Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0638

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tal-14 ta' Novembru 2013.
    il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea vs Gul Ahmed Textile Mills Ltd.
    Appell - Dumping - Importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan - Regolament (KE) Nru 384/96 - Artikolu 3(7) - Kunċett ta’ ‘fatturi l-oħra’.
    Kawża C-638/11 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:732

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    14 ta’ Novembru 2013 ( *1 )

    “Appell — Dumping — Importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan — Regolament (KE) Nru 384/96 — Artikolu 3(7) — Kunċett ta’ ‘fatturi l-oħra’”

    Fil-Kawża C‑638/11 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-6 ta’ Diċembru 2011,

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, avukat,

    appellant,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Gul Ahmed Textile Mills Ltd, irrappreżentata minn L. Ruessmann, avukat,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Stobiecka-Kuik, bħala aġent, assistita minn E. McGovern, barrister,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi‑President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jaġixxi bħala Imħallef tal-Ħames Awla, E. Juhász (Relatur), A. Rosas u C. Vajda, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Frar 2013,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ April 2013,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-27 ta’ Settembru 2011, Gul Ahmed Textile Mills vs Il-Kunsill (T-199/04, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din il-qorti annullat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 397/2004, tat-2 ta’ Marzu 2004, li jimponi dazju kontra d-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 50, p. 26), sa fejn jikkonċerna Gul Ahmed Textile Mills Ltd (iktar ’il quddiem “Gul Ahmed Textile Mills”).

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1972/2002, tal-5 ta’ Novembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 132), bit-titolu “Tistabbilixxi l-ħsara”, jipprovdi:

    “1.   Skond dan ir-Regolament, it-terminu “ħsara” għandu, sakemm mhux speċifikat b’mod ieħor, jittieħed li jfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità, theddida ta’ ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità jew dewmien materjali ta’ l-istabbiliment ta’ industrija bħal din u għandu jiġi interpretat skond id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

    2.   Il-ħsara trid tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u għandha tinvolvi eżaminazzjoni objettiva kemm ta’ (a) il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett ta’ l-importazzjonijiet mibjugħin taħt il-prezz fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għall-prodotti simili; u kemm (b) l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija Komunitarja.

    3.   Fejn għandu x’jaqsam il-volum ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm żjieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, jew f’termini assoluti jew imqabbla mal-produzzjoni u l-konsum fil-Komunità. Fejn għandu x’jaqsam l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm waqgħat sinifikanti fil-prezzijiet mix-xiri taħt il-prezz ta’ l-importazzjonijiet meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili ta’ l-industrija Komunitarja, jew jekk l-effett ta’ importazzonijiet bħal dawn huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żjidiet fil-prezz, li setgħu jseħħu, sa grad sinifikanti. L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.

    [...]

    5.   L-eżaminazzjoni ta’ l-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Komunità konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija, inkluż il-fatt li l-industrija għadha fi proċess ta’ rkuprar mill-effetti ta’ xiri taħt il-prezz jew sussidju fil-passat, il-kobor tal-marġini attwali tax-xiri taħt il-prezz, it-tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, il-profitti, il-produzzjoni, is-sehem fis-suq, il-produttività, ir-redditu fuq l-investimenti, l-utilizzazzjoni tal-volum; fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet Komunitarji; effetti negattivi attwali u potenzjali fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-flus, l-inventarji, il-pagi, it-tkabbir, l-abilità li l-kapital jew investimenti jiġu mgħollija. Il-lista ma ttemx kollox, u lanqas ma jistgħu, wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi, neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva.

    6.   Għandu jiġi muri, mill-evidenza rilevanti kollha ppreżentata fejn jidħol il-paragrafu 2, li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping qegħdin jikkawżaw ħsara skond it-tifsira ta’ dan ir-Regolament. B’mod speċifiku, dan għandu jinvolvi dimostrazzjoni li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati skond il-paragrafu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija Komunitarja kif stabbilita fil-paragrafu 5, u li dan l-impatt jeżisti sa grad li jagħmlu possibbli li jiġi kklasifikat bħala materjali.

