EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CC0144

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 6 ta' Marzu 2013.
Goldbet Sportwetten GmbH vs Massimo Sperindeo.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberster Gerichtshof - l-Awstrija.
Regolament (KE) Nru 1896/2006 - Proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas - Artikoli 6 u 17 - Oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea mingħajr kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Istat Membru tal-oriġini - Regolament (KE) Nru 44/2001 - Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali - Artikolu 24 - Dehra tal-konvenut quddiem il-Qorti li quddiemha tressqet il-kawża - Applikabbiltà fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea.
Kawża C-144/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:136

Opinion of the Advocate-General

Opinion of the Advocate-General

1. Il-kawża preżenti tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 (2) li jistabbilixxi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, il-kompetenza hija ddeterminata skont ir-regoli tad-dritt Komunitarju applikabbli fir-rigward, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 44/2001 (3) .

2. B’mod iktar partikolari, il-kwistjoni hija dik li jiġi stabbilit jekk il-kontestazzjoni mressqa kontra ordni għall-ħlas Ewropew hijiex ekwivalenti għad-dehra, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, u għalhekk għall-aċċettazzjoni tal-kompetenza tal-qorti inkarigata mill-proċedura ċivili ordinarja, li hija sussegwenti għall-proċedura prevista fir-Regolament Nru 1896/2006.

3. F’dawn il-konklużjonijiet ser nispjega r-raġunijiet għalfejn, fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt tal-kontestazzjoni tat-talba għall-ordni għall-ħlas Ewropew ma huwiex ekwivalenti għad-dehra, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, fil-proċedura ċivili ordinarja li hija sussegwenti għall-proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas.

4. Ser nindika wkoll għaliex, fl-opinjoni tiegħi, il-fatt li l-persuna li tikkontesta din it-talba ta’ ordni għall-ħlas Ewropew tkun ippreżentat xi argumenti fuq il-mertu tal-kawża waqt din il-kontestazzjoni ma għandu l-ebda impatt f’dan ir-rigward.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Nru 1896/2006

5. Ir-Regolament Nru 1896/2006 jistabbilixxi proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas. L-Artikolu 1(1)(a) ta’ dan ir-regolament jindika li “[dan għandu l-għan] li jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’każijiet transkonfinali fir-rigward ta’ talbiet mhux kontestati ta’ flus permezz tal-ħolqien ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea”.

6. Skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan l-istess regolament:

“Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata skond ir-regoli rilevanti tal-liġi Komunitarja, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 44/2001.”

7. L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 jistabbilixxi kif ġej:

“1. Il-konvenut jista’ jressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea mal-qorti ta’ oriġini bl-użu tal-formola standard F kif stabbilit fl-Anness VI, li għandha tiġi fornuta lilu flimkien ma’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea.

2. Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandha tintbagħat fi żmien 30 jum min-notifika ta’ l-ordni fuq il-konvenut.

3. Il-konvenut għandu jindika fid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni li hu qed jikkontesta t-talba, mingħajr m’għandu għalfejn jispeċifika r-raġunijiet għal dan.

[…]”

8. L-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:

“1. Jekk dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tiddaħħal fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), il-proċedimenti għandhom ikomplu qabel il-qrati kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini b’mod konformi mar-regoli ta’ proċedura ċivili ordinarja sakemm il-pretendent ma jkunx talab b’mod espliċitu biex f’dak il-każ jintemmu l-proċedimenti.

Fejn il-pretendent ressaq it-talba tiegħu permezz tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, xejn taħt il-liġi nazzjonali m’għandu jippreġudika l-pożizzjoni tiegħu fi proċedimenti ċivili ordinarji sussegwenti.

2. It-trasferiment għal proċedimenti ċivili ordinarji fi ħdan it-tifsira ta’ paragrafu 1 għandu jiġu regolat mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini.

3. Il-pretendent għandu jiġi infurmat dwar jekk il-konvenut ikunx ressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni u dwar kwalunkwe trasferiment għal proċedimenti ċivili ordinarji.”

2. Ir-Regolament Nru 44/2001

9. Ir-Regolament Nru 44/2001 jikkonċerna l-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali. L-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament jindika li:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1) a) f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

b) għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

– […]

– fil-każ ta’ provista ta servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi.

[…]”

10. L-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li:

“Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandiex tapplika meta d-dehra kienet saret biex ikun ikkontestat il-ġurisdizzjoni, jew meta qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22.”

B – Id-dritt Awstrijak

11. L-Artikolu 252 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Awstrijak (Zivilprozessordnung), fir-rigward tal-proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas, jistabbilixxi li, sakemm ir-Regolament Nru 1896/2006 ma jipprovdix xorta oħra, għandhom jiġu segwiti r-regoli proċedurali applikabbli għas-suġġett inkwistjoni. Dan l-artikolu jippreċiża li l-implementazzjoni tal-proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas taqa’ fl-ambitu tal-kompetenza esklussiva tal-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (l-Awstrija). Barra minn hekk, dejjem skont din id-dispożizzjoni, jekk l-oppożizzjoni tiddaħħal sat-terminu stabbilit, il-qorti tinnotifika lir-rikorrent, u tistiednu jindika, fi żmien 30 ġurnata, il-forum kompetenti li quddiemu għandha titressaq il-proċedura ordinarja. L-eċċezzjoni tal-inkompetenza tal-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża, għandha tiġi ppreżentata qabel id-dehra tiegħu fuq il-mertu.

II – Il-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12. Goldbet Sportwetten GmbH (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) hija impriża li għandha s-sede tagħha fl-Awstrija u li torganizza mħatri sportivi. M. Sperindeo (iktar ’il quddiem l-“intimat”) huwa ddomiċiljat fl-Italja. Dan intrabat, permezz ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, li jorganizza u li jieħu ħsieb it-tqassim tal-attivitajiet tar-rikorrenti fl-Italja. B’mod partikolari kellu jiġbor il-flus li jkunu ntlagħbu fl-istabbilimenti lokali u jibgħathom lir-rikorrenti, wara li jitnaqqsu l-ammonti li jkunu ntrebħu.

13. Din tal-aħħar, wara li qieset li l-intimat ma kienx issodisfa l-obbligi kuntrattwali tiegħu, talbet, fid-29 ta’ Diċembru 2009, u kisbet, fis-17 ta’ Frar 2010, mill-Bezirksgericht für Handelssachen Wien, il-qorti kompetenti f’dak li jikkonċerna l-proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas, ordni għall-ħlas Ewropew għall-finijiet tal-ħlas tas-somma ta’ EUR 16 406, flimkien mal-interessi u spejjeż bħala danni.

14. Fid-19 ta’ April 2010, l-intimat oppona, fiż-żmien stabbilit, l-ordni għall-ħlas Ewropew permezz tal-avukat tiegħu. L-oppożizzjoni kienet motivata mill-fatt li, skont hu, il-pretensjoni tar-rikorrenti kienet infondata u mhux eżegwibbli.

15. Permezz tad-digriet tat-2 ta’ Lulju 2010, il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien bagħtet il-kawża quddiem il-Landesgericht Innsbruck (l-Awstrija), peress li qieset li dan kien il-forum kompetenti skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1896/2006.

