EUR-Lex Baza aktów prawnych Unii Europejskiej

Powrót na stronę główną portalu EUR-Lex

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 62011FJ0046

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla) 11 ta’ Lulju 2013.
Marie Tzirani vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Servizz pubbliku — Fastidju psikoloġiku — Kunċett ta’ fastidju — Talba għal assistenza — Investigazzjoni amministrattiva dwar allegazzjonijiet ta’ fastidju — Deċiżjoni li tingħalaq l-investigazzjoni amministrattiva mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri — Żmien raġonevoli sabiex tiġi konkluża investigazzjoni amministrattiva — Obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni li tagħlaq l-investigazzjoni amministrattiva — Portata.
Kawża F‑46/11.

Identyfikator ECLI: ECLI:EU:F:2013:115

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

11 ta’ Lulju 2013 ( *1 )

“Servizz pubbliku — Fastidju psikoloġiku — Kunċett ta’ fastidju — Talba għall-għajnuna — Inkjesta amministrattiva dwar allegazzjonijiet ta’ fastidju — Deċiżjoni li tingħalaq inkjesta amministrattiva mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri — Żmien raġonevoli sabiex tiġi konkluża inkjesta amministrattiva — Obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni li tagħlaq l-inkjesta amministrattiva — Portata”

Fil-Kawża F‑46/11,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu,

Marie Tzirani, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti fi Brussell (il-Belġju), inizjalment irrappreżentata minn É. Boigelot u S. Woog, sussegwentement minn É. Boigelot, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn V. Joris u P. Pecho, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, avukat, sussegwentement minn V. Joris, bħala aġent, assistit minn B. Wägenbaur, avukat,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),

komposta minn M. I. Rofes i Pujol, President, I. Boruta u K. Bradley (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

B’att li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal fl-14 ta’ April 2011, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors li permezz tiegħu talbet, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ma tiħux azzjoni ulterjuri fir-rigward tat-talba tagħha għall-għajnuna u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tikkumpensa d-dannu allegatament imġarrab.

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi:

“1.   Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.

2.   Dan id-dritt jinkludi:

[…]

c)

l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.

[…]”

3

L-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) huwa fformulat kif ġej:

“Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kull diskriminazzjoni bbażata fuq kull raġuni, bħas-sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, fatturi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew kull opinjoni oħra, sħubija f’minorita nazzjonali, proprjetà, twelid, disabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali, hija pprojbita.

[…]”

4

L-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“‘Turment psikoloġiku’; ifisser kull imġiba mhux xierqa li ssir tul perijodu, hija ripetittiva jew sitematika u tinvolvi atteġġament fisku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra li huma intenzjonali u li jistgħu jbaxxu l-personalità, dinjità, jew integrità fisika jew psikoloġika ta’ xi persuna.”

5

Skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“L-Unjoni għandha tassisti kull uffiċjal, partikolarment fi proċeduri kontra kull persuna li tagħmel theddid, atti jew kliem ta’ insult jew defamatorji, jew kull attakk fuq persuna jew proprjeta’ li għalihom huwa jew membru mill-familja tiegħu huwa suġġett minħabba l-posizzjoni jew id-dmirijiet tiegħu.

Huma għandhom jikkumpensaw in solidum l-uffiċjal għall-ħsara li sofra fit-tali każijiet, sakemm l-uffiċjal ma kkawżax il-ħsara intenzjonalment jew b’negliġenza gravi u ma kienx kapaċi jikseb kumpens mill-persuna li kkważata.”

6

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Kull deċiżjoni relatata ma’ individwu speċifiku li tittieħed taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandha tkun ikkomunikata minnufih bil-miktub lill-uffiċjal konċernat. Kull deċiżjoni li taffettwa ħażin uffiċjal għandha tagħti ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata.”

7

Skont l-Artikolu 2(2) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-proċedura dixxiplinarja:

“L-Awtorità tal-Ħatra għandha tinforma l-persuna kkonċernata meta tintemm l-investigazzjoni, u għandha tikkomunikalha l-konklużjonijiet ta’ l-investgazzjoni u, meta mitluba u suġġetta għall-ħarsien ta’ l-interessi leġittimi ta’ persuni terzi, id-dokumenti kollha li direttament relatati ma’ l-allegazzjonijiet li saru kontrih.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

8

Ir-rikorrenti, li bdiet taħdem mal-Kummissjoni fl-1977, ġiet assenjata, b’effett mill-1 ta’ Lulju 1991, mad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “IX ‘Persunal u Amministrazzjoni’”, li issa sar id-DĠ “Riżorsi umani u sigurtà” (iktar ’il quddiem id-“DĠ Persunal”).

9

Fl-2003, ir-rikorrenti applikat għall-kariga ta’ Direttur tad-Direttorat B “Regolamenti tal-Persunal: politika, ġestjoni u konsulenza” tad-DĠ Persunal (iktar ’il quddiem id-“Direttorat B”), kif ukoll għall-kariga ta’ direttur tad-Direttorat C “Politika soċjali, persunal fil-Lussemburgu, saħħa u iġjene” tal-istess Direttorat Ġenerali (iktar ’il quddiem id-“Direttorat C”). Fiż-żewġ każijiet, ir-rikorrenti ġiet inkluża fil-lista iżda finalment l-amministrazzjoni għażlet kandidati oħra, is-Sur A għad-Direttorat B u s-Sinjura B għad-Direttorat C.

10

Ir-rikorsi li tressqu mir-rikorrenti kontra l-ħatriet tas-Sur A u tas-Sinjura B ġew annullati b’żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Lulju 2006 (Tzirani vs Il-Kummissjoni, T‑45/04 u Tzirani vs Il-Kummissjoni, T‑88/04). Sussegwentement, ir-rikorrenti kkontestat quddiem it-Tribunal l-eżekuzzjoni tas-sentenza T‑45/04 b’rikors li ta lok għas-sentenza tat-Tribunal tat-22 ta’ Ottubru 2008, Tzirani vs Il-Kummissjoni (F‑46/07), li permezz tagħha t-Tribunal annulla d-deċiżjoni l-ġdida ta’ ħatra tas-Sur A fil-kariga ta’ direttur tad-Direttorat B u kkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa lir-rikorrenti għal danni.

11

Fl-1 ta’ Jannar 2003, ir-rikorrenti ġiet assenjata fl-Uffiċċju “Ġestjoni u likwidazzjoni tad-drittijiet individwali” (PMO) bħala kap tad-diviżjoni. Fl-1 ta’ Ottubru 2004, is-Sinjura C ġiet maħtura bħala direttur temporanju tal-PMO u, b’effett mis-16 ta’ Frar 2005, inħatret direttur tal-PMO.

12

F’posta elettronika tal-25 ta’ Mejju 2005 u tas-17 ta’ Frar 2006 indirizzata lill-kap tagħha, is-Sinjura C, ir-rikorrenti allegat li l-aġir ta’ din tal-aħħar fil-konfront tagħha seta’ jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku.

13

Fil-5 ta’ Diċembru 2007, ir-rikorrenti ressqet talba għall-għajnuna abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem it-“talba tal-5 ta’ Diċembru 2007” jew it-“talba għall-għajnuna”). Hija sostniet li kienet sfat vittma ta’ fastidju psikoloġiku u talbet lill-Kummissjoni tiftaħ inkjesta amministrattiva sabiex teżamina dawn il-fatti u tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tirrimedja din is-sitwazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti esprimiet ix-xewqa li t-talba għall-għajnuna tagħha tiġi pproċessata minn dipartiment ieħor tal-Kummissjoni għajr id-DĠ Persunal, fejn hija kienet taħdem.

14

B’messaġġ elettroniku tat-18 ta’ Diċembru 2007, is-segretarju ġenerali tal-Kummissjoni informa lir-rikorrenti li t-talba tagħha għall-għajnuna kienet ser tiġi pproċessata mill-Uffiċċju ta’ investigazzjoni u ta’ dixxiplina tal-Kummissjoni (IDOC).

15

Fis-7 ta’ Frar 2008, ir-rikorrenti sfat vittma ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol tagħha, u wara dan hija ħarġet bil-leave tal-mard għal żmien twil. Fi Frar 2009, ir-rikorrenti ħadet il-pensjoni, mingħajr ma assumiet il-funzjonijiet tagħha mill-ġdid.

16

B’messaġġ elettroniku tas-6 ta’ Ġunju 2008 indirizzat lil IDOC, ir-rikorrenti staqsiet dwar l-investigazzjoni tat-talba tagħha għall-għajnuna. B’nota tad-9 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrenti ġiet infurmata mill-aġent inkarigat mit-tmexxija tal-inkjesta (iktar ’il quddiem l-“investigatur”) dwar id-deċiżjoni tas-segretarju ġenerali tal-Kummissjoni li jiftaħ inkjesta amministrattiva. F’din l-istess nota, l-investigatur indika li kien ser jipproċedi għall-inkjesta bl-assistenza teknika tal-IDOC. L-investigatur ippreċiża f’dan ir-rigward li s-segretarju ġenerali tal-Kummissjoni kien iddeċieda li jassenja din l-inkjesta lil persuna esterna mill-IDOC, sabiex jiġi evitat kull kunflitt ta’ interessi reali jew apparenti. Finalment, l-investigatur informa lir-rikorrenti li kienet ser tiġi kkuntattjata “fil-jiem li ġejjin” għal laqgħa, sabiex tkun tista’ tippreċiża l-allegazzjonijiet tagħha.

17

B’messaġġ elettroniku tas-7 ta’ Novembru 2008, l-investigatur skuża ruħu mar-rikorrenti għad-dewmien fil-ftuħ tal-proċedura ta’ inkjesta.

18

Fil-21 ta’ Novembru 2008, u sussegwentement fil-5 ta’ Marzu 2009, ir-rikorrenti lmentat li ma kienet irċeviet ebda aħbar dwar il-fajl tagħha u talbet lill-investigatur informazzjoni dwar jekk kienx hemm żviluppi fir-rigward tal-fajl tagħha. Fis-6 ta’ Marzu 2009, l-investigatur skuża ruħu għad-dewmien “tal-implementazzjoni tal-proċess miftiehem”.

19

Fid-9 ta’ Marzu 2009, l-investigatur stieden lir-rikorrenti tixhed fil-kuntest tal-inkjesta amministrattiva, u hija għamlet dan fid-19 ta’ Marzu 2009.

20

Fit-30 ta’ Ġunju 2009, ir-rikorrenti talbet mill-ġdid bil-miktub informazzjoni mingħand l-investigatur dwar il-fajl tagħha u talbet li ssir laqgħa oħra sabiex tippreżentalu prova ġdida. L-għada, l-investigatur bagħat messaġġ elettroniku lir-rikorrenti fejn huwa assuma “personalment ir-responsabbiltà għad-dewmien twil tal-inkjesta” u ammetta li “minkejja l-isforzi [tiegħu]” huwa ma setax “jassumi […] b’mod parallel bir-ritmu li huwa ried” l-ipproċessar tal-fajl tal-inkjesta u l-fajls relatati mal-kompiti attwali tiegħu.

21

Il-laqgħa mitluba mir-rikorrenti nżammet fid-29 ta’ Settembru 2009.

22

Fit-8 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti talbet lill-investigatur jingħata aċċess għall-minuti tas-seduti li saru fil-kuntest tal-inkjesta amministrattiva. Peress li ma rċeviet ebda risposta, hija reġgħet tenniet tali talba fil-25 ta’ Novembru 2009.

23

B’messaġġ elettroniku tas-27 ta’ Novembru 2009, l-investigatur ċaħad it-talba għal aċċess għall-minuti tas-seduti billi invoka l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-inkjesta amministrattiva u tad-data personali.

24

Bejn l-1 u l-4 ta’ Diċembru 2009, u sussegwentement fit-22 ta’ Jannar 2010, ir-rikorrenti rrevediet, flimkien ma’ membru tal-persunal tal-IDOC, l-annessi mehmuża mat-talba tagħha għall-għajnuna.

25

Fl-14 ta’ Frar 2010, ir-rikorrenti indirizzat dokument ġdid lill-investigatur.

26

Fid-19 ta’ Frar 2010, ir-rikorrenti ppreżentat ilment lill-Ombudsman Ewropew dwar it-tul ta’ żmien tal-inkjesta.

27

Fit-23 ta’ April 2010, l-investigatur adotta r-rapport finali tal-inkjesta u ppropona lis-segretarju ġenerali tal-Kummissjoni ma jiħux azzjoni ulterjuri dwar l-inkjesta miftuħa b’risposta għat-talba għall-għajnuna tar-rikorrenti.

28

Mill-fajl jirriżulta li, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni quddiem l-Ombudsman Ewropew fil-15 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrenti ġiet infurmata dwar l-adozzjoni tar-rapport finali tal-inkjesta u l-konklużjonijiet tal-investigatur.

29

Fl-10 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti rċeviet id-deċiżjoni tas-segretarju ġenerali tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ Ġunju 2010, li ma tittiħidx azzjoni ulterjuri fir-rigward tat-talba għall-għajnuna (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni” jew id-“deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2010”). Id-deċiżjoni inkwistjoni ma kellhiex rapport finali tal-inkjesta, li fuqu kienet ibbażata.

30

B’ittra tal-25 ta’ Awwissu 2010, il-konsulent legali tar-rikorrenti allega li l-Kummissjoni kienet informat lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2010 biss xahrejn u tlett ijiem wara li ġiet adottata, mingħajr ma ntbagħtet b’posta rreġistrata u mingħajr ma ġiet trażmessa kopja lilu, għall-kuntrarju ta’ dak li r-rikorrenti kienet espressament talbet fit-talba għall-għajnuna.

31

Fis-7 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti ressqet ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni inkwistjoni.

32

Fil-15 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni rrispondiet lill-konsulent legali tar-rikorrenti billi sostniet li d-deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2010 ma kinitx ġiet indirizzata lilu “minħabba żball amministrattiv” u li d-data li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-terminu “għall-preżentata ta’ rikors” kienet l-10 ta’ Awwissu 2010.

