Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0635

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2013.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2005/56/KE — Amalgamazzjonijiet transfrontalieri ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju — Artikolu 16(2)(a) u (b) — Kumpannija li tirriżulta minn amalgamazzjoni transfrontaliera — Ħaddiema impjegati fl-Istat Membru fejn ikun l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija jew fi Stati Membri oħrajn — Drittijiet ta’ parteċipazzjoni — Assenza ta’ identità ta’ drittijiet.
    Kawża C‑635/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:408

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

    20 ta’ Ġunju 2013 ( *1 )

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2005/56/KE — Amalgamazzjonijiet transfrontalieri ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju — Artikolu 16(2)(a) u (b) — Kumpannija li tirriżulta minn amalgamazzjoni transfrontaliera — Ħaddiema impjegati fl-Istat Membru fejn ikun l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija jew fi Stati Membri oħrajn — Drittijiet ta’ parteċipazzjoni — Assenza ta’ identità ta’ drittijiet”

    Fil-Kawża C-635/11,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fid-9 ta’ Diċembru 2011,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Enegren u M. van Beek, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Schillemans u C. Wissels, bħala aġenti,

    konvenut,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

    komposta minn E. Jarašiūnas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma adottax il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha neċessarji sabiex l-impjegati ta’ stabbilimenti ta’ kumpannija, li tirriżulta minn amalgamazzjoni transfrontaliera u li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi, li jkunu fi Stati Membri oħra jibbenefikaw minn drittijiet ta’ parteċipazzjoni identiċi għal dawk ta’ ħaddiema impjegati fil-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar mergers transkonfinali ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata (ĠU L 310, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    2

    Il-premessa 13 tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet hija fformulata kif ġej:

    “Jekk l-impjegati ikollhom drittijiet ta’ parteċipazzjoni f’xi waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu taħt iċ-ċirkostanzi stabbiliti f’din id-Direttiva u jekk il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru li fih għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha l-kumpannija li tirriżulta mill- amalgamazzjoni transfrontaliera ma tipprovdix għall-istess livell ta’ parteċipazzjoni kif operat fil-kumpanniji li qed jingħaqdu rilevanti, inkluż f’kumitati tal-bord ta’ superviżjoni li jkollhom setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, jew ma tipprovdix għall-istess drittijiet ta’ eżerċizzju ta’ drittijiet għal impjegati ta’ stabbilimenti li jirriżultaw mill-amalgamazzjoni transfrontaliera, il-parteċipazzjoni ta’ l-impjegati fil-kumpannija li tirriżulta mill- amalgamazzjoni transfrontaliera u l-involviment tagħhom fid-definizzjoni ta’ dawn id-drittijiet iridu jiġu rregolati. Għal dak l-għan, il-prinċipji u l-proċeduri msemmija fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut għal Kumpannija Ewropea (SE) [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 251] u fid-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpannija Ewropea fir-rigward ta’ l-involviment ta’ l-impjegati [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 272, iktar ’il quddiem id-‘Direttiva SE’], jittieħdu bħala bażi, suġġetti, madankollu, għal modifikazzjonijiet li jitqiesu meħtieġa għaliex il-kumpannija li tirriżulta tkun suġġetta għal-liġijiet nazzjonali ta’ l-Istati Membri fejn hija jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha. Bidu minnufih għan-negozjati taħt l-Artikolu 16 ta’ din id-Direttiva bil-ħsieb li mergers [amalgamazzjonijiet] ma jiddewmux għalxejn, jista’ jiġi żgurat mill-Istati Membri bi qbil ma’ l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva [SE]”.

    3

    L-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet, bit-titolu “Parteċipazzjoni mill-impjegati”, jipprovdi li:

    “1.   Mingħajr ħsara għall-paragrafu 2, il-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali [amalgamazzjoni transfrontaliera] għandha tkun suġġetta għar-regoli fis-seħħ dwar il-parteċipazzjoni mill-impjegati, jekk ikun hemm, fl-Istat Membru fejn għandha l-uffiċju reġistrat.