16. Għall-ewwel darba quddiem il-Landesgericht Innsbruck, l-intimat eċċepixxa l-inkompetenza ta’ din il-qorti peress li huwa kien iddomiċiljat l-Italja. Għalhekk talabha tiddikjara li hija kienet territorjalment inkompetenti u talabha tiċħad ir-rikors. Ir-rikorrenti qieset, min-naħa tagħha, li l-Landesgericht Innsbruck kienet kompetenti bħala l-qorti tal-post tal-eżekuzzjoni tal-obbligu għall-ħlas ta’ somma flus, skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001. Fi kwalunkwe każ, din il-qorti hija kompetenti skont l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, inkwantu l-intimat diġà deher peress li ppreżenta l-motivi fuq il-mertu fl-oppożizzjoni tiegħu għall-ordni għall-ħlas Ewropew, mingħajr ma qajjem l-eċċezzjoni tal-inkompetenza f’dak il-mument.

17. Permezz ta’ digriet, il-Landesgericht Innsbruck laqgħet it-talba tal-intimat, iddikjarat li hija inkompetenti u ċaħdet ir-rikors. Ir-rikorrenti ppreżentat appell kontra dan id-digriet quddiem l-Oberlandesgericht Innsbruck (l-Awstrija). L-appell ġie miċħud għar-raġuni li l-qrati Awstrijaċi huma, fil-prinċipju, inkompetenti, peress li l-pretensjonijiet tar-rikorrenti huma bbażati fuq kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi u peress li l-post tal-eżekuzzjoni miftiehem fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 kien jinsab fl-Italja. Il-qorti tal-appell żiedet tgħid li l-inkompetenza tal-qorti li quddiemha kienet tressqet il-kawża, ma ġietx irrimedjata permezz tad-dehra b’mod konformi mal-Artikolu 24 tar-Regolament 1896/2006.

18. Ir-rikorrenti ppreżentat appell għal “Reviżjoni” quddiem l-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) kontra d-deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Innsbruck, li permezz tiegħu talbet l-annullament tad-deċiżjonijiet preċedenti u l-kontinwazzjoni tal-kawża quddiem il-Landesgericht Innsbruck.

19. Peress li kellha xi dubji dwar l-interpretazzjoni li kellha tingħata lid-dritt Ewropew, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1) L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 24 tar-Regolament Ewropew Nru 44/2001 […], rigward l-istabbiliment tad-domiċilju [tal-[ġurisdizzjoni] kompetenti minħabba d-dehra tal-konvenut, għandu wkoll jiġi applikat fil-kuntest ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea?

2) Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari:

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1896/2006 flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sempliċi fatt li ssir oppożizzjoni kontra l-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea tgħodd bħala dehra jekk l-oppożizzjoni ma tinkludix kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini?

3) Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għat-tieni domanda preliminari:

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1896/2006 flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fatt li ssir oppożizzjoni, mill-iktar, jagħti ġurisdizzjoni minħabba d-dehra jekk l-oppożizzjoni tkun tinkludi diġà espożizzjoni tal-motivi fuq il-mertu iżda mhux kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni?”

III – L-analiżi tiegħi

20. Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li titressaq oppożizzjoni għat-talba għall-ordni għall-ħlas Ewropew huwa ekwivalenti għad-dehra, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, fil-proċedura ċivili ordinarja li hija sussegwenti għall-proċedura Ewropea tal-ordni għall-ħlas u jekk il-fatt li l-persuna li tkun qed topponi din it-talba ta’ ordni għall-ħlas Ewropew, tkun ippreżentat argumenti fuq il-mertu tal-kawża waqt din l-oppożizzjoni, għandux xi impatt f’dan ir-rigward.

21. Infakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, il-kompetenza hija ddeterminata, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, b’mod konformi mar-regoli tad-dritt Komunitarju applikabbli f’dan ir-rigward, b’mod partikolari skont ir-Regolament Nru 44/2001. Għandu jingħad li l-Artikolu 24 ta’ dan tal-aħħar jipprevedi proroga ta’ kompetenza impliċita favur il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża, fil-każijiet fejn l-intimat jidher quddiemha mingħajr ma jikkontesta l-kompetenza tagħha.

22. Bħall-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Awstrija kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, fl-opinjoni tiegħi, l-oppożizzjoni li ssir fir-rigward tal-ordni għall-ħlas Ewropew, ma hijiex ekwivalenti għad-dehra fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-fatt li l-persuna li tkun għamlet l-oppożizzjoni timmotiva din tal-aħħar, ma għandu, fl-opinjoni tiegħi, l-ebda impatt f’dan ir-rigward.

23. Fil-fatt, l-ewwel element tar-risposta jinsab fit-test tal-motivi tar-Regolament Nru 1896/2006.

24. Dawn jippreċiżaw, bl-iktar mod ċar, li l-proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas, stabbilita minn dan ir-regolament, hija proċedura intiża sabiex tistabbilixxi mekkaniżmu rapidu u uniformi għall-irkupru ta’ krediti ta’ flus mhux ikkontestati fl-Unjoni Ewropea kollha (4) .

25. Għalhekk, ir-Regolament Nru 1896/2006 huwa tweġiba għall-programm ta’ miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2000, li jipprevedi l-possibbiltà li tiġi stabbilita, fil-Komunità Ewropea, “ proċedura uniformi u armonizzata għal kisba ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ” (5), programm ikkonfermat fl-2004 permezz tal-programm ta’ Den Haag adottat mill-Kunsill Ewropew fil-5 ta’ Novembru 2004 (6) .

26. Din il-partikolarità ġiet imfakkra, barra minn hekk, mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 30 tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Szyrocka (7), li tesponi: “[f]l-aħħar nett, għandu jitfakkar, bħal ma jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 1896/2006, li dan għandu bħala għan b’mod partikolari li jissemplifika, li jħaffef u li jnaqqas l-ispejjeż ta’ proċedura fit-tilwim transkonfinali dwar dejn pekunjarju mhux ikkontestat. Hekk kif inhu pprovdut fil-premessi 8, 10 u 29 ta’ dan ir-regolament, minkejja li ma jissostitwixxix u lanqas ma jarmonizza l-mekkaniżmi nazzjonali ta’ rkupru ta’ dejn mhux ikkontestata, sabiex jinkiseb dan l-għan, huwa jintroduċi strument uniformi ta’ rkupru ta’ tali dejn, li jiggarantixxi kundizzjonijiet identiċi għall-kredituri u għad-debituri fl-Unjoni kollha.”

27. L-għan imsemmi jinvoka, mingħajr ebda dubju, għodda ġuridika li hija maħsuba biex tevita kwalunkwe kontestazzjoni fuq il-mertu u kwalunkwe dewmien ikkawżat, ġeneralment, mill-proċeduri ta’ natura ġuridika klassika. Sa fejn, barra minn hekk, din il-proċedura tista’, fuq diskrezzjoni tal-Istati Membri, tinstema’ quddiem qorti amministrattiva.

28. Fil-fatt, jidher li, biex jintlaħaq l-għan imfittex, l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi b’mod awtonomu t-terminu ta’ “qorti” bħala “kwalunkwe awtorità f’Stat Membru bil-kompetenza dwar ordnijiet ta’ ħlas Ewropea jew kwalunkwe kwistjonijiet relatati oħra” (8) . Dan jeskludi b’mod ċar li l-proċedura hija rriżervata għal istanzi ġudizzjarji jew amministrattivi, għal dawk l-Istati Membri fejn dawn huma preżenti.

29. Minn din il-perspettiva, is-sistema stabbilita mill-imsemmi regolament tippreżenta l-karatteristiċi segwenti.

30. Fl-ewwel lok, ma hijiex kontradittorja. Fil-fatt, il-ħruġ tal-ordni għall-ħlas Ewropew jew iċ-ċaħda tat-talba jsiru mill-awtorità nazzjonali kompetenti mingħajr ma jsir l-ebda dibattitu quddiemha (9), għalkemm din tal-aħħar tista’ titlob spjegazzjonijiet jew ġustifikazzjonijiet lir-rikorrent, biex ikun jista’ jiġi vverifikat, potenzjalment, jekk il-kreditu invokat jikklassifikax, għall-inqas prima facie , bħala “talbiet mhux ikkontestati”. F’dan l-istadju, id-debitur ma jinstemax u ma jista’ jressaq l-ebda argument.

31. Sussegwentement, id-debitur jidher biss fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-ordni għall-ħlas Ewropew, ladarba din tkun inħarġet. Fil-fatt, id-digriet tal-ordni għall-ħlas Ewropew ma jkunx magħruf mid-debitur ħlief meta dan jiġi kkomunikat lilu u minn dakinhar jibda jiddekorri terminu ta’ 30 jum li matulu jkun jista’ jopponi dan id-digriet (10) . L-oppożizzjoni tista’ ssir jew permezz ta’ formola standard li għandha tiġi mehmuża mad-digriet li jkun ġie nnotifikat jew mingħajr formola partikolari (11) . Din l-oppożizzjoni, fiha nnifisha, tħassar il-proċedura tal-ordni għall-ħlas Ewropew (12) . L-awtorità, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, ma tirrikonoxxihiex iktar. Il-kawża għalhekk ma tistax tkompli jekk mhux skont ir-regoli tal-proċedura ċivili ordinarja, li minn dak il-mument ’il quddiem, tkun l-unika applikabbli (13) .

32. Dawn il-prinċipji ta’ funzjonament ikunu biżżejjed fihom infushom, biex jiġġustifikaw li quddiem il-qorti ċivili ordinarja tinfetaħ proċedura li hija totalment ġdida fejn kollox irid jinbeda mill-ġdid, u dan anki fl-ipoteżi fejn l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ordni għall-ħlas Ewropew tkun ukoll il-qorti kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni fuq il-mertu.

33. Madankollu, għandu jingħad li din l-ipoteżi ma hijiex dik tal-kawża prinċipali, peress li l-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 1896/2006 hija l-Bezirksgericht für Handelssachen Wien u l-qorti maħtura minnu biex tieħu konjizzjoni fuq il-mertu, il-Landesgericht Innsbruck.

34. Fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni tibqa’ dik li jiġi stabbilit jekk il-fatt tal-oppożizzjoni mressqa għall-ordni għall-ħlas Ewropew, mhux permezz ta’ formola standard iżda permezz ta’ dokument dettaljat, kellux bħala konsegwenza l-estensjoni tal-kompetenza tal-qorti msejħa sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu, bl-imsemmija oppożizzjoni tkun waħda li tikkostitwixxi, għalhekk, dehra fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament 44/2001.

35. Jistgħu jitressqu numru ta’ argumenti kontra t-teżi li tiffavorixxi risposta fl-affermattiv.

36. Risposta fl-affermattiv tkun qed tirrikonoxxi li l-proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas u l-proċedura nazzjonali ċivili ordinarja jikkostitwixxu, realment, proċedura waħda u unika u li l-istanza unika bdiet, fil-fatt, quddiem l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ordni għall-ħlas Ewropew. Fil-fatt dan jirriżulta biss jekk l-espressjoni “il-proċedimenti għandhom ikomplu qabel […]”, imsemmija fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, tiġi interpretata fis-sens li l-proċedura wara l-oppożizzjoni għall-ordni għall-ħlas Ewropew hija l-istess bħal dik li nbdiet quddiem l-awtorità li quddiemha l-ewwel li tressqet il-kawża, peress li l-avvenimenti proċedurali li jseħħu f’dan l-istadju jorbtu sussegwentement lill-qorti li quddiemha titressaq il-kawża fuq il-mertu.

37. Irid jingħad għalhekk li l-intimat, li hawnhekk huwa d-debitur, ma jkollu l-ebda possibbiltà li jissolleva l-inkompetenza tal-qorti, peress li huwa għal kollox assenti sa mill-bidu tal-proċedura, kif semmejt fil-punti 30 u 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

38. Nistgħu nikkoreġu dan l-inkonvenjent billi jiġi meqjus li, għad-debitur, il-proċedura tibda meta ssirlu n-notifika tal-ordni għall-ħlas Ewropew. Madankollu, f’dan il-każ ikollna differenza fit-trattament li jidhrilna li tikkundanna totalment din l-aħħar interpretazzjoni.

39. Fil-fatt, l-oppożizzjoni li ssir permezz tal-formola standard tħalli l-kwistjoni tal-kontestazzjoni tal-kompetenza li waħedha għandha tiġi ttrattata mill-qorti tal-mertu. Min-naħa l-oħra, il-kontestazzjoni li ssir fuq karta normali, akkumpanjata minn ċerti argumenti, anki argumentazzjoni kompleta, tkun ekwivalenti għal dehra, u għalhekk għal aċċettazzjoni impliċita tal-kompetenza, filwaqt li r-Regolament, li jaċċetta din il-forma ta’ espressjoni ħielsa, jimponila biss kundizzjoni għall-validità waħda: li tikkostittwixxi oppożizzjoni espressa b’mod ċar.

40. Inkella, id-debitur ma jkollu l-ebda rikors f’każ ta’ evalwazzjoni żbaljata dwar il-kompetenza, mill-awtorità li tiddeċiedi fil-qasam tal-ordni għall-ħlas Ewropew, liema ħaġa, skont il-qorti tar-rinviju, kienet il-każ fil-kawża preżenti. F’ipoteżi bħal din, id-debitur ikun jista’ biss jirrimetti ruħu, jekk ikun il-każ, għas-setgħa tal-qorti nazzjonali li jqajjem ex officio l-inkompetenza tiegħu fil-kuntest tal-proċedura ċivili ordinarja.

41. Kif jista’ wieħed jiġġustifika li tali konsegwenza tista’ tirriżulta mill-proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas, li ma tiftaħ l-ebda possibbiltà ta’ appell? F’dan ir-rigward, waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li minkejja aċċettazzjoni impliċita tal-kompetenza fil-mertu li tirriżulta mill-oppożizzjoni stess imressqa kontra l-ordni għall-ħlas Ewropew, xorta jibqa possibbli li jiġi invokat in-nuqqas ta’ kompetenza tal-qorti ċivili ordinarja quddiemha. B’hekk, kieku kellha tiġi ammessa tali ipoteżi, ma nifhimx tajjeb għalfejn l-oppożizzjoni għandha titqies bħala dehra bil-konsegwenzi ġuridiċi relatati magħha.

42. Liema huwa l-livell ta’ preċiżjoni fl-argumentazzjoni li jrid jintlaħaq biex ikun jista’ jingħad li l-oppożizzjoni li tkun saret hija ekwivalenti għal dehra? Dan ma jġibx miegħu nuqqas ta’ preċiżjoni, sors ta’ inċertezza legali, li jmorru kontra l-għan tal-leġiżlatur Ewropew, li huwa preċiżament dak, infakkar, li tiġi ssimplifikata l-proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas?

43. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jimplika li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun ċerta u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-individwi. Għalhekk, dan il-prinċipju jippresupponi li att tad-dritt tal-Unjoni — u f’dan il-każ, fil-kawża tagħna, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti Nru 1896/2006 u Nru 44/2001 — li għandu l-konsegwenza li jipproduċi effetti ġuridiċi fir-rigward tal-individwi, għandu jkun ċar u preċiż, b’mod li dawn tal-aħħar jistgħu jkunu jafu, b’ċertezza, il-mument li fih dan l-att jibda jipproduċi l-effetti tiegħu.

44. Ir-rikonoxximent li l-oppożizzjoni ta’ talba għall-ordni għall-ħlas Ewropew tista’ tkun ekwivalenti għal dehra, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, skont jekk ikunx hemm jew le motivazzjoni dwar il-mertu tal-kawża, iwassal preċiżament biex joħloq inċertezza legali, inkwantu jkun meħtieġ li jiġi evalwat f’kull każ, jekk il-motivazzjoni hijiex wiesgħa biżżejjed jew le, biex tkun ekwivalenti, espliċitament jew impliċitament, għat-teħid ta’ pożizzjoni dwar il-kompetenza tal-qorti inkarigata mill-proċedura ċivili ordinarja, li nfakkar li f’dan l-istadju lanqas tkun għadha tressqet il-kawża quddiemha.

45. Dan iwassal għall-kumplessità, preċiżament fejn ir-Regolament Nru 1896/2006 għandu l-għan li jissimplifika l-proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas.

46. Kif tista’ tiġi ammessa unità proċedurali bejn il-proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas u l-proċedura ċivili ordinarja jekk, pereżempju, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ordni għall-ħlas Ewropew hija qorti amministrattiva, filwaqt li dik li hija kompetenti fuq il-mertu hija ġudizzjarja? Jew iktar minn hekk, jekk din l-awtorità lanqas biss hija qorti? Kif jista’ għalhekk jiġi ġġustifikat li avveniment li seħħ quddiem tali istanza, jista’ sussegwentement ikollu tali konsegwenzi? Infakkar sempliċiment l-importanza li għandhom ir-regoli ta’ kompetenza fl-iżvolġiment tal-proċess ġudizzjarju.

47. Fl-aħħar nett, jekk l-Artikolu 16 tar-Regolament 1896/2006 u l-premessa 23 ta’ dan tal-aħħar jinqraw flimkien, ikun biżżejjed biex wieħed jasal għal deċiżjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament ma jimponi, fir-realtà, l-ebda forma ta’ oppożizzjoni. Dan jindika li “[i]l-konvenut jista’ jressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni […] bl-użu tal-formola standard”. Il-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni jispiċċa billi jgħid li d-debitur mhux marbut jippreċiża r-raġunijiet ta’ kontestazzjoni.

48. Għalhekk, ma huwiex ipprojbit li d-debitur jesponi r-raġunijiet tal-kontestazzjoni tiegħu, iżda dan ma jistax, fl-ebda każ, iwassal fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, għal konsegwenzi ġuridiċi partikolari u sfavorevoli, mhux espressament previsti mill-imsemmi regolament, minħabba s-sempliċi raġuni li, f’dan l-istadju, huwa importanti biss li jiġi stabbilit jekk il-kreditu huwiex ikkontestat jew le. Ir-raġuni hija totalment superfluwa. Huwa biss il-fatt jekk il-kreditu huwiex ikkontestat li huwa importanti f’dan il-każ.

49. It-test tal-premessa 23 tar-Regolament 1896/2006 jikkonferma dan u jippreċiża li “[i]l-konvenut jista’ jissottometti d-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tiegħu billi juża l-formola standard stabbilita f’dan ir-Regolament. Madankollu, il-qrati għandhom jieħdu kont ta’ kwalunkwe mezz ta’ oppożizzjoni bil-miktub oħra jekk dan jiġi espress b’mod ċar”. Oppożizzjoni li tressaq l-argumenti hija oppożizzjoni taħt forma miktuba, espressa b’mod ċar. Għalhekk hija valida u ma għandha l-ebda effett ħlief li ġġib magħha l-istess konsegwenzi bħal dawk magħmula permezz tal-formola standard, jiġifieri li twaqqa’ l-ordni għall-ħlas Ewropew. Jekk jiżdiedu konsegwenzi oħra, wieħed ikun qed imur mhux lil hinn iżda kontra l-volontà tal-leġiżlatur.

50. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena tal-opinjoni li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt tal-oppożizzjoni tat-talba għall-ordni għall-ħlas Ewropew ma huwiex ekwivalenti għad-dehra, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, fil-proċedura ċivili ordinarja li hija sussegwenti għall-proċedura Ewropea tal-ordni għall-ħlas. Il-fatt li l-persuna li tkun qed topponi din it-talba ta’ ordni għall-ħlas Ewropew ippreżentat xi argumenti dwar il-mertu fil-kawża f’din l-oppożizzjoni, ma għandu l-ebda impatt f’dan ir-rigward.

IV – Konklużjoni

51. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija):

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni għall-ħlas Ewropew, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 936/2012, tal-4 ta’ Ottubru 2012, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt tal-oppożizzjoni tat-talba għall-ordni għall-ħlas Ewropew ma huwiex ekwivalenti għad-dehra, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, fil-proċedura ċivili ordinarja li hija sussegwenti għall-proċedura Ewropea tal-ordni għall-ħlas. Il-fatt li l-persuna li tkun qed topponi din it-talba ta’ ordni għall-ħlas Ewropew tkun ippreżentat xi argumenti fuq il-mertu fil-kawża f’din l-oppożizzjoni ma għandu l-ebda impatt f’dan ir-rigward.

(1) .

(2)  – Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni għall-ħlas Ewropew (ĠU L 399, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 936/2012 tal-4 ta’ Ottubru 2012 li jemenda l-Annessi ta’ dan ir-regolament (ĠU L 283, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1896/2006”).

(3)  – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

(4)  – Ara, b’mod partikolari, il-premessi 4, 9, u 29 tal-imsemmi regolament.

(5)  – L-enfasi hija tiegħi.

(6)  – Ara l-premessa 4 ta’ dan ir-regolament.

(7)  – C-215/11.

(8)  – Ara wkoll, il-premessa 16 tal-imsemmi regolament li tindika li l-eżami tat-talba għall-ordni għall-ħlas Ewropew mhux neċessarjament għandu jsir minn qorti.

(9)  – B’mod konformi mal-Artikoli 5(3), 7(3) u 8 sa 12 tar-Regolament Nru 1896/2006, it-talba għall-ordni għall-ħlas Ewropew tinbeda, fil-fatt, mir-rikorrent quddiem l-awtorità nazzjonali kompetenti. Huwa biss abbażi tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrent li din l-awtorità teżamina t-talba u, jew tiċħadha, jew toħroġ l-ordni għall-ħlas.

(10)  – Ara l-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament.

(11)  – Ara l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, kif ukoll il-premessa 23 ta’ dan tal-aħħar.

(12)  – Ara l-premessa 24 tar-Regolament Nru 1896/2006.

(13)  – Ara l-Artikolu 17(1) u (2) tal-imsemmi regolament, kif ukoll il-premessa 24 ta’ dan tal-aħħar.

