Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0670

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2012.
Etablissement national des produits de l’agriculture et de la mer (FranceAgriMer) vs Vinifrance SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza).
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Artikoli 4 u 5 — Sanzjoni amministrattiva — Miżura amministrattiva — Regolament (KEE) Nru 822/87 — Għajnuna għall-ħażna privata ta’ meraq tal-għeneb ikkonċentrat — Oriġini Komunitarja — Regolament (KEE) Nru 1059/83 — Kuntratt ta’ ħażna fit-tul — Artikolu 2(2) — Artikolu 17(1)(b) — Tnaqqis tal-għajnuna skont il-gravità tal-ksur.
Kawża C‑670/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:807

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

13 ta’ Diċembru 2012 ( *1 )

“Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Artikoli 4 u 5 — Sanzjoni amministrattiva — Miżura amministrattiva — Regolament (KEE) Nru 822/87 — Għajnuna għall-ħażna privata ta’ meraq tal-għeneb ikkonċentrat — Oriġini Komunitarja — Regolament (KEE) Nru 1059/83 — Kuntratt ta’ ħażna fit-tul — Artikolu 2(2) — Artikolu 17(1)(b) — Tnaqqis tal-għajnuna skont il-gravità tal-ksur”

Fil-Kawża C-670/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Diċembru 2011, fil-proċedura

Établissement national des produits de l’agriculture et de la mer (FranceAgriMer)

vs

Vinifrance SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J.-C. Bonichot, C. Toader (Relatur), A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Établissement national des produits de l’agriculture u de la mer (FranceAgriMer), minn H. Didier u F. Pinet, avukati,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u S. Menez kif ukoll C. Candat, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u B. Majczyna, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Schima u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 822/87, tas-16 ta’ Marzu 1987 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (ĠU L 84, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill, tad-19 ta’ Lulju 1988 (ĠU L 198, p. 35, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 822/87”), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1059/83, tad-29 ta’ April 1983, dwar il-kuntratti tal-ħażna tal-inbid tal-mejda, tal-meraq tal-għeneb, tal-meraq tal-għeneb ikkonċentrat u tal-meraq tal-għeneb ikkonċentrat rettifikat (ĠU L 116, p. 77) kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2646/1999, tal-15 ta’ Diċembru 1999 (ĠU L 324, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1059/83”), kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat-18 [ta’ ] Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Établissement national des produits de l’agriculture et de la mer (FranceAgriMer), l-aventi kawża tal-Office national interprofessionnel des vins (Onivins), u Vinifrance SA (iktar ’il quddiem “Vinifrance”) dwar l-irkupru tal-għajnuna kollha għal-ħażna li rċeviet din tal-aħħar.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Il-leġiżlazzjoni dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid

1. Ir-Regolament Nru 822/87

3

Mill-Artikolu 1 u mill-punt 6 tal-Anness I tar-Regolament Nru 822/87 jirriżulta li dan jirregola b’mod partikolari l-meraq tal-għeneb ikkonċentrat, iddefinit bħala l-meraq tal-għeneb mhux karamellizzat, li jinkiseb permezz ta’ deidrazzjoni parzjali tal-meraq tal-għeneb u “prodott fil-Komunità”.

4

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 32(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li:

“1.   Għandha tiġi stabbilita skema ta’ għajnuna għal ħażna privata:

[...]

tal-meraq tal-għeneb, tal-meraq tal-għeneb ikkonċentrat u tal-meraq tal-għeneb ikkonċentrat irrettifikat.

2.   L-għoti ta’ għajnuna msemmija fil-paragrafu 1 hija suġġetta għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ ħażna fit-tul mal-organizzazzjoni ta’ intervent.”

2. Ir-Regolament Nru 1059/83

5

Mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1059/83 jirriżulta li dan jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ ħażna.

6

It-tielet premessa ta’ dan ir-regolament tindika li, peress “[...] li l-kuntratti jiġu konklużi bejn organizzazzjonijiet ta’ intervent u l-produtturi li jitolbuhom[,] hemm lok li tingħata definizzjoni ta’ produttur u, fid-dawl tal-obbligi li għalihom għandu jkun suġġett, għandu jiġi stabbilit li huwa għandu jkun il-proprjetarju tal-prodott li jkun is-suġġett tal-kuntratt ta’ ħażna”.

7

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament huwa redatt kif ġej:

“1.   L-organizzazjonijiet ta’ intervent għandhom jikkonkludu kuntratti biss ma’ produtturi iżolati jew gruppi.

Għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, produttur ifisser kull persuna fiżika jew ġuridika jew kull grupp ta’ dawn il-persuni li jipproċessaw, jew li jqabbdu lil ħadd ieħor jipproċesa għalihom:

l-għeneb frisk f’meraq tal-għeneb,

il-meraq tal-għeneb f’meraq tal-għeneb ikkonċentrat irrettifikat, jew f’meraq tal-għeneb ikkonċentrat irrettifikat,

l-għeneb frisk, il-meraq tal-għeneb jew il-meraq tal-għeneb parzjalment iffermentat f’inbid tal mejda.

2.   Produttur jista’ biss jikkonkludi kuntratt biss għal prodott ipproċessat minnu nnifsu jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu u li tiegħu jibqa’ proprjetarju.”

8

L-Artikolu 12 ta’ dan l-istess regolament jistabbilixxi b’rata fissa, għal kull jum u għal kull ettolitru, l-ammont tal-għajnuna għall-ħażna, li titħallas fl-Unjoni Ewropea kollha, b’mod partikolari għall-meraq tal-għeneb.

9

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament 1059/83 jipprovdi:

“Minbarra f’każijiet ta’ forza maġġuri,

a)

meta l-prodottur ma jissodisfax l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 7(2), 15 u 16 u, skont il-każ, l-Artikolu 10(2), l-għajnuna ma hijiex dovuta;

b)

meta l-produttur ma jissodisfax l-obbligi tiegħu skont dan ir-regolament jew skont il-kuntratt, minbarra dawk imsemmija f’(a), l-għajnuna għandha tiġi mnaqqsa b’ammont stabbilit mill-awtorità kompetenti skont il-gravità tal-ksur.”