    7.   Fatturi magħrufa għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li fl-istess ħin qegħdin jagħmlu ħsara lill-industrija Komunitarja għandhom ukoll jiġu eżaminati sabiex jiżguraw li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra mhix attribwita għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping taħt paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati f’dan ir-rigward jinkludu l-volum u l-prezzijiet ta’ importazzjonijiet mhux mibjugħin bi prezzijiet taħt il-prezz tagħhom, tnaqqis fid-domanda jew tibdiliet fil-mudelli tal-konsum, prattiċi restritti tal-kummerċ, u kompetizzjoni bejn, produtturi Komunitarji u ta’ pajjiżi terzi, żviluppi fit-teknoloġija u l-atteġġament ta’ l-esportazzjoni u l-produttività ta’ l-industrija Komunitarja.

    [...]”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    3

    Is-sentenza appellata tinkludi l-konstatazzjonijiet li ġejjin:

    “1

    Ir-rikorrenti, Gul Ahmed Textile Mills [...], hija kumpannija rregolata bid-dritt Pakistan, stabbilita f’Karachi (Pakistan). B’mod partikolari, hija attiva fil-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni għall-esportazzjoni ta’ friex tas-sodda. Ir-rikorrenti timmanifattura dan il-prodott fil-Pakistan u tesportah fl-Unjoni Ewropea. Hija ma tbigħx friex tas-sodda fis-suq intern tal-Pakistan, iżda tbigħ hemmhekk prodotti bażiċi differenti.

    2

    Wara ilment, ippreżentat mill-Kumitat tal-Industrija tal-Qoton u tal-Fibri konnessi tal-Komunità Ewropea [...], fit-30 ta’ Lulju 1996, u wara l-ftuħ tal-proċedura antidumping, fit-13 ta’ Settembru 1996, ċerti dazji antidumping definittivi ġew imposti b’mod partikolari fuq il-produtturi Pakistani bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2398/97, tat-28 ta’ Novembru 1997, li jistabbilixxi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan (ĠU L 332, p. 1, iktar ’il quddiem id-“dazji antidumping preċedenti”). Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, l-istabbiliment ta’ dazju antidumping definittiv kien jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton, puri jew imħalltin ma’ fibri magħmula mill-bniedem jew mal-kittien (il-kittien ma jkunx il-fibra dominanti), ibbliċjati, miżbugħa jew stampati, li jaqgħu taħti il-kodiċijiet is-segwenti tan-Nomenklatura Magħquda : ex 6302 21 00 (Kodiċi TARIC 6302 21 00 * 81 u 6302 21 00 * 89), ex 6302 22 90 (Kodiċi TARIC 6302 22 90 * 19), ex 6302 31 10 (Kodiċi TARIC 6302 31 10 * 90), ex 6302 31 90 (code TARIC 6302 31 90 * 90) u ex 6302 32 90 (code TARIC 6302 32 90 * 19).

    3

    Skont il-Memorandum ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Islamika tal-Pakistan dwar l-arranġamenti tranżitorji fil-qasam tal-aċċess għas-suq tessili u tal-ħwejjeġ, inizjalat fi Brussel fil-15 ta’ Ottubru 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 40, p. 89), u wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru E) Nru 2501/2001, tal-10 ta’ Diċembru 2001 li japplika skema ta’ preferenzi ġeneraliżżati tat-tariffa għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 105), [ir-Repubblika Islamika tal-] Pakistan bdiet tibbenefika mill-imsemmija skema sa fejn din l-iskema kienet tapplika għall-pajjiż li jiġġieldu kontra l-produzzjoni u t-traffikar ta’ droga. Konsegwentement, prodotti tessili u għall-ilbies mill-Pakistan bdew, mill-1 ta’ Jannar 2002, jidħlu fil-Komunità Ewropea eżenti mid-dazji doganali wara li kienu suġġetti għal dazju doganli ta’ 12 %. Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2501/2001, moqri flimkien mal-Anness IV tiegħu, il-prodotti eżenti mid-dazju doganali minħabba li huma inklużi fl-iskema speċjali ta’ ġlieda kontra l-produzzjoni u t-traffikar ta’ droga li jinkludu b’mod partikolari l-prodotti li ġejjin, jaqgħu taħt il-Kapitolu 63 tan-Nomenklatura Magħquda: ‘ħwejjeġ u oġġetti tessili għall-ilbies; settijiet; ċraret’.

