This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011TJ0065
Judgment of the General Court (Second Chamber) of 5 June 2013. # Recombined Dairy System A/S v European Commission. # Customs union - Import of lactoglobulin concentrates from New Zealand - Post-clearance recovery of import duties - Request for remission of import duties - Article 220(2)(b) and Article 236 of Regulation (EEC) No 2913/92. # Case T-65/11.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla) tal-5 ta' Ġunju 2013.
Recombined Dairy System A/S vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Unjoni doganali - Importazzjoni ta’ konċentrati ta’ lattoglobulina minn New Zealand - Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni - Talba għal maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni - Artikolu 220(2)(b) u Artikolu 236 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.
Kawża T-65/11.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla) tal-5 ta' Ġunju 2013.
Recombined Dairy System A/S vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Unjoni doganali - Importazzjoni ta’ konċentrati ta’ lattoglobulina minn New Zealand - Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni - Talba għal maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni - Artikolu 220(2)(b) u Artikolu 236 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.
Kawża T-65/11.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2013:295
Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-Kawża T-65/11,
Recombined Dairy System A/S, stabbilita f’Horsens (id-Danimarka), irrappreżentata minn T. Kristjánsson u T. Gønge, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A.-M. Caeiros, L. Keppenne u B.-R. Killmann, bħala aġenti, assistiti minn P. Dyrberg, avukat,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummisjoni C(2010) 7692 finali, tat-12 ta’ Novembru 2010, li tikkonstata li t-teħid inkunsiderazzjoni a posteriori ta’ ċerti dazji fuq l-importazzjoni kien iġġustifikat u li l-maħfra ta’ dawn id-dazji ma kinitx iġġustifikata (fajl REC 03/08),
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),
komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse (Relatur) u J. Schwarcz, Imħallfin,
Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1. Ir-rikorrenti, Recombined Dairy System A/S, importat fl-Unjoni Ewropea konċentrati ta’ lattoglobulina (iktar ’il quddiem il-“LGK”) minn New Zealand. Jeżistu diversi forom ta’ LGK, ikkaratterizzati mill-kontenut tagħhom f’proteini tax-xorrox.
2. Fl-1993 u fl-1994, ir-rikorrenti ppreżentat talbiet quddiem awtoritajiet doganali Daniżi intiżi sabiex tikseb informazzjoni tariffarja li torbot (iktar ’il quddiem l-“ITT”), għal għaxar LGK fosthom l-LGK 312, 392 u 472. L-ITT għal dawn it-tliet prodotti ngħatat lir-rikorrenti abbażi ta’ informazzjoni riċevuta u mingħajr ma saret l-analiżi tal-prodotti. L-informazzjoni trażmessa mir-rikorrenti u inkluża fl-ITT kienet tistabbilixxi, b’mod partikolari, rata ta’ proteini tax-xorrox ikkalkolata fuq materja niexfa ogħla minn 80 % u ta’ kompożizzjoni ta’ 75 % ta’ beta-lattoglobulina u ta’ immunoglobulina u ta’ 25 % ta’ proteina tax-xorrox oħra. L-ITT inkwistjoni ġiet ikklassifikata taħt l-intestatura tariffarja 3504 tan-Nomenklatura Magħquda inkluża fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat (iktar ’il quddiem in-“Nomenklatura”). L-intestatura tariffarja 3504 tan-Nomenklatura tikkonċerna, b’mod partikolari, l-“konċentrati ta’ proteini tal-ħalib”. L-ITT għal dawn it-tliet prodotti kienet valida mit-13 ta’ April 1994 sat-12 ta’ April 2000.
3. Fl-1995, ir-rikorrenti ppreżentat talba quddiem awtoritajiet doganali Daniżi intiża sabiex tikseb ITT għal-LGK 450. Dawn l-awtoritajiet infurmaw lir-rikorrenti li ITT ġdida ma kinitx neċessarja, sa fejn l-LGK 450 kien fil-parti l-kbira identiku għal-LGK 472 li għalih kienet diġà ngħatat ITT. Ir-rikorrenti rtirat it-talba tagħha. Bħala konsegwenza hija ma kisbitx ITT għal-LGK 450.
4. Għal tipi oħra ta’ prodotti, jiġifieri l-LGK 131 u 8471, ir-rikorrenti ma ppreżentatx talba intiża sabiex tikseb ITT.
5. Sussegwentement għal analiżi magħmula fuq kampjun, li turi kontenut fi proteina tax-xorrox inferjuri għal dak iddikjarat inizjalment (jiġifieri kontenut f’proteini tax-xorrox inqas minn 80 %), l-awtoritajiet doganali Daniżi wettqu analiżi fuq l-LGK kollha importati mir-rikorrenti. Fuq din il-bażi, huma ddeċidew, fis-27 ta’ Novembru 2000, li jikklassifikaw l-LGK 131, 312, 392, 450 u 8471 taħt l-intestatura tariffarja 04040 tan-Nomenklatura u li jieħdu inkunsiderazzjoni a posteriori d-dazji fuq l-importazzjoni għal dawn il-prodotti. Din l-intestatura tariffarja kienet tirreferi, b’mod partikolari, għal-“xorrox, anki kkonċentrat”. Huma indikaw ukoll, f’din id-deċiżjoni li, jekk il-kontenut fi proteina tax-xorrox iddikjarat inizjalment mir-rikorrenti kien korrett (jiġifieri kontenut fi proteina tax-xorrox ogħla minn 80 %), huma kienu jikklassifikaw il-prodotti inkwistjoni taħt l-intestatura tariffarja 3502 tan-Nomenklatura. Din l-intestatura tariffarja kienet tirreferi, b’mod partikolari, għall-“konċentrati ta’ diversi proteini tax-xorrox li kienu jinkludu, f’piż ikkalkolat fuq materja niexfa, iktar minn 80 % ta’ proteina tax-xorrox”. Huma għalhekk naqsu milli jikklassifikaw il-prodotti kkonċernati taħt l-intestatura tariffarja 3504 tan-Nomenklatura.
6. Peress illi r-rikorrenti kienet ikkontestat il-klassifikazzjoni tariffarja u l-metodu ta’ analiżi użat, l-awtoritajiet doganali Daniżi bidlu l-metodu tagħhom u finalment ikkonkludew li l-kontenut fi proteina tal-LGK iddikjarat inizjalment mir-rikorrenti kien korrett (jiġifieri rata ta’ proteina tax-xorrox ikkalkolata fuq materja niexfa ogħla minn 80 %). Huma ddeċidew li jeżaminaw mill-ġdid il-klassifikazzjoni tariffarja magħmula u bidlu d-deċiżjoni tagħhom billi kklassifikaw l-LGK 131, 312, 392, 450 u 8471 taħt l-intestatura tariffarja 3502 tan-Nomenklatura. Dan it-tibdil fil-klassifikazzjoni tariffarja ma kellux effett fuq id-deċiżjoni tagħhom li jieħdu inkunsiderazzjoni a posteriori d-dazji fuq l-importazzjoni fuq il-prodotti kkonċernati.
7. Fit-13 ta’ Ġunju 2005, ir-rikorrenti ppreżentat, quddiem awtoritajiet doganali Daniżi, talba għal maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni abbażi, minn naħa, tal-Artikolu 220(2)(b) flimkien mal-Artikolu 236 u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”). It-talba tagħha kienet tirrigwarda l-importazzjoni ta’ LGK, matul il-perijodu mill-1 ta’ Settembru 1997 sat-2 ta’ Awwissu 2000, li għalihom, kemm li qatt ma kienet ingħatat ITT, kif ukoll il-perijodu ta’ validità tal-ITT preċedentement mogħtija kien skada fil-mument tal-importazzjoni. L-awtoritajiet doganali Daniżi ċaħdu din it-talba permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Awwissu 2005.
