EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0668

Kawża C-668/11 P: Appell ippreżentat fis- 27 ta’ Diċembru 2011 minn Aliance One International, Inc, li kienet Agroexpansión, S.A., kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat- 12 ta’ Ottubru 2011 fil-Kawża T-38/05, Agroexpansión S.A. vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 89, 24.3.2012, p. 5–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/5


Appell ippreżentat fis-27 ta’ Diċembru 2011 minn Aliance One International, Inc, li kienet Agroexpansión, S.A., kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-12 ta’ Ottubru 2011 fil-Kawża T-38/05, Agroexpansión S.A. vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-668/11 P)

2012/C 89/07

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: Alliance One International, Inc., li kienet Agroexpansión, S.A. (rappreżentanti: M. Odriozola u A. Vide, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-38/05 Agroexpansión, S.A. vs Il-Kummissjoni.

tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

(1)

L-appellanti tikkunsidra li l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali applikaw b’mod żbaljat l-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (1) meta kkunsidraw lil Dimon bħala responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn Agroexpansión. Ir-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha u l-Artikolu 296 TFUE meta stabbilixxiet fis-sentenza (u għaldaqstant ex post facto) il-livell ta’ prova applikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni (2). Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, billi trattat impriżi oħra b’mod iktar favorevoli, kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali previst fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tinjora l-fatt li l-Kummissjoni ma mmotivatx debitament id-deċiżjoni b’argumenti dwar il-konfutazzjoni tal-preżunzjoni.

(2)

L-appellanti tikkunsidra li kien hemm żball fl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-multi u tal-prinċipji ta’ individwalità tas-sanzjoni u ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-perijodu meta Agroexpansión ma kinitx tifforma parti mill-grupp Dimon. L-appellanti tikkunsidra li sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tas-sanzjoni imposta fuq Agroexpansión għall-perijodu qabel ma għamlet parti mill-grupp Dimon, ma għandu jiġi applikat l-ebda fattur ta’ korrezzjoni tal-ammont bażiku tal-multa ta’ Agroexpansión, peress li din il-kumpannija ma kinitx, waqt dan il-perijodu, sussidjarja ta’ grupp nultinazzjonali. Sussidjarjament, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li għandha tiġi applikata multa waħda, l-appellanti ssostni li tali multa għandha titnaqqas sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni sproporzjonata tal-fattur multiplikatur.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004)4030 finali, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.238/B2 — Tabakk mhux maħdum — Spanja)


Top