Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0660

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-12 ta’ Settembru 2013.
    Daniele Biasci et vs Ministero dell’Interno u Questura di Livorno (C‑660/11) u Cristian Rainone et vs Ministero dell’Interno et (C‑8/12).
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Toscana.
    Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Artikoli 43 KE u 49 KE — Logħob tal-ażżard — Ġbir ta’ mħatri — Kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni — Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni tal-pulizija kif ukoll ta’ liċenzja — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Distanzi minimi obbligatorji bejn il-postijiet fejn isir il-ġbir ta’ mħatri — Attivitajiet transkonfinali li jistgħu jitqiesu li huma simili għal dawk li huma s-suġġett tal-liċenzja — Projbizzjoni — Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji fil-qasam tal-logħob tal-ażżard.
    Kawżi magħquda C‑660/11 u C‑8/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:550

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    12 ta’ Settembru 2013 ( *1 )

    “Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Artikoli 43 KE u 49 KE — Logħob tal-ażżard — Ġbir ta’ mħatri — Kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni — Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni tal-pulizija kif ukoll ta’ liċenzja — Leġizlazzjoni nazzjonali — Distanzi minimi obbligatorji bejn il-postijiet fejn isir il-ġbir ta’ mħatri — Attivitajiet transkonfinali li jistgħu jitqiesu li huma simili għal dawk li huma s-suġġett tal-liċenzja — Projbizzjoni — Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji fil-qasam tal-logħob tal-ażżard”

    Fil-Kawżi magħquda C‑660/11 u C‑8/12,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Toscana (l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-5 ta’ Diċembru 2011, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fis-27 ta’ Diċembru 2011 u fit-2 ta’ Jannar 2012, fil-proċeduri

    Daniele Biasci,

    Alessandro Pasquini,

    Andrea Milianti,

    Gabriele Maggini,

    Elena Secenti,

    Gabriele Livi

    vs

    Ministero dell’Interno,

    Questura di Livorno,

    fil-preżenza ta’:

    SNAI – Sindacato Nazionale Agenzie Ippiche SpA (C-660/11),

    u

    Cristian Rainone,

    Orentino Viviani,

    Miriam Befani

    vs

    Ministero dell’Interno,

    Questura di Prato,

    Questura di Firenze,

    fil-preżenza ta’:

    SNAI – Sindacato Nazionale Agenzie Ippiche SpA,

    Stanley International Betting Ltd,

    Stanleybet Malta ltd. (C-8/12),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, E. Jarašiūnas, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ April 2013,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal D. Biasci, A. Pasquini, A. Milianti, G. Maggini, E. Secenti, G. Livi, C. Rainone, O. Viviani u M. Befani, minn A. Dossena u F. Donati, avukati,

    għal SNAI - Sindacato Nazionale Agenzie Ippiche SpA, minn G. Viciconte, C. Sambaldi, A. Fratini u F. Filpo, avukati,

    għal Stanley International Betting Ltd, minn D. Agnello, A. Piccinini u M. Mura, avukati,

    għal Stanleybet Malta ltd., minn R. Jacchia, A. Terranova, F. Ferraro, D. Agnello u A. Piccinini, avukati,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato, u minn A. Bizzarai, espert,

    għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck u R. Verbeke, avukati,

    għall-Gvern Malti, minn A. Buhagiar, bħala aġent, assistita minn G. Kimberley, avukat,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, A.P. Barros u A. Silva Coelho, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Traversa, D. Nardi u I. V. Rogalski, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 49 KE.

    2

    Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, D. Biasci, A. Pasquini, A. Milianti, G. Maggini, E. Secenti u G. Livi, u, min-naħa l-oħra, il-Ministero dell’Interno (Ministeru tal-Intern) u l-Questura di Livorno (il-Prefettura tal-Pulizjia ta’ Livorno) (Kawża C‑660/11) u bejn, minn naħa, C. Rainone, O. Viviani u M. Befani, u, min-naħa l-oħra, il-Ministero dell’Interno, il-Questura di Prato (il-Prefettura tal-Pulizjia ta’ Prato) u l-Questura di Firenze (il-Prefettura tal-Pulizjia ta’ Firenza) (Kawża C-8/12).

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    Il-leġiżlazzjoni Taljana tipprovdi, essenzjalment, li l-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ ġbir u ta’ ġestjoni tal-imħatri jeħtieġ il-kisba ta’ liċenzja wara sejħa għal offerti u ta’ awtorizzazzjoni tal-pulizija. Kull ksur ta’ din il-leġiżlazzjoni huwa suġġett għal sanzjonijiet kriminali.

    Il-liċenzji

    4

    Sakemm il-leġiżlazzjoni applikabbli ġiet emendata fl-2002, l-operaturi kkostitwiti bħala kumpanniji b’kapital azzjonarju li l-azzjonijiet tagħhom kienu kkwotati fis-swieq irregolati ma setgħux jingħataw liċenzja għal-logħob tal-ażżard. Dawn l-operaturi kienu konsegwentement esklużi mis-sejħiet għal offerti għall-għoti ta’ liċenzji li saru fl-1999. L-illegalità ta’ din l-esklużjoni fid-dawl tal-Artikoli 43 KE u 49 KE ġiet ikkonstatata b’mod partikolari fis-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891).

