This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CO0433
Order of the Court (Fifth Chamber), 8 November 2012.#SKP k.s. v Kveta Polhošová.#Reference for a preliminary ruling from the Krajský súd v Prešove.#Reference for a preliminary ruling – Lack of adequate information on the factual and legal context of the dispute in the main proceedings – Questions submitted in a context which precludes any useful answer – Lack of information on the reasons justifying the need for a reply to the questions referred – Manifest inadmissibility.#Case C–433/11.
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-8 ta’ Novembru 2012.
SKP k.s. vs Kveta Polhošová.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský súd v Prešove.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Assenza ta’ preċiżazzjonijiet suffiċjenti tal-kuntest fattwali u leġiżlattiv tal-kawża prinċipali — Domandi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli — Nuqqas ta’ preċiżazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw in-neċessità ta’ risposta għad-domandi preliminari — Inammissibbiltà manifesta.
Kawża C‑433/11.
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-8 ta’ Novembru 2012.
SKP k.s. vs Kveta Polhošová.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský súd v Prešove.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Assenza ta’ preċiżazzjonijiet suffiċjenti tal-kuntest fattwali u leġiżlattiv tal-kawża prinċipali — Domandi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli — Nuqqas ta’ preċiżazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw in-neċessità ta’ risposta għad-domandi preliminari — Inammissibbiltà manifesta.
Kawża C‑433/11.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:702
DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
8 ta’ Novembru 2012 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Assenza ta’ preċiżazzjonijiet suffiċjenti tal-kuntest fattwali u leġiżlattiv tal-kawża prinċipali — Domandi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli — Nuqqas ta’ preċiżazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw in-neċessità ta’ risposta għad-domandi preliminari — Inammissibbiltà manifesta”
Fil-Kawża C-433/11,
li għandha bħala suġġettt talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Krajský súd v Prešove (is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Awwissu 2011, fil-proċedura
SKP k.s.
vs
Kveta Polhošová,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn A. Borg Barthet, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, M. Ilešič u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, p. 22), tal-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 2, p. 288), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Europea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn SKP k.s. (iktar ’il quddiem “SKP”)riċevitur tal-falliment ta’ KFZ Sys s.r.o. (iktar ’il quddiem “KFZ”), u K. Polhošová rigward l-eżekuzzjoni, minn din tal-aħħar, ta’ kuntratt ta’ xiri bin-nifs ta’ oġġett ta’ konsum. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Karta
3 |
L-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi: “Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata. Għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.” |
Id-Direttiva 93/13
4 |
Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/13: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.” |
5 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
|
6 |
L-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva 93/13 jipprovdi: “Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.” |
Id-Direttiva 2005/29
7 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/29 tipprovdi: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.” |
8 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/29 huwa redatt kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[...]” |
9 |
L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott. 2. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi kontrattwali u, b’mod partikolari, għar-regoli dwar il-validità, it-tfassil u l-effetti ta’ kuntratt.” |
10 |
L-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi: “1. Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti. 2. Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:
|
Id-dritt Slovakk
11 |
Skont l-Artikolu 4(2) tal-Liġi Nru 71/1992 dwar l-ispejjeż legali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, ir-riċevitur tal-falliment huwa eżonerat mill-ispejjeż legali fis-sens tal-leġiżlazzjoni speċjali tal-Liġi Nru 7/2005 dwar il-fallimenti u r-ristrutturazzjonijiet. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 |
Fit-13 ta’ Diċembru 2001, DRUKOS a.s. ikkonkluda ma’ K. Polhošová kuntratt ta’ “hire purchase” ta’ oġġett ta’ konsum, li kien jipprovdi li fl-iskadenza tal-perijodu ta’ kiri, jiġifieri wara l-ħlas ta’ 30 rata mensili, din tal-aħħar kienet ser issir proprjetarja ta’ dan l-oġġett. Il-kuntratt inkwistjoni kien fih klawżola ta’ riserva ta’ titolu ta’ proprjetà, li tgħid li d-dritt ta’ proprjetà kellu jiġi ttrasferit lil K. Polhošová biss wara l-eżekuzzjoni tal-obbligi kollha tagħha, li jinkludu l-ħlas tal-pagamenti mensili kollha. Il-prezz tal-oġġett kien jammonta għal SKK 17 270 (EUR 569.73), iżda meta wieħed jikkunsidra l-“kiri”, K. Polhošová kellha fil-fatt tħallas somma totali ta’ SKK 24 033 (EUR 792.83). |