B – Ir-Regolament Nru 2988/95 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

10

Il-premessi 4, 5 u 8 tar-Regolament Nru 2988/95 huma fformulati kif ġej:

“Billi l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Komunità titlob li jiġu promulgati sett ta’ regoli legali komuni għall-oqsma kollha koperti mill-politika tal-Komunità;

Billi mġiba mhux regolari, u l-miżuri u penalitajiet relatati, hemm provdut dwarhom f’regoli settorjali skond dan ir-Regolament;

[…]

Billi l-liġi tal-Komunità stabbiliet il-penali amministrattivi tal-Komunità fil-qafas tal-politika agrikola komuni; billi dawk il-penali jridu jiġu stabbiliti f’oqsma oħra wkoll; […]”

11

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.

2.   ‘Irregolarità’; għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

12

Skont l-Artikolu 2(3), tal-imsemmi regolament, “[i]l-liġi tal-Komunità għandha tistabbilixxi n-natura u l-iskop tal-miżuri amministrattivi u l-penali meħtieġa għall-applikazzjoni korretta tar-regoli in kwestjoni, wara li jiġu kkunsidrati n-natura u s-serjetà ta’ l-irregolarità, il-vantaġġ mogħti jew miksub u l-grad tar-responsabbiltà”.

13

L-Artikolu 4 tal-istess regolament, li jinsab fit-Titolu II tiegħu, huwa intitolat “Il-miżuri amministrattivi u l-penali”, jipprovdi:

“1.   Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:

permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett,

[...]

2.   L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa.

[...]

4.   Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali.”

14

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi:

“L-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk kawżati minn negliġenza jistgħu jwasslu għal dawn il-penali amministrattivi:

a)

il-ħlas ta’ multa amministrattiva;

(b)

il-ħlas ta’ ammont akbar mill-ammonti aċċettati bla jedd jew skansati, u l-imgħax fejn ikun xieraq; din is-somma addizzjonali għandha tiġi stabbilita skond persentaġġ li għandu jiġi stabbilit fir-regoli speċifiċi, u m’għandux jeċċedi l-livell strettament neċessarju biex jikkostitwixxi deterrent;

(ċ)

it-tneħħija totali jew parzjali ta’ vantaġġ mogħti mir-regoli tal-Komunità, anke jekk l-operatur ikun ibbenefika bla jedd minn parti biss minn dak il-vantaġġ;

d)

l-esklużjoni minn, jew l-irtirar tal-vantaġġ għal perjodu sussegwenti għal dak ta’ l-irregolarità;

[...].”

II – Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Vinifrance hija kumpannija li hija involuta fil-bejgħ u fis-senserija ta’ inbid bl-ingrossa u ta’ konċentrat tal-għeneb. Fix-xahar ta’ Diċembru 1997, din il-kumpannija akkwistat 34408 ettolitri ta’ meraq tal-għeneb minn żewġ fornituri Taljani, il-kumpanniji Canteen Trapizzo u Far Vini. Fil-kuntest ta’ żewġ kuntratti ta’ ħażna fit-tul konklużi fit-23 ta’ Jannar u fl-4 ta’ Frar 1998 ma’ Onivins, Vinifrance ikkonċentrat il-meraq tal-għeneb tagħha fl-Italja u ħażnithom fi Franza. L-ewwel kuntratt kien ikopri 8110 ettolitri ta’ meraq tal-għeneb ikkonċentrat li kienu ġew ipprovduti mill-kumpannija Cantine Trapizzo, filwaqt li t-tieni kuntratt kien ikopri 1215 ettolitri pprovduti mill-kumpannija Far Vini. Vinifrance, skont l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 822/87, irċeviet f’dan ir-rigward, fl-10 ta’ Marzu u fis-6 April 1998 rispettivament, għajnuna għall-ħażna li tammonta għal EUR 170 391.31 u għal EUR 23 280.79.

16

F’kontroll imwettaq matul ix-xhur ta’ Mejju, ta’ Ġunju u ta’ Lulju 2000 mill-Aġenzija Ċentrali tal-organizzazzjonijiet għall-intervent fis-settur agrikolu (ACOFA) għand Vinifrance ġie stabbilit, minn naħa, li l-kumpannija Far Vini ma għadhiex teżisti sa mis-sena 1992 u l-ebda impriża tal-inbid ma kienet tinsab fl-indirizz indikat fil-fatturi, u, min-naħa l-oħra li l-ikbar parti tal-meraq tal-għeneb mixtrija minn Vinifrance mingħand il-kumpannija Cantine Trapizzo fir-realtà ġiet ipprovduta lil din tal-aħħar mill-kumpannija Far Vini.

17

Fid-dawl tal-ineżistenza tal-kumpannija Far Vini fid-data tal-kuntratti ta’ bejgħ, ir-rapport tal-ACOFA kkonkluda essenzjalment li l-oriġini Komunitarja tal-meraq tal-għeneb ipprovdut direttament jew indirettament mill-kumpannija Far Vini li ma kienx ċert li Vinifrance kienet il-proprjetarja. Min-naħa l-oħra, l-ACOFA ma jidhirx li kkontesta l-oriġini Komunitarja u l-proprjetà tal-meraq tal-għeneb li kien akkwistat minn Vinifrance mingħand il-kumpannija Cantine Trapizzo, iżda li ma kienx ġie pprovdut lil din tal-aħħar mill-kumpannija Far Vini, kwantità, li qabel il-konċentrazzjoni, kienet ta’ 4587,8 ettolitri ta’ meraq tal-għeneb mill-34 408 ettolitru kkonċernati.

18

Fir-rigward tar-rapport tal-ACOFA, id-direttur ta’ Onivins, permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 2003, irtira l-għajnuna kollha għall-ħażna li kienet tħallset lil Vinifrance, billi qies essenzjalment li din tal-aħħar ma setgħetx tistabbilixxi li l-meraq tal-għeneb ipprovdut direttament jew indirettament mill-kumpannija Far Vini kien ta’ oriġini Komunitarja u li tipprova li hija kienet il-proprjetarja.

19

Permezz ta’ rikors ippreżentat fis-16 ta’ Jannar 2004 quddiem it-Tribunal administratif de Montpellier, Vinifrance talbet l-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2007, din il-qorti annullat l-imsemmija deċiżjoni fuq il-bażi li Onivins ma setgħetx legalment titlob ir-rimbors sħiħ tal-għajnuna.

