Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CO0582(01)

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-14 ta' Novembru 2013.
Schwaaner Fischwaren GmbH vs Rügen Fisch AG.
Taxxa ta' l-ispejjeż.
Kawża C-582/11 P-DEP.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:754

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

14 ta’ Novembru 2013 ( *1 )

“Intaxxar tal-ispejjeż”

Fil-Kawża C‑582/11 P‑DEP,

li għandha bħala suġġett talba għall-intaxxar tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru abbażi tal-Artikolu 145 tar-Regoli tal-Proċedura, imressqa fis-7 ta’ Ġunju 2013,

Schwaaner Fischwaren GmbH, stabbilita fi Schwaan (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Jaeger-Lenz, Avukat,

rikorrenti,

vs

Rügen Fisch AG, stabbilita f’Sassnitz (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Geitz, Avukat,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn C. G. Fernlund, President tal-Awla, A. Ó Caoimh u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Is-suġġett ta’ din il-kawża huwa l-intaxxar tal-ispejjeż sostnuti minn Schwaaner Fischwaren GmbH (iktar ’il quddiem “Schwaaner Fischwaren”) fil-kuntest tal-Kawża Rügen Fisch vs UASI (C‑582/11 P).

L-appell

2

Permezz ta’ appell ippreżentat fit-22 ta’ Novembru 2011 skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Rügen Fisch AG (iktar ’il quddiem “Rügen Fisch”) talbet l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Settembru 2011, Rügen Fisch vs UASI — Schwaaner Fischwaren (SCOMBER MIX) (T‑201/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali, minn naħa, kienet ċaħdet rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tal- 20 ta’ Marzu 2009, (Każ R 230/2007‑4, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li tilqa’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità parzjali tat-trade mark Komunitarja SCOMBER MIX, u, min-naħa l-oħra, kienet ikkundannata għall-ispejjeż.

3

Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Lulju 2012, Rügen Fisch vs UASI (C‑582/11 P), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-appell bħala, parzjalment, manifestament inammissibbli u, parzjalment, manifestament infondat. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkundannat lil Rügen Fisch għall-ispejjeż sostnuti mill-UASI u minn Schwaaner Fischwaren.

4

Peress li ma ntlaħaq ebda ftehim bejn Schwaaner Fischwaren u Rügen Fisch dwar l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru relatati mal-imsemmija proċedura ta’ appell, Schwaaner Fischwaren ressqet din it-talba.

L-argumenti tal-partijiet

5

Schwaaner Fischwaren titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiffissa l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru għas-somma ta’ EUR 18 875.85. Dan l-ammont huwa kompost mill-elementi li ġejjin:

EUR 14 040 bħala onorarji tal-avukat;

EUR 2 801.10 bħala taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”);

EUR 1 339.84 bħala spejjeż tal-ivvjaġġar;

EUR 367.24 li jirrappreżentaw diversi spejjeż u li jikkorrispondu, fost l-oħrajn, għal spejjeż ta’ kopji kif ukoll għal spejjeż postali u ta’ telekomunikazzjonijiet.

6

F’dan ir-rigward, Schwaaner Fischwaren issostni li dawn l-ispejjeż kienu indispensabbli u ma humiex eċċessivi, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-importanza ekonomika kunsiderevoli tal-kawża għall-attivitajiet tagħha. Fil-fatt, id-disponibbiltà libera ta’ termini deskrittivi fis-settur tal-industrija tas-sajd hija ta’ importanza essenzjali għall-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-pubbliċità magħmula minn din il-kumpannija.

7

Schwaaner Fischwaren titlob ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha talloka wkoll is-somma ta’ EUR 300 bħala spejjeż relatati mal-kawża preżenti dwar l-intaxxar tal-ispejjeż.

8

Rügen Fisch issostni, prinċipalment, li Schwaaner Fischwaren għandha tbati l-ispejjeż tagħha skont l-Artikolu 140(3) tar-Regoli tal-Proċedura. F’dan ir-rigward hija ssostni li l-intervent, insostenn tal-UASI, ta’ Schwaaner Fischwaren quddiem il-Qorti Ġenerali ma kienx indispensabbli, bħalma lanqas ma kien indispensabbli l-intervent tagħha bħala parti oħra fil-proċedura ta’ appell, peress li, b’mod partikolari, din l-impriża ppreżentat argumenti li kienu fil-parti l-kbira identiċi għall-dawk tal-UASI.

