Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CC0082

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Wahl - 24 ta' Ottubru 2013.
    Transportes Jordi Besora SL vs Generalitat de Catalunya.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal Superior de Justicia de Cataluña - Spanja.
    Taxxi indiretti - Dazji tas-sisa - Direttiva 92/12/KEE - Artikolu 3(2) - Żjut minerali - Taxxa fuq il-bejgħ bl-imnut - Kunċett ta’ ‘għan speċifiku’ - Trasferiment ta’ kompetenzi lill-Komunitajiet Awtonomi - Finanzjament - Assenjazzjoni predeterminata - Infiq għal kura tas-saħħa u ambjentali.
    Kawża C-82/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:694

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    WAHL

    ippreżentati fl-24 ta’ Ottubru 2013 ( 1 )

    Kawża C‑82/12

    Transportes Jordi Besora, S.L.

    vs

    Tribunal Económico Administrativo Regional de Cataluña (TEARC)

    Generalitat de Catalunya

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (Sala de lo Contencioso Administrativo) (Spanja)]

    “Direttiva 92/12/KEE — Dazju tas-sisa — Żjut minerali — Artikolu 3(2) — Għan speċifiku — Konformità mas-sistema ġenerali tad-dazju tas-sisa jew tal-VAT — Taxxa nazzjonali imposta fuq il-bejgħ bl-imnut ta’ ċerti idrokarbonji — Limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ sentenza”

    1. 

    Din il-kawża tirrigwarda l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12/KEE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tad-dazju tas-sisa” ( 2 ). Din id-dispożizzjoni tirrikonoxxi d-dritt tal-Istati Membri li jintroduċu jew iżommu taxxi indiretti fuq prodotti li huma diġà suġġetti għal regoli armonizzati li jirrigwardaw id-dazju tas-sisa. Dan id-dritt, madankollu, huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet: (i) li t-taxxa inkwistjoni jkollha għan speċifiku u (ii) li hija tkun tikkonforma mar-regoli ta’ taxxa applikabbli għad-dazju tas-sisa jew ( 3 ) għall-VAT għal dak li għandu x’jaqsam mad-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli, il-kalkolu tat-taxxa, il-ħlas tat-taxxa u l-immonitorjar tat-taxxa.

    2. 

    Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, it-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti tal-Ġustizzja Superjuri tal-Katalonja) (Spanja) tixtieq tkun taf jekk taxxa speċifika u indiretta fuq il-bejgħ bl-imnut ta’ ċerti idrokarbonji (Impuesto sobre las Ventas Minoristas de Determinados Hidrocarburos) (iktar ’il quddiem l-“IVMDH”), li hija imposta fuq il-konsum ta’ dawk il-prodotti, hijiex konformi mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa. B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tixtieq kjarifika fuq żewġ kwistjonijiet: x’inhu l-“għan speċifiku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u x’inhuma r-rekwiżiti sabiex taxxa indiretta titqies konformi mas-sistema ġenerali tar-regoli tat-taxxa li jirrigwardaw id-dazju tas-sisa jew il-VAT. Fid-dawl tal-konsegwenzi finanzjarji li din tinvolvi, il-kawża tqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-effetti ta’ eventwali konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà għandhomx ikunu limitati ratione temporis.

    3. 

    Fil-punti li ġejjin ser nispjega għaliex ma jidhirlix li l-IVMDH ma hijiex konformi mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa. Ser nagħti wkoll ir-raġunijiet għaliex ma jidhirlix li huwa xieraq li jiġu limitati l-effetti ta’ konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    A – Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

    4.

    Skont l-Artikolu 1(1), l-għan tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa huwa li tistabbilixxi “l-arranġamenti għal prodotti soġġetti għad-dazji tas-sisa u taxxi indiretti oħra li huma mposti direttament jew indirettament mal-konsum ta’ dawk il-prodotti, ħlief għat-taxxa fuq il-valur miżjud u t-taxxi stabbiliti mill-[Unjoni Ewropea]”.

    5.

    Skont l-Artikolu 3(1), id-Direttiva tapplika, inter alia, għaż-żjut minerali. L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva jipprovdi li:

    “Il-prodotti elenkati fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu soġġetti għal taxxi oħra indiretti għal għanijiet speċifiċi, iżda dawk it-taxxi jkunu jikkonformaw mar-regoli ta’ taxxa applikabbli għad-dazju tas-sisa u għall-għanijiet tal-VAT għal dak li għandu x’jaqsam ma’ d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, il-ħlas tat-taxxa u l-immonitorjar tat-taxxa”.

    6.

    Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva:

    “1. Id-dazju tas-sisa għandu jsir dovut fiż-żmien tar-rilaxx għall-konsum jew meta jiġu rekordjati nuqqasijiet li għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa skond l-Artikolu 14(3).

    Rilaxx għall-konsum ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandha tfisser:

    (a)

    kull tluq [...] minn arranġament ta’ sospensjoni;

    (b)

    kull manifattura [...] ta’ dawk il-prodotti barra arranġament ta’ sospensjoni;

    (c)

    kull importazzjoni ta’ dawk il-prodotti [...] meta dawk il-prodotti ma jkunux tqiegħedu taħt arranġament ta’ sospensjoni”.

    B – Id-dritt Spanjol

    7.

    L-IVMDH ġiet introdotta fi Spanja bil-Liġi tal-Istat Nru 24/2001 ( 4 ). L-Artikolu 9 tagħha jipprovdi li:

    “B’effett mill-1 ta’ Jannar 2002, għandha tiġi introdotta taxxa ġdida fuq il-bejgħ bl-imnut ta’ ċerti idrokarbonji, li għandha tkun irregolata bid-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    1. Natura:

    (1)

    It-taxxa fuq il-bejgħ bl-imnut ta’ ċerti idrokarbonji hija taxxa indiretta fuq il-konsum ta’ dawn il-prodotti, li titħallas f’fażi waħda fuq bejgħ bl-imnut tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha [...]

    [...]

    (3)

    Id-dħul minn din it-taxxa għandu jiġi allokat kollu kemm huwa sabiex tiġi ffinanzjata l-ispiża fis-settur tas-saħħa, skont kriterji oġġettivi stabbiliti fuq livell nazzjonali. Minkejja dan, dik il-parti mid-dħul li tkun ġejja mir-rati ta’ taxxa stabbiliti mill-Komunitajiet Awtonomi tista’ tiġi allokata sabiex jiġu ffinanzjati miżuri ambjentali, li jkunu suġġetti wkoll għall-istess kriterji oġġettivi.

    [...]

    3. Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae

    (1)

    L-idrokarbonji li ġejjin għandhom jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din it-taxxa: petrol, dijżil, żejt karburant u pitrolju li ma jintużax bħala karburant għat-tisħin[...]

    [...]

    5. Fatt taxxabbli

    (1)

    Il-bejgħ bl-imnut tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha huwa suġġett għat-taxxa. It-tranżazzjonijiet fejn persuni taxxabbli jakkwistaw il-prodotti taxxabbli għall-konsum personali għandhom ukoll ikunu suġġetti għat-taxxa.

    [...]

    7. Persuni taxxabbli

    Il-persuni taxxabbli huma l-proprjetarji ta’ prodotti taxxabbli li jwettqu tranżazzjonijiet taxxabbli fir-rigward tagħhom.