20

Skont it-Tribunal administratif de Montpellier, l-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 1059/83 ma jippermettix li jintalab rimbors parzjali, bi proporzjon mal-gravità tal-ksur imwettaq mill-produttur. Madankollu, din il-qorti sabet li n-nuqqasijiet allegati lil Vinifrance jaqgħu taħt dan l-Artikolu 17. B’mod partikolari, hija kkonkludiet li l-ilment, li jallega li l-kumpannija Vinifrancema setgħetx tistabbilixxi l-oriġini Komunitarja u l-proprjetà tal-meraq tal-għeneb, ma kinitx fondata ħlief għal parti, u mhux għall-meraq tal-għeneb kollu li jikkonċerna l-kuntratti ta’ ħażna. Għaldaqstant, din il-qorti ddeċidiet li d-deċiżjoni ta’ Onivins kienet illegali sa fejn kienet teżiġi rimbors sħiħ, inkluża l-parti tal-parti tal-għajnuna mogħtija legalment.

21

L-Office national interprofessionnel des fruits, des légumes, des vins et de l’horticulture (Viniflhor), li huwa l-aventi kawża ta’ Onivins, ippreżenta appella minn din is-sentenza quddiem il-Cour administrative d’appel de Marseille. Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2009, din il-qorti ċaħdet l-appell, peress li kkunsidrat b’mod partikolari li t-Tribunal administratif de Montpellier kien applika korrettament l-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 1059/83. B’mod partikolari, hija kkunsidrat li s-sempliċi fatt li d-direttur ta’ Onivins eżiġa rimbors tal-għajnuna kollha, inkluża l-parti tal-meraq tal-għeneb li l-oriġini u l-proprjetà tagħha ma ġewx ikkontestati mill-ACOFA, huwa biżżejjed sabiex jiġi stabbilit, fi kwalunkwe każ, li din id-deċiżjoni kienet ivvizzjata minn żball ta’ liġi.

22

FranceAgriMer, organu li ssuċċeda lil Viniflhor, appellat fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Conseil d’État, billi b’mod partikolari sostniet li l-Cour administrative d’appel de Marseille wettqet żball ta’ liġi, minn naħa, billi qieset li d-deċiżjoni tad-direttur ta’ Onivins ma setgħetx teżiġi r-rimbors sħiħ tal-għajnuna riċevuta minn Vinifrance u, min-naħa l-oħra, billi tiddeduċi minn dan il-fatt li tali deċiżjoni għandha tiġi annullata kollha kemm hi

23

Fil-fatt skont FranceAgriMer, l-irregolaritajiet ma jaqgħux taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1059/83. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa pprovduta minn dan ir-regolament settorjali fir-rigward tal-allegati irregolaritajiet, f’dan il-każ il-fatt li Vinifrance ma kinitx stabbilixxiet li hija kienet il-proprjetarjata tal-meraq tal-għeneb, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1059/83, jew li dawn kienu ta’ oriġini Komunitarja kif jeżiġi r-Regolament Nru 822/87, tali irregolaritajiet, li jinvolvu l-invalidità tal-kuntratti ta’ ħażna li fuq il-bażi tagħhom kienet tħallset l-għajnuna, għandhom ikunu suġġetti għal irtirar tal-vantaġġ indebitament miksub. Għalhekk, FranceAgriMer sostniet li, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2988/95, Onivins seta’ talab legalment ir-rimbors sħiħ taż-żewġ istanzi ta’ għajnuna għal ħażna privata, li kienet ingħatat lill Vinifrance. Sussidjarjament, din l-organizzazzjoni ta’ intervent sostniet li d-deċiżjoni ta’ Onivins ma għandhiex tiġi annullata fl-intier tagħha, imma biss sa fejn teżiġi r-rimbors tal-parti mill-għajnuna li għaliha l-osservanza tal-kundizzjonijiet regolamentari ma kinux tqiegħdu fid-dubju.

24

F’dan il-kuntest, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Meta jirriżulta li produttur li rċieva għajnuna Komunitarja għall-ħażna ta’ meraq tal-għeneb ikkonċentrat inkambju għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ ħżin [ħażna] mal-organizzazzjoni nazzjonali ta’ intervent, ikun akkwista mingħand kumpannija fittizja jew ineżistenti l-meraq tal-għeneb li huwa sussegwentement ikkonċentra taħt ir-responsabbiltà tiegħu qabel ma’ wettaq il-ħażna, jista’ jitqies li għandu l-kwalità ta’ “proprjetarju” tal-meraq tal-għeneb ikkonċentrat fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament [...] Nru°1059/83 [...]? L-Artikolu 17 ta’ dan l-istess regolament huwa applikabbli meta l-kuntratt ta’ ħżin [ħażna] konkluż mal-organizzazzjoni nazzjonali ta’ intervent ikun affettwat minn vizzju ta’ gravità partikolari, b’mod partikolari fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-kumpannija li kkonkludiet il-kuntratt mal-organizzazzjoni nazzjonali ta’ intervent ma tistax tiġi meqjusa [bħala] l-proprjetarja tal-prodotti maħżuna?

2)

Meta regolament settorjali, bħar-[Regolament Nru°822/87], jistabbilixxi dispożittiv ta’ għajnuna Komunitarja mingħajr ma jipprovdih b’sistema ta’ sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tad-dispożizzjonijiet inklużi fih, ir-[Regolament Nru 2988/95] ikun japplika fil-każ ta’ tali nuqqas ta’ twettiq?

3)

Meta operatur ekonomiku jkun naqas milli jwettaq l-obbligi ddefiniti minn regolament Komunitarju settorjali, bħar-Regolament Nru°1059/83, u l-kundizzjonijiet li dan jistabbilixxi sabiex jagħti lok għall-benefiċċju ta’ għajnuna Komunitarja u meta dan ir-regolament settorjali jistabbilixxi, bħalma huwa l-każ tal-Artikolu 17 tar-regolament iċċitat iktar ’il fuq, sistema ta’ miżuri jew ta’ sanzjonijiet, din is-sistema tapplika bl-esklużjoni ta’ kull sistema oħra prevista mid-dritt tal-Unjoni [...], minkejja li n-nuqqas inkwistjoni jippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni [...]? Jew inkella, is-sistema ta’ miżuri u ta’ sanzjonijiet amministrattivi stabbilita mir-Regolament Nru°2988/95 hija, għall-kuntrarju, fil-każ ta’ tali nuqqas, l-unika waħda applikabbli? Jew inkella, japplikaw iż-żewġ regolamenti?

