This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012CC0094
Opinion of Advocate General Jääskinen delivered on 28 February 2013.#Swm Costruzioni 2 SpA and Mannocchi Luigino DI v Provincia di Fermo.#Request for a preliminary ruling from the Tribunale amministrativo regionale per le Marche.#Public contracts — Directive 2004/18/EC — Economic and financial standing — Technical and/or professional ability — Articles 47(2) and 48(3) — Right of an economic operator to rely on the capacities of other entities — Article 52 — Certification system — Public works contracts — National legislation requiring possession of a qualification certificate corresponding to the category and the value of the works covered by the contract — Prohibition on reliance on the certificates of more than one entity for works within the same category.#Case C‑94/12.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Jääskinen, ippreżentati fit-28 ta’ Frar 2013.
Swm Costruzioni 2 SpA u Mannocchi Luigino DI vs Provincia di Fermo.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per le Marche.
Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Stabbiltà ekonomika u finanzjarja – Kapaċitajiet tekniċi u/jew professjonali – Artikoli 47(2) u 48(3) – Possibbiltà għal operatur ekonomiku li jirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra – Artikolu 52 – Sistema ta’ ċertifikazzjoni – Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi l-pussess ta’ ċertifikat ta’ kwalifika li jikkorrispondi għall-kategorija u għall-valur tax-xogħlijiet li huma s-suġġett tal-kuntratt – Projbizzjoni li persuna tirrikorri għaċ-ċertifikati ta’ diversi entitajiet għal xogħlijiet li jaqgħu taħt l-istess kategorija.
Kawża C‑94/12.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Jääskinen, ippreżentati fit-28 ta’ Frar 2013.
Swm Costruzioni 2 SpA u Mannocchi Luigino DI vs Provincia di Fermo.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per le Marche.
Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Stabbiltà ekonomika u finanzjarja – Kapaċitajiet tekniċi u/jew professjonali – Artikoli 47(2) u 48(3) – Possibbiltà għal operatur ekonomiku li jirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra – Artikolu 52 – Sistema ta’ ċertifikazzjoni – Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi l-pussess ta’ ċertifikat ta’ kwalifika li jikkorrispondi għall-kategorija u għall-valur tax-xogħlijiet li huma s-suġġett tal-kuntratt – Projbizzjoni li persuna tirrikorri għaċ-ċertifikati ta’ diversi entitajiet għal xogħlijiet li jaqgħu taħt l-istess kategorija.
Kawża C‑94/12.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:130
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
JÄÄSKINEN
ippreżentati fit-28 ta’ Frar 2013 ( 1 )
Kawża C‑94/12
Swm Costruzioni 2 SpA
Mannocchi Luigino DI
vs
Provincia di Fermo
(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per le Marche)
“Direttiva 2004/18/KE — Għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Stabbiltà ekonomika u finanzjarja ta’ operatur ekonomiku — Kapaċità teknika u/jew professjonali ta’ operatur ekonomiku — Użu tal-kapaċitajiet ta’ iktar minn impriża awżiljarja waħda”
I – Introduzzjoni
1. |
L-impriżi li jixtiequ jipparteċipaw f’sejħa għal offerti għal kuntratt pubbliku għal xogħlijiet jistgħu jkunu meħtieġa jissodisfaw il-livelli minimi relatati mal-istabbiltà ekonomika u finanzjarja jew mal-kapaċità teknika u/jew professjonali skont l-Artikolu 47 u 48 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/18” ( 2 )). Barra li jkollu huwa stess tali kapaċitajiet, operatur ekonomiku jista’ wkoll jissodisfa dawn ir-rekwiżiti billi jirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ “entitajiet oħrajn, bla rigward għan-natura legali tar-rabtiet li hi għandha [huwa għandu] magħhom” ( 3 ). |
2. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tillimita għal waħda biss dawk l-entitajiet li l-kapaċitajiet tagħhom jistgħu jintużaw minn operatur ekonomiku li jkun jixtieq jipparteċipa f’proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, hijiex konformi mad-Direttiva 2004/18, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-Artikoli 47(2) u 48(3) tagħha. Sabiex tkun tista’ tirrispondi għal din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja trid tiddetermina l-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri meta jiġu biex jimplementaw id-dispożizzjonijiet li jikkodifikaw il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ppreċediet id-Direttiva 2004/18. |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
