This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011TN0632
Case T-632/11: Action brought on 12 December 2011 — Hellenic Republic v Commission
Kawża T-632/11: Rikors ippreżentat fit- 12 ta’ Diċembru 2011 — Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni
Kawża T-632/11: Rikors ippreżentat fit- 12 ta’ Diċembru 2011 — Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni
ĠU C 39, 11.2.2012, p. 19–20
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
11.2.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 39/19 |
Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Diċembru 2011 — Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-632/11)
(2012/C 39/37)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: I. Chalkias u S. Papaϊoannou)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tilqa’ r-rikors, |
— |
tannulla, kompletament jew pazjalment, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-14 ta’ Ottubru 2011, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta’ Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), innotifikata bin-numru C(2011) 7105 u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali L 270, p. 33, jew temendaha skont dak li ġie speċifikament espost; |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Ellenika titlob l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni, tal-14 ta’ Ottubru 2011, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta’ Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), innotifikata bin-numru C(2011) 7105 u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali L 270, tal-15.10.11, p. 33, sa fejn tirrigwarda l-korrezzjonijiet finanzjarji sostnuti mir-Repubblika Ellenika, fis-settur tal-iskema ta’ pagament uniku u fis-settur tal-iskemi ta’ ristrutturazzjoni u ta’ konverżjoni mill-ġdid tal-għelieqi għad-dwieli, tad-distillazjoni u tal-għajnuna għal użu speċifiku tal-most.
Fir-rigward tal-korrezzjoni fis-settur tal-iskema ta’ pagament uniku, ir-rikorreenti tenfasizza, fl-ewwel lok, li l-impożizzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa fis-settur tal-iskema ta’ pagament uniku hija illegali inkwantu: a) l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’ rata fissa fl-ewwel sena ta’ applikazzjoni tal-PAK tikser il-prinċipju ġenerali ta’ ekwità u kooperazzjoni; b) ma teżistix bażi legali valida għall-applikazzjoni tal-linji gwida l-antiki fid-dokument VI/5530/1997 għall-PAK il-ġdida u għall-iskema ta’ pagament uniku jew l-applikazzjoni tal-linji gwida l-antiki għall-PAK il-ġdida tikser serjament il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-kriterji ta’ tqassim tar-riżerva nazzjonali ma kinux konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1782/2003 (1) u tal-Artikolu 21 (2) tar-Regolament Nru 795/2004 tibbaża fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet stess u fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti.
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni, fir-rigward tal-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % applikata, li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda l-kriterji nazzjonali ta’ tqassim tar-riżerva nazzjonali, fir-rigward tan-nuqqas ta’ inklużjoni tas-superfiċje kollha fejn jirgħu l-annimali fil-kalkolu tas-superfiċje/tal-ammont ta’ riferiment u tal-kalkolu tal-medja reġjonali, ma tikkostitwixxix ksur tar-Regolament Nru 1290/2005 u l-Kummissjoni applikat illegalment korrezzjonijiet finanzjarji skont l-imsemmi regolament. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni interpretat u applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 (3) u l-linji gwida fid-dokument VI/5530/1997 inkwantu a) l-ilmenti invokati mill-Kummissjoni rigward il-kriterji ta’ tqassim tar-riżerva nazzjonali, anki jekk jiġu pprovati, ma jwasslux għall-ħlas ta’ ammonti favur dawk li ma humiex eliġibbli u ma joħolqux riskju ta’ dannu għall-FAEŻR; b) l-ilmenti inkwistjoni ma jirrigwardawx in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ kontroll fundamentali u, konsegwentement, ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 %.
Fir-rigward tal-korrezzjoni fis-settur tal-inbid, ir-rikorrenti tiddikjara li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat il-fatti fir-rigward tal-punti specifici li ġejjin: reġistru tad-dwieli, distillazjoni u għajnuna għal użu tal-most, distillazjoni obbligatorja tal-prodotti sekondarji u ristrutturazzjoni u konverżjoni mill-ġdid tal-għelieqi għad-dwieli, li manifestament ma jiġġustifikawx korrezzjoni ta’ 10 %, skont il-linji gwida dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji fil-proċedura ta’ likwidazzjoni, korrezjzoni li hija manifestament sproporzjonata fir-rigward tan-nuqqasijiet ikkonstatati fis-sistema ta’ kontroll.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001.
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-iskema ta’ ħlas waħdieni li hemm provvediment dwaru fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal sistemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa.
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni.