Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011FJ0103

    SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla) 10 ta’ Lulju 2014.
    CG vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).
    Servizz pubbliku — Persunal tal-BEI — Fastidju psikoloġiku — Proċedura ta’ investigazzjoni — Deċiżjoni tal-President li ma jittiħdux passi fir-rigward ta’ lment — Opinjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni — Definizzjoni żbaljata ta’ fastidju psikoloġiku — Natura intenzjonata tal-aġir — Konstatazzjoni tal-eżistenza tal-aġir u tas-sintomi ta’ fastidju psikoloġiku — Riċerka ta’ rabta kawżali — Assenza — Inkoerenza tal-opinjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Nuqqasijiet amministrattivi — Dmir ta’ kunfidenzjalità — Protezzjoni tad-data personali — Rikors għad-danni.
    Kawża F‑103/11.

    ECLI identifier: ECLI:EU:F:2014:185

    SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

    TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

    10 ta’ Lulju 2014 (*)

    “Servizz pubbliku – Persunal tal-BEI – Fastidju psikoloġiku – Proċedura ta’ investigazzjoni – Deċiżjoni tal-President li ma jittiħdux passi fir-rigward ta’ lment – Opinjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni – Definizzjoni żbaljata ta’ fastidju psikoloġiku – Natura intenzjonata tal-aġir – Konstatazzjoni tal-eżistenza tal-aġir u tas-sintomi ta’ fastidju psikoloġiku – Riċerka ta’ rabta kawżali – Assenza – Inkoerenza tal-opinjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Nuqqasijiet amministrattivi – Dmir ta’ kunfidenzjalità – Protezzjoni tad-data personali – Rikors għad-danni”

    Fil-Kawża F‑103/11,

    li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE,

    CG, membru tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, residenti f’Sandweiler (il-Lussemburgu), inizjalment irrappreżentata minn N. Thieltgen, sussegwentement minn J.‑N. Louis u D. de Abreu Caldas, avukati,

    rikorrenti,

    sostnuta minn

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), inizjalment irrappreżentat minn I. Chatelier u H. Kranenborg, sussegwentement minn I. Chatelier u A. Buchta, bħala aġenti,

    intervenjent,

    vs

    Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), irrappreżentat minn G. Nuvoli u T. Gilliams, bħala aġenti, assistiti minn A. Dal Ferro, avukat,

    konvenut,

    IT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),

    kompost minn M. I. Rofes i Pujol, (Relatur), President, K. Bradley u J. Svenningsen, Imħallfin,

    Reġistratur: J. Tomac, Amministratur,

    wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Marzu 2014,

    jagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-11 ta’ Ottubru 2011, CG titlob, essenzjalment, lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jannulla d-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011 tal-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment (iktar ’il quddiem il-“BEI” jew il-“Bank”) li ma jittiħdux passi fir-rigward tal-ilment tagħha dwar fastidju psikoloġiku u jikkundanna lill-Bank jikkumpensa d-danni materjali u morali li hija tqis li ġarrbet minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lullju 2011, minħabba l-fastidju allegatament imġarrab u minħabba nuqqasijiet amministrattivi imputabbli lill-Bank.

     Il-kuntest ġuridiku

    2        Skont l-Artikolu 308 TFUE, l-Istatut tal-Bank huwa stabbilit fi Protokoll anness mat-Trattat FUE u mat-Trattat UE, li tagħhom jifforma parti integrali.

    3        L-Artikolu 7(3)(h) tal-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment jipprovdi li l-Bord tal-Gvernaturi għandu japprova r-regoli tal-proċedura tal-Bank. Dawn ir-regoli ġew approvati fl-4 ta’ Diċembru 1958 u kienu emendati diversi drabi. Skont dawn ir-regoli, id-dispożizzjonijiet dwar il-persunal tal-Bank għandhom jiġu adottati mill-Bord tad-Diretturi.

    4        Fl-20 ta’ April 1960, il-Bord tad-Diretturi adotta r-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank. Fil-verżjoni tiegħu applikabbli għal din it-tilwima, l-Artikolu 14 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-persunal tal-Bank huwa kompost minn tliet kategoriji ta’ membri tal-persunal, skont il-funzjoni eżerċitata: l-ewwel kategorija tikkonċerna l-persunal f’pożizzjoni maniġerjali u tiġbor fiha żewġ funzjonijiet, il-funzjoni “maniġer ta’ livell għoli” u l-“funzjoni C”; it-tieni kategorija tikkonċerna l-persunal f’pożizzjoni eżekuttiva u tiġbor fiha tliet funzjonijiet, il-“funzjoni D”, il-“funzjoni E” u l-“funzjoni F”; it-tielet kategorija tikkonċerna l-persunal amministrattiv u tiġbor fiha erba’ funzjonijiet.

    5        L-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

    “Kull tilwima ta’ natura individwali bejn il-Bank u l-membri tal-persunal tiegħu għandha titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea].

    [...]”

    6        Il-Kodiċi ta’ kondotta tal-persunal tal-Bank, kif approvat fl-1 ta’ Awwissu 2006 mill-Bord tad-Diretturi tal-Bank (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ kondotta”), jipprovdi, fl-Artikolu 3.6 tiegħu, intitolat “Dinjità fix-xogħol”:

    “Ebda forma ta’ fastidju jew ta’ intimidazzjoni ma hija aċċettabbli. Kull vittma ta’ fastidju jew ta’ intimidazzjoni jista’, skont il-politika tal-Bank fil-qasam tad-dinjità fix-xogħol, jindirizza ruħu lid-Direttur [tad-Dipartiment tar-riżorsi umani], mingħajr ma dan jista’ jintuża kontra tiegħu. Il-Bank huwa obbligat jaġixxi bi premura fir-rigward tal-individwu kkonċernat u għandu joffrilu l-assistenza tiegħu.

    3.6.1 Fastidju psikoloġiku

    Ikun hemm fastidju psikoloġiku meta, fuq perijodu pjuttost twil, ikunu rrepetuti kliem, attitudnijiet jew aġir ostili jew mhux f’lokhom, espressi jew manifesti minn membru jew iktar tal-persunal fil-konfront ta’ membru ieħor tal-persunal. Meta jintqal kumment offensiv jew meta, fil-kuntest ta’ argument, jintqal kliem mhux pjaċevoli minħabba rabja ma jfissirx li hemm fastidju psikoloġiku. Għall-kuntrarju, eċċessi ta’ rabja regolari, aġir aggressiv (intimidazzjoni), kummenti jew referenzi offensivi, li jkunu rrepetuti b’mod regolari għal diversi ġimgħat jew xhur huma indizji, mingħajr ebda dubju, ta’ fastidju fuq ix-xogħol.

    […]”

    7        Fl-2003, il-Bank adotta l-politika dwar id-dinjità fix-xogħol imsemmija fl-Artikolu 3.6 tal-Kodiċi ta’ kondotta (iktar ’il quddiem il-“politika”). L-Artikolu 2.1 tal-politika, intitolat “Definizzjonijiet: intimidazzjoni u fastidju: x’inhuma?”, jipprovdi:

    “Il-[Kodiċi ta’ kondotta], fil-punt 3.6, jipprovdi li l-fastidju ma huwiex aċċettabbli u jinkludi xi definizzjonijiet ta’ fastidju. Ma hemmx definizzjoni waħda ta’ fastidju peress li l-fastidju u l-intimidazzjoni jistgħu jieħdu, it-tnejn li huma, diversi forom. Ta’ natura fiżika jew verbali, il-manifestazzjonijiet tagħhom ħafna drabi jseħħu fuq perijodu ta’ żmien, għalkemm jista’ jkun hemm ukoll inċidenti serji ta’ darba. Il-kwistjoni ta’ jekk l-aġir inkwistjoni jkunx intenzjonat jew le ma hijiex rilevanti. Il-prinċipju determinanti huwa li l-fastidju u l-intimidazzjoni huma tipi ta’ aġir mhux mixtieqa u inaċċettabbli li jippreġudikaw l-istima u l-kunfidenza li l-individwu li jkun is-suġġett ta’ dan l-aġir ikollu fih innifsu.

    […]”

    8        Il-politika tistabbilixxi żewġ proċeduri interni maħsuba sabiex jiġu indirizzati l-każijiet ta’ intimidazzjoni u ta’ fastidju, jiġifieri, minn naħa, proċedura informali, li permezz tagħha l-membru tal-persunal ikkonċernat ifittex soluzzjoni bonarja għall-problema, u, min-naħa l-oħra, proċedura formali ta’ investigazzjoni, li permezz tagħha dan il-membru jippreżenta uffiċjalment ilment li jiġi ttrattat minn kumitat ta’ investigazzjoni kompost minn tliet persuni. L-inkarigu ta’ dan il-kumitat ta’ investgiazzjoni huwa li jwettaq investigazzjoni oġġettiva u indipendenti u li jagħti opinjoni b’rakkomandazzjoni mmotivata lill-President tal-Bank, li fl-aħħar mill-aħħar huwa responsabbli sabiex jiddeċiedi dwar x’miżuri għandhom jittieħdu.

    9        Fir-rigward tal-proċedura ta’ investigazzjoni, il-politika tipprovdi:

    “Il-membru tal-persunal għandu jressaq il-każ, oralment jew bil-miktub, għall-attenzjoni [tad-Direttur tad-Dipartiment tar-riżorsi umani]. Jekk dan jikkunsidra li l-każ ma huwiex każ immedjat u ċar għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet dixxiplinari u li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, dan il-każ jista’ jiġi kklassifikat bħala fastidju, il-membru tal-persunal ikkonċernat jista’ jiskatta l-proċedura ta’ investigazzjoni b’dan il-mod:

    1.      Il-membru tal-persunal għandu jitlob uffiċjalment [lid-Direttur tad-Dipartiment tar-riżorsi umani], bil-miktub, sabiex jiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni, filwaqt li jindika s-suġġett tal-ilment u l-identità tal-persuna jew tal-persuni li allegatament huma responsabbli għall-fastidju.

    2.      [Id-Direttur tad-Dipartiment tar-riżorsi umani], bi qbil mar-rappreżentanti tal-persunal, għandu jipproponi lill-President [tal-Bank] il-kompożizzjoni tal-kumitat u għandu jiffissa data għall-bidu tal-investigazzjoni, li ma għandhiex tkun iktar tard minn 30 jum tal-kalendarju wara li jkun wasal l-ilment.

    3.      [Id-Direttur tad-Dipartiment tar-riżorsi umani] għandu jikkonferma immedjatament li rċieva n-nota tal-membru tal-persunal ikkonċernat, filwaqt li [b’hekk] jikkonferma[lu] l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk:

    a.      huwa għandu jitlob lill-membru tal-persunal ikkonċernat jesponi l-ilment tiegħu f’memorandum [...],

    […]

    c.       huwa għandu jindika li, wara li jasal il-memorandum imsemmi iktar ’il fuq, il-persuna li allegatament hija responsabbli għall-fastidju ser tiġi informata bis-suġġett tal-ilment u ser tingħata l-informazzjoni neċessarji f’dan ir-rigward, iżda li din il-persuna ma hijiex ser tingħata kopja tal-memorandum,

    […]

    e.      huwa għandu jinforma [lil-lanjant] li l-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju ser tiġi mfakkra li [l-lanjant] f’ebda mument ma jista’ jiġi kkonfrontat dwar il-każ u li l-ilment għandu jiġi ttrattat b’mod strettament kunfidenzjali miż-żewġ partijiet (permezz ta’ nota li għandha tkun iddatata u li għandha tintbagħat lura [lid-Direttur tad-Dipartiment tar-riżorsi umani] b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta),

    […]

    4.      Meta jasal il-memorandum [tal-lanjant], [id-Direttur tad-Dipartiment tar-riżorsi umani]:

    a.      għandu jibgħat mingħajr dewmien nota lill-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju fejn jippreċiża s-suġġett tal-ilment u kull informazzjoni neċessarja u għandu jitlobha tibgħatlu fi żmien għaxart’ijiem, b’mod kunfidenzjali, risposta bil-miktub flimkien, jekk tkun tixtieq, ma’ dokumenti ta’ sostenn jew provi,

    […]

    c.      għandu jfakkar lill-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju li l-lanjant f’ebda mument ma jista’ jiġi kkonfrontat dwar il-każ u li l-ilment għandu jiġi ttrattat b’mod strettament kunfidenzjali miż-żewġ partijiet (permezz ta’ nota li għandha tkun iddatata u li għandha tintbagħat lura [lid-Direttur tad-Dipartiment tar-riżorsi umani] b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta).

    […]”

    10      Fir-rigward tas-smigħ, il-politika tipprovdi dan li ġej:

    “L-għan tas-smigħ huwa li jiġi stabbilit bi preċiżjoni x’seħħ u li jinġabru l-fatti li fuq il-bażi tagħhom tkun tista’ tiġi stabbilita rakkomandazzjoni mmotivata. [...]

    [...] Il-kumitat għandu l-possibbiltà li jimxi bil-mod li huwa jidhirlu xieraq. Bħala regola ġenerali, is-smigħ għandu jsir fil-forma ta’ sensiela ta’ intervisti separati, imwettqa f’dan l-ordni:

    –        l-ewwel nett, [il-lanjant;]

    –        ix-xhieda li jistgħu jissemmew [mil-lanjant;]

    –        il-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju[;]

    –        ix-xhieda li jistgħu jissemmew mill-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju[;]

    […]”

    11      Fir-rigward tar-riżultat tal-investigazzjoni, il-politika tipprovdi:

    “Meta jkunu nstemgħu l-partijiet kollha u meta jkunu twettqu l-investigazzjonijiet adegwati l-oħra kollha li jistgħu jkunu meħtieġa, il-kumitat għandu jkun f’pożizzjoni li jiddelibera u li jipproponi rakkomandazzjoni mmotivata. Dan il-kumitat ma għandux is-setgħa li jieħu deċiżjoni.

    Il-kumitat jista’ jesprimi diversi rakkomandazzjonijiet maħsuba sabiex:

    […]

    –        tinfetaħ il-proċedura dixxiplinari [fir-rigward tal-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju].

    […]”

    12      Fir-rigward tad-deċiżjoni finali meħuda mill-President tal-Bank, il-politika tipprovdi:

    “Id-deċiżjoni tal-President [tal-Bank] għandha tispeċifika l-miżuri li eventwalment għandhom jittieħdu, kif ukoll l-iskeda ta’ żmien li fihom għandhom jittieħdu; dawn jistgħu jkunu, pereżempju:

    –        l-implementazzjoni ta’ proċedura dixxiplinari [fir-rigward tal-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju],

    […]”

    13      Skont l-Anness I tal-politika, din għandha tinqara flimkien mal-Kodiċi ta’ kondotta u mar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank.

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    14      Ir-rikorrenti kienet irreklutata mill-Bank fis-16 ta’ Lulju 1998 fil-funzjoni E tal-kategorija tal-persunal f’pożizzjoni eżekuttiva.

    15      Fl-1 ta’ April 2001, ir-rikorrenti kienet promossa għall-iskala 1 tal-funzjoni D tal-kategorija tal-persunal f’pożizzjoni eżekuttiva.

    16      Bejn l-1 ta’ Lulju 2001 u l-1 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti kienet taħt is-superviżjoni ġerarkika tas-Sur Y, l-ewwel fil-kuntest ta’ proġett u mbagħad fi ħdan id-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-ġestjoni tar-riskji (iktar ’il quddiem id-“DĠ ‘Ġestjoni tar-riskji’”), fejn kienet tokkupa l-pożizzjoni ta’ kap tal-Unità “Riskji tal-kambju” fid-Dipartiment tar-riskju finanzjarju, li tiegħu Y kien id-direttur. Fil-kuntest ta’ dawn il-funzjonijiet, ir-rikorrenti kienet taħdem ukoll b’kollaborazzjoni mill-qrib mas-Sur X, direttur tad-Dipartiment tar-riskju ta’ kreditu fid-DĠ “Ġestjoni tar-riskji”.

    17      Fl-1 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti nħatret kap tad-Diviżjoni “Koordinazzjoni” (iktar ’il quddiem id-“Diviżjoni tal-koordinazzjoni”) fi ħdan id-DĠ “Ġestjoni tar-riskji” u ġiet promossa għall-funzjoni C tal-kategorija tal-persunal f’pożizzjoni maniġerjali. Dak iż-żmien, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Ġestjoni tar-riskji” kellu taħt is-superviżjoni diretta tiegħu lil X u lil Y, rispettivament direttur tad-Dipartiment tar-riskju ta’ kreditu u direttur tad-Dipartiment tar-riskju finanzjarju, kif ukoll lir-rikorrenti. Fid-data tal-preżentata tar-rikors, ir-rikorrenti kienet għadha tokkupa din il-pożizzjoni.

    18      Mit-23 ta’ Jannar sat-8 ta’ Marzu 2008, ir-rikorrenti kienet fuq leave tal-mard u mid-9 ta’ Marzu sat-28 ta’ Lulju 2008 fuq leave tal-maternità; sussegwentement, sat-12 ta’ Settembru 2008, hija kienet fuq leave annwali.

    19      Fir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti dwar is-sena 2008, l-evalwatur ikkunsidra li r-rendiment tagħha kien konformi mal-aspettattivi b’mod ġenerali u r-rikorrenti ngħatat bonus.

    20      Fir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti dwar l-ewwel nofs tas-sena 2009, l-evalwatur ikkonkluda li r-rendiment tar-rikorrenti kien tajjeb ħafna. Ir-rikorrenti ngħatat żieda fis-salarju ekwivalenti għal tliet skali żgħar u bonus.

    21      Fl-1 ta’ Mejju 2010, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Gestjoni tar-riskji” nħatar f’pożizzjoni oħra fi ħdan il-Bank. X inħatar aġent Direttur Ġenerali tad-DĠ “Ġestjoni tar-riskji” għall-bqija tas-sena 2010 u sat-30 ta’ Marzu 2011. Matul dan il-perijodu, is-Sur Z okkupa temporanjament il-pożizzjoni li kellu X bħala direttur tad-Dipartment tar-riskju ta’ kreditu.

    22      Kemm ir-rikorrenti u kemm X u Y applikaw għall-pożizzjoni ta’ Direttur Ġenerali tad-DĠ “Gestjoni tar-riskji” u r-rikorrenti, min-naħa tagħha, ippreżentat il-kandidatura tagħha wkoll għall-pożizzjoni ta’ direttur tad-Dipartiment tar-riskju ta’ kreditu. La l-kandidaturi ta’ X u ta’ Y u lanqas dawk tar-rikorrenti ma kellhom eżitu pożittiv.

    23      Mill-4 ta’ Mejju 2010, ir-rikorrenti bbenefikat minn leave tal-mard għal żmien twil. Fid-dawl tal-assenza tagħha, uħud mir-responsabbiltajiet tagħha bħala kap tad-Diviżjoni tal-koordinazzjoni tqassmu, b’mod partikolari, lil X, Y u Z.

    24      Fit-28 ta’ Ġunju 2010, it-tabib li kien qiegħed jieħu ħsieb lir-rikorrenti ċċertifika, fuq talba tagħha, li l-istat tas-saħħa tagħha kien jeħtieġ li tkun mistrieħa f’pożizzjoni mimduda iżda li r-rikorrent setgħet taħdem mid-dar tagħha jekk tkun f’pożizzjoni mimduda jew kważi bilqiegħda, u dan għal tul ta’ żmien, fid-data taċ-ċertifikat mediku, indeterminat. Fuq il-bażi ta’ dan iċ-ċertifikat, ir-rikorrenti talbet sabiex tiġi awtorizzata taħdem mid-dar tagħha, taħt is-sistema ta’ xogħol mid-dar. Il-Bank aċċetta din it-talba għal xogħol mid-dar filwaqt li speċifika li l-istatus tar-rikorrenti kellu jibqa’ dak ta’ persuna fuq leave tal-mard.

    25      Fil-bidu ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti talbet lit-tabib tax-xogħol tal-Bank sabiex jawtorizzaha tidħol ix-xogħol għal nofs ġurnata fil-ġimgħa fl-uffiċċji tal-Bank u sabiex tkompli taħdem taħt is-sistema ta’ xogħol mid-dar. Din it-talba ntlaqgħat.

    26      Fil-15 ta’ Diċembru 2010 ġie maħtur Direttur Ġenerali ġdid tad-DĠ “Gestjoni tar-riskji”, li daħal fil-kariga fl-1 ta’ April 2011.

    27      Għall-perijodu bejn it-8 ta’ Frar u t-3 ta’ April 2011, ir-rikorrenti kienet awtorizzata taħdem nofs il-ħin tax-xogħol minħabba raġunijiet mediċi.

    28      Fit-18 ta’ Frar 2011, ir-rikorenti, skont il-politika, wara li kienet diġà użat il-proċedura informali, ressqet talba sabiex tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni fil-konfront ta’ X u Y. F’din it-talba, ir-rikorrenti sostniet li, sa minn Ġunju 2010 fir-rigward ta’ X u sa minn Settembru 2008 fir-rigward ta’ Y, dawn kienu wettqu fil-konfront tagħha atti ta’ intimidazzjoni u ta’ fastidju, li jikkonsistu, prinċipalment, l-ewwel nett, fl-għoti ta’ informazzjoni żbaljata u fiż-żamma ta’ informazzjoni bil-għan li jnaqqsu l-effikaċja tax-xogħol tagħha; it-tieni nett, fl-iskreditar tagħha permezz tat-tnaqqis tal-importanza tar-rwol u tar-responsabbiltajiet tagħha; it-tielet nett, f’attakki pubbliċi fuq ir-reputazzjoni tagħha kif ukoll f’umiljazzjonijiet pubbliċi u/jew privati; u, ir-raba’ nett, fl-esklużjoni tagħha miċ-ċirku tal-kollegi tagħha permezz tal-esklużjoni mill-iskambji ta’ informazzjoni marbuta max-xogħol.

    29      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Frar 2011, il-Bank irreaġixxa għall-ittra tar-rikorrenti tat-18 ta’ Frar ta’ qabel.

    30      Permezz ta’ ittra tad-Direttur tad-Dipartiment tar-riżorsi umani tat-28 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti ġiet informata bil-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni u ġiet mistiedna sabiex tesponi l-ilment tagħha f’memorandum. F’din l-ittra kien indikat li, wara li jasal dan il-memorandum, il-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju kienu ser jiġu informati dwar is-suġġett tal-ilment, li dawn kienu ser jingħataw kopja tal-memorandum sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża u li, għall-finijiet ta’ reċiproċità u skont l-istess prinċipju, ir-rikorrenti kienet ser tirċievi kopja tar-risposti taż-żewġ persuni allegatament responsabbli għall-fastidju. L-ittra kienet tispeċifika wkoll li lil dawn tal-aħħar kien ser jitfakkar li r-rikorrenti f’ebda mument ma setgħet tiġi kkonfrontata dwar il-każ u li l-ilment kellu jiġi ttrattat b’mod strettament kunfidenzjali miż-żewġ partijiet.

    31      Permezz ta’ memorandum tal-14 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti esponiet l-aġir ta’ fastidju u ta’ intimidazzjoni li ż-żewġ persuni allegatament responsabbli għall-fastidju kienu adottaw fil-konfront tagħha. Ma’ dan il-memorandum kienu annessi numru ta’ dokumenti maħsuba sabiex jipprovaw il-veraċità tal-ilment tagħha. Diversi minn dawn l-annessi kienu jinkludu informazzjoni dwar is-saħħa tar‑rikorrenti, inklużi ċertifikati mediċi, b’mod partikolari dwar inkapaċità għax-xogħol, u skambji ta’ ittri elettroniċi.

    32      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Marzu 2011, id-Direttur tad-Dipartiment tar-riżorsi umani kkonferma li kien irċieva l-memorandum tal-14 ta’ Marzu 2011 u informa lir-rikorrenti li, dakinhar stess, dan il-memorandum kien ġie kkomunikat lil X u lil Y. Il-partijiet jikkonfermaw li d-dokumenti ta’ sostenn annessi mal-memorandum tal-14 ta’ Marzu 2011 kienu ġew ikkomunikati wkoll.

    33      Permezz ta’ memoranda separati tat-28 ta’ Marzu 2011, X u Y ippreżentaw ir-risposti tagħhom għall-memorandum tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti ngħatat kopja ta’ dawn il-memoranda.

    34      Bejn l-4 ta’ April u t-8 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti kienet assenti minħabba leave tal-mard. Sussegwentement, hija reġgħet bdiet taħdem, għal finijiet terapewtiċi, għal nofs il-ħin tax-xogħol u fl-1 ta’ Settembru 2011 reġgħet bdiet taħdem il-ħin tax-xogħol kollu.

    35      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ April 2011 mibgħuta lid-Direttur tad-Dipartiment tar-riżorsi umani, ir-rikorrenti kkontestat il-komunikazzjoni lill-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju tal-memorandum tagħha tal-14 ta’ Marzu 2011 u tad-dokumenti kollha annessi miegħu, meta dawn l-annessi kienu jinkludu diversi elementi ta’ data personali kunfidenzjali b’mod partikolari dwar is-saħħa tagħha.

    36      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ April 2011, id-Direttur tad-Dipartiment tar-riżorsi umani wieġeb għall-ittra tar-rikorrenti u spjega b’mod partikolari li d-dispożizzjonijiet tal-politika dwar il-proċedura ta’ investigazzjoni kienu qegħdin jiġu rreveduti fir-rigward tat-trażmissjoni tad-dokumenti bejn il-partijiet sabiex jitħarsu d-drittijiet tad-difiża u sabiex dawn id-dispożizzjonijiet ikunu konformi mal-Linji gwida l-ġodda maħruġa mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD).