    [...]

    8. Eżiġibbiltà

    (1)

    It-taxxa ssir eżiġibbli meta l-prodotti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-akkwirenti jew, skont il-każ, fil-mument tal-konsum personali, u dan jekk l-arranġamenti ta’ sospensjoni [...] fuq id-dazji tas-sisa jkunu waqfu.

    […]

    9. Bażi taxxabbli

    (1)

    Il-bażi taxxabbli għandha tinkludi l-volum tal-prodotti suġġetti għat-taxxa, espressa f’eluf ta’ litri [...]

    [...]

    10. Rati

    (1)

    Ir-rata ta’ taxxa applikabbli għal kull prodott taxxabbli għandha tirriżulta mis-somma tar-rati ta’ taxxa tal-Istat flimkien ma’ dawk tal-Komunitajiet Awtonomi.

    [...]

    (3)

    Ir-rata ta’ taxxa tal-Komunità Awtonoma għandha tkun dik li tiġi approvata mill-Komunità Awtonoma kkonċernata, skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Liġi li tirregola l-miżuri fiskali u amministrattivi għas-sistema l-ġdida ta’ finanzjament tal-Komunitajiet u Bliet Awtonomi. Jekk Komunità Awtonoma ma tkunx approvat lanqas rata waħda, għandha tkun applikabbli biss dik ir-rata li tkun stabbilita mill-Istat [...]”.

    II – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

    8.

    Transportes Jordi Besora, S.L. (iktar ’il quddiem “TJB”) hija kumpannija tat-trasport fil-Komunità Awtonoma tal-Katalonja. Biex topera l-vetturi tagħha, TJB tixtri kwantitajiet kbar ta’ karburant. Bejn l-2005 u l-2008, dawn it-tranżazzjonijiet ta’ xiri kienu suġġetti għall-IVMDH u TJB ħallset l-ammont totali ta’ EUR 45 632.38.

    9.

    Fit-30 ta’ Novembru 2009, TJB talbet lill-Oficina Gestora de Impuestos Especiales (l-Uffiċċju tal-immaniġġjar tad-dazji tas-sisa) biex jirrimborsaha l-IVMDH imħallsa bejn l-2005 u l-2008, peress li qieset li l-IVMDH tmur kontra l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa. Madankollu, it-talba ta’ TJB ġiet miċħuda b’deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2009.

    10.

    TJB ikkontestat dik id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal Económico Administrativo Regional de Cataluña (il-Qorti Reġjonali Ekonomika Amministrattiva tal-Katalonja) (iktar ’il quddiem it-“TEARC”). Dan ir-rikors ġie miċħud permezz tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Ġunju 2010.

    11.

    Sussegwentement, TJB appellat mid-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, li ressqet talba għal deċiżjoni preliminari fuq id-domandi li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [tad-dazju tas-sisa], u b’mod partikolari r-rekwiżit li taxxa partikolari jkollha ‘għan speċifiku’

    a)

    għandu jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ li l-għan imfittex ma jkunx jista’ jintlaħaq permezz ta’ taxxa armonizzata oħra?

    b)

    għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għan tiegħu huwa purament baġitarju meta tiġi stabbilita taxxa partikolari fl-istess waqt li jsir it-trasferiment ta’ ċerti kompetenzi lil Komunitajiet Awtonomi [li] lilhom, imbagħad, jiġi ttrasferit id-dħul li jirriżulta mill-irkupru tat-taxxa bl-iskop li jkopri, parzjalment, l-ispejjeż ikkawżati mill-kompetenzi ttrasferiti, peress li r-rati ta’ taxxa jistgħu jvarjaw minn Komunità Awtonoma għall-oħra?

    c)

    f’każ ta’ risposta negattiva għad-domanda preċedenti, il-kunċett ta’ ‘għan speċifiku’ għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għan tiegħu għandu jkun uniku jew inkella, kuntrarjament, jista’ jkollu diversi għanijiet differenti, li l-għan tagħhom huwa purament baġitarju sabiex jiġu ffinanzjati ċerti kompetenzi?

    d)

    jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti tkun fis-sens li l-pluralità tal-għanijiet hija permessa, liema grad ta’ rilevanza għandu jkollu għan partikolari, għall-finijiet tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12, sabiex il-kundizzjoni, għat-taxxa, li jkollha ‘għan speċifiku’ fis-sens aċċettat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tiġi sodisfatta, u liema huma l-kriterji li jippermettu li ssir distinzjoni bejn l-għan prinċipali u l-għan sussidjarju?

    2)

    L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [tad-dazju tas-sisa] u b’mod partikolari l-kundizzjoni tal-osservanza tar-regoli ta’ tassazzjoni applikabbli għall-bżonnijiet tas-sisa jew tat-taxxa fuq il-valur miżjud sabiex tiġi ddeterminata l-eżiġibbiltà

    a)

    jipprekludi taxxa indiretta mhux armonizzata (bħall-IVMDH), li ssir eżiġibbli fil-mument tal-bejgħ bl-imnut tal-karburant lill-konsumatur finali, b’differenza għat-taxxa armonizzata ([“Impuesto sobre Hidrocarburos” ( 5 )] taxxa fuq iż-żjut minerali, li hija eżiġibbli meta l-prodotti joħorġu mill-aħħar maħżen fiskali) jew mit-taxxa fuq il-valur miżjud (li, minkejja li hija wkoll eżiġibbli fil-mument tal-bejgħ bl-imnut finali, hija eżiġibbli f’kull fażi tal-proċess ta’ produzzjoni u distribuzzjoni), minħabba li ma josservax - skont is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2000, EKW u Wein & Co, (C-437/97, Ġabra p. I-1157, punt 47) - l-istruttura ġenerali ta’ waħda jew l-oħra minn dawn it-tekniki ta’ tassazzjoni kif huma organizzati mil-leġiżlazzjoni [tal-Unjoni Ewropea]?

    b)

    F’każ ta’ risposta negattiva għad-domanda preċedenti, l-interpretazzjoni għandha tkun li din il-kundizzjoni ta’ osservanza hija sodisfatta mingħajr ma hija neċessarja l-eżistenza ta’ koinċidenzi fir-rigward tal-eżiġibbiltà, għas-sempliċi raġuni li t-taxxa indiretta mhux armonizzata (f’dan il-każ l-IVMDH) ma hijiex ta’ ostakolu - fis-sens li la tfixkel u lanqas tikkomplika - mal-funzjonament normali tal-eżiġibbiltà tas-sisa jew tat-taxxa fuq il-valur miżjud?”

    12.

    TJB, il-Generalitat de Catalunya, il-Gvern Spanjol, Elleniku u Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Waqt is-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2013, tressqu sottomissjonijiet orali minn TJB, mill-Generalitat de Catalunya, mill-Gvern Spanjol u Franċiż u mill-Kummissjoni.

    III – Analiżi

    A – Kwistjonijiet preliminari

    13.

    Il-qorti tar-rinviju qasmet iż-żewġ domandi tagħha f’numru ta’ partijiet. Madankollu, fhimt dawn id-domandi bħala li huma intiżi essenzjalment biex jiġi stabbilit jekk l-Arikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa jipprekludix taxxa indiretta bħalma hija l-IVMDH f’dan il-każ.

    14.