    5

    Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 223, tal-4 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet urġenti għall-irpiljar ekonomiku u soċjali, għall-kontroll u r-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi, u interventi fil-qasam tad-dħul fiskali u tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali, mibdul f’liġi bil-Liġi Nru 248, tal-4 ta’ Awwissu 2006 (GURI Nru 18, tal-11 ta’ Awwissu 2006, iktar ’il quddiem id-“Digriet Bersani”), għamel riforma fis-settur tal-logħob fl-Italja, intiża sabiex tiżgura li dan is-settur ikun konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

    6

    L-Artikolu 38 tad-Digriet Bersani, intitolat “Miżuri tal-ġlieda kontra l-logħob illegali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, l-adozzjoni, qabel il-31 ta’ Diċembru 2006, ta’ serje ta’ dispożizzjonijiet “bil-għan tal-ġlieda kontra t-tixrid tal-logħob irregolari u illegali u kontra l-evażjoni u l-frodi fiskali fis-settur tal-logħob, kif ukoll sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-lagħaba”.

    7

    L-Artikolu 38(2) u (4) tad-Digriet Bersani jistabbilixxi modalitajiet ġodda ta’ distribuzzjoni ta’ logħob tal-ażżard marbut, minn naħa, mal-avvenimenti li ma jinkludux it-tiġrijiet taż-żwiemel u, min-naħa l-oħra, mat-tiġrijiet taż-żwiemel. B’mod partikolari:

    huwa previst li jinfetħu minn tal-inqas 7000 punti ta’ bejgħ ġodda għal-logħob tal-ażżard marbut mal-avvenimenti li ma jinkludux it-tiġrijiet taż-żwiemel u minn tal-inqas 10000 punti ta’ bejgħ ġodda għal-logħob tal-ażżard marbut mat-tiġrijiet taż-żwiemel;

    in-numru massimu ta’ punti ta’ bejgħ għal kull komun huwa stabbilit skont in-numru ta’ abitanti u filwaqt li jitqiesu l-punti ta’ bejgħ li għalihom diġà ngħatat liċenzja wara s-sejħa għal offerti tal-1999;

    il-punti ta’ bejgħ ġodda għandhom josservaw distanza minima minn dawk li għalihom diġà ngħatat liċenzja wara s-sejħa għal offerti tal-1999;

    l-amministrazzjoni awtonoma tal-monopolji tal-Istat (iktar ’il quddiem l-“AAMS”), li topera taħt il-patroċinju tal-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi, hija responsabbli għad-“definizzjoni tal-modalitajiet ta’ protezzjoni” tad-detenturi ta’ liċenzja mogħtija wara s-sejħa għal offerti tal-1999.

    L-awtorizzazzjonijiet tal-pulizija

    8

    Is-sistema ta’ liċenzji hija strettament marbuta ma’ sistema ta’ awtorizzazzjonijiet mill-pulizija rregolata mid-Digriet Irjali Nru 773, li japprova test uniku tal-liġijiet fil-qasam tas-sigurtà pubblika (Regio decreto n. 773 – Testo unico delle leggi di pubblica sicurezza), tat-18 ta’ Ġunju 1931 (GURI Nru 146, tas-26 ta’ Ġunju 1931), kif emendat bl-Artikolu 37(4) tal-Liġi Nru 388, tat-23 ta’ Diċembru 2000 (supplement ordinarju tal-GURI Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 2000, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali”).

    9

    Skont l-Artikolu 88 ta’ dan id-digriet irjali, awtorizzazzjoni tal-pulizija li teħtieġ numru ta’ kontrolli fir-rigward tal-kwalitajiet personali u professjonali tal-applikant, tista’, fis-settur tal-logħob tal-ażżard, tingħata biss lil dawk li jkollhom liċenzja. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Taljana tipprovdi sanzjonijiet kriminali li jistgħu jinkludu sena priġunerija għal kull min joffri l-logħob tal-ażżard lill-pubbliku mingħajr ma jkollu liċenzja jew awtorizzazzjoni tal-pulizija.

    Il-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti skont id-Digriet Bersani

    10

    Id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Bersani ġew implementati mill-AAMS permezz ta’ proċeduri ta’ sejħiet għal offerti li saru matul is-sena 2006. Id-dokumentazzjoni li tirrigwarda s-sejħiet għal offerti kienet tinkludi b’mod partikolari l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li jinkludu tmien annessi kif ukoll l-abbozz ta’ ftehim bejn l-AAMS u l-awtorità kontraenti tal-liċenzja dwar logħob tal-ażżard marbut mal-avvenimenti li ma jinkludux it-tiġrijiet taż-żwiemel (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ ftehim”).

    11

    Skont l-Artikolu 23(3) tal-abbozz ta’ ftehim, l-AAMS għandha tiddikjara d-dekadenza tal-liċenzja meta d-detentur ta’ liċenzja jikkummerċjalizza, direttament jew indirettament, fit-territorju Taljan jew permezz ta’ siti telematiċi li jinsabu barra mit-territorju nazzjonali, logħob li jista’ jitqies li huwa simili għal logħob pubbliku jew għal logħob ieħor ġestit mill-AAMS, jew logħob ipprojbit mill-ordinament ġuridiku Taljan.

    Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

    12

    Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali huma amministraturi ta’ “ċentri ta’ trażmissjoni ta’ data” (iktar ’il quddiem iċ-“ĊTD”) f’isem Goldbet Sportwetten GmbH (iktar ’il quddiem “Goldbet”), kumpannija stabbilita skont id-dritt Awstrijaku li għandha liċenzja ta’ bookmaker mogħtija mill-Gvern tat-Tyrol.

    13

    Quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Toscana, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ddikjaraw li Goldbet hija kumpannija stabbilita f’Innsbrück (l-Awstrija), li teżerċita l-attività ta’ bookmaker, approvata f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, u li hija suġġetta għal kontrolli stretti min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-iżvolġiment tajjeb ta’ din l-attività.

    14

    Fir-rigward tar-relazzjoni bejn Goldbet u r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, dawn tal-aħħar iddikjaraw li l-organizzazzjoni tal-imħatri hija unikament responsabbiltà ta’ din il-kumpannija. Għalhekk, wara li tirċievi l-proposta ta’ mħatra trażmessa miċ-ĊTD, Goldbet iżżomm is-setgħa li tieħu jew li ma tiħux l-imħatri b’mod diskrezzjonali, filwaqt li l-operatur taċ-ĊTD ikollu biss l-inkarigu li jġib flimkien lill-ġugatur u l-bookmaker barrani. Għalhekk, skont l-istess rikorrenti, l-offerta ta’ servizz tikkonsisti biss f’li jiġu proposti lill-ġugaturi l-kollegament u t-trażmissjoni ta’ data, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-preżentazzjoni tal-imħatra minn ġugatur lill-bookmaker.

    15

    Filwaqt li jikkunsidraw li l-attività li jeżerċitaw ma tistax tiġi kklassifikata bħala attività ta’ tqegħid ta’ mħatri f’isem ħaddieħor, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ppreżentaw quddiem l-awtoritajiet kompetenti talbiet bil-għan li jiksbu l-awtorizzazzjoni tal-pulizija msemmija fl-Artikolu 88 tad-Digriet Irjali. Dawn it-talbiet kollha ġew miċħuda minħabba li Goldbet ma kellhiex, fl-Italja, il-liċenzja maħruġa mill-AAMS, li għadha meħtieġa mill-Artikolu 88 tad-Digriet Irjali għall-finijiet tal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni imsemmija iktar ’il fuq.

    16

    Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ppreżentaw rikorsi separati quddiem il-qorti tar-rinviju bil-għan li jiksbu l-annullament, wara s-sospensjoni tal-effetti tagħhom, tal-imsemmijin deċiżjonijiet ta’ ċaħda, filwaqt li invokaw, b’mod partikolari, ksur tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri. Skont ir-rikorrenti, l-ordinament ġuridiku Taljan jikser dan il-prinċipju billi jirrifjuta li jagħti, lill-kumpanniji debitament awtorizzati fi Stati Membri oħra, l-awtorizzazzjoni sabiex joperaw lil hinn mill-konfini ta’ dawn l-aħħar Stati.

    17

    F’erbgħa mit-tilwimiet inkwistjoni, li wasslu għall-Kawża C-660/11, SNAI – Sindacato Nazionale Agenzie Ippiche SpA daħal bħala intervenjent insostenn tat-talbiet tal-konvenut, il-Ministero dell’Interno, fil-kwalità tiegħu ta’ konċessjonarju tal-Istat għall-finijiet tal-ġbir tal-imħatri u tal-logħob pubbliku, kif ukoll bħala kumpannija li tipprovdi servizzi telematiċi ta’ teknoloġija għolja għall-ġbir u l-isfruttament ta’ mħatri taż-żwiemel u sportivi, u ta’ mħatri ta’ pronostiċi. Stanley International Betting Ltd u Stanleybet Malta ltd. intervjenew ukoll insostenn tat-talbiet tal-konvenut fit-tilwim li wasslu għall-kawża C‑8/12.

    18

    Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kawżi prinċipali jaqgħu f’kuntest legali u fattwali essenzjalment identiku għal dak li wassal għas-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone (C‑72/10 u C‑77/10), u għalhekk tixtieq tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi li huma essenzjalment identiċi għal dawk li l-Corte suprema di cassazione kienet għamlet diġà fil-kawżi li wasslu għall-imsemmija sentenza u li jikkonċernaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-għan li tipproteġi l-liċenzji mogħtija qabel ġiet emendata l-leġiżlazzjoni,. Barra minn dan, hija tixtieq tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-pulizija prevista fl-Artikolu 88 tad-Digriet Irjali, kif ukoll tan-nuqqas ta’ applikazzjoni fid-dritt Taljan tar-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji fil-qasam tal-logħob tal-ażżard.