3. |
L-Artikolu 47(2) tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Stabilità ekonomika u finanzjarja”, jipprovdi li: “Operatur ekonomiku jista’, fejn xieraq u għal xi kuntratt partikolari, joqgħod fuq il-ħiliet ta’ entitajiet oħrajn, bla rigward għan-natura legali tar-rabtiet li hi għandha magħhom. Huwa għandu f’dak il-każ jipprova lill-awtorità kontrattwanti [kontraenti] li se jkollu għad-disposizzjoni tiegħu ir-riżorsi neċessarji, per eżempju, billi jipproduċi garanzija minn dawk l-entitajiet għal dak l-effett.” |
4. |
L-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 2004/18, bit-titolu “Abilità teknika u/jew professjonali”, jipprovdi li: “Operatur ekonomiku jista’, fejn xieraq u għal xi kuntratt partikolari, joqgħod fuq il-ħiliet ta’ entitajiet oħrajn, bla rigward għan-natura legali tar-rabtiet li hu jkollu magħhom. Hu għandu f’dak il-każ jipprova lill-awtorità kontrattwanti [kontraenti] li se jkollu għad-disposizzjoni tiegħu r-riżorsi meħtieġa għat-twettiq tal-kuntratt, per eżempju, billi jipproduċi garanzija mingħand dawk l-entitajiet li jpoġġi r-riżorsi meħtieġa għad-disposizzjoni ta’ l-operatur ekonomiku.” |
5. |
L-Artikolu 52(1) tad-Direttiva 2004/18 intitolat “Listi uffiċjali ta’ operaturi ekonomiċi approvati u ċertifikazzjoni minn korpi stabbiliti taħt liġi pubblika jew privata” jipprovdi li: “Stati Membri jistgħu jintroduċu jew listi uffiċjali ta’ kuntratturi approvati, fornituri jew ta’ dawk li jipprovdu servizz jew ċertifikazzjoni minn korpi ċertifikanti [ta’ ċertifikazzjoni] stabbiliti taħt liġi pubblika jew privata. Stati Membri għandhom jadottaw il-kondizzjonijiet għal reġistrazzjoni fuq dawn il-listi u għall-ħruġ ta’ ċertifikati minn korp ċertifikanti [ta’ ċertifikazzjoni] skond il-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 45(1), l-Artikolu 45(2)(a) sa (d) u (g), l-Artikoli 46, l-Artikolu 47(1), (4) u (5), l-Artikolu 48(1), (2), (5) u (6), l-Artikolu 49 u, fejn xieraq, l-Artikolu 50. Stati Membri għandhom ukoll jadattawhom għall-Artikolu 47(2) u l-Artikolu 48(3) fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni sottomessi minn operaturi ekonomiċi li jappartjenu lil xi grupp u jkunu qegħdin jitolbu riżorsi mqiegħda għad-disposizzjoni tagħhom milll-Kumpanniji l-oħra fil-grupp. F’każ bħal dan, dawn l-operaturi għandhom jippruvaw lill-awtorità li tistabblixxi l-lista uffiċjali li huma se jkollhom dawn ir-riżorsi għad-disposizzjoni tagħhom tul il-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikat li jxiehed [jixhed] li huma rreġistrati fil-lista uffiċjali u li matul l-istess perjodu dawn il-Kumpanniji jkomplu jwettqu fis-sħiħ il-ħtiġijiet ta’ għażla kwalitat[t]iva imniżżlin fl-Artikoli li sar riferiment għalihom fit-tieni sub-paragrafu li fuqu joqogħdu l-operaturi għar-reġistrazzjoni tagħhom.” |
B – Id-dritt nazzjonali
6. |
F’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni f’proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-Artikolu 49(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 jipprovdi li “għal kuntratti għal xogħolijiet, l-offerent jista’ jirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ impriża awżiljarja waħda biss għal kull kategorija ta’ kwalifika. Is-sejħa għal offerti tista’ taċċetta l-użu tal-kapaċità ta’ iktar minn impriża awżiljarja waħda minħabba l-valur tal-kuntratt jew tan-natura partikolari tas-servizzi pprovduti, bla preġudizzju għall-projbizzjoni ta’ użu konġunt mill-offerent tal-kapaċitajiet ekonomiċi, finanzjarji, tekniċi u organizzattivi individwali msemmija fl-Artikolu 40(3)(b), li abbażi tagħhom ikun inħareġ ċertifikat għal dik il-kategorija.” |
III – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
7. |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, Raggruppamento Temperaneo Imprese (iktar ’il quddiem “RTI”), li huwa konsorzju offerent ad hoc magħmul minn Swm Costruzioni 2 SpA (il-kap tal-konsorzju) u minn Mannocchi Luigino DI, li huma wkoll rikorrenti fil-kawża prinċipali, ħa sehem f’proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet għall-modernizzazzjoni u l-estensjoni tal-iStrada Provinciale (Triq Provinċjali) Nru 238 Valdaso. |