    Peress li l-osservanza tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa teħtieġ li jkunu sodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq (jiġifieri (i) li t-taxxa jkollha “għan speċifiku” u (ii) li hija tkun konformi mas-sistema ġenerali ta’ dazju tas-sisa jew tal-VAT), ser nittratta kull waħda miż-żewġ kundizzjonijiet wara xulxin. Madankollu, qabel ma nittratta l-kwistjoni dwar x’jikkostitwixxi għan speċifiku, ser nikkummenta fil-qosor dwar in-natura tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa fis-sistema stabbilita mid-direttiva.

    15.

    Għandu jitfakkar li l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni għal direttiva dwar id-dazju tas-sisa kienet tgħid li l-prodotti koperti mid-Direttiva “[...] ma jkunux suġġetti għal xi taxxa oħra għajr id-dazju tas-sisa u t-taxxa fuq il-valur miżjud” ( 6 ). Madankollu, il-Kunsill insista li l-Istati Membri għandu jibqgħalhom setgħa ta’ tassazzjoni residwali. Dan kien ġustifikat minħabba metodi diverġenti fir-rigward tad-dazji tas-sisa u r-rwol tat-taxxi indiretti fl-implementazzjoni tal-politika mhux baġitarja fl-Istati Membri. L-introduzzjoni tal-Arikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa tirrifletti l-pożizzjoni adottata mill-Kunsill fuq dak li huwa kkunsidra li huwa l-livell xieraq ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam ( 7 ).

    16.

    Barra minn hekk, meta wieħed jiġi biex jinterpreta l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni għas-sistema ġenerali ta’ dazji tas-sisa armonizzati. Għaldaqstant, għandha tiġi interpretata b’mod strett ( 8 ).

    B – L-ewwel kundizzjoni: l-eżistenza ta’ “għan speċifiku” mhux baġitarju

    17.

    Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari s-sentenza tagħha EKW u Wein & Co, fiha elementi li minnhom tista’ tinsilet risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    18.

    Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar x’inhu l-“għan speċifiku” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan għandu jinftiehem bħala għan li għandu finalitajiet oħra barra “dawk purament baġitarji” ( 9 ). Hija kkonfermat ukoll li t-tisħiħ innifsu tal-awtonomija muniċipali permezz tal-għoti ta’ setgħa biex jiġi ġġenerat id-dħul mit-taxxa jikkostitwixxi għan purament baġitarju b’mod li tali għan ma jistax jaqa’ taħt id-deroga tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa ( 10 ). Huwa importanti li jiġi nnutat, għaldaqstant, li biex din id-dispożizzjoni tkun osservata, it-taxxa indiretta inkwistjoni ma għandhiex ikollha biss għan baġitarju.

    19.

    F’dan ir-rigward, mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-IVMDH ġiet introdotta fl-istess żmien li ċerti kompetenzi fis-settur tas-saħħa ġew ittrasferiti lill-Komunitajiet Awtonomi. Huwa paċifiku li l-għan tal-IVMDH kien li tkopri parzjalment l-ispiża marbuta mat-trasferiment ta’ dawk il-kompetenzi. Filwaqt li kkonfermat dan il-punt fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Generalitat de Catalunya tammetti li l-għan tal-ħolqien tal-IVMDH kien li jiġi żgurat li l-Komunitajiet Awtonomi jkollhom riżorsi biżżejjed biex ikopru l-ispejjeż marbutin mas-settur tas-saħħa li huma daħlu għalihom wara t-trasferiment tal-kompetenzi fl-imsemmi settur. Waqt is-seduta, ġie spjegat ukoll li d-dħul iġġenerat mill-IVMDH intuża, inter alia, biex jinbnew sptarijiet ġodda.

    20.

    F’dan il-kuntest, tqum il-mistoqsija li ġejja: Taxxa indiretta, li jkollha (tal-inqas, parzjalment) għan baġitarju inkwantu tiffinanzja l-kompetenzi ttrasferiti fis-settur tas-saħħa, tista’ xorta waħda titqies li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa?

    21.

    Filwaqt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-konstatazzjonijiet fattwali u tapplika l-qafas interpretattiv ipprovdut mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-fatti tal-kawża li jkollha quddiemha, nammetti li nsib diffikultà naċċetta li taxxa indiretta, bħalma hija l-IVMDH, tista’ sservi “għan speċifiku” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, l-IVMDH għandha l-istess għan bħad-dazju tas-sisa armonizzat (l-IH), jiġifieri dak li tnaqqas l-ispejjeż soċjali (tas-saħħa u ambjentali) marbutin mal-konsum tal-idrokarbonji.

    22.

    Nammetti li ma jistax jiġi eskluż li taxxa li — minbarra li taqdi għan baġitarju — hija intiża speċifikament biex tipproteġi s-saħħa pubblika jew l-ambjent jista’ jkollha “għan speċifiku” fis-sens tal-Artikolu 3(2) ( 11 ). Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-għanijiet tal-liġijiet li jistabbilixxu l-IVMDH u l-IH jaqblu ma’ xulxin jeskludi mill-ewwel il-possibbiltà li jiġi invokat l-Artikolu 3(2) tad-Diretiva tad-dazju tas-sisa. Fil-fatt, minħabba din il-konverġenza, l-IVMDH ma tistax tinftiehem li għandha għan speċifiku fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa ( 12 ). Tali interpretazzjoni tkun qiegħda sempliċiment tippreġudika l-isforzi biex tiġi armonizzata s-sistema tad-dazju tas-sisa u twassal għal dazju tas-sisa addizzjonali, u dan kontra l-għan proprju tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa li huwa li jtneħħew l-ostakli rimanenti fis-suq intern. Fil-fatt, minkejja l-għan espress b’mod wiesa’ li jikkonċerna l-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-ambjent, iż-żewġ strumenti jidher li għandhom, finalment, l-istess għan baġitarju biex ikopru t-talbiet ġenerali għall-infiq pubbliku f’qasam speċifiku ( 13 ).

    23.

    Barra minn hekk — anki jekk wieħed jippreżumi li l-konverġenza tal-għanijiet deskritti iktar ’il fuq ma teżistix — jidhirli li hemm żewġ kriterji li jistgħu jintużaw biex jiġi stabbilit jekk taxxa indiretta, bħalma hija l-IVMDH f’dan il-każ, għandhiex “għan speċifiku” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa. Dawn huma: (i) l-istruttura tat-taxxa nnifisha (u, b’mod iktar speċifiku, il-kalkolu tagħha), jew (ii) l-użu tad-dħul mit-taxxa biex ikompli jintlaħaq iktar l-għan speċifiku (mhux baġitarju) ( 14 ). Inqis li dan tal-aħħar (ii) huwa sekondarju għall-(i) u jidħol fix-xena biss jekk, abbażi tal-ewwel kriterju, ma jkunx jista’ jiġi stabbilit jekk it-taxxa inkwistjoni għandhiex għan speċifiku.

    24.

    L-ewwel nett, l-istruttura ta’ taxxa indiretta tista’ tkun indikazzjoni partikolarment utli tal-għan mhux baġitarju ta’ taxxa. Fil-fatt, jidhirli li l-“istruttura” toffri l-għodda primarja biex jiġi identifikat l-“għan speċifiku”. Dan minħabba li t-taxxa rarament tevita l-finalitajiet ta’ għan baġitarju, sakemm l-istruttura tagħha ma tkunx tattesta l-eżistenza ta’ għan ieħor li ma jkunx baġitarju.