Top

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-6 ta’ Marzu 2013 ( 1 )

Kawża C-144/12

Goldbet Sportwetten GmbH

vs

Massimo Sperindeo

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija)]

“Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Kompetenza tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża abbażi tad-dehra tal-konvenut — Talba ta’ ordni għall-ħlas Ewropew”

1. 

Il-kawża preżenti tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 ( 2 ) li jistabbilixxi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, il-kompetenza hija ddeterminata skont ir-regoli tad-dritt Komunitarju applikabbli fir-rigward, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 3 ).

2. 

B’mod iktar partikolari, il-kwistjoni hija dik li jiġi stabbilit jekk il-kontestazzjoni mressqa kontra ordni għall-ħlas Ewropew hijiex ekwivalenti għad-dehra, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, u għalhekk għall-aċċettazzjoni tal-kompetenza tal-qorti inkarigata mill-proċedura ċivili ordinarja, li hija sussegwenti għall-proċedura prevista fir-Regolament Nru 1896/2006.

3. 

F’dawn il-konklużjonijiet ser nispjega r-raġunijiet għalfejn, fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt tal-kontestazzjoni tat-talba għall-ordni għall-ħlas Ewropew ma huwiex ekwivalenti għad-dehra, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, fil-proċedura ċivili ordinarja li hija sussegwenti għall-proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas.

4. 

Ser nindika wkoll għaliex, fl-opinjoni tiegħi, il-fatt li l-persuna li tikkontesta din it-talba ta’ ordni għall-ħlas Ewropew tkun ippreżentat xi argumenti fuq il-mertu tal-kawża waqt din il-kontestazzjoni ma għandu l-ebda impatt f’dan ir-rigward.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Nru 1896/2006

5.

Ir-Regolament Nru 1896/2006 jistabbilixxi proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas. L-Artikolu 1(1)(a) ta’ dan ir-regolament jindika li “[dan għandu l-għan] li jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’każijiet transkonfinali fir-rigward ta’ talbiet mhux kontestati ta’ flus permezz tal-ħolqien ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea”.

6.

Skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan l-istess regolament:

“Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata skond ir-regoli rilevanti tal-liġi Komunitarja, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 44/2001.”

7.

L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 jistabbilixxi kif ġej:

“1.

Il-konvenut jista’ jressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea mal-qorti ta’ oriġini bl-użu tal-formola standard F kif stabbilit fl-Anness VI, li għandha tiġi fornuta lilu flimkien ma’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea.

2.

Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandha tintbagħat fi żmien 30 jum min-notifika ta’ l-ordni fuq il-konvenut.

3.

Il-konvenut għandu jindika fid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni li hu qed jikkontesta t-talba, mingħajr m’għandu għalfejn jispeċifika r-raġunijiet għal dan.

[…]”

8.

L-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:

“1.   Jekk dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tiddaħħal fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), il-proċedimenti għandhom ikomplu qabel il-qrati kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini b’mod konformi mar-regoli ta’ proċedura ċivili ordinarja sakemm il-pretendent ma jkunx talab b’mod espliċitu biex f’dak il-każ jintemmu l-proċedimenti.

Fejn il-pretendent ressaq it-talba tiegħu permezz tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, xejn taħt il-liġi nazzjonali m’għandu jippreġudika l-pożizzjoni tiegħu fi proċedimenti ċivili ordinarji sussegwenti.

2.   It-trasferiment għal proċedimenti ċivili ordinarji fi ħdan it-tifsira ta’ paragrafu 1 għandu jiġu regolat mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini.

3.   Il-pretendent għandu jiġi infurmat dwar jekk il-konvenut ikunx ressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni u dwar kwalunkwe trasferiment għal proċedimenti ċivili ordinarji.”

2. Ir-Regolament Nru 44/2001

9.

Ir-Regolament Nru 44/2001 jikkonċerna l-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali. L-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament jindika li:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)

a)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

b)

għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

[…]

fil-każ ta’ provista ta servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi.

[…]”

10.

L-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li:

“Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandiex tapplika meta d-dehra kienet saret biex ikun ikkontestat il-ġurisdizzjoni, jew meta qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22.”

B – Id-dritt Awstrijak

11.

L-Artikolu 252 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Awstrijak (Zivilprozessordnung), fir-rigward tal-proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas, jistabbilixxi li, sakemm ir-Regolament Nru 1896/2006 ma jipprovdix xorta oħra, għandhom jiġu segwiti r-regoli proċedurali applikabbli għas-suġġett inkwistjoni. Dan l-artikolu jippreċiża li l-implementazzjoni tal-proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas taqa’ fl-ambitu tal-kompetenza esklussiva tal-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (l-Awstrija). Barra minn hekk, dejjem skont din id-dispożizzjoni, jekk l-oppożizzjoni tiddaħħal sat-terminu stabbilit, il-qorti tinnotifika lir-rikorrent, u tistiednu jindika, fi żmien 30 ġurnata, il-forum kompetenti li quddiemu għandha titressaq il-proċedura ordinarja. L-eċċezzjoni tal-inkompetenza tal-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża, għandha tiġi ppreżentata qabel id-dehra tiegħu fuq il-mertu.

II – Il-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12.

Goldbet Sportwetten GmbH (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) hija impriża li għandha s-sede tagħha fl-Awstrija u li torganizza mħatri sportivi. M. Sperindeo (iktar ’il quddiem l-“intimat”) huwa ddomiċiljat fl-Italja. Dan intrabat, permezz ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, li jorganizza u li jieħu ħsieb it-tqassim tal-attivitajiet tar-rikorrenti fl-Italja. B’mod partikolari kellu jiġbor il-flus li jkunu ntlagħbu fl-istabbilimenti lokali u jibgħathom lir-rikorrenti, wara li jitnaqqsu l-ammonti li jkunu ntrebħu.

13.

Din tal-aħħar, wara li qieset li l-intimat ma kienx issodisfa l-obbligi kuntrattwali tiegħu, talbet, fid-29 ta’ Diċembru 2009, u kisbet, fis-17 ta’ Frar 2010, mill-Bezirksgericht für Handelssachen Wien, il-qorti kompetenti f’dak li jikkonċerna l-proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas, ordni għall-ħlas Ewropew għall-finijiet tal-ħlas tas-somma ta’ EUR 16 406, flimkien mal-interessi u spejjeż bħala danni.

14.

Fid-19 ta’ April 2010, l-intimat oppona, fiż-żmien stabbilit, l-ordni għall-ħlas Ewropew permezz tal-avukat tiegħu. L-oppożizzjoni kienet motivata mill-fatt li, skont hu, il-pretensjoni tar-rikorrenti kienet infondata u mhux eżegwibbli.

15.

Permezz tad-digriet tat-2 ta’ Lulju 2010, il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien bagħtet il-kawża quddiem il-Landesgericht Innsbruck (l-Awstrija), peress li qieset li dan kien il-forum kompetenti skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1896/2006.

16.