13 |
DRUKOS a.s. ġiet iddikjarata fi stat ta’ falliment u, fis-16 ta’ Diċembru 2006, ikkonkludiet kuntratt ta’ trasferiment ta’ dejn fir-rigward ta’ K. Polhošová ma’ Holec, residenti f’Nitra (is-Slovakkja). Permezz ta’ kuntratt li sar fl-istess ġurnata, dan tal-aħħar ittrasferixxa d-dejn inkwistjoni lil MEDIATION KMCH s.r.o., stabbilita f’Nitra mbagħad lil Banská Bystrica (is-Slovakkja). Permezz ta’ kuntratt tat-23 ta’ Frar 2008, dan id-dejn ġie ttrasferit sussegwentement lil IVACO CONSULTANTS LIMITED, stabbilita fis-Seychells. Fis-17 ta’ Mejju 2008, din tal-aħħar ikkonkludiet kuntratt ta’ trasferiment tal-imsemmi dejn mal-impriża AKROPOLIS estates s.r.o., li saret KFZ, stabbilita fis-Slovakkja. |
14 |
Fil-25 ta’ Lulju 2008, KFZ ġiet iddikjarata fi stat ta’ falliment. |
15 |
Fis-17 ta’ Marzu 2010, SKP ressqet rikors quddiem l-Okresný súd Poprad kontra K. Polhošová sabiex titlob mingħandha l-ħlas tal-penalità kuntrattwali prevista fil-każ ta’ ħlas tardiv, li tirrappreżenta 0.1 % tas-somma dovuta għal kull ġuranta ta’ dewmien, u għar-rimbors tal-ispejjeż marbuta mal-irkupru tas-somom mitluba. Il-penalità kuntrattwali inkwistjoni li tirrigwarda l-perijodu ta’ erba’ snin preċedenti għall-preżentata tar-rikors, tirrappreżenta s-somma ta’ EUR 987.05, filwaqt li l-onorarju tal-avukat li ġie mitlub jammonta għas-somma ta’ EUR 117.32. |
16 |
Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Frar 2011, l-Okresný súd Poprad ċaħdet l-imsemmi rikors minħabba l-fatt li l-penalità kuntrattwali msemmija iktar ’il fuq kienet tikkostitwixxi klawżola inġusta f’kuntratt konkluż mal-konsumatur. Din il-qorti kkunsidrat li, flimkien mal-penalità kkonċernata kellhom jiżdiedu l-interessi moratorji previsti mil-liġi, u li għalhekk dawn iż-żewġ obbligi kienu sproporzjonati u kienu joħolqu, għad-dannu tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikanti bejn id-drittijiet u l-obbligi taż-żewġ tipi tal-partijiet kontraenti. |
17 |
SKP appellat minn din is-sentenza quddiem il-Krajský súd v Prešove. |
18 |
Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, skont il-leġiżlazzjoni Slovakka, ir-riċevitur ta’ impriża fi proċedura ta’ falliment huwa eżentat mill-ispejjeż legali. Fil-każ li huwa jitlef ir-rikors, l-ispejjeż sostnuti minn konsumatur, prattikament, ma jistgħux jiġu rkuprati. Konsegwentement, il-konsumaturi jkunu disważi milli jeżerċitaw azzjoni kontra entitajiet li jkunu fi proċedura ta’ falliment kif ukoll milli jħallsu s-servizzi ta’ avukat, u dan jippreġudika l-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom. |
19 |
Billi qieset li s-soluzzjoni għall-kawża prinċipali tiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, il-Krajský súd v Prešove ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
20 |
Skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa manifestament inammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura. |
Fuq l-ewwel domanda u fuq l-ewwel parti tat-tieni domanda
21 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk prattika kummerċjali fejn il-fornitur jittrasferixxi d-dejn li huwa għandu kontra konsumaturi lil impriża fi proċedura ta’ falliment, fejn dan il-konsumatur ma għandu l-ebda garanzija li jiġi rrimborsat l-ispejjeż legali relatati mal-kuntratt konkluż ma dan il-fornitur, hijiex żleali fis-sens tad-Direttiva 2005/29. Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda tagħha, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta jipprekludix lir-riċevitur tal-impriża fi proċedura ta’ falliment li qed titrasferixxi dan id-dejn milli jiġi obbligat iħallas l-ispejjeż legali meta jitlob il-ħlas, mill-konsumaturi, ta’ somma ta’ flus abbażi ta’ dan id-dejn. |
22 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jinqatgħu l-kawżi li jkunu tressqu quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke, C-83/91, Ġabra p. I-4871, punt 22, u tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier, C-445/06, Ġabra p. I-2119, punt 65). |
23 |
Il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega l-ipoteżi fattwali li huma bbażati fuqhom dawn id-domandi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi, tas-26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et, C-320/90 sa C-322/90, Ġabra p. I-393, punt 6, kif ukoll id-digrieti tas-17 ta’ Settembru 2009, Canon Kabushiki Kaisha, C-181/09, punt 8, u tat-3 ta’ Mejju 2012, Ciampaglia, C-185/12, punt 4). |
24 |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja biss tista’ tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ test tal-Unjoni abbażi tal-fatti li jiġu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenzi, tas-16 ta’ Lulju 1998, Dumon et Froment, C-235/95, Ġabra p. I-4531, punt 25, u tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et, C-11/07, Ġabra p. I-6845, punt 52, kif ukoll id-digriet tat-23 ta’ Marzu 2012, Thomson Sales Europe, C-348/11, punt 43). |