8. Fit-22 ta’ Settembru 2005, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Landsskatteretten (Tribunal fiskali nazzjonali, id-Danimarka).
9. Fit-13 ta’ Settembru 2007, il-Landsskatteretten ordna lill-awtoritajiet doganali Daniżi li jippreżentaw it-talba tar-rikorrenti lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, għal deċiżjoni. Il-Landsskatteretten, b’mod partikolari, ikkunsidra li ma setax jiġi eskluż, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, li l-kundizzjonijiet stipulati mill-Artikolu 220(2)(b) jew mill-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali huma ssodisfatti.
10. Fis-6 ta’ Ottubru 2008, l-awtoritajiet Daniżi ressqu talba quddiem il-Kummissjoni intiża sabiex hija tiddeċiedi, skont l-Arikiolu 220(2) tal-Kodiċi Doganali, jekk kienx ġustifikat li ma jsirx teħid inkunsiderazzjoni a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni u sussidjarjament jekk, skont l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, il-maħfra ta’ dawn id-dazji kinitx iġġustifikata.
11. B’deċiżjoni C(2010) finali, tat-12 ta’ Novembru 2010, li kkonstatat li t-teħid inkunsiderazzjoni a posteriori ta’ ċerti dazji fuq l-importazzjoni kien iġġustifikat u li l-maħfra ta’ dawn id-dazji ma kinitx iġġustifikata (fajl REC 03/08) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), fl-ewwel lok il-Kummissjoni kkunsidrat li kien iġġustifikat, skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, li ma jsirx teħid inkunsiderazzjoni a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni għall-importazzjoni ta’ LGK 450 li saret qabel it-13 ta’ April 2000. Għall-importazzjonijiet ta’ prodotti oħra, jiġifieri l-LGK 131, 132, 392 u 8471, kif ukoll l-LGK 450 importati mit-13 ta’ April 2000, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien iġġustifikat li jsir teħid inkunsiderazzjoni a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni. Fit-tieni lok, hija qieset, abbażi tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, li l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni kienet iġġustifikata għall-importazzjonijiet ta’ LGK 312 u 392, kif ukoll għall-importazzjonijiet ta’ LGK 450 li saru mit-13 ta’ April 2000. Min-naħa l-oħra, hija kkonkludiet li ebda maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni ma kienet iġġustifikata għall-importazzjonijiet ta’ LGK 131 u 8471. Hija indikat, f’dan ir-rigward, li ebda sitwazzjoni partikolari ma kienet teżisti, fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, sa fejn ir-rikorrenti qatt ma kienet talbet ITT għal dawn il-prodotti.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
12. B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.
13. Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.
14. Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2012.
15. Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla l-Artikolu 1(2) u (4) tad-deċiżjoni kkontestata;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
16. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
17. L-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif ir-rikorrenti kkonfermat waqt is-seduta, dan ir-rikors huwa intiż sabiex jinkiseb l-annullament tal-Artikolu 1(2) u (4) tad-deċiżjoni kkontestat, sa fejn jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ LGK 131 u 8471.
18. Ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi insostenn tar-rikors. L-ewwel motiv, imqajjem prinċipalment, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 220(2)(b) u l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali. It-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali.
19. Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li l-ewwel jiġi eżaminat l-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti.
20. Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-klassifikazzjoni tal-LGK inkwistjoni taħt l-intestatura tariffarja 3504 tan-Nomenklatura tikkostitwixxi żball li huwa imputabbli lill-awtoritajiet doganali Daniżi, indipendentement mill-fatt li dawn l-LGK kienu bbenefikaw jew le minn ITT.
21. Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Hija tindika, b’mod partikolari, li l-LGK, b’mod ġenerali, ma humiex kollha identiċi fuq il-livell tariffarju. Hija ssostni wkoll li ebda ITT ma kienet ingħatat għall-prodotti inkwistjoni f’din il-kawża. Minbarra dan, in-numru ta’ importazzjonijiet ta’ LGK 131 u 8471 ma huwiex importanti. Fl-aħħar nett, ebda dokumentazzjoni ma ġiet prodotta sabiex turi li l-indikazzjoni tal-merkanzija fid-dikjarazzjonijiet doganali kienet tikkorrispondi mal-ispeċifikazzjonijiet tan-Nomenklatura.
22. L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li l-proċeduri previsti fl-Artikoli 220 u 239 tal-Kodiċi Doganali għandhom l-istess għan, jiġifieri, li jillimitaw il-pagament a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni fil-każijiet fejn tali pagament ikun iġġustifikat u fejn huwa kompatibbli ma’ prinċipju fundamentali bħall-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, il-ħlas lura jew il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni jew tad-dazji fuq l-esportazzjoni, li jistgħu jingħataw biss taħt ċerti kundizzjonijiet u f’ċerti każijiet previsti speċifikament, jikkostitwixxu eċċezzjoni għas-sistema normali ta’ importazzjonijiet u ta’ esportazzjonijiet u, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet li jipprevedu tali rimbors jew tali maħfra għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 2009, Agrar-Invest-Tatschl vs Il-Kummissjoni, C-552/08 P, Ġabra p. I-9265, punti 52 u 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).
23. Fir-rigward tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, hemm lok li jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jieħdu inkunsiderazzjoni a posteriori dazji fuq l-importazzjoni ħlief jekk jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Jeħtieġ, l-ewwel nett, li d-dazji ma jkunux inġabru b’riżultat ta’ żball tal-awtoritajiet kompetenti nfushom, it-tieni nett, li l-iżball imwettaq minn dawn ikun ta’ natura li ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju li taġixxi in bona fides u, fl-aħħar nett, li din tal-aħħar tosserva d-dispożizzjonijiet kollha previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali tagħha. Meta dawn il-kundizzjonijiet jkunu ssodisfatti, il-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju għandha dritt li ma jsirx l-irkupru a posteriori (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 2007, Agrover, C-173/06, Ġabra p. I-8783, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata).
24. Fir-rigward tal-ewwel waħda fost dawn il-kundizzjonijiet, għandu wkoll jitfakkar li l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali għandu bħala għan li jipproteġi l-aspettattivi leġittimi tal-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju fir-rigward tal-fondatezza tal-elementi kollha involuti fid-deċiżjoni dwar jekk id-dazji għandhomx jiġi rkuprati jew le. Madankollu, l-aspettattivi leġittimi tal-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju jistħoqilhom il-protezzjoni prevista minn dan l-artikolu biss jekk huma l-awtoritajiet kompetenti “stess” li ħolqu l-bażi li fuqha huma bbażati l-aspettattivi ta’ din il-persuna. B’hekk, huma l-iżbalji li seħħew minħabba l-aġir pożittiv tal-awtoritajiet kompetenti biss li jagħtu lok għal nuqqas ta’ rkupru a posteriori tad-dazji doganali (ara s-sentenza Agrover, punt 23 iktar ’il fuq, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata).
