Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0479

Kawża C-479/11 P: Appell ippreżentat fil- 21 ta’ Settembru 2011 minn Katinan Justin Koné mid-Digriet tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) mogħti fit- 13 ta’ Lulju 2011 fil-Kawża T-349/11, Koné vs Il-Kunsill

ĠU C 6, 7.1.2012, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 6/3


Appell ippreżentat fil-21 ta’ Settembru 2011 minn Katinan Justin Koné mid-Digriet tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) mogħti fit-13 ta’ Lulju 2011 fil-Kawża T-349/11, Koné vs Il-Kunsill

(Kawża C-479/11 P)

2012/C 6/04

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Katinan Justin Koné (rappreżentanti: L. Bourthoumieux, J. Vergès, R. Dumas u M. Ceccaldi, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

tiddkajara l-appell ta’ K. Justin Koné ammissibbli;

tannulla d-Digriet T-349/11 tat-13 ta’ Lulju 2011 li jiddkjara li r-rikors inammissibbli;

tirrinvija lill-appellant quddien il-Qorti Ġenerali sabiex ikun jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jbati l-ispejjeż skont l-Artikoli 69 u 73 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka l-aggravji li ġejjin:

Forza maġġuri minħabba l-fatt li l-gwerra tinterompi lill-preskrizzjoni. L-avvenimenti li ffaċċja l-appellant mix-xahar ta’ Novambru 2010 fil-Côte d'Ivoire, jikkostitwixxu każ ta’ forza maġġuri fis-sens tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, minħabba l-istat ta’ gwerra li kellu bħala effett li jitterrompi t-termini ta’ preskrizzjoni tal-atti meħuda kontrih mill-Kunsill.

Il-każ preżenti ta’ forza maġġuri minħabba l-fatt li l-gwerra kienet ostakolat lill-appellant mill-jeżerċita b’mod liberu lid-dritt ta’ rikors tiegħu kontra l-atti li jiksru b’mod manifest id-drittijiet fundamentali tiegħu.

Il-fatt li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali huma superjuri għall-prinċipju ta’ ċertezza legali. Billi invokat il-prinċipju ta’ ċertezza legali sabiex tiddikjara inammissibbli lit-talba tal-appellant, il-Qorti Ġenerali tippreġudika d-dritt fundamenti ta’ dritt għal proċess u d-drittijiet ta’ difiża. B’hekk, l-appellant kien ġie mċaħħad mid-dritt ta’ smigħ tiegħu quddiem qorti kompetenti.

In-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ terminu minħabba d-distanza u ta’ terminu ta’ rikors minħabba gwerra. It-terminu minħabba d-distanza u ta’ terminu ta’ rikors ma jistgħux jiġu infurzat kontra destinarju li jirresjedi fi Stat fejn hemm gwerra għaddejja. Tali termini japplikaw biss fi żmien ta’ paċi u fil-kontinet Ewropew. Issa, l-appellant jinsab f’kontinent ieħor, u, minħabba dan, l-applikazzjoni stretta tal-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali fil-kawża preżenti hija mingħajr dubju bi ksur tal-Artikolu 6(1) tal- Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Is-superjorità tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jrendi null kwalunkwe obbligu ta’ notifikazzjoni bħalma huwa previst mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jipprovdi li t-terminu ta’ rikors jibda jiddekorri min-notifikazzjoni jew mill-pubblikazzjoni jew minn meta l-parti kkonċernata tkun ħadet konoxxenza ta’ dan l-att. Fil-fatt, l-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura ma jikkunsidrax l-obbligu ta’ notifikazzjoni u ma jieħux inkunsiderazzjoni l-ġurnata li fiha l-appellant ħa konoxxenza effettivament tal-att, u b’hekk jillimita l-kliem u l-ispirtu tal-Artikolu 263 TFUE. Minħabba dan, l-Artikolu 102 idaħħal inkwistjoni d-drittijiet previsti u protetti mit-Trattat, li għandu valur ġuridiku superjuri u li huwa impost fuq l-istituzzjonijiet li jikkomponu l-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, peress li l-atti kkontestati ma ġewx innotifikati lill-appellanti u dan, bi ksur tal-Artikolu 263(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, it-terminu tar-rikors setgħa jibda jiddekorri biss mill-mument li fih huwa ħa konoxxenza tal-atti meħuda kontrih.

Preġudizzju gravi lid-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Il-prinċipju taċ-ċertezza legali kif iddikjarat mill-Qorti Ġenerali jdaħħal inkwistjoni b’mod gravi liċ-ċertezza legali fit-totalità tagħha, peress li l-invidwi li jgħixu barra mill-Unjoni Ewropea u li jirresjedu f’pajjiż fejn hemm il-gwerra ma jkunux jistgħu jopponu s-sanzjonijiet li kontrihom ma jistgħux jeżerċitaw id-drittijiet ta’ appell tagħhom b’mod utli, peress li ma ħadux konoxxenza ta’ din is-sanzjoni.

Sussidjarjament, l-appellant jitlob l-annullament tal-atti meħuda kontrih mill-Kunsill, minħabba l-gravità tal-ksur tad-drittijiet u libertajiet fundamentali. Peress li l-atti kkontestati jiksru l-libertajiet fundamentali protetti minn Trattati internazzjonali differenti, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tannulla l-imsemmija atti sa fejn l-illegalità tagħhom tikser l-ordni Ewropew stabbilit u minħabba l-fatt li l-ebda terminu ta’ rikors ma jista’ jiġi kkontestat minħabba l-gravità tal-ksur tal-libertajiet u drittijiet fundamentali protetti.


Top