9

Sussidjarjament, Rügen Fisch issostni li l-ispejjeż li tagħhom qiegħed jintalab l-intaxxar ma jistgħux jinġabru. B’mod partikolari, hija tosserva li parti mill-irċevuti, annessi minn Schwaaner Fischwaren mat-talba tagħha, huma preċedenti għad-data tal-preżentata tal-appell li wassal għad-digriet Rügen Fisch vs UASI, iċċitat iktar ’il fuq. Għalhekk, l-ispejjeż tal-konsulenza legali li kienet is-suġġett ta’ dawn l-irċevuti fil-verità jikkorrispondu għal spejjeż relatati mal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem il-UASI u l-Bord tal-Appell tiegħu.

10

Rügen Fisch tikkontesta wkoll il-fatt li Schwaaner Fischwaren tista’ tinvoka spejjeż ta’ rappreżentazzjoni ffatturati minn żewġ avukati, peress li, fid-dawl tal-kumplessità medja tal-kawża, l-użu tas-servizzi ta’ avukat wieħed kien suffiċjenti sabiex tiġi żgurata r-rappreżentazzjoni ta’ Schwaaner Fischwaren.

11

Rügen Fisch issostni wkoll li l-ammonti mitluba bħala VAT ma jistgħux ikunu s-suġġett tal-preżenti talba, peress li Schwaaner Fischwaren hija, inkwantu impriża suġġetta għall-VAT, f’pożizzjoni li tikseb ir-rimbors jew it-tnaqqis ta’ din it-taxxa mingħand l-awtoritajiet Ġermaniżi.

12

Rügen Fisch tikkontesta wkoll in-numru ta’ sigħat u r-rata fis-siegħa ffatturati mill-konsulenti legali ta’ Schwaaner Fischwaren. Fil-fatt, fid-dawl tal-kumplessità medja tal-kawża, l-ispejjeż mitluba f’dan ir-rigward huma eċċessivi.

13

Fl-aħħar nett, Rügen Fisch tqis li s-sinjal “COMBER MIX” li kien is-suġġett tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma kienx ta’ importanza essenzjali, mill-perspettiva ekonomika, għal Schwaaner Fischwaren.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba

14

F’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tal-preżenti talba, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni Rügen Fisch, il-Qorti tal-Ġustizzja kkundannat lil din tal-aħħar, fil-kuntest tad-digriet Rügen Fisch vs UASI, iċċitat iktar ’il fuq, għall-ispejjeż relatati mal-proċedura ta’ appell sostnuti kemm mill-UASI kif ukoll minn Schwaaner Fischwaren, u dan skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fid-data ta’ meta ngħata l-imsemmi digriet.

15

Għaldaqstant, l-argumenti ta’ Rügen Fisch li donnhom jaffermaw li Schwaaner Fischwaeren għandha tbati l-ispejjeż tagħha skont l-Artikolu 140(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jammontaw għal ksur tal-kliem innifsu tad-digriet Rügen Fisch vs UASI, iċċitat iktar ’il fuq.

Fuq l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru

16

Skont l-Artikolu 144(b) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli, skont l-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, għall-proċeduri li jkunu jikkonċernaw appell, huma kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru “l-ispejjeż indispensabbli li jkunu saru mill-partijiet għall-finijiet tal-kawża, b’mod partikolari l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ u r-remunerazzjoni ta’ aġent, konsulent jew avukat”.

Fuq l-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

17

L-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma limitati, minn naħa, għall-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, min-naħa l-oħra, għal dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet (digriet tas-6 ta’ Jannar 2004, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni C-104/89 DEP, Ġabra p. I-1, punt 43; kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2012, TDK Kabushiki Kaisha vs Aktieselskabet af 21. november 2001, C‑197/07 P‑DEP, punt 12, u tal-10 ta’ Ottubru 2013, OCVV vs Schräder, C‑38/09 P‑DEP, punt 18).

18

F’dak li jirrigwarda t-talba preżenti, għandu bilfors jiġi osservat, hekk kif essenzjalment sostniet Rügen Fisch, li parti importanti tal-irċevuti ppreżentati minn Schwaaner Fischwaren tikkonċerna servizzi ta’ konsulenza preċedenti għad-data tal-qari tas-sentenza appellata, jiġifieri l-21 ta’ Settembru 2011, inklużi spejjeż marbuta mal-preżentata ta’ noti u mar-rappreżentazzjoni ta’ din l-intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali matul is-seduta tad-9 ta’ Marzu 2011. Bl-istess mod, ċerti rċevuti jirrigwardaw konsulenzi pprovduti fil-kuntest tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI.