    25.

    B’mod iktar speċifiku, għan li ma huwiex baġitarju jista’ jiġi identifikat meta t-taxxa tkun f’livell li tiskoraġġixxi jew tinkoraġġixxi ċerta mġiba. Dan japplika, b’mod partikolari, meta l-livell tat-taxxa jvarja skont l-effetti negattivi tal-prodott taxxabbli fuq is-saħħa jew l-ambjent ( 15 ). Punt importanti li għandu jiġi nnutat huwa li, sa fejn l-istruttura tat-taxxa turi li hija għandha għan speċifiku, id-dħul miġbur jista’ jiġi allokat għal kwalunkwe użu li jkun xieraq. F’dan ir-rigward — u minkejja l-fatt li l-għan tal-IVMDH suppost li huwa li jitnaqqsu l-effetti negattivi tal-konsum tal-idrokarbonji — ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx ipprovduta b’informazzjoni li turi li l-istruttura tal-IVMDH hija, fil-fatt, intiża speċifikament biex tiskoraġġixxi l-konsum tal-idrokarbonji jew, fil-fatt, li tinkoraġġixxi l-użu ta’ xi tip ieħor ta’ prodott li huwa meqjus inqas dannuż mill-aspett ta’ saħħa pubblika jew ambjentali ( 16 ).

    26.

    It-tieni nett, anki jekk l-istruttura ma tindikax l-eżistenza ta’ “għan speċifiku” ġenwin, it-taxxa inkwistjoni xorta waħda tista’ titqies bħala li taqa’ taħt id-deroga tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa. Dan japplika meta d-dħul iġġenerat jintuża għall-finanzjament ta’ miżuri speċifiċi, li jikkontribwixxu direttament biex jintlaħaq għan speċifiku mhux baġitarju (li jirrigwarda, pereżempju, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika jew l-ambjent). Taħt din it-tieni ipoteżi sussidjarja, nemmen li hija ta’ importanza partikolari — biex ikun osservat il-fatt li l-Artikolu 3(2) jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali — li tiġi kkonstatata rabta mill-qrib biżżejjed bejn kif jintuża d-dħul iġġenerat, minn naħa, u l-fatt li jintlaħaq l-għan speċifiku (mhux baġitarju), min-naħa l-oħra.

    27.

    Skont l-Artikolu 9(1)(3) tal-Liġi Nru 24/2001, id-dħul miksub permezz tal-IVMDH għandu jintuża għall-miżuri fis-settur tas-saħħa u l-ambjent (għalkemm jidher li hemm l-għażla li jiġu ffinanzjati miżuri ambjentali). Għaldaqstant, ma hemmx dubju li hija intiża għal għan predeterminat. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan l-għan jibqa’ wieħed purament baġitarju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-użu tad-dħul huwa ddefinit b’mod wiesa’ ħafna: miżuri ffinanzjati bl-IVMDH bl-ebda mod ma huma limitati għal dawk li wieħed jista’ jargumenta li għandhom rabta intima mal-għan li jiġu miġġielda l-effetti dannużi tal-użu tal-prodotti taxxabbli.

    28.

    Huwa importanti li ssir distinzjoni bejn l-għan tat-taxxa — li tikkostitwixxi l-kwistjoni ċentrali f’din il-kawża — u l-użi possibbli li jsir mid-dħul li jiġi minnha. B’kuntrast max-xenarju li jirriżulta fir-rigward tal-kriterju ta’ “struttura” imsemmi fil-punt 24 iktar ’il fuq (fejn il-fondi miksuba jistgħu jintużaw kif ikun xieraq), il-kwistjoni ta’ kif jintuża d-dħul miġbur huwa ta’ importanza partikolari hawnhekk. Dan għaliex, biex tiġi kkonstatata rabta bejn l-użu tad-dħul u l-għan speċifiku tat-taxxa inkwistjoni, huwa imperattiv li l-użu li jsir mill-fondi għandu jikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan mhux baġitarju tat-taxxa inkwistjoni (f’dan il-każ: it-tnaqqis tal-ispejjeż soċjali relatati mal-konsum tal-idrokarbonji).

    29.

    Fi ftit kliem, jekk wieħed jaċċetta li l-osservanza tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa teżiġi sempliċiment li d-dħul mit-taxxa jiġi allokat għal għan predeterminat (jew, skont il-każ, għanijiet predeterminati kif inhu l-każ hawnhekk) ikun ifisser sempliċiment li d-Direttiva tkun qiegħda tiġi mċaħħda mill-effettività tagħha. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tiftaħ id-deroga għal kull għan, baġitarju jew le, sakemm id-dħul mit-taxxa inkwistjoni jiġi allokat b’mod speċifiku biex jaqta’ ċertu nfiq magħmul mill-awtoritajiet pubbliċi. Iktar minn hekk, dan ikun jippermetti li l-Istati Membri jinvokaw diversi għanijiet predeterminati konkorrenti biex jiġġustifikaw il-bżonn li jintroduċu taxxi indiretti fuq prodotti rregolati mid-Direttiva.

    30.

    Fil-fehma tiegħi, is-sempliċi allokazzjoni tad-dħul mit-taxxa għall-miżuri ta’ saħħa u ambjentali inġenerali ma hijiex biżżejjed biex turi li t-taxxa għandha għan mhux baġitarju kif meħtieġ mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa. F’dan il-każ, ma ġiet ikkonstatata ebda rabta diretta bejn, min-naħa wada, il-miżuri ffinanzjati bid-dħul miksub mill-IVMDH u l-għan li jiġi evitat u rrettifikat l-impatt negattiv assoċjat mal-konsum tal-idrokarbonji, min-naħa l-oħra.

    31.

    Fil-fatt, ma hemm xejn fid-dokumenti prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jissuġġerixxi li d-dħul miġbur permezz tal-IVMDH għandu jiġi allokat għal miżuri speċifiċi marbutin mas-saħħa u l-ambjent li jista’, imbagħad, jikkonferma l-eżistenza ta’ għan mhux baġitarju. Kif ingħad iktar ’il fuq, id-dħul miksub mill-IVMDH intuża biex ikopri spejjeż (ta’ natura ġenerali) marbuta, b’mod partikolari, mal-kura tas-saħħa, kompetenza li ġiet ittrasferita lill-Komunitajiet Awtonomi fil-mument tal-introduzzjoni tal-IVMDH. Biex jaqgħu taħt id-deroga tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa, ir-regoli nazzjonali għandhom jispeċifikaw, minn tal-inqas, kif id-dħul miġbur għandu jiġi allokat (biex jintlaħaq l-għan mhux baġitarju tat-taxxa). Barra minn hekk, meta jiġu adottati livelli differenti ta’ taxxa, ir-regoli li jistabbilixxu dawk il-livelli għandhom jinkludu wkoll kriterji oġġettivi li fuqhom ikunu jistgħu jiġu bbażati tali differenzi.

    32.

    Fid-dawl tas-suespost, ma jidhirlix li taxxa indiretta bħalma hija l-IVMDH tista’ titqies bħala li għandha “għan speċifiku” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa. Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, ma huwiex meħtieġ li tiġi kkunsidrata t-tieni kundizzjoni (konformità mas-sistema ġenerali tad-dazju tas-sisa jew tal-VAT). Madankollu, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tixtieq tagħmel dan xorta waħda, jien ser nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin.