    2.   Madankollu, ir-regoli fis-seħħ dwar parteċipazzjoni mill-impjegati, jekk ikun hemm, fl-Istat Membru fejn il-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali [amalgamazzjoni transfrontaliera] għandha l-uffiċju reġistrat tagħha ma għandhomx japplikaw, fejn mill-inqas waħda mill-kumpanniji li qed tingħaqad għandha numru medju ta’ impjegati, fis-sitt xhur ta’ qabel il-pubblikazzjoni ta’ l-abbozz tat-termini tal-merger transkonfinali [amalgamazzjoni transfrontaliera] kif imsemmi fl-Artikolu 6, li jaqbeż il-500 u li qed topera taħt sistema ta’ parteċipazzjoni ta’ l-impjegati skond it-tifsira tal-Artikolu 2(k) tad-Direttiva [SE], jew fejn il-liġi nazzjonali applikabbli għall-kumpannija li tirriżulta mill-merger [amalgamazzjoni]:

    a)

    ma tipprovdix għal mill-inqas l-istess livell ta’ parteċipazzjoni ta’ l-impjegati li tinsab fil-kumpanniji li qed jingħaqdu rilevanti, imkejjla b’riferenza għal proporzjon ta’ rappreżentanti ta’ l-impjegati fost il-membri tal-korp amministrattiv jew ta’ superviżjoni jew il-kumitati tagħhom jew tal-grupp ta’ ġestjoni li jkopri l-unitajiet ta’ qligħ, suġġett għar-rappreżentanza tal-impjegati, jew

    b)

    ma tipprovdix għal impjegati ta’ stabbilimenti tal-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali [amalgamazzjoni transfrontaliera] li jinsabu fi Stati Membri oħrajn l-istess dritt għal eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ parteċipazzjoni kif igawdu dawk l-impjegati li jaħdmu fl-Istat Membru fejn il-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali [amalgamazzjoni transfrontaliera] għandha uffiċju reġistrat.

    3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-parteċipazzjoni ta’ l-impjegati fil-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali [amalgamazzjoni transfrontaliera] u l-involviment tagħhom fid-definizzjoni ta’ drittijiet bħal dawn għandhom ikunu rregolati mill-Istati Membri, mutatis mutandis u soġġetti għall-paragrafi 4 sa 7 hawn taħt, bi qbil mal-prinċipji u mal-proċeduri stipulati fl-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 2157/2001 u mad-dispożizzjonijiet li ġejjin tad-Direttiva [KE]:

    [...]

    h)

    Il-Parti 3 ta’ l-Anness, punt (b).

    [...]

    5.   L-estensjoni tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni lill-impjegati tal-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali [amalgamazzjoni transfrontaliera] li huma impjegati fi Stati Membri oħrajn, imsemmija fil-paragrafu 2(b), m’ghandhiex twassal għal xi obbligu għal Stati Membri li jagħżlu li jagħmlu dan li jikkunsidraw dawk l-impjegati meta jsir il-kalkolu tal-limitu tad-daqs tal-korp ta’ l-impjegati li jwassal għal drittijiet ta’ parteċipazzjoni taħt il-liġi nazzjonali.”

    4

    Skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet, it-termini għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva skada fil-15 ta’ Diċembru 2007.

    Id-dritt Olandiż

    5

    L-Artikolu 333k li jemenda l-Ktieb 2 tal-Kodiċi Ċivili Olandiż li permezz tiegħu l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet ġie traspost fid-dritt nazzjonali, jipprovdi s-segwenti:

    “1.   Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, permezz ta’ dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni għandu jinftiehem id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw parteċipazzjoni bħal dik imsemmija fl-Artikolu 1:1(1) tal-Liġi li tikkonċerna r-rwol tal-impjegati fil-kumpannija Ewropea.

    2.   Meta:

    a)

    tal-inqas waħda mill-kumpanniji li jipparteċipaw għall-amalgamazzjoni timpjega bħala medja iktar minn ħames mitt persuna matul is-sitt xhur preċedenti d-data ta’ preżentazzjoni tal-abbozz ta’ amalgamazzjoni msemmija fl-Artikolu 314 u hija suġġetta għal dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni, jew

    b)

    id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni japplikaw għal waħda mill-kumpanniji li jipparteċipaw għall-amalgamazzjoni u li l-kumpannija benefiċjarja ma tosservax id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 157, 158 sa 164, jew 158 sa 161 u 164 jew 267, 268 sa 274 jew 268 sa 271 u 274,

    l-Artikoli 12(2) sa (4) tar-Regolament (KE) Nru 2157/2001 [...] u l-Artikoli 1:4 sa 1:12, 1:14(1), (2), (3)(a) u (4), 1:16, 1:17, 1:18 (1)(a),(h), (i) u (j), (3) sa (6), 1:20, 1:21(2)(a), sakemm il-persentaġġ ta’ 25 imsemmi f’dan il-punt huwa ssostitwit permezz ta’ 33⅓, il-paragrafi 4 u 5, l-Artikoli 1:26(3) u 1:31(2) tal-Liġi dwar ir-rwol tal-impjegati fi ħdam ta’ persuni ġuridiċi Ewropej, kif ukoll l-Artikoli 670(4) u (11), u 670a(1)(a) tal-Ktieb 7 tal-Kodiċi Ċivili huma applikabbli b’anoloġija”.