25. Bħala prinċipju, din il-kundizzjoni ma tistax titqies li hija sodisfatta meta l-awtoritajiet kompetenti jiġu indotti fi żball minħabba dikjarazzjonijiet mhux eżatti tal-esportatur, fejn dawn ma ġewx ivverifikati jew ma ġietx evalwata l-validità. F’każ simili, hija l-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju li għandha ssostni r-riskju li jirriżulta minn dokument kummerċjali li jirriżulta li jkun falz waqt kontroll sussegwenti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Novembru 2002, Ilumitrónica, C-251/00, Ġabra p. I-10433, punti 43 u 44, u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li wettqu żball meta huma ma jkunu qajmu ebda oġġezzjoni dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija mwettqa mill-operatur ekonomiku fid-dikjarazzjonijiet doganali tiegħu u li dawn id-dikjarazzjonijiet kien fihom l-informazzjoni fattwali kollha neċessarja għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, b’mod li kontroll ulterjuri li jistgħu jagħmlu l-awtoritajiet kompetenti ma jistax jiżvela element ġdid. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ meta d-dikjarazzjonijiet doganali kollha ppreżentati mill-operatur ekonomiku jkunu ġew ikkompletati, fejn kienu jsemmu, b’mod partikolari, l-indikazzjoni tal-merkanzija skont l-ispeċifikazzjonijiet tan-Nomenklatura maġenb l-intestatura tariffarja ddikjarata, u meta l-importazzjonijiet inkwistjoni kienu ta’ ċerta numru u li seħħew matul perijodu relattivament twil mingħajr ma l-intestatura tariffarja tkun ġiet ikkontestata (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ April 1993, Hewlett Packard France, C-250/91, Ġabra p. I-1819, punti 19 u 20, u l-ġurisprudenza ċċitata).
26. F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata u fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ LGK 131 u 8471, li l-awtoritajiet doganali Daniżi ma kienu wettqu ebda żball, sa fejn ebda ITT ma kienet inħarġet lir-rikorrenti għal dawn il-prodotti (premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti kienet aġixxiet in bona fides u kienet ikkonformat ruħha mad-dispożizzjonijiet kollha fis-seħħ f’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali (premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata).
27. L-ewwel nett, hemm lok li mill-ewwel jiġu miċħuda l-argumenti tal-Kummissjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata u ripetuti quddiem il-Qorti Ġenerali intiżi sabiex jiġi kkunsidrat, essenzjalment, li l-assenza ta’ għoti ta’ ITT ma tippermettix li jiġi kkonstatat żball mill-awtoritajiet doganali. Fil-fatt, il -fatt li r-rikorrenti ma talbitx ITT għall-prodotti kkonċernati ma jfissirx, għaldaqstant, li l-awtoritajiet doganali ma wettqux żball. Kull interpretazzjoni oħra ċċaħħad is-sens mill-Artikolu 22(2)(b) tal-Kodiċi Doganali. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li l-awtoritajiet doganali setgħu wettqu żball f’sitwazzjonijiet fejn ir-rikorrenti ma kinitx detentur jew ma kinitx talbet ITT (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost, 314/85, Ġabra p. 4199).
28. It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet doganali Daniżi wettqu żball ta’ klassifikazzjoni tariffarja waqt l-għoti tal-ITT (premessi 24 u 33 tad-deċiżjoni kkontestata).
29. It-tielet nett, il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, li, mix-xahar ta’ Novembru 1999, jiġifieri qabel tmiem il-perijodu ta’ importazzjoni inkwistjoni ta’ LGK 131 u 8471, li kien japplika mill-1 ta’ Settembru 1997 sat-2 ta’ Awwissu 2000, l-awtoritajiet doganali Daniżi kienu jafu li l-intestatura tariffarja tal-prodotti li kienu bbenefikaw minn ITT kienet żbaljata, mingħajr madankollu ma rrevokaw din l-ITT. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li l-analiżi magħmula mill-awtoritajiet doganali Daniżi kienet tirrigwarda mhux biss prodotti li bbenefikaw minn ITT, iżda wkoll fuq il-LGK 131, li ma bbenefikax minn ITT (premessi 9 u 10 tad-deċiżjoni kkontestata). Bħala konsegwenza, l-awtoritajiet doganali Daniżi kienu jafu, sa mix-xahar ta’ Novembru 1999, li l-intestatura tariffarja ta’ wieħed miż-żewġ prodotti kkonċernati minn din il-kawża kienet żbaljata. Huma madankollu stennew is-27 ta’ Novembru 2000 qabel ma bdew proċedura ta’ rkupru (premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata). Huma lanqas ma rrevokaw, minkejja li kellhom il-possibbiltà li jagħmlu dan, l-ITT li kienet valida u li kienet ser tiskadi fit-12 ta’ April 2000. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, bejn ix-xahar ta’ Novembru 1999 u x-xahar ta’ Novembru 2000, ir-rikorrenti importat, taħt l-intestatura tariffarja 3504 tan-Nomenklatura, madwar 240 t ta’ LGK 131, fi 13-il tranżazzjoni ta’ importazzjoni, u 40 t ta’ LGK 8471, f’żewġ tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni, filwaqt li l-awtoritajiet doganali Daniżi kienu jafu li l-intestatura tariffarja ta’ LGK, fis-sens wiesa’ u b’mod partikolari tal-LGK 131, kienet żbaljata. Fl-aħħar nett, fir-rigward speċifikament tal-LGK 131, hemm lok li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li tindika l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, l-importazzjonijiet ta’ dan il-prodott mir-rikorrenti kienu sinjifikattivi matul il-perijodu ta’ importazzjoni inkwistjoni, peress li huma kienu jirrappreżentaw diversi mijiet ta’ tunnellati u 45 tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni. Hemm lok li jingħad li l-partijiet ftiehmu, bħal ma ġie kkonfermat waqt is-seduta, fuq il-fatt li l-prodotti kkonċernati, sa fejn kienu jikkostitwixxu proteini tax-xorrox, ma setgħux jiġu kklassifikati taħt l-intestatura tariffarja 3504 tan-Nomenklatura, bħal ma għaldaqstant għamlu l-awtoritajiet Daniżi fl-ITT. L-awtoritajiet doganali Daniżi barra minn hekk irrikonoxxew dan il-fatt, peress li, fid-deċiżjoni tagħhom tas-27 ta’ Novembru 2000 li jieħdu inkunsiderazzjoni a posteriori d-dazji fuq l-importazzjoni, huma indikaw li “[l]-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi merkanzija 3504 [kienet] eskluża, peress illi dawn [ma kinux] proteini tal-ħalib, iżda proteini tax-xorrox”. Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-prodotti inkwistjoni fid-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni, li kienet tirreferi speċifikament għall-proteina tax-xorrox, jiġifieri l-“lattoglobulina”, l-awtoritajiet doganali jmisshom kienu fil-pożizzjoni li jindunaw bl-iżball ta’ klassifikazzjoni tariffarja.