    37      Permezz ta’ ittri elettroniċi tat-28 ta’ April 2011, id-Dipartiment tar-riżorsi umani ġibed l-attenzjoni taż-żewġ persuni allegatament responsabbli għall-fastidju dwar il-fatt li, fost id-dokumenti mibgħuta fis-16 ta’ Marzu 2011, kien hemm numru ta’ dokumenti mediċi li r-rikorrenti kienet ippreżentat fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni u talabhom jittrattaw din id-data ta’ natura medika bl-ikbar kunfidenzjalità possibbli.

    38      Fit-2 ta’ Mejju 2011, il-kumitat ta’ investigazzjoni, innominat mill-President tal-Bank, sema’ lir-rikorrenti kif ukoll lil X u lil Y.

    39      Ħlief għal persuna waħda, ix-xhieda li r-rikorrenti talbet li jidhru quddiem il-kumitat ta’ investigazzjoni rrifjutaw li jippreżentaw ruħhom quddiem il-kumitat. Wara li sema’ x-xhieda indikati minn X kif ukoll il-persuni li, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, xtaq jeżamina, il-kumitat ta’ investigazzjoni ddeċieda li ma jinsistix li jinstemgħu x-xhieda indikati mir-rikorrenti.

    40      Il-kumitat ta’ investigazzjoni ħareġ l-opinjoni tiegħu fil-11 ta’ Lulju 2011 (iktar ’il quddiem l-“opinjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni”). Fir-rigward ta’ X, il-kumitat ta’ investigazzjoni kkonkluda li ma setax “jikkonstata attitudni abbużiva u intenzjonata li tista’ tiġi kklassifikata bħala fastidju min-naħa tiegħu”, u, fir-rigward ta’ Y, wara li kkonstata li wħud mill-inċidenti rrapportati mir-rikorrenti kienu seħħew, il-kumitat ta’ investigazzjoni ma ħax pożizzjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk dawn l-inċidenti kinux jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku. Fl-imsemmija opinjoni, il-kumitat ta’ investigazzjoni għamel numru ta’ rakkomandazzjonijiet għall-attenzjoni tal-Bank.

    41      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Lulju 2011, il-President tal-Bank informa lir-rikorrenti li, fid-dawl tal-opinjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni, kien iddeċieda li ma jiħux passi amministrattivi fir-rigward tal-ilment tagħha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011”). F’din l-ittra, il-President tal-Bank speċifika li d-Direttur tad-Dipartiment tar-riżorsi umani kien għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti sabiex jiddiskuti l-possibbiltà li tiġi ttrasferita mal-kontrollur finanzjarju tal-Bank.

    42      Matul ix-xahar ta’ Awwissu 2011, f’data li ma ġietx speċifikata, ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem il-KEPD dwar il-mod kif ġiet ittrattata d-data personali tagħha mid-dipartimenti tal-Bank fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni. Il-KEPB beda investigazzjoni iżda ssospendiha fit-2 ta’ Frar 2012 fl-istennija ta’ deċiżjoni definittiva mill-qorti tal-Unjoni fil-kawża ineżami.

    43      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Awwissu 2011, ir-rikorrenti ressqet quddiem il-Bank talba għal kumpens maħsuba sabiex jiġi kkumpensat id-dannu kkawżat mill-illegalità tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011 u mill-aġir skorrett fil-konfront tagħha sa minn Settembru 2008 li jikkostitwixxi nuqqas amministrattiv.

    44      Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Settembru 2011, il-President tal-Bank ċaħad it-talba għal kumpens (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-1 ta’ Settembru 2011”).

    45      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Diċembru 2011, il-President tal-Bank talab lill-ex Direttur Ġenerali tad-DĠ “Ġestjoni tar-riskji” sabiex jeżamina l-possibbiltà li r-rikorrenti tiġi ttrasferita f’direttorat ieħor.

    46      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Frar 2012 mibgħuta lill-KEPD, il-Bank wieġeb għal numru ta’ mistoqsijiet li kien għamillu l-KEPD.

     It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

    47      Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

    –        jannulla l-konklużjoni finali tal-opinjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni sa fejn din tistabbilixxi l-assenza ta’ fatti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala fastidju fir-rigward tagħha;

    –        jannulla d-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011;

    –        jikkonstata li hija kienet il-vittma ta’ fatti li taw lok għal fastidju;

    –        jordna lill-Bank itemm dan il-fastidju;

    –        jannulla d-deċiżjoni tal-1 ta’ Settembru 2011;

    –        jikkonstata l-eżistenza ta’ nuqqasijiet amministrattivi imputabbli lill-Bank;

    –        jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Bank fir-rigward tal-illegalità tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011, il-fatti li taw lok għall-fastidju li tiegħu kienet vittma kif ukoll in-nuqqasijiet amministrattivi imputabbli lill-Bank;

    –        jikkundanna lill-Bank jikkumpensa d-danni fiżiċi, morali u materjali tar-rikorrenti kemm fil-passat kif ukoll fil-futur li jirriżultaw mill-illegalità tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011, mill-fastidju psikoloġiju li kienet suġġetta għalih u min-nuqqasijiet amministrattivi imputabbli lill-Bank, liema kumpens għandu jinkludi l-interessi moratorji:

    –        fir-rigward tal-illegalità tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011:

    –        dwar id-danni materjali fir-rigward tat-telf ta’ remunerazzjoni: EUR 113 100;

    –        dwar id-danni morali: EUR 50 000;

    –        fir-rigward tal-fastidju psikoloġiku li kienet suġġetta għalih:

    –        dwar id-danni materjali fir-rigward tat-telf ta’ remunerazzjoni u tat-telf ta’ karriera: EUR 132 100;

    –        dwar id-danni morali: EUR 50 000;

    –        dwar l-ispejjeż ikkawżati: EUR 13 361.93;

    –        fir-rigward tan-nuqqasijiet amministrattivi imputabbli lill-Bank:

    –        dwar il-ksur mill-Bank tal-obbligu tiegħu ta’ kunfidenzjalità u ta’ protezzjoni tad-data: EUR 10 000;

    –        dwar l-inċident li jikkonċerna s-smigħ tax-xhieda: EUR 40 000;

    –        bħala miżura istruttorja, jordna u jipproċedi bis-smigħ tax-xhieda kif speċifikat fl-offerta ta’ prova annessa mar-rikors;

    –        bħala miżura istruttorja, jordna perizja sabiex tiġi kkonstatata l-portata tad-danni materjali u morali tagħha li jirriżultaw mill-illegalità tad-deċiżjoni tas‑27 ta’ Lulju 2011, mill-fastidju psikoloġiku li kienet suġġetta għalih u min-nuqqasijiet amministrattivi imputabbli lill-Bank u li s-suġġett tagħhom huwa spjegat f’iktar dettall fl-offerta ta’ prova annessa mar-rikors;

    –        jikkundanna lill-Bank għall-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedura.

    48      Fir-risposta tiegħu, il-Bank jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

    –        jiċħad ir‑rikors bħala inammissibbli u/jew infondat;

    –        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    49      Permezz ta’ ittra li wasslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-31 ta’ Jannar 2012, il-KEPD talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

    50      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-24 ta’ April 2012, il-KEPD tħalla jintervjeni. In-nota ta’ intervent tal-KEPD waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-1 ta’ Ġunju 2012. F’din in-nota il-KEPD speċifika li huwa kien qiegħed jintervjeni insostenn biss tat-talbiet tar-rikorrenti li jeħtieġu analiżi tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102). Permezz ta’ noti tat-22 ta’ Ġunju 2012 u tat-2 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrenti u l-Bank rispettivament ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-intervent tal-KEPD. Il-Bank talab li jiġu miċħuda t-talbiet imressqa mill-KEPD u li l-KEPD jiġi kkundannat għall-ispejjeż li kkawżalu l-intervent tiegħu.

    51      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Marzu 2012 indirizzata lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikorrenti lmentat li wieħed mill-aġenti li qegħdin jirrappreżentaw lill-Bank fil-kawża ineżami kien ikkuntattja bit-telefown lil waħda mill-persuni li r-rikorrenti kienet ipproponiet bħala xhud fl-offerta ta’ prova annessa mar-rikors tagħha sabiex ikun jaf jekk din il-persuna kellhiex l-intenzjoni tixhed quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b’mod favorevoli għar-rikorrenti. Sussegwentement għal dan il-kuntatt, il-persuna kkonċernata indikat lil kollega tar-rikorrenti li ma xtaqitx tixhed minħabba li kienet qiegħda tibża’ minn ritaljazzjonijiet.

    52      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Mejju 2012, il-Bank ippreżenta osservazzjonijiet dwar l-ittra tar-rikorrenti tat-30 ta’ Marzu 2012.

    53      Permezz ta’ ittri tar-Reġistru tas-17 ta’ Jannar 2014, il-partijiet ġew mistiedna jwieġbu għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Il-partijiet onoraw debitament dawn l-istedini. Fit-tweġiba tagħha, ir-rikorrenti pprovdiet stima ġdida tad-dannu materjali li hija tallega li ġarrbet u sostniet li dan issa jammonta għal EUR 218 800.

    54      Matul is-seduta, ir-rikorrenti rtirat l-ewwel u r-raba’ talbiet tagħha. Hija talbet ukoll lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jindirizza flimkien is-seba’ u t-tmien talbiet tagħha.

     Fuq l-ammissibbiltà

    I –  Fuq it-tielet talba, għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ fastidju

    55      Ir-rikorrenti titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li hija kienet u għadha l-vittma ta’ fastidju psikoloġiku.

    56      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li twettaq konstatazzjonijiet ta’ prinċipju (sentenzi De Nicola vs BEI, T‑120/01 u T‑300/01, EU:T:2004:367, punt 136, u De Nicola vs BEI, T‑264/11 P, EU:T:2013:461, punt 63).

    57      Minn dan isegwi li t-talbiet għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ fastidju huma inammissibbli u għandhom jiġu miċħuda. Sa fejn ir-rikorrenti talbet lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jadotta miżuri istruttorji sabiex jinstemgħu xhieda, bil-għan li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun jista’ jikkonstata dan il-fastidju, ma huwiex neċessarju li jiġu adottati tali miżuri u lanqas ma huwa meħtieġ li tittieħed pożizzjoni dwar il-kwistjoni proċedurali rrapportata mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Marzu 2012.

    II –  Fuq il-ħames talba, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Settembru 2011

    58      Permezz tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Settembru 2011, il-President tal-Bank ċaħad it-talba għal kumpens li r-rikorrenti kienet ressqet fil-25 ta’ Awwissu 2011 sabiex tikseb kumpens għad-danni li hija qieset li ġarrbet minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011 u minħabba l-aġir skorrett tal-Bank fir-rigward tagħha sa minn Settembru 2008 li jikkostitwixxi nuqqas amministrattiv.

    59      Issa, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li, fir-rikors ineżami, ir-rikorrenti tressaq talbiet għad-danni intiżi sabiex jinkiseb kumpens għall-istess danni.

    60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni awtonoma dwar it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Settembru 2011 (ara s-sentenza Verheyden vs Il-Kummissjoni, F‑72/06, EU:F:2009:40, punt 30).

    III –  Fuq is-sitt talba, intiża għall-konstatazzjoni ta’ nuqqasijiet amministrattivi imputabbli lill-Bank

    61      Ir-rikorrenti titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li l-Bank wettaq diversi nuqqasijiet amministrattivi fil-konfront tagħha.

    62      Madankollu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li, fil-kuntest tat-talbiet għad-danni tagħha, ir-rikorrenti titlob, b’mod partikolari, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkundanna lill-Bank jikkumpensa d-danni li dawn l-istess nuqqasijiet amministrattivi allegatament ikkawżawlha. Għaldaqstant, it-talbiet għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ nuqqasijiet amministrattivi jikkostitwixxu talbiet awtonomi li fil-verità huma intiżi li jwasslu lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jirrikonoxxi l-fondatezza ta’ ċerti argumenti invokati insostenn tar-rikors għad-danni tagħha. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, tali talbiet għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli peress li ma huwiex il-kompitu tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jagħmel dikjarazzjonijiet b’forza legali (sentenza A vs Il-Kummissjoni, F-12/09, EU:F:2011:136, punt 83; digriet Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑87/07, EU:F:2008:135, punt 36).