8. |
Sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni tas-Società Organismo di Attestazione (SOA), li hija l-korp ta’ ċertifikazzjoni awtorizzat jivverifika jekk l-impriżi għandhomx il-kwalifiki neċessarji u jekk dawn jissodisfawx ir-rekwiżiti biex ikunu jistgħu jipparteċipaw f’proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, ir-rikorrenti prinċipali, Swm Costruzioni 2 irrikorriet għall-kapaċitajiet ta’ żewġ impriżi li jaqgħu fl-istess kategorija ta’ kwalifiki għal dak li jirrigwarda xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni u estensjoni. |
9. |
Fit-2 ta’ Awwissu 2011, l-awtorità kontraenti tal-Provincia di Fermo bagħtet id-deċiżjoni tagħha lil RTI li permezz tagħha eskludiet lil RTI mill-proċedura għall-għoti tal-kuntratt. Din id-deċiżjoni ttieħdet abbażi tal-ksur tal-projbizzjoni fuq l-użu tal-kapaċitajiet ta’ iktar minn impriża waħda fi ħdan l-istess kategorija kif stabbilit fl-Artikolu 49(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006. |
10. |
RTI kkontesta din id-deċiżjoni permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunale Amministrativo Regionale per le Marche, fil-5 ta’ Awwissu 2011. Ir-rikors ta’ RTI kien ibbażat fuq l-argument li l-Artikolu 49(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 ma kienx kompatibbli mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2004/18. It-Tribunale Amministrativo Regionale per le Marche ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domanda preliminari segwenti: “L-Artikolu 47(2) tad-Direttiva 2004/18/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, bħala prinċipju, [...] leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik Taljana li tinsab fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 49 tad-d.lgs. 163/2006, li tipprekludi, ħlief f’każijiet partikolari, li tintuża iktar minn impriża awżiljari [awżiljarja] waħda, billi tipprovdi li ‘[g]ħax-xogħolijiet, l-offerent jista’ juża impriża awżiljari [awżiljarja] waħda biss għal kull kategorija ta’ kwalifikazzjoni [kwalifika]. L-avviż tas-sejħa għall-offerti jista’ jaċċetta l-użu ta’ iktar minn impriża awżiljari [awżiljarja] waħda minħabba l-valur tal-appalt jew tan-natura partikolari tas-servizzi [...]’?” |
11. |
Swm Costruzioni 2 SpA u Mannocchi Luigino DI, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
IV – Il-portata tad-domanda magħmula
12. |
Il-Gvern Taljan isostni li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-kapaċità teknika u professjonali ta’ impriża, u mhux l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja tagħha, u għaldaqstant l-artikolu rilevanti huwa l-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 2004/18. Madankollu, il-qorti tar-rinviju rreferiet biss għall-Artikolu 47(2) tad-Direttiva 2004/18 li jirrigwarda l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja tal-impriżi parteċipanti. |
13. |
Jidhirli li f’dan il-każ huwa biżżejjed li wieħed jirreferi għall-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li d-digriet tar-rinviju minn qorti nazzjonali għandu jipprovdi l-bażi sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li għandha tiġi interpretata, iżda li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompletament marbuta bil-kliem tad-domanda jew domandi magħmula. Jista’ jkun il-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tirriformula d-domanda magħmula lilha sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta li tkun utli għaliha u li tippermettilha tiddeċiedi dwar il-każ quddiemha ( 4 ). |
14. |
L-Artikoli 47 u 48 tad-Direttiva 2004/18 huma ċċitati fl-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18 bil-għan li jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti “jeżiġu li kandidati u dawk li jixħtu l-offerta jilħqu l-livell minimu ta’ kapaċità”. Dawn iż-żewġ artikoli jsegwu l-istess loġika, u l-istess prinċipji ta’ interpretazzjoni huma validi fl-applikazzjoni tat-tnejn li huma. Fis-sentenza Strong Securança, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat en passant li l-Artikoli 48(3) u 47(2) tad-Direttiva 2004/18 huma sostanzjalment identiċi ( 5 ). It-tnejn li huma jikkodifikaw il-prinċipju ġuridiku żviluppat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ direttivi preċedenti fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi li jirrigwardaw il-kriterji ta’ selezzjoni kwalitattiva tal-kandidati jew tal-offerenti ( 6 ). |