33

Fuq talba mill-konsulent legali tar-rikorrenti, b’ittra tal-14 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni kkonfermat li t-terminu “rikors” użat fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 2010 kien jikkonsisti fi “żball ta’ formulazzjoni”, li t-talba kienet ġiet irreġistrata fis-7 ta’ Settembru 2010 u li dik id-data kellha “tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu tar-risposta” għat-talba.

34

It-talba ġiet miċħuda b’deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2010, li ġiet innotifikata lir-rikorrenti fl-4 ta’ Jannar 2011.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

35

Ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal jogħġbu:

jordna lill-Kummissjoni tipproduċi l-fajl tal-inkjesta amministrattiva u, b’mod partikolari, ir-rapport finali tal-inkjesta u d-dokumenti relatati kif ukoll il-minuti tas-seduti li saru matul l-inkjesta;

jannulla d-deċiżjoni inkwistjoni;

jikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa d-danni morali fl-ammont ta’ EUR 10 000, bla ħsara għal żieda matul il-kawża, kif ukoll tirrimborsa l-piż finanzjarju mġarrab fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża;

jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

36

Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal jogħġbu:

jiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu bħala infondat;

jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

37

B’ittra lir-Reġistru tal-31 ta’ Jannar 2012, it-Tribunal talab lill-Kummissjoni tipproduċi r-rapport finali tal-inkjesta waqt li tispeċifika li kien permessibbli li tibgħat verżjoni kunfidenzjali. Il-Kummissjoni ppreżentat l-imsemmi rapport lir-reġistru fis-16 ta’ Frar 2012 mingħajr ma talbet trattament kunfidenzjali.

38

B’ittra tas-27 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrenti indikat lit-Tribunal li r-rapport finali tal-inkjesta mibgħut mill-Kummissjoni ma kienx jinkludi l-annessi li jindikaw l-attivitajiet ta’ inkjesta mwettqa kif ukoll is-smigħ tax-xhieda jew tal-persuni kkonċernati u stiednet lit-Tribunal jitlob lill-Kummissjoni tibgħathom. B’ittra tat-12 ta’ Lulju 2012, ir-Reġistru informa lill-partijiet bid-deċiżjoni tat-Tribunal li ma jilqax dik it-talba.

39

Il-proposta li saret lill-partijiet mit-Tribunal, biex jilħqu ftehim bonarju dwar il-kwistjoni, ma rnexxitx.

Id-dritt

A – Fuq it-talbiet intiżi li l-Kummissjoni tintalab tipproduċi l-fajl tal-inkjesta amministrattiva

40

Ir-rikorrenti titlob lit-Tribunal jordna lill-Kummissjoni tipproduċi, abbażi ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-fajl tal-inkjesta amministrattiva u, b’mod partikolari, ir-rapport finali tal-inkjesta u d-dokumenti relatati, kif ukoll il-minuti tas-seduti li saru matul l-inkjesta.

41

It-Tribunal huwa tal-fehma li, fil-kuntest ta’ lment dwar fastidju psikoloġiku, hemm lok, ħlief f’ċirkustanzi partikolari, li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tax-xhieda li tkun inġabret, inkluż matul il-proċedura kontenzjuża, inkwantu l-perspettiva li titneħħa din il-kunfidenzjalità fl-istadju kontenzjuż tista’ tipprekludi t-twettiq ta’ inkjesti newtrali u oġġettivi li jinkludu l-kollaborazzjoni llimitata tal-membri tal-persunal li jintalbu jagħtu x-xhieda tagħhom (sentenza tat-Tribunal tat-12 ta’ Diċembru 2012, Cerafogli vs Il-BĊE, F‑43/10, punt 222, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑114/13 P). Ir-rikorrenti ma ressqitx provi biżżejjed sabiex tiġġustifika li, f’dan il-każ, it-Tribunal idderoga minn dik il-prekawzjoni.

42

Fid-dawl ta’ dak li ntqal u tal-fatt li, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni pproduċiet ir-rapport finali tal-inkjesta, mingħajr l-annessi tagħha, liema rapport intbagħat lir-rikorrenti, u peress li t-Tribunal iqis fi kwalunkwe każ li għandu biżżejjed informazzjoni permezz tan-noti skambjati u permezz tar-risposti tal-partijiet għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għad-domandi li saru matul is-seduta, hemm lok li jiġu miċħuda t-talbiet imsemmija hawn fuq fir-rigward tal-annessi għar-rapport finali tal-inkjesta.

B – Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni

43

Insostenn tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi bbażati, rispettivament, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq żball ta’ dritt, fuq ksur tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, fuq ksur tad-dmir ta’ assistenza, fuq ksur tad-dmir ta’ premura u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, u finalment fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi

a) L-argumenti tal-partijiet

44

Ir-rikorrenti hija tal-fehma li d-deċiżjoni inkwistjoni hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni inkwantu s-segretarju ġenerali tal-Kummissjoni, li kien qiegħed jaġixxi fil-kwalità ta’ awtorità tal-ħatra (iktar ’il quddiem l-“AIPN”) ikkunsidrat li l-aġir li bih hija akkużat kemm lill-kapijiet tagħha kif ukoll lill-kollegi tagħha ma kienx jaqa’ taħt il-kwalifikazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku u, għaldaqstant, ma ħax azzjoni ulterjuri rigward it-talba għall-għajnuna. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal meta ssuġġettat l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku mat-twettiq ta’ kundizzjonijiet li ma humiex previsti minn din id-dispożizzjoni.

45

Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, il-kundizzjonijiet kollha sabiex jiġi stabbilit fastidju psikoloġiku huma sodisfatti. Fl-ewwel lok, hija tindika li l-aġir allegat huwa intenzjonali, sostenibbli u repetittiv. Fit-tieni lok, hija tallega li saħħitha marret lura sostanzjalment u li, mill-2006, hija batiet minn dipressjoni marbuta mal-fastidju psikoloġiku li hija ġarrbet. Fit-tielet lok, hija takkuża lill-Kummissjoni li kkonkludiet, fid-deċiżjoni li ċaħdet it-talba tagħha, li “l-inkjesta amministrattiva li saret wara t-talba għall-għajnuna […] ma setgħetx tistabbilixxi […] li r-[rikorrenti] kienet suġġetta għal trattament diskriminatorju u degradanti”, waqt li dik il-kundizzjoni ma tinsabx fid-definizzjoni ta’ fastidju psikoloġiku prevista fl-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, li ma teżiġix li tintwera n-natura diskriminatorja tal-aġir ikkwalifikat bħala fastidju.

46

Rigward il-fatti, għall-perijodu bejn l-1999 u t-30 ta’ Settembru 2004, jiġifieri qabel ma s-Sinjura C assumiet il-funzjonijiet tagħha bħala direttriċi tal-PMO, ir-rikorrenti allegat li sofriet b’mod progressiv minn attitudni negattiva u kritiki mhux iġġustifikati min-naħa tal-kapijiet tagħha, kif ukoll minn uħud mill-kollegi tagħha, li kienu jarawha bħala kompetitriċi potenzjali għal karigi ta’ responsabbiltà, minkejja li l-prestazzjoni u l-attitudni tagħha fuq ix-xogħol ma kinux inbidlu. Dik l-attitudni negattiva mmanifestat ruħha permezz ta’ tnaqqis fil-marki mogħtija lilha, proposta sabiex hija titlob l-irtirar kmieni mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ rilaxx”) li hija kkunsidrat bħala umiljanti, kif ukoll bil-fatt li s-soluzzjonijiet li hija pproponiet għal uħud mill-kwistjonijiet problematiċi kienu sistematikament injorati. Skont ir-rikorrenti, dan l-aġir ma kienx sempliċi nuqqas ta’ qbil mal-kapijiet tagħha u ma’ parti mill-kollegi tagħha, iżda kien jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku.

47

Għall-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2004, id-data meta s-Sinjura C assumiet il-funzjonijiet tagħha bħala l-kap tal-PMO, u l-5 ta’ Diċembru 2007, id-data meta r-rikorrenti ppreżentat it-talba tagħha għall-għajnuna, ir-rikorrenti akkużat lid-direttur tagħha, is-Sinjura C, li b’mod sistematiku u ripetut eskludietha mill-gruppi ta’ ħidma u mil-laqgħat dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, li ċaħditha minn aċċess għal informazzjoni importanti, li rrifjutat li tallokalha riżorsi ta’ persunal suffiċjenti sabiex tkun tista’ twettaq il-kompiti li kellha teżegwixxi, u li xeħtet dubju fuq il-kompetenzi tagħha permezz ta’ posta elettronika mibgħuta b’kopja lil diversi uffiċjali jew membri tal-persunal oħra.

48

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni inkwistjoni hija vvizzjata bi żball ta’ liġi inkwantu teskludi l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku abbażi tal-fatt li “l-inkjesta setgħet turi wkoll li [is-Sinjura C] ma kellhiex intenzjoni malizzjuża fil-konfront tagħha u li l-istil ta’ ġestjoni [tas-Sinjura C] ma kienx ikopriha speċifikament”.

49

Il-Kummissjoni fl-ewwel lok titlob lit-Tribunal jiċħad bħala inammissibbli dan il-motiv abbażi tal-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura minħabba l-fatt li r-rikorrenti, wara li sostniet fir-rikors tagħha li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal kienu sodisfatti, sempliċement irreferiet għall-annessi tar-rikors.

50

Fir-rigward il-mertu, il-Kummissjoni kkunsidrat li ebda waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi stabbilit fastidju psikoloġiku ma kienet ġiet issodisfatta. Fil-fatt, minn naħa, ebda waħda mill-provi mressqa mir-rikorrenti ma tista’ turi l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma ġabitx prova li ġarrbet dannu kontra l-integrità fiżika u psikika tagħha.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

51

Preliminarjament, it-Tribunal jikkonstata li r-rikors jippreżenta b’mod sintetiku, koerenti u komprensibbli l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt invokati insostenn ta’ dan il-motiv u jindika bi preċiżjoni l-elementi ta’ prova insostenn tal-argumenti li hija tippreżenta billi jagħmel referenzi għad-diversi annessi. Minn dan isegwi li, fir-rigward ta’ dan il-motiv, ir-rikors huwa konformi mal-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura b’mod li r-rifjut issollevat mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

52

Fir-rigward tal-mertu, it-Tribunal ifakkar li l-Artikolu 12 a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jeżiġix li intenzjoni malizzjuża min-naħa tal-persuna li allegatament tagħti fastidju għandha tkun element neċessarju għall-kwalifikazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku (sentenzi tat-Tribunal tad-9 ta’ Diċembru 2008, Q vs Il-Kummissjoni, F‑52/05, punt 133, mhux annullata fuq dan il-punt mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P, u tas-26 ta’ Frar 2013 Labiri vs KESE, F‑124/10, punt 65).

53

Fil-fatt, l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxi l-fastidju psikoloġiku bħala “imġieba mhux xierqa” li sabiex isseħħ jeħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel kundizzjoni tirrigwarda l-eżistenza ta’ aġir, kliem, atti, ġesti jew kitbiet li jseħħu “tul perijodu, hija ripetittiva jew si[s]tematika” u li huma “intenzjonali”. It-tieni kundizzjoni, li hija sseparata mill-ewwel waħda permezz tal-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “u” teżiġi li tali aġir, kliem, atti, ġesti jew kitbiet ikollhom l-effett li “jagħmlu dannu lill-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna” (sentenzi Q vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 134 u Labiri vs KESE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66).

54

Peress li l-aġġettiv “intenzjonali” jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, u mhux it-tieni waħda, huwa possibbli li jinsiltu żewġ konklużjonijiet. Minn naħa, l-aġir, il-kliem, l-atti, il-ġesti jew il-kitbiet, previsti fl-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom ikunu ta’ natura volontarja, ħaġa li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-aġir li jseħħu b’mod aċċidentali. Min-naħa l-oħra, a contrario ma huwiex meħtieġ li tali aġir, kliem, atti, ġesti jew kitbiet ikunu twettqu bl-intenzjoni li jistgħu jippreġudikaw il-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna. Fi kliem ieħor, jista’ jkun hemm fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr ma l-persuna li tagħti fastidju jkollha l-intenzjoni, permezz tal-aġir tagħha, li tiskredita l-vittma jew li deliberatament tiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. Jeħtieġ biss li l-aġir tagħha, inkwantu jkun twettaq volontarjament, ikun wassal oġġettivament għal dawk il-konsegwenzi (sentenzi Q vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 135 u Labiri vs KESE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).

55

Għandu jingħad li interpretazzjoni kuntrarja tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal ikollha r-riżultat li tneħħi l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni, minħabba d-diffikultà li tintwera l-intenzjoni malizzjuża tal-persuna li tagħti fastidju psikoloġiku. Fil-fatt, jekk ikun każ fejn dik l-intenzjoni tista’ tiġi dedotta naturalment mill-imġiba tal-awtur tagħha, għandu jiġi rrilevat li dawk il-każijiet huma rari u li, fil-biċċa l-kbira tas-sitwazzjonijiet, il-persuna li allegatament tagħti fastidju toqgħod attenta minn kull imġiba li tista’ tindika li hija jkollha intenzjoni tiskredita lill-vittma tagħha jew li tiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha (sentenzi Q vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 136, u Labiri vs KESE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

56

Fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il-Kummissjoni (F‑42/10), it-Tribunal ippreċiża li l-kwalifika bħala fastidju hija suġġetta għall-kundizzjoni li din tkun oġġettivament realistika biżżejjed, fis-sens li osservatur imparzjali u raġonevoli, li jkollu sensittività normali u li jitpoġġa fl-istess kundizzjonijiet, iqisha bħala eċċessiva u kritikabbli (sentenza Skareby vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

57

F’din il-kawża, hemm lok li jiġi eżaminat fl-ewwel lok jekk l-AIPN, li hija inkarigata tiddeċiedi dwar it-talba, wettqitx żball ta’ liġi meta eskludiet, fid-deċiżjoni li tiċħad it-talba, l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku peress li r-rikorrenti ma kinitx suġġetta għal trattament diskriminatorju. F’dan ir-rigward, it-Tribunal ifakkar li, skont il-ġurisprudenza, jekk deċiżjoni espliċita li tiċħad talba tkun introduċiet spjegazzjonijiet importanti fir-rigward tal-motivi adottati mill-amministrazzjoni fid-deċiżjoni inizjali, l-identifikazzjoni konkreta tal-motivi tal-amministrazzjoni għandha tirriżulta minn qari kkombinat ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet (sentenza Skareby vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Dan premess, mid-deċiżjoni li tiċħad it-talba jirriżulta li l-Kummissjoni ma eżiġietx li l-eżistenza ta’ fastidju tkun dipendenti fuq il-kundizzjoni li tkun teżisti diskriminazzjoni. Fil-fatt, b’risposta għad-diversi lmenti tar-rikorrenti, l-AIPN, li kienet inkarigata tiddeċiedi dwar it-talba, sempliċement irrilevat li jirriżulta mir-rapport finali tal-inkjesta li, minn naħa, is-Sinjura C ma wettqitx fil-konfront tar-rikorrenti l-imġiba allegata, iżda li dan l-aġir kien jikkorrispondi għall-istil ġenerali tagħha ta’ ġestjoni tal-persunal u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti biss ipperċepixxiet dan l-aġir bħala fastidju psikoloġiku, u li s-sempliċi fatt li hija ma taqbilx ma’ dan l-istil ta’ ġestjoni tal-persunal ma kienx suffiċjenti sabiex jiġi kkwalifikat bħala fastidju psikoloġiku.