    63      Sussegwentement, it-talbiet għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ nuqqasijiet amministrattivi imputabbli lill-Bank għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

     Fuq it-talbiet għal annullament u fuq it-talbiet għad-danni

    I –  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011

    A –  L-argumenti tal-partijiet

    64      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011 hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni u għandha tiġi annullata. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-opinjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni tinkludi, minn naħa, konstatazzjonijiet allarmanti li kienu jeħtieġu li l-President tal-Bank jieħu xi miżuri, b’mod partikolari sabiex iwaqqaf il-fastidju, minflok ma jiddeċiedi li jagħlaq l-ilment tagħha. F’dan is-sens, skont ir-rikorrenti l-opinjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni wriet l-eżistenza ta’ fatti ta’ attakki fuq ir-reputazzjoni u ta’ umiljazzjonijiet pubbliċi fil-konfront tar-rikorrenti kif ukoll l-iżolament u l-esklużjoni tagħha miċ-ċirku tal-kollegi tagħha. Barra minn hekk, minn din l-opinjoni jirriżulta li Y kien, b’mod intenzjonat, eskludiha mill-pożizzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, l-opinjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni tinkludi r-rakkomandazzjoni li r-rikorrenti tiġi assenjata mill-ġdid fl-interess tagħha u li tiġi integrata mill-ġdid f’pożizzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni li toffrilha prospettivi reali ta’ promozzjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tqis li l-President tal-Bank wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta, fuq il-bażi tal-opinjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni, adotta d-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011 u meta, permezz ta’ din id-deċiżjoni, irrifjuta li jieħu passi amministrattivi fir-rigward tal-ilment tagħha, li jadotta l-miżuri neċessarji sabiex iwaqqaf il-fastidju li tiegħu kienet vittma, li jerġa’ jassenja lir-rikorrenti l-funzjonijiet tagħha jew li jassenjaha mill-ġdid f’pożizzjoni ekwivalenti.

    65      Il-Bank jirribatti li d-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011 ma tikkontradixxix l-opinjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni peress li t-tnejn li huma jikkonstataw l-ineżistenza ta’ fatti ta’ fastidju psikoloġiku fil-konfront tar-rikorrenti. Barra minn hekk, sa fejn segwa f’dan ir-rigward ir-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat ta’ investigazzjoni, il-President tal-Bank stieden lir-rikorrenti, fid-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011, sabiex tikkunsidra trasferiment lejn direttorat ieħor tal-Bank.

    B –  Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

    66      Il-kwistjoni li għandu quddiemu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hija jekk il-President tal-Bank wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta, fid-dawl tal-opinjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni, adotta d-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011. Filwaqt li titħares l-effettività li għandha tiġi rrikonoxxuta lill-marġni ta’ diskrezzjoni tal-President tal-Bank, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku diġà speċifika li żball ikun manifest meta jkun pperċepit b’mod faċli u jkun jista’ jiġi identifikat b’mod evidenti, fid-dawl tal-kriterji li għalihom ikun suġġett l-eżerċizzju tas-setgħa deċiżjonali inkwistjoni (sentenza Canga Fano vs Il-Kunsill, F‑104/09, EU:F:2011:29, punt 35, ikkonfermata fl-appell permezz tas-sentenza Canga Fano vs Il-Kunsill, T‑281/11 P, EU:T:2013:252, punt 127).

    67      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li, fl-opinjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni, huwa speċifikat li dan il-kumitat kien mitlub “jistħarreġ jekk [ir-rikorrenti] kinitx is-suġġett ta’ fastidju u ta’ intimidazzjoni min-naħa ta’ [X u Y], bil-premessa li [għall-kumitat ta’ investigazzjoni] il-fastidju psikoloġiku jfisser kull aġir abbużiv li jitwettaq b’mod dewwiemi, repettiv jew sistematiku permezz ta’ mġiba, kliem mitkellem, atti, ġesti jew kliem miktub li jkunu intenzjonati u li jippreġudikaw il-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna”. Il-kumitat ta’ investigazzjoni jkompli billi jgħid li l-“element prinċipali sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm fastidju psikoloġiku jew le huwa attitudni abbużiva u intenzjonata min-naħa tal-persuni identifikati mil-lanjant” u li “għalhekk iffoka l-isforzi tiegħu fuq analiżi tal-ilmenti [tar-rikorrenti] fid-dawl ta’ dawn il-kriterji”.

    68      F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li l-Artikolu 3.6.1 tal-Kodiċi ta’ kondotta jiddefinixxi l-fastidju psikoloġiku bħala “meta, fuq perijodu pjuttost twil, ikunu rrepetuti kliem, attitudnijiet jew aġir ostili jew mhux f’lokhom, espressi jew manifesti minn membru jew iktar tal-persunal fil-konfront ta’ membru ieħor tal-persunal”. Din id-dispożizzjoni tal-Kodiċi ta’ kondotta għandha tinqara flimkien mad-dispożizzjoni tal-politika, f’dan il-każ l-Artikolu 2.1 tagħha, li tiddefinixxi l-fastidju u li tipprovdi li l-kwistjoni “ta’ jekk l-aġir inkwistjoni jkunx intenzjonat jew le ma hijiex rilevanti. Il-prinċipju determinanti huwa li l-fastidju u l-intimidazzjoni huma tipi ta’ aġir mhux mixtieqa u inaċċettabbli li jippreġudikaw l-istima u l-kunfidenza li l-individwu li jkun is-suġġett ta’ dan l-aġir ikollu fih innifsu”.

    69      Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2.1 tal-politika, moqri flimkien mal-Artikolu 3.6.1 tal-Kodiċi ta’ kondotta, tista’ tinsilet konklużjoni doppja. Minn naħa, il-kliem, l-attitudnijiet jew l-aġir imsemmija fl-Artikolu 3.6.1 tal-Kodiċi ta’ kondotta għandu jkollhom l-effett li jippreġudikaw l-istima u l-kunfidenza li l-vittma jkollu fih innifsu. Min-naħa l-oħra, sa fejn ma huwiex meħtieġ li l-aġir inkwistjoni jkun intenzjonat, ma huwiex meħtieġ li jiġi stabbilit li dan il-kliem, dawn l-attitudnijiet jew dan l-aġir ikunu twettqu bl-intenzjoni li tiġi ppreġudikata d-dinjità ta’ persuna. Fi kliem ieħor, jista’ jkun hemm fastidju psikoloġiku mingħajr ma jkun meħtieġ li jintwera li l-persuna responsabbli għall-fastidju kellha l-intenzjoni li, permezz tal-kliem, tal-attitudni jew tal-aġir tagħha, tagħmel deliberatament ħsara lill-vittma. Għaldaqstant, ikun hemm fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 2.1 tal-politika, moqri flimkien mal-Artikolu 3.6.1 tal-Kodiċi ta’ kondotta, meta l-kliem, l-attitudnijiet jew l-aġir, sakemm dawn ikunu seħħew jew twettqu, ikunu oġġettivament ikkawżaw preġudizzju għall-istima u l-kunfidenza li persuna jkollha fiha nnifisha.

    70      Meta saritlu mistoqsija matul is-seduta dwar id-definizzjoni tal-fastidju psikoloġiku, il-Bank ikkonferma li, sabiex aġir ikun jista’ jitqies li jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 2.1 tal-politika, moqri flimkien mal-Artikolu 3.6.1 tal-Kodiċi ta’ kondotta, dan l-aġir għandu jkun ta’ natura “abbużiva u intenzjonata”, kif jindika l-kumitat ta’ investigazzojni fl-opinjoni tiegħu.

    71      Madankollu, din l-affermazzjoni ma tistax titqies li hija fondata peress li, kif jirriżulta mill-punt 69 ta’ din is-sentenza, u skont l-Artikolu 2.1 tal-politika, ma huwiex meħtieġ li l-aġir inkwistjoni jkun twettaq b’mod intenzjonat.

    72      Matul is-seduta l-Bank sostna wkoll li għandha ssir distinzjoni bejn l-intenzjonalità “oġġettiva” u l-intenzjonalità “suġġettiva” tal-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju u li, meta tipprovdi li l-kwistjoni ta’ jekk l-aġir inkwistjoni jkunx intenzjonat jew le ma hijiex rilevanti, il-politika tixtieq tindika li hija meħtieġa biss l-intenzjonalità oġġettiva min-naħa tal-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju u li ma hijiex meħtieġa l-preżenza ta’ intenzjonalità suġġettiva min-naħa ta’ din il-persuna. Issa, dan l-argument ma jistax jintlaqa’ peress li ma tistax issir tali distinzjoni fuq il-bażi tal-formulazzjoni tal-Artikolu 2.1 tal-politika.

    73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku użat fl-opinjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni, u riprodott fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, huwa iktar limitat minn dak stabbilit fl-Artikolu 2.1 tal-politika, moqri flimkien mal-Artikolu 3.6.1 tal-Kodiċi ta’ kondotta, u li għalhekk ma huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-membri tal-persunal tal-Bank.

    74      Għal finijiet ta’ kompletezza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ser jeżamina jekk, minkejja l-fatt li bbaża ruħu fuq definizzjoni żbaljata tal-fastidju psikoloġiku, il-kumitat ta’ investigazzjoni xorta waħda stħarriġx jekk X u Y kinux effettivament adottaw l-aġir allegat mir-rikorrenti sabiex, jekk dan ikun il-każ, jevalwa sussegwentement jekk dan l-aġir kienx oġġettivament ikkawża preġudizzju għall-personalità psikoloġika tar-rikorrenti, f’liema każ dan l-aġir ikun jikkostitwixxi fastidju.

    75      F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li diversi siltiet mill-opinjoni tal-kumitat ta’ invesitgazzjoni juru li dan kien stħarreġ biss jekk il-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju kinux adottaw attitudni “abbużiva u intenzjonata” fil-konfront tar-rikorrenti.

    76      F’dan is-sens, il-kumitat ta’ investigazzjoni jsostni li Y “huwa [...] ipperċepit bħala bniedem ambizjuż li għandu pjanijiet dwar il-futur professjonali tiegħu u li huwa deskritt minn xi individwi bħala ‘romblu tat-triq’ li jimxi mingħajr ma jħabbel rasu dwar danni kollaterali li jista’ jikkawża” u jgħid li ma jaħsibx li r-rikorrenti “kienet fil-mira speċifika [ta’ Y] sa fejn huwa wisq probabbli li [Y] kien jaġixxi bl-istess mod li kieku xi ħadd ieħor kien jinsab fl-istess waqt fl-istess sitwazzjoni [bħar-rikorrenti]: [ir-rikorrenti] kienet hemm, kienet qiegħda tfixkel l-ambizzjonijiet tiegħu u l-assenza tagħha [...] għal raġunijiet ta’ mard kienet qiegħda tostakola parzjalment eżekuzzjoni tajba tax-xogħol u allura kellha tiġi evitata”.

    77      Sussegwentement, fil-kuntest tal-konklużjonijiet tiegħu u fir-rigward tal-akkuża magħmula dwar l-għoti ta’ informazzjoni żbaljata u ż-żamma ta’ informazzjoni, il-kumitat ta’ investigazzjoni jsostni li huwa “josserva ċerti nuqqasijiet fl-informazzjoni mogħtija [lir-rikorrenti]”, iżda li “kien hemm [...] ġeneralezza u ċerta negliġenza iktar milli [l-]intenzjoni abbużiva [fir-rigward tar-rikorrenti] li din titwarrab mill-fluss ta’ informazzjoni”.

    78      Barra minn hekk, fir-rigward tal-akkuża mqajma mir-rikorrenti fir-rigward tal-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju li dawn skreditawha permezz tat-tnaqqis tal-importanza tar-rwol u tar-responsabbiltajiet tagħha, il-kumitat ta’ investigazzjoni, wara li kkonstata l-veraċità ta’ din l-akkuża, isostni li huwa “ma jaħsibx li X kien ikkontribwixxa b’mod intenzjonat u abbużiv sabiex tinħatt is-sitwazzjoni [tar-rikorrenti]” u li huwa jqis, għall-kuntrarju, li Y “b’mod kuxjenzuż kien mela l-vojt li ħalliet [ir-rikorrenti] matul l-assenza tagħha u li kien aċċetta bħala ‘dannu kollaterali’ l-fatt li din titwarrab mill-funzjonijiet tagħha sabiex ikun fl-aħħar mill-aħħar f’pożizzjoni aħjar”.

    79      Bl-istess mod, meta l-kumitat ta’ investigazzjoni jagħmel riferiment għall-akkuża mqajma mir-rikorrenti ta’ attakki pubbliċi fuq ir-reputazzjoni tagħha, huwa jsostni li s-“sitwazzjoni umiljanti u degradanti li fiha setgħet sabet ruħha [r-rikorrenti] hija iktar is-sitwazzjoni li tirriżulta mis-sitwazzjoni ġenerali milli sitwazzjoni mixtieqa għal dan il-għan minn [X] jew/u minn [Y]”.

    80      Barra minn hekk, fir-rigward tal-akkuża mqajma mir-rikorrenti dwar l-esklużjoni tagħha miċ-ċirku tal-kollegi, il-kumitat ta’ investigazzjoni jsosti li din l-esklużjoni “li fil-fehma tiegħu hija reali [...] ma hijiex il-konsegwenza ta’ azzjoni intenzjonata u abbużiva speċifika bil-għan li tiġi eskluża [r-rikorrenti]”.