    6

    Skont id-dritt Olandiż, igawdu minn dritt ta’ parteċipazzjoni legali l-kumpanniji suġġetti għas-sistema strutturali — jiġifieri l-kumpanniji anonimi u b’responsabbiltà limatata — li josservaw il-kriterji li ġejjin (ara l-Artikolu 2:153/263(2) tal-Kodiċi Ċivili):

    a)

    skont il-bilanċ u l-annessi tiegħu, il-kapital sottoskritt tal-kumpannija u r-riżervi li jammontaw għal total tal-inqas EUR 16-il miljun;

    b)

    il-kumpannija jew kumpannija dipendenti stabbilixxiet kumitat ta’ impriża kif timponilha l-liġi; u

    c)

    il-kumpannija u l-kumpanniji dipendenti jimpjegaw flimkien bħala medja tal-inqas mitt impjegat.

    7

    Is-sistema strutturali timponi li jiġi stabbilit kunsill ta’ superviżjoni li jkollu kompetenzi essenzjali. L-Artikoli 2:158(5) u 2:268(5) tal-Kodiċi Ċivili jikkonferixxi lill-kumitat ta’ impriża ta’ kumpannija anonima jew b’responsabbilà limitata suġġetta għas-sistema strutturali dritt ta’ rakkomandazzjoni għan-nomina tal-membri kollha tal-kunsill ta’ superviżjoni. Hija l-Assemblea Ġenerali li tinnomina l-membri tal-kunsill ta’ superviżjoni. Uħud mill-kumpanniji huma, taħt ċerti kundizzjonijiet, eżenti mill-applikazzjoni tas-sistema strutturali. Dan huwa l-każ b’mod partikolari tal-kumpanniji holding internazzjonali. Is-sistema strutturali tista’ wkoll tiġi applikata fuq bażi volontarja.

    Il-proċedura prekontenzjuża

    8

    Peress li kellha dubji dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni Olandiża fir-rigward tal-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fit-3 ta’ Novembru 2009. Dan tal-aħħar irrisponda permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Marzu 2010, billi sostna li dan l-Artikolu jinkludi alternattiva u li l-Istati Membri jistgħu, konsegwentement, jagħżlu bejn iż-żewġ possibbiltajiet offruti minn din l-alternattiva meta huma jiddeċiedu li japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha fir-rigward ta’ drittijiet ta’ parteċipazzjoni mill-impjegati. Peress li ma kinitx sodisfatta mir-risposta mogħtija, il-Kummissjoni indirizzat, fil-25 ta’ Novembru 2010, opinjoni motivata lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li dan l-Istat Membru rrispondiha permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Jannar 2011.

    Fuq ir-rikors

    L-argumenti tal-partijiet

    9

    Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet jinkludi regola ġenerali li tirrigwarda parteċipazzjoni mill-impjegati fil-kuntest ta’ amalgamazzjonijiet transfrontalieri, li tipprovdi li d-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-uffiċċju rreġistrat japplikaw.

    10

    Skont il-Kummissjoni, l-eċċezzjonijiet għal din ir-regola ġenerali, li huma elenkati fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet, jistgħu jinġabru fil-qosor b’dan il-mod:

    tal-inqas waħda mill-kumpanniji li jipparteċipaw għall-amalgamazzjoni timpjega iktar minn 500 impjegat u hija rregolata skont sistema ta’ parteċipazzjoni mill-impjegati (il-frażi introduttiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2); jew

    il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kumpannija li tirriżulta mill-amalgamazzjoni transfrontaliera tipprovdi livell ta’ parteċipazzjoni mill-impjegati inferjuri għal dak li kien japplika diġà għall-kumpanniji kkonċernati fil-kuntest tal-amalgamazzjoni Artikolu 16(2)(a)]; jew

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kumpannija li tirriżulta mill-amalgamazzjoni ma tipprovdix li l-impjegati tal-istabbilimenti tal-kumpannija li tinsab fi Stati Membri oħrajn jistgħu jeżerċitaw l-istess drittijiet ta’ parteċipazzjoni bħala dawk li jibbenefikaw minnhom il-ħaddiema impjegati fi Stat Membru li fih ikun stabbilit l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija li tirriżulta mill-amalgamazzjoni transfrontaliera [Artikolu 16(2)(b)].