    C – It-tieni kundizzjoni: konformità mas-sistema ġenerali tad-dazju tas-sisa jew tal-VAT

    33.

    Qabelxejn, infakkar li għall-iskopijiet tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa, huwa biżżejjed li, kif tinnota l-qorti tar-rinviju, it-taxxa indiretta, li jkollha għan speċifiku, tkun konformi mar-regoli tat-taxxa li japplikaw fir-rigward tad-dazju tas-sisa jew tal-VAT inkwantu jikkonċerna (i) id-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli, (ii) il-kalkolu tat-taxxa, (iii) l-eżiġibbiltà u (iv) il-monitoraġġ tat-taxxa ( 17 ). Il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta dwar jekk dan huwiex il-każ fir-rigward tal-IVMDH.

    34.

    Il-kwistjoni tal-eżiġibbiltà hija propju l-punt li fuqu l-qorti tar-rinviju hija inċerta fir-rigward tat-tieni kundizzjoni ( 18 ). Fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza EKW u Wein & Co ddeċidiet li d-dazju inkwistjoni f’dawk il-proċeduri ma kienx “konformi mar-regoli li jirregolaw l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa, peress li huwa eżiġibbli biss fil-fażi tal-bejgħ lill-konumatur, u mhux fil-mument tar-rilaxx tiegħu għall-konsum” (enfasi miżjud) ( 19 ).

    35.

    Dik il-konklużjoni tapplika wkoll għal dan il-każ.

    36.

    Fil-fatt, taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa, id-dazju tas-sisa għandu jkun eżiġibbli “fiż-żmien tar-rilaxx għall-konsum” ( 20 ). Dan ifisser meta l-prodott jitlaq mill-aħħar maħżen tat-taxxa. B’kuntrast ma’ din id-dispożizzjoni, il-fajl juri li l-IVMDH hija imposta fuq il-bejgħ bl-imnut ta’ dawn il-prodotti (li jseħħ wara r-“rilaxx għall-konsum” fis-sens tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa).

    37.

    Nammetti, madankollu, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmilha ċara li l-konformità mas-“sistema ġenerali” tad-dazji tas-sisa (jew tal-VAT) ma teħtieġx li t-taxxa indiretta inkwistjoni tkun konformi mar-regoli kollha li japplikaw għad-dazju tas-sisa fejn jirrigwarda l-bażi taxxabbli, il-kalkolu tat-taxxa u l-eżiġibbiltà u monitoraġġ tat-taxxa. Min-naħa l-oħra, hija teżiġi li t-taxxa indiretta tkun konformi, fir-rigward ta’ dawn l-erba’ punti, mas-sistema ġenerali jew tad-dazji tas-sisa jew tal-VAT kif indikat fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea ( 21 ). Fil-fatt, kif innota l-Avukat Ġenerali Saggio, kieku ż-żewġ sistemi kienu meħtieġa li jkunu eżatt l-istess, dan mhux biss ixejjen kull effett prattiku tal-Artikolu 3(2) iżda jista’ jwassal ukoll għal forma oħra ta’ dazju tas-sisa, u dan b’kuntrast mal-prinċipju ta’ natura uniformi tas-sistema ta’ dazju tas-sisa ( 22 ).

    38.

    Skont dan ir-raġunament, jidher li jekk Stat Membru jixtieq idaħħal taxxa indiretta b’għan speċifiku marbut mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika (u l-ambjent) fuq ċerti tipi ta’ żjut minerali, huwa jista’ jagħmel dan biss sakemm dik it-taxxa tkun konformi mar-regoli kollha tal-Unjoni Ewropea li jirrigwardaw il-kategorija rilevanti ta’ prodotti għal dak li jirrigwardja jew id-dazju tas-sisa jew il-VAT, iżda huwa ma jkunx obbligat ukoll li josserva ad litteram regoli speċifiċi — jekk wieħed jassumi li tali regoli jkunu fil-fatt jeżistu — li jirrigwardaw subkategorija partikolari ta’ dawk il-prodotti ( 23 ).

    39.

    Madankollu, il-mistoqsija tibqa’ dwar meta t-taxxa tkun konformi mas-“sistema ġenerali” ta’ waħda minn dawk iż-żewġ sistemi ta’ taxxi? U iktar minn hekk, l-inkompatibbiltà tista’ tiġi dedotta mill-fatt li t-taxxi inkwistjoni ma jsirux eżiġibbli fl-istess mument?

    40.

    Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal dawn il-mistoqsijiet qiegħda fir-rationale li fuqu hija bbażata d-Direttiva tad-dazju tas-sisa. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva hija intiża li tipprekludi li jkun hemm taxxi indiretti oħra li jostakolaw il-kummerċ b’mod irregolari. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, jekk il-kummerċjanti jkunu suġġetti għal formalitajiet oħra li ma humiex dawk ipprovduti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea fuq id-dazju tas-sisa jew il-VAT ( 24 ). Meta t-taxxa indiretta inkwistjoni tinterferixxi ma’ dan l-għan, hija ma tistax tkun kompatibbli ma’ xi waħda minn dawn iż-żewġ sistemi ta’ taxxa. Il-kriterju rilevanti huwa, għaldaqstant, dwar jekk it-taxxa tinterferixxix jew le mal-funzjonament tajjeb tas-suq u mhux, kif jargumentaw il-Generalitat de Catalunya u l-Gvern Spanjol, dwar jekk it-taxxa inkwistjoni tinterferixxix mal-funzjonament normali tas-sistema stabbilita mid-Direttiva tad-dazju tas-sisa (jew, fil-fatt, id-Direttiva tal-VAT ( 25 )).

    41.

    Fil-fatt, filwaqt li d-Direttiva tad-dazju tas-sisa ma tagħmilx espliċitament distinzjoni bejn l-erba’ kriterji (bażi taxxabbli, kalkolu tat-taxxa, monitoraġġ u eżiġibbiltà) fir-rigward tal-ġerarkija ta’ importanza rispettiva tagħhom biex jiġi stabbilit jekk it-taxxa inkwistjoni hijiex konformi mas-sistema ġenerali tad-dazju tas-sisa jew tal-VAT, id-Direttiva tagħmel enfasi partikolari, madankollu, fuq l-eżiġibbiltà. Dan minħabba s-sinjifikat tagħha għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern ( 26 ).

    42.

    Punt li ma għandux jiġi injorat huwa li d-diskrepanza fir-rigward tal-eżiġibbiltà jkollha impatt fuq it-tul tal-arranġament ta’ sospensjoni (għalkemm id-differenza fiż-żmien tista’ tkun tiddependi fuq in-natura tal-prodotti inkwistjoni). Taħt id-Direttiva tad-dazju tas-sisa, il-monitoraġġ tal-prodott jieqaf malli dan jitlaq mill-maħżen ta’ taxxa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-IVMDH teħtieġ xorta waħda li jitkompla l-monitoraġġ sakemm il-prodott jinbiegħ lill konsumatur finali. Waqt is-seduta, irriżulta ċar ukoll li hemm iktar diskrepanzi bejn l-IVMDH u s-sistema stabbilita mid-Direttiva tad-dazju tas-sisa: dan huwa partikolarment il-każ f’dak li jirrigwarda l-obbligu li tiġi ddikjarata t-taxxa inkwistjoni u l-metodu ta’ kalkolu tat-taxxa ( 27 ).