30. Fir-raba’ lok, hemm lok li jiġi rrilevat li, la l-awtoritajiet doganali Daniżi u lanqas il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ma kkontestaw in-natura kompleta tad-dikjarazzjonijiet doganali kollha ppreżentati mir-rikorrenti. B’mod partikolari, l-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li “kien jirriżulta mit-talba li l-persuna kkonċernata [kellha] tiġi kkunsidrata bħala li aġixxiet in bona fides u li osservat id-dispożizzjonijiet fis-seħħ kollha f’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali” (premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-affermazzjoni tal-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha skont liema “l-indikazzjoni tal-merkanzija fid-dikjarazzjoni ma kinitx kompleta” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għalhekk ma hijiex sostnuta fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk il-Kummissjoni ma kinitx fil-pożizzjoni, waqt is-seduta, li tindika bażi legali li tippermetti li jiġi kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet doganali mwettqa mir-rikorrenti ma kinux kompleti. Minbarra dan, fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti ma ppreżentat ebda dokumentazzjoni teknika li tikkonċerna l-LGK 131 u 8471 li tippermetti li tiġi ddeterminata l-intestatura tariffarja tagħhom, hemm lok li jitfakkar li l-LGK 131 kien jagħmel parti minn prodotti li kienu ġew suġġetti għal analiżi teknika min-naħa tal-awtoritajiet doganali fl-1999 (premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata). Minbarra dan, huwa paċifiku li l-LGK 131 u 8471 kienu ġew ikklassifikati, mill-awtoritajiet doganali Daniżi, wara kontroll, fl-istess intestatura tariffarja bħall-LGK l-oħra, inklużi l-LGK li kienu bbenefikaw minn ITT. Fl-aħħar nett, hemm lok li jitfakkar li l-partijiet jaqblu fuq il-fatt li l-prodotti kkonċernati, sa fejn kienu jikkostitwixxu proteini tax-xorrox, ma setgħux jiġu kklassifikati taħt l-intestatura tariffarja 3504 tan-Nomenklatura. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-indikazzjoni tal-merkanzija fid-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni tar-rikorrenti, jiġifieri “lattoglobulina”, jiġifieri proteina tax-xorrox, kienet suffiċjentement preċiża sabiex tippermetti lill-awtoritajiet doganali li jiddeterminaw, tal-inqas, li l-prodotti inkwistjoni ma kellhomx jiġu kklassifikati taħt din l-intestatura tariffarja.
31. Il-ħames nett, waqt intervista telefonika mar-rikorrenti fit-2 ta’ Novembru 1995, l-awtoritajiet doganali Daniżi ppreċiżaw li ma kienx neċessarju li tinkiseb ITT għal prodott, f’dan il-każ il-LGK 450, li kien wara t-talba mressqa mir-rikorrenti “fil-parti l-kbira identiku” ma’ prodott li kien jibbenefika minn ITT, f’dan il-każ il-LGK 472. Din l-intervista telefonika ġiet ikkonfermata b’ittra indirizzata mir-rikorrenti lill-awtoritajiet doganali Daniżi fit-3 ta’ Novembru 1995, mingħajr ma l-kontenut ta’ din l-ittra ma ġie ulterjorment ikkontestat, kif tirrileva l-Kummissjoni fil-premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata. L-awtoritajiet doganali stess, filwaqt li jirreferu għall-argumenti tar-rikorrenti ppreżentati quddiemhom, isemmu l-eżistenza u l-kontenut ta’ din l-intervista telefonika fit-talba tagħhom indirizzata lill-Kummissjoni. Din is-sitwazzjoni ta’ fatt barra minn hekk wasslet lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi, fl-istess premessa tad-deċiżjoni kkontestata, li l-awtoritajiet doganali Daniżi kienu wettqu żball fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ LGK 450 preċedenti għat-13 ta’ April 2000.
32. Fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni f’din il-kawża, il-Kummissjoni tirrileva fil-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont it-talba indirizzata mill-awtoritajiet doganali Daniżi, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni u l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni huma ġġustifikati sa fejn “il-prodotti mhux koperti minn ITT huma mill-perspettiva tal-klassifikazzjoni tariffarja identiċi għall-prodotti li għalhom ITT kienet inħarġet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din il-konstatazzjoni fattwali ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.
33. Minbarra dan, hemm lok li jiġi enfasizzat li, indipendentement mill-intestatura tariffarja magħżula mill-awtoritajiet doganali Daniżi fl-avviż ta’ rkupru tagħhom, l-LGL kollha inkwistjoni kienu dejjem ġew ikklassifikati taħt l-istess intestatura tariffarja. Minn dan jirriżulta li, għall-awtoritajiet doganali Daniżi, l-LGK 131 u 8471 kienu prodotti identiċi, fuq il-livell tariffarju, għal-LGK importati oħra, li jinkludu dawk li bbenefikaw minn ITT. Din l-evalwazzjoni hija wkoll sostnuta mit-talba tal-awtoritajiet doganali Daniżi indirizzata lill-Kummissjoni, li fiha kien ġie ppreċiżat li “l-kampjuni kollha kellhom kontenut globali fi proteina ta’ mill-inqas 80 % f’piż ikkalkolat fuq materja niexfa” jew li l-prodotti inkwistjoni kienu “kkostitwiti minn konċentrati ta’ diversi proteini tax-xorrox li fihom iktar minn 80 % ta’ proteini tax-xorrox bħala piż”. Din il-konstatazzjoni fattwali hija adottata wkoll mil-Landsskatteretten fid-deċiżjoni tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2007. Issa, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-partijiet fl-osservazzjonijiet tagħhom, issir esklużivament distinzjoni, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodotti inkwistjoni, bejn prodotti li għandhom kontenut fi proteina tax-xorrox ogħla minn 80 % u dawk li għandhom kontenut fi proteina tax-xorrox inqas minn 80 %. Minn dan jirriżulta li l-prodotti inkwistjoni, skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet doganali Daniżi, kienu effettivament identiċi mill-perspettiva tal-klassifikazzjoni tariffarja, ħaġa li l-Kummissjoni rrikonoxxiet waqt is-seduta. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma kinitx fil-pożizzjoni li tindika, waqt is-seduta, differenzi rilevanti bejn l-LGK inkwistjoni li kienu jippermettu li jiġi kkunsidrat li dawn l-LGK ma kinux jikkostitwixxu tip wieħed ta’ merkanzija fis-sens tal-leġiżlazzjoni doganali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Diċembru 2010, Schenker, C-199/09, Ġabra p. I-12311, punt 24). Barra minn hekk il-Kummissjoni qatt ma kkontestat l-affermazzjoni tal-awtoritajiet doganali Daniżi rigward l-identità tal-prodotti inkwistjoni mill-perspettiva tariffarja, u lanqas ma fformulat talbiet għal informazzjoni addizzjonali. Hemm lok li jiġi enfasizzat, fuq dan il-punt, li, skont l-Artikolu 871(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), meta jirriżulta li l-elementi ta’ informazzjoni kkomunikati mill-Istat Membru huma insuffiċjenti sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni b’għarfien sħiħ tal-fatti dwar il-każ li jitressaq quddiemha, il-Kummissjoni tista’ titlob lil dan l-Istat Membru jew lil kull Stat Membru ieħor, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni addizzjonali. Jirriżulta minn dan kollu li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti setgħet tikkunsidra li l-LGK 131 u 8471, anki jekk ma bbenefikawx minn ITT, kellhom jiġu kklassifikati taħt l-istess intestatura tariffarja bħall-prodotti li jibbenefikaw jew li kienu bbenefikaw minn ITT.
34. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-awtoritajiet doganali Daniżi wettqu żball, fis-sens tal-Artikolu 22(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-LGK 131 u 8471. Id-deċiżjoni kkontestata hija għaldaqstant ivvizzjata b’illegalità f’dan ir-rigward, sa fejn hija bbażata fuq l-assenza ta’ tali żball.
35. Bħala konsegwenza, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat it-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti sussidjarjament, hemm lok li l-ewwel motiv tar-rikors jintlaqa’ u li bħala konsegwenza, jiġi annullat l-Artikolu 1(2) u (4) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ LGK 131 u 8471.