4)

Jekk ir-regolament settorjali u r-Regolament Nru°2988/95 huma t-tnejn applikabbli, kif għandhom jiġu kkombinati d-dispożizzjonijiet tagħhom sabiex jiġu ddeterminati l-miżuri u [s]-sanzjonijiet li għandhom jiġu implementati?

5)

Meta operatur ekonomiku jkun wettaq numru ta’ nuqqasijiet ta’ twettiq tad-dritt tal-Unjoni u xi uħud minn dawn in-nuqqasijiet ikunu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ miżuri jew ta’ sanzjonijiet ta’ regolament settorjali, filwaqt li oħrajn ikunu jammontaw għal irregolaritajiet fis-sens tar-Regolament Nru°2988/95, dan l-aħħar regolament biss għandu jkun applikat?”

III – Fuq id-domandi preliminari

A – Fuq l-ewwel parti tal-ewwel domanda

25

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-ineżistenza tal-kumpannija li allegatament biegħet il-meraq tal-għeneb għandha bħala konsegwenza li l-oriġini Komunitarja ta’ dawn tal-aħħar ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, il-produttur li akkwista l-imsemmi meraq tal-għeneb mingħand din il-kumpannija jistax madankollu validament jikkonkludi kuntratt ta’ ħażna bbażat fuqhom, inkluż fir-rigward tal-obbligu li tkun “għadha l-proprjetarja” tal-meraq tal-għeneb, kif ipprovdut fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1059/83, u għalhekk tibbenefika f’dan ir-rigward minn għajnuna għall-ħażna skont ir-Regolament Nru 822/87.

26

Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1059/83, għalkemm jiddefinixxi b’mod ċert il-kunċett “produttur” fis-sens ta’ dan ir-regolament u jeżiġih li jkun “proprjetarju” tal-meraq tal-għeneb sabiex ikun jista’ validament jikkonkludi ma’ organizzazzjoni ta’ intervent kuntratt ta’ ħażna li tintitolah għal għajnuna għall-ħażna, ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “proprjetarju”.

27

Madankollu, dan ir-regolament jistabbilixxi biss li l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 822/87 f’dak li jikkonċerna l-kuntratti tal-ħażna jistgħu jintitolaw għall-ġbir ta’ għajnuna għall-ħażna.

28

Madankollu, kif ġie ġustament osservat minn FranceAgriMer u l-Kummissjoni Ewropea, il-kwistjoni ta’ jekk l-operatur jistax jiġi deskritt bħala “proprjetarju” fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1059/83 u għalhekk ikun jista’ jikkonkludi kuntratt ta’ ħażna li jintitolaw dritt għal għajnuna għall-ħażna, għandha tqum biss fil-każ fejn il-meraq tal-għeneb jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 822/87. Fuq dan l-aspett, huwa paċifiku li, skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni, huwa biss il-meraq tal-għeneb ta’ oriġini Komunitarja jista’ jintitola għal għajnuna għall-ħażna kif ipprovdut minn dan ir-regolament.

29

Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li Vinifrance ma pproduċietx hija nnifisha l-meraq tal-għeneb, iżda akkwistatu permezz ta’ kuntratt ta’ bejgħ. Madankollu, deher li dan il-kuntratt ta’ bejgħ kien ġie stabbilit ma’ kumpannija li ma kinitx teżisti legalment fil-mument tal-konklużjoni tiegħu u li, għaldaqstant, l-oriġini Komunitarja tal-meraq tal-għeneb ipprovdut direttament jew indirettament mill-imsemmija kumpannija ma setgħetx tiġi stabbilita.

30

F’ċirkustanzi bħal dawn, irrispettivament minn jekk Vinifrance bħala “produttur” kinitx intitolata jew kinitx fil-fatt il-proprjetarja tal-merkanzija inkwistjoni, sa fejn dawn ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala meraq tal-għeneb ta’ oriġini Komunitarja, tali operatur ma jistax, fi kwalunkwe każ, jitqies li jkun akkwista l-meraq tal-għeneb li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 822/87 u li jippermettilu li jirċievi għajnuna għall-ħażna skont dan ir-regolament.

31

Fid-dawl ta’ dak li ngħad preċedentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-ineżistenza tal-kumpannija li allegatament biegħet il-meraq tal-għeneb għandha bħala konsegwenza li l-oriġini Komunitarja ta’ dan tal-aħħar ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, il-produttur li jkun akkwista l-imsemmi meraq tal-għeneb mingħand din il-kumpannija ma jistax, fi kwalunkwe każ, jibbenefika minn għajnuna għall-ħażna skont ir-Regolament Nru 822/87.

B – Fuq it-tieni parti tal-ewwel domanda kif ukoll fuq it-tieni u l-ħames domandi

32

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda tagħha kif ukoll permezz tat-tieni sal-ħames domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 1059/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li s-sistema ta’ sanzjonijiet li hija tipprovdi tapplikax għal każ fejn produttur ibbenefika mill-għajnuna għall-ħażna anki jekk il-parti l-kbira tal-meraq tal-għeneb li kien is-suġġett ta’ kuntratti ta’ ħażna ppreżentati insostenn tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna ma kienx, kuntrarjament għal dak li jgħid ir-Regolament Nru 822/87, ta’ oriġini Komunitarja. Barra minn hekk, permezz ta’ dawn l-istess domandi, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, u sa fejn, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2988/95 jistgħu jkunu bażi legali addizzjonali, jew alternattiva għall-finijiet tal-proċeduri li jikkonċernaw tali irregolaritajiet.

1. Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

33

FranceAgriMer u l-Gvern Franċiż isostnu, essenzjalment, li l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1059/83 ma għandux l-awtorità li jirregola l-proċeduri li jikkonċernaw irregolaritajiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, minn naħa, il-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi sistema ta’ sanzjonijiet għal ksur ta’ obbligi li jirriżulta minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament enumerati b’mod eżawrjenti, iżda li ma humiex inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, huwa ċert li l-paragrafu 1(b) tal-Artikolu 17 jipprovdi sanzjoni għall-ksur ta’ obbligi oħra li jirriżultaw minn dan ir-regolament jew kuntratti ta’ ħażna. Madankollu, din is-sanzjoni, li tikkonsisti fit-tnaqqis tal-għajnuna mħallsa skont il-gravità tal-ksur, ma tistax tirregola difetti daqstant gravi bħall-assenza tal-kwalità ta’ proprjetarju, tal-meraq tal-għeneb, li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1059/83, jew l-impossibbiltà li tiġi stabbilita l-oriġini Komunitarja tal-meraq tal-għeneb li tippermetti li tinkiseb l-għajnuna għall-ħażna, li tikkostitwixxi ksur ta’ obbligu fundamentali u inerenti għall-għoti ta’ għajnuna għall-ħażna kif previst mir-Regolament Nru 822/87.