59

Għaldaqstant, dan l-ilment, dwar l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

60

Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-prinċipji msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li l-aġir li dwaru jilmentaw ir-rikorrenti ma jikkostitwixxix fastidju psikoloġiku. Għal dan il-għan, it-Tribunal jidhirlu li huwa neċessarju li jittratta separatament l-ilmenti li r-rikorrenti tifformula għall-perijodu mill-1999 sat-30 ta’ Settembru 2004 (iktar ’il quddiem l-“ewwel perijodu”) u dawk li jikkonċernaw il-perijodu wara t-30 ta’ Settembru 2004 (iktar ’il quddiem it-“tieni perijodu”).

Fuq l-ilmenti dwar l-ewwel perijodu

61

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li x-xnihat negattivi li kien hemm dwar l-allegati dgħjufijiet ta’ ġestjoni kellhom l-effett li jwasslu għal tnaqqis fl-evalwazzjonijiet fir-rapporti tal-evalwazzjoni tagħha għas-snin 1999 sa 2002 meta mqabbla mal-evalwazzjonijiet tas-snin preċedenti u evalwazzjonijiet inferjuri meta mqabbla ma’ kollegi oħra. Hija tilmenta barra minn hekk dwar il-fatt li t-tabelli komparattivi tal-marki mogħtija lill-kapijiet ta’ diviżjoni kienu tqassmu matul il-laqgħat ta’ ġestjoni. Skont ir-rikorrenti, fid-dawl tal-fatt li hija kienet inkluża f’dawn it-tabelli bħala l-kap tad-diviżjoni bl-agħar prestazzjoni, din il-komunikazzjoni kienet intiża li hija tiġi emarġinata u iżolata.

62

Fir-rigward tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti, it-Tribunal ifakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, noti u evalwazzjonijiet, anki jekk negattivi, li jkunu jinsabu f’rapport ta’ evalwazzjoni tal-persunal ma jistgħux fihom infushom jitqiesu bħala indikazzjoni li r-rapport ġie fformulat bi skop ta’ fastidju psikoloġiku (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-2 ta’ Diċembru 2008, K vs Il-Parlament, F‑15/07, punt 39).

63

F’din il-kawża, ir-rikorrenti ma tippreżenta ebda argument sabiex turi li l-kwalità tal-prestazzjoni tagħha ġiet evalwata b’mod inġust u, barra minn hekk, ma jirriżultax mill-fajl li hija ressqet ilmenti kontra r-rapporti ta’ evalwazzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li r-rikorrenti kellha marki inferjuri għal dawk ta’ wħud mill-kollegi tagħha, anki jekk kien veru, ma jistax jitqies bħala indikazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku.

64

Barra minn hekk, b’mod iktar speċifiku fir-rigward tar-rapport ta’ evalwazzjoni għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 1999 u t-30 ta’ Ġunju 2001, dan jinkludi evalwazzjoni “eċċezzjonali” u disa’ evalwazzjonijiet “superjuri”, u b’hekk ma huwiex inferjuri għar-rapport ta’ evalwazzjoni li jkopri l-perijodu preċedenti li kien jinkludi disa’ evalwazzjonijiet “superjuri” u evalwazzjoni “normali”, b’mod li l-argument tar-rikorrenti dwar tnaqqis fil-marka tagħha huwa fattwalment infondat. Fir-rigward tar-rapport ta’ evalwazzjoni għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2002, is-sempliċi fatt li r-rikorrenti kisbet 13-il punt ta’ mertu minn total ta’ 20, ma jistax ikun fih innifsu indikazzjoni ta’ fastidju, meta jitqies il-fatt li n-numru ta’ punti ta’ mertu rċevuti mir-rikorrenti fis-snin ta’ wara żdied b’mod kostanti. B’hekk, ir-rikorrenti kisbet 14.5 punt ta’ mertu fl-2003, 16 fl-2004, u 16.5 fl-2005 u l-2006.

65

Rigward it-tqassim, matul il-laqgħat ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni dwar in-noti miksuba mill-kapijiet ta’ diviżjoni, jirriżulta mill-fajl li s-Sinjura C stess, f’messaġġ elettroniku tas-6 ta’ April 2005 indirizzat lil kap ta’ diviżjoni tal-PMO u li kopja tiegħu ntbagħtet lir-rikorrenti, ikkwalifikat din il-komunikazzjoni bħala “inutli u inadatta”. Anki jekk nassumu li tali tqassim seta’ kellu l-effett li jagħmel ħsara lill-personalità, lid-dinjità jew lill-integrità fiżika ta’ persuna, ir-rikorrenti tindika biss żewġ episodji ta’ tali natura li seħħew bejn l-1999 u l-2007 u b’hekk ma stabbilixxietx li dan l-aġir immanifesta ruħu b’mod sostenibbli, ripetittiv jew sistematiku.

66

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkwalifika bħala fastidju psikoloġiku kemm il-proposta ta’ rilaxx li saritilha mid-Direttur Ġenerali tagħha waqt l-intervista fil-kuntest tar-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha għas-sena 2003, kif ukoll dik li ssir konsulenta għad-direttur il-ġdid tad-Direttorat B, li l-ħatra tiegħu hija kienet ikkontestat quddiem il-qorti tal-Unjoni.

67

It-Tribunal jikkonstata li fil-kuntest ta’ din il-kawża, dawn il-proposti ma jistgħux jitqiesu bħala fastidju psikoloġiku.

68

Fir-rigward tal-proposta ta’ rilaxx, mir-rapport finali tal-inkjesta jirriżulta li d-Direttur Ġenerali kkonċernat iddikjara li ma kienx jiftakar li għamel dik il-proposta lir-rikorrenti, iżda kieku din iċ-ċirkustanza seħħet, huwa kien jillimita ruħu li jsemmi dik li kienet sempliċi possibbiltà għaliha. It-Tribunal ifakkar, barra minn hekk, li r-rilaxx huwa mekkaniżmu mħaddem fuq bażi volontarja u li b’hekk proposta f’dan is-sens f’ebda każ ma tista’ tkun marbuta mad-destinatarju. Barra minn hekk, kieku l-AIPN aċċetta talba għar-rilaxx tar-rikorrenti, din tal-aħħar kien ikollha l-possibbiltà li tirtira qabel il-waqt, mingħajr tnaqqis tad-drittijiet tagħha għall-pensjoni. Jekk nassumu li fir-realtà seħħet tali proposta, li kienet tikkawża żvantaġġi ferm sostanzjali, ir-rikorrenti ma turix kif din kienet oġġettivament “umiljanti”.

69

Fir-rigward tal-proposta tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ Persunal li ssir konsulenta tad-direttur il-ġdid tad-Direttorat B, is-Sur A, huwa ċertament minnu li r-rikorrenti kienet applikat għal din l-istess kariga ta’ direttur u li hija kienet ikkontestat quddiem il-qorti tal-Unjoni l-ħatra tas-Sur A. Madankollu, għalkemm ir-rikorrenti kienet uriet f’diversi okkażjonijiet ir-rieda tagħha li ssir direttur, perijodu ta’ servizz bħala konsulenta ta’ direttur seta’ taha esperjenza professjonali rilevanti li hija setgħet tibbenefika minnha fil-futur. Tali proposta setgħet għalhekk issir kemm fl-interess tas-servizz kif ukoll f’dak tar-rikorrenti u, peress li r-rikorrenti naqset milli tipprovdi lit-Tribunal bi prova li turi li dik il-proposta setgħet tikkostitwixxi attakk kontra l-personalità, id-dinjità jew l-integrità psikoloġika tagħha, għandu jiġi kkonstatat li dik il-proposta ma setgħetx titqies bħala aġir li jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku.

70

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tindika bħala eżempji ta’ fastidju psikoloġiku ċerti kunflitti li hija kellha mal-kapijiet ta’ diviżjoni u ma’ kollegi. B’mod partikolari, hija tallega li rċeviet rimarki mhux f’lokhom u umiljanti min-naħa ta’ wieħed mill-kollaboraturi tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ Persunal matul il-preżentata ta’ riforma amministrattiva lill-persunal kollu ta’ dak id-Direttorat Ġenerali. Barra minn hekk, hija pproduċiet skambji ta’ messaġġi elettroniċi mal-kap ta’ diviżjoni oħra tal-PMO li kien jakkużaha li tirrisolvi l-problemi amministrattivi tagħha “wara dahar” din id-diviżjoni l-oħra.

71

It-Tribunal jikkonstata li mir-rapport finali tal-inkjesta jirriżulta li r-reazzjoni tal-kollaboratur tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ Persunal kienet segwiet kritiki qawwija mir-rikorrenti kontra r-riforma ppreżentata lill-persunal tad-Direttorat Ġenerali tagħhom. Fir-rigward tal-kunflitt imsemmi mal-kap ta’ diviżjoni oħra tal-PMO, il-proposti li jinsabu fil-posta elettronika ppreżentata mir-rikorrenti, żgur ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala fatti li jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku, iżda għandhom jitqiesu bħala l-manifestazzjoni ta’ kunflitt amministrattiv bejn żewġ kapijiet ta’ diviżjoni li kienu jikkritikaw lil xulxin apertament quddiem il-kap tagħhom. F’dan ir-rigward, it-Tribunal ifakkar li l-fatt li uffiċjal ikollu relazzjonijiet diffiċli jew ta’ kunflitt ma’ kollegi jew ma’ kapijiet ma jikkostitwixxix fih innifsu prova ta’ fastidju psikoloġiku (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ April 2008, Michail vs Il-Kummissjoni, T‑486/04, punt 61; sentenza tat-Tribunal tal-10 ta’ Novembru 2009, N vs Il-Parlament, F‑93/08, punt 93).

72

Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tilmenta dwar il-fatt li l-applikazzjoni tagħha għall-karigi ta’ direttur ġiet miċħuda diversi drabi u li d-Direttur Ġenerali tad-DĠ Persunal kien personalment taha parir li ma tippreżentax l-applikazzjoni tagħha għal karigi ta’ responsabbiltà.

73

Is-sempliċi fatt li l-applikazzjoni tar-rikorrenti ma ġietx aċċettata għall-karigi ta’ direttur ma jistax jitqies bħala fastidju.

74

Barra minn hekk, il-fatt li d-Direttur Ġenerali tar-rikorrenti esprima dubji dwar il-kapaċitajiet tagħha li tassumi l-kompiti ta’ direttur, waqt li kkunsidraha bħala kap ta’ diviżjoni tajba, lanqas ma jikkostitwixxi fih innifsu prova ta’ fastidju psikoloġiku. Barra minn hekk, ma jirriżultax mill-fajl, u r-rikorrenti lanqas ma tallega, li d-Direttur Ġenerali tagħha kien għamel proposti offensivi jew umiljanti meta esprima dubji dwar il-kapaċitajiet tagħha li teżerċita l-funzjonijiet ta’ direttur. F’dan ir-rigward, ir-rapport finali tal-inkjesta jistabbilixxi affermazzjonijiet tal-imsemmi Direttur Ġenerali li jsostni li “ma talabx b’mod brutali [lir-rikorrenti] li ma tapplikax” iżda li “prova jwasslilha l-messaġġ (b’mod kemm jista’ jkun newtrali) li [ma kienx qiegħed iħeġġiġha] tapplika, għaliex [kien jidhirlu] li hija ma kellhiex il-kapaċitajiet ta’ ġestjoni meħtieġa”. It-Tribunal ifakkar li anki l-osservazzjonijiet negattivi indirizzati lil membru tal-persunal ma jikkostitwixxux attakk kontra l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika tagħha, inkwantu dawn ġew ifformulati f’termini meqjusa u ma jirriżultax mid-dokumenti fil-fajl li kienu bbażati fuq akkużi abbużivi mingħajr ebda konnessjoni ma’ fatti oġġettivi (ara s-sentenza tat-Tribunal tal-24 ta’ Frar 2010, Menghi vs ENISA, F‑2/09, punt 110).

75

Fil-ħames lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li element konkret ta’ fastidju psikoloġiku li hija ġarrbet jikkonsisti fil-fatt li hija ġiet eskluża sistematikament mill-attivitajiet tad-Direttorat Ġenerali tagħha.

76

B’mod partikolari, ir-rikorrenti targumenta li meta fil-15 ta’ Ottubru 2002 tqassmet l-organigramma l-ġdida tad-DĠ Persunal, hija kienet l-unika kap ta’ diviżjoni li ma bbenefikatx minn dispożizzjoni tranżitorja li tikkonsisti fl-għoti fuq bażi temporanja ta’ żewġ titoli, wieħed ta’ “kap ta’ diviżjoni” u l-ieħor ta’ “aġent kap ta’ diviżjoni”. It-Tribunal ikkonstata li, meta titqies id-diskrezzjoni wiesgħa tal-istituzzjonijiet fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom, il-fatt li r-rikorrenti ma ġietx innominata sabiex tassumi funzjoni temporanja, limitata għal xahrejn, ma jistax jitqies bħala indikazzjoni ta’ fastidju.