    81      Fl-aħħar nett, silta dwar X tissostanzja l-fatt li l-kumitat ta’ investigazzjoni kkonkluda li ma kienx hemm fastidju minħabba li, fil-fehma tiegħu, ma kienx irriżulta li X ipprova b’mod intenzjonat jagħmel ħsara lir-rikorrenti. Fil-fatt, wara li eżamina l-aġir ta’ X fir-rigward tar-rikorrenti, il-kumitat ta’ investigazzjoni kkonkluda li “[g]ħaldaqstant, [il-kumitat ta’ investigazzjoni] ma setax jikkonstata attitudni abbużiva u intenzjonata li tista’ tiġi kklassifikata bħala fastidju min-naħa ta’ [X]”.

    82      Madankollu, għalkemm il-kumitat ta’ investigazzjoni, minħabba l-kunċett żbaljat tal-fastidju psikoloġiku li applika, illimita l-investigazzjonijiet tiegħu bil-mod espost fil-punti 75 u 81 ta’ din is-sentenza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li l-kumitat ta’ investigazzjoni kkonstata li X u Y kienu effettivament adottaw ċertu aġir li bih akkużathom ir-rikorrenti. F’dan is-sens, il-kumitat ta’ investigazzjoni jsostni li X “ma kienx insista kemm probabbilment kellu jinsisti sabiex jagħmilha ċara lil Y li l-funzjonijiet li kien qiegħed jassumi b’mod temporanju kellhom jibqgħu temporanji”.

    83      Fir-rigward ta’ Y, il-kumitat ta’ investigazzjoni jikkonstata li dan “ftit ftit warrab [lir-rikorrenti] mill-pożizzjoni tagħha billi għamel tiegħu l-aspetti strategiċi kollha marbuta mas-servizz ta’ koordinazzjoni. B’hekk, is-sitwazzjoni attwali hija [...] li l-organigramma [tad-DĠ ‘Ġestjoni tar-riskji’] hija tali li [Y] għandu f’idejh il-funzjonijiet prinċipali u strateġiċi kollha li jagħtuh viżibbiltà kbira fir-rigward tal-ġerarkija tal-Bank u li [r-rikorrenti] hija limitata għal funzjonijiet amministrattivi. Dak li kienet antiċipat [ir-rikorrenti] fil-fatt seħħ”. Il-kumitat ta’ investigazzjoni jżid li, fil-fehma tiegħu, Y “approfitta mis-sitwazzjoni ġenerali li fiha kien jinsab [id-DĠ ‘Ġestjoni tar-riskji’] f’dak il-mument partikolari sabiex jieħu pożizzjoni u jimxi ’l quddiem fil-karriera professjonali tiegħu u [li] b’hekk dan aċċetta li l-pożizzjoni [tar-rikorrenti] tittiekel b’mod korrelattiv”.

    84      Sussegwentement, il-kumitat ta’ investigazzjoni jsostni li “jinnota ċerti nuqqasijiet fl-informazzjoni mogħtija [lir-rikorrenti]”, li “r-rwol u r-responsabbiltajiet [tar-rikorrenti] kienu ġew effettivament mittiekla fir-rigward tal-parti l-kbira tal-elementi prinċipali u strateġiċi tagħhom, li kienu barra minn hekk jippermettu viżibbiltà quddiem il-ġerarkija tal-Bank u għalhekk li jipprovdu impetu għal karriera professjonali ulterjuri”, u l-esklużjoni tar-rikorrenti miċ-ċirku tal-kollegi tagħha “kien jidhirlu li kienet reali”.

    85      Barra minn hekk, il-kumitat ta’ investigazzjoni “huwa konvint li [r-rikorrenti] għandha s-sintomi kollha li normalment ikun preżenti f’persuna suġġetta għal fastidju psikoloġiku: stat ta’ dipressjoni, burdata ta’ dwejjaq, sentiment ta’ ansjetà, sentiment ta’ nuqqas ta’ stima fiha nnifisha, sentiment ta’ solitudni u ta’ iżolament, dubji dwar is-sens tal-ħajja u tal-ħajja professjonali, relazzjonijiet mibnija fuq il-post tax-xogħol fil-parti l-kbira tagħhom miġjuba fix-xejn” u kkonstata li r-rikorrenti “hija persuna li qiegħda tbati psikoloġikament u li għandha s-sintomi kollha ta’ fastidju psikoloġiku”.

    86      Issa, il-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jikkonstata li, wara li kkonkluda, minn naħa, l-eżistenza ta’ ċertu aġir allegat mir-rikorrenti fil-konfront tal-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ sintomi ta’ fastidju psikoloġiku fil-persuna tar-rikorrenti, il-kumitat ta’ investigazzjoni ma pprovax jiddetermina jekk l-aġir imsemmi iktar ’il fuq kienx il-kawża tas-sintomi ta’ fastidju psikoloġiku, b’mod partikolari tal-preġudizzju għall-istima u għall-kunfidenzja li r-rikorrenti kellha fiha nnifisha. Fir-rigward ta’ X, il-kumitat ta’ investigazzjoni kkonkluda li ma setax “jikkonstata attitudni abbużiva u intenzjonata li tista’ tiġi kklassifikata bħala fastidju min-naħa tiegħu”, u, fir-rigward ta’ Y, wara li kkonstata li ċertu aġir allegat mir-rikorrenti kienu verament seħħew, il-kumitat ta’ investigazzjoni ma ddeċidiex dwar il-kwistjoni ta’ jekk dan l-aġir kienx jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku.

    87      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-opinjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni, minn naħa, ġiet adottata fi tmiem investigazzjoni li fiha l-aġir tal-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju ma kienx eżaminat fid-dawl tad-definizzjoni tal-fastidju psikoloġiku stabbilita fl-Artikolu 2.1 tal-politika, moqri flimkien mal-Artikolu 3.6.1 tal-Kodiċi ta’ kondotta, u, min-naħa l-oħra, ma hijiex koerenti sa fejn il-kumitat jikkonstata kemm l-eżistenza, min-naħa tal-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju, ta’ ċertu aġir allegat mir-rikorrenti u l-eżistenza, min-naħa tar-rikorrenti, ta’ sintomi ta’ fastidju psikoloġiku, mingħajr ma stħarreġ jekk dawn is-sintomi kinux ikkawżati mill-imsemmi aġir.

    88      Għaldaqstant, l-opinjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni hija vvizzjata b’irregolaritajiet.

    89      B’hekk, il-President tal-Bank wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta, fid-dawl ta’ din l-opinjoni, adotta d-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011. Peress li l-President tal-Bank wettaq illegalità, id-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011 għandha tiġi annullata.

    90      Għaldaqstant, it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011 għandhom jintlaqgħu.

    II –  Fuq it-talbiet intiżi għall-kumpens tar-rikorrenti

    91      Ir-rikorrenti taqsam it-talba għad-danni tagħha fi tliet partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti titlob kumpens għad-danni allegatament imġarrba b’konsegwenza tal-illegalità tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011. Permezz tat-tieni parti, hija titlob kumpens għad-danni allegatament imġarrba b’konsegwenza tal-fastidju psikoloġiku u tal-ksur mill-Bank tad-dmir ta’ premura tiegħu. Fil-kuntest tat-tielet parti, hija titlob kumpens għad-danni allegatament imġarrba b’konsegwenza ta’ nuqqasijiet amministrattivi.

    A –  Fuq il-kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-illegalità tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011

    1.     L-argumenti tal-partijiet

    92      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011 ikkawżatilha dannu materjali, stmat fl-ammont ta’ EUR 218 800. Fil-fatt, peress li l-President tal-Bank irrifjuta li jieħu miżuri fir-rigward tagħha, billi jistabbilixxiha mill-ġdid fil-funzjonijiet tagħha jew billi jassenjaha mill-ġdid f’pożizzjoni ekwivalenti li toffrilha prospettivi reali ta’ karriera, hija kienet tinsab f’pożizzjoni mingħajr responsabbiltajiet u mingħajr prospettivi ta’ karriera. Għalhekk, id-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011 kellha, u ser ikompli jkollha fil-futur, impatt fuq ir-remunerazzjoni tagħha, u b’mod partikolari fuq il-bonuses tagħha, li huma stabbiliti skont l-objettivi u r-responsabbiltajiet tal-membru tal-persunal. Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011 qegħditha wkoll f’sitwazzjoni ta’ inċertezza u ta’ ansjetà li kkawżatilha dannu morali kunsiderevoli, li ma jistax jiġi kkumpensat permezz tal-annullament tal-imsemmija deċiżjoni u li hija tistma ex aequo et bono fl-ammont ta’ EUR 50 000.

    93      Il-Bank jirribatti li din it-talba għad-danni ma hijiex fondata peress li ebda aġir illegali ma jista’ jiġi invokat fil-konfront tiegħu.

    2.     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

    94      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tkun stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-amministrazzjoni huwa meħtieġ li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-illegalità ta’ att amministrattiv jew ta’ aġir li bih ikunu akkużati l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza Skoulidi vs Il-Kummissjoni, F‑4/07, EU:F:2008:22, punt 43, u digriet Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑69/10, EU:F:2011:128, punt 22). Minn dan isegwi li l-fatt li waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta huwa biżżejjed sabiex jiġi miċħud rikors għad-danni (sentenza Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punti 11 u 14, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    95      F’din il-kawża, għandu jiġi osservat li d-danni materjali u morali invokati mir-rikorrenti kienu kkawżati mid-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għadu kemm ikkonstata, fil-punt 89 ta’ din is-sentenza, l-illegalità tagħha.

    96      Peress li ġiet ikkonstatata din l-illegalità ta’ deċiżjoni tal-Bank, għandu jiġi eżaminat jekk din id-deċiżjoni illegali kellhiex konsegwenzi dannużi għar-rikorrenti.

    97      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-Bank jiġi kkundannat jikkumpensa d-dannu materjali li kkawżatilha d-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011, sa fejn il-Bank, billi għalaq l-ilment tagħha mingħajr ma ħa passi amministrattivi, irrifjuta li jadotta miżuri favur tagħha, bil-konsegwenza li hija tinsab f’pożizzjoni mingħajr ebda responsabbiltà, għandu jitfakkar li l-annullament ta’ att mill-qorti għandu l-effett li jelimina retroattivament dan l-att mill-ordinament ġuridiku u li, meta l-att annullat ikun diġà ġie eżegwit, sabiex jiġu eliminati l-effetti tiegħu huwa meħtieġ li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni legali li fiha r-rikorrent kien jinsab qabel l-adozzjoni ta’ dan l-att (sentenza Kalmár vs Europol, F‑83/09, EU:F:2011:66, punt 88). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat għandha tieħu “l-miżuri neċessarji sabiex [t]ikkonforma ruħ[ha] mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [...]”.

    98      Fil-kuntest tal-miżuri li għandhom jiġu adottati mill-Bank għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jippreġudika l-konklużjonijiet ta’ eventwali proċedura ta’ investigazzjoni ġdida, f’dan l-istadju t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jikkundanna lill-Bank jikkumpensa lir-rikorrenti għad-dannu materjali li hija allegatament ġarrbet, inkluż b’effett mis-27 ta’ Lulju 2011. Minn dan isegwi li t-talbiet tar-rikorrenti f’dan is-sens ma jistgħux jintlaqgħu peress li huma, fi kwalunkwe każ, prematuri.

    99      Fir-rigward, fit-tieni lok, tad-dannu morali li r-rikorrenti tqis li ġarrbet, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu l-kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, sakemm ir-rikorrent ma jurix li ġarrab dannu morali distint mill-illegalità li fuqha jkun ibbażat l-annullament u li ma jkunx jista’ jiġi kkumpensat kompletament b’dan l-annullament (sentenza CH vs Il-Parlament, F‑129/12, EU:F:2013:203, punt 64). It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar ukoll li huwa paċifiku li s-sentiment ta’ inġustizzja u l-anzjetà li jikkawża lill-persuna l-fatt li jkollha tiftaħ proċedura kontenzjuża sabiex jiġu rrikonoxxuti d-drittijiet tagħha jistgħu jikkostitwixxu dannu li jista’ jiġi dedott mis-sempliċi fatt li l-amministrazzjoni wettqet illegalitajiet. Dawn id-danni għandhom jiġu rrimedjati meta ma jkunux ikkumpensati permezz tas-sodisfazzjon li jirriżulta mill-annullament tal-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CC vs Il-Parlament, F-9/12, EU:F:2013:116, punt 128, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, Kawża T‑457/13 P).

    100    Fil-punt 89 ta’ din is-sentenza ġie deċiż li l-President tal-Bank wettaq illegalità li wasslet għall-annullament tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011. Fil-kawża ineżami, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li l-fatt li l-President tal-Bank ma ħax passi amministrattivi fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti qiegħed lil din tal-aħħar fi stat ta’ inċertezza u ta’ inkwiet li jikkostitwixxi dannu morali distint mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011 u li ma jistax jiġi kkumpensat kompletament bis-sempliċi annullament ta’ din id-deċiżjoni.