34

B’mod partikolari, il-Gvern Franċiż jikkunsidra li l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1059/83 jistabbilixxi sanzjonijiet b’konnessjoni mal-eżekuzzjoni ta’ kuntratti ta’ ħażna. Madankollu, l-irregolaritajiet enfasizzati fil-kawża prinċipali jirrigwardaw il-kundizzjonijiet stess tal-konklużjoni ta’ tali kuntratti u, għalhekk, il-validità tal-imsemmija kuntratti għall-finijiet tal-għoti ta’ għajnuna għall-ħażna.

35

Fl-assenza ta’ sanzjoni ddefinita fil-leġiżlazzjoni settorjali applikabbli, jiġifieri r-Regolamenti Nri 822/87 u 1059/83, FranceAgriMer u l-Gvern Franċiż jikkunsidraw li r-Regolament Nru 2988/95 huwa intiż sabiex japplika sa fejn l-allegat ksur jikkostitwixxi huma irregolaritajiet fis-sens tal-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament. F’dan ir-rigward, huma jirrilevaw li huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament ma jistax iservi bħala bażi legali għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva. Huma jemmnu, madankollu, li l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, sa fejn jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali tad-dritt Unjoni li jipprovdi li jeżisti obbligu ta’ rimbors tal-għajnuna kollha Komunitarja li tkun ġiet riċevuta indebitament, tista’ tikkostitwixxi l-bażi legali għall-irkupru tal-għajnuna għall-ħażna kollha inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

36

Il-Gvern Pollakk jikkunsidra min-naħa tiegħu li, meta leġiżlazzjoni settorjali ma tipprovdix għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni għall-finijiet ta’ proċeduri li tikkonċerna irregolarità, għandhom jiġu applikati sanzjonijiet li kienu ġew ipprovduti fid-dritt nazzjonali, meta dawn jeżistu. Madankollu, dan il-gvern jirrileva li l-obbligu ta’ rimbors ta’ għajnuna riċevuta indebitament jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “miżura amministrattiva”, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95, u ma jipprekludix li sanzjoni amministrattiva tiġi imposta b’żieda mal-irtirar.

37

Il-Kummissjoni sostniet inizjalment li, sa fejn iż-żewġ nuqqasijiet leġiżlattivi kkonstatati jirrigwardaw biss parti mill-meraq tal-għeneb inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni tal-irtirar sħiħ taż-żewġ istanzi tal-għajnuna għall-ħażna adottata mill-organiżmu ta’ intervent Franċiż kienet tikkonsisti f’żewġ aspetti.

38

Min-naħa waħda, din id-deċiżjoni kienet tikkonsisti fl-irtirar ta’ għajnuna għall-ħażna b’konnessjoni mal-kwantitajiet ta’ meraq tal-għeneb li għalihom Vinifrance ma kinitx ipproduċiet prova li hija kienet il-“proprjetarja” u li huma kienu ta’ oriġini Komunitarja. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali rtirar huwa sempliċement konsegwenza tal-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tal-vantaġġ li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma ġewx sodisfatti, u b’hekk irendu l-għajnuna indebita u għalhekk jiġġustifikaw l-obbligu li għandha titħallas lura.

39

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-irtirar ta’ parti mill-għajnuna b’konnessjoni mal-kwantitajiet ta’ meraq tal-għeneb li joriġinaw esklużivament mill-kumpannija Cantine Trapizzo u li għalihom l-ebda nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu leġiżlattiv ma ġie kkonstatat, il-Kummissjoni sostniet li din il-parti tal-imsemmija deċiżjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala sanzjoni. Madankollu, din tal-aħħar ma kienx għalhekk ikollha ebda bażi legali fir-Regolament Nru 2988/95, u fir-Regolamenti settorjali Nru 822/87 u Nru 1059/83, u lanqas fid-dritt nazzjonali.

40

Madankollu, matul is-seduta, il-Kummissjoni ddikjarat li, sa fejn ma kienx għadu possibbli li tiddistingwi, wara l-konċentrazzjoni, bejn il-meraq tal-għeneb ta’ oriġini Komunitarja u l-meraq tal-għeneb ta’ oriġini mhux Komunitarja, hija qieset minn dak iż-żmien li, f’ċirkustanzi bħal dawn, l-għajnuna għall-ħażna kollha għandha tiġi rkuprata permezz ta’ miżura amministrattiva.

2. Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

a) Kunsiderazzjonijiet ġenerali fuq ir-Regolament Nru 2988/95

41

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jintroduċi leġiżlazzjoni ġenerali dwar verifiki omoġenji u miżuri u sanzjonijiet amministrattivi li jikkonċernaw l-irregolaritajiet fir-rigward tad-dritt Komunitarju, u, kif ukoll jirriżulta mit-tielet premessa tal-imsemmi regolament, bil-għan li jiġu miġġielda l-effetti ħżiena fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fl-oqsma kollha (sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2004, Handlbauer, C-278/02, Ġabra p. I-6171, punt 31, u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Corman, C-131/10, Ġabra p. I-14199, punt 36).

42

Mir-raba’ premessa tar-Regolament Nru 2988/95 jirriżulta għalhekk li l-effettività tal-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni teħtieġ l-istabbiliment ta’ qafas legali komuni għall-oqsma kollha koperti mill-politiki tal-Unjoni. Barra dan, skont il-ħames premessa tal-istess regolament, il-kondotta irregolari u l-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi relatati, huma pprovduti fir-regoli settorjali skont ir-Regolament Nru 2988/95 (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2004, Gerken, C-295/02, Ġabra p. I-6369, punt 55).

