Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0122

    Kawża C-122/11: Rikors ippreżentat fit- 8 ta’ Marzu 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Belġju

    ĠU C 160, 28.5.2011, p. 12–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.5.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 160/12


    Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Marzu 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Belġju

    (Kawża C-122/11)

    2011/C 160/13

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Kreuschitz u G. Rozet, aġenti)

    Konvenuta: Ir-Renju tal-Belġju

    Talbiet

    tikkonstata li, billi neħħa biss mill-1 ta’ Awwissu 2004 il-kundizzjoni ta’ residenza li kienet tipprekludi l-indiċjar ta’ pensjonijiet taċ-ċittadini Ewropej u taż-ŻEE residenti barra minn pajjiż li kkonkluda mal-Belġju ftehim ta’ reċiproċità, u billi ma neħħiex id-diskriminazzjoni li huma sofrew matul il-perijodu kollu preċedenti għall-1 ta’ Awwissu 2004, u billi kienu mċaħda minn parti mill-pensjoni tagħhom, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (1), kif ukoll taħt l-Artikoli 18 u 45 TFUE li jistabbilixxu l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza;

    tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali toħloq diskriminazzjoni bejn ċittadini ta’ Stati Membri oħra sa fejn din timponi biss fuq dawn tal-aħħar kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri jew ta’ pajjiż li kkonkluda mal-Belġju ftehim ta’ reċiproċità sabiex jibbenefikaw mill-indiċjar tal-pensjoni tagħhom għall-perijodu sal-1 ta’ Awwissu 2004.

    Il-Kummissjoni tallega, barra minn hekk, li r-Regolament (KE) Nru 883/2004 iċċitat iktar ’il fuq ma jipprevedix iktar il-kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru sabiex ikun jista’ jiġi invokat il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Il-persuni koperti minn dan ir-regolament jistgħu għaldaqstant jitolbu l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju anki jekk huma residenti fi Stat terz. Għaldaqstant, Stat ma jistax iktar jirriżerva indiċjar ta’ pensjonijiet għaċ-ċittadini tiegħu biss, iżda għandu wkoll japplikah għall-pensjonanti residenti fi Stat terz.

    Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, l-aspettattivi leġittimi, id-diffikultajiet prattiċi u l-impatt finanzjarju, raġunijiet invokati mill-awtoritajiet Belġjani sabiex jiġġustifikaw l-impossibbiltà li tiġi applikata retroattivament il-leġiżlazzjoni emendata, ma jistgħux jiġu aċċettati.


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.


    Top