    43.

    Għal dak li jirrigwarda l-VAT, huwa biżżejjed li jiġi nnutat li wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja EKW u Wein & Co, huwa paċifiku li taxxa indiretta bħalma hija l-IVMDH, li hija imposta biss fil-fażi tal-bejgħ lill-konsumatur u mhux, kif inhuwa l-każ tal-VAT, f’kull fażi fil-proċess ta’ produzzjoni u distribuzzjoni, ma tistax titqies li hija kompatibbli mas-sistema ġenerali tal-VAT ( 28 ).

    44.

    Fi ftit klem, il-fatt li tiġi introdotta taxxa addizzjonali li ssir eżiġibbli f’mument differenti minn dak tad-dazju tas-sisa (li jfisser ukoll li l-persuni taxxabbli jistgħu jkunu differenti fir-rigward taż-żewġ taxxi) joħloq formalitajiet addizzjonali għall-kummerċjanti fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, tali taxxa hija prekluża mil-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa.

    45.

    Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-IVMDH (wara li wieħed jassumi li għandha għan speċifiku) tistax, minkejja l-interpretazzjoni proposta iktar ’il fuq, titqies li hija konsistenti mal-Artikolu 3(2) sempliċiment minħabba li hija ma tipprekludix jew trendi diffiċli l-funzjonament normali tal-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa jew tal-VAT, kif jidher li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju fit-tieni parti tad-domanda 2, nagħmel riferiment għall-osservazzjonijiet tiegħi fil-punt 41 iktar ’il fuq.

    46.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, fil-fehma tiegħi l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa jipprekludi taxxa indiretta bħalma hija l-IVMDH inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta l-qorti nazzjonali tikkonstata li tali taxxa ma għandhiex għan speċifiku mhux baġitarju u ma hijiex konformi mas-sistema ġenerali tad-dazju tas-sisa jew tal-VAT għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-eżiġibbiltà.

    D – Huwa xieraq li l-effetti ratione temporis tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ jiġu limitati?

    47.

    Il-Gvern Spanjol talab li l-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenza tagħha f’każ li hija tikkonstata li l-IVMDH hija inkompatibbli mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa. Fid-dawl tal-approwċ meħud f’dawn il-konklużjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat jekk tali limitazzjoni hijiex ġustifikata f’dan il-każ. Filwaqt li huwa ċar mill-argumenti ( 29 ) mressqa mill-Gvern Spanjol li l-konsegwenzi finanzjarji ta’ konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà bl-ebda mod ma għandha tiġi sottovalutata, ma jidhirlix li jkun xieraq li l-effetti ratione temporis ta’ konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà jiġu limitati f’dawn iċ-ċirkustanzi.

    48.

    Qabelxejn, infakkar li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni hija intiża li tikkjarifika u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Għaldaqstant, ir-regola — kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja — għandha tiġi applikata għar-relazzjonijiet legali kollha inklużi dawk li tnisslu u ġew ikkostitwiti qabel is-sentenza li tkun iddeċidiet fuq l-interpretazzjoni ( 30 ). Bħala prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, għaldaqstant, tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenzi tagħha f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss ( 31 ).

    49.

    Fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-effetti ratione temporis ta’ sentenza jisgħu jkunu limitati meta jkunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet (kumulattivi). Minn naħa, irid ikun hemm “riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji”. Dawn ir-riperkussjonijiet għandhom jirriżultaw, b’mod partikolari, minn numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti in bona fide fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ. Min-naħa l-oħra, iridu jkunu ġew adottati prattiki illegali minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tat importanza kbira lill-imġiba adottata minn Stati Membri oħra u mill-Kummissjoni, li jistgħu jkunu kkontribwixxew għall-imġiba illegali inkwistjoni ( 32 ).

    50.

    F’dan il-każ, il-Gvern Spanjol ressaq tliet argumenti biex jiġġustifika l-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà. L-ewwel nett, huwa jsostni li l-applikazzjoni retroattiva ta’ tali sentenza tkun tinvolvi konsegwenzi finanzjarji serji għal Spanja u l-Komunitajiet Awtonomi. Dan minħabba li r-rifużjonijiet li jingħataw f’każ ta’ konstatazzjoni ta’ inkompatibbilità jkunu jammontaw, skont l-istima tal-Gvern Spanjol, għal madwar EUR 13 biljun (jew 1.25 % tal-prodott gross domestiku fl-2011) ( 33 ). It-tieni nett, huwa jargumenta li l-obbligu ta’ ħlas lura tat-taxxi miġbura illegalment jippreġudika serjament il-finanzjament tas-sistema ta’ saħħa pubblika fit-territorju tal-Komunitajiet Awtonomi. It-tielet nett, il-Gvern Spanjol jikkunsidra li l-Kummissjoni kkontribwixxiet għall-ksur inkwistjoni minħabba l-imġiba tagħha.

    51.

    Waqt is-seduta, il-Kummissjoni u TJB ikkontestaw, b’mod partikolari, l-istimi magħmula mill-Gvern Spanjol fir-rigward tal-portata tar-riskju finanzjarju involut. Fil-fehma tagħhom, ir-regoli nazzjonali ta’ limitazzjoni jwasslu biex joqtlu awtomatikament talbiet li huma eqdem minn erba’ snin. Barra minn hekk, minħabba l-ammont kbir ta’ kawżi li huma diġà pendenti, il-Kummissjoni qajmet dubju wkoll fuq l-effett prattiku tal-limitazzjoni tal-applikazzjoni retroattiva ta’ konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà.

    52.

    Anki jekk wieħed jippreżumi dawn l-oġġezzjonijiet bħala ġustifikati, ma għandix dubju, kif ingħad iktar ’il fuq, li l-ammonti involuti jibqgħu kunsiderevoli. Fil-fatt, fid-dawl, b’mod partikolari, tas-sitwazzjoni finanzjarja prekarja li Spanja u l-Komunitajiet Awtonomi qegħdin jiffaċċjaw bħalissa, ma jistax jiġi eskluż li dawn l-ammonti jwasslu għal “riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji” fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 34 ).

    53.

    Barra minn hekk, fid-dawl tan-numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi involuti (anki jekk jidher li x’aktarx ir-rifużjonijiet jintalbu primarjament minn negozji bħalma hija TJB), wieħed jista’ jimmaġina li konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà jkollha riperkussjonijiet serji fuq is-sistema li tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-Komunitajiet Awtonomi. Lanqas ma jista’ jiġi eskluż li jkun hemm konfużjoni u interruzzjoni tal-iffinanzjar reġjonali tal-kura tas-saħħa, u dan fid-dawl tal-importanza tal-IVMDH fil-miżuri ta’ finanzjament adottati mill-Komunitajiet Awtonomi f’dan il-qasam. Abbażi ta’ dawn il-fatturi, f’dan il-każ jidher li l-ewwel kundizzjoni hija sodisfatta.

    54.