    101    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li, sa fejn l-opinjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni kienet tikkonċerna lment dwar fastidju psikoloġiku, il-President tal-Bank kien imissu eżamina din l-opinjoni b’attenzjoni sabiex jivverifika jekk l-investigazzjoni kinitx twettqet b’mod korrett u, fl-eventwalità li jikkonstata li kienu twettqu żbalji, kien imissu aġixxa b’konsegwenza ta’ dan.

    102    Fid-dawl tal-kundizzjonijiet li fiha ttieħdet id-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi li, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, tkun qiegħda ssir stima ġusta tad-dannu morali mġarrab mir-rikorrenti billi jiffissa, ex aequo et bono, il-kumpens għal dan id-dannu fis-somma ta’ EUR 30 000.

    B –  Fuq il-kumpens għad-danni allegatament imġarrba mir-rikorrenti minħabba l-fastidju psikoloġiku u l-ksur mill-Bank tad-dmir ta’ premura tiegħu

    1.     L-argumenti tal-partijiet

    103    Ir-rikorrenti ssostni li l-Bank kiser id-dmirijiet ta’ premura u ta’ assistenza tiegħu peress li, minkejja li ngħataw indikazzjonijiet lis-superjur ġerarkiku tagħha, lid-dipartiment tar-riżorsi umani u lill-President tal-Bank, ma ttieħdet ebda miżura sabiex jitwaqqaf l-aġir ta’ fastidju u ta’ intimidazzjoni li X u Y kienu qegħdin juru fil-konfront tagħha. Kien għalhekk bil-kunsens tal-Bank li dan l-aġir kompla għal diversi xhur. B’mod partikolari, il-Bank kiser id-dmirijiet ta’ premura u ta’ assistenza tiegħu billi ma ħax inkunsiderazzjoni t-talba ta’ tabib speċjalizzat li r-rikorrenti tiġi ttrasferita f’dipartiment ieħor.

    104    Dan il-ksur tad-dmirijiet ta’ premura u ta’ assistenza kif ukoll il-fastidju mġarrab kienu fatturi li ħaffew id-degradazzjoni tal-istat tas-saħħa fiżika u mentali tagħha, b’tali mod li kkawżawlha dannu morali li hija tistma bħala EUR 50 000. Dawn il-fatturi kkawżawlha wkoll dannu materjali, stmat bħala EUR 218 800, somma li tikkorrispondi, minn naħa, għal telf ta’ bonuses għas-snin 2010 sa 2015 u, min-naħa l-oħra, għat-telf tal-opportunitajiet tagħha li tavvanza fil-karriera tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-fastidju psikoloġiku li hija tqis li kienet vittma tiegħu obbligaha tirrikorri għall-assistenza ta’ avukat sabiex jiżgura d-difiża tagħha fil-proċedura ta’ investigazzjoni, bi spiża korrispondenti ta’ EUR 13 361.93.

    105    Il-Bank jitlob li din it-talba għad-danni tiġi miċħuda.

    2.     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

    106    Fl-ewwel lok, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jeżamina jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-Bank kisirx id-dmirijiet ta’ premura u ta’ assistenza tiegħu meta rrifjuta li jassistiha meta indikat li kienet vittma ta’ fastidju.

    107    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jiġu ttrattati l-każijiet ta’ fastidju u ta’ intimidazzjoni, il-politika tipprevedi żewġ proċeduri, waħda informali, li permezz tagħha l-membru tal-persunal ikkonċernat ifittex soluzzjoni bonarja, u l-oħra formali, li permezz tagħha dan il-membru jippreżenta uffiċjalment ilment li jiġi ttrattat minn kumitat ta’ investigazzjoni.

    108    Għalkemm, permezz tal-ilment tagħha, ir-rikorrenti qiegħda takkuża lill-Bank talli ma ħax il-miżuri li fil-fehma tagħha kienu neċessarji sabiex jitwaqqaf il-fastidju qabel ma ressqet it-talba tagħha għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni, fit-18 ta’ Frar 2011, għandu jiġi osservat li din l-attitudni tal-Bank tagħmel parti mill-kuntest tal-proċedura informali maħsuba sabiex jintlaħaq ftehim bonarju bejn ir-rikorrenti u l-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju u li, fl-assenza ta’ indikazzjonijiet oħra tar-rikorrenti, din l-attitudni ma tistax għaldaqstant tiġi kklassifikata bħala ksur tad-dmirijitet ta’ premura u ta’ assistenza tal-Bank.

    109    Bl-istess mod, mill-proċess jirriżulta li, permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Frar 2011, il-Bank irreaġixxa għat-talba tar-rikorrenti tat-18 ta’ Frar ta’ qabel u li, permezz ta’ ittra tad-Direttur tad-Dipartiment tar-riżorsi umani tat-28 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti kienet informata bil-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni. Sussegwentement, id-diversi fażijiet tal-proċedura ta’ investigazzjoni żvolġew fi żmien qasir. Fil-fatt, permezz ta’ memorandum tal-14 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti esponiet l-ilment tagħha, li għalih il-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju wieġbu permezz ta’ memoranda tat-28 ta’ Marzu ta’ wara. Il-kumitat ta’ investigazzjoni sema’ lir-rikorrenti kif ukoll lil X u lil Y fit-2 ta’ Mejju 2011 u ta l-opinjoni tiegħu fil-11 ta’ Lulju 2011. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun meta ssostni li l-Bank kiser id-dmirijiet ta’ premura u ta’ assistenza tiegħu matul il-proċedura ta’ investigazzjoni.

    110    Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-argument tar-rikorrenti li l-Bank ma ħax passi fir-rigward tar-rakkomandazzjoni ta’ tabib speċjalizzat, it-tabib A, li r-rikorrenti tiġi ttrasferita f’dipartiment ieħor, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva, qabel kollox, li, skont il-proċess, din ir-rakkomandazzjoni saret fl-10 ta’ Marzu 2011. It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni, fit-tweġiba tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li f’Novembru 2010 kienu diġà nbdew diskussjonijiet dwar l-eventwali trasferiment tagħha lejn id-dipartiment tal-kontrollur finanzjarju. Fl-aħħar nett, mid-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011 jirriżulta li, fi-data tal-imsemmija deċiżjoni, id-diskussjonijiet kienu għadhom għaddejjin. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li wara l-10 ta’ Marzu 2011 kienu seħħew diskussjonijiet dwar eventwali trasferiment tar-rikorrenti. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun meta ssostni li l-Bank ma ħax inkunsiderazzjoni t-talba għal trasferiment imsemmija iktar ’il fuq.

    111    Għandu jingħad ukoll li, jekk, permezz tal-argument tagħha, ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni li ssostni li d-diskussjonijiet li kellha mal-Bank sabiex tiġi ttrasferita lejn id-dipartiment tal-kontrollur finanzjarju, jew inkella xi diskussjonijiet oħra dwar trasferiment lejn dipartiment ieħor, ma kinux dwar trasferiment lejn pożizzjoni ekwivalenti li toffrilha prospettivi reali ta’ karriera, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ma jistax jintlaqa’ peress li r-rikorrenti ma pprovdietx provi fis-sens li l-Bank ma aġixxiex in bona fide.

    112    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talba għad-danni minħabba ksur tad-dmirijiet ta’ premura u ta’ assistenza għandha tiġi miċħuda.

    113    Fit-tieni lok, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qiegħed jintalab jeżamina jekk il-fastidju psikoloġiku allegatament imġarrab mir-rikorrenti kkawżalhiex, kif qiegħda tallega, danni materjali u morali.

    114    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa l-inkarigu tal-kumitat ta’ investigazzjoni li jistabbilixxi jekk kienx hemm fastidju jew le u li, fil-kawża ineżami, fir-rigward ta’ X, il-kumitat ta’ investigazzjoni sempliċement ikkonkluda li ma setax “jikkonstata attitudni abbużiva u intenzjonata li tista’ tiġi kklassifikata bħala fastidju min-naħa tiegħu”, u li, fir-rigward ta’ Y, il-kumitat ma ħax pożizzjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-aġir allegat mir-rikorrenti u li kien osservat mill-kumitat kienx jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku.

    115    Peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku la jista’ jippreġudika l-konklużjonijiet ta’ eventwali investigazzjoni ġdida jew ta’ eventwali opinjoni ġdida, u lanqas id-deċiżjoni futura tal-President tal-Bank, it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda minħabba n-natura prematura tagħha.

    116    Fl-aħħar lok, għandha tiġi eżaminata t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex tikseb il-ħlas lura tal-ispejjeż u tal-onorarji tal-avukat li kienet imġiegħla tqabbad sabiex jiżgura d-difiża tagħha matul il-proċedura ta’ investigazzjoni.

    117    F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li l-ispejjeż ta’ avukat sostnuti matul il-proċedura kontenzjuża jikkostitwixxu spejjeż li jistgħu jinġabru lura fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 86 et seq tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u li dawn l-ispejjeż għandhom jiġu ttrattati f’dan il-kuntest. Fir-rigward tal-ispejjeż ta’ avukat sostnuti matul il-proċedura ta’ investigazzjoni dwar fastidju, l-Artikolu 91 ta’ dawn ir-Regoli jirreferi biss, fost l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, għall-ispejjeż inerenti għall-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, bl-esklużjoni ta’ dawk relatati mal-fażi preċedenti. Għaldaqstant, jekk jiġi rrikonoxxut li l-ispejjeż sostnuti matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, li tippreċedi l-proċedura kontenzjuża, għandhom il-kwalità ta’ dannu li jista’ jiġi kkumpensat fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, dan ikun f’kontradizzjoni mal-fatt li l-ispejjeż sostnuti matul din il-fażi ma jistgħux jinġabru lura. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tikseb, fil-kuntest tar-rikors għad-danni tagħha, il-ħlas lura tal-ispejjeż u tal-onorarji tal-konsulent tagħha sostnuti matul il-proċedura ta’ investigazzjoni.

    118    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-kumpens tad-danni allegatament imġarrba minħabba l-fastidju psikoloġiku u minħabba l-ksur mill-Bank tad-dmir ta’ premura tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

    C –  Fuq il-kumpens għad-danni allegatament imġarrba minħabba nuqqasijiet amministrattivi imputabbli lill-Bank

    119    Insostenn tat-talba għad-danni tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ nuqqasijiet amministrattivi allegatament imwettqa mill-Bank matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, fejn l-ewwel wieħed jinvolvi l-ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità tiegħu u tar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali prevista mill-politika, filwaqt li t-tieni wieħed jikkonċerna l-ostakolu għas-smigħ ta’ xhieda.

    1.     Fuq il-ksur mill-Bank tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità tiegħu u tar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali prevista mill-politika

    a)     L-argumenti tal-partijiet

    120    Ir-rikorrenti ssostni li l-Bank kiser l-obbligu ta’ kunfidenzjalità tiegħu u r-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali prevista mill-politika, kif approvata mill-KEPD fl-2005. Il-Bank ostakola l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ta’ investigazzjoni, qajjem xnigħat dwar ir-rikorrenti u ppreġudika r-reputazzjoni u l-kredibbiltà tagħha, u b’hekk ikkawżalha dannu morali li hija tistma bħala EUR 10 000.

    121    Insostenn tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ ilmenti.

    122    Fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti takkuża lill-Bank li kkomunika lid-Direttur Ġenerali l-ġdid tad-DĠ “Ġestjoni tar-riskji”, persuna li ma kinitx involuta fil-proċedura ta’ investigazzjoni, il-memorandum ifformulat minn X bi tweġiba għall-memorandum tagħha tal-14 ta’ Marzu 2011. Bl-istess mod, hija tilmenta dwar il-fatt li “ċerti membri tal-persunal amministrattiv” tad-Diviżjoni tal-koordinazzjoni kellhom ukoll aċċess għall-fajl imħejji waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni. Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tal-KEPD, ir-rikorrenti tipproduċi skambju ta’ ittri elettroniċi insostenn tat-teżi tagħha li wieħed mid-dokumenti mħejji matul il-proċedura ta’ investigazzjoni fil-konfront ta’ X u ta’ Y kien ġie trażmess lil persuna terza għall-proċedura.

    123    Il-Bank jiċħad li ta aċċess lid-Direttur Ġenerali l-ġdid tad-DĠ “Ġestjoni tar-riskji” jew lil xi persuna oħra li ma kinitx involuta fil-proċedura ta’ investigazzjoni għall-memorandum ifformulat minn X fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni. Il-Bank isostni li huwa kien informa lir-rikorrenti u lill-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju dwar in-natura ta’ kunfidenzjalità assoluta li kellhom jingħataw id-dokumenti skambjati fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni.