77

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tilmenta li, f’Novembru 2002, ġiet eskluża mil-lista ta’ parteċipanti fi studju dwar il-leave u l-assenzi minkejja li hija kienet il-persuna prinċipalment ikkonċernata, u sussegwentement f’Marzu 2004, mil-lista ta’ kelliema magħżula sabiex jinfurmaw lill-persunal tal-Kummissjoni dwar l-adattamenti ġodda tar-riforma fir-rigward tad-drittijiet individwali u tal-benefiċċji tal-familja.

78

It-Tribunal jikkonstata fl-ewwel lok li r-rikorrenti tilmenta fir-rikors tagħha li ġiet eskluża biss minn żewġ laqgħat matul l-ewwel perijodu, b’mod li l-allegazzjoni tagħha li ġiet eskluża “sistematikament” mill-attivitajiet tad-Direttorat Ġenerali tagħha ma hijiex fondata fil-fatt.

79

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-parteċipazzjoni fl-istudju li sar f’Novembru 2002, minn messaġġ elettroniku tal-11 ta’ Novembru 2002, indirizzat lir-rikorrenti minn assistent tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ Persunal, jirriżulta li dak l-assistent kien innomina l-ewwel nett, sabiex jipparteċipa f’dan l-istudju, lill-aġent kap ta’ diviżjoni tad-diviżjoni l-ġdida kompetenti għall-kwistjonijiet ta’ leave u assenzi, u li, wara r-rifjut tiegħu, ir-rikorrenti kienet ġiet mistiedna tipparteċipa fl-istudju. F’dan ir-rigward, l-assistent inkwistjoni kien kiteb lir-rikorrenti li “[l-]parteċipazzjoni tagħha […] [kienet] bentrovata u li jekk [hija] r[iedet] tagħmel parti mill-grupp ta’ pilotaġġ, hija [kienet] saħansitra iktar bentrovata”. Din l-istedina sabiex tifforma parti mill-grupp ta’ pilotaġġ turi b’mod ċar li hija ma kellha ebda intenzjoni li teskludi lir-rikorrenti mill-imsemmi studju.

80

Fir-rigward tal-esklużjoni tar-rikorrenti mil-lista ta’ kelliema inkarigati li jinfurmaw lill-persunal tal-Kummissjoni dwar ir-riforma fir-rigward tad-drittijiet individwali u l-benefiċċji għall-familji, l-għażla tal-kelliema għal preżentazzjoni bħal din kienet taqa’ taħt id-diskrezzjoni wiesgħa tal-amministrazzjoni. Meta titqies l-oppożizzjoni qawwija kontra r-riforma li r-rikorrenti kienet diġà esprimiet, l-għażla li ma tiġix mistiedna din tal-aħħar sabiex tippreżenta l-imsemmija riforma lill-persunal kollu ma tidhirx li tista’ tiġi kkritikata.

81

Fis-sitt lok, ir-rikorrenti targumenta li l-ġerarkija tagħha ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-ideat u l-kontribuzzjonijiet tagħha għas-soluzzjoni ta’ ċerti problemi amministrattivi. L-ilmenti tar-rikorrenti jikkonċernaw b’mod partikolari tliet fajls, jiġifieri d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddiċentralizza l-ġestjoni tal-leave u l-assenzi, il-ġestjoni tal-allokazzjonijiet skolastiċi u tal-istrutturi amministrattivi ġodda, imsejħa “Uffiċċji”, fosthom il-PMO. Ir-rikorrenti ssostni li hija kienet avżat lir-rikorrenti tagħha bid-diffikultajiet u r-riskji li kienet tara fit-tliet fajls u li hija regolarment ipproponiet soluzzjonijiet li kienu injorati sistematikament u li taw lok għal evalwazzjonijiet negattivi. B’mod partikolari, ir-rikorrenti lmentat f’diversi okkażjonijiet dwar in-nuqqas ta’ riżorsi umani suffiċjenti sabiex teżegwixxi l-kompiti ġodda assenjati bil-mod il-mod lid-diviżjoni tagħha.

82

It-Tribunal jirrileva li, meta titqies id-diskrezzjoni wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet fl-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom, la d-deċiżjonijiet amministrattivi, anki jekk ikunu diffiċli li jiġu aċċettati, u lanqas in-nuqqas ta’ qbil mal-amministrazzjoni dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-organizzazzjoni tas-servizzi, ma jistgħu fihom infushom jipprovaw l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku. F’din il-kawża, dan l-ilment jirrigwarda effettivament deċiżjonijiet amministrattivi li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tas-servizzi u l-assenjazzjoni ta’ riżorsi umani f’servizzi differenti. Is-sempliċi fatt li l-amministrazzjoni ma segwitx is-suġġerimenti tar-rikorrenti u lanqas ma segwiet it-talbiet tagħha għal persunal addizzjonali, ma jistax fih innifsu juri nuqqas ta’ kunsiderazzjoni, u wisq inqas fastidju psikoloġiku, min-naħa tal-kapijiet tagħha, iżda l-iktar li jista’ juri huwa l-eżistenza ta’ diverġenza ta’ opinjoni.

83

Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, it-Tribunal jikkonkludi li l-fatti mressqa mir-rikorrenti, meħuda b’mod iżolat, ma jippermettux li tintwera l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku matul l-ewwel perijodu.

84

Barra minn hekk, anki jekk jitqiesu dawn il-fatti kollha flimkien, it-Tribunal huwa tal-fehma li, anki jekk ir-rikorrenti setgħet qieset li dawn kienu jweġġgħuha, ma jikkostitwixxux aġir abbużiv li jimmanifesta ruħu b’mod sostenibbli, repetittiv jew sistematiku permezz ta’ aġir intenzjonali li oġġettivament għandu l-effett li jattakka l-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoloġika tal-persuna kkonċernata.

85

Minn dan isegwi li r-rikorrenti wa writx li l-Kummissjoni kkommettiet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta stmat, għall-ewwel perijodu, li l-aġir li dwaru kienet qiegħda tilmenta ma kienx jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku fil-konfront tagħha, la meta jittieħed b’mod iżolat, u lanqas bħala ħaġa sħiħa. B’hekk, għandhom jiġu miċħuda l-ilmenti dwar dak il-perijodu bħala infondati.

Fuq l-ilmenti dwar it-tieni perijodu

86

It-Tribunal jikkonstata fl-ewwel lok li d-deċiżjoni inkwistjoni hija bbażata fuq ir-rapport finali tal-inkjesta li jgħid:

“[Is-Sinjura C] kellha persuni favoriti u ma kinitx kapaċi taħbi ċerti preferenzi. Ix-xhieda kkonfermaw li [is-Sinjura C] kellha tendenza tikkategorizza lill-kollegi bejn dawk li kienu jogħġbuha u dawk li ma kinux jogħġbuha.

[…]

Jidher li [is-Sinjura C] ma kellhiex intenzjoni malizzjuża li tagħmel ħsara, li kellha stil “antikwat” fejn il-kapijiet tagħha kellhom attitudni kważi paternali fil-konfront tal-impjegati tagħhom, u li ma kinitx tinduna li l-persuni li lilhom kienu indirizzati r-rimarki tagħha setgħu jweġġgħu.

Jirriżulta wkoll mill-inkjesta li l-attitudni tas-[Sinjura C] ma kinitx diretta lejn kollega partikolari, iżda lejn kategorija sħiħa ta’ kollegi li hija kienet tikklassifika fost il-‘ħżiena’, li minnhom [ir-rikorrenti] kienet tifforma parti, iżda hija ma kinitx waħedha. Bosta xhieda ddikjaraw li l-istess persuna setgħet issib ruħha fost it-‘tajbin’ f’ġurnata waħda u fost il-“ħżiena” fil-ġurnata ta’ wara, skont il-burdata tas-[Sinjura C] jew ċirkustanzi oħrajn”.

87

Għaldaqstant, mit-termini tal-istess rapport finali tal-inkjesta jirriżulta li l-konklużjoni li l-aġir tas-Sinjura C ma kienx jikkostitwixxix fastidju fil-konfront tar-rikorrenti kienet ibbażata fl-ewwel lok fuq in-nuqqas ta’ intenzjoni malizzjuża. Dik il-konklużjoni hija mtennija fid-deċiżjoni inkwistjoni li tgħid li “l-inkjesta setgħet turi wkoll li [s-Sinjura C] ma kellhiex intenzjoni malizzjuża fil-konfront tar-[rikorrenti]”. Iżda dik l-interpretazzjoni tal-inkwerent fl-imsemmi rapport u tal-AIPN fid-deċiżjoni inkwistjoni tinjora l-fatt li jista’ jkun hemm fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr ma jkun hemm intenzjoni min-naħa tal-persuna li tagħti fastidju, bl-imġieba tagħha, li tiskredita lill-vittma jew li tiddegrada volontarjament il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha (ara s-sentenzi Q vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 144, u Labiri vs KESE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68) u dan anki meta l-istess imġieba tkun immanifestata fil-konfront ta’ bosta uffiċjali.

88

Il-konstatazzjoni tal-inkwerent li s-Sinjura C ma ndunatx li “l-persuni li lilhom kienu indirizzati r-rimarki tagħha [setgħu] jweġġgħu” tista’ tkun rilevanti sabiex tingħata risposta għall-kwistjoni dwar jekk kienx hemm jew le intenzjoni malizzjuża, iżda b’ebda mod ma turi li l-imġieba ta’ din tal-aħħar ma setgħetx tikkostitwixxi fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fi kwalunkwe każ, it-Tribunal jirrileva li din il-konstatazzjoni hija infondata fil-fatt fir-rigward tar-rikorrenti li, fil-messaġġ elettroniku tal-25 ta’ Mejju 2005 indirizzat lis-Sinjura C, kienet indikatilha b’mod ċar li kien jidhrilha li ċerta mġiba kienet “tippreġudika d-dinjità u l-professjonalità tal-uffiċjali responsabbli mid-dossiers” u kienet tikkostitwixxi fastidju psikoloġiku.

89

Mir-rapport finali tal-inkjesta jirriżulta wkoll li l-investigatur ikkunsidra li l-imġiba tas-Sinjura C ma kinitx tikkostitwixxi fastidju psikoloġiku minħabba l-fatt li ma kinitx tirrigwarda speċifikament lir-rikorrenti iżda għadd indefinit ta’ persuni oħrajn. Din il-konstatazzjoni ma għandha ebda bażi legali. Fil-fatt, tali konstatazzjoni mhux talli ma tneħħix il-kwalifikazzjoni tal-imġiba deskritta bħala fastidju, iżda taggrava l-ksur tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-ewwel paragrafu tiegħu jipprojbixxi lil “[kull] uffiċjal […] kull forma ta’ fastidju psikoloġiku”. Skont il-loġika tal-investigatur, sabiex jiġu evitati akkużi ta’ fastidju fir-rigward ta’ persuna, il-persuna li allegatament tagħti fastidju, minflok ma ttemm l-imġiba ħażina, tista’ testendi l-imġiba tagħha għal numru ikbar ta’ persuni, li huwa evidentement assurd.

90

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, skont it-termini tagħha stess, id-deċiżjoni inkwistjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni tal-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku li jmur kontra l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal.

91

Fi kwalunkwe każ, it-Tribunal jirrileva li fl-evalwazzjoni ta’ ċerti fatti rrilevati mir-rikorrenti, id-deċiżjoni inkwistjoni hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

92

Effettivament, għat-tieni perijodu, ir-rikorrenti tikkritika diversi forom ta’ mġiba tas-Sinjura C, u b’mod partikolari, il-fatt li għamlet rimarki jew kritiki degradanti matul laqgħa jew meta bagħtet messaġġi elettroniċi lil diversi persuni f’daqqa, kif ukoll meta eskludietha sistematikament.

93

F’dan ir-rigward, mir-rapport finali tal-inkjesta jirriżulta li s-Sinjura C kellha tendenza li “tgħaddi kummenti dwar kwistjonijiet privati tal-persunal, li tikkopja lil terzi jew kollegi fil-posta elettronika tagħha, tidħol f’kuntatt dirett mal-amministraturi billi taqbeż lill-kapijiet ta’ diviżjoni jew li turi preferenza lejn ċerti kollegi u mhux lejn oħrajn”. Barra minn hekk, l-imsemmi rapport jirreferi għal diversi messaġġi elettroniċi li juru li s-Sinjura C “xi kultant kienet tieħu deċiżjonijiet mingħajr ma tikkonsulta l-kap tad-diviżjoni kkonċernat”. Barra minn hekk, mir-rapport finali tal-inkjesta jirriżulta li s-Sinjura C iddikjarat hija stess matul is-seduta tagħha li għamlet kritiki negattivi lill-kapijiet ta’ diviżjoni taħt l-awtorità tagħha fir-risposti li hija kienet tagħti lill-uffiċjali jew aġenti li jirrikorru għand il-PMO, li fihom hija kienet tikkopja lill-kapijiet ta’ diviżjoni kkonċernati, iżda li dan l-aġir kien biss “l-espressjoni tar-rieda tagħha li tipprovdi servizz impekkabbli u veloċi”.

94

Fl-ewwel lok, it-Tribunal josserva li ċerta mġiba msemmija hawn fuq tas-Sinjura C kienet ta’ natura volontarja u repetittiva u setgħet twassal oġġettivament għal konsegwenzi li jiskreditaw lir-rikorrenti jew li jiddegradaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha.