    19

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrattivo regionale per la Toscana ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, bħala prinċipju, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik tal-Artikolu 88 tad-[Digriet Irjali], li tipprovdi li ‘il-permess għall-ġbir tal-imħatri [j]ista’ [j]ingħata esklużivament lil dawk li għandhom liċenzja jew awtorizzazzjoni tal-Ministeru jew ta’ entitajiet oħra li l-liġi tirriżervalhom il-faklutà li jorganizzaw jew li jamministraw imħatri, kif ukoll lil dawk li ġew inkarigati mill-persuna li għandha l-liċenzja jew mid-detentur tal-awtorizzazzjoni, taħt din l-istess liċenzja jew awtorizzazzjoni’ u l-Artikolu 2(2b) tad-Digriet Liġi Nru 40, tal-25 ta’ Marzu 2010, mibdul bil-Liġi Nru 73/2010, li jipprovdi li ‘l-Artikolu 88 tat-Testo unico delle leggi di pubblica sicurezza li jirriżulta mid-Digriet Irjali [...], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-permess imsemmi fih, meta huwa maħruġ għal stabbilimenti kummerċjali li fi ħdanhom hija eżerċitata attività ta’ amministrazzjoni u ta’ ġbir ta’ logħob pubbliku b’rebħ ta’ flus għandu jiġi kkunsidrat bħala li jipproduċi effetti biss wara li l-proprjetarji ta’ dawn l-istabbiliment tkun inħarġitilhom il-liċenzja speċjali għall-finijiet tal-amministrazzjoni u tal-ġbir ta’ dan il-logħob mill-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi – [AAMS]’?

    2)

    L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, bħala prinċipju, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik tal-Artikolu 38(2) tad-[Digriet Bersani], li jipprovdi li l-‘Artikolu 1(287) tal-Liġi Nru 311 tat-30 ta’ Diċembru 2004 [(Liġi tal-Finanzi 2005)], huwa ssostitwit bl-artikolu li ġej:

    ‘287.

    Il-Ministeru tal-[E]konomija u tal-[F]inanzi – [AAMS] – għandu jieħu l-miżuri intiżi li jimplementaw modalitajiet ġodda għad-distribuzzjoni ta’ logħob dwar avvenimenti barra tiġrijiet taż-żwiemel fl-osservanza tal-kriterji li ġejjin:

    a)

    inklużjoni, fost il-logħob fuq l-avvenimenti barra t-tiġrijiet taż-żwiemel, tal-imħatri totalizzaturi u b’ċansijiet fissi fuq l-avvenimenti barra t-tiġrijiet taż-żwiemel, il-kompetizzjonijiet tal-pronostiċi sportivi, il-kompetizzjonijiet ta’ pronostiċi msejħa totip, l-imħatri fuq iż-żwiemel imsemmija fil-paragrafu 498 kif ukoll logħob pubbliku ieħor bbażat fuq avvenimenti oħra barra t-tiġrijiet taż-żwiemel;

    b)

    possibbiltà ta’ ġbir ta’ logħob għal avvenimenti barra t-tiġrijiet taż-żwiemel mill-operaturi li jeżerċitaw l-attività ta’ ġbir ta’ logħob fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, minn operaturi tal-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Iskambju Liberu, kif ukoll mill-operaturi ta’ Stati Membri oħra, sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-affidabbiltà stabbiliti mill-[AAMS];

    c)

    l-eżerċizzju tal-attività tal-ġbir tal-imħatri permezz ta’ punti ta’ bejgħ li għandhom bħala attività prinċipali l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta’ logħob pubbliku u l-attività ta’ ġbir ta’ mħatri permezz ta’ punti ta’ bejgħ li għandhom bħala attività annessa mal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-logħob pubbliku; ċerti tipi ta’ imħatri jistgħu jiġi rriżervati b’mod esklużiv għall-punti ta’ bejgħ li għandhom bħala attività prinċipali l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-logħob pubbliku;

    d)

    il-ħolqien ta’ mill-inqas 7000 punti ta’ bejgħ ġodda li minn tal-inqas 30 % għandhom bħala attività prinċipali l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-logħob pubbliku;

    e)

    iffissar tan-numru massimu ta’ punti ta’ bejgħ għal kull komun skont in-numru ta’ abitanti u meħuda inkunsiderazzjoni l-punti ta’ bejgħ li għalihom diġà ġiet maħruġa liċenzja;

    f)

    it-tqegħid tal-punti ta’ bejgħ li għandhom bħala attività prinċipali l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-logħob pubbliku fil-komuni li għandhom iktar minn 200000 abitanti f’distanza ta’ mhux inqas minn 800 metru mill-punti ta’ bejgħ li għalihom diġà nħarġet liċenzja u fil-komuni ta’ inqas minn 200000 abitanti f’distanza ta’ mhux inqas minn 1600 metru mill-punti ta’ bejgħ li għalihom diġà nħarġet liċenzja;

    g)

    it-tqegħid tal-punti ta’ bejgħ li għandhom bħala attività sussidjarja il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-logħob pubbliku fil-komuni li għandhom iktar minn 200000 abitanti f’distanza ta’ mhux inqas minn 400 metru mill-punti ta’ bejgħ li għalihom diġà nħarġet liċenzja u fil-komuni ta’ inqas minn 200000 abitanti f’distanza ta’ mhux inqas minn 800 metru mill-punti ta’ bejgħ li għalihom diġà nħarġet liċenzja, bla ħsara għall-punti ta’ bejgħ li fihom, fit-30 ta’ Ġunju 2006, kien isir il-ġbir tal-kompetizzjonijiet tal-pronostiċi sportivi;

    h)

    l-għoti tal-punti ta’ bejgħ wara proċedura waħda jew iktar ta’ sejħa għall-offerti miftuħa għall-operaturi kollha, fejn il-prezz bażiku iffissat għall-għoti ma jistax ikun inqas minn EUR 25 000 għal kull punt ta’ bejgħ li għandu bħala attività prinċipali l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-logħob pubbliku u EUR 7 500 għal kull punt ta’ bejgħ li għandu bħala attività sussidjarja l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-logħob pubbliku;

    i)

    il-possibbiltà ta’ ġbir ta’ logħob tal-ażżard mill-bogħod, inkluż il-logħob b’indirizz b’rebħ fi flus suġġett għal pagament ta’ ammont ta’ mhux inqas minn EUR 200 000;