    124    Permezz tat-tieni lment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, il-Bank ittrażmetta lill-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju l-memorandum tagħha tal-14 ta’ Marzu 2011 kollu, inklużi l-annessi, meta dawn id-dokumenti “kienu jinkludu diversi elementi ta’ data personali b’mod partikolari dwar is-saħħa [tagħha]”, u li l-politika tipprovdi li l-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju ma għandhiex tirċievi kopja tal-memorandum li jkun fih l-ilment.

    125    Il-Bank isostni li r-regola prevista fil-politika fis-sens li l-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju ma għandhiex tirċievi kopja tal-memorandum li jkun fih l-ilment ma tosservax kompletament id-drittijiet tad-difiża li għandhom jitħarsu f’kull proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju. Peress li l-proċedura ta’ investigazzjoni setgħet wasslet għat-tkeċċija ta’ X u ta’ Y, il-Bank iddeċieda, bil-għan li jirrispetta d-drittijiet tad-difiża tal-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju u wara li evalwa l-ħtieġa li jittrażmetti l-fajl kollu jew inkella parzjalment, li jittrażmettilhom il-memorandum tar-rikorrenti tal-14 ta’ Marzu 2011 kollu, inklużi l-annessi. B’mod partikolari, peress li r-rikorrenti kienet akkużat lil X u lil Y li kienu l-kawża tal-problemi tas-saħħa tagħha, kien irriżulta neċessarju li jiġi trażmess iċ-ċertifikat mediku tal-psikjatra, it-tabib A, tal-10 ta’ Marzu 2011, li jipprovdi li l-problemi psikoloġiċi tar-rikorrenti kienu bdew meta d-DĠ “Ġestjoni tar-riskji” kien għadu jitmexxa mid-Direttur Ġenerali preċedenti u dan minħabba l-pressjoni kkawżata minn dan tal-aħħar, u li jirrakkomanda li r-rikorrenti tiġi ttrasferita lejn dipartiment ieħor.

    126    Il-Bank iżid li t-trażmissjoni tal-memorandum tal-14 ta’ Marzu 2011 kollu, flimkien mal-annessi, ma hijiex sproporzjonata, iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, permezz ta’ ittra tad-Direttur tad-Dipartiment tar-riżorsi umani tat-28 ta’ Frar 2011, l-attenzjoni tar-rikorrenti kienet inġibdet speċifikament fuq il-fatt li l-memorandum tagħha kollu kien ser jiġi kkomunikat lill-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju. Peress li r-rikorrenti kienet xorta waħda ddeċidiet li tippreżenta l-memorandum tagħha bl-annessi kollha tiegħu, inklużi ċ-ċertifikati mediċi, mingħajr ma talbet li dawn id-dokumenti jiġu ttrattati b’mod kunfidenzjali, hija kienet impliċitament tat il-kunsens tagħha sabiex dawn jiġu trażmessi lil X u lil Y.

    127    Minkejja li talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet għad-danni minħabba ksur tad-dmir ta’ kunfidenzjalità u tar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali, fin-nota ta’ intervent tiegħu, il-KEPD jieħu pożizzjoni biss dwar it-tieni lment, ibbażat fuq il-komunikazzjoni tal-memorandum tal-14 ta’ Marzu 2011 kollu lill-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju. Huwa jitlob, bħalma tagħmel ir-rikorrenti, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li din il-komunikazzjoni tikkostitwixxi nuqqas amministrattiv min-naħa tal-Bank u li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkundanna lill-Bank jikkumpensa d-danni li dan in-nuqqas ikkawża lir-rikorrenti.

    128    Insostenn tat-talbiet tiegħu, il-KEPD iqajjem żewġ motivi, ibbażati rispettivament fuq ksur tal-politika u fuq ksur tar-Regolament Nru 45/2001.

    129    Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent, ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Bank ma huwiex konsistenti fl-interpretazzjoni tiegħu tal-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża peress li, fi proċedura oħra ta’ investigazzjoni li nżammet fl-2010, il-Bank kien, għall-kuntrarju, irrifjuta li jittrażmetti l-ilment u d-dokumenti annessi miegħu lill-persuna li kienet is-suġġett tal-proċedura ta’ investigazzjoni.

    130    Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nota ta’ intervent tal-KEPD, il-Bank isostni li t-tieni motiv invokat mill-KEPD, ibbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 45/2001, huwa inammissibbli sa fejn ir-rikorrenti ma qajmitux fir-rikors.

    131    Fir-rigward tal-mertu, il-Bank jenfasizza, l-ewwel nett, li qatt ma kien indika li l-komunikazzjoni integrali tal-memorandum tal-14 ta’ Marzu 2011, inklużi l-annessi, kienet kuntrarja għall-proċedura interna tiegħu iżda li kien iġġustifika din it-trażmissjoni integrali bil-fatt li r-regoli proċedurali interni għandhom josservaw id-dispożizzjonijiet ġenerali fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża.

    132    It-tieni nett, il-Bank isostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-KEPD, il-komunikazzjoni tal-memorandum tal-14 ta’ Marzu 2011 kollu, bl-anness inklużi, ma tiksirx ir-Regolament Nru 45/2001. Fil-fatt, skont is-soluzzjoni pprovduta fis-sentenza X vs BĊE (T‑333/99, EU:T:2001:251), il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża teżiġi li d-drittijiet tad-difiża għandhom jitħarsu f’kull proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju, u mhux biss fil-proċeduri ġudizzjarji. Issa, fil-kawża ineżami, il-proċedura ta’ investigazzjoni setgħet twassal għat-tkeċċija ta’ X u ta’ Y, jiġifieri għal att li jikkawżalhom preġudizzju, u dan ferm qabel tinfetaħ proċedura ġudizzjarja. Peress li l-Bank kien obbligat jirrispetta d-drittijiet tad-difiża, huwa kien għalhekk wettaq il-komunikazzjoni msemmija iktar ’il fuq, u dan inkonformità mal-Artikolu 5(b) tar-Regolament Nru 45/2001.

    133    Il-Bank jikkontesta wkoll l-affermazzjoni tal-KEPD fis-sens li ma kienx eżamina suffiċjentement in-neċessità li l-memorandum tal-14 ta’ Marzu 2011 jiġi kkomunikat kollu jew inkella parzjalment qabel ma bagħtu lill-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju. Dawn huma biss, skont il-Bank, spekulazzjonijiet min-naħa tal-KEPD u huwa kien fil-fatt wettaq tali eżami fil-fond.

    134    Fin-noti tagħhom bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti u l-KEPD esprimew l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Bank fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nota ta’ intervent.

    b)     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

    135    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ser jeżamina, fl-ewwel lok, jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-Bank effettivament wettaqx iż-żewġ nuqqasijiet amministrattivi msemmija iktar ’il fuq. Jekk dan jirriżulta li kien il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ser jeżamina mbagħad ir-rabta kawżali bejn id-dannu li seta’ ġie kkawżat u n-nuqqasijiet allegati. Fl-aħħar lok, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ser jiddeċiedi dwar l-ammont tal-kumpens li, jekk ikun il-każ, għandu jitħallas.

     Fuq l-għoti ta’ aċċess lil terzi għall-fajl tal-investigazzjoni

    136    Insostenn tal-ilment li d-Direttur Ġenerali l-ġdid tad-DĠ “Ġestjoni tar-riskji” kif ukoll ċerti membri tal-persunal amministrattiv tad-Diviżjoni tal-koordinazzjoni kellhom aċċess għall-fajl imħejji matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, ir-rikorrenti tipprovdi, minn naħa, bħala anness mar-rikors tagħha, silta mill-memorandum ifformulat minn X b’risposta għall-memorandum tagħha tal-14 ta’ Marzu 2011 u silta minn dokument ifformulat mid-Direttur Ġenerali l-ġdid tad-DĠ “Ġestjoni tar-riskji” fil-kuntest ta’ proċedura formali ta’ appell imressqa mir-rikorrenti kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha fir-rigward tas-sena 2010, peress li fil-fehma tagħha t-tieni silta hija ispirata b’mod sostanzjali mill-ewwel waħda. Min-naħa l-oħra, hija tipproduċi, bħala anness għan-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tal-KEPD, żewġ ittri elettroniċi skambjati bejnha u membru tal-persunal ieħor tal-Bank.

    137    Fir-rigward, fl-ewwel lok, taż-żewġ siltiet ta’ dokumenti annessi mar-rikors, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li t-tnejn li huma fihom sentenza fformulata b’mod prattikament identiku.

    138    F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li, fl-ittra tat-2 ta’ Frar 2012 mibgħuta lill-KEPD, il-Bank isostni li d-dokument tad-Direttur Ġenerali l-ġdid tad-DĠ “Ġestjoni tar-riskji”, li silta minnu hija annessa mar-rikors, ġie fformulat minn dan id-Direttur Ġenerali b’reazzjoni għal appell formali li r-rikorrenti kienet ippreżentat, ftit tal-jiem wara li X ħareġ bil-pensjoni, quddiem il-kumitat tal-appelli li kien meħtieġ jiddeċiedi dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha fir-rigward tas-sena 2010. Issa, peress li l-proċedura ta’ appell kollha kienet bdiet taħt ir-responsabbiltà ta’ X, dan tal-aħħar, qabel ħareġ bil-pensjoni, kien għadda kopja ta’ wieħed mill-memoranda tiegħu lis-suċċessur tiegħu, id-Direttur Ġenerali l-ġdid tad-DĠ “Ġestjoni tar-riskji”. Dawn il-fatti, li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti matul is-seduta, jistgħu għalhekk jispjegaw ix-xebh osservat bejn sentenza li tinsab f’dawn iż-żewġ estratti. Fil-fatt, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ raġonevolment jistenna li X għadda lis-suċċessur tiegħu l-informazzjoni kollha li fil-fehma tiegħu kienet rilevanti sabiex ikun jista’ jiddeċiedi dwar l-appell formali msemmi iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, iż-żewġ siltiet ipprovduti mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi pprovat b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi li l-Bank kien bagħat lid-Direttur Ġenerali l-ġdid tad-DĠ “Ġestjoni tar-riskji” l-memorandum li X kien ifformula b’risposta għall-ilment tar-rikorrenti.

    139    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-iskambju ta’ ittri elettroniċi bejn ir-rikorrenti u membru tal-persunal ieħor tal-Bank, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li l-ewwel ittra elettronika li fiha jissemma l-fatt li d-Direttur Ġenerali l-ġdid tad-DĠ “Ġestjoni tar-riskji” kien iddikjara, quddiem il-kumitat tal-appelli li kien meħtieġ jiddeċiedi dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha fir-rigward tas-sena 2010, li kien irċieva kopja tal-memorandum li X kien ippreżenta fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni mibdija fuq il-bażi tal-ilment tagħha dwar fastidju u li kien għaddieh lil persuna li tagħha r-rikorrenti kienet is-superjur ġerarkiku kienet inkitbet mir-rikorrenti fil-21 ta’ Marzu 2012. F’din l-ittra elettronika, ir-rikorrenti staqsiet lill-interlokutur tagħha jekk it-test li hija kienet ifformulat kienx jirrifletti dak li kien qal id-Direttur Ġenerali l-ġdid tad-DĠ “Ġestjoni tar-riskji” matul is-smigħ tiegħu mill-kumitat tal-appelli, li għalih kienu preżenti kemm ir-rikorrenti u kemm l-interlokutur tal-ittra tagħha. Fl-ittra elettronika ta’ risposta tiegħu, mibgħuta l-għada, il-membru tal-persunal inkwistjoni kkonferma l-formulazzjoni tat-test imħejji mir-rikorrenti.

    140    F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li l-membru tal-persunal tal-Bank ikkonċernat mill-iskambju ta’ ittri elettroniċi invokat mir-rikorrenti ma pprovdiex xhieda diretta iżda sempliċement ikkonferma l-kummenti fformulati mir-rikorrenti stess, formulazzjoni li barra minn hekk tħejjiet fil-21 ta’ Marzu 2012, meta s-smigħ quddiem il-kumitat tal-appell kien seħħ fl-2011. Barra minn hekk, l-ittra elettronika tar-rikorrenti tirreferi għat-trażmissjoni tal-memorandum ta’ X lil membru tal-persunal wieħed tal-Bank u mhux, kif tallega fir-rikors tagħha, għal “ċerti membri tal-persunal”. Għaldaqstant, l-iskambju ta’ ittri elettroniċi invokat mir-rikorrenti ma għandux, fil-kawża ineżami, valur probatorju suffiċjenti ta’ natura li jistabbilixxi li l-Bank ittrażmetta lid-Direttur Ġenerali l-ġdid tad-DĠ “Ġestjoni tar-riskji”, kif ukoll lil diversi membri tal-persunal tad-Diviżjoni tal-koordinazzjoni, il-memorandum imħejji minn X b’risposta għall-ilment tar-rikorrenti.

    141    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, peress li r-rikorrenti ma pprovdietx provi insostenn tat-teżi tagħha, ma ġiex stabbilit li l-Bank ta aċċess lil terzi għall-fajl tal-investigazzjoni.

