Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0156

    Kawża T-156/11: Rikors ippreżentat fil- 15 ta’ Marzu 2011 — Since Hardware (Guangzhou) vs Il-Kunsill

    ĠU C 120, 16.4.2011, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.4.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 120/18


    Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Marzu 2011 — Since Hardware (Guangzhou) vs Il-Kunsill

    (Kawża T-156/11)

    2011/C 120/40

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd (Guangzhou, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina) (rappreżentanti: V. Akritidis u Y. Melin, avukati)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1243/2010, tal-20 ta’ Diċembru 2010, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina prodotti minn Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd. (1);

    tikkundanna lill-Kunsill tbati l-ispejjeż kollha.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li investigazzjoni inizjali mibdija taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku (2) ma setax jikkonċerna kumpannija partikolari, iżda għandu jindirizza pajjiż jew iktar minn pajjiż wieħed u l-produtturi kollha fih. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li:

    ir-regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku u b’mod partikolari l-paragrafu 9 tiegħu, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tal-istess regolament, u jinterpreta b’mod konformi mad-dritt tad-WTO, b’mod li dan l-artikolu ma jippermettix il-bidu ta’ proċedura antidumping ġdida kontra kumpannija waħda;

    ir-regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 9(4) sa (6) tar-Regolament bażiku, moqrija b’mod konformi mad-dritt tad-WTO, b’mod li dan l-artikolu ma jippermettix l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping kontra kumpannija waħda, iżda jeħtieġ l-impożizzjoni ta’ dazji kontra l-kumpanniji kollha li jinsabu f’pajjiż jew f’iktar minn pajjiż wieħed;

    ir-regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, li permezz tiegħu d-dazju żero ta’ kumpannija koperta minn proċedura antidumping jista’ biss jiġi rivedut skont investigazzjoni ta’ reviżjoni mibdija taħt l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku; sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet reviżjoni de facto tad-dazju żero ta’ din, bi ksur tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, interpretat b’mod konformi ma’ rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO.

    (2)

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3, u b’mod partikolari tal-paragrafi 2, 3 u 5 tar-Regolament bażiku, billi d-dazji antidumping kienu ġew imposti mingħajr ma kien ġie stabbilit li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

    (3)

    It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni minħabba li ġie deċiż li r-rikorrenti ma tingħatax l-istatus ta’ kumpannija li topera f’ekonomija tas-suq. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li:

    id-deċiżjoni li ma tingħatax l-istatus ta’ kumpannija li topera f’ekonomija tas-suq saret fuq il-bażi ta’ dak li l-Kummissjoni Ewropea kienet taf bl-effett ta’ tali ċaħda fuq il-marġni dumping tar-rikorrenti, bi ksur tal-aħħar inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali;

    l-oneru tal-prova impost mill-Kummissjoni fuq ir-rikorrenti sabiex turi li hija topera f’ekonomija tas-suq huwa eċċessiv u jikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u, b'mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.


    (1)  ĠU L 338, p. 22.

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51).


    Top