    [...]

    l)

    definizzjoni tal-modalitajiet ta’ protezzjoni tad-detenturi ta’ liċenzja għall-ġbir ta’ mħatri fissi fuq avvenimenti li ma jinkludux it-tiġrijiet taż-żwiemel irregolati mir-regolament previst fid-Digriet tal-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi Nru 111 tal-1 ta’ Marzu 2006’?

    Id-domanda dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 38(2) [tad-Digriet Bersani] mal-prinċipji Komunitarji evokati hawn fuq tirrigwarda esklużivament il-partijiet tal-imsemmija miżura li jistabbilixxu: a) tendenza ġenerali għall-protezzjoni tal-liċenzji mogħtija qabel l-emedi fil-leġiżlazzjoni; b) l-introduzzjoni ta’ obbligu li l-postijiet ġodda ta’ bejgħ jinfetħu lil hinn minn ċertu distanza mill-postijiet ta’ bejgħ preċedenti, li jista’ jwassal, fil-fatt, sabiex ikun iġġarantit li l-pożizzjonijiet kummerċjali preċedenti jinżammu. Id-domanda tirrigwarda wkoll l-interpretazzjoni ġenerali mogħtija mill-[AAMS] tal-Artikolu 38(2) [tad-Digriet Bersani] li tipprovdi għall-inklużjoni fil-ftehim ta’ liċenzji [Artikolu 23(3)] tal-klawżola ta’ revoka invokata preċedentement fil-kuntest tal-każ fejn il-persuna liċenzjata tisfrutta direttament jew indirettament attivitajiet transkonfinali ta’ logħob li jista’ jitqies li huwa simili;

    3)

    Fil-każ ta’ risposta pożittiva, jiġifieri li l-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija iktar ’il fuq ma tidhirx li tmur manifestament kontra r-regoli Komunitarji, l-Artikolu 49 KE għandu, barra minn hekk, jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ restrizzjoni għall-libertà li jiġu pprovduti servizzi imposta għal raġunijiet ta’ interess ġenerali, għandu jiġi vverifikat minn qabel li dan l-interess ġenerali ma tteħidx diġà biżżejjed inkunsiderazzjoni mid-dispożizzjonijiet, kontrolli u verifiki li huwa suġġett għalihom il-fornitur tas-servizzi fl-Istat li fih huwa stabbilit?

    4)

    Fil-każ ta’ risposta pożittiva, fis-sens tal-punt preċedenti, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità ta’ tali restrizzjoni, l-fatt li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fl-Istat li fih il-fornitur tas-servizzi huwa stabbilit huma, fl-intensità tagħhom, identiċi għal dawk tal-Istat fejn issir il-provvista tas-servizzi, u saħansitra jmorru lil hinn minn dan?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    20

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi, fuq il-kumpanniji li jixtiequ jeżerċitaw attivitajiet marbuta mal-logħob tal-ażżard, l-obbligu li jiksbu awtorizzazzjoni tal-pulizija, minbarra liċenzja maħruġa mill-Istat bil-għan li jeżerċitaw tali attivitajiet, u li tillimita l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni b’mod partikolari għall-applikanti li għandhom diġà tali liċenzja.

    21

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tinkludi, sa fejn tipprojbixxi, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet fis-settur tal-logħob tal-ażżard fin-nuqqas ta’ liċenzja jew ta’ awtorizzazzjoni tal-pulizija maħruġa mill-Istat, restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    22

    Madankollu, tali restrizzjonijiet jistgħu jiġu ammessi bħala miżuri derogatorji, li huma espressament previsti fl-Artikoli 45 KE u 46 KE u li huma applikabbli bl-istess mod għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 55 KE, jew jistgħu jkunu ġġustifikati, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Stanleybet International et, C‑186/11 u C‑209/11, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    Madankollu, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li huwa biss l-għan marbut mal-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-logħob tal-ażżard li huwa ta’ natura li jiġġustifika r-restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali li jirriżultaw minn din il-leġiżlazzjoni, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u sa fejn il-mezzi implementati f’dan ir-rigward ikunu koerenti u sistematiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Placanica et, punti 52 sa 55, kif ukoll Costa u Cifone, punti 61 sa 63).