43

Fil-qasam tal-kontrolli u tas-sanzjonijiet tal-irregolaritajiet imwettqa fid-dritt tal-Unjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2988/95, stabbilixxa serje ta’ prinċipji ġenerali u eżiġa li, bħala regola ġenerali, ir-regolamenti settorjali kollha josservaw dawn il-prinċipji (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2008, Jager, C-420/06, Ġabra p. I-1315, punt 61; tal-21 ta’ Lulju 2011, Beneo Orafti, C-150/10, Ġabra p. I-6843, punt 69, kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2012, ED & F Man Alcohols, C-669/11, punt 45) Barra dan, jidher li dan ir-regolament jirriżulta li dan japplika wkoll għal-leġiżlazzjonijiet settorjali eżistenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, National Farmers Union et C-354/95 Ġabra p. I-4559, punt 39).

44

Ir-Regolament Nru 2988/95 huwa intiż sabiex jirregola kull sitwazzjoni li tinvolvi “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 1 tagħha, jiġifieri ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku li għandu, jew jista’ jkollu l-effett li jkkawża dannu lill-baġit ġenerali tal-Unjoni jew il-baġits amministrati minnha, jew billi jitnaqqas jew jintilef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħha stess miġbura direttament għan-nom tal-Unjoni, jew minn nefqa mhux iġġustifikata.

45

F’dan ir-rigward, kull “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament tagħti lok għall-applikazzjoni ta’ miżuri u ta’ sanzjonijiet amministrattivi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Bonda, C-489/10, punt 33).

46

L-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi wkoll li kull irregolarità għandha twassal, bħala regola ġenerali, għall-irtirar tal-vantaġġ indebitament miksub, b’mod partikolari permezz tal-obbligu li jitħallsu l-ammonti dovuti jew li jiġu rimborsati l-ammonti indebitament riċevuti.

47

Fir-rigward tal-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk ikkawżati b’negliġenza, l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jillimita ruħu li jipprovdi li dawn jistgħu jwasslu għal uħud mis-sanzjonijiet amministrattivi elenkati f’dan l-artikolu, (ara s-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et, C-367/09, Ġabra p. 10761-I, punt 35).

48

L-imsemmija dispożizzjoni ma tiddeterminax b’mod preċiż liema mis-sanzjonijiet elenkati għandha tiġi applikata fil-każ ta’ irregolarità li tikkawża dannu għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara s-sentenzi SGS Belgium et, punt 36, kif ukoll ED & F Man Alcohols, punt 46).

49

Fil-fatt, mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2988/95, u b’mod partikolari mill-paragrafu 3 tiegħu moqri flimkien mal-ħames u t-tmien premessa ta’ dan ir-regolament jirriżulta li huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jipprovdi leġiżlazzjonijiet settorjali li jistabbilixxu sanzjonijiet amministrattivi, bħal dawk li kienu diġà jeżistu meta ġie adottat l-imsemmi regolament fil-kuntest tal-politika agrikola komuni (ara s-sentenza SGS Belgium et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

50

Mill-Artikolu 5(1)(c) u (d) tar-Regolament Nru 2988/95 jirriżulta li t-tneħħija totali jew parzjali ta’ vantaġġ mogħti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, anki jekk l-operatur ikun ibbenefika indebitament biss minn parti ta’ dan il-vantaġġ, tikkostitwixxi sanzjoni amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bonda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34). Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali sanzjoni, anki jekk ma hijiex ta’ natura kriminali, tista’ tiġi imposta biss jekk ikollha bażi legali ċara u mhux ambigwa (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke, C-110/99, Ġabra p. I-11569, punt 56, tal-11 ta’ Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister, C-210/00, Ġabra p. I-6453, punt 52, kif ukoll tas-6 ta’ April 2006, ED & F Man Sugar C-274/04, Ġabra p. I-3269, punt 15), u ma tistax, għaldaqstant, tiġi impost fuq il-bażi biss ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, SGS Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

b) Fuq ir-relazzjoni bejn ir-Regolamenti settorjali Nri 822/87 u 1059/83 mar-Regolament Nru 2988/95

51

Fil-kuntest tas-sistema ta’ għajnuna għall-ħażna stabbilita bir-Regolament Nru 822/87, għandu jiġi rrilevat illi hija biss il-ħażna tal-meraq tal-għeneb ta’ oriġini Komunitarja li tista’ tkun is-suġġett ta’ tali għajnuna. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 32(2) ta’ dan ir-regolament, tali għajnuna hija suġġetta għall-konklużjoni mill-produttur, ma’ waħda jew iktar mill-organizzazzjonijiet tal-intervent, ta’ kuntratt jew kuntratti ta’ ħażna fejn il-validità hija kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għal tali għajnuna.

52

In-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu tal-oriġini Komunitarja tal-meraq tal-għeneb jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jikkawża dannu lill-baġit tal-Unjoni billi joħloq nefqa mhux iġġustifikata. Dan in-nuqqas jirreferi għalhekk għall-kunċett ta’ “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95.

i) Fuq il-possibbiltà li tiġi imposta sanzjoni abbażi tal-Artikolu 17(1)(b), tar-Regolament Nru 1059/83

53

Fir-rigward tal-kwistjoni jekk tali irregolarità fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95, tistax tiġi indirizzata abbażi tal-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 1059/83, tali regolament jikkostitwixxi leġiżlazzjoni settorjali, għandu jiġi rrilevat li dan l-Artikolu 17(1) jipprovdi żewġ tipi ta’ sanzjonijiet.

54

Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 17(1)(a) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li għajnuna għall-ħażna ma tkunx dovuta meta l-produttur ma jissodisfax l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 7(2), 15 u 16 u, u jekk ikun il-każ, l-Artikolu 10(2) ta’ dan l-istess regolament. Obbligi bħal dawn, li ma humiex inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma bbażati essenzjalment fuq il-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt tal-ħażna li joħolqu ness bejn il-produttur u l-organizzazzjoni ta’ intervent konċernata u l-ostakolu eventwali għall-kontrolli li jistgħu jkunu diliġenti minn dik l-organizzazzjoni, u l-kundizzjonijiet stess tal-ħażna tal-meraq tal-għeneb li jkunu s-suġġett tal-imsemmi kuntratt.

55

Min-naħa l-oħra, l-punt (b) tal-imsemmija Artikolu 17(1) jipprovdi, fir-rigward tal-obbligi l-oħra imposti fuq il-produttur skont dan ir-regolament jew mill-kuntratt ta’ ħażna, li l-ksur tal-imsemmijin obbligi jagħti lok għal tnaqqis fl-għajnuna skont il-gravità tal-ksur imwettaq.