     Fuq il-komunikazzjoni tal-memorandum tal-14 ta’ Marzu 2011 kollu, inklużi l-annessi, lill-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju

    –       Fuq l-eżistenza tan-nuqqas

    142    Insostenn tal-argumenti tagħha fis-sens li l-Bank wettaq nuqqas amministrattiv meta kkomunika l-memorandum tal-14 ta’ Marzu 2011 flimkien mal-annessi lill-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju, ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzalità u tar-regoli ta’ protezzjoni tad-data prevista mill-politika.

    143    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li, fin-nota ta’ intervent tiegħu, il-KEPD iqajjem motiv ieħor, ibbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 45/2001. Meta saritlu mistoqsija dwar dan matul is-seduta, il-KEPD enfasizza li dan ma huwiex motiv ieħor iżda huwa argument li jissostanzja l-motiv imqajjem mir-rikorrenti.

    144    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li għalkemm ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-imsemmi Statut, u l-Artikolu 110(3) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku ma jipprekludux li intervenjent jippreżenta argumenti ġodda jew differenti minn dawk tal-parti li insostenn tagħha jintervjeni, għaliex inkella l-intervent tiegħu jkun limitat għal sempliċi repetizzjoni tal-argumenti mressqa fir-rikors, ma jistax jiġi aċċettat li dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-intervenjent jemenda jew jibdel il-qafas tat-tilwima kif iddefinit fir-rikors billi jqajjem motivi ġodda (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi BaByliss vs Il-Kummissjoni, T‑114/02, EU:T:2003:100, punt 417, u SELEX Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni, T‑155/04, EU:T:2006:387, punt 42). Għaldaqstant, ir-raġunament tal-KEPD ma jistax jintlaqa’ peress li, meta jsostni li l-Bank kiser ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001, il-KEPD qiegħed fil-fatt iqajjem motiv distint minn dak imqajjem mir-rikorrenti u bbażat fuq ksur tal-politika.

    145    Peress li l-KEPD ma għandux il-kwalità meħtieġa sabiex iqajjem motiv li fuqu ma jkunx ibbażat il-motiv, dan it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    146    B’dan premess, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu neċessarjament jikkonstata li l-politika tipprovdi espliċitament li l-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju għandha tiġi informata bis-suġġett tal-ilment u għandha tingħata l-informazzjoni neċessarja f’dan ir-rigward iżda ma għandhiex tirċievi kopja tal-memorandum tal-lanjant.

    147    Mill-formulazzjoni tal-politika jirriżulta li l-Bank ma osservahiex meta kkomunika l-memorandum tar-rikorrenti tal-14 ta’ Marzu 2011 kollu, inklużi l-annessi, lil X u lil Y. Għaldaqstant, il-Bank wettaq nuqqas li jista’ jimplika r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tiegħu.

    148    Din il-konklużjoni la hija mdgħajfa mill-obbligu tal-Bank li jirrispetta d-drittijiet tad-difiża u lanqas mill-ġurisprudenza X vs BĊE (EU:T:2001:251) invokata minnu. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Bank, il-proċedura ta’ investigazzjoni ma tistax twassal direttament għal sanzjoni fil-konfront tal-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju peress li l-imsemmija sanzjoni tista’ tirriżulta biss minn proċedura dixxiplinari. Għalhekk, peress li l-proċedura ta’ investigazzjoni ma setgħetx twassal għal att li jikkawża preġudizzju lill-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju, il-Bank ma kellux id-dritt li jikkomunikalhom id-data personali kollha tar-rikorrenti sabiex jirrispetta d-drittijiet tad-difiża tagħhom.

    149    Lanqas l-argument tal-Bank li r-rikorrenti kienet informata minn qabel li l-memorandum li jinkludi fih l-ilment tagħha kien ser jiġi kkomunikat lill-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju ma jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, il-fatt li r-rikorrenti ma oġġezzjonatx espliċitament għall-komunikazzjoni tal-memorandum tagħha, anki jekk jiġi aċċettat li l-Bank seta’ jinterpreta dan bħala kunsens taċitu għall-imsemmija komunikazzjoni, ma kienx jawtorizza lill-Bank jikser ir-regoli interni tiegħu stess, f’dan il-każ id-dispożizzjoni tal-politika li tipprevedi espliċitament li l-memorandum tal-lanjant ma għandux jiġi kkomunikat lill-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju.

    –       Fuq id-dannu morali u r-rabta kawżali

    150    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li r-rikorrenti ma tispjegax kif il-komunikazzjoni tal-memorandum tal-14 ta’ Marzu 2011 kollu, inklużi l-annessi, lill-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju fixklet l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ta’ investigazzjoni u kkawżatilha dannu morali. Għaldaqstant, ir-realtà ta’ dan id-dannu morali ma ġietx stabbilita.

    151    Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti fis-sens li l-komunikazzjoni tal-memorandum tal-14 ta’ Marzu 2011 kollu flimkien mal-annessi tiegħu lill-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju kellha riperkussjonijiet fuq l-ambjent tax-xogħol tagħha, li diġà kien wieħed ostili, sa fejn din il-komunikazzjoni qajmet xnigħat negattivi dwarha u għalhekk ippreġudikat ir-reputazzjoni u l-kredibbiltà tagħha, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li l-memorandum tal-14 ta’ Marzu 2011, inklużi l-annessi, jinkludi diversi elementi ta’ data personali tar-rikorrenti, b’mod partikolari data dwar l-istat tas-saħħa tagħha. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax ma jikkonstatax li t-trażmissjoni ta’ din id-data personali tar-rikorrenti lill-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju kkawżatilha dannu morali.

    –       Fuq il-kumpens għad-dannu

    152    Għandu jiġi osservat li r-rikors ma jinkludi ebda argumenti li jikkonċernaw speċifikament l-istima tad-dannu morali mġarrab mir-rikorrenti minħabba t-trażmissjoni mill-Bank tal-memorandum tal-14 ta’ Marzu 2011 kollu lill-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju.

    153    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha ssir stima ex æquo et bono tad-dannu morali mġarrab mir-rikorrenti, li jista’ jiġi stmat għal EUR 5 000, u l-Bank għandu jiġi kkundannat iħallas din is-somma lir-rikorrenti bħala kumpens għal dan id-dannu.

    2.     Fuq l-ostakolu għas-smigħ ta’ xhieda

    a)     L-argumenti tal-partijiet

    154    Ir-rikorrenti takkuża lill-Bank, minn naħa, li pprovda lil diversi persuni li hija kienet indikat bħala persuni li setgħu jinstemgħu mill-kumitat ta’ investigazzjoni informazzjoni żbaljata dwar l-eventwali xhieda tagħhom, bil-konsegwenza li dawn il-persuni rrifjutaw li jagħtu x-xhieda tagħhom. Min-naħa l-oħra, uħud minn dawn ix-xhieda potenzjali lanqas biss ġew informati li hija kienet issuġġeriethom bħala xhieda u ma ssejħux għal smigħ. B’hekk, il-Bank ostakola l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ta’ investigazzjoni u kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Dan in-nuqqas tal-Bank ikkawża lir-rikorrenti dannu morali li hija tistma ex aequo et bono f’ammont ta’ EUR 40 000.

    155    Il-Bank jikkontesta l-fondatezza tal-akkużi li huwa ostakola s-smigħ ta’ xhieda.

    b)     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

    156    Fir-rigward tal-ewwel ilment, mill-proċess fil-fatt jirriżulta li ċerti persuni li r-rikorrenti indikat bħala persuni li setgħu jinstemgħu mill-kumitat ta’ investigazzjoni kienu rrifjutat li jixhdu. Madankollu, ir-rikorenti ma ressqitx provi, u lanqas indizji, insostenn tat-teżi tagħha li dan ir-rifjut kien dovut għall-informazzjoni żbaljata pprovduta mill-Bank. Barra minn hekk, lanqas ir-rikorrenti stess ma tidher li hija konvinta dwar l-affermazzjoni tagħha peress li fir-rikors tagħha hija tindika li “jidher li [...] ċerti [persuni] kienu staqsew [...] lid-Dipartiment tar-riżorsi umani tal-Bank dwar din il-proċedura” u li “kienet ingħatatilhom” risposta. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

    157    Fir-rigward tat-tieni lment, ibbażat fuq l-argument li l-kumitat ta’ investigazzjoni ma stedinx sabiex jixhdu lill-persuni kollha indikati mir-rikorrenti bħala xhieda potenzjali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-politika tipprovdi li l-kumitat ta’ investigazzjoni għandu l-possibbiltà li jimxi bil-mod li huwa jidhirlu xieraq. Għalkemm huwa minnu li l-politika tipprovdi wkoll li l-kumitat ta’ investigazzjoni jintervista lix-“xhieda li jistgħu jissemmew [mil-lanjant]”, ma hemm xejn li jippermetti li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens li l-kumitat ta’ investigazzjoni huwa obbligat jistieden għal smigħ lix-xhieda potenzjali kollha msemmija mil-lanjant. Għall-kuntrarju, kif sostna ġustament il-Bank, huwa l-kumitat ta’ investigazzjoni li għandu jiddeċiedi liema huma l-persuni, fost dawk indikati mill-partijiet, li għandhom jinstemgħu. Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud ukoll.

    158    Peress li ż-żewġ ilmenti ġew miċħuda, għandu jiġi konkluż li ma ġiex stabbilit li l-Bank ostakola s-smigħ tax-xhieda proposti mir-rikorrenti.

    159    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, u mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu adottati l-miżuri istruttorji mitluba mir-rikorrenti, jirriżulta li l-Bank għandu jiġi kkundannat iħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 35 000 bħala kumpens għad-danni kkawżati mill-illegalità tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011 u mill-ksur min-naħa tal-Bank tal-politika.

     Fuq l-ispejjeż

    160    Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 87(2) tal-istess Regoli, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

    161    Mir-raġunijiet esposti f’din is-sentenza jirriżulta li, peress li essenzjalment ir-rikors intlaqa’, il-Bank huwa l-parti li tilfet. Barra minn hekk, fit-talbiet tagħha, ir‑rikorrenti talbet espliċitament li l-Bank jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi deċiż li l-Bank għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tar-rikorrenti, inklużi l-ispejjeż li l-intervent tal-KEPD ikkawża kemm lill-Bank u kemm lir-rikorrenti.

    162    Skont l-Artikolu 89(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

    Għal dawn il-motivi,

    IT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

    jaqta’ u jiddeċiedi:

    1)      Id-deċiżjoni tal-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment tas-27 ta’ Lulju 2011 hija annullata.

    2)      Il-Bank Ewropew tal-Investiment huwa kkundannat iħallas lil CG is-somma ta’ EUR 35 000.

    3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

    4)      Il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż ta’ CG.

    5)      Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, intervenjent, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

    Rofes i Pujol

    Bradley

    Svenningsen

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Lulju 2014.

    W. Hakenberg

     

           M. I. Rofes i Pujol

    Reġistratur

     

           Il-President

    Werrej


    Il-kuntest ġuridiku

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

    Fuq l-ammissibbiltà

    I –  Fuq it-tielet talba, għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ fastidju

    II –  Fuq il-ħames talba, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Settembru 2011

    III –  Fuq is-sitt talba, intiża għall-konstatazzjoni ta’ nuqqasijiet amministrattivi imputabbli lill-Bank

    Fuq it-talbiet għal annullament u fuq it-talbiet għad-danni

    I –  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011

    A –  L-argumenti tal-partijiet

    B –  Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

    II –  Fuq it-talbiet intiżi għall-kumpens tar-rikorrenti

    A –  Fuq il-kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-illegalitŕ tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011

    1.  L-argumenti tal-partijiet

    2.  Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

    B –  Fuq il-kumpens għad-danni allegatament imġarrba mir-rikorrenti minħabba l-fastidju psikoloġiku u l-ksur mill-Bank tad-dmir ta’ premura tiegħu

    1.  L-argumenti tal-partijiet

    2.  Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

    C –  Fuq il-kumpens għad-danni allegatament imġarrba minħabba nuqqasijiet amministrattivi imputabbli lill-Bank

    1.  Fuq il-ksur mill-Bank tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità tiegħu u tar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali prevista mill-politika

    a)  L-argumenti tal-partijiet

    b)  Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

    Fuq l-għoti ta’ aċċess lil terzi għall-fajl tal-investigazzjoni

    Fuq il-komunikazzjoni tal-memorandum tal-14 ta’ Marzu 2011 kollu, inklużi l-annessi, lill-persuni allegatament responsabbli għall-fastidju

    –  Fuq l-eżistenza tan-nuqqas

    –  Fuq id-dannu morali u r-rabta kawżali

    –  Fuq il-kumpens għad-dannu

    2.  Fuq l-ostakolu għas-smigħ ta’ xhieda

    a)  L-argumenti tal-partijiet

    b)  Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

    Fuq l-ispejjeż


    * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top