EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0267

Kawża C-267/11 P: Appell ippreżentat fit- 30 ta’ Mejju 2011 mill-Kummissjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat- 22 ta’ Marzu 2011 fil-Kawża T-369/07 — Ir-Repubblika tal-Latvja vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 226, 30.7.2011, p. 17–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 226/17


Appell ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2011 mill-Kummissjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-22 ta’ Marzu 2011 fil-Kawża T-369/07 — Ir-Repubblika tal-Latvja vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-267/11 P)

2011/C 226/32

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. White u I. Rubene)

Partijiet oħra fil-proċedura: Ir-Repubblika tal-Latvja, Ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika Slovakka, Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza appellata, u

tikkundanna lir-Repubblika tal-Latvja għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-uniku aggravju tal-appell huwa l-ksur tat-terminu ta’ tliet xhur li huwa stabbilit fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87/KE (1).

Il-Kummissjoni tikkunsidra li fl-analiżi tagħha, il-Qorti Ġenerali għaqqdet flimkien l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 9(3) u konsegwentement, din l-interpretazzjoni ma hijiex konformi mal-għanijiet msemmija f’dan il-paragrafu.

Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva tmur kontra l-interpretazzjoni adottata mill-istess Qorti Ġenerali f’kawża oħra, fejn hija ġustament ikkunsidrat li l-Artikolu 9(3) jikkostitwixxi bażi ġuridika distinta.

Fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq it-test litterali tad-dispożizzjoni, li jikkorrispondi wkoll kompletament mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, jekk il-Kumissjoni tirrifjuta l-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ppreżentat mill-Istat Membru, dan l-Istat Membru għandu jemendah, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-ilmenti tal-Kummissjoni, u ma jkunx jista’ jimplementa l-pjan sakemm il-Kummissjoni ma tkunx approvat dawn l-emendi. Ma hemmx terminu stabbilit għad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tagħha.

Il-Kummissjoni tosserva li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-emendi magħmula lill-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti, u mhux il-pjan inniffsu li ġie nnotifikat.

Billi l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li t-tieni sentenza tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva kienet tistabbilixxi proċedura oħra, hija sabet ruħha obbligata tikkunsidra l-emendi nnotifikati bħala n-notifika ta’ pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ġdid u, konsegwentement, li tapplika b’mod żbaljat it-terminu ta’ tliet xhur.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631.


Top