    4

    Id-dazji antidumping tneħħew mit-30 ta’ Jannar 2002, sa fejn jikkonċernaw il-produtturi Pakistani, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 160/2002, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jemenda r-Regolament Nru 2398/97 (ĠU L 26, p. 1).

    5

    Wara ilment ġdid ippreżentat fl-4 ta’ Novembru 2002 mill-[Kumitat tal-Industrija tal-Qoton u tal-Fibri konnessi tal-Komunità] f’isem prodotturi li jirrappreżentaw parti kbira tal-produzzjoni Komunitarja totali ta’ friex tas-sodda, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew fetħet proċedura antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ friex tas-sodda tal-qoton, puri jew imħalltin ma’ fibri magħmula mill-bniedem jew mal-kittien (il-kittien ma jkunx il-fibra dominanti), ibbliċjati, miżbugħa jew stampati, li joriġinaw mill-Pakistan [...], li fir-rigward tagħha hija semmiet ‘b’mod purament indikattiv’, li huma jaqgħu taħt il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda ‘ex 6302 21 00, ex 6302 22 90, ex 6302 31 10, ex 6302 31 90 et ex 6302 32 90’. L-avviż tal-ftuħ ta’ din il-proċedura ġie ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-18 ta’ Diċembru 2002 (ĠU C 316, p. 6).

    6

    L-investigazzjoni dwar id-dumping u l-ħsara li tirriżulta minnu kienet tirrigwarda l-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru u l-30 ta’ Settembru 2004 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti sabiex issir l-evalwazzjoni tal-ħsara kopra l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1999 sal-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni [...]

    7

    Fid-dawl tan-numru kbir ta’ produtturi-esportaturi kkonċernati mill-proċedura antidumping, il-Kummissjoni għażlet, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament [...] Nru 384/96 [...], kampjun ta’ sitt kumpanniji, fosthom ir-rikorrenti, li jirrapreżentaw iktar minn 32 % tal-volum tal-esportazzjonijiet mill-Pakistan ta’ friex tas-sodda tal-qoton lejn il-Komunità matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Dawn il-kumpanniji kienu mistiedna sabiex jirrispondu għall-kwestjonarju antidumping.

    8

    Fid-dawl tan-numru kbir ta’ prodoutturi Komunitarji li jsostnu l-ilment u skont l-Artikolu 17 tar-Reglament [Nru 384/96], il-Kummissjoni għażlet ukoll kampjun, kompost minn ħames kumpanniji minn tliet Stati Membri, skont il-volum ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ meqjus bħala li l-iktar li jirrappreżenta d-daqs tas-suq. Sussegwentement, il-Kummissjoni bagħtet il-kwestjonarji lil dawn il-kumpanniji.

    9

    Il-produtturi-esportataturi Pakistani kollha inklużi fil-kampjun ipprovdew risposti għall-kwestjonarju, kif ukoll għamlu l-ħames produtturi Komunitarji li ppreżentaw l-ilment inklużi fil-kampjun. Barra minn hekk, żewġ importaturi indipendenti fil-Komunità pprovdew ukoll risposti għall-kwestjonarju, kif ukoll tliet produtturi-esportaturi mhux inklużi fil-kampjun u li talbu eżami individwali.

    10

    Fl-10 ta’ Frar 2003, l-assoċjazzjonijiet li jirrapreżentaw il-prodotturi-esportaturi Pakistani ta’ friex tas-sodda bagħtu lill-Kummissjoni dokument bit-titolu “Osservazzjonijiet fuq il-ħsara”. Fih huma kkontestaw b’mod partikolari l-legalità tal-ftuħ tal-proċedura antidumping, is-sustanza tal-ħsara li sofriet l-industrija Komunitarja kif ukoll l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-esportazzjonijiet mill-Pakistan u l-allegata ħsara li sofriet l-imsemmija industrija. Fit-2 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni organizzat seduta, fil-preżenza, b’mod partikolari, ta’ produtturi-esportaturi Pakistani, fosthom ir-rikorrenti. L-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw il-produtturi-esportaturi Pakistani pprovdew sussegwentement, lill-Kummissjoni, dokument bit-titolu ‘Osservazzjonijiet wara s-seduta fuq il-ħsara’, li fiha huma reaġew fuq il-punti mqajma waqt din is-seduta.