15. |
Waqt il-proċedura bil-miktub, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-partijiet jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar ir-rilevanza tal-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18 għall-kawża preżenti, li jikkostitwixxi d-dispożizzjoni ġenerali dwar il-verifika tal-adegwatezza u l-għażla tal-parteċipanti u dwar l-għoti ta’ kuntratti ( 7 ). Il-Kummissjoni biss wieġbet fit-terminu mogħti u kkonkludiet li l-evalwazzjoni tal-Artikolu 44(2) ma hijiex rilevanti għas-suġġett inkwistjoni. |
16. |
Għalhekk jidhirli li sabiex it-Tribunale Amministrativo Regionale per le Marche jkun jista’ jingħata risposta utli fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiffoka fuq l-interpretazzjoni kemm tal-Artikolu 47(2) kif ukoll tal-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 2004/18. |
V – Evalwazzjoni
17. |
Fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni letterali tal-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18 ma ssostnix il-fehma li dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 49(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar il-kuntratti pubbliċi. |
18. |
L-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18 jistabbilixxu b’mod espliċitu li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jirrikorru għall-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-qasam tal-kapaċitajiet ekonomiċi, finanzjarji, tekniċi u professjonali għal kuntratt pubbliku partikolari għal xogħlijiet. Fi kliem ieħor, dawk id-dispożizzjonijiet jirreferu għal entitajiet oħra fil-plural. Ta’ min josserva li l-Artikoli 47(3) u 48(4) tad-Direttiva 2004/18 jagħtu din l-istess possibbiltà lil operaturi ekonomiċi li jagħmlu parti minn grupp. |
19. |
L-Artikolu 52 tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi għal din l-istess possibbiltà għal dak li jirrigwarda l-inklużjoni f’listi uffiċjali ta’ operaturi ekonomiċi approvati jew l-għoti ta’ ċertifikati għall-parteċipazzjoni f’proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti. Il-kliem tal-Artikolu 52(1) tad-Direttiva 2004/18 jindika wkoll, permezz tal-użu ta’ kumpanniji oħra fil-plural, li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ma kellux l-intenzjoni li jimponi restrizzjonijiet fuq in-numru ta’ impriżi awżiljarji li l-kapaċitajiet tagħhom setgħu jintużaw minn offerent prospettiv. |
20. |
L-Artikoli 47(2), 48(3) u 52 tad-Direttiva 2004/18 jikkodifikaw il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandha x’taqsam mad-direttivi preċedenti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Fis-sentenza Ballast Nedam Groep I, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kumpannija holding li ma twettaqx ix-xogħlijiet hi stess ma tistax, minħabba l-fatt li s-sussidjarji tagħha huma persuni ġuridiċi separati, tiġi prekluża abbażi ta’ dan milli tipparteċipa fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet jekk din tista’ tistabbilixxi li hija għandha effettivament għad-dispożizzjoni tagħha r-riżorsi tas-sussidjarji neċessarji sabiex jiġi eżegwit il-kuntratt. |
21. |
Fis-sentenza Ballast Nedam Groep II, il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet sostniet il-pożizzjoni tagħha fis-sentenza Ballast Nedam Groep I u kompliet tistabbilixxi din il-pożizzjoni billi kkonkludiet li meta jkunu qed jevalwaw il-kapaċità teknika ta’ kumpannija parent, l-awtoritajiet pubbliċi li jkunu qed ifasslu l-listi ta’ kuntratturi approvati għandhom iqisu l-kapaċità teknika ta’ kumpanniji li jiffurmaw parti mill-istess grupp. |
22. |
Fis-sentenza Holst Italia, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-ġurisprudenza tas-sentenza Ballast għal sitwazzjoni fejn il-kumpannija li xtaqet tipparteċipa f’proċedura għall-għoti ta’ kuntratt ma kinitx il-persuna ġuridika dominanti ta’ grupp ta’ kumpanniji, u kkonfermat li din il-kumpannija setgħet tirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ kumpanniji oħra fil-grupp, irrispettivament min-natura ġuridika tal-konnessjonijiet ta’ bejniethom ( 8 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li offerent ma jistax jiġi eskluż minn proċedura sempliċement minħabba l-fatt li jipproponi li jirrikorri għal riżorsi li ma humiex tiegħu iżda li huma ta’ xi entità jew entitajiet oħra ( 9 ). |
23. |
Il-ġurisprudenza sussegwenti kkonfermat din il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li d-dritt tal-Unjoni Ewropea ma teżiġix li, sabiex tiġi kklassifikata bħala operatur ekonomiku li jikkwalifika biex jagħmel l-offerti, persuna li tixtieq tidħol f’kuntratt ma awtorità kontraenti għandha tkun kapaċi li twettaq ix-xogħol direttament permezz tar-riżorsi tagħha stess ( 10 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-impriżi li jixtiequ jipparteċipaw f’proċedura għall-għoti ta’ kuntratt iridu jipprovaw li għandhom effettivament għad-disponibbiltà tagħhom ir-riżorsi ta’ entitajiet oħra neċessarji sabiex jiġi eżegwit il-kuntratt inkwistjoni. Din ir-responsabbiltà taqa’ fuq l-offerent li jkun qed jirrikorri għar-riżorsi ta’ ħaddieħor ( 11 ). |
24. |
Kemm l-Artikoli 47(2) kif ukoll l-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 2004/18 jistipulaw bi kliem kważi identiku li “operatur ekonomiku jista’ […] joqgħod fuq il-ħiliet ta’ entitajiet oħrajn”. Dan il-kliem jissuġġerixxi li qed jiġi rrikonoxxut li l-operaturi ekonomiċi għandhom id-dritt li jagħżlu dan il-metodu sabiex jissodisfaw il-kriterji ta’ selezzjoni, ladarba huma jkunu jistgħu jipprovaw li għandhom effettivament għad-disponibbiltà tagħhom ir-riżorsi ta’ entitajiet oħra neċessarji sabiex jiġi eżegwit il-kuntratt. |
25. |
Meta f’xi każ partikolari tiġi kkontestata l-kapaċità ta’ impriża li teżegwixxi kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, l-evalwazzjoni dwar jekk ingħatawx provi biżżejjed dwar dan għandha titħalla f’idejn il-qrati nazzjonali. Kif diġà osservajt, dan il-prinċipju ssemma fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li issa ġiet ikkodifikata permezz tal-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18 ( 12 ). |
26. |
Barra minn hekk, ma hemm xejn fl-Artikolu 52 tad-Direttiva 2004/18 li jindika li kien hemm il-ħsieb li tiġi limitata l-portata tal-Artikoli 47(2) u 48(3), liema artikoli jirrigwardaw il-kooperazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt partikolari. Għall-kuntrarju ta’ dan, l-Artikolu 52(1) jeżiġi li l-kundizzjonijiet sabiex persuna tiġi rreġistrata f’lista ta’ kuntratturi jew fornituri ta’ oġġetti jew servizzi approvati jew il-kundizzjonijiet għal ċertifikazzjoni għandhom jiġu allinjati mal-prinċipju stabbilit fl-Artikoli 47(2) u 48(3) għal dak li jirrigwarda l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ppreżentati minn operaturi ekonomiċi li jiffurmaw parti minn grupp u li jirrikorru għar-riżorsi magħmula disponibbli lilhom minn kumpanniji oħra fil-grupp. |
27. |
Ir-reġistrazzjoni f’lista uffiċjali jew iċ-ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 52 tad-Direttiva 2004/18 jippresupponu l-adegwatezza tal-impriżi rreġistrati jew iċċertifikati, iżda biss għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom issir ir-reġistrazzjoni jew iċ-ċertifikazzjoni. L-awtoritajiet kontraenti għandhom marġni ta’ diskrezzjoni li jiddeterminaw il-livell ta’ stabbiltà finanzjarja u ekonomika kif ukoll il-livell ta’ kapaċità u konoxxenza teknika meħtieġa sabiex persuna tkun tista’ tipparteċipa f’kuntratt partikolari u, jekk ikun hemm bżonn, li jeżiġu provi oħra apparti l-preżunzjoni tar-reġistrazzjoni jew taċ-ċertifikazzjoni ( 13 ). |
28. |
Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li d-Direttiva 92/50 ( 14 ) ma tipprekludix projbizzjoni jew restrizzjoni fuq l-użu ta’ subappalt għall-eżekuzzjoni ta’ partijiet essenzjali tal-kuntratt, preċiżament fil-każ fejn l-awtorità kontraenti ma tkunx f’pożizzjoni li tivverifika l-kapaċitajiet tekniċi u ekonomiċi tas-subappaltaturi meta tkun qed tevalwa l-offerti sabiex tagħżel l-offerent bil-prezz l-iktar baxx ( 15 ). |
29. |
Dan jidher li jissuġġerixxi li dispożizzjoni nazzjonali li teskludi mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti dawk l-operaturi ekonomiċi li jirrikorru għall-kapaċitajiet ta’ iktar minn entità waħda tkun qed tmur kontra d-dritt tal-operaturi ekonomiċi li jagħżlu dan il-metodu sabiex jissodisfaw il-kriterji ta’ selezzjoni, u għalhekk ma tkunx kompatibbli mad-Direttiva 2004/18. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li offerent li jiddikjara li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-kapaċitajiet tekniċi u ekonomiċi ta’ terzi li biħsiebu juża jekk il-kuntratt jingħata lilu, jista’ jiġi eskluż biss jekk huwa jonqos milli jipprova li dawk il-kapaċitajiet huma fil-fatt disponibbli lilu ( 16 ). |