    11

    Il-Kummissjoni ssostni li d- ma tikkonferixxix lill-Istati Membri, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali li jirrigwarda l-parteċipazzjoni mill-impjegati, il-fakultà li jagħżlu bejn is-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16(2)(a) u (b) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet. Din l-istituzzjoni tikkritika għalhekk lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li ma ħax inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu u li ma estendiex id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni li jibbenefikaw minnhom il-ħaddiema impjegati fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-impjegati kkonċernati mill-amalgamazzjoni impjegati fi Stati Membri oħrajn, skont l-imsemmi Artikolu 16(2)(b).

    12

    Skont il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Olandiża tmur kontra l-għan, imsemmi b’mod ċar fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet, li jingħataw l-istess drittijiet ta’ parteċipazzjoni lill-impjegati kollha ta’ kumpannija li tirriżulta minn amalgamazzjoni irrispettivament mill-Istat Membru li fih huma impjegati u ma tinsab ebda bażi fil-kliem tal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva.

    13

    Il-Kummissjoni ssostni li l-analiżi tagħha hija kkonfermata mill-premessa 13 tal-preambolu tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet, li tindika l-każijiet li fihom id-dritt nazzjonali, li jirrigwarda parteċipazzjoni mill-impjegati, ma japplikax fi ħdan tal-kumpannija li tirriżulta mill-amalgamazzjoni u li fihom regoli oħrajn, jiġifieri dawk imsemmija fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet (iktar ’il quddiem ir-“regoli dwar il-kumpannija Ewropea”), għandhom konsegwentement jiġu applikati. Dawn ir-regoli jieħdu inkunsiderazzjoni r-Regolament Nru 2157/2001 u d-Direttiva SE.

    14

    Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 16(5) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet ma joffrix lill-Istati Membri l-fakultà li ma jestendux id-dritt nazzjonali tagħhom li jirrigwarda parteċipazzjoni għall-impjegati kkonċernati mill-amalgamazzjoni u impjegati fi Stati Membri oħrajn.

    15

    Il-Kummissjoni tenfasizza li idealment huwa d-dritt nazzjonali tal-Istat Membri tal-istabbiliment tal-kumpannija stabbilita mill-ġdid li għandu japplika, iżda dan jiġri biss jekk huwa jipprovdi l-istess livell ta’ parteċipazzjoni bħal dak li kien jeżisti diġà qabel l-amalgamazzjoni fi ħdan il-kumpanniji kkonċernati u jekk huwa jagħti lill-impjegati tal-istabbilimenti barranin sistema ta’ parteċipazzjoni identika.

    16

    Il-Kummissjoni tqis li jirriżulta mill-prinċipju “qabel u wara”, stabbilit permezz tad-Direttiva SE, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda parteċipazzjoni mill-impjegati għandha dejjem tiggarantixxi lill-impjegati kollha kkonċernati mill-amalgamazzjoni tal-inqas il-livell l-iktar għoli li dawn l-impjegati kienu jibbenefikaw minnu qabel din l-amalgamazzjoni. Peress li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jipprovdix din il-garanzija, huwa naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu.

    17

    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li d-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet tista’, bħal ma jsostni r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-istess bħad-Direttiva SE, twassal għal restrizzjoni, u għaldaqstant għal telf parzjali tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni, iżda dan biss jekk il-grupp speċjali tan-negozjati previst fl-Artikolu 3 tad-Direttiva ma jagħżilx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ referenza.

    18

    Il-Kummissjoni tiċħad l-argument li jipprovdi li l-interpretazzjoni tagħha tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet trendi l-amalgamazzjonijiet transfrontalieri iktar onerużi għall-kumpanniji żgħar. Hija ssostni li din id-direttiva ssemplifikat b’mod kunsiderevoli l-amalgamazzjonijiet transfrontalieri u naqset l-ispejjeż għoljin tagħha. Hija tosserva li l-imsemmija direttiva ma tipprovdi ebda sistema ta’ parteċipazzjoni mill-impjegati iktar sempliċi għat-tgawdija tal-impriżi żgħar.

