Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0116

    Kawża T-116/11: Rikors ippreżentat fil- 21 ta’ Frar 2011 — EMA vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 120, 16.4.2011, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.4.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 120/16


    Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2011 — EMA vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-116/11)

    2011/C 120/38

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Rikorrenti: European Medical Association (EMA) (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: A. Franchi, avukat, L. Picciano, avukat, N. di Castelnuovo, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat fil-mertu;

    Prinċipalment

    tikkonstata u tiddikjara li EMA ssodisfat, b’mod korrett, l-obbligi kuntrattwali li hija għandha taħt il-kuntratti 507760 DICOEMS u 507126 COCOON, u għaldaqstant għandha dritt għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti minħabba l-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti kif jirriżultaw mill-FORM C mibgħuta lill-Kummissjoni, inklużi l-FORM C dwar il-perijodu IV taħt il-kuntratt COCOON;

    tikkonstata u tiddikjara l-illegalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ xoljiment tal-imsemmija kuntratti, fl-ittra tal-5 ta’ Novembru 2010;

    konsegwentement, tiddikjara t-talba tal-Kummissjoni għar-rimbors tas-somma ta’ EUR 164 080,10 infondata u għaldaqstant tannulla, tirrevoka — anki permezz ta’ nota ta’ kreditu korrispondenti — in-nota ta’ debitu tat-13 ta’ Diċembru 2010, li permezz tagħha l-Kummissjoni talbet il-ħlas lura tal-ammont iċċitat iktar ’il fuq, jew fi kwalunkwe każ tiddikjara lil din it-talba illegali;

    barra minn hekk, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-bqija tas-somma dovuta lil EMA skont il-FORM C, mibgħuta lill-Kummissjoni, tal-ammont ta’ EUR 250 999,16;

    Sussidjarjament

    tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-arrikkiment indebitu u billi wettqet fatt illegali;

    konsegwentement, tikkundanna lil din tal-aħħar għall-kumpens tad-dannu patrimonjali u morali subit mir-rikorrenti, li għandhom jiġu kkwantifikati f’din id-deċiżjoni;

    F’kull każ , tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Permezz ta’ dan ir-rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 272 TFUE u bbażat fuq il-klawżola ta’ arbitraġġ li hemm fl-Artikolu 13 tal-kuntratti DICOEMS u COCOON, ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Novembru 2010, li xxolji, wara verifika mwettqa mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, iż-żewġ kuntratti konklużi mar-rikorrenti fil-kuntest tar-Raba’ Programm Qafas għar-Riċerka u Żvilupp. Konsegwentement, ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tan-nota ta’ debitu tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Diċembru 2010, fid-dawl tar-rapport tal-verifika intiż għall-irkupru tal-ammonti mħallsa mill-Kummissjoni lir-rikorrenti għat-twettiq taż-żewġ proġetti li fihom kienet involuta r-rikorrenti.

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq ħames motiv.

    (1)

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-infurzabbiltà tal-kreditu invokat mill-Kummissjoni u l-ammissibbiltà tal-ispejjeż kollha ddikjarati mill-Kummissjoni.

    B’mod partikolari, ir-rikorrenti tallega l-ksur, mill-Kummissjoni, tal-Artikoli 19, 20, 21 u 25 tal-klawżoli kuntrattwali ġenerali, dwar id-definizzjoni tal-ispejjeż ammissibili, kif ukoll il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-regoli tal-kontabbiltà għall-ASBL kif eżegwiti waqt il-proċedura ta’ verifika.

    (2)

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-premessa li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali u ta’ bona fide fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, sa fejn ma eżegwitx b’mod korrett l-obbligi kuntrattwali tagħha stess.

    B’mod partikolari, ir-rikorrenti tallega l-ksur, minn naħa tal-Kummissjoni, tal-obbligi ta’ kontroll tal-eżekuzzjoni korretta tal-proġetti, mill-perspettiva tal-kontroll finanzjarju previst fl-Artikolu II.3.4.a tal-klawżoli kuntrattwali ġenerali.

    (3)

    It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur, minn naħa tal-Kummissjoni, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fid-dawl tal-qafas globali ta’ ommissjonijiet li hija ħolqot, kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzionalità, minħabba n-natura sproporzjonata tal-miżura adottata mill-Kummissjoni — ix-xoljiment tal-kuntratt — fid-dawl tal-allegata nuqqas ta’ osservanza ta’ ċerti obbligi ta’ natura kontabbli li, minkejja li għadhom jeżistu, bl-ebda mod ma jagħtu lok għal rimbors kważi totali tal-flus imħallsa minn qabel.

    (4)

    Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur, minn naħa tal-Kummissjoni, tad-drittijiet ta’ difiża, fir-rigward tal-aġir ta’ din tal-aħħar waqt li kienet qed iseħħ il-proċedura ta’ verifika.

    B’mod partikolari, ir-rikorrenti tallega n-nuqqas ta’ proċedura kontradittorja fil-fażi tal-verifika u n-nuqqas tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ serje ta’ dokumenti addizzjonali ppreżentati lill-Kummissjoni fid-19 ta’ Awwissu 2009.

    (5)

    Il-ħames motiv, ippreżentat sussidjarjament, huwa bbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikoli 268 u 40 TFUE.

    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tallega li l-arrikkiment indebitu li bbenefikat minnu l-Kummissjoni għadu jeżisti, peress li din tal-aħħar setgħet tuża r-riżultati finali tal-proġetti DICOEMS u COCOON mingħajr ma subiet totalment l-ispejjeż tagħhom.

    It-tieni nett, ir-rikorrenti tippreżenta talba għall-kumpens ta’ danni kkawżati mill-att illegali li wettqet il-Kummissjoni, peress li din tal-aħħar qassmet ittra b’kontenut malafamatorju u ta’ preġudizzju serju għar-reputazzjoni tar-rikorrenti.


    Top