Għall-ewwel darba quddiem il-Landesgericht Innsbruck, l-intimat eċċepixxa l-inkompetenza ta’ din il-qorti peress li huwa kien iddomiċiljat l-Italja. Għalhekk talabha tiddikjara li hija kienet territorjalment inkompetenti u talabha tiċħad ir-rikors. Ir-rikorrenti qieset, min-naħa tagħha, li l-Landesgericht Innsbruck kienet kompetenti bħala l-qorti tal-post tal-eżekuzzjoni tal-obbligu għall-ħlas ta’ somma flus, skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001. Fi kwalunkwe każ, din il-qorti hija kompetenti skont l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, inkwantu l-intimat diġà deher peress li ppreżenta l-motivi fuq il-mertu fl-oppożizzjoni tiegħu għall-ordni għall-ħlas Ewropew, mingħajr ma qajjem l-eċċezzjoni tal-inkompetenza f’dak il-mument.

17.

Permezz ta’ digriet, il-Landesgericht Innsbruck laqgħet it-talba tal-intimat, iddikjarat li hija inkompetenti u ċaħdet ir-rikors. Ir-rikorrenti ppreżentat appell kontra dan id-digriet quddiem l-Oberlandesgericht Innsbruck (l-Awstrija). L-appell ġie miċħud għar-raġuni li l-qrati Awstrijaċi huma, fil-prinċipju, inkompetenti, peress li l-pretensjonijiet tar-rikorrenti huma bbażati fuq kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi u peress li l-post tal-eżekuzzjoni miftiehem fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 kien jinsab fl-Italja. Il-qorti tal-appell żiedet tgħid li l-inkompetenza tal-qorti li quddiemha kienet tressqet il-kawża, ma ġietx irrimedjata permezz tad-dehra b’mod konformi mal-Artikolu 24 tar-Regolament 1896/2006.

18.

Ir-rikorrenti ppreżentat appell għal “Reviżjoni” quddiem l-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) kontra d-deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Innsbruck, li permezz tiegħu talbet l-annullament tad-deċiżjonijiet preċedenti u l-kontinwazzjoni tal-kawża quddiem il-Landesgericht Innsbruck.

19.

Peress li kellha xi dubji dwar l-interpretazzjoni li kellha tingħata lid-dritt Ewropew, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 24 tar-Regolament Ewropew Nru 44/2001 […], rigward l-istabbiliment tad-domiċilju [tal-[ġurisdizzjoni] kompetenti minħabba d-dehra tal-konvenut, għandu wkoll jiġi applikat fil-kuntest ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari:

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1896/2006 flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sempliċi fatt li ssir oppożizzjoni kontra l-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea tgħodd bħala dehra jekk l-oppożizzjoni ma tinkludix kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini?

3)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għat-tieni domanda preliminari:

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1896/2006 flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fatt li ssir oppożizzjoni, mill-iktar, jagħti ġurisdizzjoni minħabba d-dehra jekk l-oppożizzjoni tkun tinkludi diġà espożizzjoni tal-motivi fuq il-mertu iżda mhux kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni?”

III – L-analiżi tiegħi

20.

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li titressaq oppożizzjoni għat-talba għall-ordni għall-ħlas Ewropew huwa ekwivalenti għad-dehra, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, fil-proċedura ċivili ordinarja li hija sussegwenti għall-proċedura Ewropea tal-ordni għall-ħlas u jekk il-fatt li l-persuna li tkun qed topponi din it-talba ta’ ordni għall-ħlas Ewropew, tkun ippreżentat argumenti fuq il-mertu tal-kawża waqt din l-oppożizzjoni, għandux xi impatt f’dan ir-rigward.

21.

Infakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, il-kompetenza hija ddeterminata, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, b’mod konformi mar-regoli tad-dritt Komunitarju applikabbli f’dan ir-rigward, b’mod partikolari skont ir-Regolament Nru 44/2001. Għandu jingħad li l-Artikolu 24 ta’ dan tal-aħħar jipprevedi proroga ta’ kompetenza impliċita favur il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża, fil-każijiet fejn l-intimat jidher quddiemha mingħajr ma jikkontesta l-kompetenza tagħha.

22.

Bħall-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Awstrija kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, fl-opinjoni tiegħi, l-oppożizzjoni li ssir fir-rigward tal-ordni għall-ħlas Ewropew, ma hijiex ekwivalenti għad-dehra fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-fatt li l-persuna li tkun għamlet l-oppożizzjoni timmotiva din tal-aħħar, ma għandu, fl-opinjoni tiegħi, l-ebda impatt f’dan ir-rigward.

23.

Fil-fatt, l-ewwel element tar-risposta jinsab fit-test tal-motivi tar-Regolament Nru 1896/2006.

24.

Dawn jippreċiżaw, bl-iktar mod ċar, li l-proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas, stabbilita minn dan ir-regolament, hija proċedura intiża sabiex tistabbilixxi mekkaniżmu rapidu u uniformi għall-irkupru ta’ krediti ta’ flus mhux ikkontestati fl-Unjoni Ewropea kollha ( 4 ).

25.

Għalhekk, ir-Regolament Nru 1896/2006 huwa tweġiba għall-programm ta’ miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2000, li jipprevedi l-possibbiltà li tiġi stabbilita, fil-Komunità Ewropea, “proċedura uniformi u armonizzata għal kisba ta’ deċiżjoni ġudizzjarja” ( 5 ), programm ikkonfermat fl-2004 permezz tal-programm ta’ Den Haag adottat mill-Kunsill Ewropew fil-5 ta’ Novembru 2004 ( 6 ).

26.

Din il-partikolarità ġiet imfakkra, barra minn hekk, mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 30 tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Szyrocka ( 7 ), li tesponi: “[f]l-aħħar nett, għandu jitfakkar, bħal ma jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 1896/2006, li dan għandu bħala għan b’mod partikolari li jissemplifika, li jħaffef u li jnaqqas l-ispejjeż ta’ proċedura fit-tilwim transkonfinali dwar dejn pekunjarju mhux ikkontestat. Hekk kif inhu pprovdut fil-premessi 8, 10 u 29 ta’ dan ir-regolament, minkejja li ma jissostitwixxix u lanqas ma jarmonizza l-mekkaniżmi nazzjonali ta’ rkupru ta’ dejn mhux ikkontestata, sabiex jinkiseb dan l-għan, huwa jintroduċi strument uniformi ta’ rkupru ta’ tali dejn, li jiggarantixxi kundizzjonijiet identiċi għall-kredituri u għad-debituri fl-Unjoni kollha.”

27.

L-għan imsemmi jinvoka, mingħajr ebda dubju, għodda ġuridika li hija maħsuba biex tevita kwalunkwe kontestazzjoni fuq il-mertu u kwalunkwe dewmien ikkawżat, ġeneralment, mill-proċeduri ta’ natura ġuridika klassika. Sa fejn, barra minn hekk, din il-proċedura tista’, fuq diskrezzjoni tal-Istati Membri, tinstema’ quddiem qorti amministrattiva.

28.

Fil-fatt, jidher li, biex jintlaħaq l-għan imfittex, l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi b’mod awtonomu t-terminu ta’ “qorti” bħala “kwalunkwe awtorità f’Stat Membru bil-kompetenza dwar ordnijiet ta’ ħlas Ewropea jew kwalunkwe kwistjonijiet relatati oħra” ( 8 ). Dan jeskludi b’mod ċar li l-proċedura hija rriżervata għal istanzi ġudizzjarji jew amministrattivi, għal dawk l-Istati Membri fejn dawn huma preżenti.

29.

Minn din il-perspettiva, is-sistema stabbilita mill-imsemmi regolament tippreżenta l-karatteristiċi segwenti.