    11

    Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament [Nru 384/96], il-Kummissjoni wettqet verifiki fuq il-post, b’mod partikolari għand żewġ produtturi – esportaturi Pakistani, sabiex tivverifika l-informazzjoni li ntbagħatitilha fir-risposti għall-kwestjonarju. [...] Kien possibbli li jitwettqu biss verifika kompleta fil-bini ta’ produttur-esportatur Pakistan, jiġifieri r-rikorrenti, u verifika parzjali fil-bini ta’ produttur-esportatur. L-esportazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kumpaniji jirrappreżentaw iktar minn 50 % tal-valur ta’ esportazzjoni ċif totali (spiża, assigurazzjoni u trasport) lejn il-Komunità tal-produtturi esportaturi fil-kampjun. Barra minn hekk, peress li l-kundizzjonijiet neċessarji ma kinux sodisfatti sabiex titwettaq investigazzjoni fuq il-post fil-Pakistan, il-Kummissjoni ma aċċettatx it-talbiet għal eżami individwali ppreżentati mit-tliet produtturi-esportaturi Pakinstani li ma kinux inklużi fil-kampjun.

    12

    Fl-10 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni bagħtet, lir-rikorrenti, dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali li jistabbilixxi l-fatti u tal-motivi għaliex hija pproponiet l-adozzjoni tal-miżuri antidumping definittivi, kif ukoll dokument ta’ informazzjoni finali speċifika għar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-‘dokumenti ta’ informazzjoni finali’). Permezz ta’ ittra tat-5 ta’ Jannar 2004, ir-rikorrenti ikkontestat uffiċjalment il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, kif esposti fl-ewwel dokument ta’ informazzjoni finali. Informazzjoni oħra ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni mir-rikorrenti permezz ta’ ittri datati s-16 ta’ Frar 2004.

    13

    Fis-17 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni rrispondiet għall-ittra tal-15 ta’ Jannar 2004. Minkejja li hija kienet għamlet ċerti rettifiki għall-kalkoli tagħha, hija kkonfermat il-konklużjoniet li kienet waslet għalihom fid-dokumenti ta’ informazzjoni finali. Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Frar 2004, ir-rikorrenti insistiet fuq l-iżbalji li l-Kummissjoni kienet wettqet fl-analiżi tagħha.

    [...]

    15

    Fit-2 ta’ Marzu 2004, il-Kunsill adotta r-Regolament [...] Nru 397/2004 [...]

    16

    Permezz tar-Regolament [Nru 387/2004], il-Kunsill impona dazji antidumping ta’ 13.1 % fuq l-importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton, puri jew imħalltin ma’ fibri magħmula mill-bniedem jew mal-kittien (il-kittien ma jkunx il-fibra dominanti), ibbliċjati, miżbugħa jew stampati li joriġinaw mill-Pakistan, li jaqgħu taħt il-kodiċi ta’ Nomenklatura Magħquda ex63022100 (Kodiċi TARIC 63022100*81 u 63022100*89), ex 63022290 (Kodiċi TARIC 63022290*19), ex 63023110 (Kodiċi TARIC 63023110*90), ex 63023190 (Kodiċi TARIC 63023190*90) u ex 63023290 (Kodiċi TARIC 63023290*19).

    17

    Sussegwentement, ir-Regolament [Nru 397/2004] ġie emendat, sa fejn jikkonċerna r-rikorrenti, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 695/2006, tal-5 ta’ Mejju 2006, [...] (ĠU L 294 M, 25.10.2006, p. 23). Ir-Regolament li jemenda stabbilixxa ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prodotti kkonċernati mmanifatturati mir-rikorrenti għal 5.6 %.”

    Is-sentenza kkontestata

    4

    Permezz tar-rikors ippreżentat fit-28 ta’ Mejju 2004, Gul Ahmed Textile Mills talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tannulla r-Regolament Nru 397/2004 sa fejn jikkonċernaha.

