This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012CC0072
Opinion of Mr Advocate General Cruz Villalón delivered on 20 June 2013. # Gemeinde Altrip and Others v Land Rheinland-Pfalz. # Reference for a preliminary ruling: Bundesverwaltungsgericht - Germany. # Request for a preliminary ruling - Environment - Directive 85/337/EEC - Environmental impact assessment - Århus Convention - Directive 2003/35/EC - Right to challenge a development consent decision - Temporal application - Development consent procedure initiated before the period prescribed for transposing Directive 2003/35/EC expired - Decision taken after that date - Conditions of admissibility of the action - Impairment of a right - Nature of the procedural defect that may be invoked - Scope of the review. # Case C-72/12.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Cruz Villalón - 20 ta' Ġunju 2013.
Gemeinde Altrip et. vs Land Rheinland-Pfalz.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesverwaltungsgericht - il-Ġermanja.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ambjent - Direttiva 85/337/KEE - Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent - Konvenzjoni ta’ Aarhus - Direttiva 2003/35/KE - Dritt għal azzjoni kontra deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni - Applikazzjoni ratione temporis - Proċeduri ta’ awtorizzazzjoni mibdija qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/35/KE - Deċiżjoni meħuda wara din id-data - Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors - Ksur ta’ dritt - Natura tad-difett proċedurali li jista’ jiġi invokat - Portata tal-istħarriġ.
Kawża C-72/12.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Cruz Villalón - 20 ta' Ġunju 2013.
Gemeinde Altrip et. vs Land Rheinland-Pfalz.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesverwaltungsgericht - il-Ġermanja.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ambjent - Direttiva 85/337/KEE - Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent - Konvenzjoni ta’ Aarhus - Direttiva 2003/35/KE - Dritt għal azzjoni kontra deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni - Applikazzjoni ratione temporis - Proċeduri ta’ awtorizzazzjoni mibdija qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/35/KE - Deċiżjoni meħuda wara din id-data - Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors - Ksur ta’ dritt - Natura tad-difett proċedurali li jista’ jiġi invokat - Portata tal-istħarriġ.
Kawża C-72/12.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:422
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CRUZ VILLALÓN
ippreżentati fl-20 ta’ Ġunju 2013 ( 1 )
Kawża C‑72/12
Gemeinde Altrip,
Gebrüder Hört GbR,
Willi Schneider
vs
Land Rheinland‑Pfalz
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht [il-Ġermanja])
“Direttiva 85/337/KEE — Artikolu 10a — Portata tad-dritt li titressaq kawża kontra d-deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent — Applikabbiltà ratione temporis — Portata tal-istħarriġ”
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesverwaltungsgericht qed tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni, sentejn wara d-deċiżjoni li kienet ħadet fil-kawża Trianel ( 2 ), li terġa’ tieħu pożizzjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337/KEE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva EEA”) ( 3 ), kif ġiet emendata bid-Direttiva 2003/35/KE ( 4 ), fil-kuntest tad-dritt amministrattiv u tad-dritt amministrattiv kontenzjuż Ġermaniżi. |
2. |
Filwaqt li s-sentenza Trianel kienet tikkonċerna l-aċċess ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi għad-difiża tal-ambjent għall-qrati ta’ Stat Membru fil-kuntest tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA, din il-proċedura tirrigwarda, minn naħa, l-applikabbiltà ratione temporis ta’ dik id-dispożizzjoni u fuq kollox, min-naħa l-oħra, il-portata tal-istħarriġ li timponi. |
3. |
Dawn id-domandi qed isiru fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ pjan fil-qasam tad-dritt tal-ilma tal-Land Rheinland-Pfalz, li permezz tiegħu r-rikorrenti qed isostnu li l-evalwazzjoni tal-effetti tal-proġett fuq l-ambjent (iktar ’il quddiem l-“EEA”) twettqet b’mod irregolari. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt internazzjonali
4. |
Il-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja [aċċess ġudizzjarju] fi kwistjonijiet ambjentali (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”) ġiet iffirmata mill-Komunità Ewropea fil-25 ta’ Ġunju 1998, daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Ottubru 2001 u ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea fis-17 ta’ Frar 2005 ( 5 ). Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ffirmat il-Konvenzjoni ta’ Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u rratifikatha fil-15 ta’ Jannar 2007. |
5. |
Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tiġi ġeneralment ippreżentata bħala sistema bi tliet pilastri, b’dawn ikunu, rispettivament, l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali fi kwistjonijiet ambjentali u l-aċċess ġudizzjarju fi kwistjonijiet ambjentali ( 6 ). |
6. |
Is-6, is-7, it-8, it-13 u t-18-il premessa tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdu dan li ġej:
[…]
[…]
|
7. |
L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jiddefinixxi l-għan ta’ din tal-aħħar kif ġej: “Għal finijiet ta’ kontribuzzjoni għall-protezzjoni tad-dritt ta’ kull persuna ta’ ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, li tgħix f’ambjent adegwat għas-saħħa u għall-benesseri tagħha, kull parti għandha tiggarantixxi d-drittijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent, tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali u tal-aċċess ġudizzjarju fi kwistjonijiet ambjentali b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
8. |
Skont l-Artikolu 2(5), l-espressjoni “pubbliku kkonċernat” tindika “il-pubbliku affettwat jew li iktarx ikun affettwat minn, jew li għandu interess fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]; skont l-Artikolu 2(4), it-terminu “pubbliku” jista’ jindika “persuna jew iktar, fiżika jew ġuridika” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
9. |
L-Artikolu 3(1) jipprovdi dan li ġej: “Kull parti għandha tieħu l-miżuri leġiżlattivi, regolatorji u miżuri oħra neċessarji, inkluż miżuri intiżi biex id-dispożizzjonijiet li jimplementaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni dwar l-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess ġudizzjarju jkunu kompatibbli ma’ xulxin, kif ukoll miżuri adegwati ta’ nfurzar, biex jiġi stabbilit u jinżamm qafas ċar, trasparenti u konsistenti għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
10. |
L-Artikolu 9(2) min-naħa tiegħu jipprevedi dan li ġej: “Kull parti għandha tiżgura li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, il-membri tal-pubbliku kkonċernat
Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u ksur ta’ dritt għandu jiġi ddeterminat skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u f’konformità mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess ġudizzjarju wiesa’ fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni. […] Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu 2 ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà li titressaq proċedura ta’ reviżjoni preliminari quddiem awtorità amministrattiva u ma għandhomx jeludu l-obbligu li jiġu eżawriti r-rimedji amministrattivi qabel ma jingħata bidu għal proċedura ġudizzjarja, meta dan l-obbligu jkun previst fid-dritt nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
B – Id-dritt tal-Unjoni
11. |
Id-Direttiva 2003/35 ġiet adottata sabiex il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ssir konformi mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, fid-dawl tar-ratifika sussegwenti tal-Konvenzjoni mill-Komunità ( 7 ). L-imsemmija direttiva emendat id-Direttiva EEA kif ukoll id-Direttiva 96/61/KE ( 8 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva IPPC”) sabiex dawn isiru “kompatibbli fis-sħiħ mal-konvenzjoni ta’ Århus, b’mod partikolari […] l-Artikolu 9(2) […] tagħha” ( 9 ). |
12. |
Il-premessa 9 tad-Direttiva 2003/35 tipprovdi dan li ġej: “L-Artikolu 9(2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus jipprovdi aċċess għall-proċeduri ġudizzjarji jew proċeduri oħra sabiex jisfidaw [tiġi kkontestata] il-legalità sostaniva [sostantiva] jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku ta’ l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni.” |
13. |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/35 tipprovdi dan li ġej: “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard mill-25 ta’ Ġunju 2005.” |
14. |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/35 jinkludi diversi dispożizzjonijiet li jemendaw id-Direttiva EEA. Fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva EEA huwa jintroduċi b’mod partikolari definizzjoni ta’ “il-pubbliku interessat [ikkonċernat]” bħala “il-pubbliku affettwat jew x’altarx [aktarx] li jiġi affettwat bil-proċeduri dwar it-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent riferiti fl-Artikolu 2(2) jew li għandu interess fihom”. Il-kunċett ta’ “il-pubbliku”, min-naħa tiegħu jkopri, skont definizzjoni oħra li tirrepeti t-termini tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, “persuna jew iktar naturali [fiżika] jew legali [ġuridika]”. |
15. |
Id-Direttiva 2003/35 tintroduċi anki Artikolu 10a ġdid fid-Direttiva EEA. Dan jipprovdi dan li ġej: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku interessat [ikkonċernat]:
ikollhom aċċess għal rivista [jistgħu jressqu kawża] quddiem qorti tal-ġustizzja jew [jistgħu jressqu proċedura ta’ reviżjoni quddiem] korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi għalbiex jisfida [jikkontestaw] l-legalità sostanzjali jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu rrikużati [ikkontestati] d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet. Dak li jikkostiwixxi interess suffiċjenti u l-indebboliment [ksur] ta’ dritt għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-mira li jingħata aċċess għall-ġustizzja [aċċess ġudizzjarju wiesa’] lill-pubbliku interessat [ikkonċernat]. […] Id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ rivista [reviżjoni] preliminari quddiem awtorità amminisrattiva u ma għandhomx jaffettwaw il-ħtieġa [l-obbligu] ta’ l-eżawriment tal-proċeduri tar-rivista [ta’ reviżjoni] amministrattiva qabel ir-rikors għall-proċeduri tar-rivista ġudizzjarja [ta’ azzjoni ġudizzjarja], meta teżisti din il-ħtieġa [obbligu] taħt il-liġijiet nazzjonali. […]”. |
16. |
Id-Direttiva EEA ġiet imħassra fis-17 ta’ Frar 2012 u ġiet ikkodifikata u ssostitwita bid-Direttiva 2011/92/EU ( 10 ), li l-Artikolu 11 tagħha jikkorrispondi għall-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA. Fid-dawl tad-data tal-fatti inkwistjoni f’din il-kawża, it-test applikabbli f’dan il-każ huwa d-Direttiva EEA. |
C – Id-dritt nazzjonali
17. |
L-Artikolu 61 tal-Verwaltungsgerichtsordnung (il-Liġi dwar il-Qorti Amministrattiva, iktar ’il quddiem il-“VwGO”) ( 11 ) jipprovdi dan li ġej: “Għandhom locus standi biex ikunu partijiet għall-proċedura:
|
18. |
L-Artikolu 46 tal-Verwaltungsverfahrensgesetzes (il-Liġi dwar il-proċedura amministrattiva mhux kontenzjuża, iktar ’il quddiem il-“VwVfG”) ( 12 ), fir-rigward tal-konsegwenzi tad-difetti proċedurali, jipprovdi dan li ġej: “Ħadd ma jista’ jippretendi li jiġi annullat att amministrattiv li ma jkunx invalidu skont l-Artikolu 44 sempliċement għaliex l-imsemmi att ikun ġie mfassal bi ksur tar-regoli proċedurali jew tal-kompetenza territorjali, meta jidher ċar li dan il-ksur ma kellux effett fuq il-mertu tad-deċiżjoni”. |
19. |
Id-dispożizzjonijiet adottati għat-traspożizzjoni tar-rekwiżiti fil-qasam tal-kawżi imposti mid-Direttiva 2003/35 jinsabu fil-Gesetz über ergänzende Vorschriften zu Rechtsbehelfen in Umweltangelegenheiten nach der EG-Richtlinie 2003/35/EG (il-Liġi dwar dispożizzjonijiet supplimentari fir-rigward tal-kawżi fi kwistjonijiet ambjentali previsti mid-Direttiva 2003/35/KE, imsejħa “Umweltrechtsbehelfsgesetz”, iktar ’il quddiem l-“UmwRG”) ( 13 ). L-Artikolu 1(1) ta’ din il-liġi jipprovdi dan li ġej: “Din il-liġi għandha tapplika għall-kawżi mressqa kontra
jista’ jkun hemm obbligu biex titwettaq evalwazzjoni ambjentali.” |
20. |
L-Artikolu 4 tal-UmwRG jipprovdi dan li ġej: “(1) Tista’ ssir talba għall-annullament ta’ deċiżjoni fir-rigward tal-legalità ta’ proġett, fis-sens tal-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) iktar ’il fuq meta
(3) Il-paragrafi 1 u 2 ta’ iktar ’il fuq huma applikabbli per analogiam għall-kawżi tal-partijiet fis-sens tal-Artikolu 61(1) u (2) tal-Liġi dwar il-qorti amministrattiva”. |
21. |
L-Artikolu 5(1) tal-UmwRG jipprevedi, bħala dispożizzjoni tranżitorja li, “din il-liġi tkun applikabbli għall-proċeduri fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1), li jkunu nbdew jew li kellhom jibdew wara l-25 ta’ Ġunju 2005 […]”. |
22. |
L-Artikolu 2 tal-Gesetzes über die Umweltverträglichkeitsprüfung (il-Liġi dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, iktar ’il quddiem l-“UVPG”) ( 14 ) jipprovdi dan li ġej: “(1) L-evalwazzjoni ambjentali tagħmel parti integrali mill-proċeduri deċiżjonali amministrattivi li jikkontribwixxu għat-teħid tad-deċiżjoni dwar il-legalità tal-proġetti. […] (3) Huma deċiżjonijiet fi ħdan it-tifsira tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 1:
|
II – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali
23. |
Il-proċedura fil-kawża prinċipali tirrigwarda kawża kontra deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ pjan fil-qasam tad-dritt tal-ilma tal-Land Rheinland-Pfalz, li għandu bħala suġġett il-kostruzzjoni ta’ struttura għaż-żamma tal-ilma fil-baċir tal-parti ta’ fuq tax-xmara Renu, fin-Nofsinhar tal-ibliet ta’ Mannheim u ta’ Ludwigshafen (Waldsee/Altrip/Neuhofen). |
24. |
Il-proġett tal-istruttura, previst għaż-żamma tal-ilmijiet tal-għargħar, ikopri superfiċje ta’ madwar 327 ettaru. Parti mill-istruttura għandha tiġi mgħarrqa b’mod regolari skont il-livelli tal-ilmijiet tar-Renu, filwaqt li parti oħra għandha tiġi sommersa f’każ ta’ fenomeni ta’ għargħar estremi, sabiex jiġi evitat li żoni abitati, negozji professjonali u ta’ infrastrutturi li jinsabu iktar ’l isfel fil-pjanura tar-Renu jiġu mgħarrqa. Din is-sistema għandha tiggarantixxi protezzjoni mill-għargħar biċentenarju. It-twettiq ta’ żoni ta’ żamma tal-ilma għandu jkun akkumpanjat minn għadd ta’ operazzjonijiet ta’ kostruzzjoni. |
25. |
Il-proġett jikkonċerna prinċipalment l-artijiet li jintużaw għal finijiet agrikoli u forestali. Madankollu, jidher li parti mill-istruttura għaż-żamma tal-ilma tinsab fejn hemm ir-“Rheinniederung Speyer-Ludwigshafen”, li minn Mejju 2004 saret żona kklassifikata abbażi tad-Direttiva dwar il-konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa. Żona oħra protetta abbażi ta’ din id-direttiva tinsab qrib il-proġett, l-istess bħal żewġ riżervi ornitoloġiċi Ewropej. |
26. |
B’ittra tal-31 ta’ Jannar 2002, l-awtorità ta’ livell inferjuri fil-qasam tal-ġestjoni tal-ilmijiet tal-Land Rheinland-Pfalz, bħala żviluppatriċi tal-proġett, ressqet quddiem l-iStruktur- und Genehmigungsdirektion Süd des Landes Rheinland-Pfalz (l-Amministrazzjoni tan-Nofsinhar għall-Istrutturi u l-Awtorizzazzjonijiet tal-Land Rheinland-Pfalz) talba biex tikseb l-approvazzjoni tal-pjan għall-kostruzzjoni tal-istruttura għaż-żamma tal-ilma. L-imsemmi pjan ġie approvat b’deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2006. |
27. |
Il-muniċipalità ta’ Altrip, il-kumpannija Gebrüder Hört GbR u W. Schneider (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) ressqu kawża kontra din id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-pjan. Dawn sostnew b’mod partikolari li l-EEA li twettqet għall-istruttura għaż-żamma tal-ilma kienet ivvizzjata minn irregolaritajiet kbar. |
28. |
Iż-żoni għaż-żamma tal-ilma ppjanati huma mifruxa fuq 12 % tat-territorju tal-muniċipalità ta’ Altrip. Il-muniċipalità hija wkoll proprjetarja ta’ diversi artijiet li jinsabu fil-perimetru tal-pjan. |
29. |
Gebrüder Hört GbR hija kumpannija rregolata mid-dritt ċivili speċjalizzata fit-tkabbir tal-ħaxix. Is-soċji tagħha huma proprjetarji u kerrejja ta’ ħbula ta’ art inklużi fil-perimetru tal-istruttura għaż-żamma tal-ilma; uħud minnhom għandhom saħansitra jintużaw għall-kostruzzjoni ta’ digi. |
30. |
W. Schneider huwa l-proprjetarju ta’ diversi artijiet li jinsabu ftit ’il bogħod mill-istruttura għaż-żamma tal-ilma prevista, fosthom art li tintuża għal finijiet residenzjali u artijiet li jinsabu f’żona rikreattiva lokali, li jintużaw bħala siti għall-kampeġġi. |
31. |
Il-kawża tagħhom ġiet miċħuda mill-Qorti Amministrattiva b’sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007. |
32. |
B’sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, l-Oberverwaltungsgericht Rheinland-Pfalz (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Rheinland-Pfalz) ċaħdet l-appell mis-sentenza tal-Qorti Amministrattiva ppreżentat mir-rikorrenti. Skont il-qorti tal-appell, ma huwiex ammissibbli li r-rikorrenti jinvokaw irregolaritajiet fl-EEA abbażi tal-UmwRG għaliex dik il-liġi, skont l-istess termini tal-Artikolu 5(1) tagħha, hija applikabbli biss għall-proċeduri li nbdew wara l-25 ta’ Ġunju 2005. Hija kkunsidrat li konsegwentement ma kienx hemm għalfejn li jiġi kkunsidrat jekk ir-rikorrenti setgħux jisiltu mill-Artikolu 4(1) tal-UmwRG, li jipprevedi espressament biss il-każ tal-ommissjoni pura u sempliċi tal-EEA, dritt għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-pjan wara EEA vvizzjata minn irregolaritajiet. Barra minn hekk, hija kellha xi dubji dwar jekk it-talba tar-rikorrenti kinitx tissodisfa l-kundizzjoni tar-rabta kawżali meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Bundesverwaltungsgericht. |
33. |
Ir-rikorrenti ppreżentaw appell ta’ “Reviżjoni” quddiem il-Bundesverwaltungsgericht. |
III – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
34. |
Il-Bundesverwaltungsgericht, l-istess bħall-Oberverwaltungsgericht Rheinland-Pfalz qabilha, tikkunsidra li l-Artikolu 5(1) tal-UmwRG f’dan il-każ jipprekludi l-applikabbiltà ratione temporis ta’ dik l-istess liġi, peress li huwa jipprevedi espressament li l-liġi tiġi applikata biss għall-proċeduri li jkunu nbdew wara l-25 ta’ Ġunju 2005. Madankollu, hija tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni hijiex tabilħaqq kompatibbli mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. |