30.

Fl-ewwel lok, ma hijiex kontradittorja. Fil-fatt, il-ħruġ tal-ordni għall-ħlas Ewropew jew iċ-ċaħda tat-talba jsiru mill-awtorità nazzjonali kompetenti mingħajr ma jsir l-ebda dibattitu quddiemha ( 9 ), għalkemm din tal-aħħar tista’ titlob spjegazzjonijiet jew ġustifikazzjonijiet lir-rikorrent, biex ikun jista’ jiġi vverifikat, potenzjalment, jekk il-kreditu invokat jikklassifikax, għall-inqas prima facie, bħala “talbiet mhux ikkontestati”. F’dan l-istadju, id-debitur ma jinstemax u ma jista’ jressaq l-ebda argument.

31.

Sussegwentement, id-debitur jidher biss fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-ordni għall-ħlas Ewropew, ladarba din tkun inħarġet. Fil-fatt, id-digriet tal-ordni għall-ħlas Ewropew ma jkunx magħruf mid-debitur ħlief meta dan jiġi kkomunikat lilu u minn dakinhar jibda jiddekorri terminu ta’ 30 jum li matulu jkun jista’ jopponi dan id-digriet ( 10 ). L-oppożizzjoni tista’ ssir jew permezz ta’ formola standard li għandha tiġi mehmuża mad-digriet li jkun ġie nnotifikat jew mingħajr formola partikolari ( 11 ). Din l-oppożizzjoni, fiha nnifisha, tħassar il-proċedura tal-ordni għall-ħlas Ewropew ( 12 ). L-awtorità, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, ma tirrikonoxxihiex iktar. Il-kawża għalhekk ma tistax tkompli jekk mhux skont ir-regoli tal-proċedura ċivili ordinarja, li minn dak il-mument ’il quddiem, tkun l-unika applikabbli ( 13 ).

32.

Dawn il-prinċipji ta’ funzjonament ikunu biżżejjed fihom infushom, biex jiġġustifikaw li quddiem il-qorti ċivili ordinarja tinfetaħ proċedura li hija totalment ġdida fejn kollox irid jinbeda mill-ġdid, u dan anki fl-ipoteżi fejn l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ordni għall-ħlas Ewropew tkun ukoll il-qorti kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni fuq il-mertu.

33.

Madankollu, għandu jingħad li din l-ipoteżi ma hijiex dik tal-kawża prinċipali, peress li l-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 1896/2006 hija l-Bezirksgericht für Handelssachen Wien u l-qorti maħtura minnu biex tieħu konjizzjoni fuq il-mertu, il-Landesgericht Innsbruck.

34.

Fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni tibqa’ dik li jiġi stabbilit jekk il-fatt tal-oppożizzjoni mressqa għall-ordni għall-ħlas Ewropew, mhux permezz ta’ formola standard iżda permezz ta’ dokument dettaljat, kellux bħala konsegwenza l-estensjoni tal-kompetenza tal-qorti msejħa sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu, bl-imsemmija oppożizzjoni tkun waħda li tikkostitwixxi, għalhekk, dehra fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament 44/2001.

35.

Jistgħu jitressqu numru ta’ argumenti kontra t-teżi li tiffavorixxi risposta fl-affermattiv.

36.

Risposta fl-affermattiv tkun qed tirrikonoxxi li l-proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas u l-proċedura nazzjonali ċivili ordinarja jikkostitwixxu, realment, proċedura waħda u unika u li l-istanza unika bdiet, fil-fatt, quddiem l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ordni għall-ħlas Ewropew. Fil-fatt dan jirriżulta biss jekk l-espressjoni “il-proċedimenti għandhom ikomplu qabel […]”, imsemmija fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, tiġi interpretata fis-sens li l-proċedura wara l-oppożizzjoni għall-ordni għall-ħlas Ewropew hija l-istess bħal dik li nbdiet quddiem l-awtorità li quddiemha l-ewwel li tressqet il-kawża, peress li l-avvenimenti proċedurali li jseħħu f’dan l-istadju jorbtu sussegwentement lill-qorti li quddiemha titressaq il-kawża fuq il-mertu.

37.

Irid jingħad għalhekk li l-intimat, li hawnhekk huwa d-debitur, ma jkollu l-ebda possibbiltà li jissolleva l-inkompetenza tal-qorti, peress li huwa għal kollox assenti sa mill-bidu tal-proċedura, kif semmejt fil-punti 30 u 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

38.

Nistgħu nikkoreġu dan l-inkonvenjent billi jiġi meqjus li, għad-debitur, il-proċedura tibda meta ssirlu n-notifika tal-ordni għall-ħlas Ewropew. Madankollu, f’dan il-każ ikollna differenza fit-trattament li jidhrilna li tikkundanna totalment din l-aħħar interpretazzjoni.

39.

Fil-fatt, l-oppożizzjoni li ssir permezz tal-formola standard tħalli l-kwistjoni tal-kontestazzjoni tal-kompetenza li waħedha għandha tiġi ttrattata mill-qorti tal-mertu. Min-naħa l-oħra, il-kontestazzjoni li ssir fuq karta normali, akkumpanjata minn ċerti argumenti, anki argumentazzjoni kompleta, tkun ekwivalenti għal dehra, u għalhekk għal aċċettazzjoni impliċita tal-kompetenza, filwaqt li r-Regolament, li jaċċetta din il-forma ta’ espressjoni ħielsa, jimponila biss kundizzjoni għall-validità waħda: li tikkostittwixxi oppożizzjoni espressa b’mod ċar.

40.

Inkella, id-debitur ma jkollu l-ebda rikors f’każ ta’ evalwazzjoni żbaljata dwar il-kompetenza, mill-awtorità li tiddeċiedi fil-qasam tal-ordni għall-ħlas Ewropew, liema ħaġa, skont il-qorti tar-rinviju, kienet il-każ fil-kawża preżenti. F’ipoteżi bħal din, id-debitur ikun jista’ biss jirrimetti ruħu, jekk ikun il-każ, għas-setgħa tal-qorti nazzjonali li jqajjem ex officio l-inkompetenza tiegħu fil-kuntest tal-proċedura ċivili ordinarja.

41.

Kif jista’ wieħed jiġġustifika li tali konsegwenza tista’ tirriżulta mill-proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas, li ma tiftaħ l-ebda possibbiltà ta’ appell? F’dan ir-rigward, waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li minkejja aċċettazzjoni impliċita tal-kompetenza fil-mertu li tirriżulta mill-oppożizzjoni stess imressqa kontra l-ordni għall-ħlas Ewropew, xorta jibqa possibbli li jiġi invokat in-nuqqas ta’ kompetenza tal-qorti ċivili ordinarja quddiemha. B’hekk, kieku kellha tiġi ammessa tali ipoteżi, ma nifhimx tajjeb għalfejn l-oppożizzjoni għandha titqies bħala dehra bil-konsegwenzi ġuridiċi relatati magħha.

42.

Liema huwa l-livell ta’ preċiżjoni fl-argumentazzjoni li jrid jintlaħaq biex ikun jista’ jingħad li l-oppożizzjoni li tkun saret hija ekwivalenti għal dehra? Dan ma jġibx miegħu nuqqas ta’ preċiżjoni, sors ta’ inċertezza legali, li jmorru kontra l-għan tal-leġiżlatur Ewropew, li huwa preċiżament dak, infakkar, li tiġi ssimplifikata l-proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas?