19

Issa, f’dan ir-rigward, ir-rikors ta’ Rügen Fisch ġie miċħud bis-sentenza appellata u, f’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar l-ispejjeż relatati ma dak ir-rikors. Barra minn hekk, bid-digriet Rügen Fisch vs UASI, iċċitat iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell ippreżentat minn Rügen Fisch kontra l-imsemmija sentenza. Għalhekk, peress li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, inkluża dik dwar l-ispejjeż, ma ġietx annullata, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-ammonti li jistgħu jinġabru fir-rigward tal-proċedura mressqa quddiemha fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza appellata u li għaliha Schwaaner Fischwaren ġiet ammessa bħala intervenjenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-11 ta’ Jannar 2008, CEF u CEF Holdings vs Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch u Technische Unie, C‑105/04 P‑DEP u C‑113/04 P‑DEP, punt 22).

20

Minn dan jirriżulta li, fir-rigward tal-ispejjeż relatati ma dak ir-rikors li Schwaaner Fischwaren tixtieq tara ntaxxati, għalkemm dawn jistgħu eventwalment ikunu s-suġġett ta’ talba separata mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali skont ir-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 87 sa 92 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha u bla ħsara għall-Artikolu 85 tal-istess Regoli, madankollu tali spejjeż ma jistgħux ikunu s-suġġett tal-preżenti talba.

21

Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda biss dawk l-irċevuti ppreżentati minn Schwaaner Fischwaren u li jikkorrispondu għal konsulenzi pprovduti wara l-qari tas-sentenza appellata, dawn jammontaw għal sitta u l-ammont totali tagħhom huwa, l-iktar l-iktar, ta’ EUR 4 052.77.

Fuq l-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22

Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiffissa l-ispejjeż li jistgħu jinġabru hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sal-mument tal-qari tad-digriet dwar intaxxar tal-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż indispensabbli relatati mal-proċedura ta’ intaxxar tal-ispejjeż (digrieti tal-20 ta’ Mejju 2010, Tetra Laval vs Il‑Kummissjoni, C‑12/03 P‑DEP u C‑13/03 P‑DEP, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-12 ta’ Ottubru 2012, Zafra Marroquineros vs Calvin Klein Trademark Trust, C‑254/09 P‑DEP, punt 22).

23

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni ma hijiex intitolata li tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom stess, iżda li tiddetermina l-ammont ta’ dawn ir-remunerazzjonijiet li jista’ jinġabar mingħand il-parti kkundannata għall-ispejjeż (digrieti ċċitati iktar ’il fuq Tetra Laval vs Il‑Kummissjoni, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll TDK Kabushiki Kaisha vs Aktieselskabet af 21. november 2001, punt 15).

24

Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, fl-assenza fid-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar it-tariffi jew dwar il-ħin tax-xogħol neċessarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevalwa liberament il-fatti kollha tal-kawża, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-għan u n-natura tat-tilwima, l-importanza tagħha f’termini tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet tikkawża lill-aġenti jew lill-konsulenti intervenjenti u l-interessi ekonomiċi li t-tilwima ppreżentat għall-partijiet (ara, b’mod partikolari, id-digrieti tat-30 ta’ Novembru 1994, British Aerospace vs Il‑Kummissjoni, C-294/90 DEP, Ġabra p. I-5423, punt 13; kif ukoll tas-16 ta’ Mejju 2013, Deoleo vs Aceites del Sur-Coosur, C‑498/07 P‑DEP, punt 20, u tal-10 ta’ Lulju 2012, Norma Lebensmittelfilialbetrieb vs Yorma’s, C‑191/11 P‑DEP, punt 17).

25

Barra minn hekk, waqt l-iffissar tal-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru totali ta’ sigħat ta’ xogħol li jikkorrispondi għas-servizzi pprovduti u kkunsidrati bħala oġġettivament indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura kkonċernata, indipendentement min-numru ta’ avukati li bejniethom tqassam l-imsemmi xogħol (digrieti ċċitati iktar ’il fuq Tetra Laval vs Il‑Kummissjoni, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Deoleo vs Aceites del Sur‑Coosur, punt 28).