95

B’mod partikolari, ir-rikorrenti tilmenta dwar il-fatt li s-Sinjura C kienet tagħti “direttament struzzjonijiet lill-persunal taħt ir-responsabbiltà tagħha u mingħajr ma tavżaha”. Din l-imġiba, meta ma tkunx iġġustifikata minn ċirkustanzi partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Skareby vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80), tista’ ttellef kull kredibbiltà ta’ kap ta’ diviżjoni f’għajnejn il-persunal tiegħu u b’hekk tista’ tiġi kkwalifikata bħala fastidju psikoloġiku. F’din il-kawża, il-Kummissjoni ma tagħti ebda spjegazzjoni lit-Tribunal li tista’ turi li kien hemm ċirkustanzi partikolari li setgħu jiġġustifikaw l-imġiba kkontestata u, f’dan ir-rigward, l-investigatur sempliċement jafferma fir-rapport finali tal-inkjesta li s-Sinjura C kellha stil ta’ maniġment “ferm dirett u tat-tip ‘micro-management’”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta eskludiet li l-imġiba li biha ġiet akkużata s-Sinjura C setgħet tikkostitwixxi fastidju psikoloġiku.

96

Ir-rikorrenti tikkunsidra, barra minn hekk, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni inkwantu ma kkunsidratx bħala fastidju psikoloġiku l-fatt li hija ġarrbet kritiki diretti dwar il-kompetenzi tagħha li saru b’mod pubbliku jew inkella matul l-iskambji ta’ messaġġi elettroniċi indirizzati lil uffiċjali oħra. Il-Kummissjoni tirribatti li, skont il-ġurisprudenza, messaġġi li l-kontenut tagħhom jaqa’ taħt il-qafas normali ta’ relazzjoni ġerarkika, bħall-messaġġi li dwarhom tilmenta r-rikorrenti, ma jikkostitwixxux fastidju psikoloġiku.

97

It-Tribunal jikkonstata li, għalkemm il-kritika tax-xogħol għandha tiġi aċċettata, għaliex inkella l-ġestjoni ta’ servizz tkun prattikament impossibbli, il-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni tippreċiża li jaqgħu taħt il-qafas normali ta’ relazzjoni ġerarkika messaġġi li ma jkun fihom ebda forma defamatorja jew malizzjuża, u li jintbagħtu lill-persuna kkonċernata waħedha jew li jiġu kkupjati lil ħaddieħor biss meta dan ikun iġġustifikat mill-interess tas-servizz (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, T‑154/05, punti 104 u 105). It-Tribunal jikkonstata li r-rapport finali tal-inkjesta josserva biss li s-Sinjura C kellha stil “antikwat” u l-kapijiet “kellhom attitudni kważi paternali fil-konfront tal-impjegati tagħhom”, mingħajr ma jindika r-raġunijiet li huma fl-interess tas-servizz li jistgħu jiġġustifikaw il-fatt li messaġġi li kienu jinkludu kritika netta tar-rikorrenti ġew ikkupjati lil diversi kollegi, inklużi l-amministraturi li kienu jaħdmu taħt il-kontroll dirett tar-rikorrenti jew lil uffiċjali li kienu talbu informazzjoni mingħand id-dipartiment tar-rikorrenti.

98

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni inkwistjoni, inkwantu għat-tieni perijodu, din hija bbażata fuq rapport finali tal-inkjesta li huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, inkwantu dan jeskludi li jistgħu jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku, min-naħa waħda, il-fatt li direttur jagħti direttament istruzzjonijiet lill-persunal mingħajr ma javża lill-kap ta’ diviżjoni responsabbli u mingħajr ma jkun hemm ċirkustanzi partikolari li jistgħu jiġġustifikaw dik l-imġiba u, min-naħa l-oħra, il-fatt li superjur ġerarkiku jibgħat messaġġi li jkun fihom kritika netta kontra uffiċjal, u jikkopja lil diversi kollegi mingħajr ma jkun hemm ħtiġijiet ta’ servizz li jiġġustifikaw din il-prattika.

99

Peress li d-deċiżjoni inkwistjoni għandha tiġi annullata fir-rigward tat-tieni perijodu minħabba żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-Tribunal jidhirlu li ma hemmx lok li jiġu analizzati l-ilmenti l-oħra ssollevati mir-rikorrenti fir-rigward tat-tieni perijodu.

2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1c tar-Regolamenti tal-Persunal

a) L-argumenti tal-partijiet

100

Ir-rikorrenti tikkunsidra li d-deċiżjoni inkwistjoni tmur kontra l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal peress li hija sfat vittma ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età tagħha. F’dan ir-rigward, hija tikkunsidra li l-bidu tal-fastidju psikoloġiku li hija ġarrbet kien jikkoinċidi mad-data minn meta hija saret eliġibbli għall-proċedura tal-irtirar kmieni.

101

Il-konvenuta titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

102

It-Tribunal jikkonstata li r-rikorrenti tillimita ruħha għal sempliċi insinwazzjonijiet mingħajr ma tipprovdi ebda prova li turi li hija kienet vittma ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età.

103

Minn dan isegwi li dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

3. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ assistenza

a) L-argumenti tal-partijiet

104

Ir-rikorrenti tikkunsidra li d-deċiżjoni inkwistjoni għandha tiġi annullata minħabba ksur mill-Kummissjoni tad-dmir tagħha ta’ assistenza.

105

B’mod partikolari, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma adottatx immedjatament miżuri ta’ urġenza wara l-approċċi informali li hija għamlet bejn l-2001 u Jannar 2006 u lanqas wara t-talba tal-5 ta’ Diċembru 2007, li permezz tagħha hija talbet ukoll lill-Kummissjoni, minbarra tiftaħ inkjesta, “tipproteġiha kemm permezz ta’ direttivi interni […] kif ukoll permezz ta’ rimbors tal-piż finanzjarju [mġarrab minnha]”.

106

Il-Kummissjoni tirribatti li l-approċċi informali li saru mir-rikorrenti ma kinux żvelaw elementi ta’ fastidju psikoloġiku, li kien jispjega l-fatt li ma ttiħdux miżuri ta’ urġenza wara l-preżentata tat-talba għall-għajnuna. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti ħarġet bil-leave tal-mard għal żmien twil minn Frar 2008 u li hija ma reġgħetx daħlet taħdem qabel ma rtirat fi Frar 2009.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

107

It-Tribunal ifakkar li l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jobbliga lill-istituzzjonijiet jassistu lill-uffiċjali tagħhom, huwa inkluż taħt it-Titolu II dwar id-“Drittijiet u obbligi tal-uffiċjali”. B’hekk isegwi li f’kull sitwazzjoni fejn iseħħu l-kundizzjonijiet fattwali meħtieġa, dan l-obbligu ta’ assistenza jikkorrispondi għal dritt personali tal-uffiċjal ikkonċernat (sentenza Il-Kummissjoni vs Q, punt 52 iktar ’il fuq, punt 83).

108

Skont id-dmir ta’ assistenza, previst fl-imsemmija dispożizzjoni, l-amministrazzjoni għandha, meta tiġi kkonfrontata b’inċident li huwa inkompatibbli mal-ordni u s-serenità tas-servizz, tintervjeni bl-enerġija kollha neċessarja u twieġeb bil-ħeffa u bil-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tistabbilixxi l-fatti u tadotta, meta tikkonstata l-kawżi, il-konsegwenzi adatti. Għal dan il-għan, huwa suffiċjenti li l-uffiċjal li jitlob il-protezzjoni tal-istituzzjoni tiegħu jressaq provi li juru li verament kien hemm l-attakki li huwa jsostni li kien is-suġġett tagħhom. Meta jkunu jeżistu dawn il-provi, hija r-responsabbiltà tal-istituzzjoni inkwistjoni li tieħu l-miżuri adatti, b’mod partikolari billi tipproċedi għal inkjesta amministrattiva, sabiex tistabbilixxi l-fatti li minnhom oriġina l-ilment (sentenza Il-Kummissjoni vs Q, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata), u jekk ikun il-każ, billi tadotta miżuri provviżorji ta’ tbegħid sabiex tipproteġi, fuq bażi preventiva, is-saħħa u s-sigurtà tal-uffiċjal li jkun preżunt li huwa vittma ta’ wieħed mill-atti msemmija f’dik id-dispożizzjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Q, iċċitata iktar’il fuq, punt 92).

109

Madankollu, l-ilment li jallega ksur tad-dmir ta’ assistenza minħabba n-nuqqas ta’ teħid ta’ miżuri kawtelatorji ma jistax jiġi invokat utilment, kif tagħmel ir-rikorrenti, insostenn ta’ talbiet għall-finijiet ta’ annullament ta’ deċiżjoni, bħad-deċiżjoni inkwistjoni, li tingħalaq mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri inkjesta dwar fastidju li tagħha aġent iqis li jkun vittma.

110

Effettivament, anki jekk nassumu li r-rikorrenti tista’ turi li, billi ma adottatx dawk il-miżuri bil-ħeffa meħtieġa mis-sitwazzjoni, il-Kummissjoni naqset mid-dmir tagħha ta’ assistenza, tali ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal ma għandu ebda effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara, fir-rigward tal-konsegwenzi tal-possibbiltà ta’ illegalità ta’ deċiżjoni ta’ sospensjoni ta’ uffiċjal fir-rigward tal-legalità tas-sanzjoni dixxiplinarja ddikjarata kontra l-imsemmi uffiċjal, sentenza tat-Tribunal tas-17 ta’ Lulju 2012, BG vs L-Ombudsman Ewropew, F‑54/11, punt 83, li hija suġġetta għal appell quddiem it-Tribunal tal-Unjoni Ewropea, kawża T‑406/12 P; ara, wkoll f’dan is-sens, sentenza Cerafogli vs Il-BĊE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 210), u dan wisq iktar peress li r-rikorrenti ma talbitx lill-Kummissjoni tadotta miżuri kawtelatorji għall-protezzjoni tal-provi għas-sostenn tat-talba tagħha għall-għajnuna.

111

Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

4. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

a) L-argumenti tal-partijiet

112

Ir-rikorrenti tartikola dan il-motiv f’żewġ ilmenti li jirrigwardaw rispettivament id-dewmien irraġonevoli tal-inkjesta u l-iżvolġiment tagħha.

113

Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jidhrilha li d-dewmien totali tal-inkjesta ta’ 32 xahar ma kienx raġonevoli u li l-fatt li l-inkwerent kien inkarigat b’kompiti oħrajn li żammewh milli jiddedika ruħu għall-inkjesta ma jistax jinvalida dik il-konklużjoni, għaliex kien fil-kompitu tal-Kummissjoni li tiżgura l-organizzazzjoni tajba tal-attivitajiet marbuta mal-eżami tal-ilment tagħha.

114

Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrenti tiddeplora li “għaxar persuni [biss]” instemgħu fil-kuntest tal-inkjesta mill-Kummissjoni waqt li hija kienet tat fit-talba tagħha għall-għajnuna lista’ ta’ 52 xhud. Barra minn hekk, hija tosserva li l-investigatur ma segwiex it-talba tagħha li jikkonsulta lis-servizz mediku u biex jieħu konjizzjoni tal-fajls tas-servizz ta’ medjazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ lmenti fir-rigward tal-imġiba allegatament abbużiva tas-Sinjura C fil-konfront ta’ uffiċjali oħrajn. Finalment, hija tal-fehma li l-inkjesta ġiet fdata f’idejn persuni li ma kellhom ebda esperjenza speċifika dwar fastidju psikoloġiku. Ir-rikorrenti tikkunsidra, bħala konklużjoni, li l-iżvolġiment ġenerali tal-inkjesta kien juri l-importanza żgħira mogħtija mill-Kummissjoni għall-ipproċessar tat-talba tagħha.

115

Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda ta’ dan il-motiv.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

116

Fir-rigward tal-ewwel ilment, fuq bażi preliminari t-Tribunal ifakkar li l-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-qorti Komunitarja tiżgura r-rispett tiegħu u li huwa, barra minn hekk, imsemmi fl-Artikolu 41(1) tal-Karta, bħala komponent tad-dritt għal amministrazzjoni tajba (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il-Kummissjoni, T-394/03, T‑394/03, punt 162; sentenza tat-Tribunal tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta’ Diċembru 2012, Füller-Tomlinson vs Il-Parlament, T‑390/10 P, punt 115; sentenza tat-Tribunal tal-11 ta’ Mejju 2011, J vs Il-Kummissjoni, F‑53/09, punt 113).

117

Barra minn hekk, meta l-istituzzjonijiet ikollhom jiffaċċjaw kwistjoni daqstant serja bħal fastidju psikoloġiku, huma għandhom obbligu li jirrispondu lill-uffiċjal li jagħmel dik it-talba abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal b’ħeffa u bi premura. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess ikkunsidra, fil-punt 6.1 tad-deċiżjoni tagħha tas-26 ta’ April 2006 dwar il-politika tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-ġlieda kontra l-fastidju psikoloġiku u l-fastidju sesswali, li “kull talba għall-għajnuna minn persuna li tallega fastidju psikoloġiku [għandha] għandha tiġi ttrattata fl-iqsar żmien” (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-26 ta’ April 2006”).

118

F’din il-kawża, ir-rikorrenti ppreżentat it-talba tagħha għall-għajnuna fil-5 ta’ Diċembru 2007 u d-deċiżjoni li l-każ jingħalaq mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri ġiet ikkomunikata lilha fl-10 ta’ Awwissu 2010, jew iktar minn sentejn u tmien xhur wara.

119

B’hekk, għalkemm id-dewmien totali tal-proċedura jidher prima facie itwal mis-soltu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, iċ-ċirkustanza li bi ksur tad-dmir ta’ premura l-AIPN ma rrisponditx bil-ħeffa meħtieġa għal talba għall-għajnuna abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tistax taffettwa fiha nfisha l-legalità tad-deċiżjoni li tingħalaq mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri fir-rigward ta’ inkjesta dwar fastidju miftuħa fuq il-bażi tal-imsemmija talba għall-għajnuna. Effettivament, kieku tali deċiżjoni kellha tiġi annullata għas-sempliċi raġuni li kienet tardiva, id-deċiżjoni ġdida li tissostitwixxiha ma tistax fi kwalunkwe każ tkun inqas tardiva minnha (sentenza tat-Tribunal tat-18 ta’ Mejju 2009, Meister vs L-UASI, F‑138/06 u F‑37/08, punt 76).

120

L-ewwel ilment b’hekk huwa invalidu u għandu jiġi miċħud.