    Madankollu, is-(sempliċi) fatt li deċiżjoni preliminari jista’ jkollha konsegwenzi finanzjarji sinjifikattivi għal Stat Membru, ma huwiex biżżejjed, bħala regola ġenerali, biex jiġġustifika li l-effetti ratione temporis ta’ sentenza jiġu limitati ( 35 ). Kwalunkwe konklużjoni oħra twassal għall-effett paradossali li l-iktar ksur serju u dejjiemi jkun ittrattat bl-iktar mod favorevoli ( 36 ). Din hija r-raġuni għaliex it-tieni kundizzjoni li tikkonċerna l-inċertezza fir-rigward tat-tifsira u l-portata tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni Ewropea għandha tkun sodisfatta wkoll.

    55.

    Ma jidhirx li hemm din l-inċertezza f’dan il-każ. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn dan il-każ u s-sentenza EKW u Wein & Co fejn il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-effett retroattiv tas-sentenza għandu jkun limitat. Dan kien ikkunsidrat ġustifikat minħabba li, fl-ewwel lok, l-Artikolu 3(2) ma kienx preċedentement is-suġġett ta’ deċiżjoni preliminari u ta’ gwida interpretattiva mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-imġiba tal-Kummissjoni setgħat wasslet biex il-Gvern Awstrijak jemmen raġonevolment li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea ( 37 ).

    56.

    Min-naħa l-oħra, meta ġiet adottata l-IVMDH, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà pprovdiet gwida fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa u, iktar importanti, tat deċiżjoni dwar l-inkompatibbiltà ta’ dazju simili fis-sentenza EKW u Wein & Co ( 38 ). Lanqas ma jien konvint bl-argumenti tal-Gvern Spanjol fis-sens li huwa kien in bona fide meta adotta l-IVMDH. Fil-fatt, ma hemm xejn fid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jindika li l-Kummissjoni żgwidat lill-Gvern Spanjol fir-rigward tal-legalità tal-IVMDH. Min-naħa l-oħra, hija indikat li tqis l-IVMDH bħala illegali.

    57.

    Fil-fatt, qabel l-introduzzjoni tal-IVMDH, saru numru ta’ domandi preliminari lill-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ ċerti soluzzjonijiet legali li kienu qegħdin jiġu kkunsidrati. Ir-risposta mogħtija mill-Kummissjoni, li hija inserita fil-proċess, ma tikkorroborax, fil-fehma tiegħi, l-argumenti tal-Gvern Spanjol. Minflok ma żgwidat lil Spanja temmen li l-leġiżlazzjoni proġettata kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, jidhirli li l-Kummissjoni reġgħat semmiet b’mod ċar, filwaqt li għamlet riferiment inter alia għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja EKW u Wein & Co, il-kundizzjonijiet li għandhom ikunu sodisfatti biex taxxa indiretta tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Biex tikkonkludi l-evalwazzjoni tagħha, hija għamlitha ċara li hija ma tqisx l-abbozz tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni bħala li huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Il-ftuħ ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Spanja fuq din il-kwistjoni jikkonferma iktar il-fehma tal-Kummissjoni fuq il-illegalità tal-IVMDH. Għaldaqstant, ma naħsibx li huwa xieraq li l-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ għandhom jiġu limitati ratione temporis.

    58.

    Dan premess, ma jidhirlix li jista’ jiġi eskluż b’mod kategoriku li f’ċerti ċirkustanzi, estremament eċċezzjonali, fejn l-impatt finanzjarju tar-retroattività jkun partikolarment gravi, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkunsidra li tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenza tagħha anki meta t-tieni kundizzjoni li tirrigwarda l-bona fide ma tkunx sodisfatta. Dan japplika, b’mod partikolari, meta l-konsegwenzi finanzjarji jitqiesu manifestament sproporzjonati mal-grad ta’ negliġenza involuta. Madankollu, għandi nwissi kontra li jiġi skartat il-kriterju tal-bona fide f’dawn iċ-ċirkustanzi. Kif ġie nnutat iktar ’il fuq, Spanja tidher li konxjament ħadet ir-riskju li tipproċedi bil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u, b’riżultat ta’ dan, dik il-leġiżlazzjoni ġiet applikata għal ħafna snin għad-detriment tal-konsumatur finali u s-suq intern.

    IV – Konklużjoni

    59.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña:

    L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti jipprekludi taxxa indiretta bħalma hija t-taxxa fuq il-bejgħ bl-imnut ta’ ċerti idrokarbonji (Impuesto sobre las Ventas Minoristas de Determinados Hidrocarburos) inkwistjoni fi-kawża prinċipali, meta l-qorti nazzjonali tikkonstata li tali taxxa ma għandhiex għan speċifiku mhux baġitarju u ma hijiex konformi mas-sistema ġenerali tad-dazju tas-sisa jew tal-VAT għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-eżiġibbiltà.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol 1, p. 179) kif emendata. B’effett mill-1 ta’ April 2010, id-Direttiva 92/12 ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009 L 9, p. 12).

    ( 3 ) Qabel, kliem l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa ħoloq konfużjoni. Dan minħabba li xi verżjonijiet lingwistiċi jirreferu għad-“dazji tas-sisa u VAT”, filwaqt li oħrajn għandhom l-espressjoni “dazji tas-sisa jew VAT”. Peress li r-regoli fuq id-dazji tas-sisa u l-VAT huma reċiprokament inkompatibbli f’diversi aspetti u li l-konformità mat-tnejn li huma tkun tinvolvi ħafna diffikultajiet prattiċi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa biżżejjed li t-taxxa inkwistjoni tkun konformi mas-sistema ġenerali tad-dazji tas-sisa jew tal-VAT; ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (C-434/97, Ġabra p. I-1129, punti 24 u 27), u s-sentenza EKW u Wein & Co (C-437/97, Ġabra p. I-1157, punti 44 u 47).

    ( 4 ) Il-Liġi Nru 24/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001, fuq il-miżuri ta’ natura fiskali, amministrattiva jew soċjali, BOE Nru 313, tal-31 ta’ Diċembru 2001 (Ley 24/2001, de 27 de dicíembre, de Medidas Fiscales, Administrativas y del Orden Social).

    ( 5 ) L-Impuesto sobre Hidrocarburos (iktar ’il quddiem l-“IH”) hija rregolata bil-Liġi Nru 38/1992, tat-28 ta’ Diċembru 1992, fuq id-dazji tas-sisa (Ley 38/1992, de 28 de dicíembre, de Impuestos Especiales)

    ( 6 ) Proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-arranġamenti ġenerali għal prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u fuq iż-żamma u l-moviment ta’ dawn il-prodotti, COM(90) 431 finali (ĠU 1990 C 322, p. 1), Artikolu 3(2).

    ( 7 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18.

    ( 8 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saggio fil-kawża EKW u Wein & Co, punt 38.

    ( 9 ) Sentenza EKW u Wein & Co, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31. Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, Hermann (C-491/03, Ġabra p. I-2025, punt 16) u s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19.

    ( 10 ) EKW u Wein & Co, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33.

    ( 11 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saggio fil-kawża EKW u Wein & Co, punt 39. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Braathens (C-346/97, Ġabra p. I-3419, punt 14).

    ( 12 ) Bl-istess mod, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fi-kawża Hermann, punt 44.