35. |
Dejjem skont il-Bundesverwaltungsgericht, anki jekk l-UmwRG hija applikabbli ratione temporis, kawża msejsa fuq l-irregolarità tal-EEA ma tistax tirnexxi abbażi tad-dispożizzjonijiet li ġew adottati mill-Ġermanja sabiex tiġi implementata d-Direttiva 2003/35. Skont il-Bundesverwaltungsgericht, abbażi tal-Artikolu 4(1) tal-UmwRG, li huwa applikabbli skont id-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-Artikolu 4(3) tal-UmwRG u tal-Artikolu 61(1) tal-VwGO, tista’ ssir talba għall-annullament ta’ deċiżjoni biss jekk EEA jew eżami preliminari każ b’każ tal-ħtieġa li titwettaq EEA, meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, ma tkunx saret u li din l-ommissjoni ma tkunx ġiet rettifikata iktar tard. Il-Bundesverwaltungsgericht tikkunsidra li ma hija possibbli l-ebda interpretazzjoni oħra tal-Artikolu 4(1) tal-UmwRG fid-dawl tad-diċitura u tal-oriġini ta’ dik id-dispożizzjoni. Hija tfakkar f’dan ir-rigward li l-verżjoni inizjali tal-abbozz tal-liġi ( 15 ), li kienet tirrifletti t-tħassib tal-Gvern Ġermaniż wara s-sentenza Wells ( 16 ), li jagħti lid-difetti proċedurali impatt ikbar fuq il-validità tal-atti affettwati, ma setgħetx tinżamm fuq dan il-punt matul il-proċedura leġiżlattiva. Il-Bundesverwaltungsgericht għandha xi dubji dwar jekk din id-dispożizzjoni wkoll tissodisfax ir-rekwiżiti tad-Direttiva. |
36. |
F’każ li din il-limitazzjoni tal-possibbiltajiet ta’ kawża kontra deċiżjoni ma tkunx legali, il-Bundesverwaltungsgericht tkun iffaċċjata bil-kwistjoni tal-konformità mad-dritt Ewropew tal-kriterji, li jintużaw fid-dritt nazzjonali skont ġurisprudenza stabbilita, li jirrestrinġu l-possibbiltajiet ta’ suċċess ta’ kawżi għall-kontestazzjoni tal-legalità ta’ deċiżjonijiet mil-lat proċedurali. |
37. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Bundesverwaltungsgericht, b’deċiżjoni tal-10 ta’ Jannar 2012, issospendiet il-proċeduri ta’ quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin, għall-finijiet ta’ deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE:
|
38. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Land Rheinland-Pfalz, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda u l-Kummissjoni lkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
39. |
Dawn l-istess partijiet kienu preżenti waqt is-seduta tas-16 ta’ Jannar 2013. |
IV – Analiżi ġuridika
40. |
Il-Bundesverwaltungsgericht qed tagħmel tliet domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja li lkoll jirrigwardaw id-dritt li titressaq kawża mogħti mill-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA, filwaqt li ġie ppreċiżat li t-tieni u t-tielet domandi saru biss f’każ li tingħata risposta fl-affermattiv lid-domanda ta’ qabilhom. L-ewwel domanda tirrigwarda l-applikabbiltà ratione temporis tar-regola li tistabbilixxi dan id-dritt li titressaq kawża. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li din tkun applikabbli ratione temporis, hija jkollha tindirizza, fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet domandi preliminari, il-portata ta’ dan id-dritt li titressaq kawża. It-tieni domanda preliminari tirrigwarda l-kwistjoni jekk il-leġiżlatur nazzjonali setax jipprevedi legalment li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA fir-rigward tal-kontestazzjoni tal-legalità ta’ deċiżjoni mil-lat proċedurali, ikunux applikabbli biss fil-każ ta’ ommissjoni pura u sempliċi tal-EEA. Jekk jirriżulta li tali limitazzjoni tkun illegali, permezz tat-tielet domanda preliminari jkun jista’ jiġi ppreċiżat liema għandha tkun il-portata tal-istħarriġ u b’mod partikolari li jingħad jekk il-kundizzjonijiet li jirrigwardaw ir-rekwiżit ta’ rabta kawżali u l-ksur ta’ dritt suġġettiv, li huma suġġetti għalihom, abbażi tal-ġurisprudenza nazzjonali, il-possibbiltajiet ta’ suċċess ta’ kawża għall-kontestazzjoni tal-legalità ta’ deċiżjoni mil-lat proċedurali, ikunux kompatibbli mad-dritt Ewropew. |
A – L-ammissibbiltà
41. |
L-Irlanda tikkunsidra li t-tieni u t-tielet domandi preliminari huma inammissibbli. Hija ssostni li d-deċiżjoni tal-Bundesverwaltungsgericht ma tinkludi l-ebda indikazzjoni dwar l-irregolaritajiet tal-EEA allegati mir-rikorrenti u li l-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk qed tintalab tagħti deċiżjoni dwar kwistjonijiet ipotetiċi li s-soluzzjoni tagħhom ma hijiex se taffettwa l-eżitu tal-kawża. |
42. |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju għandhom ikunu l-qrati nazzjonali li quddiemhom titressaq kawża li jevalwaw, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull kawża, jekk ikunx hemm ħtieġa għal deċiżjoni preliminari u r-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 17 ). |
43. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinjora dan il-prinċipju biss jekk ikun jidher “b’mod manifest” ( 18 ) li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali pendenti. Skont dan il-prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet biss b’mod rari, fid-dawl tal-elementi esposti mill-qorti tar-rinviju abbażi tal-fatti u tad-dritt nazzjonali, għall-konklużjoni li d-domandi magħmula kienu biss ipotetiċi ( 19 ), jiġifieri li l-kawża nħolqot b’mod artifiċjali ( 20 ). |
44. |
Mid-deċiżjoni tal-Bundesverwaltungsgericht jirriżulta li l-EEA meħtieġa għall-proġett ikkontestat twettqet iżda, skont ir-rikorrenti, hija kienet ivvizzjata minn xi irregolaritajiet. Dik id-deċiżjoni madankollu ma tgħidx liema kienu l-irregolaritajiet li ġew allegati mir-rikorrenti fir-rikors tagħhom. |
45. |
Dan, madankollu, ma jimpedixxix lit-tieni u lit-tielet domandi preliminari milli jkunu ammissibbli. Fil-każ tat-tieni domanda, ma jistax ikun mod ieħor għaliex, skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Bundesverwaltungsgericht, id-dritt Ġermaniż attwalment fis-seħħ ma jirrikonoxxi l-ebda dritt għall-annullament tad-deċiżjoni, tkun xi tkun in-natura tal-irregolarità proċedurali invokata, ladarba tkun twettqet EEA. Skont il-Bundesverwaltungsgericht, ir-rikonoxximent tal-fatt li r-regolarità tal-EEA għandha tkun tista’ tiġi mistħarrġa jimplika diġà li l-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem l-Oberverwaltungsgericht. F’dak il-każ, tqum it-tielet domanda, jiġifieri dik tal-konformità mad-dritt Ewropew tal-kriterji applikati sa issa fil-ġurisprudenza Ġermaniża, jew ta’ kriterji oħrajn li l-Bundesverwaltungsgericht, kif tfakkar fid-deċiżjoni tagħha, għandha tindika lill-Oberverwaltungsgericht bħala evalwazzjoni ġuridika. Anki jekk, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, minħabba l-assenza ta’ informazzjoni dwar in-natura tal-irregolaritajiet proċedurali f’din il-kawża ma jistgħux jingħataw risposti definittivi u dettaljati lit-tielet domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tagħti risposta utli lil din id-domanda fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ kooperazzjoni tagħha mal-qorti tar-rinviju. |
46. |
Għaldaqstant, it-tieni u t-tielet domandi preliminari huma ammissibbli. |
B – L-ewwel domanda preliminari
47. |
L-ewwel domanda preliminari tal-Bundesverwaltungsgericht tirrigwarda l-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA, introdott bid-Direttiva 2003/35, fid-dawl tad-diċitura ċċitata iktar ’il fuq tal-Artikolu 5(1) tal-UmwRG li jittrasponi din id-dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2003/35 tipprevedi li l-Istati Membri għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tagħha mhux iktar tard mill-25 ta’ Ġunju 2006 [l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1)]. Madankollu, jeżisti dubju dwar jekk dan ifissirx li l-Istati Membri għandhom jagħtu d-dritt li titressaq kawża previst fl-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA biss għall-proċeduri amministrattivi ta’ awtorizzazzjoni mibdija minn dik id-data ta’ traspożizzjoni jew jekk dan id-dritt li titressaq kawża għandux jingħata wkoll għall-proċeduri amministrattivi ta’ awtorizzazzjoni li nbdew qabel, iżda li jkunu wasslu biex tinħareġ awtorizzazzjoni biss wara dik id-data. |
48. |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Irlanda jikkunsidraw li d-Direttiva 2003/35 ma tobbligax lill-Istati Membri jestendu d-dritt li titressaq kawża previst fl-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA għall-proċeduri amministrattivi ta’ awtorizzazzjoni mibdija qabel ma jiskadi t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha, anki meta l-awtorizzazzjonijiet relatati jkunu nħarġu biss wara dik id-data. B’hekk huwa biss sussidjarjament li huma jippreżentaw osservazzjonijiet dwar id-domandi preliminari l-oħra. Il-Land Rheinland-Pfalz min-naħa tiegħu jaqbel mal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. |
49. |
Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/35 jobbliga lill-Istati Membri biex jaraw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għall-finijiet tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA jkunu applikabbli għall-proċeduri amministrattivi ta’ awtorizzazzjoni li jkunu wasslu biex tinħareġ awtorizzazzjoni wara l-25 ta’ Ġunju 2005, indipendentement mid-data meta jkunu nbdew il-proċeduri. Il-Kummissjoni wkoll tikkunsidra li l-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA huwa applikabbli għall-proċeduri amministrattivi ta’ awtorizzazzjoni li kienu għadhom pendenti fil-25 ta’ Ġunju 2005. |
