Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0630

    Kawża C-630/11 P: Appell ippreżentat fil- 25 ta’ Novembru 2011 minn HGA Srl et kontra s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fl- 20 ta’ Settembru 2011 , fil-Kawżi magħquda T-394/08, T-408/08, T-453/08 u T-454/08, Regione autonoma della Sardegna et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 118, 21.4.2012, p. 8–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.4.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 118/8


    Appell ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2011 minn HGA Srl et kontra s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fl-20 ta’ Settembru 2011, fil-Kawżi magħquda T-394/08, T-408/08, T-453/08 u T-454/08, Regione autonoma della Sardegna et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-630/11 P)

    2012/C 118/12

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Appellanti: HGA Srl et (rappreżentanti: G. Dore, F. Ciulli u A. Vinci, avukati)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Regione autonoma della Sardegna, Selene di Alessandra Cannas Sas et

    Talbiet tal-appellanti

    Tannulla u/jew tirriforma s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, mogħtija fl-20 ta’ Settembru 2011, fil-Kawżi magħquda T-394/08, T-408/08, T-453/08 u T-454/08;

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-3 ta’ Lulju 2008 (Għajnuna mill-Istat C1/2004 l-Italja — SG-Greffe (2008) D/204339) dwar l-iskema ta’ għajnuna “Liġi Reġjonali Nru 9 tal-1998 — Abbuż mill-użu tal-għajnuna N 272/98”

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellanti jressqu sitt aggravji.

    Bl-ewwel aggravju tagħhom, huma jallegaw, b’mod partikolari, il-ksur ta’ forom proċedurali essenzjali, il-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 4, 6, 7 u 16 tar-Regolament (KE) Nru 659/99 (1), il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-ksur tal-Artikolu 81 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija illegali minħabba li kienet ħarġet wara l-aġġustament tal-klassifikazzjoni tal-għajnuna, mingħajr ma dan l-aġġustament kien mistenni minn kwalunkwe regola. Barra minn hekk, il-ftuħ tal-proċedura wara l-aġġustament kien ġie ikkomunikat tliet snin u nofs wara li l-Kummissjoni kienet irċeviet id-dokumentazzjoni kollha dwar l-għajnuna. Dan l-aggravju kien ġie propost fl-ewwel istanza, iżda l-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi fuq il-kwistjoni.

    It-tieni aggravju jikkonċerna l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-ksur u applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 4, 7, 10 u 16 tar-Regolament (KE) Nru 659/99. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet ġiet adottata bi ksur tat-termini proċedurali stabbiliti.

    Is-suġġett tal-tielet aggravju huwa l-ksur tal-Artikolu 108 TFUE u tal-Artikoli 1, 7, 14 u 16 tar-Regolament (KE) Nru 659/99. Insostenn ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jargumentaw li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija illegali peress li l-għajnuna qatt ma ġiet emendata mir-Reġjun kif prevista mil-Liġi Reġjonali Nru 9/1998.

    Ir-raba’ aggravju jallega l-ksur u applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ neċessità, il-prinċipju ta’ effett tal-inċentiv u l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni u s-sussegwenti ksur tal-Artikoli 7 u 14, tar-Regolament (KE) Nru 659/99, il-ksur u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 108 TFUE, nuqqas ta’ motivazzjoni, u l-ksur tal-Artikolu 81 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Għall-appellanti, d-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija illegali peress li, fir-realtà, l-għajnuna kienet ikkaratterizzata mill-effett tal-inċentiv, fatt li l-Kummissjoni kien imissha tivverifika anki jekk l-applikazzjoni tkun sottomessa wara l-bidu tax-xogħolijiet. Fuq dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx.

    Il-ħames aggravju huwa dwar il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi f’aspett ieħor u l-ksur tal-Artikolu 14, tar-Regolament (KE) Nru 659/99. Is-sentenza hija bbażata fuq is-suppożizzjoni żbaljata li l-qorti Komunitarja ma setgħatx tevalwa l-aspetattivi leġittimi mnissla fil-benefiċjarji minn naħa tal-korpi nazzjonali.

    L-aħħar aggravju jikkonċerna l-ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma għamlet ebda differenza fit-trattament bid-deċiżjoni kkontestata, meta ddikjarat l-obbligu li tiġi rkuprata l-għajnuna mogħtija lill-appellanti u, fl-istess ħin, qalet li l-effett tal-inċentiv kien jeżisti b’konnessjoni ma’ għaxar kumpanniji oħra li kienu bdew ix-xogħolijiet wara t-talba, minkejja li t-talba ma tagħtix garanzija li tinkiseb il-kontribuzzjoni.


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 339


    Top