    5

    Gul Ahmed Textile Mills invokat ħames motivi, ibbażati rispettivament:

    fuq il-ksur, sa fejn jikkonċerna l-ftuħ tal-investigazzjoni, tal-Artikolu 5(7) u (9) tar-Regolament Nru 384/96 u tal-Artikoli 5.1 u 5.2 tal-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu Vi tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ 1994 (OKD-GATT 1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189), li jinsab fl-Anness 1 A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).

    fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikoli 2(3) u (5) u 18(4) tar-Regolament Nru 384/96 kif ukoll tal-ksur tal-Kodiċi antidumping tal-1994, sa fejn jikkonċerna l-kalkolu tal-valur normali;

    fuq il-ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 384/96, tal-Kodiċi antidumping tal-1994 u tal-obbligu li tingħata motivazzjoni xierqa, impost mill-Artikolu 253 KE, sa fejn jikkonċerna l-aġġustament tar-rifużjoni tad-dazji fil-paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni;

    fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 3(1) sa (3) u (5) tar-Regolament Nru 384/96 kif ukoll tal-ksur tal-Kodiċi antidumping tal-1994, sa fejn jikkonċerna d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ ħsara sinjifikattiva, u

    fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regoalment Nru 384/96 u tal-Kodiċi antidumping tal-1994, sa fejn jikkonċerna l-istabbiliment ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li allegatament jifformaw s-suġġett ta’ dumping u l-allegata ħsara.

    6

    L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali qieset xieraq li tiddeċiedi, fuq it-tielet parti tal-ħames motiv. Permezz ta’ din il-parti, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill, essenzjalment, li wettaq żball ta’ liġi meta naqas milli jeżamina jekk it-tneħħija tad-dazju antidumping preċedenti l-implementazzjoni tal-iskema ta’ preferenzi tariffarji favur ir-Repubblika Islamika tal-Pakistan fil-bidu tal-2002 kellhomx l-effett li jiksru r-rabta kawżali bejn il-ħsara li sofriet l-industrija Komunitarja u l-importazzjonijiet mill-Pakistan.

    7

    Fl-ewwel lok, fil-punti 45 sa 51 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw il-produtturi-esportaturi Pakistani ta’ friex tas-sodda, sa mill-bidu tal-proċedura amministrattiva, ġibdu l-attenzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fuq il-fatt li l-ħsara li l-industrija Komunitarja allegatament sofriet kienet ikkawżata minn żewġ fatturi, jiġifieri t-tneħħija tad-dazji antidumping preċedenti u dik tad-dazji doganali ordinarji fil-kuntest tal-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati favur ir-Repubblika Islamika tal-Pakistan, u mhux minn dumping li jirrigwarda l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Pakistan. Għalhekk, iż-żieda ta’ importazzjonijiet li joriġinaw mill-Pakistan, skont il-produtturi-esportaturi Pakistani, ġiet iffaċilitata mill-eżenzjoni ta’ ċerti dazji u mill-emenda tal-qafas leġiżlattiv.

    8

    Fil-punti 53 sa 59 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, sabiex iwettqu debitament l-obbligu tagħhom li jeżaminaw, skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 384/96, il-“[f]atturi magħrufa [kollha] għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li fl-istess ħin qegħdin jagħmlu ħsara lill-industrija”, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kellhom jisseparaw u jiddistingwu l-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huwa s-suġġett ta’ dumping mill-effett dannuż ta’ fatturi magħrufa oħrajn.

    9

    Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li l-elenku tal-“[f]atturi magħrufa għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping” magħmul fl-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 384/96 ma huwiex eżawrjenti, iżda huwa, għall-kuntrarju, indikattiv, kif jirrileva l-użu tal-kelma “jinkludu” li tintroduċi l-lista ta’ fatturi li jistgħu jitqies bħala rilevanti. Il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, li l-għan komuni tal-Artikolu 3(7) ta’ dan ir-regolament u tal-Artikolu 3.5 tal-Kodiċi Antidumping tal-1994 huwa li jiżgura li l-importazzjonijiet li huma s-suġġett tal-investigazzjoni ma jiġux attribwiti l-possibbli effetti negattivi ta’ fatturi oħrajn li għandhom impatt fuq il-ħsara li sofriet l-industriji Komunitarji jew nazzjonali rispettivament, sabiex l-imsemmija industriji ma jiġux kkonferiti protezzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju.

