Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0151

    Kawża T-151/11: Rikors ippreżentat fil- 11 ta’ Marzu 2011 — Telefónica de España u Telefónica Móviles España vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 145, 14.5.2011, p. 32–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.5.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 145/32


    Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Marzu 2011 — Telefónica de España u Telefónica Móviles España vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-151/11)

    2011/C 145/53

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Rikorrenti: Telefónica de España, SA (Madrid, Spanja), Telefónica Móviles España, SA (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: F. González Díaz, F. Salerno, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali:

    tannulla, skont l-Artikolu 263 TFUE, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-20 ta’ Lulju 2010;

    fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Dan ir-rikors huwa ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Lulju 2010, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat C 38/09 (ex NN 58/09) li Spanja qiegħda tippjana li timplimenta għall-Corporación de Radio y Televisión Española (RTVE) (ĠU 2011, L 1, p. 9), li biha l-mudell il-ġdid ta’ finanzjament tal-korporazzjoni pubblika ta’ xandir bir-radju u bit-televiżjoni Corporación de Radio y Televisión Española introdott bil-Liġi 8/2009, tat-28 ta’ Awwissu, ġie ddikjarat kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 106(2) TFUE.

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni ma bdietx il-proċeduri pprovduti minn din id-dispożizzjoni, fir-rigward tas-separabbiltà tal-finanzjament tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni kollha kemm hi.

    (2)

    It-tieni motiv huwa ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 108 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni stabbiliet is-separabbiltà tal-finanzjament tal-miżura kollha kemm hi u ddefiniet b’mod żbaljat bħala għajnuna ġdida biss il-finanzjament addizzjonali. Meta aġixxiet b’dan il-mod, il-Kummissjoni ma mxietx skont il-ġurisprudenza jew il-prattika deċiżjonali tagħha stess.

    (3)

    It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 256 TFUE, peress li d-deċiżjoni ma tipprovdi ebda spjegazzjoni dwar kif waslet għall-konklużjoni li t-tliet miżuri fiskali li huma introdotti jew emendati bl-Artikoli 4, 5 u 6 tal-Liġi 8/2009 huma separabbli mill-iskema attwali ta’ finanzjament ta’ RTVE.

    (4)

    Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi minħabba t-tneħħija tar-rabta tas-sors ta’ finanzjament tal-miżura, peress li l-inkompatibbilità tas-sorsi ta’ finanzjament mad-dritt Komunitarju għandha twassal neċessarjament għall-inkompatibbiltà tagħhom mad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward qed jiġi allegat li d-deċiżjoni kkontestata tiddikjara kompatibbli għajnuna marbuta ma’ finanzjament li l-Kummissjoni nnifisha, fi proċeduri paralleli, kienet ikkunsidrat li huma kontra d-dritt tal-Unjoni.

    (5)

    Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE u/jew tal-Artikolu 256 TFUE minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti dwar in-nuqqas ta’ kumpens żejjed u dwar l-impatt tal-miżura fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern. B’mod partikolari, id-deċiżjoni, minn naħa, ma ħaditx inkunsiderazzjoni li l-ispejjeż effettivi futuri tal-Corporación RTVE ser ikunu inqas mill-ispejjeż inkorsi fil-passat, u, min-naħa l-oħra, tiddikjara kompatibbli mas-suq intern miżura li tiżgura protezzjoni “mill-varjazzjonijiet fid-dħul mis-suq tar-reklamar”, minkejja li ma jeżisti ebda riskju kummerċjali.


    Top