30. |
Għalhekk, dispożizzjoni nazzjonali, bħal ma huwa l-Artikolu 49(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, li ma tipprojbixxix għal kollox li wieħed jirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ impriżi awżiljarji sabiex jissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni, iżda li madankollu timponi restrizzjoni kwantitattiva li ma hemmx provvediment għaliha fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, ma tistax tkun kompatibbli mad-Direttiva 2004/18. |
31. |
Dan l-argument jista’ jkompli jiġi sostnut billi wieħed janalizza l-għanijiet tal-Artikolu 47(2) u 38(3) tad-Direttiva 2004/18. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, wieħed mill-għanijiet ewlenin tar-regoli tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi huwa li jkun hemm kompetizzjoni kemm jista’ jkun miftuħa, u li huwa ta’ importanza għad-dritt tal-Unjoni Ewropea li tiġi żgurata l-ikbar parteċipazzjoni ta’ offerenti possibbli f’sejħa għal offerti ( 17 ). |
32. |
L-għan li jkun hemm kompetizzjoni kemm jista’ jkun miftuħa ma jitqiesx biss mill-aspett tal-interess tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iżda wkoll mill-aspett tal-interess tal-awtoritajiet kontraenti, li b’hekk ikollhom għażla ikbar meta jiġu biex jagħżlu l-offerta l-iktar vantaġġuża ( 18 ). L-esklużjoni tal-offerenti bbażata fuq in-numru ta’ entitajiet oħra li jkunu qed jipparteċipaw fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, bħal meta tkun aċċettata impriża awżiljarja waħda biss għal kull kategorija ta’ kriterji kwalitattivi, ma tippermettix li ssir evalwazzjoni każ b’każ, u b’hekk tkun qiegħda tnaqqas mill-għażla tal-awtorità kontraenti u taffettwa l-kompetizzjoni effettiva. |
33. |
Għan ieħor tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi huwa li l-kuntratti pubbliċi jinfetħu għall-operaturi ekonomiċi kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom. L-inklużjoni ta’ impriżi żgħar u medji (iktar ’il quddiem l-“SMEs”) għandha tiġi inkoraġġita b’mod partikolari minħabba li l-SMEs jitqiesu li jiffurmaw is-sinsla tal-ekonomija tal-Unjoni Ewropea ( 19 ). L-opportunitajiet li jista’ jkollhom l-SMEs sabiex jipparteċipaw f’proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti u sabiex jingħataw il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, jistgħu jiġu ostakolati, fost affarijiet oħra, mid-daqs tal-kuntratti. Minħabba dan, il-possibbiltà għall-offerenti li jipparteċipaw fi gruppi u li jirrikorru għall-kapaċitajiet ta’ impriżi awżiljarji hija ta’ importanza kbira sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għas-swieq ( 20 ). |
34. |
Fl-aħħarnett, ser nittratta l-kwistjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-implementazzjoni tad-Direttiva 2004/18. Il-Kummissjoni u l-Gvern Taljan huma tal-opinjoni li l-Artikolu 49(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 jaqa’ fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-implementazzjoni tad-direttiva. |
35. |
Skont il-Kummissjoni, sabiex id-direttiva tiġi implementata b’mod korrett, ikun biżżejjed li ma tiġix eskluża l-possibbiltà li persuna tirrikorri għall-kapaċità ta’ xi impriża awżiljarja sabiex tissodisfa l-livelli tal-istabbiltà ekonomika u finanzjarja kif ukoll il-kapaċità teknika u/jew professjonali, u li l-prinċipji mħaddna fid-Direttiva 2004/18 jiġu applikati sabiex tiġi ggarantita s-selezzjoni kwalitattiva u effettiva tal-offerenti bbażata fuq kriterji trasparenti, oġġettivi u mhux diskriminatorji. |
36. |
M’inix nikkontesta l-fatt li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni relattivament wiesgħa fir-rigward tal-implementazzjoni tad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi. Madankollu, din ma testendix għal kwistjonijiet koperti espliċitament mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, li fl-opinjoni tiegħi huwa l-każ għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà li wieħed jirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ terzi fil-kuntest ta’ offerti fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi. Kif indikajt iktar ’il fuq, kemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll id-Direttiva 2004/18 jippermettu b’mod espliċitu li persuna tirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, irrispettivament min-natura ġuridika tal-konnessjonijiet li jkollha magħhom. |
37. |
L-esklużjoni ta’ dawk l-offerenti li jirrikorru għall-kapaċitajiet ta’ iktar minn entità awżiljarja waħda biss għal kull kategorija ta’ kriterji ta’ selezzjoni kwalitattiva tiffavorixxi l-impriżi l-kbar għad-detriment ta’ konsorzji ta’ SMEs ad hoc. Huwa probabbli li din ikollha t-tendenza li tipprivileġġa l-atturi lokali jew reġjonali dominanti għal dak li jirrigwarda kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet li jikkorrispondu mal-kapaċitajiet tagħhom iżda li jkunu eżiġenti wisq għal operaturi iżgħar li jkunu qed jaġixxu waħedhom u li jkunu żgħar wisq biex jinteressaw lil kumpanniji ikbar li joperaw fuq livell nazzjonali jew internazzjonali. Dan ma jistax jitqies li ma huwiex diskriminatorju. |
38. |
Naqbel mal-Gvern Taljan li jista’ jkun hemm differenza bejn sitwazzjonijiet fejn operatur ekonomiku jirrikorri għall-istabbiltà ekonomika u finanzjarja ta’ entità oħra u fejn jirrikorri għall-kapaċità teknika u/jew professjonali. Jeżistu ċerti sitwazzjonijiet fejn il-kapaċità teknika jew professjonali neċessarja għandha tkun ta’ entità waħda. Pereżempju, filwaqt li żewġ impriżi b’kapaċità ta’ 50,000 tunellata ta’ asfalt jistgħu flimkien jissodisfaw il-kapaċità rekwiżita ta’ 100,000 tunellata metħieġa sabiex tiġi rrestawrata triq prinċipali, żewġ impriżi li t-tnejn li huma għandhom il-livell ta’ ħila meħtieġ għall-manutenzjoni u t-tiswija ta’ arloġġi fl-istazzjonijiet tal-ferroviji mhux neċessarjament jissodisfaw il-kriterji ta’ kapaċità meħtieġa għal xogħlijiet ta’ tiswija ta’ arloġġi antiki fi knejjes medjevali. |
39. |
Madankollu, il-problema relatata mal-possibbiltajiet tal-agglomerazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ kapaċitajiet tekniċi u/jew professjonali hija, mill-aspett kwalitattiv, indipendenti min-numru ta’ entitajiet li l-kapaċitajiet tagħhom jintużaw minn operatur ekonomiku. Il-fatt li operaturi ekonomiċi jistgħu jirrikorru għall-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra sabiex jikkwalifikaw bħala offerenti prospettivi ma jneħħix ir-realtajiet ta’ proċeduri partikolari għall-għoti ta’ kuntratti. Għaldaqstant, irrispettivament minn jekk operatur ekonomiku għandux l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja u l-kapaċità teknika u professjonali minnu stess jew billi jirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ operaturi oħra, xorta waħda jkollu jipprova li huwa jissodisfa l-kriterji stabbiliti għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet partikolari. |
40. |
Barra minn dan, l-Artikolu 48(5) tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi regoli speċifiċi għall-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet tal-operaturi ekonomiċi għal dak li jirrigwarda l-konoxxenzi, l-effiċjenza, l-esperjenza u l-kredibbiltà tagħhom li jkunu rilevanti għal ċerti kategoriji ta’ kuntratti pubbliċi. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għal operaturi ekonomiċi li jirrikorru għall-kapaċitajiet tekniċi jew professjonali ta’ entitajiet oħra. Barra minn hekk, kif diġà indikajt iktar ’il fuq, f’każijiet ta’ listi uffiċjali jew ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali, l-awtoritajiet kontraenti xorta waħda għandhom marġni ta’ diskrezzjoni li jistabbilixxu l-livell ta’ stabbiltà finanzjarja u ekonomika kif ukoll ta’ konoxxenza u kapaċità teknika meħtieġa sabiex wieħed jipparteċipa f’kuntratt partikolari. |
VI – Konklużjoni
41. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lit-Tribunale Amministrativo Regionale per le Marche r-risposta li ġejja: L-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża preżenti milli tipprojbixxi, ħlief f’ċirkustanzi speċjali, l-użu tal-kapaċitajiet ta’ iktar minn impriża awżiljarja waħda sabiex jiġu sodisfatti l-kriterji ta’ selezzjoni li jirrigwardaw l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja u/jew il-kapaċità teknika u/jew professjonali ta’ operatur ekonomiku. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132.