Fuq l-ispejjeż
36. Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 1(2) u (4) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 7692 finali, tat-12 ta’ Novembru 2010, li tikkonstata li t-teħid inkunsiderazzjoni a posteriori ta’ ċerti dazji fuq l-importazzjoni kien iġġustifikat u li l-maħfra ta’ dawn id-dazji ma kinitx iġġustifikata (fajl REC 03/08) huwa annullat, sa fejn jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ konċentrati ta’ lattoglobulina 131 u 8471.
2) Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Recombined Dairy System A/S.
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)
5 ta’ Ġunju 2012 ( *1 )
“Unjoni doganali — Importazzjoni ta’ konċentrati ta’ lattoglobulina minn New Zealand — Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni — Talba għal maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni — Artikolu 220(2)(b) u Artikolu 236 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92”
Fil-Kawża T-65/11,
Recombined Dairy System A/S, stabbilita f’Horsens (id-Danimarka), irrappreżentata minn T. Kristjánsson u T. Gønge, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A.-M. Caeiros, L. Keppenne u B.-R. Killmann, bħala aġenti, assistiti minn P. Dyrberg, avukat,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummisjoni C(2010) 7692 finali, tat-12 ta’ Novembru 2010, li tikkonstata li t-teħid inkunsiderazzjoni a posteriori ta’ ċerti dazji fuq l-importazzjoni kien iġġustifikat u li l-maħfra ta’ dawn id-dazji ma kinitx iġġustifikata (fajl REC 03/08),
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),
komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse (Relatur) u J. Schwarcz, Imħallfin,
Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Ir-rikorrenti, Recombined Dairy System A/S, importat fl-Unjoni Ewropea konċentrati ta’ lattoglobulina (iktar ’il quddiem il-“LGK”) minn New Zealand. Jeżistu diversi forom ta’ LGK, ikkaratterizzati mill-kontenut tagħhom f’proteini tax-xorrox. |
2 |
Fl-1993 u fl-1994, ir-rikorrenti ppreżentat talbiet quddiem awtoritajiet doganali Daniżi intiżi sabiex tikseb informazzjoni tariffarja li torbot (iktar ’il quddiem l-“ITT”), għal għaxar LGK fosthom l-LGK 312, 392 u 472. L-ITT għal dawn it-tliet prodotti ngħatat lir-rikorrenti abbażi ta’ informazzjoni riċevuta u mingħajr ma saret l-analiżi tal-prodotti. L-informazzjoni trażmessa mir-rikorrenti u inkluża fl-ITT kienet tistabbilixxi, b’mod partikolari, rata ta’ proteini tax-xorrox ikkalkolata fuq materja niexfa ogħla minn 80 % u ta’ kompożizzjoni ta’ 75 % ta’ beta-lattoglobulina u ta’ immunoglobulina u ta’ 25 % ta’ proteina tax-xorrox oħra. L-ITT inkwistjoni ġiet ikklassifikata taħt l-intestatura tariffarja 3504 tan-Nomenklatura Magħquda inkluża fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat (iktar ’il quddiem in-“Nomenklatura”). L-intestatura tariffarja 3504 tan-Nomenklatura tikkonċerna, b’mod partikolari, l-“konċentrati ta’ proteini tal-ħalib”. L-ITT għal dawn it-tliet prodotti kienet valida mit-13 ta’ April 1994 sat-12 ta’ April 2000. |
3 |
Fl-1995, ir-rikorrenti ppreżentat talba quddiem awtoritajiet doganali Daniżi intiża sabiex tikseb ITT għal-LGK 450. Dawn l-awtoritajiet infurmaw lir-rikorrenti li ITT ġdida ma kinitx neċessarja, sa fejn l-LGK 450 kien fil-parti l-kbira identiku għal-LGK 472 li għalih kienet diġà ngħatat ITT. Ir-rikorrenti rtirat it-talba tagħha. Bħala konsegwenza hija ma kisbitx ITT għal-LGK 450. |
4 |
Għal tipi oħra ta’ prodotti, jiġifieri l-LGK 131 u 8471, ir-rikorrenti ma ppreżentatx talba intiża sabiex tikseb ITT. |
5 |
Sussegwentement għal analiżi magħmula fuq kampjun, li turi kontenut fi proteina tax-xorrox inferjuri għal dak iddikjarat inizjalment (jiġifieri kontenut f’proteini tax-xorrox inqas minn 80 %), l-awtoritajiet doganali Daniżi wettqu analiżi fuq l-LGK kollha importati mir-rikorrenti. Fuq din il-bażi, huma ddeċidew, fis-27 ta’ Novembru 2000, li jikklassifikaw l-LGK 131, 312, 392, 450 u 8471 taħt l-intestatura tariffarja 04040 tan-Nomenklatura u li jieħdu inkunsiderazzjoni a posteriori d-dazji fuq l-importazzjoni għal dawn il-prodotti. Din l-intestatura tariffarja kienet tirreferi, b’mod partikolari, għal-“xorrox, anki kkonċentrat”. Huma indikaw ukoll, f’din id-deċiżjoni li, jekk il-kontenut fi proteina tax-xorrox iddikjarat inizjalment mir-rikorrenti kien korrett (jiġifieri kontenut fi proteina tax-xorrox ogħla minn 80 %), huma kienu jikklassifikaw il-prodotti inkwistjoni taħt l-intestatura tariffarja 3502 tan-Nomenklatura. Din l-intestatura tariffarja kienet tirreferi, b’mod partikolari, għall-“konċentrati ta’ diversi proteini tax-xorrox li kienu jinkludu, f’piż ikkalkolat fuq materja niexfa, iktar minn 80 % ta’ proteina tax-xorrox”. Huma għalhekk naqsu milli jikklassifikaw il-prodotti kkonċernati taħt l-intestatura tariffarja 3504 tan-Nomenklatura. |
6 |
Peress illi r-rikorrenti kienet ikkontestat il-klassifikazzjoni tariffarja u l-metodu ta’ analiżi użat, l-awtoritajiet doganali Daniżi bidlu l-metodu tagħhom u finalment ikkonkludew li l-kontenut fi proteina tal-LGK iddikjarat inizjalment mir-rikorrenti kien korrett (jiġifieri rata ta’ proteina tax-xorrox ikkalkolata fuq materja niexfa ogħla minn 80 %). Huma ddeċidew li jeżaminaw mill-ġdid il-klassifikazzjoni tariffarja magħmula u bidlu d-deċiżjoni tagħhom billi kklassifikaw l-LGK 131, 312, 392, 450 u 8471 taħt l-intestatura tariffarja 3502 tan-Nomenklatura. Dan it-tibdil fil-klassifikazzjoni tariffarja ma kellux effett fuq id-deċiżjoni tagħhom li jieħdu inkunsiderazzjoni a posteriori d-dazji fuq l-importazzjoni fuq il-prodotti kkonċernati. |
7 |
Fit-13 ta’ Ġunju 2005, ir-rikorrenti ppreżentat, quddiem awtoritajiet doganali Daniżi, talba għal maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni abbażi, minn naħa, tal-Artikolu 220(2)(b) flimkien mal-Artikolu 236 u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”). It-talba tagħha kienet tirrigwarda l-importazzjoni ta’ LGK, matul il-perijodu mill-1 ta’ Settembru 1997 sat-2 ta’ Awwissu 2000, li għalihom, kemm li qatt ma kienet ingħatat ITT, kif ukoll il-perijodu ta’ validità tal-ITT preċedentement mogħtija kien skada fil-mument tal-importazzjoni. L-awtoritajiet doganali Daniżi ċaħdu din it-talba permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Awwissu 2005. |
8 |
Fit-22 ta’ Settembru 2005, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Landsskatteretten (Tribunal fiskali nazzjonali, id-Danimarka). |
9 |
Fit-13 ta’ Settembru 2007, il-Landsskatteretten ordna lill-awtoritajiet doganali Daniżi li jippreżentaw it-talba tar-rikorrenti lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, għal deċiżjoni. Il-Landsskatteretten, b’mod partikolari, ikkunsidra li ma setax jiġi eskluż, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, li l-kundizzjonijiet stipulati mill-Artikolu 220(2)(b) jew mill-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali huma ssodisfatti. |
10 |
