Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0004

    Kawża C-4/11: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hessischer Verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja) fil- 5 ta’ Jannar 2011 — Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Kaveh Puid

    ĠU C 95, 26.3.2011, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.3.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 95/3


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hessischer Verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja) fil-5 ta’ Jannar 2011 — Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Kaveh Puid

    (Kawża C-4/11)

    2011/C 95/05

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Hessischer Verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja).

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Appellanti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Uffiċċju Federali tal-immigrazjoni u tar-refuġjati).

    Appellat: Kaveh Puid.

    Domandi preliminari

    (1)

    L-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin II (1), li jippermetti, b’deroga mill-Artikolu 3(1), li jindika l-Istat Membru responsabbli għat-trattament tal-applikazzjoni għall-ażil (iktar ’il quddiem l-“Istat Membru responsabbli”), li Stat Membru ieħor jeżamina applikazzjoni għall-ażil ippreżentata lilu (’l hekk imsejjaħ “intervent awtonomu”), għandha tiġi interpretata fis-sens li minnha wieħed jista’ jiddeduċi wkoll obbligu għal dan l-Istat Membru l-ieħor li juża d-dritt mogħti minn din id-dispożizzjoni għal benefiċċju tal-applikant għall-ażil ikkonċernat anki għal raġunijiet li ma humiex speċifiċi għall-applikant għall-ażil u li ma jirriżultawx minn aspetti speċifiċi oħra tal-każ ineżami iżda li jirriżultaw mis-sitwazzjoni li teżisti fl-Istat Membru responsabbli, li tipperikola d-drittijiet fundamentali tal-applikant għall-ażil ipprovduti fil-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)?

    (2)

    Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

    Is-sitwazzjoni li teżisti fl-Istat Membru responsabbli tagħti, fir-rigward tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 3(1), 4, 18, 19(2) u 47 tal-Karta, raġunijiet suffiċjenti li jobbligaw lill-Istat Membru l-ieħor jintervjeni awtonomament fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-ażil biss minħabba l-fatt li l-Istat Membru responsabbli ma ssodisfax fuq skala wiesgħa u għal perijodu kunsiderevoli wieħed jew, simultanjament, diversi obbligi stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101), u bid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, p. 168)?

    (3)

    Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fin-negattiv:

    L-Istat Membru l-ieħor għandu l-obbligu li jeżerċità d-dritt mogħti bl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin II fid-dawl tal-garanziji tal-Karta ċċitati iktar ’il fuq, minn tal-inqas meta fl-Istat Membru responsabbli jkun hemm nuqqasijiet partikolarment gravi li jimminaw b’mod fundamentali l-garanziji proċedurali tal-applikanti għall-ażil jew jheddu l-eżistenza jew l-integralità fiżika tal-applikanti għall-ażil ittrasferiti?

    (4)

    Jekk ir-risposta għat-tieni jew għat-tielet domanda tkun fl-affermattiv:

    L-obbligu li l-Istat Membru l-ieħor għandu li jeżerċità d-dritt mogħti mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin II jagħti lill-applikant għall-ażil dritt suġġettiv għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ intervent awtonomu li jista’ jiġi invokat fil-qrati fil-konfront ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor?


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109).


    Top