EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0405

Kawża C-405/11 P: Appell ippreżentat fit- 28 ta’ Lulju 2011 mill-Kummissjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas- 17 ta’ Mejju 2011 fil-Kawża T-1/08, Buczek Automotive vs Il-Kummissjoni

ĠU C 311, 22.10.2011, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/19


Appell ippreżentat fit-28 ta’ Lulju 2011 mill-Kummissjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Mejju 2011 fil-Kawża T-1/08, Buczek Automotive vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-405/11 P)

2011/C 311/32

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Stobiecka-Kuik u T. Maxian Rusche)

Partijiet oħra fil-proċedura: Buczek Automotive Sp. z o.o., Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 Mejju 2011 fil-Kawża T-1/08, Buczek Automotive Sp. z o.o. vs Il-Kummissjoni, sa fejn din tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tieħu deċiżjoni finali dwar il-kawża fir-rigward tal-punti li huma s-suġġett ta’ dan l-appell;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex teżamina l-motivi l-oħra li tqajmu fil-proċeduri fl-ewwel istanza;

tirriżerva d-deċiżjoni fuq l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji, jiġifieri ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, u ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE flimkien mal-Artikolu 296 TFUE u tal-Protokoll Nru 8 tal-Att tal-2004 dwar ir-ristrutturar tal-industrija tal-azzar Pollakka (1) (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 8”).

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE, billi applikat l-istandard legali żbaljat fl-evalwazzjoni tal-kriterju dwar il-kreditur privat applikat mill-Kummissjoni. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet meħtieġa tagħmel kalkoli addizzjonali tal-benefiċċji tal-metodi differenti ta‘ eżekuzzjoni u li kellha tipparaguna t-tul tal-metodi diversi ta’ rkupru ta’ dejn pubbliku. Il-Kummissjoni ssostni li ma hijiex marbuta twettaq kalkoli dettaljati, iżda li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi li kreditur privat kien jieħu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni tagħha.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn bil-għan li tiċħad l-argument tal-imġiba ta’ kreditur privat, hija inġustament imponiet l-oneru tal-prova fuq il-Kummissjoni sabiex tissottometti provi addizzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tad-dewmien tat-tul tal-metodi differenti jew fuq il-paragun tal-ammonti li jirriżultaw mit-tipi differenti ta’ proċeduri ta’ rkupru effettiv ta’ dejn jew tal-istadji differenti tagħhom.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE flimkien mal-Artikolu 296 TFUE u l-Protokoll Nru 8, billi b’mod żbaljat ikkunsidrat li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-obbligu tagħha li tindika l-kundizzjonijiet li taħthom l-għajnuna fuq il-kummerċ bejn Stati Membri taffettwa, tikkawża jew thedded li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li fid-dritt primarju, jiġifieri l-Protokoll Nru 8, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni, wieħed kellu jassumi li l-għajnuna tikkawża jew thedded li tikkawża distorsjoni, u għal dan il-għan ġustifikazzjoni addizzjonali tal-kundizzjonijiet dwar il-kummerċ u kompetizzjoni fid-deċizjoni kienet tkun superfluwa.


(1)  Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea — Protokoll Nru 8 dwar ir-ristrutturar tal-industrija tal-azzar Pollakka (ĠU 2003, L 236, p. 948).


Top