43.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jimplika li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun ċerta u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-individwi. Għalhekk, dan il-prinċipju jippresupponi li att tad-dritt tal-Unjoni — u f’dan il-każ, fil-kawża tagħna, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti Nru 1896/2006 u Nru 44/2001 — li għandu l-konsegwenza li jipproduċi effetti ġuridiċi fir-rigward tal-individwi, għandu jkun ċar u preċiż, b’mod li dawn tal-aħħar jistgħu jkunu jafu, b’ċertezza, il-mument li fih dan l-att jibda jipproduċi l-effetti tiegħu.

44.

Ir-rikonoxximent li l-oppożizzjoni ta’ talba għall-ordni għall-ħlas Ewropew tista’ tkun ekwivalenti għal dehra, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, skont jekk ikunx hemm jew le motivazzjoni dwar il-mertu tal-kawża, iwassal preċiżament biex joħloq inċertezza legali, inkwantu jkun meħtieġ li jiġi evalwat f’kull każ, jekk il-motivazzjoni hijiex wiesgħa biżżejjed jew le, biex tkun ekwivalenti, espliċitament jew impliċitament, għat-teħid ta’ pożizzjoni dwar il-kompetenza tal-qorti inkarigata mill-proċedura ċivili ordinarja, li nfakkar li f’dan l-istadju lanqas tkun għadha tressqet il-kawża quddiemha.

45.

Dan iwassal għall-kumplessità, preċiżament fejn ir-Regolament Nru 1896/2006 għandu l-għan li jissimplifika l-proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas.

46.

Kif tista’ tiġi ammessa unità proċedurali bejn il-proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas u l-proċedura ċivili ordinarja jekk, pereżempju, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ordni għall-ħlas Ewropew hija qorti amministrattiva, filwaqt li dik li hija kompetenti fuq il-mertu hija ġudizzjarja? Jew iktar minn hekk, jekk din l-awtorità lanqas biss hija qorti? Kif jista’ għalhekk jiġi ġġustifikat li avveniment li seħħ quddiem tali istanza, jista’ sussegwentement ikollu tali konsegwenzi? Infakkar sempliċiment l-importanza li għandhom ir-regoli ta’ kompetenza fl-iżvolġiment tal-proċess ġudizzjarju.

47.

Fl-aħħar nett, jekk l-Artikolu 16 tar-Regolament 1896/2006 u l-premessa 23 ta’ dan tal-aħħar jinqraw flimkien, ikun biżżejjed biex wieħed jasal għal deċiżjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament ma jimponi, fir-realtà, l-ebda forma ta’ oppożizzjoni. Dan jindika li “[i]l-konvenut jista’ jressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni […] bl-użu tal-formola standard”. Il-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni jispiċċa billi jgħid li d-debitur mhux marbut jippreċiża r-raġunijiet ta’ kontestazzjoni.

48.

Għalhekk, ma huwiex ipprojbit li d-debitur jesponi r-raġunijiet tal-kontestazzjoni tiegħu, iżda dan ma jistax, fl-ebda każ, iwassal fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, għal konsegwenzi ġuridiċi partikolari u sfavorevoli, mhux espressament previsti mill-imsemmi regolament, minħabba s-sempliċi raġuni li, f’dan l-istadju, huwa importanti biss li jiġi stabbilit jekk il-kreditu huwiex ikkontestat jew le. Ir-raġuni hija totalment superfluwa. Huwa biss il-fatt jekk il-kreditu huwiex ikkontestat li huwa importanti f’dan il-każ.

49.

It-test tal-premessa 23 tar-Regolament 1896/2006 jikkonferma dan u jippreċiża li “[i]l-konvenut jista’ jissottometti d-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tiegħu billi juża l-formola standard stabbilita f’dan ir-Regolament. Madankollu, il-qrati għandhom jieħdu kont ta’ kwalunkwe mezz ta’ oppożizzjoni bil-miktub oħra jekk dan jiġi espress b’mod ċar”. Oppożizzjoni li tressaq l-argumenti hija oppożizzjoni taħt forma miktuba, espressa b’mod ċar. Għalhekk hija valida u ma għandha l-ebda effett ħlief li ġġib magħha l-istess konsegwenzi bħal dawk magħmula permezz tal-formola standard, jiġifieri li twaqqa’ l-ordni għall-ħlas Ewropew. Jekk jiżdiedu konsegwenzi oħra, wieħed ikun qed imur mhux lil hinn iżda kontra l-volontà tal-leġiżlatur.

50.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena tal-opinjoni li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt tal-oppożizzjoni tat-talba għall-ordni għall-ħlas Ewropew ma huwiex ekwivalenti għad-dehra, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, fil-proċedura ċivili ordinarja li hija sussegwenti għall-proċedura Ewropea tal-ordni għall-ħlas. Il-fatt li l-persuna li tkun qed topponi din it-talba ta’ ordni għall-ħlas Ewropew ippreżentat xi argumenti dwar il-mertu fil-kawża f’din l-oppożizzjoni, ma għandu l-ebda impatt f’dan ir-rigward.

IV – Konklużjoni

51.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija):

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni għall-ħlas Ewropew, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 936/2012, tal-4 ta’ Ottubru 2012, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt tal-oppożizzjoni tat-talba għall-ordni għall-ħlas Ewropew ma huwiex ekwivalenti għad-dehra, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, fil-proċedura ċivili ordinarja li hija sussegwenti għall-proċedura Ewropea tal-ordni għall-ħlas. Il-fatt li l-persuna li tkun qed topponi din it-talba ta’ ordni għall-ħlas Ewropew tkun ippreżentat xi argumenti fuq il-mertu fil-kawża f’din l-oppożizzjoni ma għandu l-ebda impatt f’dan ir-rigward.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni għall-ħlas Ewropew (ĠU L 399, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 936/2012 tal-4 ta’ Ottubru 2012 li jemenda l-Annessi ta’ dan ir-regolament (ĠU L 283, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1896/2006”).

( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

( 4 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 4, 9, u 29 tal-imsemmi regolament.

( 5 ) L-enfasi hija tiegħi.

( 6 ) Ara l-premessa 4 ta’ dan ir-regolament.

( 7 ) C-215/11.

( 8 ) Ara wkoll, il-premessa 16 tal-imsemmi regolament li tindika li l-eżami tat-talba għall-ordni għall-ħlas Ewropew mhux neċessarjament għandu jsir minn qorti.

( 9 ) B’mod konformi mal-Artikoli 5(3), 7(3) u 8 sa 12 tar-Regolament Nru 1896/2006, it-talba għall-ordni għall-ħlas Ewropew tinbeda, fil-fatt, mir-rikorrent quddiem l-awtorità nazzjonali kompetenti. Huwa biss abbażi tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrent li din l-awtorità teżamina t-talba u, jew tiċħadha, jew toħroġ l-ordni għall-ħlas.

( 10 ) Ara l-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament.

( 11 ) Ara l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, kif ukoll il-premessa 23 ta’ dan tal-aħħar.

( 12 ) Ara l-premessa 24 tar-Regolament Nru 1896/2006.

( 13 ) Ara l-Artikolu 17(1) u (2) tal-imsemmi regolament, kif ukoll il-premessa 24 ta’ dan tal-aħħar.

Top