EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CA0167

Kawża C-167/12: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat- 18 ta’ Marzu 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Employment Tribunal, Newcastle upon Tyne – Ir-Renju Unit) – C. D. vs S. T. (Rinviju għal deċiżjoni preliminari  — Politika soċjali  — Direttiva 92/85/KEE  — Miżuri intiżi li jinkoraġġixxu t-titjib tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema tqal, ħaddiema li jkunu welldu reċentement, jew ħaddiema li jkunu qegħdin ireddgħu  — Artikolu 8  — Omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata  — Rifjut li jingħatalha leave tal-maternità  — Direttiva 2006/54/KE  — Ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa  — Artikolu 14  — Trattament inqas favorevoli ta’ omm prospettiva fir-rigward tal-għoti ta’ leave tal-maternità)

ĠU C 142, 12.5.2014, p. 6–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 142/6


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Marzu 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Employment Tribunal, Newcastle upon Tyne – Ir-Renju Unit) – C. D. vs S. T.

(Kawża C-167/12) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika soċjali - Direttiva 92/85/KEE - Miżuri intiżi li jinkoraġġixxu t-titjib tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema tqal, ħaddiema li jkunu welldu reċentement, jew ħaddiema li jkunu qegħdin ireddgħu - Artikolu 8 - Omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata - Rifjut li jingħatalha leave tal-maternità - Direttiva 2006/54/KE - Ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa - Artikolu 14 - Trattament inqas favorevoli ta’ omm prospettiva fir-rigward tal-għoti ta’ leave tal-maternità))

2014/C 142/06

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Employment Tribunal, Newcastle upon Tyne

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: C. D.

Konvenuta: S. T.

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari – Employment Tribunal Newcastle upon tyne – Interpretazzjoni tal-Artikoli 1(1), 2(ċ), 8(1) u 11(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110) – Interpretazzjoni tal-Artikoli 14 u 2(1)(a) u (b), u (2)(ċ) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, p. 23) – Projbizzjoni ta’ kull trattament inqas favorevoli ta’ mara relatat mat-tqala jew mal-leave tal-maternità fis-sens tad-Direttiva 92/85/KEE – Kamp ta’ applikazzjoni – Omm mhux bijoloġika li jkollha tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata – Dritt għal leave tal-maternità

Dispożittiv

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri ma humiex obbligati jawtorizzaw leave tal-maternità skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva lil ħaddiema, fil-kwalità tagħha ta’ omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata, inkluż meta hija tista’ tredda’ din it-tarbija wara t-twelid jew meta tkun qiegħda effettivament tredda’ tali tarbija.

2)

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(a) u (b) u l-Artikolu 2(2)(ċ) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, il-fatt li persuna li timpjega tirrifjuta li tawtorizza leave tal-maternità lil omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata.


(1)  ĠU C 194, 30.06.2012.


Top