    19

    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkontesta li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu billi ma pprovdiex fil-leġiżlazzjoni tiegħu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjoni.

    20

    Skont dan l-Istat Membru, ma kienx neċessarju li jipprovdi tali dispożizzjonijiet fid-dritt nazzjonali tiegħu. Billi pprovda l-applikazzjoni ta’ regoli li jirrigwardaw il-kumpannija Ewropea fis-sitwazzjoni msemmija fil-frażi introduttiva tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet, meta waħda mill-kumpanniji li jipparteċipaw għall-amalgamazzjoni timpjega iktar minn 500 impjegat, kif ukoll fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(2)(a) ta’ din id-direttiva, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi implementa korrettament l-Artikolu 16(2) tal-imsemmija direttiva.

    21

    Huwa jsostni li l-Artikolu 16(2)(a) u (b) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet jinkludi żewġ possibbiltajiet li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu bejniethom sabiex jiggarantixxu lill-kumpanniji li jimpjegaw massimu 500 impjegat l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali jirrigwarda parteċipazzjoni minflok regoli li jirrigwardaw il-kumpannija Ewropea.

    22

    Din l-interpretazzjoni tibbaża fuq il-kliem tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet.

    23

    Skont din id-dispożizzjoni, id-dritt nazzjonali ma japplikax għall-kumpanniji żgħar, jiġifieri dawk li jimpjegaw massimu minn 500 impjegat, jekk id-dritt nazzjonali ma jipprovdix l-imsemmija taħt (a) “jew” taħt (b). Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jenfasizza li t-terminu “jew”, u mhux it-terminu “u”, huwa użat f’din id-dispożizzjoni kif ukoll fil-premessa 13 tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet. Is-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet hija dejjem iggarantita fis-sistema Olandiża meta kumpannija Olandiża suġġetta għas-sistema strutturali hija involuta f’amalgamazzjoni u li l-kumpannija li tirriżulta minnha għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    24

    Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet ma twassalx għall-obbligu għall-Istati Membri li jiggarantixxu li r-regoli ta’ parteċipazzjoni jiġu estiżi għall-ħaddiema impjegati fi Stati Membri oħrajn. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kliem tal-Artikolu 16(5) ta’ din id-direttiva li jirreferi għall-“[għażla]” li jagħmlu l-Istati Membri.

    25

    Din l-interpretazzjoni hija wkoll sostnuta permezz tal-għanijiet u l-effetti tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet. L-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, tikkontradixxi l-prinċipju “qabel u wara” u r-raison d’être tad-distinzjoni bejn il-kumpanniji kbar u żgħar tinsab fl-Artikolu 16(2) ta’ din id-direttiva.

    26

    Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju “qabel u wara” li jinsab fid-Direttiva SE, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni, filwaqt li jirreferi għall-premessa 13 tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet, li huwa jikkostitwixxi wkoll prinċipju fundamentali u għan ta’ din id-direttiva. Madankollu, dan il-prinċipju ma jimplikax estensjoni tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni, iżda biss iż-żamma tagħhom.

    27

    Fir-rigward tad-distinzjoni bejn il-kumpanniji kbar u żgħar, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jesponi li, skont il-frażi introduttiva tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet, il-kumpanniji kbar li jimpjegaw iktar minn 500 impjegat huma suġġetti għar-regoli li jirrigwardaw il-kumpannija Ewropea, filwaqt li huma biss il-kumpanniji żgħar li għandhom massimu minn 500 impjegat li huma, fil-prinċipju, suġġetti għal-liġi nazzjonali skont l-Artikolu 16(2)(a) jew (b) ta’ din id-direttiva.

    28

    Ir-raison d’être ta’ din id-distinzjoni tinsab fil-fatt li d-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet, bħal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inġenerali, hija intiża sabiex tapplika sistema iktar sempliċi għall-kumpanniji żgħar meta mqabbla mal-kumpanniji kbar. Minn dan jirriżulta, skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali msemmi fl-Artikolu 16(2) ta’ din id-direttiva għandha wkoll tinvolvi sistema iktar sempliċi milli jipprovdu r-regoli li jirrigwardaw il-kumpannija Ewropea. Madankollu, il-qari din id-dispożizzjoni (b), adottat mill-Kummissjoni, iwassal preċiżament għall-effett kuntrarju, inkwantu rekwiżiti iktar stretti huma applikabbli għas-sistema ta’ parteċipazzjoni suġġetta għad-dritt nazzjonali minn dawk li japplikaw skont ir-regoli li jirrigwardaw il-kumpannija Ewropea.