26

L-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru minn Schwaaner Fischwaren u li huma relatati mal-proċedura ta’ appell li tat lok għad-digriet Rügen Fisch vs UASI, iċċitat iktar ’il fuq, għandu jiġi evalwat fid-dawl ta’ dawn il-kriterji.

27

Fir-rigward tal-interessi ekonomiċi inkwistjoni fil-kawża, huwa paċifiku, fid-dawl tal-importanza tat-trade marks fin-negozju, li Schwaaner Fischwaren kellha ċertament interess li tara li s-sentenza appellata, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali kienet ċaħdet ir-rikors ta’ Rügen Fisch ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata tiġi kkonfermata fl-istadju tal-appell. Fil-fatt, permezz tal-imsemmija deċiżjoni, il-Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, imressqa minn Schwaaner Fischwaren, tat-trade mark Komunitarja SCOMBER MIX, f’dan il-każ fir-rigward tal-prodotti fis-sens tal-Klassi 29 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, jiġifieri “Hut ippreżervat; ħut tal-bott; preparazzjonijiet fuq bażi ta’ ħut, ukoll flimkien tal-użu ta’ ħwawar, estratti ta’ ħwawar, insalata u ħaxix; platti ppreparati u nofs ippreparati fuq bażi ta’ ħut”.

28

Fir-rigward tas-suġġett tal-kawża, għandu jiġi osservat li fir-rigward ta’ proċedura ta’ appell li, min-natura tagħha stess, hija illimitata għal kwistjonijiet ta’ liġi u ma għandhiex bħala suġġett il-konstatazzjoni tal-fatti. Barra minn hekk, qabel l-appell, il-kawża li rriżultat mit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark SCOMBER MIX imressqa minn Schwaaner Fischwaren kienet diġà tat lok għal eżamijiet, suċċessivament, mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI, mill-Bord tal-Appell tal-UASI kif ukoll mill-Qorti Ġenerali.

29

Fir-rigward tal-importanza tal-kawża evalwata mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, għandu bilfors jiġi kkonstatat li l-appell kien jinvolvi aggravju wieħed u li ma kien iqajjem ebda punt ta’ liġi ġdid jew ta’ kumplessità partikolari. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħditu bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment manifestament infondat, u dan permezz ta’ digriet adottat abbażi tal-Artikolu 119 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ dak iż-żmien.

30

Fir-rigward tal-portata tax-xogħol ipprovdut, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet esposti iktar il-fuq, jidher li t-tfassil u l-preżentata, minn Schwaaner Fischwaren, tar-risposta fil-kuntest tal-appell li ta’ lok għad-digriet Rügen Fisch vs UASI, iċċitat iktar ’il fuq, ma kienx ħtieġ analiżi fil-fond ħafna.

31

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ammonti mitluba bħala VAT, għandu jiġi osservat li peress li Schwaaner Fischwaren hija suġġetta għall-VAT hija għandha d-dritt li tikseb ir-rimbors, mingħand l-awtoritajiet tat-taxxa, tal-VAT imħallsa fuq l-oġġetti u s-servizzi li hija tixtri. Għalhekk, bħala tali l-VAT ma tirrappreżentax spiża għal din l-impriża u, għaldaqstant, fil-kawża preżenti hija ma tistax titlob ir-rimbors tal-VAT imħallsa fuq l-ispejjeż (ara, f’dan is-sens, id-digriet Norma Lebensmittelfilialbetrieb vs Yorma’s, iċċitat iktar ’il fuq, punt 24).

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, is-somma ta’ EUR 3000 għandha titqies li hija raġonevoli u oġġettivament indispensabbli sabiex tiġi żgurata d-difiża tal-interessi ta’ Schwaaner Fischwaren fil-kuntest tal-appell li ta’ lok għad-digriet Rügen Fisch vs UASI.

33

Fir-rigward tas-somma ta’ EUR 300 mitluba minn din tal-aħħar bħala spejjeż relatati mal-proċedura preżenti ta’ intaxxar tal-ispejjeż, jidher li anki din hija raġonevoli u oġġettivament iġġustifikata.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tordna:

 

L-ammont totali tal-ispejjeż li Rügen Fisch AG għandha tirrimborsa lil Schwaaner Fischwaren GmbH abbażi tal-appell li ta’ lok għad-digriet tal-10 ta’ Lulju 2012, Rügen Fisch vs UASI (C‑582/11 P), huwa ffissat għal EUR 3 300.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top