( 3 ) Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18.
( 4 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C-62/00, Ġabra p. I-6325, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, iktar reċentement, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart (C-503/09, Ġabra p. I-6497, punt 105).
( 5 ) Sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Strong Securança (C-95/10, Ġabra p. I-1865, punt 13).
( 6 ) Ara pereżempju s-sentenzi tal-14 ta’ April 1994, Ballast Nedam Groep I (C-389/92, Ġabra p. I-1289), tat-18 ta’ Diċembru 1997, Ballast Nedam Groep II (C-5/97, Ġabra p. I-7549) u tat-2 ta’ Diċembru 1999, Holst Italia (C-176/98, Ġabra p. I-8607).
( 7 ) L-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi li “[l]-awtoritajiet kontrattwanti [kontraenti] jistgħu jeżiġu li kandidati u dawk li jixħtu l-offerta jilħqu l-livell minimu ta’ kapaċità skond l-Artikoli 47 u 48. Il-limitu tal-informazzjoni li sar riferiment għalih fl-Artikoli 47 u 48 u l-livelli minimi ta’ abilità meħtieġa għal kuntratt speċifiku għandu jkun relatat u proporzjonat mal-kontenut suġġettiv tal-kuntratt. Dawn il-livelli minimi għandhom ikunu indikati fl-avviż tal-kuntratt”.
( 8 ) Sentenza Holst Italia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31.
( 9 ) Sentenza Holst Italia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26.
( 10 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2009, CoNISMa (C-305/08, Ġabra p. I-12129, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 11 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2004, Siemens u ARGE Telekom (C-314/01, Ġabra p. I-2549, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Sentenzi tal-14 ta’ April 1994, Ballast Nedam Groep I, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17, u Holst Italia, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 u 30.
( 13 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1987, CEI u Bellini (27/86 sa 29/86, Gabra p. 3347, punti 25 sa 27).
( 14 ) Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322), imħassra mid-Direttiva 2004/18.
( 15 ) Sentenza Siemens u ARGE Telekom, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45.
( 16 ) Ara s-sentenza Siemens u ARGE Telekom, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46.
( 17 ) Ara s-sentenza CoNISMa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 18 ) Ara s-sentenza CoNISMa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 19 ) Ara pereżempju l-Ktiba Ħadra [Green Paper] tal-Kummissjoni dwar l-immodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku. Lejn Suq Ewropew tal-Akkwist iżjed effiċjenti, KUMM(2011) 15 finali.
( 20 ) Id-dokument gwida tal-Kummissjoni “Kodiċi Ewropew tal-aħjar prattiki li jiffaċilitaw l-aċċess minn SMEs għall-kuntratti pubbliċi” [European Code of Best Practices Facilitating Access by SMEs to Public Procurement Contracts] jirrakkomanda li jittieħed vantaġġ mill-possibbiltà li għandhom l-operaturi ekonomiċi li jirrikorru b’mod konġunt għall-kapaċitajiet ekonomiċi u finanzjarji kif ukoll għall-kapaċitajiet tekniċi tagħhom fl-istadju tas-selezzjoni fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti. Ara d-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni, il-Kodiċi Ewropew tal-aħjar prattiki li jiffaċilitaw l-aċċess minn SMEs għall-kuntratti pubbliċi, SEC(2008) 2193.