ iktar minn 15 % kif ukoll l-applikazzjoni ta’ demel fil-wiċċ fuq artijiet mistrieħa b’xaqliba ta’ bejn 8 % u 15 %. Il-kumplament ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

    I – Fuq is-sitt motiv — Art iffriżata jew miksija bil-borra

    141.

    Skont il-punt 3 tal-Parti A tal-Anness II tad-Direttiva dwar in-nitrati, il-programmi ta’ azzjoni għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta’ fertilizzant fuq art iffriżata jew miksija bil-borra. Skont il-punt 1.3(b) tal-Anness III, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet klimatiċi.

    142.

    Permezz tas-sitt motiv, il-Kummissjoni qiegħda ssostni li, skont il-punt 2.5(3) tal-Anness tad-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001, il-bdiewa jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, japplikaw fertilizzanti tal-kategorija I u III fuq art iffriżata. Dan jgħodd ukoll għall-applikazzjoni ta’ fertlizzanti tal-kategorija I fuq art miksija bil-borra. Fil-każ li l-friża fuq l-art tinħall u terġa’ tiffriża fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa, jistgħu jiġu applikati l-fertilizzanti kollha.

    143.

    Franza tirribatti dan il-motiv billi ssostni li fid-Direttiva dwar in-nitrati ma hija prevista ebda projbizzjoni assoluta fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq art iffriżata jew fuq art miksija bil-borra.

    144.

    Madankollu, il-marġni ta’ diskrezzjoni fl-implementazzjoni huwa ristrett mill-għan tad-Direttiva dwar in-nitrati u mill-pożizzjoni tax-xjenza ( 54 ). Mill-istudju ppreżentat mill-Kummissjoni jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ fertlizzanti fuq art iffriżata jew fuq art miksija bil-borra ma għandha tkun permessa fl-ebda każ għaliex tali applikazzjoni tirrappreżenta riskju sinjifikattiv għall-ilma ta’ taħt l-art u għall-ilma tal-wiċċ ( 55 ). Dan l-istess studju jenfasizza li l-bidla bejn l-istat iffriżat tal-art u l-istat mhux iffriżat tal-art tinkoraġġixxi preċiżament il-mineralizzazzjoni tan-nitroġenu. Il-komponenti tan-nitroġenu li jirriżultaw minn dan jinħallu fl-ilma u għalhekk jistgħu jniġġsu b’mod partikolari l-ilma ta’ taħt l-art sa fejn f’temperaturi tant baxxi l-uċuħ tar-raba’ ma jkunux għadhom qegħdin jassorbixxu nitroġenu ( 56 ).

    145.

    Franza ma tikkontestax dan l-argument ibbażat fuq raġunament xjentifiku.

    146.

    Huwa minnu li l-istudju iktar reċenti tal-Kummissjoni jikkunsidra relativizzazzjoni fir-rigward tal-projbizzjoni tal-applikazzjoni għal art niexfa u ffriżata li hija esposta għal riskju partikolari ta’ konsolidazzjoni minħabba l-mogħdija minn fuqha ( 57 ). Madankollu, l-eċċezzjonijiet Franċiżi ma jaqgħux f’din is-sitwazzjoni.

    147.

    Għaldaqstant, Franza naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar in-nitrati, ikkunsidrat flimkien mal-punt 3 tal-Parti A tal-Anness II u mal-punt 1.3(b) tal-Anness III tagħha, sa fejn il-punt 2.5(3) tal-Anness tad-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 jippermetti l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq art iffriżata fil-każ li l-friża fuq l-art tinħall u terġa’ tiffriża fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa kif ukoll jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti tal-kategoriji I u III fuq art iffriżata u ta’ fertilizzanti tal-kategorija I fuq art miksija bil-borra.

    V – L-ispejjeż

    148.

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet li jitilfu għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż jekk issir talba f’dan is-sens. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Franċiża tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li — minkejja li ċerti partijiet tal-motivi tal-Kummissjoni ġew miċħuda u minkejja li wħud mill-argumenti tal-Kummissjoni kienu inammissibbli — ir-Repubblika Franċiża essenzjalment tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

    VI – Konklużjoni

    149.

    Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

    1)

    Ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, ikkunsidrat flimkien mal-punti 1 sa 3 u 5 tal-Parti A tal-Anness II tagħha kif ukoll flimkien mal-punti 1.1, 1.2 u 1.3, kif ukoll 2 u 3 tal-Anness III tagħha, sa fejn

    id-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001, dwar il-programm ta’ azzjoni nazzjonali li għandu jiġi implementat fir-rigward taż-żoni vulnerabbli bil-għan li jitnaqqas it-tniġġis tal-ilma min-nitrati minn sorsi agrikoli, ma jistabbilixxix projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija I għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar tal-ħarifa;

    il-Parti I tal-Anness I tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, dwar il-programm ta’ azzjoni nazzjonali li għandu jiġi implementat fir-rigward taż-żoni vulnerabbli bil-għan li jitnaqqas it-tniġġis tal-ilma min-nitrati minn sorsi agrikoli, tistabbilixxi biss limitazzjoni negliġibbli fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija I għall-mergħat li jkunu miżrugħa għal iktar minn sitt xhur;

    id-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 jipprojbixxi l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija I għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar tar-rebbiegħa bejn l-1 ta’ Lulju u l-31 ta’ Awwissu biss;

    id-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 jipprojbixxi l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija II għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar tal-ħarifa bejn l-1 ta’ Novembru u l-15 ta’ Jannar biss;

    id-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 jipprojbixxi l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija III għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar tal-ħarifa u ta’ fertilizzanti tal-kategorija II għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar tar-rebbiegħa sal-15 ta’ Jannar biss;

    il-Parti I tal-Anness I tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 ma tipprojbixxix l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija II għall-mergħat li jkunu miżrugħa għal iktar minn sitt xhur b’effett mill-15 ta’ Settembru;

    il-Parti I tal-Anness I tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 ma tipprojbixxix l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tal-kategorija III għall-mergħat li jkunu miżrugħa għal iktar minn sitt xhur f’żoni muntanjużi fi Frar, meta t-temperaturi jkunu għadhom inqas minn 5 gradi Celsius;

    skont il-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2(I) kif ukoll skont il-Parti II tal-Anness I tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, il-kapaċitajiet għall-ħażna tad-demel għandhom jiġu kkalkolati fuq il-bażi ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art li tapplika matul perijodu ta’ żmien qasir wisq;

    il-punt 2 tal-Parti II tal-Anness I tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 jippermetti l-ħażna ta’ kompost ta’ tiben u demel fl-għelieqi għal perijodu ta’ għaxar xhur mingħajr ma jipprovdi li għandu jkun hemm kisi fuq l-art taħt id-demel u fuq id-demel;

    fid-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001, ma stabbilixxietx regoli speċifiċi biżżejjed dwar il-fertilizzazzjoni ekwilibrata;

    id-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 ma jiħux inkunsiderazzjoni b’mod adegwat, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valuri ta’ demel prodotti mill-baqar imrobbija għall-ħalib, id-differenza fil-produzzjoni tal-ħalib u sa fejn huwa bbażat fuq koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni għolja wisq;

    id-determinazzjoni tal-valuri ta’ produzzjoni ta’ demel għall-annimali tal-ifrat, minbarra l-baqar imrobbija għall-ħalib, kif ukoll għat-tjur tar-razzett, għan-nagħaġ, għall-mogħoż, għaż-żwiemel u għall-fniek fl-Anness II tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 hija bbażata fuq koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni eċċessivi;

    ma pprojbixxietx, fil-viċinanzi ta’ ilma tal-wiċċ, l-applikazzjoni ta’ demel fuq artijiet b’xaqliba ta’ iktar minn 15 % kif ukoll l-applikazzjoni ta’ demel fil-wiċċ fuq artijiet mistrieħa b’xaqliba ta’ bejn 8 % u 15 %; kif ukoll sa fejn

    il-punt 2.5(3) tal-Anness tad-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 jippermetti l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq art iffriżata fil-każ li l-friża fuq l-art tinħall u terġa’ tiffriża fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa kif ukoll sa fejn jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti tal-kategoriji I u III fuq art iffriżata u ta’ fertilizzanti tal-kategorija I fuq art miksija bil-borra.

    2)

    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

    3)

    Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68), fil-verżjoni tagħha kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, li jadatta numru ta’ strumenti suġġetti għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tal-proċedura regolatorja bi skrutinju —– Adattament għall-proċedura regolatorja bi skrutinju (ĠU L 311, p. 1).

    ( 3 ) Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, ibbażat fuq ir-rapporti tal-Istati Membri għall-perijodu 2008-2011 [COM (2013) 683 final].

    ( 4 ) Dokument ta’ ħidma intern għall-membri tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż mar-Rapport dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, ibbażat fuq ir-rapporti tal-Istati Membri għall-perijodu 2008-2011, SWD (2013) 405 final, Parti 3/4 , p. 41.

    ( 5 ) Dokument tal-Kummissjoni SWD (2013) 405 final (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, p. 17).

    ( 6 ) JORF tat-13 ta’ Jannar 2001, p. 655.

    ( 7 ) JORF tal-25 ta’ Marzu 2001, p. 4712.

    ( 8 ) JORF tal-21 ta’ Diċembru 2011, p. 21556.

    ( 9 ) Sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-235/04, Ġabra p. I-5415, punt 52); tas-6 ta’ Settembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-150/11, punt 43), u tas-6 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C-286/12, punt 41).