    10

    Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li t-tneħħija tad-dazji antidumping preċedenti u dik tad-dazji doganali ordinarji, fil-kuntest tal-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati, kienu fatturi magħrufa, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jevalwaw ir-realta tar-rabta kawżali bejn il-ħsara li sofriet l-industrija Komunitarja u l-importazzjonijiet mill-Pakistan tal-prodott li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni antidumping.

    11

    Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, li mill-analiżi magħmula mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’dan il-każ, ma jirriżultax, u dan lanqas fil-forma ta’ sempliċi stima, x’kienet tkun il-ħsara li sofriet l-industrija Komunitarja fin-nuqqas ta’ kwalunke dumping, jiġifieri x’kienet tkun il-ħsara li tirriżulta biss mid-dħul fis-seħħ tal-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u t-tneħħija tad-dazji antidumping preċedenti, kemm fis-sens ta’ telf tas-sehem mis-suq, ta’ tnaqqis fil-vijabbiltà jew fil-prestazzjoni tal-industrija msemmija iktar ’il fuq, ta’ rinunzja ta’ partijiet iktar baxxi fis-suq jew xi indikatur ekonomiku rilevanti ieħor.

    12

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tielet parti tal-ħames motiv u, mingħajr ma eżaminat il-motivi l-oħrajn, annullat ir-Regolament Nru 397/2004 sa fejn jikkonċerna Gul Ahmed Textile Mills.

    13

    F’dan il-kuntest, il-Kunsill ippreżenta dan l-appell kontra s-sentenza appellata, sostnut mill-Kummissjoni, intervenjenti fl-ewwel istanza.

    Fuq l-appell

    L-argumenti tal-partijiet

    14

    Il-Kunsill iqis li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 384/96, meta interpretata b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “fatturi l-oħra” pprovdut f’din id-dispożizzjoni. Ċertament, huwa enfasizza li l-Qorti Ġenerali evalwat korrettament li l-imsemmija dispożizzjoni teħtieġ, fil-prinċipju, li l-effetti dannużi ta’ fatturi magħrufa oħra jiġu sseparati u li jiġu ddistingwati mill-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping. Madankollu, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li ż-żewġ fatturi kkontestati, jiġifieri t-tneħħija tad-dazji antidumping preċedenti u l-istabbiliment tal-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati, jikkostitwixxu “fatturi l-oħra” fis-sens tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 384/96. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat li, f’din il-kawża, l-istituzzjonijiet wettqu ksur ta’ din id-dispożizzjoni, għaliex naqsu milli jisseparaw u jagħmlu distinzjoni bejn l-allegati effetti dannużi taż-żewġ fatturi kkontestati.

    15

    Il-Kunsill iqis li “fattur ieħor” fis-sens tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 384/96 huwa, b’definizzjoni, fattur li ma huwiex marbut mal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping. Iż-żewġ fatturi kkontestati huma strettament marbuta mal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping li joriġinaw mill-Pakistan. Skont il-Kunsill “fattur li sempliċement jiffaċilita żieda tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping ma huwiex fih innifsu fattur distint li jikkawża ħsara, peress li kull ħsara li tirriżulta minn żieda tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u mhux mill-fatturi li jiffaċilitaw ż-żieda ta’ tali importazzjonijiet”. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-konklużjonijiet tar-rapport tal-grupp speċjali tad-WTO tat-28 ta’ Ottubru 2011, bit-titolu “Unjoni Ewropea - Miżuri antidumping fuq ċerti żraben li joriġinaw miċ-Ċina” (WT/DS405/R).

    16

    Il-Kunsill jirrileva li, minkejja li l-lista li tinsab fl-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 384/96 ma hijiex eżawrjenti bħala tali, hija ma tinkludiex madankollu ż-żewġ fatturi kkontestati bħala li jikkostitwixxu “fatturi l-oħra” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, l-emendi fil-kuntest leġiżlattiv u regolatorju huma ta’ importanza biss sa fejn dawn jipproduċu effett fuq is-suq u li ż-żewġ fatturi kkontestati seta’ jkollhom effett fuq l-importazzjonijiet biss li jifformaw is-suġġett ta’ dumping. Madankollu, skont il-Kunsill, dawn iż-żewġ fatturi ma għandhom ebda impatt fuq il-prestazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni.