56

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fir-regolamenti ta’ qabel ir-Regolament Nru 1059/83, id-dispożizzjoni li tikkorrispondi għall-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament kien jipprovdi biss għall-applikazzjoni ta’ sanzjoni waħda li tikkonsisti fl-irtirar pur u sempliċi tal-għajnuna, mingħajr ma tipprovdi espressament għall-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-għajnuna mogħtija fil-każ fejn l-operatur naqas milli jwettaq obbligu pprovdut minn dawn ir-regolamenti. Fil-fatt, l-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru°2015/76, tat-13 ta’ Awwissu 1976, dwar il-kuntratti tal-ħażna tal-inbid tal-mejda, meraq tal-għeneb, meraq tal-għeneb ikkonċentrat u meraq tal-għeneb ikkonċentrat rettifikat (ĠU L 221, p. 20) u l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2600/79, tat-23 ta’ Novembru 1979, dwar il-kuntratti tal-ħażna tal-inbid tal-mejda, meraq tal-għeneb, meraq tal-għeneb ikkonċentrat u meraq tal-għeneb ikkonċentrat rettifikat (ĠU L 297, p. 15), kienu jipprovdu “[ħ]lief fil-każ ta’ forza maġġuri, jekk il-produttur ma jissodisfax l-obbligi tiegħu skont il-kuntratt, l-għajnuna ma hijiex dovuta.”

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi adotta l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1059/83, il-leġiżlatur tal-Unjoni pprova jagħmel distinzjoni u gradazzjoni ta’ sanzjonijiet bejn, minn naħa, il-ksur tal-obbligi identifikati b’mod eżawrjenti, li għalihom is-sanzjoni li għandha tiġi applikata kienet tikkonsisti fl-irtirar pur u sempliċi tal-għajnuna, u, min-naħa l-oħra, il-ksur ta’ obbligi kuntrattwali jew ta’ leġiżlazzjonijiet inqas importanti li għalihom it-tnaqqis ta’ għajnuna b’mod proporzjonali mal-gravità kienet tikkostitwixxi sanzjoni iktar xierqa.

58

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li, kif argumentat ġustament FranceAgriMer, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, is-sanzjoni prevista fl-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 1059/83 hija intiża sabiex tapplika għall-proċeduri li jikkonċernaw l-irregolaritajiet li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ ħażna, u huma inqas gravi minn dawk imsemmija fil-punt a) tal-Artikolu 17(1). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 17(1)(b) tal-imsemmi regolament ma jistax jiġi applikat biex jiġu ssanzjonati difetti gravi li jaffettwaw il-validità stess ta’ kuntratt ta’ ħażna ppreżentat insostenn ta’ applikazzjoni għal għajnuna għall-ħażna, dawn id-difetti jikkontestaw direttament l-eliġibbiltà tal-produttur għall-għajnuna għall-ħażna.

59

Meta l-oriġini Komunitarja tal-meraq tal-għeneb tkun is-suġġett ta’ kuntratt ta’ ħażna ppreżentat insostenn ta’ applikazzjoni għal għajnuna ma tkunx ġiet stabbilita, dan il-fatt waħdu huwa biżżejjed sabiex jipprekludi tali kuntratt milli jkun jista’ validament jintitola għall-għajnuna ta’ ħażna skont ir-Regolament Nru 822/87.

ii) Fuq il-possibbiltà li tiġi applikata sanzjoni amministrattiva jew miżura amministrattiva abbażi tar-Regolament Nru 2988/95.

60

Sussegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk, fl-assenza ta’ sanzjoni skont leġiżlazzjoni settorjali applikabbli, tali irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95, tistax, fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament, tagħti lok għall-applikazzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva jew, skont il-każ, ta’ miżura amministrattiva.

61

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2988/95 ma jikkostitwixxix bażi legali suffiċjenti għall-applikazzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva, peress l-applikazzjoni ta’ sanzjoni teħtieġ li, preċedentement għat-twettiq tal-irregolarità inkwistjoni, jew, il-leġiżlatur tal-Unjoni jkun adotta leġiżlazzjoni settorjali li tiddefinixxi tali sanzjoni, jew inkella, jekk ikun il-każ, fejn tali leġiżlazzjoni tkun għadha ma ġietx adottata fuq il-livell tal-Unjoni, li d-dritt tal-Istat Membru fejn twettqet din l-irregolarità jkun ipprovda għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq SGS Belgium et, punt 43, kif ukoll ED & F Man Alcohols, punt 47).

62

Minn dan jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fl-assenza fil-leġiżlazzjoni settorjali u fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dispożizzjoni li tipprovdi għall-applikazzjoni ta’ sanzjoni, l-“irregolarità” inkwistjoni ma tistax tkun is-suġġett ta’ “sanzjoni” fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2988/95.

63

Il-kwistjoni li tqum sussegwentement hija jekk tali irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95, tistax tagħti lok għall-applikazzjoni ta’ miżura amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

64

Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li, skont il-politika agrikola komuni meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-għoti ta’ għajnuna, l-esklużjoni li twassal għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tammontax għal sanzjoni, iżda għal sempliċi konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet previsti mil-liġi (ara s-sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2007, Maatschap Schonewille-Prins, C-45/05, Ġabra p. I-3997, punt 47, u tal-24 ta’ Mejju 2012, Hehenberger, C-188/11, punt 37).

65

Għalhekk, l-obbligu li jingħata lura vantaġġ indebitament riċevut permezz ta’ prattika irregolari ma jiksirx il-prinċipju ta’ legalità. Fil-fatt, il-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tal-vantaġġ jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni kienu ġew maħluqa artifiċjalment, b’hekk tagħmel fi kwalunkwe każ indebitu l-vantaġġ riċevut u għaldaqstant iġġustifikat l-obbligu li jingħata lura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Emsland-Stärke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56, u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pometon, C-158/08, Ġabra p. I-4695, punt 28).

66

Madankollu, fir-rigward tal-għajnuna mogħtija mill-baġit tal-Unjoni fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull eżerċizzju, mill-Istat Membru, ta’ setgħa diskrezzjonali fuq l-opportunità li jeżiġi jew le l-ħlas lura tal-għajnuna indebitament jew illegalment mogħtija huwa inkompatibbli mal-obbligi li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli f’dawn is-setturi timponi fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali li jirkupraw l-għajnuna indebitament jew illegalment imħallsa (is-sentenza SGS Belgium et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

67

Minn dan jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-irregolaritajiet ikkonstatati għandhom bħala konsegwenza li l-kuntratti ta’ ħażna ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li ġew validament konklużi sabiex tinkiseb għajnuna għall-ħażna kkontestata, l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati li japplikaw miżura amministrattiva fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/95, li jeżiġi r-rimbors ta’ din l-għajnuna indebitament mħallsa.