Fis-6 ta’ Ottubru 2008, l-awtoritajiet Daniżi ressqu talba quddiem il-Kummissjoni intiża sabiex hija tiddeċiedi, skont l-Arikiolu 220(2) tal-Kodiċi Doganali, jekk kienx ġustifikat li ma jsirx teħid inkunsiderazzjoni a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni u sussidjarjament jekk, skont l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, il-maħfra ta’ dawn id-dazji kinitx iġġustifikata. |
11 |
B’deċiżjoni C(2010) finali, tat-12 ta’ Novembru 2010, li kkonstatat li t-teħid inkunsiderazzjoni a posteriori ta’ ċerti dazji fuq l-importazzjoni kien iġġustifikat u li l-maħfra ta’ dawn id-dazji ma kinitx iġġustifikata (fajl REC 03/08) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), fl-ewwel lok il-Kummissjoni kkunsidrat li kien iġġustifikat, skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, li ma jsirx teħid inkunsiderazzjoni a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni għall-importazzjoni ta’ LGK 450 li saret qabel it-13 ta’ April 2000. Għall-importazzjonijiet ta’ prodotti oħra, jiġifieri l-LGK 131, 132, 392 u 8471, kif ukoll l-LGK 450 importati mit-13 ta’ April 2000, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien iġġustifikat li jsir teħid inkunsiderazzjoni a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni. Fit-tieni lok, hija qieset, abbażi tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, li l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni kienet iġġustifikata għall-importazzjonijiet ta’ LGK 312 u 392, kif ukoll għall-importazzjonijiet ta’ LGK 450 li saru mit-13 ta’ April 2000. Min-naħa l-oħra, hija kkonkludiet li ebda maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni ma kienet iġġustifikata għall-importazzjonijiet ta’ LGK 131 u 8471. Hija indikat, f’dan ir-rigward, li ebda sitwazzjoni partikolari ma kienet teżisti, fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, sa fejn ir-rikorrenti qatt ma kienet talbet ITT għal dawn il-prodotti. |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
12 |
B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. |
13 |
Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. |
14 |
Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2012. |
15 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
16 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
17 |
L-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif ir-rikorrenti kkonfermat waqt is-seduta, dan ir-rikors huwa intiż sabiex jinkiseb l-annullament tal-Artikolu 1(2) u (4) tad-deċiżjoni kkontestat, sa fejn jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ LGK 131 u 8471. |
18 |
Ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi insostenn tar-rikors. L-ewwel motiv, imqajjem prinċipalment, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 220(2)(b) u l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali. It-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali. |
19 |
Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li l-ewwel jiġi eżaminat l-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti. |
20 |
Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-klassifikazzjoni tal-LGK inkwistjoni taħt l-intestatura tariffarja 3504 tan-Nomenklatura tikkostitwixxi żball li huwa imputabbli lill-awtoritajiet doganali Daniżi, indipendentement mill-fatt li dawn l-LGK kienu bbenefikaw jew le minn ITT. |
21 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Hija tindika, b’mod partikolari, li l-LGK, b’mod ġenerali, ma humiex kollha identiċi fuq il-livell tariffarju. Hija ssostni wkoll li ebda ITT ma kienet ingħatat għall-prodotti inkwistjoni f’din il-kawża. Minbarra dan, in-numru ta’ importazzjonijiet ta’ LGK 131 u 8471 ma huwiex importanti. Fl-aħħar nett, ebda dokumentazzjoni ma ġiet prodotta sabiex turi li l-indikazzjoni tal-merkanzija fid-dikjarazzjonijiet doganali kienet tikkorrispondi mal-ispeċifikazzjonijiet tan-Nomenklatura. |
22 |
L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li l-proċeduri previsti fl-Artikoli 220 u 239 tal-Kodiċi Doganali għandhom l-istess għan, jiġifieri, li jillimitaw il-pagament a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni fil-każijiet fejn tali pagament ikun iġġustifikat u fejn huwa kompatibbli ma’ prinċipju fundamentali bħall-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, il-ħlas lura jew il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni jew tad-dazji fuq l-esportazzjoni, li jistgħu jingħataw biss taħt ċerti kundizzjonijiet u f’ċerti każijiet previsti speċifikament, jikkostitwixxu eċċezzjoni għas-sistema normali ta’ importazzjonijiet u ta’ esportazzjonijiet u, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet li jipprevedu tali rimbors jew tali maħfra għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 2009, Agrar-Invest-Tatschl vs Il-Kummissjoni, C-552/08 P, Ġabra p. I-9265, punti 52 u 43, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
23 |
Fir-rigward tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, hemm lok li jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jieħdu inkunsiderazzjoni a posteriori dazji fuq l-importazzjoni ħlief jekk jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Jeħtieġ, l-ewwel nett, li d-dazji ma jkunux inġabru b’riżultat ta’ żball tal-awtoritajiet kompetenti nfushom, it-tieni nett, li l-iżball imwettaq minn dawn ikun ta’ natura li ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju li taġixxi in bona fides u, fl-aħħar nett, li din tal-aħħar tosserva d-dispożizzjonijiet kollha previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali tagħha. Meta dawn il-kundizzjonijiet jkunu ssodisfatti, il-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju għandha dritt li ma jsirx l-irkupru a posteriori (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 2007, Agrover, C-173/06, Ġabra p. I-8783, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
24 |
Fir-rigward tal-ewwel waħda fost dawn il-kundizzjonijiet, għandu wkoll jitfakkar li l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali għandu bħala għan li jipproteġi l-aspettattivi leġittimi tal-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju fir-rigward tal-fondatezza tal-elementi kollha involuti fid-deċiżjoni dwar jekk id-dazji għandhomx jiġi rkuprati jew le. Madankollu, l-aspettattivi leġittimi tal-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju jistħoqilhom il-protezzjoni prevista minn dan l-artikolu biss jekk huma l-awtoritajiet kompetenti “stess” li ħolqu l-bażi li fuqha huma bbażati l-aspettattivi ta’ din il-persuna. B’hekk, huma l-iżbalji li seħħew minħabba l-aġir pożittiv tal-awtoritajiet kompetenti biss li jagħtu lok għal nuqqas ta’ rkupru a posteriori tad-dazji doganali (ara s-sentenza Agrover, punt 23 iktar ’il fuq, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