50. |
Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA huwa applikabbli f’każijiet bħal dan li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
51. |
L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri li permezz tagħhom tkun tista’ tiġi implementata direttiva fid-dritt nazzjonali tagħhom qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni previst minnha ( 21 ). Id-drittijiet mogħtija minn direttiva għandhom jingħataw f’dan it-terminu, sakemm id-direttiva ma tipprevedix deroga espliċita. L-Istat Membru li ma jwettaqx dan l-obbligu jkun qed jirriskja li jkun ikkonfrontat bid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li jissodisfaw ir-rekwiżiti biex jiġu rrikonoxxuti bħala direttament applikabbli ( 22 ). |
52. |
Dan il-prinċipju jista’ jkun problematiku peress li l-implementazzjoni tiegħu timplika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ġdida għal sitwazzjoni li tkun diġà bdiet, jekk ma tkunx ukoll ġiet fi tmiemha. Fl-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni tranżitorja espressament prevista għal dan il-għan minn att tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina l-applikabbiltà ratione temporis tiegħu billi tirrikorri għall-interpretazzjoni, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipji ta’ ċertezza legali (il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività) u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-effettività tal-att inkwistjoni ( 23 ). |
53. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha diversi drabi l-okkażjoni li tapplika dan il-prinċipju. B’hekk hija kkonstatat li r-regoli proċedurali ġeneralment japplikaw għall-kawżi kollha li jkunu pendenti fil-mument li r-regoli jidħlu fis-seħħ, iżda li r-regoli sostantivi ġeneralment jirrigwardaw biss sitwazzjonijiet li jinħolqu wara li huma jkunu daħlu fis-seħħ ( 24 ). Min-naħa l-oħra, bħala prinċipju, regola ġdida tapplika immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li tkun inħolqot taħt sistema ta’ regola qadima ( 25 ). Fir-rigward tal-obbligu li titwettaq EEA, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ma huwiex applikabbli fil-każijiet fejn id-data ta’ introduzzjoni formali tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ proġett tkun qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu mogħti għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva EEA ( 26 ). |
54. |
Din il-kawża tikkonċerna l-kwistjoni tal-applikazzjoni tad-dritt li titressaq kawża ġdida ggarantit mill-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA, meta jiskadi t-terminu ta’ traspożizzjoni, għal proċeduri ta’ awtorizzazzjoni li jkunu diġà nbdew f’dik id-data. Id-Direttiva 2003/35 ma pprevediet l-ebda dispożizzjoni tranżitorja f’dan il-każ. |
55. |
Interpretazzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA li tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipji ta’ ċertezza legali (il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività) kif ukoll ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u li tippreżerva l-effettività ta’ din id-direttiva twassal għall-konklużjoni li din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata għal proċeduri ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva li jkunu nbdew qabel ma jkun skada t-terminu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/35 iżda li f’dik id-data ma jkunux għadhom ingħalqu b’deċiżjoni definittiva. |
56. |
L-interess marbut ma’ traspożizzjoni effikaċi u fi żmien xieraq tad-Direttiva jiffavorixxi l-applikazzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA mal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni. Anki jekk wieħed jara — kif jagħmlu l-Ġermanja u l-Irlanda — element dgħajjef ta’ retroattività ( 27 ) fil-fatt li possibbiltajiet ġodda għat-tressiq ta’ kawżi jkunu applikabbli għal proċeduri li jkunu pendenti fil-mument li dawn jinħolqu, dik l-applikazzjoni ma tidħolx f’kunflitt, f’każijiet bħal dawn, mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Huma dawn il-prinċipji li għandhom jidderiġu l-interpretazzjoni tad-Direttiva fir-rigward tal-applikabbiltà ratione temporis tagħha u mhux id-distinzjoni bejn ir-regoli proċedurali u r-regoli sostantivi, li ftit hija utli f’dan il-każ. |
57. |
Bil-kontra ta’ dak li jallegaw il-Ġermanja u l-Irlanda, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett ratione temporis tal-obbligu li titwettaq EEA ma jqigħedx f’dubju din il-konklużjoni. |
58. |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, fil-kuntest ta’ dik il-ġurisprudenza, li d-Direttiva EEA tirrigwarda fil-parti l-kbira proġetti ta’ skala ċerta, li jeħtieġu perijodu twil ta’ żmien sabiex jitwettqu. Il-fatt li proċeduri li diġà jkunu nbdew jiddewmu iktar sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti speċifiċi ġodda imposti mid-Direttiva se jaffettwa sitwazzjonijiet diġà żviluppati ( 28 ). L-iżviluppatur għandu jkun jista’ jserraħ moħħu li l-proċedura se tiżvolġi skont dak li kien qed jipprevedi fil-mument meta ressaq it-talba tiegħu, mingħajr ma għandu għalfejn jibża’ li f’nofs triq tiżdied il-leġiżlazzjoni applikabbli. |
59. |
Kif ġustament tikkonstata l-Bundesverwaltungsgericht, id-dispożizzjoni inkwistjoni hawnhekk ma toħloq l-ebda rekwiżit ġdid għall-proċedura amministrattiva jew għall-proċeduri ġudizzjarji pendenti iżda għandha l-għan li ttejjeb l-aċċess għal proċedura għat-tressiq ta’ kawża billi tippermetti li jiġi vverifikat jekk ġewx osservati regoli ġuridiċi diġà vinkolanti qabel. Issa, il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi ma jinkludix l-aspettattiva li l-osservanza tad-dritt applikabbli ma tiġix mistħarrġa. Ċertament, fil-każ ta’ proġetti ta’ ċertu daqs, it-tkabbir tal-possibbiltajiet għat-tressiq ta’ kawża jfisser li fil-prattika jkun mistenni li l-proċedura titwal. Madankollu, f’dan il-każ dan huwa biss reazzjoni pprovokata mill-istħarriġ legali tad-dispożizzjonijiet diġà vinkolanti. L-iżviluppatur għandu jadatta ruħu għal dan id-dewmien, billi l-interess marbut mal-preżervazzjoni tal-effettività tad-Direttiva jipprevali f’dan ir-rigward. |
60. |
L-interess marbut ma’ traspożizzjoni effikaċi u fi żmien xieraq tad-Direttiva huwa msaħħaħ ukoll f’dan il-każ mill-fatt li d-Direttiva tittrasponi r-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Frar 2005 għall-Komunità u li, skont l-Artikolu 216(2) TFUE, torbot lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri ( 29 ). Il-limitazzjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA għall-proċeduri mibdija biss wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tissarraf, fid-dawl tat-tul kunsiderevoli tal-proċeduri inkwistjoni, fid-differiment b’diversi snin tal-għoti effettiv tad-dritt li titressaq kawża li l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jimponi l-garanzija tiegħu. |
61. |
Konsegwentement, għandu jiġi aċċettat li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/35 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jipprevedu li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati għall-finijiet tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337/KEE jkunu applikabbli wkoll għall-proċeduri amministrattivi ta’ awtorizzazzjoni li jkunu nbdew qabel il-25 ta’ Ġunju 2005 u li jkunu għadhom ma ngħalqux b’deċiżjoni definittiva f’dik id-data. B’hekk, hemm lok li tiġi indirizzata t-tieni domanda, li saret f’każ li l-ewwel domanda preliminari tingħata risposta fl-affermattiv. |
C – It-tieni domanda preliminari
62. |
Bit-tieni domanda preliminari tagħha l-Bundesverwaltungsgericht tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA jobbligax lill-Istati Membri jestendu l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali meħuda għall-finijiet tat-traspożizzjoni ta’ dik l-istess dispożizzjoni u għall-finijiet tal-kontestazzjoni tal-legalità ta’ deċiżjoni mil-lat proċedurali f’każ li EEA li tkun twettqet madankollu tkun irregolari. |
63. |
Ħlief għall-Irlanda, il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża huma tal-fehma li l-Artikolu 10a tad-Direttiva jobbliga lill-Istati Membri jestendu l-possibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja f’każ ta’ EEA mwettqa b’mod irregolari. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra li d-dritt Ġermaniż diġà jissodisfa dawn ir-rekwiżiti billi huwa possibbli, fil-kundizzjonijiet tal-Artikolu 46 tal-VwVfG li huwa applikabbli b’mod parallel mal-Artikolu 4(1) tal-UmwRG, li jintalab l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni anki f’każ ta’ EEA irregolari. L-Irlanda tinvoka l-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri li, fil-fehma tagħha, jipprevali fl-assenza ta’ kwalunkwe informazzjoni dwar in-natura tal-irregolaritajiet allegati f’din il-kawża, filwaqt li ppreċiżat biss li dan il-prinċipju għandu jiġi applikat f’konformità mal-għanijiet tad-Direttiva. |
64. |
Qabel xejn għandu jiġi kkonstatat, fir-rigward tal-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompetenza sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali. Konsegwentement, fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ kooperazzjoni tagħha mal-qrati nazzjonali, hija għandha tibbaża ruħha fuq l-indikazzjonijiet li dawn il-qrati jkunu tawha f’dan ir-rigward. |