    17

    Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament Nru 384/96, fatt li jirriżulta mid-dikjrazzjonijiet li jinsabu fil-punt 84 tas-sentenza appellata.

    18

    Essenzjalment il-Kummissjoni ssostni l-kunsiderazzjonijiet tal-Kunsill.

    19

    Gul Ahmed Textile Mills tqis li l-aggravji invokati insostenn tal-appell jirristrinġu b’mod infondat il-kunċett ta’ “fatturi l-oħra”, fis-sens tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 384/96. Fil-fatt, l-interpretazzjoni magħmula mill-Kunsill tal-kunċett ta’ “fatturi l-oħra” hija kuntrarja għal din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, peress li l-għan tal-imsemmija dispożizzjoni huwa li jiġi żgurat li ebda ħsara ma tiġi attribwita lill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping meta jirriżulta minn fattur ieħor, ma hemm lok li ssir limitazzjoni arbitrarja tal-fatturi li l-effetti dannużi tagħhom għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    20

    Skont Gul Ahmed Textile Mills, għal dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “fatturi l-oħra”, ma huwiex veru li l-fatturi kkontestati kienu “strettament marbuta” għall-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping. It-tneħħija ta’ dazji antidumping preċedenti kienet tirrifletti r-rettifika min-naħa tal-Unjoni tal-impożizzjoni invalida ta’ miżuri fl-1997, u ma kinitx marbuta mal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, kemm matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kif ukoll qabilha. L-għoti mill-Unjoni ta’ preferenza tariffarja speċjali għall-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Pakistan, mill-1 ta’ Jannar 2002, ma kienx speċifiku għall-importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda, anki inqas għall-importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda li huma s-suġġett ta’ dumping. L-emendi tal-kuntest leġiżlattiv tas-suq kienu dovuti biss għall-azzjoni tal-Unjoni u ma humiex “strettament marbuta” ma’ azzjonijiet ta’ pajjiżi terzi.

    21

    Gul Ahmed Textile Mills tirrileva li l-fatturi kkontestati naqqsu direttament il-piż tad-dazju għall-importazzjonijiet kollha ta’ friex tas-sodda li joriġinaw mill-Pakistan, billi jinfluwenzaw minħabba dan il-fatt direttament il-livell tal-prezzijiet ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq is-suq tal-Unjoni. Il-klassifikazzjoni ta’ dawn l-emendi tariffarji bħala “sempliċement li jiffaċilitaw żieda fil-volum tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping” tkun manifestament żbaljata.

    22

    Skont Gul Ahmed Textile Mills, id-domanda prinċipali hija dwar jekk il-fatturi kkontestati jaffettwawx il-livell ta’ wieħed mill-indikaturi ekonomiċi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiddeterminaw jekk l-industrija tal-Unjoni sofrietx ħsara materjali u l-eventwali raġuni tagħha. L-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 384/96 jeħtieġ evalwazzjoni ta’ “fatturi ekonomiċi rilevanti u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija” u, fil-lista indikattiva pprovduta f’din id-dispożizzjoni, huma inklużi l-“fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet Komunitarji”. L-appellanti tenfasizza li bħala effett dirett tal-fatturi kkontestati, il-produtturi tal-Unjoni sabu ruħhom f’daqqa waħda jikkonfrontaw importazzjonijiet li daħlu fis-suq tal-Unjoni b’livell ta’ prezz kunsiderevolament inqas minn dawk li kienu preċedentement. Għalhekk, il-bidliet leġiżlattivi kellhom effett dirett fuq iċ-ċirkustanzi ekonomiċi meħuda inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ħsara u tar-rabta kawżali bejn din il-ħsara u d-dumping.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    23

    Mill-premessi 108 sa 115 tar-Regolament Nru 397/2004 jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni eżaminaw il-fatturi li huma qiesu bħala fatturi oħrajn għajr l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping.