    24

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sistema ta’ liċenzji tista’ tkun mekkaniżmu effikaċi sabiex jippermetti li jiġu kkontrollati l-operaturi attivi fis-settur tal-logħob tal-ażżard bl-iskop li jiġi pprevenut l-isfruttament ta’ dawn l-attivitajiet għal finijiet kriminali jew frawdolenti (ara s-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

    25

    Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk is-sistema ta’ liċenzji stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn tillimita n-numru ta’ operaturi li joperaw fis-settur tal-logħob tal-ażżard, verament tilħaqx l-għan li jiġi pprevenut l-isfruttament tal-attivitajiet f’dan is-settur għal finijiet kriminali jew frawdolenti. Bl-istess mod, hija din il-qorti li għandha tivverifika jekk dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfawx il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jikkonċerna l-proporzjonalità tagħhom (ara s-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

    26

    Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni tal-pulizija li permezz tagħha l-operaturi attivi f’dan is-settur kif ukoll il-postijiet tagħhom ikunu suġġetti għal verifika inizjali u għal sorveljanza kontinwa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li dan ir-rekwiżit jikkontribwixxi b’mod ċar għall-għan li jiġi evitat li dawn l-operaturi jkunu implikati f’attivitajiet kriminali jew frawdolenti u jidher li hija miżura kompletament proporzjonata għal dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

    27

    Għalhekk, il-fatt li operatur għandu jkollu kontemporanjament kemm liċenzja kif ukoll awtorizzazzjoni tal-pulizija sabiex ikun jista’ jidħol fis-suq inkwistjoni ma huwiex, fih innifsu, spoporzjonat fid-dawl tal-għan mixtieq mil-leġiżlatur nazzjonali, jiġifieri, il-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-logħob tal-ażżard.

    28

    Madankollu, sa fejn l-awtorizzazzjonijiet tal-pulizija jinħarġu biss lid-detenturi ta’ liċenzja, l-irregolaritajiet fil-kuntest tal-proċedura tal-ħruġ ta’ dawn tal-aħħar jivvizzjaw ukoll il-proċedura tal-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet tal-pulizija. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni tal-pulizija ma jistax jiġi invokat kontra persuni li ma setax jiksbu tali awtorizzazzjonijiet minħabba l-fatt li l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni jeħtieġ il-ħruġ minn qabel ta’ liċenzja li l-imsemmija persuni ma setgħux jibbenefikaw minnha bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).

    29

    Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi, fuq il-kumpanniji li jkunu jixtiequ jeżerċitaw attivitajiet marbuta mal-logħob tal-ażżard, l-obbligu li jiksbu awtorizzazzjoni tal-pulizija, minbarra liċenzja maħruġa mill-Istat bil-għan li jiġu eżerċitati tali attivitajiet, u li tillimita l-ħruġ ta’ din l-awtorizzazzjoni b’mod partikolari għall-applikanti li jkollhom diġà din il-liċenzja.

    Fuq it-tieni domanda

    30

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma huma l-Artikolu 38(2) tad-Digriet Bersani u l-Artikolu 23(3) tal-abbozz ta’ ftehim li, minn naħa, tipproteġi l-pożizzjonijiet kummerċjali miksuba mill-operaturi eżistenti billi tipprovdi b’mod partikolari għal distanzi minimi bejn il-postijiet tad-detenturi ġodda ta’ liċenzja u dawk tal-operaturi eżistenti u, min-naħa l-oħra, tipprevedi d-dekadenza tal-liċenzja għall-attivitajiet ta’ ġbir u ta’ ġestjoni tal-imħatri fil-każ fejn id-detentur tal-liċenzja jopera direttament jew indirettament attivitajiet transkonfinali ta’ logħob li jista’ jitqies li jixbah lil dak ġestit mill-AAMS jew ta’ logħob tal-ażżard ipprojbit mill-ordinament ġuridiku nazzjonali.

    31

    Il-kontenut ta’ din id-domanda huwa essenzjalment identiku għad-domandi li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fis-sentenza tagħha Costa u Cifone, iċċitata iktar ’il fuq.

    32

    Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ din id-domanda, fil-punt 66 tas-sentenza msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru li, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, ikun eskluda kategorija ta’ operaturi mill-għoti ta’ liċenzji għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika, u li jipprova jirrimedja dan il-ksur billi joħroġ sejħa għal offerti għal numru kunsiderevoli ta’ liċenzji ġodda, milli jipproteġi l-pożizzjonijiet kummerċjali miksuba mill-operaturi eżistenti billi jipprevedi, b’mod partikolari, distanzi minimi bejn il-postijiet tad-detenturi ġodda ta’ liċenzja u dawk tal-operaturi eżistenti.

    33

    Fir-rigward tat-tieni parti ta’ din l-istess domanda li tirrigwarda l-Artikolu 23(3) tal-abbozz ta’ ftehim, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punti 89 u 90 tal-imsemmija sentenza, li dan l-artikolu ma kienx ifformulat b’mod ċar, preċiż u univoku u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, operatur ma jistax jiġi kkritikat talli jkun irrinunzja li japplika għal liċenzja fl-assenza ta’ kull ċertezza legali, sakemm baqgħet l-inċertezza fir-rigward tal-konformità tal-mod operazzjonali ta’ dan l-operatur mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim li kellu jiġi konkluż mal-għoti ta’ liċenzja.

    34

    Madankollu, il-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jaqblux fuq il-punt ta’ jekk is-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali humiex paragunabbli jew le ma’ dawk li wasslu għall-imsemmija sentenza u, b’mod partikolari, jekk Goldbet u r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kinux ikkonċernati mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-inkompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-Unjoni.