65. |
Qabel xejn, għandu jiġi nnotat li d-diċitura tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA ma tagħtix lok għal ambigwità dwar il-portata tal-istħarriġ li għandu jkun jista’ jsir minħabba d-dritt li titressaq kawża ġdida. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li l-membri tal-pubbliku kkonċernat li jissodisfaw kwalunkwe waħda miż-żewġ kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu “ikollhom aċċess għal rivista [jistgħu jressqu kawża] quddiem qorti tal-ġustizzja […] għalbiex jisfida [jikkontestaw] l-legalità sostanzjali jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, […] bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku” ( 30 ). Is-silta enfasizzata hawnhekk tirrepeti kważi kelma b’kelma d-diċitura tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 31 ). |
66. |
B’mod għal kollox loġiku, fis-sentenza Trianel il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tillimita l-motivi li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ tali kawża ( 32 ). |
67. |
Huwa inkompatibbli ma’ dawn ir-rekwiżiti li d-dritt li titressaq kawża sabiex tiġi kkontestata proċedura ta’ awtorizzazzjoni li teħtieġ li qabel tkun twettqet EEA jiġi limitat għall-każ tal-ommissjoni “pura u sempliċi” tal-imsemmija EEA. Bħala prinċipju, ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li l-irregolarità tal-EEA tiġi kkontestata. |
68. |
Għaldaqstant, it-tieni domanda għandha tingħata r-risposta li ġejja: li l-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proċedura għat-tressiq ta’ kawża prevista minn dik id-dispożizzjoni għandha tippermetti l-kontestazzjoni tal-legalità ta’ deċiżjoni mil-lat proċedurali anki fil-każ li EEA tkun twettqet, iżda b’mod irregolari. Għaldaqstant, għandha tingħata risposta anki lit-tielet u l-aħħar domanda preliminari tal-Bundesverwaltungsgericht, li saret f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li d-dritt li titressaq kawża impost mid-Direttiva għandu jkun ukoll possibbli f’każ ta’ EEA irregolari. |
D – It-tielet domanda preliminari
69. |
Bit-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf sa liema punt l-azzjoni ġudizzjarja għall-kontestazzjoni tal-legalità, mil-lat proċedurali, ta’ deċiżjonijiet li għalihom ikunu applikabbli d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva EEA dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku, għandha tkun miftuħa u għandha tkun tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni, fil-każijiet fejn id-dritt amministrattiv proċedurali ta’ Stat Membru jipprevedi, kif jippermetti l-Artikolu 10a(1)(b) ta’ dik l-istess direttiva, li l-membri tal-pubbliku kkonċernat jistgħu jressqu kawża quddiem awtorità ġudizzjarja biss sakemm jinvokaw ksur ta’ dritt. Il-qorti tar-rinviju tixtieq b’mod partikolari jkollha xi kjarifiki dwar il-legalità taż-żewġ restrizzjonijiet kumulattivi li l-ġurisprudenza nazzjonali tissuġġetta għalihom il-possibbiltà li jiġu invokati difetti proċedurali sabiex tiġi kkontestata l-legalità ta’ deċiżjoni: dan huwa r-rekwiżit ta’ rabta kawżali u tal-ksur ta’ pożizzjoni ġuridika materjali tar-rikorrent. |
1. Il-kriterji tal-ġurisprudenza nazzjonali
70. |
Sabiex jiġi ffaċilitat il-fehim, għandhom jiġu ppreżentati, bl-iktar mod konċiż possibbli, dawn iż-żewġ kriterji tal-ġurisprudenza nazzjonali abbażi tal-informazzjoni miksuba mill-espożizzjoni tal-partijiet u mid-deċiżjoni tar-rinviju. |
71. |
Abbażi tar-rekwiżit imsejjaħ ta’ “rabta kawżali”, l-annullament ta’ deċiżjoni minħabba difett proċedurali jista’ jinkiseb biss meta jkun konkretament prevedibbli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, li d-deċiżjoni kkontestata kienet tkun differenti mingħajr id-difett proċedurali inkwistjoni ( 33 ). |
72. |
Dan id-difett proċedurali għandu wkoll jaffettwa l-“pożizzjoni ġuridika materjali” tar-rikorrent. Issa, skont il-Bundesverwaltungsgericht, il-ġurisprudenza nazzjonali tikkunsidra li la l-UVPG u lanqas id-dispożizzjonijiet proċedurali ta’ liġijiet settorjali oħrajn ma jagħtu lill-persuni kkonċernati minn proġett suġġett għal EEA drittijiet proċedurali li huma jistgħu jeżiġu li dawn jiġu rispettati b’mod awtonomu ( 34 ). Mill-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati f’dik il-kawża jirriżulta li dan il-kriterju tal-pożizzjoni ġuridika materjali tar-rikorrent għandu wkoll rwol fl-istadju tal-eżami tal-fondatezza tal-kawża, fis-sens li huwa jillimita l-portata tal-istħarriġ imwettaq fil-kuntest tal-kawżi fejn il-kundizzjoni dwar il-locus standi tkun sodisfatta fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà — bl-eżempju klassiku jkun dak tar-rikorrent li jinvoka ksur tad-dritt għall-proprjetà tiegħu ( 35 ). |
2. Il-pożizzjonijiet tal-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet
73. |
Jidher ċar li l-pożizzjonijiet adottati mill-partijiet fir-rigward tat-tielet domanda huma differenti. Ir-rikorrenti jikkunsidraw li ż-żewġ kriterji deskritti iktar ’il fuq ma humiex konformi mad-dritt Ewropew. Fil-fehma tagħhom, għandu jkun hemm il-possibbiltà li d-difetti proċedurali jkollhom impatt fuq il-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni b’mod iktar sinjifikattiv. F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali fi kwalunkwe każ għandu jkun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni waqt il-kontestazzjoni ġudizzjarja tal-legalità tad-deċiżjoni mil-lat proċedurali, ħlief jekk ikun manifestament eskluż, fil-każ partikolari, li d-difett proċedurali kellu impatt fuq il-mertu tad-deċiżjoni. Fil-fehma tagħhom, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni tal-pubbliku u l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA jaqgħu taħt dan il-kunċett ta’ forom proċedurali sostanzjali. |
74. |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li ssostni l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, tikkunsidra min-naħa tagħha li l-kriterju ġurisprudenzjali tar-rabta kawżali huwa konformi mad-dritt Ewropew. Il-Land Rheinland-Pfalz jaqbel ma’ dan il-ħsieb. |
75. |
L-Irlanda hija tal-fehma li huma l-Istati Membri stess li, fid-dawl tal-awtonomija proċedurali tagħhom, għandhom jiddeterminaw liema huma l-atti, l-ommissjonijiet jew id-deċiżjonijiet li jistgħu jkunu suġġetti għal rikors abbażi tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/35 u dak li jikkostitwixxi ksur ta’ dritt, filwaqt li ppreċiżat li meta jagħmlu dan huma għandhom ikunu konformi mal-għan tad-Direttiva 2003/35, jiġifieri li jingħata aċċess ġudizzjarju lill-pubbliku kkonċernat. |
76. |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li, meta tiġi eżaminata l-fondatezza, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika mill-inqas id-dispożizzjonijiet kollha li jirrigwardaw il-mertu u l-proċedura li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-dritt tal-Unjoni fid-dritt nazzjonali, u dan l-eżami ma għandux ikun limitat biss għal dak tal-osservanza tar-regoli ġuridiċi li jagħtu d-dritt li titressaq kawża jew tal-ksur ta’ pożizzjoni ġuridika materjali. |
77. |
Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li, jekk ma għandhiex tinħtieġ rabta kawżali fejn għandhom x’jaqsmu d-difetti proċedurali gravi, id-difetti proċedurali inqas sinjifikattivi madankollu ma għandhomx iwasslu għall-annullament jekk l-awtorità tispjega b’mod konvinċenti li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ma huwiex konkretament prevedibbli li d-deċiżjoni kkontestata kienet tkun differenti mingħajr id-difett proċedurali. |
78. |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni temmen li fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja għall-kontestazzjoni tal-legalità, mil-lat proċedurali, ta’ deċiżjonijiet li għalihom ikunu applikabbli d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku, id-difetti proċedurali jistgħu jwasslu għall-annullament sakemm ma jkunux irrilevanti fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva EEA. |
3. Interpretazzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA
79. |
Din il-proċedura ma hijiex l-ewwel okkażjoni li ngħatat il-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA. Fil-bidu tal-espożizzjoni tiegħi, ġbidt l-attenzjoni għall-fatt li l-kawża Trianel, b’mod partikolari, kienet tat il-possibbiltà lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex hija tindirizza din id-dispożizzjoni. |
80. |
F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet essenzjalment interessata fil-portata tad-dritt li titressaq kawża abbażi tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA ta’ organizzazzjoni mhux governattiva bħal dik prevista fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva EEA. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li organizzazzjonijiet mhux governattivi bħal dawn ma setgħux jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jinvokaw, fil-kuntest ta’ kawża abbażi tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA kontra deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, il-ksur ta’ regola li tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni u li għandha l-għan li tipproteġi l-ambjent, minħabba li dik ir-regola tipproteġi biss l-interessi tal-kollettività u mhux dawk tal-individwi. Minn dik is-sentenza jiġi dedott li tali restrizzjoni hija eskluża kemm fil-kuntest tal-ammissibbiltà kif ukoll f’dak tal-fondatezza tal-kawża ( 36 ). Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li d-dritt nazzjonali tagħha wassal għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari f’dik il-kawża Trianel, ġibdet il-konklużjonijiet minn dik is-sentenza ( 37 ). |