121

Fir-rigward tat-tieni lment, li jirrigwarda l-iżvolġiment tal-inkjesta, l-argument li jallega nuqqas ta’ esperjenza min-naħa tal-inkwerent ma jistax jiġi aċċettat. Effettivament, għandu jiġi kkonstatat fl-ewwel lok li r-rikorrenti stess kienet talbet lis-segretarju ġenerali tal-Kummissjoni biex jafda l-inkjesta f’idejn inkwerent estern għad-DĠ Persunal. Barra minn hekk, jirriżulta mill-fajl li l-investigatur ibbenefika matul l-inkjesta kollha mill-kollaborazzjoni teknika tal-IDOC u, b’mod partikolari, mill-assistenza ta’ membru tal-IDOC li kellu esperjenza. Finalment, meta titqies id-diskrezzjoni wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet fl-għażla tal-persuni li lilhom tiġi fdata inkjesta dwar fastidju, ir-rikorrenti ma tistax tikkontesta b’mod validu l-għażla tal-Kummissjoni billi tibbaża ruħha fuq allegat nuqqas ta’ esperjenza tal-investigatur u tal-membru tal-IDOC li jkun assistih.

122

Rigward l-argument dwar il-kamp limitat tal-inkjesta, għandu jiġi kkonstatat li mir-rapport finali tal-inkjesta jirriżulta li l-investigatur jafferma li wettaq attivitajiet ta’ inkjesta u ta’ tfittix ta’ informazzjoni mingħand l-Ombudsman Ewropew tal-Kummissjoni u s-servizz mediku tal-Kummissjoni.

123

Rigward in-numru u l-għażla tax-xhieda, huwa minnu li l-investigatur iddeċieda li jisma’ biss lil tnax-il persuna, minbarra r-rikorrenti, u li wħud fosthom kienu jagħmlu parti mill-persuni li r-rikorrenti kienet akkużat li tawha fastidju jew li ma rreaġixxewx għall-fastidju li hija tgħid li sfat vittma tiegħu.

124

Madankollu, għandu jiġi osservat li l-awtorità inkarigata minn inkjesta amministrattiva, li għandha tiġi infurmata dwar il-fajls sottomessi lilha b’mod proporzjonat, għandha diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tat-tmexxija tal-inkjesta u b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn xhieda (ara s-sentenza Skareby vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

125

It-Tribunal jikkunsidra li l-investigatur kellu elementi suffiċjenti fil-fajl biex ikun jista’ jiddetermina jekk il-fatti li dwarhom tilmenta r-rikorrenti kinux jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku. B’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda t-tieni perijodu, l-investigatur kien fehem sew il-fatti li jistgħu juru l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku, minkejja li kien wasal għall-konklużjoni li ebda fastidju ma kien ġie stabbilit f’dan il-każ.

126

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi, l-investigatur ma jistax jiġi akkużat li kiser id-dmir tiegħu ta’ premura jew il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba meta ddeċieda li jisma’ numru ta’ xhieda inqas minn dak propost mir-rikorrenti.

127

Għaldaqstant, it-tieni lment ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat u r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

5. Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

a) L-argumenti tal-partijiet

128

Ir-rikorrenti targumenta li, permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni teskludi l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku billi tibbaża ruħha fuq ir-rapport finali tal-inkjesta kif ukoll fuq ix-xhieda miġbura matul l-inkjesta. Madankollu, minkejja t-talbiet espressi tagħha f’dan is-sens, la r-rapport finali tal-inkjesta u lanqas il-minuti tas-seduti tax-xhieda ma ntbagħtulha.

129

Għaldaqstant, hija tal-fehma li ma kinitx f’pożizzjoni li tevalwa l-fondatezza tad-deċiżjoni inkwistjoni u li kienet obbligata tippreżenta dan ir-rikors sabiex tkun taf il-motivazzjoni tagħha.

130

Il-Kummissjoni tirribatti, minn naħa, li d-deċiżjoni inkwistjoni hija mmotivata b’mod suffiċjenti u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jinkludix l-obbligu li jiġi kkomunikat ir-rapport finali tal-inkjesta amministrattiva jew il-minuti tas-seduti li saru f’dan il-kuntest. Matul is-seduta, il-Kummissjoni affermat li l-evalwazzjoni tan-natura eżawrjenti tal-motivazzjoni ma tistax issir b’mod astratt iżda għandha ssir fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ. F’dan ir-rigward, l-ispeċifiċità tal-inkjesta tinsab fil-fatt li saret bl-involviment mill-qrib tar-rikorrenti, li b’hekk ibbenefikat mill-istatus ta’ “xhud ipprivileġġat” u b’hekk kellha rwol attiv matul l-iżvolġiment tal-proċedura. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, hija kellha l-possibbiltà tikkompleta l-motivazzjoni fid-deċiżjoni li ċaħdet it-talba, kif fil-fatt hija għamlet.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

Rimarki preliminari

131

It-Tribunal analizza l-ewwel erba’ motivi billi ħa inkunsiderazzjoni t-test tad-deċiżjoni inkwistjoni nfisha, id-deċiżjoni li ċaħdet it-talba u r-rapport finali tal-inkjesta, li pproduċiet il-Kummissjoni u ntbagħat lir-rikorrenti biss fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiżi mit-Tribunal. Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti tilmenta dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni fiha nfisha. It-Tribunal b’hekk ser jeżamina fl-ewwel lok jekk id-deċiżjoni inkwistjoni kellhiex motivazzjoni suffiċjenti u, sussegwentement, f’każ ta’ risposta negattiva, jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni setgħetx tkun ikkompletata fl-istadju tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba jew matul il-proċedura ġudizzjarja.

Fuq il-fatt li r-rapport tal-inkjesta ma ntbagħatx lir-rikorrenti qabel ma ġie ppreżentat ir-rikors

132

It-Tribunal josserva li, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tagħlaq mingħajr azzjoni ulterjuri dwar inkjesta amministrattiva miftuħa b’risposta għal talba għall-għajnuna ppreżentata abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal la jimponi obbligu li jintbagħat lill-ilmentatur ir-rapport finali tal-inkjesta amministrattiva u lanqas il-minuti tas-seduti li jkunu saru f’dan il-kuntest.

133

Madankollu, u bla ħsara għall-protezzjoni tal-interessi tal-persuni involuti u dawk li xehdu matul l-inkjesta, ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma tipprojbixxi li r-rapport finali tal-inkjesta jintbagħat lil terz li jkollu interess li jieħu konjizzjoni tiegħu, bħal kif huwa l-każ tal-persuna li ppreżentat talba abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-istituzzjonijiet kultant adottaw dik is-soluzzjoni, billi bagħtu lill-ilmentaturi r-rapport finali tal-inkjesta, jew qabel l-introduzzjoni ta’ rikors billi jehmżuh mad-deċiżjoni finali meħuda dwar is-suġġett tal-ilment (sentenza Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 163; sentenza Cerafogli vs BĊE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 108), jew, bħal f’din il-kawża, b’eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiża mit-Tribunal.

134

Fi kwalunkwe każ, it-Tribunal ifakkar li s-suġġett ta’ dan il-motiv huwa l-konformità tad-deċiżjoni inkwistjoni mar-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, it-Tribunal jaqta’ l-kwistjoni jekk jeżistix obbligu għall-Kummissjoni li tibgħat lir-rikorrenti r-rapport finali tal-inkjesta u l-minuti tax-xhieda. Effettivament, huwa totalment possibbli li deċiżjoni li tingħalaq mingħajr ma jittieħdu passi ulterjuri inkjesta dwar fastidju tista’ tkun immotivata b’mod suffiċjenti mingħajr ma tirrikorri għal elementi esterni oħrajn.

135

Minn dan isegwi li l-ilment dwar il-fatt li ma ntbagħtux ir-rapport finali tal-inkjesta u l-minuti tas-seduti annessi magħhom għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni

136

Fir-rigward tal-obbligu li jiġu mmotivati d-deċiżjonijiet ikkontestati, it-Tribunal ifakkar li fost il-garanziji mogħtija mid-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi nsibu, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit mill-Artikolu 41 tal-Karta (ara s-sentenza tat-Tribunal tal-Unjoni tas-27 ta’ Settembru 2012, Applied Microengineering vs Il-Kummissjoni, T‑387/09, punt 76), li jinkludi, b’mod partikolari, “l-obbligu għall-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha”.

137

Barra minn hekk, l-obbligu li jiġu mmotivati d-deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li minnu ma tistax issir deroga ħlief minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, T‑218/02, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata u tat-8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, punt 148, u l-ġurisprudenza ċċitata).

138

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C‑210/03, punt 63).

139

L-obbligu li tiġi mmotivata kull deċiżjoni inkwistjoni, previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkostitwixxi biss eżempju fil-kuntest speċifiku tar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-aġenti tagħhom tal-obbligu ġenerali stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, għandu l-għan li jipprovdi lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex ikun magħruf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-legalità tagħha b’mod li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ fuq il-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni (sentenza Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 160).

140

Barra minn hekk, il-ġurisprudenza dwar it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, ippreċiżat li l-portata tal-obbligu li jiġu mmotivati d-deċiżjonijiet kkontestati għandha tiġi evalwata mhux biss billi jitqies il-kliem tad-deċiżjoni inkwistjoni, iżda wkoll skont iċ-ċirkustanzi konkreti li jiċċirkondaw dik id-deċiżjoni, kif ukoll ir-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata (sentenza Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 163; sentenza Skareby vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74) u li l-motivazzjoni għandha, fil-prinċipju, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata mad-deċiżjoni kkontestata minnu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament, 195/80, punt 22).

141

Interpretazzjoni stretta tal-obbligu impost mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija barra minn hekk saħansitra iktar neċessarja meta d-deċiżjoni inkwistjoni tkun, bħal f’din il-kawża, deċiżjoni tal-AIPN li tikkonkludi, mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri, inkjesta li tkun toriġina minn talba għall-għajnuna li tikkonċerna allegazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku.

142

Fil-fatt, għall-kuntrarju tal-ġeneralità ta’ atti amministrattivi li jistgħu jikkawżaw dannu lil uffiċjal, deċiżjoni li tikkonċerna talba għall-għajnuna hija adottata f’kuntest fattwali partikolari. Fl-ewwel lok, tali kuntest jista’ diġà jkun dam bosta xhur, jew bħal f’din il-kawża, bosta snin. Barra minn hekk, kif irrileva t-Tribunal fil-punt 32 tas-sentenza Skareby vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, “fastidju psikoloġiku […] jista’ jkollu effetti ta’ ħsara kbira fuq l-istat ta’ saħħa tal-vittma”. Sussegwentement, sitwazzjoni ta’ fastidju, jekk tiġi stabbilita, ma taffettwax prinċipalment l-interessi finanzjarji jew il-karriera tal-uffiċjal, każijiet li l-istituzzjoni tista’ tirrimedja malajr bl-adozzjoni ta’ att jew bil-ħlas ta’ somma ta’ flus lill-persuna kkonċernata, iżda tikkawża dannu lill-personalità, lid-dinjità u lill-integrità fiżika jew psikoloġika tal-vittma, dannu li li ma jistax jiġi rrimedjat għal kollox b’kumpens finanzjarju. Finalment, irrispettivament minn jekk l-allegazzjonijiet ta’ fastidju jkunux fondati jew le, dawn jitqiesu hekk mill-investigatur, u skont id-dmir ta’ premura, l-istituzzjoni hija obbligata timmotiva ċ-ċaħda ta’ talba għall-għajnuna min-naħa tagħha b’mod kemm jista’ jkun komplut, mingħajr ma l-investigatur ikollu jistenna r-risposta għal talba sabiex ikun jaf ir-raġunijiet, liema risposta l-istituzzjoni tista’ tagħżel ma tipprovdix.

143

It-Tribunal jikkunsidra li n-neċessità li tiġi mmotivata b’mod komplut id-deċiżjoni inkwistjoni kienet barra minn hekk iktar urġenti fiċ-ċirkustanzi tal-każ fejn, skont id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti matul is-seduta, is-servizz inkarigat biex iwettaq l-inkjesti dwar fastidju kien meqjus bħala “l-ewwel avukat tal-Kummissjoni”. F’dan ir-rigward, b’risposta għal domanda tat-Tribunal li saret matul is-seduta, il-Kummissjoni ddikjarat li, matul l-erba’ snin li matulhom il-membru tal-persunal tal-IDOC li kien jassisti lill-investigatur f’din il-kawża ħadem mal-IDOC, u dan is-servizz qatt ma kien ikkonkluda li kien jeżisti fastidju psikoloġiku, minkejja li kien fetaħ bejn ħames u għaxar inkjesti fis-sena.

144

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji u ċirkustanzi li t-Tribunal għandu jevalwa jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni hijiex konformi mar-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal.

145

F’introduzzjoni ferm qasira, id-deċiżjoni inkwistjoni tistabbilixxi, minn dak li jirriżulta mir-rapport finali tal-inkjesta li r-rikorrenti “kellha l-possibbiltà matul l-inkjesta sħiħa li tikkontribwixxi għall-iżvolġiment tagħha” u li hija “kienet infurmata b’mod trasparenti dwar il-progress tagħha”. Sussegwentement, l-imsemmija deċiżjoni tanalizza separatament l-ewwel u t-tieni perijodu.

146

Fir-rigward tal-ewwel perijodu, id-deċiżjoni inkwistjoni tindika li r-rapport finali tal-inkjesta jistabbilixxi “serje ta’ diverġenzi” fuq fajls speċifiċi bejn, minn naħa, ir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, il-kapijiet tagħha u parti mill-kollegi tagħha. Madankollu, mid-deċiżjoni inkwistjoni jirriżulta li dawk id-diverġenzi “li jikkonċernaw esklużivament aspetti ta’ xogħol” dejjem ġew indirizzati matul laqgħat ta’ tmexxija jew minn noti formali. Barra minn hekk, skont id-deċiżjoni inkwistjoni, “l-inkjesta […] ma ppermettitx li tiġi rrilevata animożità” iżda pjuttost “ċerta simpatija mill-ex kollegi [tagħha]” fir-rigward tar-rikorrenti, u lanqas l-eżistenza ta’ xnihat dwar nuqqas ta’ kompetenzi jew dgħjufijiet ta’ maniġment min-naħa tagħha. Sussegwentement, l-imsemmija deċiżjoni tistabbilixxi li l-evalwazzjonijiet attribwiti lir-rikorrenti għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 1999 sat-30 ta’ Ġunju 2001 u bejn l-1 ta’ Lulju 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2002, kienu ġew stabbiliti b’rispett sħiħ tal-proċeduri u ma kinux jikkostitwixxu tnaqqis fir-rigward tal-passat. Id-deċiżjoni inkwistjoni tfakkar sussegwentement li la evalwazzjoni negattiva, anki jekk imtennija, u lanqas “deċiżjonijiet maniġerjali diffiċli biex wieħed jaċċetta” ma jikkostitwixxu fastidju per se.