    29

    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jenfasizza, f’dan il-kuntest, li mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 7 u 3(6) tad-Direttiva SE kif ukoll tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet jirriżulta li l-applikazzjoni tar-regoli li jirrigwardaw il-kumpannija Ewropea tista’ fil-fatt twassal għal restrizzjoni, u għalhekk telf, tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax issostni li, fil-każ tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, ma jistax f’dan il-każ ikun hemm telf ta’ drittijiet ta’ parteċipazzjoni, peress li dan jimplika li f’dan il-każ ma jkunx hemm de facto sistema iktar sempliċi għall-kumpanniji żgħar.

    30

    Konsegwentement, sa fejn id-distinzjoni bejn il-kumpanniji kbar u żgħar imsemmija fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet tippermetti li l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tista’ wkoll twassal għal telf tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni mill-impjegati, ma jkunx hemm l-obbligu li jiġu estiżi d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni għall-impjegati kollha, fatt li jikkonferma li l-interpretazzjoni li tipprovdi li dan l-Artikolu jinkludi alternattiva.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    31

    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jikkontestax li pprovda, fid-dritt nazzjonali tiegħu, tnejn mit-tliet eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet u li ma inkludiex it-tielet eċċezzjoni msemmija fil-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni. Huwa għalhekk paċifiku li l-leġiżlazzjoni Olandiża ma tipprovdix li l-impjegati ta’ stabbilimenti tal-kumpannija li tirriżulta mill-amalgamazzjonijiet transfrontalieri li jinsabu fi Stati Membri oħrajn jistgħu jeżerċitaw l-istess drittijiet ta’ parteċipazzjoni bħal dawk li jibbenefikaw minnhom il-ħaddiema impjegati fil-Pajjiżi l-Baxxi. Dan l-Istat Membru jqis, madankollu, li l-assenza ta’ tali dispożizzjoni ma tipprekludix l-applikazzjoni tad-dritt Olandiż għal dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema.

    32

    Fil-fatt, skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mill-użu tat-terminu “jew” jirriżulta li jekk id-dritt nazzjonali li jirrigwarda d-dritt ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati jipprovdi wieħed minn dawn il-każijiet, bħad-dritt Olandiż, dan id-dritt huwa applikabbli. Fi kliem ieħor, skont dan l-Istat Membru, huwa biżżejjed li d-dritt nazzjonali pprovda l-każ imsemmi fil-punt (a) “jew” dak imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet, sabiex ikunu applikabbli.

    33

    Skont il-Kummissjoni, it-terminu “jew”, analizzat fil-kuntest tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet għandu, bil-kuntrarju, jiġi interpretat fis-sens li jekk id-dritt nazzjonali ma jipprovdix wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet inkwistjoni, ma għandux jiġi applikat.

    34

    Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni hija sostnuta mill-kliem tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet. Din id-dispożizzjoni tipprovdi fil-fatt li, “[f]il-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2”, ir-regoli speċifiċi li hija tispeċifika, jiġifieri dawk li jirrigwardaw il-kumpannija Ewropea, għandhom jiġu applikati. Dan l-Artikolu, li jirrigwarda l-każijiet kollha msemmija fl-imsemmi paragrafu 2, minn dan isegwi li, skont qari litterali, dan japplika għal kull wieħed minnhom u, għaldaqstant, li f’kull wieħed mill-każijiet imsemmija, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhiex tiġi applikata, għall-vantaġġ tar-regoli li jirrigwardaw il-kumpannija Ewropea.

    35

    L-għan tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet kif jirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji u mill-preambolu tagħha jikkorrobora din l-interpretazzjoni.

    36

    Fir-rigward tax-xogħlijiet preparatorji, għandha tissemma l-opinjoni tal-Kummissjoni tal-Impjieg u tal-Affarijiet Soċjali tas-16 ta’ Marzu 2005 li tinkorpora ċerti proposti għal emenda. Fil-fatt, din il-Kummissjoni sostniet, minn naħa, fl-opinjoni tagħha li l-proposta għad-Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill fuq l-amalgamazzjoni transfrontaliera tal-kumpanniji tal-kapitali tat-18 ta’ Novembru 2003 [COM(2003) 703 finali] ma kinitx tissodisfa b’mod sodisfaċenti s-sitwazzjoni fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija suġġetta għaliha l-kumpannija li tirriżulta mill-amalgamazzjoni toffri grad jew livell ta’ parteċipazzjoni differenti minn dak li jibbenefikaw minnu l-impjegati tal-inqas waħda mill-kumpannija li jipparteċipaw għall-amalgamazzjoni.