81. |
B’kuntrast għall-kawża Trianel, din il-proċedura tikkonċerna persuni fiżiċi u ġuridiċi li jagħmlu lkoll parti mill-pubbliku kkonċernat previst fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva EEA, iżda fejn l-ebda persuna ma hija organizzazzjoni mhux governattiva fis-sens ta’ dik l-istess dispożizzjoni. |
82. |
Fir-risposta li tajt lit-tieni domanda preliminari, diġà stabbilixxejt li l-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA ma jippermettix li l-possibbiltà offruta lil dawn il-persuni li jikkontestaw id-deċiżjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni tiġi limitata għall-każ tal-ommissjoni pura u sempliċi ta’ EEA anki jekk din hija meħtieġa. |
83. |
Madankollu, dan fl-ebda każ ma jfisser li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq l-Istati Membri rekwiżiti preċiżi fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq abbażi tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt l-Istati Membri bħala prinċipju għandhom, minħabba l-awtonomija proċedurali tagħhom, marġni ta’ diskrezzjoni fl-implementazzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA [u tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li jittrasponi]. Għaldaqstant, huma jistgħu jirregolaw huma stess il-modalitajiet proċedurali tal-kawża prevista minn dik id-dispożizzjoni, bla ħsara għall-osservanza ta’ żewġ limiti: l-ewwel nett, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, it-tieni nett, ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 38 ). |
84. |
Ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni dwar il-portata tal-istħarriġ tal-kawża previst mill-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA jirriżultaw prinċipalment mill-prinċipju ta’ effettività. Min-naħa l-oħra, f’din il-proċedura xejn ma jindika li l-prinċipju ta’ ekwivalenza ma ġiex osservat. |
85. |
Kif diġà spjegajt fil-kuntest tal-proposta tiegħi dwar it-tieni domanda preliminari, id-diċitura tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA ma tagħti lok għall-ebda ambigwità fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet, mil-lat proċedurali, li jista’ jitwettaq fil-kuntest tad-dritt li titressaq kawża previst minnu. B’mod partikolari, bl-ebda mod ma jillimita l-motivi li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ tali kawża. |
86. |
L-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA jippermetti madankollu li l-Istati Membri jissuġġettaw għal kundizzjoni il-locus standi tal-membri tal-pubbliku kkonċernat fil-kuntest tal-proċedura għat-tressiq ta’ kawża prevista minn dik l-istess dispożizzjoni. Dawn għalhekk jistgħu jagħżlu, abbażi tal-awtonomija proċedurali tagħhom, bejn żewġ possibbiltajiet. L-ewwel waħda hija dik li r-rikorrent ikun meħtieġ jiġġustifika “interess biżżejjed”, it-tieni, li ntgħażlet mill-Ġermanja, li jkun jista’ jinvoka “l-indebboliment [ksur] ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni”. Skont it-termini tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA, huma l-Istati Membri stess li, wara, jiddeterminaw dak li jikkostitwixxi ksur ta’ dritt. Madankollu, din id-determinazzjoni għandha ssir f’konformità mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess ġudizzjarju wiesa’. |
87. |
Dawn iż-żewġ possibbiltajiet elenkati fl-Artikolu 10a għandhom ukoll impatt fuq il-portata tal-istħarriġ fil-kuntest tal-proċedura għat-tressiq ta’ kawża li għandu jiġi previst skont dik id-dispożizzjoni? |
88. |
It-termini li fihom dawn iż-żewġ possibbiltajiet ġew ippreżentati fl-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA jagħtu lil wieħed x’jifhem li dawn huma kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tal-kawża korrispondenti. Jekk il-kundizzjoni tal-ammissibbiltà tiġi ssodisfatta, allura mbagħad ikun jista’ jsir l-eżami tal-“legalità sostanzjali jew proċedurali tad-deċiżjonijiet”. Inċidentalment, il-Qorti tal-Ġustizzja stess titkellem espressament dwar “kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors” ( 39 ) meta hija ssemmi dawk iż-żewġ possibbiltajiet. |
89. |
Interpretazzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA fid-dawl tad-dritt internazzjonali u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 40 ) tikkonferma li ż-żewġ possibbiltajiet elenkati fl-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA għandhom jippermettu li tiġi limitata l-ammissibbiltà tal-kawża u mhux il-portata tal-istħarriġ sussegwentement imwettaq f’dan il-kuntest. Huwa sinjifikattiv li l-Gwida ta’ Applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 41 ), li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi interpretata din il-konvenzjoni, issemmi dawn l-istess kriterji fir-rigward tal-locus standi (“standing”) ( 42 ). |
90. |
F’dan ir-rigward, jiena naqbel mal-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Sharpston li tispjega hija wkoll dawn iż-żewġ possibbiltajiet bir-rieda tal-Istati firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li jieħdu inkunsiderazzjoni t-testijiet differenti għal locus standi taħt id-diversi sistemi ġuridiċi rispettivi tagħhom ( 43 ). |
91. |
Dwar din il-kwistjoni tal-portata tal-istħarriġ tal-legalità mil-lat proċedurali, dak li għandu għalhekk jiġi kkunsidrat huwa li d-Direttiva EEA, minn naħa, tipprevedi dan it-tip ta’ stħarriġ u li, min-naħa l-oħra, bl-ebda mod ma tirrestrinġi l-motivi li jistgħu jiġu invokati insostenn tal-kawża korrispondenti. Skont il-prinċipju ta’ effettività, il-possibbiltà li titressaq kawża bħal din ma għandux isir prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u li għandhom bħala għan li jipproteġu l-ambjent. Protezzjoni ġudizzjarja nazzjonali li tagħmel parti mill-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti hija wkoll konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. L-assenza ta’ kwalunkwe informazzjoni dwar id-difetti proċedurali konkretament allegati f’dan il-każ madankollu timpedixxi li jsir progress dwar il-kwistjoni tal-portata tal-istħarriġ. |
4. Eżami tal-kriterji nazzjonali
92. |
Qabel xejn issa nixtieq neżamina jekk, meta jiġi applikat fil-kuntest tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA, il-kriterju tal-ksur ta’ pożizzjoni ġuridika materjali tar-rikorrent, kif ġie deskritt mill-Bundesverwaltungsgericht, huwiex konformi mar-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva. Id-duttrina amministrattiva Ġermaniża indirizzat b’mod intensiv dan is-suġġett f’dawn l-aħħar snin, b’mod partikolari l-kwistjoni kontroversjali, wara s-sentenza Trianel, dwar il-punt sa fejn ir-rekwiżit ta’ ksur ta’ dritt suġġettiv jista’ jiġi sostnut fil-qasam tad-dritt tal-ambjent u b’mod partikolari fil-każ ta’ EEA vvizzjata minn difetti proċedurali ( 44 ). |
93. |
Interpretazzjoni metikoluża tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA, li tieħu inkunsiderazzjoni s-sens u l-għan ta’ dik id-dispożizzjoni, turi li dan il-kriterju, kif ġie deskritt mill-Bundesverwaltungsgericht, ma jissodisfax ir-rekwiżiti tad-Direttiva. |
94. |
Kif diġà ġie kkonstatat iktar ’il fuq, id-diċitura tal-Artikolu 10a tipprevedi proċedura għat-tressiq ta’ kawża sabiex tiġi kkontestata l-legalità (inkluż) mil-lat proċedurali, mingħajr ma ssemmi xi restrizzjoni tal-motivi li jistgħu jiġu invokati insostenn tal-imsemmija kawża. Dik id-dispożizzjoni madankollu tippermetti li dan id-dritt li titressaq kawża jiġi rriżervat għall-membri tal-pubbliku kkonċernat li jinvokaw ksur ta’ dritt. Huma l-Istati Membri stess li jiddefinixxu dak li għandu jinftiehem b’dan, skont l-għan li l-pubbliku ikkonċernat jingħata aċċess ġudizzjarju wiesa’. Madankollu, għandu jiġi nnotat — kif diġà għidt iktar ’il fuq — li dan huwa sempliċi kriterju ta’ ammissibbiltà, aċċettat mid-Direttiva, u mhux limitazzjoni possibbli tal-portata tal-istħarriġ. Konsegwentement, ma jistax jintuża sabiex tiġi ġġustifikata limitazzjoni tal-portata tal-istħarriġ. |
95. |
Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus li l-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA jikkontribwixxi għat-traspożizzjoni tagħha, tipprovdi indikazzjonijiet prezzjużi dwar l-għan ta’ din id-dispożizzjoni. Skont l-Artikolu 1 tagħha, din hija intiża sabiex tikkontribwixxi għall-protezzjoni tad-dritt ta’ kull persuna li tgħix f’ambjent adegwat għall-benesseri tagħha. Għal dan il-għan, hija tipprevedi ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet proċedurali (aċċess għall-informazzjoni, parteċipazzjoni tal-pubbliku) u tiggarantixxi aċċess ġudizzjarju effettiv. |
96. |
Is-7 u t-8 premessi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jiċċaraw iktar l-għan tad-dritt ta’ aċċess ġudizzjarju fi kwistjonijiet ambjentali. Iċ-ċittadin jiġi ggarantit dan l-aċċess sabiex ikun jista’ jasserixxi d-dritt tiegħu li jgħix f’ambjent adegwat għas-saħħa u għall-benesseri tiegħu u sabiex ikun jista’ jwettaq dmiru li jipproteġi u jtejjeb l-ambjent għall-benefiċċju ta’ ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. |