    ( 13 ) Għalkemm dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali, bħalma huwa l-IH, jista’ jitqies bħala taxxa ambjentali peress li ma hemmx dubju li l-produzzjoni u l-użu taż-żjut minerali jaffettwa lill-ambjent, dan ma jbiddilx l-għan aħħari biex jinkisbu fondi sabiex jiġu ffinanzjati servizzi pubbliċi.

    ( 14 ) Bl-istess mod, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Braathens, punt 15 u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saggio fil-kawża EKW u Wein & Co, punt 40.

    ( 15 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza Il-Kumissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet tikkonċerna taxxa indiretta fuq ix-xorb alkoħoliku b’kontenut alkoħoliku ikbar minn 25 % f’volum. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Braathens, punt 15 u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Hermann, punt 43.

    ( 16 ) Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li fil-Komunitajiet Awtonomi jiġu applikati livelli differenti ta’ tassazzjoni. Għalkemm l-effett deterrent jista’ ċertament jiddependi fuq diversi ċirkustanzi (u jista’ jkun ukoll suġġett għal differenzi reġjonali), dan jidher li jindika li l-IVMDH hija strument purament baġitarju sa fejn l-istruttura tagħha (fil-prattika, il-livell ta’ taxxa) ma hijiex stabbilita b’mod inekwivoku f’livell li jitqies għoli biżżejjed biex jiskoraġġixxi l-użu ta’ żjut minerali taxxabbli. Barra minn hekk, infakkar li l-introduzzjoni u ż-żamma ta’ livelli differenti ta’ taxxa jeħtieġu awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol 1, p. 405), li tapplika għaż-żjut minerali.

    ( 17 ) Ara l-punt 1 iktar ’il fuq. Ara wkoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27, u s-sentenza EKW u Wein & Co, iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 u 47.

    ( 18 ) Il-qorti tar-rinviju ma pprovdietx lill-Qorti tal-Ġustizzja b’informazzjoni dettaljata dwar id-differenzi fil-bażi taxxabbli, il-kalkolu tat-taxxa u l-monitoraġġ. Waqt is-seduta, TJB ipprovdiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’informazzjoni dwar id-differenzi bejn l-IVMDH u r-rekwiżiti li jinsabu fid-Direttiva tad-dazju tas-sisa, filwaqt li l-Gvern Spanjol ikkonkluda, wara paragun dettaljat tal-IVMDH mad-dazju tas-sisa u l-VAT fir-rigward tal-bażi taxxabbli, tal-kalkolu tat-taxxa, tal-eżiġibbiltà u l-monitoraġġ, li l-IVMDH ma tinterferixxix ma’ xi waħda minn dawn is-sistemi ta’ taxxa.

    ( 19 ) EKW u Wein & Co, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48.

    ( 20 ) Ara wkoll l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/96, li jipprovdi li “[g]ħall-iskop ta’ din id-Direttiva ’livell ta’ tassazzjoni’ huwa l-piż totali ntaxxat fir-rigward tat-taxxi indiretti kollha (ħlief il-VAT) ikkalkulat direttament jew indirettament fuq il-kwantità ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku meta dawn ikunu rilaxxati għall-konsum.

    ( 21 ) EKW u Wein & Co, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47.

    ( 22 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saggio fil-kawża EKW u Wein & Co, punt 46.

    ( 23 ) Għaldaqstant — u bil-kontra ta’ dak li argumenta l-Gvern Franċiż waqt is-seduta — ma nemminx li huwa rilevanti għall-intaxxar taż-żjut minerali li l-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi, fir-rigward tal-elettriku u l-gass naturali (la ma jifformawx parti miż-żjut minerali) li t-taxxa ssir dovuta fil-mument tal-provvista ta’ dawn il-prodotti mid-distributur jew mir-ridistributur.

    ( 24 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26, u sentenza EKW u Wein & Co, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46.

    ( 25 ) Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).

    ( 26 ) Ir-raba’ premessa tad-Direttiva tad-dazju tas-sisa tenfasizza speċifikament il-bżonn li jiġi żgurat li l-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa tkun identika fl-Istati Membri kollha.

    ( 27 ) L-IH għandha tkun inkluża f’dikjarazzjoni tat-taxxa mensili filwaqt li l-IVMDH hija inkluża f’dikjarazzjoni tat-taxxa trimestrali. Għal dak li jirrigwarda l-kalkolu tat-taxxa, id-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali huwa kkalkolat abbażi tat-temperatura tagħhom fil-livell ta’ 18-il grad, filwaqt li t-tempertura rilevanti għall-IVMDH hija t-temperatura tal-arja.

    ( 28 ) Sentenza EKW u Wein & Co, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49. Filwaqt li kkonstatat id-dazju inkwistjoni f’dawk il-proċeduri bħala li kien inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet ukoll enfasi fuq il-fatt li, b’kuntrast mal-VAT, taxxa indiretta li ssir eżiġibbli biss fil-fażi ta’ bejgħ lill-konsumatur finali tiġi kkalkolata mingħajr ebda tnaqqis fir-rigward tat-taxxa tal-input. Filwaqt li dan jidher li huwa l-konsegwenza diretta ta’ taxxa li ssir eżiġibbli meta l-prodott jinbiegħ lill-konsumatur finali, għandu jiġi nnutat li anki fuq dan il-punt l-IVMDH issegwi l-istess loġika bħad-dazju inkwistjoni fis-sentenza EKW u Wein & Co.

    ( 29 ) Ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 30 ) Ara pereżempju, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012, FIM Santander Top 25 Euro Fi (C‑338/11 sa C‑347/11, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 31 ) Ibidem (punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et (C-292/04, Ġabra p I-1835, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 32 ) Pereżempju, ara s-sentenza FIM Santander Top 25 Euro Fi, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata. Dan japplika wkoll f’każijiet li jirrigwardaw taxxi miġbura mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; ara wkoll is-sentenza EKW u Wein & Co, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 sa 60.

    ( 33 ) Għalkemm tali piż finanzjarju addizzjonali jkollu ċertament konsegwenzi devastanti għal kwalunkwe Stat, il-gravità tal-konsegwenzi involuti għal Stat Membru fis-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Spanja ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jiġu sottovalutati.

    ( 34 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Meilicke et, punti 34 u 35. F’dik il-kawża, il-Gvern Ġermaniż qies li jekk l-effett ta’ konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà ma jiġix limitat, dan iwassal għal rifużjonijiet ta’ taxxa li jikkorrispondu għal 0.25 % tal-prodott gross domestiku Ġermaniż fl-2004. Għandu jiġi nnutat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx il-proposta tal-Avukat Ġenerali biex tiġi limitata r-retroattività tas-sentenza tagħha f’dak il-każ.

    ( 35 ) Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C-209/03, Ġabra p. I-2119, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 36 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saggio fil-kawża EKW u Wein & Co, punt 65.

    ( 37 ) Sentenza EKW u Wein & Co, punt 58.

    ( 38 ) Ara wkoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza. Hawnhekk, għandu jiġi nnutat li l-“għan speċifiku” tat-taxxa Franċiża inkwistjoni ma ġiex ikkontestat, sempliċiment il-kompatibbiltà tagħha mad-dazju tas-sisa jew ir-regoli tal-VAT. Fil-fehma tiegħi, dan ġara peress li t-taxxa kienet strutturata b’mod li tista’ tfittex l-għan mhux baġitarju msemmi mill-awtoritajiet Franċiżi.

    Top