Bħala prinċipju, din il-kundizzjoni ma tistax titqies li hija sodisfatta meta l-awtoritajiet kompetenti jiġu indotti fi żball minħabba dikjarazzjonijiet mhux eżatti tal-esportatur, fejn dawn ma ġewx ivverifikati jew ma ġietx evalwata l-validità. F’każ simili, hija l-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju li għandha ssostni r-riskju li jirriżulta minn dokument kummerċjali li jirriżulta li jkun falz waqt kontroll sussegwenti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Novembru 2002, Ilumitrónica, C-251/00, Ġabra p. I-10433, punti 43 u 44, u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li wettqu żball meta huma ma jkunu qajmu ebda oġġezzjoni dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija mwettqa mill-operatur ekonomiku fid-dikjarazzjonijiet doganali tiegħu u li dawn id-dikjarazzjonijiet kien fihom l-informazzjoni fattwali kollha neċessarja għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, b’mod li kontroll ulterjuri li jistgħu jagħmlu l-awtoritajiet kompetenti ma jistax jiżvela element ġdid. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ meta d-dikjarazzjonijiet doganali kollha ppreżentati mill-operatur ekonomiku jkunu ġew ikkompletati, fejn kienu jsemmu, b’mod partikolari, l-indikazzjoni tal-merkanzija skont l-ispeċifikazzjonijiet tan-Nomenklatura maġenb l-intestatura tariffarja ddikjarata, u meta l-importazzjonijiet inkwistjoni kienu ta’ ċerta numru u li seħħew matul perijodu relattivament twil mingħajr ma l-intestatura tariffarja tkun ġiet ikkontestata (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ April 1993, Hewlett Packard France, C-250/91, Ġabra p. I-1819, punti 19 u 20, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata u fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ LGK 131 u 8471, li l-awtoritajiet doganali Daniżi ma kienu wettqu ebda żball, sa fejn ebda ITT ma kienet inħarġet lir-rikorrenti għal dawn il-prodotti (premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti kienet aġixxiet in bona fides u kienet ikkonformat ruħha mad-dispożizzjonijiet kollha fis-seħħ f’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali (premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata). |
27 |
L-ewwel nett, hemm lok li mill-ewwel jiġu miċħuda l-argumenti tal-Kummissjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata u ripetuti quddiem il-Qorti Ġenerali intiżi sabiex jiġi kkunsidrat, essenzjalment, li l-assenza ta’ għoti ta’ ITT ma tippermettix li jiġi kkonstatat żball mill-awtoritajiet doganali. Fil-fatt, il-fatt li r-rikorrenti ma talbitx ITT għall-prodotti kkonċernati ma jfissirx, għaldaqstant, li l-awtoritajiet doganali ma wettqux żball. Kull interpretazzjoni oħra ċċaħħad is-sens mill-Artikolu 22(2)(b) tal-Kodiċi Doganali. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li l-awtoritajiet doganali setgħu wettqu żball f’sitwazzjonijiet fejn ir-rikorrenti ma kinitx detentur jew ma kinitx talbet ITT (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost, 314/85, Ġabra p. 4199). |
28 |
It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet doganali Daniżi wettqu żball ta’ klassifikazzjoni tariffarja waqt l-għoti tal-ITT (premessi 24 u 33 tad-deċiżjoni kkontestata). |
29 |
It-tielet nett, il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, li, mix-xahar ta’ Novembru 1999, jiġifieri qabel tmiem il-perijodu ta’ importazzjoni inkwistjoni ta’ LGK 131 u 8471, li kien japplika mill-1 ta’ Settembru 1997 sat-2 ta’ Awwissu 2000, l-awtoritajiet doganali Daniżi kienu jafu li l-intestatura tariffarja tal-prodotti li kienu bbenefikaw minn ITT kienet żbaljata, mingħajr madankollu ma rrevokaw din l-ITT. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li l-analiżi magħmula mill-awtoritajiet doganali Daniżi kienet tirrigwarda mhux biss prodotti li bbenefikaw minn ITT, iżda wkoll fuq il-LGK 131, li ma bbenefikax minn ITT (premessi 9 u 10 tad-deċiżjoni kkontestata). Bħala konsegwenza, l-awtoritajiet doganali Daniżi kienu jafu, sa mix-xahar ta’ Novembru 1999, li l-intestatura tariffarja ta’ wieħed miż-żewġ prodotti kkonċernati minn din il-kawża kienet żbaljata. Huma madankollu stennew is-27 ta’ Novembru 2000 qabel ma bdew proċedura ta’ rkupru (premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata). Huma lanqas ma rrevokaw, minkejja li kellhom il-possibbiltà li jagħmlu dan, l-ITT li kienet valida u li kienet ser tiskadi fit-12 ta’ April 2000. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, bejn ix-xahar ta’ Novembru 1999 u x-xahar ta’ Novembru 2000, ir-rikorrenti importat, taħt l-intestatura tariffarja 3504 tan-Nomenklatura, madwar 240 t ta’ LGK 131, fi 13-il tranżazzjoni ta’ importazzjoni, u 40 t ta’ LGK 8471, f’żewġ tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni, filwaqt li l-awtoritajiet doganali Daniżi kienu jafu li l-intestatura tariffarja ta’ LGK, fis-sens wiesa’ u b’mod partikolari tal-LGK 131, kienet żbaljata. Fl-aħħar nett, fir-rigward speċifikament tal-LGK 131, hemm lok li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li tindika l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, l-importazzjonijiet ta’ dan il-prodott mir-rikorrenti kienu sinjifikattivi matul il-perijodu ta’ importazzjoni inkwistjoni, peress li huma kienu jirrappreżentaw diversi mijiet ta’ tunnellati u 45 tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni. Hemm lok li jingħad li l-partijiet ftiehmu, bħal ma ġie kkonfermat waqt is-seduta, fuq il-fatt li l-prodotti kkonċernati, sa fejn kienu jikkostitwixxu proteini tax-xorrox, ma setgħux jiġu kklassifikati taħt l-intestatura tariffarja 3504 tan-Nomenklatura, bħal ma għaldaqstant għamlu l-awtoritajiet Daniżi fl-ITT. L-awtoritajiet doganali Daniżi barra minn hekk irrikonoxxew dan il-fatt, peress li, fid-deċiżjoni tagħhom tas-27 ta’ Novembru 2000 li jieħdu inkunsiderazzjoni a posteriori d-dazji fuq l-importazzjoni, huma indikaw li “[l]-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi merkanzija 3504 [kienet] eskluża, peress illi dawn [ma kinux] proteini tal-ħalib, iżda proteini tax-xorrox”. Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-prodotti inkwistjoni fid-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni, li kienet tirreferi speċifikament għall-proteina tax-xorrox, jiġifieri l-“lattoglobulina”, l-awtoritajiet doganali jmisshom kienu fil-pożizzjoni li jindunaw bl-iżball ta’ klassifikazzjoni tariffarja. |
30 |
Fir-raba’ lok, hemm lok li jiġi rrilevat li, la l-awtoritajiet doganali Daniżi u lanqas il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ma kkontestaw in-natura kompleta tad-dikjarazzjonijiet doganali kollha ppreżentati mir-rikorrenti. B’mod partikolari, l-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li “kien jirriżulta mit-talba li l-persuna kkonċernata [kellha] tiġi kkunsidrata bħala li aġixxiet in bona fides u li osservat id-dispożizzjonijiet fis-seħħ kollha f’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali” (premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-affermazzjoni tal-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha skont liema “l-indikazzjoni tal-merkanzija fid-dikjarazzjoni ma kinitx kompleta” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għalhekk ma hijiex sostnuta fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk il-Kummissjoni ma kinitx fil-pożizzjoni, waqt is-seduta, li tindika bażi legali li tippermetti li jiġi kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet doganali mwettqa mir-rikorrenti ma kinux kompleti. Minbarra dan, fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti ma ppreżentat ebda dokumentazzjoni teknika li tikkonċerna l-LGK 131 u 8471 li tippermetti li tiġi ddeterminata l-intestatura tariffarja tagħhom, hemm lok li jitfakkar li l-LGK 131 kien jagħmel parti minn prodotti li kienu ġew suġġetti għal analiżi teknika min-naħa tal-awtoritajiet doganali fl-1999 (premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata). Minbarra dan, huwa paċifiku li l-LGK 131 u 8471 kienu ġew ikklassifikati, mill-awtoritajiet doganali Daniżi, wara kontroll, fl-istess intestatura tariffarja bħall-LGK l-oħra, inklużi l-LGK li kienu bbenefikaw minn ITT. Fl-aħħar nett, hemm lok li jitfakkar li l-partijiet jaqblu fuq il-fatt li l-prodotti kkonċernati, sa fejn kienu jikkostitwixxu proteini tax-xorrox, ma setgħux jiġu kklassifikati taħt l-intestatura tariffarja 3504 tan-Nomenklatura. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-indikazzjoni tal-merkanzija fid-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni tar-rikorrenti, jiġifieri “lattoglobulina”, jiġifieri proteina tax-xorrox, kienet suffiċjentement preċiża sabiex tippermetti lill-awtoritajiet doganali li jiddeterminaw, tal-inqas, li l-prodotti inkwistjoni ma kellhomx jiġu kklassifikati taħt din l-intestatura tariffarja. |
31 |
Il-ħames nett, waqt intervista telefonika mar-rikorrenti fit-2 ta’ Novembru 1995, l-awtoritajiet doganali Daniżi ppreċiżaw li ma kienx neċessarju li tinkiseb ITT għal prodott, f’dan il-każ il-LGK 450, li kien wara t-talba mressqa mir-rikorrenti “fil-parti l-kbira identiku” ma’ prodott li kien jibbenefika minn ITT, f’dan il-każ il-LGK 472. Din l-intervista telefonika ġiet ikkonfermata b’ittra indirizzata mir-rikorrenti lill-awtoritajiet doganali Daniżi fit-3 ta’ Novembru 1995, mingħajr ma l-kontenut ta’ din l-ittra ma ġie ulterjorment ikkontestat, kif tirrileva l-Kummissjoni fil-premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata. L-awtoritajiet doganali stess, filwaqt li jirreferu għall-argumenti tar-rikorrenti ppreżentati quddiemhom, isemmu l-eżistenza u l-kontenut ta’ din l-intervista telefonika fit-talba tagħhom indirizzata lill-Kummissjoni. Din is-sitwazzjoni ta’ fatt barra minn hekk wasslet lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi, fl-istess premessa tad-deċiżjoni kkontestata, li l-awtoritajiet doganali Daniżi kienu wettqu żball fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ LGK 450 preċedenti għat-13 ta’ April 2000. |
32 |
Fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni f’din il-kawża, il-Kummissjoni tirrileva fil-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont it-talba indirizzata mill-awtoritajiet doganali Daniżi, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni u l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni huma ġġustifikati sa fejn “il-prodotti mhux koperti minn ITT huma mill-perspettiva tal-klassifikazzjoni tariffarja identiċi għall-prodotti li għalhom ITT kienet inħarġet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din il-konstatazzjoni fattwali ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. |
33 |
Minbarra dan, hemm lok li jiġi enfasizzat li, indipendentement mill-intestatura tariffarja magħżula mill-awtoritajiet doganali Daniżi fl-avviż ta’ rkupru tagħhom, l-LGL kollha inkwistjoni kienu dejjem ġew ikklassifikati taħt l-istess intestatura tariffarja. Minn dan jirriżulta li, għall-awtoritajiet doganali Daniżi, l-LGK 131 u 8471 kienu prodotti identiċi, fuq il-livell tariffarju, għal-LGK importati oħra, li jinkludu dawk li bbenefikaw minn ITT. Din l-evalwazzjoni hija wkoll sostnuta mit-talba tal-awtoritajiet doganali Daniżi indirizzata lill-Kummissjoni, li fiha kien ġie ppreċiżat li “l-kampjuni kollha kellhom kontenut globali fi proteina ta’ mill-inqas 80 % f’piż ikkalkolat fuq materja niexfa” jew li l-prodotti inkwistjoni kienu “kkostitwiti minn konċentrati ta’ diversi proteini tax-xorrox li fihom iktar minn 80 % ta’ proteini tax-xorrox bħala piż”. Din il-konstatazzjoni fattwali hija adottata wkoll mil-Landsskatteretten fid-deċiżjoni tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2007. Issa, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-partijiet fl-osservazzjonijiet tagħhom, issir esklużivament distinzjoni, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodotti inkwistjoni, bejn prodotti li għandhom kontenut fi proteina tax-xorrox ogħla minn 80 % u dawk li għandhom kontenut fi proteina tax-xorrox inqas minn 80 %. Minn dan jirriżulta li l-prodotti inkwistjoni, skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet doganali Daniżi, kienu effettivament identiċi mill-perspettiva tal-klassifikazzjoni tariffarja, ħaġa li l-Kummissjoni rrikonoxxiet waqt is-seduta. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma kinitx fil-pożizzjoni li tindika, waqt is-seduta, differenzi rilevanti bejn l-LGK inkwistjoni li kienu jippermettu li jiġi kkunsidrat li dawn l-LGK ma kinux jikkostitwixxu tip wieħed ta’ merkanzija fis-sens tal-leġiżlazzjoni doganali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Diċembru 2010, Schenker, C-199/09, Ġabra p. I-12311, punt 24). Barra minn hekk il-Kummissjoni qatt ma kkontestat l-affermazzjoni tal-awtoritajiet doganali Daniżi rigward l-identità tal-prodotti inkwistjoni mill-perspettiva tariffarja, u lanqas ma fformulat talbiet għal informazzjoni addizzjonali. Hemm lok li jiġi enfasizzat, fuq dan il-punt, li, skont l-Artikolu 871(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), meta jirriżulta li l-elementi ta’ informazzjoni kkomunikati mill-Istat Membru huma insuffiċjenti sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni b’għarfien sħiħ tal-fatti dwar il-każ li jitressaq quddiemha, il-Kummissjoni tista’ titlob lil dan l-Istat Membru jew lil kull Stat Membru ieħor, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni addizzjonali. Jirriżulta minn dan kollu li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti setgħet tikkunsidra li l-LGK 131 u 8471, anki jekk ma bbenefikawx minn ITT, kellhom jiġu kklassifikati taħt l-istess intestatura tariffarja bħall-prodotti li jibbenefikaw jew li kienu bbenefikaw minn ITT. |
34 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-awtoritajiet doganali Daniżi wettqu żball, fis-sens tal-Artikolu 22(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-LGK 131 u 8471. Id-deċiżjoni kkontestata hija għaldaqstant ivvizzjata b’illegalità f’dan ir-rigward, sa fejn hija bbażata fuq l-assenza ta’ tali żball. |
35 |
Bħala konsegwenza, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat it-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti sussidjarjament, hemm lok li l-ewwel motiv tar-rikors jintlaqa’ u li bħala konsegwenza, jiġi annullat l-Artikolu 1(2) u (4) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ LGK 131 u 8471. |
Fuq l-ispejjeż
36 |
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Forwood Dehousse Schwarcz Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Ottubru 2012. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.