    24

    B’mod partikolari, l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Indja, mit-Turkija, mir-Rumanija, mill-Bangladesh u mill-Eġittu ġew eżaminati u l-fatturi marbutin mal-kontrazzjoni tat-talba, mal-importazzjonijiet u mal-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni u mal-produttività ta’ din l-industrija.

    25

    Billi tiġi evalwata r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u l-ħsara li sofriet l-industrija tal-Unjoni, huwa paċifiku li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma eżaminawx iż-żewġ miżuri kkontestati inkwistjoni, jiġifieri t-tneħħija tad-dazji doganali ordinarji fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-iskema ta’ preferenzi ġeneralizzati u t-tneħħija ta’ dazji antidumping preċedenti.

    26

    Għandu jiġi kkonstatat li dawn il-miżuri kienu jikkonċernaw il-prodotti li joriġinaw mill-Pakistan u li r-Regolament Nru 397/2004 japplika għall-esportaturi Pakistani kollha. Għalhekk, skont dan ir-regolament, l-esportazzjonijiet kollha tal-prodotti elenkati fih jikkostitwixxu importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 384/96.

    27

    Huwa ċert li t-tneħħija tad-dazji tal-importazzjoni, minn naħa, ta’ 12 % u, min-naħa l-oħra, ta’ 6.7 %, seta’ jkollha l-effett li tiffaċilita u li tiffavorixxi l-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati. Min-naħa l-oħra, dan l-effett kien eżerċitat fuq l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping.

    28

    Mill-kliem tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 384/96, b’mod partikolari mill-kliem “il-fatturi magħrufa li [...] jagħmlu ħsara lill-industrija Komunitarja” jirriżulta li dan ir-regolament jeżiġi l-eżami tal-fatturi li jikkawżaw direttament ħsara, fatt li jippresupponi rabta kawżali diretta.

    29

    Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, il-bidliet tal-kundizzjonijiet leġiżlattivi li jirregolaw l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkawżaw bħala tali ħsara. Huma l-importazzjonijiet infushom li jikkawżaw ħsara.

    30

    Fil-fatt, l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u l-kundizzjonijiet leġiżlattivi li jirregolawhom huma inseparabbli.

    31

    Għaldaqstant, il-miżuri kkontestati li jiffaċilitaw u jippromwovu l-importazzjonijiet huma biss kawżi indiretti u ma jistgħux jitqiesu bħala “fatturi l-oħra” fis-sens tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 384/96.

    32

    Din l-interpretazzjoni hija koerenti mar-rapport tal-grupp speċjali tal-WTO tat-28 ta’ Ottubru 2011, bit-titolu “Unjoni Ewropea – Miżuri antidumping fuq ċerti żraben li joriġinaw miċ-Ċina”, li eżamina l-kwistjoni tar-rabta kawżali bejn it-tneħħija ta’ kwoti tal-importazzjonijiet u l-ħsara fid-dawl tal-Artikolu 3.5 tal-Kodiċi Antidumping tal-1994. Fil-punt 7.527 ta’ dan ir-rapport, ġie kkonstatat li t-tneħħija ta’ kwoti tal-importazzjonijiet li tippermetti li jiżdied il-volum tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping ma hijiex fattur li jikkawża huwa stess ħsara.

    33

    Il-kwoti tal-importazzjoni jikkostitwixxu l-kundizzjonijiet leġiżlattivi li jirregolaw l-importazzjonijiet u d-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet bl-istess mod.

    34

    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li ż-żewġ fatturi kkontestati jikkostitwixxu “fatturi l-oħra” fis-sens tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 384/96.

    35

    Madankollu, din il-konklużjoni ma tippreġudikax il-kwistjoni dwar jekk il-fatturi kkontestati għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-eżami jekk hemmx ħsara skont l-Artikolu 3(2), (3) u (5) tar-Regolament Nru 384/96.

    36

    Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

    37

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tagħti deċiżjoni.

    38

    F’din il-kawża, il-kundizzjonijiet sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament fuq il-kwistjoni ma humiex issodisfatti.

    39

    Konsegwentement, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2011, Gul Ahmed Textile Mills vs Il-Kunsill (T‑199/04), hija annullata.

     

    2)

    Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

     

    3)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top