    35

    Madankollu, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tirrileva li s-sitwazzjoni ta’ amministratur ta’ ĊTD marbut ma’ Goldbet taqa’ f’kuntest legali u fattwali li huwa, essenzjalment, identiku għal dak li wassal għas-sentenza Costa u Cifone, iċċitata iktar ’il fuq, (digriet tas-16 ta’ Frar 2012, Pulignani et, C‑413/10, punt 3), hija bbażat ruħha f’dan ir-rigward fuq konstatazzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-kawża li wasslet għal dan id-digriet. Fir-rigward ta’ dawn il-kawżi, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-kuntest fattwali u l-konsegwenzi li jirriżultaw fir-rigward ta’ dan il-kuntest mis-sentenza Costa u Cifone, iċċitata iktar ’il fuq.

    36

    Fil-każ fejn din il-qorti tikkonstata li, f’dan il-każ, Goldbet, qabel ma ġiet imċaħħda mid-drittijiet tagħha, kienet ipparteċipat fi proċeduri ta’ ħruġ ta’ liċenzji u kienu ngħatawlha liċenzji permezz ta’ kumpannija Taljana kkontrollata, hija jkollha tevalwa jekk tali konstatazzjoni għandhiex il-konsegwenza li Goldbet ikollha tiġi kkunsidrata bħala li tifforma parti mill-operaturi eżistenti li kienu, fir-realtà, ivvantaġġjati mir-regoli ta’ distanza minima li għandhom jiġu osservati bejn il-punti ta’ ġbir ta’ mħatri u li jikkonċernaw biss il-postijiet tad-detenturi ġodda ta’ liċenzja. Għall-kuntrarju, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li Goldbet ma kinitx ipparteċipat fl-imsemmija proċeduri, hija jkollha b’mod partikolari tivverifika jekk dan l-operatur kienx irrinunzja li japplika għal liċenzja minħabba l-assenza ta’ ċertezza legali li tirriżulta mill-Artikolu 23(3) tal-abbozz ta’ ftehim.

    37

    Barra minn hekk, jekk din il-qorti tikkonstata li Goldbet ġiet imċaħħda mid-drittijiet tagħha minħabba l-imsemmi artikolu, hija jkollha tistabilixxi jekk din iċ-ċaħda saritx minħabba li Goldbet kienet ipproponiet logħob mhux awtorizzat jew inkella minħabba s-sempliċi fatt li teżerċita attivitajiet transkonfinali. Fir-rigward ta’ din l-aħħar ipoteżi, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikoli 43 KE u 49 KE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li fil-fatt tipprojbixxi kull attività transkonfinali fis-settur tal-logħob, indipendentement mill-forma li taħtha din l-attività hija eżerċitata u, b’mod partikolari, fil-każ fejn ikun hemm kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l-operatur, u fejn l-intermedjarji tal-impriża li jkunu preżenti fit-territorju nazzjonali jkunu jistgħu jiġu sottomessi għal kontroll fiżiku mill-pulizija.

    38

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li:

    L-Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru li, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, ikun eskluda kategorija ta’ operaturi mill-għoti ta’ liċenzji għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika, u li jipprova jirrimedja dan il-ksur billi joħroġ sejħa għal offerti għal numru kunsiderevoli ta’ liċenzji ġodda, milli jipproteġi l-pożizzjonijiet kummerċjali miksuba mill-operaturi eżistenti billi jipprevedi, b’mod partikolari, distanzi minimi bejn il-postijiet tad-detenturi ġodda ta’ liċenzja u dawk tal-operaturi eżistenti.

    Mill-Artikoli 43 KE u 49 KE, mill-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, mill-obbligu ta’ trasparenza kif ukoll mill-prinċipju ta’ ċertezza legali jirriżulta li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ sejħa għal offerti, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jipprevedu d-dekadenza tal-liċenzji mogħtija fi tmiem tali sejħa għal offerti, bħalma huma dawk li jidhru fl-Artikolu 23(3) tal-abbozz ta’ ftehim, għandhom jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku, kundizzjoni din li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

    L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li fil-fatt tipprojbixxi kull attività transkonfinali fis-settur tal-logħob, indipendentement mill-forma li taħtha din l-attività hija eżerċitata u, b’mod partikolari, fil-każ fejn ikun hemm kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l-operatur, u fejn l-intermedjarji tal-impriża li jkunu preżenti fit-territorju nazzjonali jkunu jistgħu jiġu sottomessi għal kontroll fiżiku mill-pulizija. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fir-rigward tal-Artikolu 23(3) tal-abbozz tal-ftehim.

    Fuq it-tielet domanda

    39

    Fir-rigward tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li operatur ikollu, fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit, awtorizzazzjoni li tippermettilu joffri logħob tal-ażżard jipprekludi lil Stat Membru ieħor milli jissuġġetta l-possibbiltà, għal tali operatur, li joffri tali servizzi lil konsumaturi li jinsabu fit-territorju tiegħu, għaż-żamma ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet tiegħu stess.