147

Id-deċiżjoni inkwistjoni tikkonkludi finalment li “[fuq] il-bażi tad-dokumentazzjoni […] li pproduċiet [ir-rikorrenti], mix-xhieda miġbura matul l-inkjesta u mill-analiżi li segwiet, ma jirriżultax li l-aġir tal-persuni li [ir-rikorrenti tpoġġi] inkwistjoni jissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 12 a tar-Regolamenti tal-Persunal […] la meħuda b’mod iżolat, u lanqas meħuda fit-totalità tagħhom bħala manifestazzjoni ta’ ‘fastidju sistematiku’”.

148

Meta titqies din il-motivazzjoni, it-Tribunal jidhirlu li d-deċiżjoni inkwistjoni tindirizza b’mod sintetiku iżda adegwat l-ilmenti kollha ssollevati mir-rikorrenti għall-perijodu kkonċernat, u tipprovdilu indikazzjoni suffiċjenti li tippermettilu jevalwa l-fondatezza u lit-Tribunal jeżerċita l-istħarriġ tiegħu.

149

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, għall-ewwel perijodu, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni hija konformi mar-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif interpretat mill-ġurisprudenza, b’mod li dan il-motiv huwa infondat inkwantu jirrigwarda dak il-perijodu.

150

Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda t-tieni perijodu, id-deċiżjoni inkwistjoni sempliċement tindika li “[l]-inkjesta setgħet turi li [is-Sinjura C] kellha stil ta’ maniġment partikolari li kultant dejjaq lil ċerti kollegi u li seta’ kultant jitqies li jweġġa’ u offensiv, u li [r-rikorrenti kellha] l-okkażjoni tesprimi l-kritika [tagħha] f’dan ir-rigward, u li kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn [ir-rikorrenti] u d-direttiċi [tagħha] dwar ċerti deċiżjonijiet ta’ maniġment [; m]adankollu, l-inkjesta setgħet turi wkoll li [s-Sinjura C] ma kellhiex intenzjoni malizzjuża fil-[konfront tar-rikorrenti] u li l-istil ta’ maniġment tagħha ma kienx jirrigwarda lilha speċifikament”. Id-deċiżjoni inkwistjoni tikkonkludi li “ma jirriżultax mill-inkjesta li l-aġir [tas-Sinjura C] seta’ oġġettivament jagħmel ħsara lid-dinjità, il-personalità u l-integrità [tar-rikorrenti; ma jirriżultax mid-dokumenti fil-fajl, mix-xhieda u mill-analiżi profonda tal-inkjesta li saret b’mod indipendenti u profonda, li kien hemm aġir abużiv [fil-konfront tar-rikorrenti] ta’ tali natura li jagħmel ħsara lill-personalità, id-dinjità u l-integrità fiżika jew psikoloġika tagħha min-naħa ta’ [kollega] jew grupp ta’ kolleg[i]”.

151

F’dan ir-rigward, it-Tribunal jikkonstata li d-deċiżjoni inkwistjoni ma tindirizza ebda wieħed mill-ilmenti ssollevati mir-rikorrenti fit-talba tagħha iżda tirreferi għall-bażi fattwali tagħha għar-rapport finali tal-inkjesta li ntbagħat lir-rikorrenti biss wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiża mit-Tribunal fil-kuntest ta’ din il-kawża.

152

Waqt li huwa minnu li l-ġurisprudenza tirrikonoxxi motivazzjoni b’referenza għal rapport jew parir li jkun immotivat u kkomunikat (ara s-sentenza Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 163 u 164; sentenza Cerafogli vs Il-BĊE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 108, u l-ġurisprudenza ċċitata), huwa neċessarju madankollu li tali rapport jew parir jiġi effettivament ikkomunikat lill-persuna kkonċernata flimkien mal-att li dwaru jsir ilment, li ma sarx f’din il-kawża.

153

B’hekk huwa impossibbli għar-rikorrenti, fuq il-bażi biss tad-deċiżjoni inkwistjoni, li tikkontesta l-elementi ta’ fatt ikkonstatati mill-inkwerent jew il-konklużjonijiet li huwa ġibed minnhom, b’mod li, f’dak li jirrigwarda l-bażi fattwali, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal.

154

B’hekk għandu jiġi kkonstatat li f’dak li jirrigwarda t-tieni perijodu, id-deċiżjoni inkwistjoni tipprovdi biss lir-rikorrenti b’bidu ta’ motivazzjoni, li fih innifsu ma jippermettix lill-AIPN li taqdi l-obbligu tagħha li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal.

155

It-Tribunal madankollu jfakkar li l-ġurisprudenza tammetti, f’każ ta’ ċerti kawżi bejn l-istituzzjonijiet u l-aġenti tagħhom, it-twettiq tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal.

156

B’hekk huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk, kif sostniet il-Kummissjoni fir-risposta tagħha u matul is-seduta, dawn il-prinċipji tal-ġurisprudenza għandhomx jiġu applikati f’din il-kawża.

– Fuq il-possibbiltà li tiġi kkompletata l-motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni meta tingħata deċiżjoni li tiċħad it-talba

157

Skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni li tiċħad it-talba pprovdiet lir-rikorrenti b’motivazzjoni ddettaljata li tatha l-possibbiltà tressaq rikors kontra d-deċiżjoni inkwistjoni u lit-Tribunal jevalwa l-legalità ta’ dik id-deċiżjoni.

158

It-Tribunal ifakkar li skont il-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija d-deċiżjoni inkwistjoni li għandha tkun immotivata, u mhux att amministrattiv sussegwenti.

159

Huwa ċertament minnu li, skont il-ġurisprudenza, l-AIPN għandha obbligu ta’ motivazzjoni mill-inqas fl-istadju taċ-ċaħda tat-talba u li, b’mod partikolari, l-amministrazzjoni tista’ tirrimedja n-nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni inkwistjoni permezz ta’ motivazzjoni adatta mogħtija fl-istadju tar-risposta għat-talba, inkwantu din l-aħħar motivazzjoni tkun immirata sabiex tikkoinċidi mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li fir-rigward tagħha tkun saret it-talba (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 1998, Tzoanos vs Il-Kummissjoni, T‑74/96, punt 268, u tal-1 ta’ April 2009, Valero Jordana vs Il-Kummissjoni, T‑385/04, punt 118 ; sentenza tat-Tribunal tas-26 ta’ Mejju 2011, Lebedef vs Il-Kummissjoni, F‑40/10, punt 38). Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, l-amministrazzjoni tista’ timmitiga l-insuffiċjenza inizjali tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni inkwistjoni billi tagħti spejgazzjonijiet supplimentari, anki matul il-kawża, meta qabel ma tkun ressqet ir-rikors tagħha l-persuna kkonċernata diġà kellha elementi li jikkostitwixxu bidu ta’ motivazzjoni (sentenza Skareby vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75, u l-ġurisprudenza ċċitata).

160

Madankollu, din l-interpretazzjoni ġurisprudenzjali tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, ġiet elaborata fl-oriġini fil-kuntest ta’ kawżi dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet li ma tingħatax promozzjoni, fejn il-qorti tal-Unjoni ddeċidiet li l-AIPN ma kinitx obbligata timmotiva d-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni fir-rigward ta’ kandidati li ma jingħatawx promozzjoni, peress li l-premessi għal tali motivazzjoni jistgħu jkunu ta’ ħsara għalihom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Mejju 1969, Huybrechts vs Il-Kummissjoni, 21/68, punt 19, tat-13 ta’ Lulju 1972, Bernardi vs Il-Parlament, 90/71, punt 15 u tat-30 ta’ Ottubru 1974, Grassi vs Il-Kunsill, 188/73, punti 11 sa 17).

161

Sussegwentement, din il-ġurisprudenza ġiet estiża għal deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni jew ta’ esklużjoni minn kompetizzjoni (ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Frar 1992, Volger vs Il-Parlament, T‑52/90, punt 36, u tat-30 ta’ Novembru 1993, Perakis vs Il-Parlament, T‑78/92, punti 50 sa 52), qabel ma ġiet applikata għal ċerti kategoriji oħrajn ta’ kawżi bħal, pereżempju, il-kawżi dwar l-eżawriment tal-leave annwali (sentenza Lebedef vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq).

162

Dawn ir-regoli ta’ interpretazzjoni jippermettu, f’ċerti ċirkustanzi, li jinstab bilanċ ġust bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati impost mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal u rekwiżiti leġittimi oħrajn, bħal dawk ta’ amministrazzjoni tajba jew ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ terzi.

163

Madankollu, it-Tribunal jikkonstata li, għalkemm l-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta jistabbilixxi d-dritt li wieħed jirċievi raġunijiet għal deċiżjonijiet amministrattivi fi prinċipju ġenerali fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, kull eċċezzjoni għar-regola tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal li tgħid li l-motivazzjoni għandha neċessarjament tkun, jew tinsab fid-deċiżjoni inkwistjoni nfisha, jew inkella kkomunikata fl-istess ħin magħha, għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv u tkun oġġettivament iġġustifikata biċ-ċirkustanzi li fihom tkun ġiet adottata d-deċiżjoni inkwistjoni.

164

Barra minn hekk, fil-kuntest partikolari ta’ inkjesta miftuħa fuq il-bażi ta’ talba għall-għajnuna abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u li tkun intiża tistabbilixxi r-realtà tal-fatti ta’ fastidju li aġent jidhirlu li jkun safa vittma tiegħu, għandu jitqies l-obbligu li għandha l-istituzzjoni li tirrispondi lill-uffiċjal li jippreżenta dik it-talba bil-ħeffa u l-premura meħtieġa fil-ġestjoni ta’ sitwazzjoni tant gravi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 136).

165

B’hekk, f’kuntest bħal dan, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat b’mod strett u r-rekwiżiti imposti minn din id-dispożizzjoni ma jistgħux jiġu ssodisfatti b’deċiżjoni li fiha nfisha tagħti biss bidu ta’ motivazzjoni. Is-soluzzjoni kuntrarja għandha l-effett li tobbliga lill-uffiċjal li jkun ippreżenta talba għall-għajnuna abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal għal fastidju psikoloġiku li jippreżenta talba sabiex ikollu motivazzjoni għad-deċiżjoni li l-inkjesta amministrattiva tingħalaq mingħajr ma jittieħdu passi ulterjuri skont ir-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal. Kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni matul is-seduta, l-għan tat-talba ma huwiex li jinkisbu l-motivi għal deċiżjoni inkwistjoni iżda sabiex tiġi kkontestata l-fondatezza tagħha. Jekk l-amministrazzjoni titħalla tastjeni milli tikkomunika l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha dwar talba għall-għajnuna, dan b’mod ċar ma jkunx kompatibbli mal-obbligu li għandhom l-istituzzjonijiet li jaġixxu b’ħeffa u bil-premura meħtieġa f’sitwazzjoni tant serja bħal fastidju psikoloġiku, u lanqas mal-obbligu li t-talbiet għal għajnuna f’każ ta’ fastidju psikoloġiku jiġu ttrattati “fl-iqsar żmien possibbli”, obbligu li Kummissjoni imponiet fuqha nfisha bid-deċiżjoni tagħha tas-26 ta’ April 2006.

166

Minn dan jirriżulta li, f’każ ta’ deċiżjoni li tagħlaq inkjesta miftuħa b’risposta għal talba għall-għajnuna abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal għal fastidju psikoloġiku, l-istituzzjonijiet ma jistgħux validament jipprovdu lill-persuna kkonċernata motivazzjoni kompluta għall-ewwel darba fid-deċiżjoni li tiċħad it-talba, mingħajr ma jiksru l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandhom taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal.

167

Tali soluzzjoni ma tistax madankollu tippreġudika l-possibbiltà għall-istituzzjonijiet li jintroduċu, fid-deċiżjoni li tiċħad it-talba, spjegazzjonijiet dwar il-motivi adottati mill-amministrazzjoni, u lanqas li t-Tribunal jieħu inkunsiderazzjoni dawn l-ispjegazzjonijiet meta jeżamina motiv li jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, Skareby vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

– Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adottata d-deċiżjoni inkwistjoni

168

Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti kellha rwol attiv fl-iżvolġiment tal-inkjesta, li kellha l-possibbiltà tikkontribwixxi għaliha billi ssottomettiet dokumenti u osservazzjonijiet u rċeviet informazzjoni dwar kif żviluppat l-inkjesta.

169

F’dan ir-rigward, sabiex jiġi deċiż jekk issodisfatx ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni previst mir-Regolamenti tal-Persunal, huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss id-dokumenti li permezz tagħhom tiġi kkomunikata d-deċiżjoni, iżda wkoll iċ-ċirkustanzi li fihom ġiet innotifikata lill-parti kkonċernata (sentenza tat-Tribunal tat-30 ta’ Novembru 2010, Taillard vs Il-Parlament, F‑97/09, punt 33). F’din il-kawża, minn naħa, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-inkjesta u, min-naħa l-oħra, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni inkwistjoni, ir-rikorrenti kellhiex diġà informazzjoni li fuqha kienet ibbażata dik id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 1998, Aquilino vs Il-Kunsill, T‑130/96, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

170

Mill-istess test tad-deċiżjoni inkwistjoni jirriżulta li din hija bbażata fuq ir-rapport finali tal-inkjesta li ntbagħat lir-rikorrenti biss matul il-proċedura kontenzjuża. Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni kuntrarja fid-deċiżjoni inkwistjoni, ir-rikorrenti ma setgħetx tkun taf sa liema grad l-informazzjoni li hija kienet bagħtet matul l-inkjesta kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-investigatur, u lanqas jekk id-deċiżjoni inkwistjoni kinitx tikkorrispondi effettivament għar-riżultati tal-inkjesta. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax tiġġustifika n-nuqqas inizjali ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni billi tafferma li din kienet ibbażata fuq informazzjoni magħrufa mir-rikorrenti.