68

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-irregolaritajiet allegati kienu jikkonċernaw il-parti l-kbira tal-meraq tal-għeneb, peress li, mill-34408 ettolitri inkwistjoni, 29821 ettolitri kienu ġejjin direttament jew indirettament mill-kumpannija Far Vini, kumpannija li ma teżistix, filwaqt li huma biss 4587 ettolitri li kienu ġew regolarment ipprovduti mill-kumpannija Cantine Trapizzo.

69

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżula li dawn il-4587 ettolitri kienu s-suġġett tal-kuntratt tal-ħażna li ta lok għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 170 391.31 fl-10 ta’ Marzu 1998. Għalhekk, dawn il-kwantitajiet kienu mħallta mal-meraq tal-għeneb ipprovdut mill-kumpannija Cantine Trapizzo iżda li għalihom din tal-aħħar ġiet hi stess ipprovduta mill-kumpannija Far Vini.

70

F’ċirkustanzi bħal dawn, fejn il-meraq tal-għeneb ta’ oriġini Komunitarja ma kinux is-suġġett iżolat ta’ wieħed miż-żewġ kuntratti ta’ ħażna, fatt li huwa l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, dawn tal-aħħar ikunu jistgħu, jekk ikun il-każ, jikkonkludu li, sa fejn il-meraq tal-għeneb ta’ oriġini Komunitarja ġie mħallat mal-meraq tal-għeneb mhux ta’ oriġini Komunitarja, b’tali mod li ma jkunux jistgħu iktar, fi tmiem l-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni, jiġu identifikati jew separati, dawn iż-żewġ kuntratti ta’ ħażna huma, fl-intier tagħhom, irregolari fir-rigward tal-kundizzjoni tal-oriġini Komunitarja tal-meraq tal-għeneb ikkonċentrat.

71

Minn dan isegwi li, kif isostnu FranceAgriMer u l-Gvern Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni matul is-seduta, iż-żewġ kuntratti ta’ ħażna ma setgħux validament jintitolaw għall-għajnuna għall-ħażna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk l-awtoritajiet nazzjonali għandhom id-dritt li jeżiġu r-rimbors tal-għajnuna kollha li tkun tħallset indebitament lil Vinifrance.

72

Fid-dawl ta’ dak li ngħad preċedentement, ir-risposta għat-tieni parti tal-ewwel domanda kif ukoll għat-tieni sal-ħames domandi għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali:

l-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 1059/83 ma jistax jikkostitwixxi bażi legali għall-finijiet li jiġi ssanzjonat ksur mill-produttur tal-obbligu, ipprovdut mir-Regolament Nru 822/87, li jipprovdi li l-meraq tal-għeneb li jistgħu jintitolaw għall-għajnuna ta’ ħażna għandhom ikunu ta’ oriġini Komunitarja;

fl-assenza, kemm fil-leġiżlazzjoni settorjali kif ukoll fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dispożizzjoni li tipprovdi għall-applikazzjoni ta’ sanzjoni, l-irregolaritajiet inkwistjoni ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ “sanzjoni” fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2988/95, u

l-awtoritajiet nazzjonali għandhom japplikaw miżura amministrattiva fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/95, li jeżiġi r-rimbors tal-għajnuna kollha mħallsa indebitament, sakemm jiġi stabbilit, fatt li huwa l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, li ż-żewġ kuntratti ta’ ħażna inkwistjoni fil-kawża prinċipali kull wieħed jirrigwarda, parzjalment jew totalment, il-meraq tal-għeneb ma jistgħux jitqiesu bħala li huma ta’ oriġini Komunitarja u li kienu tħalltu, fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni u ta’ ħażna, mal-meraq tal-għeneb ta’ oriġini Komunitarja.

IV – Fuq l-ispejjeż

73

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil kawża prinċipali, fejn l-ineżistenza tal-kumpannija li allegatament biegħet il-meraq tal-għeneb għandha bħala konsegwenza li l-oriġini Komunitarja ta’ dan tal-aħħar ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, il-produttur li jkun akkwista l-imsemmi meraq tal-għeneb mingħand din il-kumpannija ma jistax, fi kwalunkwe każ, jibbenefika minn għajnuna għall-ħażna skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 822/87, tas-16 ta’ Marzu 1987, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2253/88, tad-19 ta’ Lulju 1988.

 

2)

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali:

L-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1059/83, tad-29 ta’ April 1983, dwar il-kuntratti ta’ ħażna tal-inbid tal-mejda, tal-meraq tal-għeneb, tal-meraq tal-għeneb ikkonċentrat u tal-meraq tal-għeneb ikkonċentrat rettifikat, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2646/1999, tal-15 ta’ Diċembru 1999, ma jistax jikkostitwixxi bażi legali għall-finijiet li jiġi ssanzjonat ksur mill produttur tal-obbligu, ipprovdut mir-Regolament Nru 822/87, kif emendat bir-Regolament Nru 2253/88, li jipprovdi li l-meraq tal-għeneb li jistgħu jintitolaw għall-għajnuna ta’ ħażna għandhom ikunu ta’ oriġini Komunitarja;

fl-assenza, kemm fil-leġiżlazzjoni settorjali kif ukoll fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dispożizzjoni li tipprovdi għall-applikazzjoni ta’ sanzjoni, l irregolaritajiet inkwistjoni ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ “sanzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2988/95, u

l-awtoritajiet nazzjonali għandhom japplikaw miżura amministrattiva, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tar Regolament Nru 2988/95, li jeżiġi r-rimbors tal-għajnuna kollha mħallsa indebitament, sakemm jiġi stabbilit, fatt li huwa l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, li ż-żewġ kuntratti ta’ ħażna inkwistjoni fil-kawża prinċipali kull wieħed jirrigwarda, parzjalment jew totalment, il-meraq tal-għeneb ma jistgħux jitqiesu bħala li huma ta’ oriġini Komunitarja u li kienu tħalltu, fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni u ta’ ħażna, mal-meraq tal-għeneb ta’ oriġini Komunitarja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top