    40

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa li għandhom l-Istati Membri f’dak li jikkonċerna l-għanijiet li jixtiequ jiksbu u l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li jixtiequ u fid-dawl tal-assenza ta’ kull armonizzazzjoni fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, ma jistax ikun hemm, fid-dawl tal-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet maħruġa mid-diversi Stati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2010, Stoß et, C-316/07, C-358/07 sa C-360/07, C-409/07 u C-410/07, Ġabra p. I-8069, punt 112, kif ukoll tal-15 ta’ Settembru 2011, Dickinger u Ömer, C-347/09, Ġabra p. I-8185, punti 96 u 99).

    41

    B’hekk, kull Stat Membru għadu jista’ jissuġġetta l‑possibbiltà għal kull operatur li jixtieq joffri logħob tal-ażżard lil konsumaturi li jinsabu fit-territorju tiegħu għaż-żamma ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu, mingħajr ma jista’ jkun ta’ ostakolu f’dan ir-rigward il-fatt li operatur partikolari jkollu diġà awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru ieħor (ara s-sentenza Stoß et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 113).

    42

    Fil-fatt, id-diversi Stati Membri ma għandhomx neċessarjament l-istess mezzi sabiex jikkontrollaw il-logħob tal-ażżard u ma jagħmlux neċessarjament l-istess għażliet f’dan ir-rigward. Il-fatt li livell partikolari ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jista’ jinkiseb fi Stat Membru partikolari permezz tal-applikazzjoni ta’ tekniki sofistikati ta’ kontroll u ta’ sorveljanza ma jippermettix li jiġi konkluż li l-istess livell ta’ protezzjoni jista’ jinkiseb fi Stati Membri oħra li ma għandhomx dawn il-mezzi jew li ma għamlux l-istess għażliet. Stat Membru jista’, barra minn hekk, ikun leġittimament jixtieq li jissorvelja attività ekonomika li sseħħ fit-territorju tiegħu, liema ħaġa tkun impossibbli għalih jekk ikollu jibbaża ruħu fuq kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor permezz ta’ sistemi regolatorji li ma jikkontrollax huwa nnifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dickinger u Ömer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 98).

    43

    Minn dan isegwi li r-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l‑Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li operatur ikollu, fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit, awtorizzazzjoni li tippermettilu joffri logħob tal-ażżard ma jipprekludix lil Stat Membru ieħor milli jissuġġetta, fl-osservanza tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il‑possibbiltà, għal tali operatur, li joffri tali servizzi lil konsumaturi li jinsabu fit-territorju tiegħu, għaż-żamma ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet tiegħu stess.

    Fuq ir-raba’ domanda

    44

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq l-ispejjeż

    45

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi, fuq il-kumpanniji li jkunu jixtiequ jeżerċitaw attivitajiet marbuta mal-logħob tal-ażżard, l-obbligu li jiksbu awtorizzazzjoni tal-pulizija, minbarra liċenzja maħruġa mill-Istat bil-għan li jiġu eżerċitati tali attivitajiet, u li tillimita l-ħruġ ta’ din l-awtorizzazzjoni b’mod partikolari għall-applikanti li jkollhom diġà din il-liċenzja.

     

    2)

    L-Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru li, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, ikun eskluda kategorija ta’ operaturi mill-għoti ta’ liċenzji għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika, u li jipprova jirrimedja dan il-ksur billi joħroġ sejħa għal offerti għal numru kunsiderevoli ta’ liċenzji ġodda, milli jipproteġi l-pożizzjonijiet kummerċjali miksuba mill-operaturi eżistenti billi jipprevedi, b’mod partikolari, distanzi minimi bejn il-postijiet tad-detenturi ġodda ta’ liċenzja u dawk tal-operaturi eżistenti.

    Mill-Artikoli 43 KE u 49 KE, mill-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, mill-obbligu ta’ trasparenza kif ukoll mill-prinċipju ta’ ċertezza legali jirriżulta li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ sejħa għal offerti, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jipprevedu d-dekadenza tal-liċenzji mogħtija fi tmiem tali sejħa għal offerti, bħalma huma dawk li jidhru fl-Artikolu 23(3) tal-abbozz ta’ ftehim bejn l-amministrazzjoni awtonoma tal-monopolji tal-Istat u l-awtorità kontraenti tal-liċenzja dwar logħob tal-ażżard marbut mal-avvenimenti li ma jinkludux it-tiġrijiet taż-żwiemel, għandhom jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku, kundizzjoni din li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

    L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li fil-fatt tipprojbixxi kull attività transkonfinali fis-settur tal-logħob, indipendentement mill-forma li taħtha din l-attività hija eżerċitata u, b’mod partikolari, fil-każ fejn ikun hemm kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l-operatur, u fejn l-intermedjarji tal-impriża li jkunu preżenti fit-territorju nazzjonali jkunu jistgħu jiġu sottomessi għal kontroll fiżiku mill-pulizija. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fir-rigward tal-Artikolu 23(3) tal-imsemmi abbozz tal-ftehim.

     

    3)

    L‑Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li operatur ikollu, fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit, awtorizzazzjoni li tippermettilu joffri logħob tal-ażżard ma jipprekludix lil Stat Membru ieħor milli jissuġġetta, fl-osservanza tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il‑possibbiltà, għal tali operatur, li joffri tali servizzi lil konsumaturi li jinsabu fit-territorju tiegħu, għaż-żamma ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet tiegħu stess.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top