    37

    Hija tenfasizza, min-naħa l-oħra, li jeħtieġ li tinkwieta wkoll fuq il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni mill-impjegati ta’ impriża li tipparteċipa fl-amalgamazzjoni fi Stat Membru li saru, minħabba l-amalgamazzjoni, impjegati ta’ kumpannija ġdida rreġistrata fi Stat Membru ieħor, meta l-leġiżlazzjoni ta’ dan it-tieni Stat ma tipprovdix il-parteċipazzjoni mill-impjegati barra mit-territorju fejn teżerċita l-kompetenza tagħha. Għalhekk, l-emendi proposti mill-imsemmija Kummissjoni kienu intiżi sabiex ikopru dawn iż-żewġ problemi mhux b’mod alternattiv iżda kumulattiv. Dawn l-emendi ġew inkorporati fit-test finali tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet preċiżament permezz tal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 16(2) tagħha.

    38

    Il-preambolu tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet jirrifletti eżattament dawn iż-żewġ problemi fil-premessa 13 tagħha billi tirreferi għal leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdix l-istess livell ta’ parteċipazzjoni jew l-istess drittijiet għall-impjegati kollha kkonċernati mill-amalgamazzjoni.

    39

    Mill-Artikolu 16(3) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjoni, moqri fid-dawl tal-imsemmija premessa, jirriżulta li, f’din is-sitwazzjoni, il-leġiżlazzjoni speċifika li tapplika għandha tieħu bħala bażi l-prinċipji u l-modalitajiet previsti bir-Regolament Nru 2157/2001 u bid-Direttiva SE.

    40

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tiċċita, ġustament, il-premessa 18 tad-Direttiva SE li tipprovdi li huwa prinċipju fundamentali u l-għan iddikjarat ta’ din id-direttiva li tiżgura d-drittijiet miksuba tal-ħaddiema rigward l-involviment fid-deċiżjonijiet tal-kumpannija. Din il-premessa tipprovdi wkoll li “[i]d-drittijiet tal-ħaddiema fis-seħħ qabel l-istabbiliment ta’ SE għandhom jipprovdu l-bażi għad-drittijiet tal l-involviment tal-ħaddiema fis-SE (il-prinċipju ta’ ‘qabel u wara’)”.

    41

    Mid-Direttiva SE jirriżulta li l-garanzija tad-drittijiet miksuba li ried il-leġiżlatur tal-Unjoni timplika mhux biss iż-żamma tad-drittijiet miksuba tal-impjegati fil-kumpanniji li jipparteċipaw għall-amalgamazzjoni, iżda wkoll l-estensjoni ta’ dawn id-drittijiet għall-impjegati kollha kkonċernati.

    42

    Il-Parti 3(b) tal-Anness tad-Direttiva SE, b’mod partikolari, jillustra din il-konstatazzjoni. Dan it-test jikkonċerna n-nomina tal-membri tal-korp ta’ amministrazzjoni jew ta’ superviżjoni tal-kumpannija Ewropea. Dan jipprovdi li l-impjegati ta’ din il-kumpannija, tas-sussidjarji u l-istabbilimenti tagħha u/jew il-korp rappreżentattiv tagħha għandhom ikollhom id-dritt li jaħtru, li jinnominaw, li jirrakkomandaw jew li jopponu għan-nomina ta’ numru ta’ membri tal-korp amministrattiv jew ta’ superviżjoni tal-imsemmija kumpannija ugwali għall-ogħla proporzjon fis-seħħ fil-kumpaniji parteċipanti kkonċernati qabel ir-reġistrazzjoni tal-kumpannija Ewropea. Dan it-test jipprovdi għalhekk, f’din il-materja, allineament fis-sistema l-iktar protettiva tal-impjegati fost is-sistemi eżistenti fil-kumpanniji kkonċernati.

