EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0531

Kawża T-531/11: Rikors ippreżentat fit- 28 ta’ Settembru 2011 — Hamas vs Il-Kunsill

ĠU C 126, 28.4.2012, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 126/18


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Settembru 2011 — Hamas vs Il-Kunsill

(Kawża T-531/11)

2012/C 126/37

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Hamas (rappreżentant: L. Glock, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/430/PESK, tat-18 ta’ Lulju 2011, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, sa fejn din tikkonċerna lil Hamas (inkluż lil Hamas-Izz-al-Din-al-Quassem);

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 687/2011, tat-18 ta’ Lulju 2011, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 610/2010 u (UE) Nru 83/2011, sa fejn dan jikkonċerna lil Hamas (inkluż lil Hamas-Izz-al-Din-al-Quassem);

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi.

(1)

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK (1), fir-rigward tat-teħid ta’ deċiżjoni minn awtorità kompetenti, inkwantu din l-awtorità:

kellha tkun awtorità ġudizzjarja u mhux awtorità amministrattiva;

kellha tkun tista’ tinvoka l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali;

ma tistax tkun il-gvern tal-Istati Uniti minħabba partikolaritajiet tar-regoli li jirregolaw l-operazzjoni ta’ elenkar fl-Istati Uniti;

ma tistax tkun awtorità li ma tirrispettax id-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill ma jipproduċi ebda prova li turi li, fil-każ inkwistjoni, id-deċiżjonijiet nazzjonali kkonċernati huma bbażati fuq provi jew indikazzjonijiet serji.

(2)

It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball dwar in-natura sostantiva tal-fatti, peress li l-Kunsill ma pprovax il-fatti li jinvoka b’mod awtonomu. Ir-rikorrenti ssostni li l-approssimazzjonijiet ikkonstatati fir-rikors tagħha jikkonfermaw l-iżball fuq in-natura sostantiva tal-fatti.

(3)

It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tan-natura terrorista tar-rikorrenti, peress li l-kwalifika proposta mill-Kunsill ma hijiex konformi mal-kriterji ffissati fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK. Ir-rikorrenti ssostni li l-kriterji użati mill-Kunsill juru interpretazzjoni żbaljata tal-kelma “terroriżmu”, inkompatibbli mad-dritt internazzjonali pożittiv.

(4)

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni minħabba d-dekorriment taż-żmien, peress li l-Kunsill fil-verità ma wettaqx l-eżami mill-ġdid previst fl-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK.

(5)

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ indħil.

(6)

Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-espożizzjoni tal-motivi mibgħuta lir-rikorrenti ma tinkludi ebda preċiżazzjoni dwar il-provi u ħjiel serji u kredibbli użati kontra r-rikorrenti.

(7)

Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ir-rikorrenti ssostni li dawn il-prinċipji nkisru:

matul il-fażi nazzonali tal-proċeduri, meta l-Kunsill kellu jeżerċita ġurisdizzjoni f’dan ir-rigward, u

matul il-fażi Ewropea minħabba provi insuffiċjenti nnotifikati mill-Kunsill lir-rikorrenti.

(8)

It-tmien motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt ta’ proprjetà, peress li miżura illegali ta’ ffriżar ta’ fondi ma tistax tiġi kkunsidrata bħala preġudizzju ġġustifikat tad-dritt għal proprjetà.


(1)  Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217)


Top