97. |
Fil-fehma tiegħi, minn dan kollu jirriżultaw żewġ affarijiet. Minn naħa, id-dispożizzjonijiet proċedurali u l-osservanza ta’ tali proċeduri, inkluż preċiżament fid-dritt tal-ambjent, iwettqu funzjoni essenzjali għall-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija. Huwa dan li jispjega l-importanza dejjem ikbar tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni fid-dritt tal-ambjent, drittijiet li llum jiġi kkunsidrat li mhux biss huma element ta’ leġittimazzjoni tad-deċiżjonijiet iżda wkoll li jikkontribwixxu għat-titjib tal-protezzjoni tal-ambjent ( 45 ). Bl-istess mod, dan il-kunċett tal-proċedura jispjega s-siwi ta’ EEA mwettqa sew ( 46 ). F’dawn il-kundizzjonijiet, wieħed jifhem għaliex l-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA jsemmi kemm l-istħarriġ tal-legalità sostantiva kif ukoll l-istħarriġ tal-legalità proċedurali. |
98. |
Min-naħa l-oħra, il-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma tikkonċepixxix il-protezzjoni tal-ambjent bħala funzjoni assenjata speċifikament lil organizzazzjonijiet mhux governattivi maħluqa għalhekk iżda tikkunsidra li l-individwu stess għandu d-dritt — u anki d-dmir — li jiddefendi l-interessi tal-ambjent ( 47 ). Għaldaqstant, wieħed ma jistax jiġġustifika li l-portata ta’ stħarriġ ġudizzjarju tkun limitata fil-każ ta’ kawża mressqa minn individwi minħabba li l-assoċjazzjonijiet għad-difiża tal-ambjent qegħdin hemmhekk sabiex jiddefendu l-interessi ambjentali fuq livell kollettiv. Ċertament, fir-rigward tal-locus standi, l-assoċjazzjonijiet għad-difiża tal-ambjent għandhom status ipprivileġġjat sa fejn, skont it-tieni u t-tielet sentenzi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA, huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala li għandhom drittijiet li jistgħu jinkisru ( 48 ). Fil-kuntest tal-fondatezza, min-naħa l-oħra, ma hemm l-ebda element li jindika li l-membri tal-pubbliku kkonċernat qegħdin f’pożizzjoni inqas favorevoli mill-assoċjazzjonijiet għad-difiża tal-ambjent. Kif juru d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, iċ-ċittadin isir f’dan ir-rigward huwa stess awtorità inkarigata biex tara li jkun hemm konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent ( 49 ), missjoni li — kif jispjegaw ir-rikorrenti — l-assoċjazzjonijiet għad-difiża tal-ambjent jistgħu jiżguraw huma stess biss b’mod limitat minħabba n-nuqqas ta’ mezzi finanzjarji. |
99. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, fil-kuntest (rilevanti tad-dritt tal-ambjent) tad-Direttiva EEA, id-dritt nazzjonali ma jistax ineħħi l-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-legalità mil-lat proċedurali mill-istħarriġ tal-qorti fil-każ ta’ kawża mressqa minn membri tal-pubbliku kkonċernat. Sitwazzjoni bħal din ma tkunx konformi mal-prinċipju ta’ effettività u ma tittrasponix b’mod sodisfaċenti, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA. Fil-fehma tiegħi, obbligu li jiġi invokat il-ksur ta’ dritt suġġettiv ma jistax jiġi sostnut meta dan ikollu bħala effett, kif inhu l-każ hawnhekk skont l-espożizzjoni tal-Bundesverwaltungsgericht, li jneħħi mill-istħarriġ ġudizzjarju abbażi tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA dispożizzjonijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u li għandhom l-għan li jipproteġu l-ambjent. |
100. |
Is-silta mis-sentenza Trianel li “il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jillimita d-drittijiet li l-ksur tagħhom jista’ jiġi invokat minn individwu partikolari fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju [azzjoni ġudizzjarja] kontra waħda mid-deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet previsti fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 għal drittijiet suġġettivi pubbliċi biss” iżżomm ukoll is-sens kollu tagħha fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti ( 50 ). Il-kunċett ta’ drittijiet suġġettivi pubbliċi għandu jiġi interpretat fis-sens li l-individwi għandhom ikunu jistgħu jinvokaw, fil-kuntest tal-fondatezza, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jkollhom l-għan li jipproteġu l-ambjent. F’dan ir-rigward, għandha tiġi osservata konverġenza — diġà ssuġġerita mid-dritt, imsemmi fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li wieħed jgħix f’ambjent adegwat għas-saħħa u għall-benesseri — bejn il-protezzjoni ġudizzjarja oġġettiva u l-protezzjoni ġudizzjarja suġġettiva. |
101. |
Il-Kumitat ta’ Konformità tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jikkunsidra huwa wkoll li l-fatt li jiġu limitati l-motivi li jkunu jistgħu jiġu invokati fil-kuntest ta’ kawża minn residenti għal dawk li jirrigwardaw il-ksur tad-drittijiet tagħhom, filwaqt li tiġi eskluża kwalunkwe pretensjoni bbażata fuq ksur tad-dritt tal-ambjent, jikser l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni. Din l-evalwazzjoni, anki jekk ma torbotx lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 51 ), issostni l-interpretazzjoni li qed niddefendi ( 52 ). |
102. |
Il-prinċipju ta’ rabta kawżali għandu jiġi evalwat fid-dawl ta’ kriterji simili. Hemmhekk għal darba oħra, ma hemm l-ebda dubju li l-Istati Membri għandhom awtonomija proċedurali li abbażi tagħha, bħala prinċipju, ma jistgħux jiġu mċaħħda mid-dritt li jevalwaw l-importanza li għandha tingħata lil difett proċedurali skont kriterju ta’ rabta kawżali, bla ħsara madankollu għall-konformità mar-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Ir-rekwiżit ta’ rabta kawżali għalhekk għandu huwa wkoll ikun suġġett għal eżami tal-kompatibbiltà ma’ dawn ir-rekwiżiti u b’mod partikolari mar-rekwiżit ta’ effettività ( 53 ), billi għal darba oħra xejn ma jindika li r-rekwiżit ta’ ekwivalenza ma huwiex qed jiġi sodisfatt. |
103. |
Abbażi ta’ dan il-prinċipju ta’ effettività, ir-rekwiżit ta’ rabta kawżali ma għandux jostakola l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA. |
104. |
Eżattament fil-qasam inkwistjoni f’dan il-każ, il-proċedura — kif diġà għidt iktar ’il fuq — għandha rwol partikolari sabiex tiġi ggarantita protezzjoni effettiva tal-ambjent. L-aċċess għal kawża li jippermetti li jiġu allegati difetti proċedurali madankollu huwa effettiv biss sakemm il-possibbiltajiet li kawża tirnexxi fuq bażi bħal din ma jkunux esklużi mill-bidu nett. Il-mod li bih jiġi applikat il-kriterju ta’ rabta kawżali għandu jieħu inkunsiderazzjoni din l-importanza partikolari tal-proċedura, fuq kollox fil-kuntest tad-dritt Ewropew tal-ambjent u ma għandux iwassal biex id-difetti proċedurali jitneħħew de facto mill-kamp tal-istħarriġ ġudizzjarju. |
105. |
Dan fl-ebda każ ma jfisser li kull difett proċedurali għandu bilfors iwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni. Huwa biżżejjed li wieħed jara dak li diġà japplika fir-rigward tal-atti tal-Unjoni vvizzjati minn difetti proċedurali. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprovdi f’dan ir-rigward li “il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq rikorsi magħmula minn Stat Membru, mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni […] dwar ksur tal-forom proċedurali sostanzjali”. Fil-prattika, il-ġurisprudenza tikkunsidra — għal finijiet ta’ simplifikazzjoni — li l-ksur tad-dispożizzjonijiet proċedurali jwassal awtomatikament għall-invalidità tal-att meta d-dispożizzjonijiet miksura jkollhom importanza partikolari ( 54 ) iżda teżiġi, fil-każ tad-dispożizzjonijiet inqas importanti, li l-ksur ikollu effett ( 55 ). Minħabba l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, il-kriterji li jkunu ġew stabbiliti mill-ġurisprudenza fil-kuntest ta’ dik id-dispożizzjoni ma jistgħux jiġu ttrasposti ex officio għall-Artikolu 10a tad-Direttiva EEA. |
106. |
L-approċċ it-tajjeb jikkonsisti pjuttost fl-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività meta jiġi applikat il-kriterju ta’ rabta kawżali. Dan ifisser li dan il-kriterju, b’mod partikolari minħabba l-modalitajiet tal-oneru tal-prova, ma għandux iwassal biex fil-prattika tiġi eskluża l-possibbiltà li jiġu invokati dispożizzjonijiet proċedurali li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u li jkollhom bħala għan li jipproteġu l-ambjent. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet proċedurali li jkollhom importanza partikolari, għandu jiġi rrinunzjat b’mod pur u sempliċi r-rekwiżit ta’ kwalunkwe rabta kawżali bejn l-irregolarità allegata u l-eżitu tal-proċedura amministrattiva. |
V – Konklużjoni
107. |
Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein‑Westfalen, imsejħa “Trianel” (C-115/09, Ġabra p. I-3673).
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill [85/337/KEE], tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima [evalwazzjoni] tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248).
( 4 ) Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja [aċċess ġudizzjarju] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466).
( 5 ) Deċiżjoni tal-Kunsill [2005/370/KE], tas-17 ta’ Frar 2005, dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja [aċċess ġudizzjarju] fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU 2006, L 164M, p. 17). It-test tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ġie riprodott fil-paġni 4 et seq ta’ dan l-istess Ġurnal Uffiċjali.
( 6 ) Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE), The Aarhus Convention: An Implementation Guide, it-tieni edizzjoni 2013, p. 6; U. Beyerlin u J. Grote Stoutenburg, Environment, International Protection, f’R. Wolfrum (taħt id-direzzjoni ta’), Max Planck Encyclopedia of Public International Law, punt 73.
( 7 ) Ara l-premessa 5 tad-Direttiva.
( 8 ) Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80).
( 9 ) Premessa 11 tad-Direttiva.
( 10 ) Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima [evalwazzjoni] tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, p. 1).
( 11 ) Fil-verżjoni kkonsolidata tagħha tad-19 ta’ Marzu 1991 (BGBl I p. 686).
( 12 ) Fil-verżjoni kkonsolidata tagħha tat-23 ta’ Jannar 2003 (BGBl I p. 102).
( 13 ) Tas-7 ta’ Diċembru 2006 (BGBl I p. 2816). L-emendi li saru f’din il-liġi bil-Gesetz zur Änderung des Umwelt-Rechtsbehelfsgesetzes und anderer umweltrechtlicher Vorschriften (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar il-kawżi fi kwistjonijiet ambjentali u dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-ambjent), tal-21 ta’ Jannar 2013 (BGBl I p. 95) ma humiex is-suġġett ta’ din il-proċedura.
( 14 ) Fil-verżjoni kkonsolidata tagħha tal-24 ta’ Frar 2010 (BGBl I p. 94).
( 15 ) Dokument parlamentari tal-Bundestag Nru 16/2495.
( 16 ) Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C-201/02, Ġabra p. I-723).
( 17 ) Sentenzi tad-29 ta’ Novembru 1978, Redmond (83/78, Ġabra p. 2347, punt 25), u tat-30 ta’ Novembru 1995, Esso Española (C-134/94, Ġabra p. I-4223, punt 9).
( 18 ) Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1981, Salonia (126/80, Ġabra p. 1563, punt 6).
( 19 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke (C-83/91, Ġabra p. I-4871, punti 31 sa 34).
( 20 ) Sentenza tal-11 ta’ Marzu 1980, Foglia (104/79, Ġabra p. 745, punti 10 u 11).
( 21 ) Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑68/11, punt 60).
( 22 ) Sentenza tat-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punt 11).
( 23 ) Sentenza tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et (212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 10).
( 24 ) Sentenza Meridionale Industria Salumi et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 10); konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Budějovický Budvar (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, C-482/09, Ġabra p. I-8701, punt 106), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Toshiba Corporation et (sentenza tal-14 ta’ Frar 2010, C‑17/10, punti 42 sa 46).
( 25 ) Sentenzi tal-14 ta’ April 1970, Brock (68/69, Ġabra p. 171, punt 7); tal-10 ta’ Lulju 1986, Licata vs Il‑Kumitat Ekonomiku u Soċjali (270/84, Ġabra p. 2305, punt 31); tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C-334/07 P, Ġabra p. I-9465, punt 43), u tas-6 ta’ Lulju 2010, Monsanto Technology (C-428/08, Ġabra p. I-6765, punt 66).
( 26 ) Sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1998, Gedeputeerde Staten van Noord‑Holland (C-81/96, Ġabra p. I-3923, punt 23); Wells (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 43), u tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, punt 94).
( 27 ) Dwar il-kwistjoni tar-retroattività, ara wkoll, minbarra l-ġurisprudenza ċċitata fin-noti ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, T. Tridimas, The General Principles of EU Law, OUP, Oxford, it-tieni edizzjoni 2006, p. 252 sa 273.
( 28 ) Sentenza Gedeputeerde Staten van Noord‑Holland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 24).
( 29 ) Ara, dwar il-pożizzjoni li tokkupa l-Konvenzjoni ta’ Aarhus fid-dritt tal-Unjoni, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C-240/09, Ġabra p. I-1255, punti 29 sa 31).
( 30 ) Enfasi miżjuda.
( 31 ) _ Fil-verżjonijiet bl-Ingliż u bil-Franċiż, it-termini “quant au fond” u “[quand] à la procédure”, (bil-Malti “sostantiva u proċedurali” fil-verżjoni mhux uffiċjali tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u “sostanzjali jew proċedurali” fit-traduzzjoni uffiċjali tad-Direttiva) huma marbuta bil-konġunzjoni “et” (u) fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus, iżda bil-konġunzjoni “ou” (jew) fid-Direttiva EEA. Din il-modifika madankollu għandha natura purament editorjali.
( 32 ) Sentenza Trianel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 37).
( 33 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tal-BVerwG tat-8 ta’ Ġunju 1995 (4 C 4.94) u tat-13 ta’ Diċembru 2007 (4 C 9.06).
( 34 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Trianel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 34).
( 35 ) Ara G. Winter, Individualrechtsschutz im deutschen Umweltrecht unter dem Einfluss des Gemeinschaftsrechts, NVwZ 1999, p. 467.
( 36 ) Sentenza Trianel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 60).
( 37 ) Qabel kollox, id-dritt nazzjonali ġie adattat f’kuntest ġurisprudenzjali, ara s-sentenza tal-BverwG tad-29 ta’ Settembru 2011 (7 C 21.09). Il-liġi “difettuża” fil-frattemp ġiet emendata hija wkoll: Gesetz zur Änderung des Umwelt-Rechtsbehelfsgesetzes und anderer umweltrechtlicher Vorschriften (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar il-kawża fi kwistjonijiet ambjentali u dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-ambjent), tal-21 ta’ Jannar 2013 (BGBl I p. 95), ara BT-Drucks. Nru 17/10957.
( 38 ) Sentenzi Wells (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 67); tat-18 ta’ Ottubru 2011, Boxus u Roua (C-128/09 sa C-131/09, C-134/09 u C-135/09, Ġabra p. I-9711, punt 52), u “Trianel” (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 43).
( 39 ) Sentenza Trianel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 38).
( 40 ) Ara l-premessa 9 tad-Direttiva 2003/35.
( 41 ) Sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Solvay et (C‑182/10, punt 28).
( 42 ) Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE), The Aarhus Convention: An Implementation Guide, it-tieni edizzjoni 2013, p. 202 sa 204.
( 43 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Trianel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 44).
( 44 ) Ara, fost l-oħrajn, M. Kment, Europarechtswidrigkeit des § 4 I UmwRG?, NVwZ 2012, p. 481; T. Siegel, Zur Einklagbarkeit der Umweltverträglichkeit, DÖV 2012, p. 709; J. Ziekow, Das Umwelt-Rechtsbehelfsgesetz im System des deutschen Rechtsschutzes, NVwZ 2007, p. 259. Għal analiżijiet tal-mertu preċedenti għal din is-sentenza, ara: C. Calliess, Feinstaub im Rechtsschutz deutscher Verwaltungsgerichte, NVwZ 2006, p. 1; F. Schoch, Die europäische Perspektive des Verwaltungsverfahrens- und Verwaltungsprozessrechts, f’E. Schmidt-Assmann u W. Hoffmann-Riem (taħt id-direzzjoni ta’), Strukturen des Europäischen Verwaltungsrechts, Nomos, Baden-Baden, 1999, p. 279, u J. Kokott, Europäisierung des Verwaltungsprozessrechts, Die Verwaltung 31 (1998), p. 335.
( 45 ) J. Ebbesson, Public Participation, f’D. Bodansky et (taħt id-direzzjoni ta’), The Oxford Handbook of International Environmental Law, Oxford, OUP, 2007, p. 681.
( 46 ) M. Clément, Droit Européen de l’Environnement, Brussell, Larcier, it-tieni edizzjoni 2012, p. 119.
( 47 ) Is-7 u t-8 premessi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.
( 48 ) Sentenza Trianel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 40 u 42).
( 49 ) Il-kunċett taċ-ċittadin bħala għassies tal-osservanza tad-dritt bl-ebda mod ma huwa barrani għad-dritt Ewropew. Sentenza tal-5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos (26/62, Ġabra p. 1). Ara J. H. H. Weiler, The Transformation of Europe, f’The Constitution of Europe, CUP, Cambridge, 1999, p. 10, 20.
( 50 ) Sentenza Trianel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 45).
( 51 ) Ara l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li jipprevedi li r-riżoluzzjoni tat-tilwim tkun imsejsa fuq arranġamenti fakultattivi mhux kunflittwali, mhux ġudizzjarji u konsultattivi, kif ukoll fuq laqgħa tal-partijiet, Deċiżjoni I/7, Konformità tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, Nazzjonijiet Uniti, Dok. ECE/MP.PP/2/Add.8 tat-2 ta’ April 2004.
( 52 ) Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa, Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet rigward il-Komunikazzjoni ACCC/C/2010/48 dwar il-konformità mad-dispożizzjoni mill-Awstrija, adottat mill-Kumitat ta’ Konformità tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fis-16 ta’ Diċembru 2011, Dokument tan-Nazzjonijiet Uniti ECE/MP.PP/C.1/2012/4 tas-17 ta’ April 2012, p. 14. Minħabba li ma kellux biżżejjed informazzjoni, il-kumitat ma kkonstatax ksur u rraġuna abbażi ta’ ipoteżijiet.
( 53 ) Ara, f’dan ir-rigward, T. Danwitz, Europäisches Verwaltungsrecht, Springer, Berlin, 2008, p. 541.
( 54 ) Sentenza tad-29 ta’ Ottubru 1980, Roquette Frères vs Il‑Kunsill (138/79, Ġabra p. 3333, punt 33).
( 55 ) Għandhom jiġu osservati d-differenzi fir-rigward tan-natura tal-impatt meħtieġ b’mod konkret, ara s-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il‑Kummissjoni (209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 47), u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni (C-194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 31).