    43

    Fid-dawl tal-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipproteġi d-dritt ta’ parteċipazzjoni mill-impjegati kemm fis-sitwazzjonijiet irregolati mir-regoli li jirrigwardaw il-kumpannija Ewropea kif ukoll dawk irregolati mid-dritt nazzjonali, għandu jitqies li, f’dawn ir-regoli tal-aħħar ukoll, jeħtiġe mhux biss li l-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-kumpanniji kkonċernati mill-amalgamazzjoni li tinżamm, skont l-Artikolu 16(2)(a), iżda wkoll li d-drittijiet li jibbenefikaw minnhom il-ħaddiema impjegati fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija li tirriżulta mill-amalgamazzjoni jiġu, skont l-Artikolu 16(2)(b) ta’ din id-direttiva, estiżi għall-impjegati l-oħrajn ikkonċernati mill-amalgamazzjoni u impjegati fi Stati Membri oħrajn.

    44

    Għalhekk mill-kliem tal-Artikolu 16(2) u (3) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet u mill-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-eventwali regoli li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni tal-impjegati li huma fis-seħħ fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija li tirriżulta mill-amalgamazzjoni ma japplikawx jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal din il-kumpannija ma tipprovdix b’mod kumulattiv iż-żewġ każijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu 2.

    45

    L-argumenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bbażati fuq l-Artikolu 16(5) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet jew fuq allegata differenza ta’ trattament tal-impriżi kbar u żgħar ma jistgħux jikkontestaw din l-interpretazzjoni.

    46

    Huwa minnu li l-Artikolu 16(5) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet juża t-terminu “għażla”, iżda dan it-terminu ma jindika ebda fakultà li l-Istati Membri jiddisponu minnha sabiex jagħżlu bejn il-każ imsemmi fil-punt (a) u dak imsemmi fil-punt (b) ta’ dan l-Artikolu. Dan it-terminu jinkludi l-ipoteżi fejn l-Istat Membru pprovda l-estensjoni tad-drittijiet tal-impjegati msemmija fl-Artikolu 16(2)(b) ta’ din id-direttiva. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-limitu previst fl-Artikolu 16(5) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet jinqabiżx, huma biss il-ħaddiema impjegati f’dan l-Istat Membru li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Ma huwiex neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ħaddiema impjegati fi Stati Membri oħrajn. Kif jirriżulta mill-opinjoni msemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, l-għan tal-leġiżlatur kien li jiżgura ekwilibriju bejn il-protezzjoni tad-drittijiet tal-impjegati li huma impjegati fi Stat Membru ieħor u r-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw limitu massimu.

    47

    Fir-rigward ta’ allegata differenza bejn impriżi kbar u dawk żgħar, il-Kummissjoni ssostni, ġustament, li d-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tagħha, ma tipprovdi bl-ebda mod l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ parteċipazzjoni iktar sempliċi għall-impriżi żgħar li bis-saħħa tagħha l-ħaddiema tagħha fi Stati Membri oħrajn differenti minn dak fejn ikun stabbilit l-uffiċċju tal-kumpannija li tirriżulta mill-amalgamazzjoni jistgħu jiċċaħdu għal perijodu twil mid-drittijiet tagħhom ta’ parteċipazzjoni fi ħdan din il-kumpannija.

    48

    Minn dan isegwi li l-argumenti ppreżentati mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fuq eventwali telf ta’ ċerti drittijiet ta’ parteċipazzjoni li jkun rikonoxxut fil-kuntest ta’ amalgamazzjonijiet li jimplika ma jeżistix l-obbligu li jiġu estiżi d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni previsti fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-impjegati fi Stati Membri oħrajn, ma jistgħux jintlaqgħu.

    49

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni jitqies bħala fondat.

    50

    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha neċessarji sabiex l-impjegati ta’ stabbilimenti ta’ kumpannija, li tirriżulta minn amalgamazzjonijiet transfrontalieri u li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi, li jinsabu fi Stati Membri oħra jibbenefikaw minn drittijiet ta’ parteċipazzjoni identiċi għal dawk ta’ ħaddiema impjegati fil-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet.

    Fuq l-ispejjeż

    51

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Billi r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

     

    1)

    Billi ma adottax il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha neċessarji sabiex l-impjegati ta’ stabbilimenti ta’ kumpannija, li tirriżulta minn amalgamazzjoni transfrontaliera u li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi, li jinsabu fi Stati Membri oħra jibbenefikaw minn drittijiet ta’ parteċipazzjoni identiċi għal dawk ta’ ħaddiema impjegati fil-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar mergers transkonfinali ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata.

     

    2)

    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa kkundannat għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top