171

Il-possibbiltà offruta lir-rikorrenti li tikkontribwixxi għall-iżvolġiment tajjeb tal-inkjesta tidher li hija konformi mar-rispett tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Madankollu, din il-parteċipazzjoni fiha nfisha ma hijiex prova li r-rikorrenti b’hekk kienet infurmata bir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni tiċħad it-talba tagħha għall-għajnuna. Fil-fatt, anki jekk nassumu li r-rikorrenti kienet irċeviet informazzjoni rilevanti matul il-proċedura tal-inkjesta, li ma ntweriex mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti setgħet tippreżumi li din ma kinitx għadha valida minħabba l-motivazzjoni li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni inkwistjoni.

172

Rigward l-informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tal-inkjesta pprovduta lir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma werietx li, minbarra l-preżentazzjoni ta’ skużi għad-dewmien fit-twettiq tad-diversi attivitajiet tal-inkjesta, li din l-informazzjoni kienet tikkonċerna r-raġunijiet li fuq il-bażi tagħhom hija sussegwentement ċaħdet it-talba għall-għajnuna tar-rikorrenti.

173

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni inkwistjoni ma hijiex immotivata biżżejjed fir-rigward tar-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni kkonkludiet it-talba għall-għajnuna tar-rikorrenti mingħajr ma ttieħdet azzjoni ulterjuri għat-tieni perijodu u annullat din id-deċiżjoni fir-rigward ta’ dak il-perijodu.

C – Fuq il-konklużjonijiet dwar kumpens

1. L-argumenti tal-partijiet

174

Ir-rikorrenti titlob kumpens għal dannu materjali u dannu morali minħabba l-fastidju psikoloġiku mġarrab u l-illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni meta ċaħdet it-talba tagħha għall-għajnuna.

175

F’dak li jirrigwarda d-dannu materjali, it-talbiet għal kumpens issollevati mir-rikorrenti essenzjalment jinqasmu fi tliet partijiet.

176

Fl-ewwel lok, il-parti kkonċernata ssostni li l-fastidju psikoloġiku mġarrab għamel ħsara lill-karriera u lir-reputazzjoni tagħha u li dan kellu l-effett li jagħmel ħsara lis-saħħa fiżika u psikoloġika tagħha. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, u b’mod partikolari n-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ miżuri provviżorji, bħal miżura ta’ tkeċċija, wara t-talba tagħha għall-għajnuna, ikkawżalha dannu. Fit-tielet lok, hija talbet kumpens għad-dannu li allegatament ġarrbet minħabba n-nuqqas ta’ osservanza mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura u minħabba ż-żmien irraġonevoli li l-Kummissjoni ħadet sabiex tipproċessa l-fajl tagħha.

177

Id-dannu mġarrab għandu jiġi rrimedjat parzjalment, skont ir-rikorrenti, billi l-Kummissjoni tagħmel tajjeb għall-ispejjeż u l-onorarji tal-konsulenti legali tagħha relatati mal-proċeduri ta’ qabel il-kawża u matul il-kawża.

178

Fir-rigward tal-kumpens għad-dannu morali, ir-rikorrenti tikkunsidra li jirriżulta li kien hemm ksur tad-dmir ta’ premura min-naħa tal-Kummissjoni fit-trattament tat-talba tagħha għall-għajnuna u li hija vvalutat dan id-dannu għal EUR 10 000.

179

Il-Kummissjoni tirribatti li peress li ma tressqitx prova ta’ fastidju psikoloġiku, ir-rikorrenti ma ġarrbet ebda dannu materjali jew morali u li għalhekk ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba għall-kumpens. Hija tiddikjara wkoll li, fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, il-parti konvenuta ma għandhiex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż imġarrba mir-rikorrenti matul il-fażi ta’ qabel il-kawża.

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

180

Minn ġurisprudenza ferm stabbilita jirriżulta li, fil-kawżi bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom, huwa rikonoxxut dritt għal kumpens jekk ikunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegatament imwettaq mill-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità bejn l-aġir u d-dannu invokat (sentenza Il-Kummissjoni vs Q, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-fatt li waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet tkun nieqsa huwa biżżejjed sabiex jiġi miċħud rikors għad-danni (ara d-digriet tat-Tribunal tas-16 ta’ Marzu 2011, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑21/10, punti 22 u 23, u l-ġurisprudenza ċċitata).

181

Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni li għaliha hija suġġetta r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet, id-dannu li għalih jintalab rimedju għandu jkun reali u ċert, u din il-prova għandha titressaq mir-rikorrenti (sentenza tat-Tribunal tat-13 ta’ Ġunju 2012, BL vs Il-Kummissjoni, F‑63/10, punt 98).

182

Fin-noti tagħha, ir-rikorrenti ma tirreferi għal ebda dokument fil-fajl li jista’ jiġġustifika r-realtà jew il-portata tad-dannu materjali allegat, li hija lanqas tikkwantifika, u sempliċement tiddikjara li dan id-dannu ser jiġi rrimedjat parzjalment billi l-Kummissjoni tagħmel tajjeb għall-ispejjeż u l-onorarji tal-konsulenti legali relatati mal-proċeduri ta’ qabel il-kawża u ta’ matul il-kawża. Barra minn hekk, ir-rikors ma jinkludi ebda offerta ta’ prova dwar dan il-punt. Skont l-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi l-offerti ta’ prova meħtieġa sabiex jintwerew ir-realtà u l-portata tad-dannu.

183

Fin-nuqqas tal-imsemmija elementi ta’ prova, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma ġġustifikatx ir-realtà u l-portata tad-dannu materjali allegat. B’hekk għandhom jiġu miċħuda t-talbiet għad-danni tar-rikorrenti fir-rigward tad-dannu materjali mingħajr ma huwa meħtieġ li t-Tribunal jiddeċiedi dwar l-eżistenza tal-kundizzjonijiet l-oħrajn.

184

Fir-rigward tad-dannu morali, ir-rikorrenti tikkunsidra li dan jirriżulta mid-dewmien irraġonevoli tal-inkjesta kif ukoll min-nuqqas ta’ premura min-naħa tal-Kummissjoni fit-trattament tal-fajl.

185

It-Tribunal ifakkar li r-rikorrenti ppreżentat it-talba tagħha għall-għajnuna fil-5 ta’ Diċembru 2007 u li d-deċiżjoni inkwistjoni ġiet ikkomunikata lilha fl-10 ta’ Awwissu 2010, jew iktar minn sentejn u tmien xhur wara. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, u anki meta jitqies it-tul tat-talba għall-għajnuna u l-fatt li r-rikorrenti talbet, f’diversi okkażjonijiet, inkjesti supplimentari, dak id-dewmien fil-prinċipju ma jistax jiġi kkwalifikat bħala raġonevoli.

186

B’hekk huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk id-diversi argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika t-tul ta’ żmien tal-proċedura ta’ inkjesta jistgħux ipoġġu f’dubju din il-konklużjoni.

187

Mill-proċess jirriżulta li għaddew sitt xhur bejn id-data tal-preżentata tat-talba għall-għajnuna u d-deċiżjoni li tinfetaħ inkjesta amministrattiva u li jitqabbad investigatur estern għad-DĠ Persunal, deċiżjoni li ġiet adottata fid-9 ta’ Ġunju 2008. B’hekk dan kien dewmien ta’ xahrejn itwal minn dak ta’ erba’ xhur stabbilit mill-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-formazzjoni ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ talba.

188

Madankollu, il-ġurisprudenza fir-rigward ta’ talba għall-għajnuna abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal diġà ppreċiżat li ma huwiex eskluż li raġunijiet oġġettivi, li jistgħu b’mod partikolari jkunu relatati mal-ħtiġijiet ta’ organizzazzjoni tal-inkjesta, jistgħu jiġġustifikaw li t-terminu għall-ftuħ tal-imsemmija inkjesta jkun itwal (sentenza Il-Kummissjoni vs Q, iċċitata iktar ’il fuq, punt 105). F’din il-kawża, meta titqies id-deċiżjoni, meħuda ġustament, li l-inkjesta tiġi fdata lil persuna li ma taqax taħt id-DĠ Persunal u t-tul tat-talba għall-għajnuna, li kienet tammonta għal madwar elf paġna, dan id-dewmien tal-Kummissjoni ma jistax jitqies bħala irraġonevoli.

189

Min-naħa l-oħra, għall-perijodu bejn id-9 ta’ Ġunju 2008 u d-9 ta’ Marzu 2009, id-data meta l-investigatur stieden lir-rikorrenti tixhed fil-kuntest tal-inkjesta amministrattiva, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li “ebda att formali ta’ inkjesta ma twettaq”, ċirkustanza li għaliha l-investigatur skuża ruħu f’diversi okkażjonijiet mar-rikorrenti. Il-Kummissjoni tiġġustifika dan id-dewmien billi tirreferi għall-piż ta’ xogħol li kellu l-investigatur minħabba l-ħatra reċenti tiegħu bħala direttur. Madankollu, dik il-kunsiderazzjoni ma tistax tiġġustifika li matul id-disa’ xhur imsemmija hawn fuq l-inkjesta baqgħet sospiża. Jekk l-investigatur ma kienx f’pożizzjoni fejn jista’ jaqdi dimirijietu fil-kuntest tal-inkjesta, il-Kummissjoni kellha r-responsabbiltà li taħtar investigatur ieħor jew, fi kwalunkwe każ, li torganizza l-attivitajiet tagħha b’mod li t-trattament tat-talba tar-rikorrenti ma jiġix imdewwem għal perijodu ta’ żmien daqstant sinjifikattiv.

190

Għall-perijodu bejn id-9 ta’ Marzu 2009 u t-23 ta’ April 2010, id-data meta l-investigatur ippreżenta r-rapport tiegħu lis-segretarju ġenerali tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni ġġustifikat it-tul ta’ żmien tal-proċedura abbażi tal-kumplessità tal-inkjesta u “n-numru kbir” ta’ persuni li nstemgħu, fosthom, diversi ex uffiċjali li kienu telqu mill-Belġju. Għalkemm jirriżulta mir-rapport finali tal-inkjesta li l-Kummissjoni semgħet biss tnax-il persuna li minnhom tlieta biss kienu rtirati, ma jidhirx li t-tul ta’ żmien ta’ dik il-fażi kien irraġonevoli meta titqies il-kumplessità ġenerali tal-inkjesta.

191

Finalment, is-segretarju ġenerali tal-Kummissjoni adotta d-deċiżjoni inkwistjoni fis-7 ta’ Ġunju 2010. Madankollu, kif spjegat il-Kummissjoni stess fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 2010 indirizzata lill-konsulent legali tar-rikorrenti, minħabba “żball amministrattiv” id-deċiżjoni ntbagħtet lir-rikorrenti biss fl-10 ta’ Awwissu 2010.

192

Minn dan jirriżulta li, mid-dewmien totali tal-proċedura ta’ inkjesta ta’ 32 xahar, għaddew mhux inqas minn 11-il xahar — bejn id-9 ta’ Ġunju 2008 u d-9 ta’ Marzu 2009 u bejn is-7 ta’ Ġunju 2010 u l-10 ta’ Awwissu 2010 — u matul dan il-perijodu ma sar xejn, mingħajr ma l-Kummissjoni tista’ tagħti xi ġustifikazzjoni valida għal dan in-nuqqas. Effettivament, is-sempliċi invokazzjoni tal-piż ta’ xogħol tal-investigatur jew ta’ żball amministrattiv ma tistax tiġġustifika d-dewmien tal-inkjesta.

193

Id-dewmien tal-proċedura ta’ inkjesta b’hekk ma jistax jitqies bħala raġonevoli u l-aġir tal-Kummissjoni ma jistax jitqies li huwa konformi mad-dmir tagħha ta’ premura.

194

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dannu morali mġarrab mir-rikorrenti ma jistax jiġi rrimedjat għal kollox bl-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni. Minħabba l-annullament parzjali tad-deċiżjoni inkwistjoni, ir-rikorrenti ssib ruħha mill-ġdid f’pożizzjoni fejn qiegħda tistenna li tinqata’ b’mod definittiv il-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal wara t-talba tagħha tal-5 ta’ Diċembru 2007. Il-fatt li s-sitwazzjoni ta’ stennija u inċertezza ġiet estiża minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni inkwistjoni jikkostitwixxi dannu morali.

195

Meta jitqiesu r-raġunijiet mogħtija hawn fuq, it-Tribunal jikkunsidra li t-talba għar-rimedju tad-dannu morali li jirriżulta mid-dewmien eċċessiv tal-proċedura u l-ksur tad-dmir ta’ premura hija fondata u jikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti ammont li hija tistma ex æquo et bono fl-ammont ta’ EUR 6 000.

Fuq l-ispejjeż

196

Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont il-paragrafu 2 tal-istess Artikolu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

197

Mill-motivi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni hija essenzjalment il-parti telliefa. Barra minn hekk, fit-talbiet tagħha, ir-rikorrenti talbet espressament li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

jaqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-7 ta’ Ġunju 2010 hija annullata sa fejn tipprovdi li ma tittiħidx azzjoni ulterjuri dwar it-talba għall-għajnuna tas-Sinjura Tzirani għal fastidju psikoloġiku li hija allegatament ġarrbet mill-1 ta’ Ottubru 2004.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lis-Sinjura Tzirani s-somma ta’ EUR 6 000.

 

3)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

4)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata tħallas l-ispejjeż imġarrba mis-Sinjura Tzirani.

 

Rofes i Pujol

Boruta

Bradley

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Lulju 2013.

W. Hakenberg

Reġistratur

M. I. Rofes i Pujol

President


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Góra