    ( 10 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-221/03, Ġabra p. I-8307, punti 24 et seq).

    ( 11 ) Sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 1965, Il-Kummissjoni vs L-Italja (45/64, Ġabra p. 1126, p. 1143 et seq); tas-17 ta’ Novembru 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-105/91, Ġabra p. I-5871, punt 13), u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 39).

    ( 12 ) Sentenzi tal-1 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-203/03, Ġabra p. I-935, punt 30), u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 41).

    ( 13 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 41).

    ( 14 ) Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-322/00, Ġabra p. I-11267, punt 46).

    ( 15 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 46).

    ( 16 ) Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et (C-60/05, Ġabra p. I-5083, punt 27); tal-25 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-334/04, Ġabra p. I-9215, punt 32), u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-418/04, Ġabra p. I-10947, punt 63).

    ( 17 ) Environmental Resources Management, Evaluation des programmes d’action élaborés par les États membres (2001), Anness A-10 tar-rikors.

    ( 18 ) A. Gac, F. Béline, T. Bioteau, u K. Maguet (2007) “A French inventory of gaseous emissions (CH4, N20, NH3) from livestock manure management using a mass-flow approach”, Livestock Science 112 (2007) 252-260.

    ( 19 ) DLO-Alterra Wageningen UR et, Recommendations for establishing Action Programmes under Directive 91/676/EEC concerning the protection of waters against pollution caused by nitrates from agricultural sources (http://ec.europa.eu/environment/water/water-nitrates/pdf/study4.zip).

    ( 20 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).

    ( 21 ) Sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-6/04, Ġabra p. I-9017, punt 26); tal-10 ta’ Mejju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-508/04, Ġabra p. I-3787, punt 73), u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 219).

    ( 22 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi tat-28 ta’ Jannar 2010 fil-Kawża C-526/08, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (Ġabra p. I-6151, punt 99).

    ( 23 ) L-aħħar sentenza tal-punt 108 tar-rikors.

    ( 24 ) Paġna 446 tal-annessi mar-rikors.

    ( 25 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 tal-Parti I tal-Anness I tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011.

    ( 26 ) Ara l-punt 25 iktar ’il fuq.

    ( 27 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 136).

    ( 28 ) Ara l-istudju tal-2011 (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, Parti B, Farming practices in relation to water pollutions risks, p. 46).

    ( 29 ) http://www.inst-elevage.asso.fr/IMG/pdf/Dexel_Methode_et_referentiel.pdf, p. 63.

    ( 30 ) Ara l-punti 36 et seq iktar ’il fuq.

    ( 31 ) Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17.

    ( 32 ) Anness 3 tar-risposta, p. 93.

    ( 33 ) Ara l-istudju tal-2011 (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, Part B, Farming practices in relation to water pollution risks, p. 43).

    ( 34 ) Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna, Part D, Recommendations for Measures, p. 47.

    ( 35 ) Paġni 392 u 394 tal-Annessi mar-rikors.

    ( 36 ) Ara l-punt 78 iktar ’il fuq.

    ( 37 ) Ara l-Anness 3 tar-risposta, p. 97.

    ( 38 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 71).

    ( 39 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 73).

    ( 40 ) Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-266/00, Ġabra p. I-2073, punt 30).

    ( 41 ) Ara l-punt 35 iktar ’il fuq.

    ( 42 ) Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-161/00, Ġabra p. I-2753, punt 46).

    ( 43 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.

    ( 44 ) Anness 5 tar-risposta, p. 101 et seq.

    ( 45 ) Punt 132 tar-replika.

    ( 46 ) Punt 171 tal-kontroreplika.

    ( 47 ) Anness 5 tar-risposta, p. 103.

    ( 48 ) Anness 5 tar-risposta, p. 103 et seq.

    ( 49 ) CORPEN, Estimation des flux d’azote, de phosphore et de potassium associés aux bovins allaitants et aux bovins en croissance et à l’engrais, issus des troupeaux allaitants et laitiers et à leur système fourrager (2001), p. 6, b’riferiment għall-valuri għall-baqar imrobbija għall-ħalib, CORPEN, Estimation des flux d’azote, de phosphore et de potassium associés aux vaches laitières et à leur système fourrager (1999), p. 5.

    ( 50 ) Ara l-punt 30 iktar ’il fuq.

    ( 51 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.

    ( 52 ) Studju tal-2011 (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, p. 18).

    ( 53 ) Studju tal-2011 (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, Part D, Recommendations for Measures, p. 54 et seq).

    ( 54 ) Ara l-punti 30 et seq iktar ’il fuq.

    ( 55 ) Studju tal-2001 (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, p. 16).

    ( 56 ) Studju tal-2001 (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, p. 17).

    ( 57 ) Studju tal-2011 (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, Part D, Recommendations for Measures, p. 55 et seq).

    Top