25 |
Fil-każ preżenti, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tissodisfax dan ir-rekwiżit. Hija kkaratterizzata min-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni dwar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv fil-kawża prinċipali u ma tippermettix, konsegwentement, li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli għad-domandi magħmula. |
26 |
Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29, moqri flimkien mal-Artikolu 2(c) tagħha, din id-direttiva tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali ta’ impriżi fil-konfront ta’ konsumaturi, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ kwalunkwe prodott jew servizz. |
27 |
Issa, il-qorti tar-rinviju ma tesponix, fid-deċiżjoni tagħha, liema huwa l-aġir preċiż ta’ kummerċjant fi proċedura ta’ falliment fir-rigward ta’ konsumatur li jista’ jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali. B’mod partikolari, din il-qorti tillimita ruħha għal deskrizzjoni dettaljata ta’ katina ta’ trasferimenti, bejn il-kummerċjanti, tad-dejn inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mingħajr madankollu ma tindika l-elementi tal-aġir tal-kummerċjant fil-konfront tal-konsumatur li jistgħu jikkostitwixxu prattika kummerċjali żleali. |
28 |
Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu wkoll jingħad li d-domandi magħmula jirrigwardaw każ ta’ trasferiment magħmul favur impriża fi proċedura ta’ falliment. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-proċedura fil-kawża prinċipali tirrigwarda tali trasferiment, peress li ċerti trasferimenti fil-katina msemmija fil-punt preċedenti kienu saru favur impriżi li ma kinux fi proċedura ta’ falliment fil-mument tat-tranżazzjoni. |
29 |
Fi kwalunkwe każ, huwa xieraq li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni ta’ rinviju ma tinkludix elementi tal-kuntest ġuridiku nazzjonali li jippermettu li jiġi konkluż li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun utli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. |
30 |
Issa, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, hija n-natura dubjuża tal-validità tal-kuntratti ta’ trasferiment inkwistjoni li donnha twassal lill-qorti a quo sabiex tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari. Madankollu, konstatazzjoni tan-natura eventwalment żleali, fir-rigward tad-Direttiva 2005/29, ta’ prattika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex effett dirett fuq l-evalwazzjoni tal-imsemmija validità (ara s-sentenza, tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C-453/10, punti 45 u 46). |
31 |
Għaldaqstant, l-ewwel domanda u l-ewwel parti tat-tieni domanda huma manifestament inammissibbli. |
Fuq it-tieni parti tat-tieni domanda
32 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13 tipprekludix li riċevitur tal-falliment ikun eżentat, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali, mill-ispejjeż legali, meta, fl-assenza ta’ falliment, il-kummerċjant ikkonċernat ma jkunx eżentat mill-imsemmija spejjeż. |
33 |
Din il-qorti tfittex, fir-realtà, li tevalwa l-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-ispejjeż legali mad-Direttiva 93/13. |
34 |
Madankollu, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/13, l-għan ta’ din tal-aħħar huwa li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn professjonist u konsumatur. Din tirrigwarda, konsegwentement, biss il-klawżoli li jinsabu f’kuntratti u mhux it-tqassim tal-ispejjeż legali bħal dawk previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
35 |
F’dan il-każ, l-unika kuntratt konkluż minn kummerċjant ma konsumatur li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali, li għalih tagħmel riferiment id-deċiżjoni tar-rinviju, huwa dak konkluż fit-13 ta’ Novembru 2001 minn K. Polhošová, filwaqt li kien biss fl-1 ta’ Mejju 2004 li r-Repubblika Slovakka aderiet mal-Unjoni Ewopea. |
36 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni biss f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt fi Stat Membru mid-data tal-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenzi, tal-10 ta’ Jannar 2006, Ynos, C-302/04, Ġabra p. I-371, punt 36; tal-14 ta’ Ġunju 2007, Telefónica O2 Czech Republic, C-64/06, Ġabra p. I-4887, punti 22 u 23; tal-15 ta’ April 2010, CIBA, C-96/08, Ġabra p. I-2911, punt 14, kif ukoll id-digriet tal-11 ta’ Mejju 2011, Semerdzhiev, C-32/10, punt 25). |
37 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li t-tieni parti tat-tieni domanda hija manifestament inammissibbli. |
38 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, huwa xieraq li jiġi kkonstatat, skont l-Artikoli 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li t-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti hija manifestament inammissibbli. |
Fuq l-ispejjeż
39 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tordna: |
It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Krajský súd v Prešove (is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2011, hija manifestament inammissbbli. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.