Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0626

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-26 ta’ Settembru 2013.
    Polyelectrolyte Producers Group GEIE (PPG) u SNF SAS vs L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA).
    Appell — Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) — Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi — Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) — Artikoli 57 u 59 — Sustanzi suġġetti għal awtorizzazzjoni — Identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna — Inklużjoni fil-lista ta’ sustanzi kandidati — Pubblikazzjoni tal-lista fuq is-sit internet tal-ECHA — Rikors għal annullament ippreżentat qabel din il-pubblikazzjoni — Ammissibbiltà.
    Kawża C‑626/11 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:595

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    26 ta’ Settembru 2013 ( *1 )

    “Appell — Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) — Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi — Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) — Artikoli 57 u 59 — Sustanzi suġġetti għal awtorizzazzjoni — Identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna — Inklużjoni fil-lista ta’ sustanzi kandidati — Pubblikazzjoni tal-lista fuq is-sit internet tal-ECHA — Rikors għal annullament ippreżentat qabel din il-pubblikazzjoni — Ammissibbiltà”

    Fil-Kawża C‑626/11 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2011,

    Polyelectrolyte Producers Group GEIE (PPG), stabbilit fi Brussell (il-Belġju),

    SNF SAS, stabbilita f’Andrézieux-Bouthéon (Franza),

    irrappreżentati minn R. Cana u K. Van Maldegem, avukati,

    appellanti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn M. Heikkilä u W. Broere, bħala aġenti, assistiti minn J. Stuyck, avukat,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Oliver u E. Manhaeve, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, U. Lõhmus (Relatur), M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Novembru 2012,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Marzu 2013,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħhom, Polyelectrolyte Producers Group GEIE (PPE) (iktar ’il quddiem “PPG”) u SNF SAS (iktar ’il quddiem “SNF”) jitolbu l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Settembru 2011, PPG u SNF vs ECHA (T-1/10, Ġabra p. II-6573, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu din ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tidentifika l-akrilammid (KE Nru 201‑173‑7) bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1, u — rettifika — ĠU 2007, L 136, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”), skont l-Artikolu 59 ta’ dan tal-aħħar (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament REACH

    2

    L-Artikolu 57 tar-Regolament REACH jelenka s-sustanzi li għandhom jiġu inklużi fl-Anness XIV tiegħu, intitolat “Lista ta’ sustanzi suġġetti għal awtorizzazzjoni”. L-Artikolu 57(a) u (b) ta’ dan ir-regolament isemmi s-sustanzi li jissodisfaw il-kriterji ta’ klassifikazzjoni bħala sustanzi karċinoġeni u mutaġeni, li jaqgħu f’ċerti kategoriji.

    3

    Skont l-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-identifikazzjoni ta’ sustanzi msemmija fl-Artikolu 57”:

    “1.   Il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 10 ta’ dan l-Artikolu għandha tapplika għall-iskop ta’ identifikazzjoni ta’ sustanzi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 u t-twaqqif ta’ lista ta’ kandidati għall-inklużjoni eventwali fl-Anness XIV. [(iktar ‘il quddiem il-’lista ta’ sustanzi kandidati’)]. […]

    Missing square brackets with ellipsis

    3.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ jipprepara dossier skond l-Anness XV għal sustanzi li fl-opinjoni tiegħu jissodisfaw il-kriterji previsti fl-Artikolu 57 u jgħaddih lill-[ECHA]. […] [L-ECHA] għandha tagħmel dan id-dossier disponibbli lill-Istati Membri l-oħrajn fi żmien 30 jum mir-riċezzjoni tiegħu.

    4.   L-[ECHA] għandha tippubblika fil-website tagħha avviż li ġie preparat dossier skond l-Anness XV fir-rigward ta’ sustanza. L-[ECHA] għandha tistieden lill-partijiet kollha interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom lill-[ECHA] fil-limiti tat-terminu perentorju speċifikat.

    5.   Fi żmien 60 jum miċ-ċirkolazzjoni, l-Istati Membri l-oħrajn jew l-[ECHA] jistgħu jikkummentaw fuq l-identifikazzjoni tas-sustanza fir-rigward tal-kriterji fl-Artikolu 57 fid-dossier lill-[ECHA].

    6.   Jekk l-[ECHA] ma tirċievi jew tagħmel l-ebda kumment, din għandha tinkludi din is-sustanza fil-lista msemmija fil-paragrafu 1. […]

    7.   Meta tagħmel jew tirċievi kummenti, l-[ECHA] għandha tibgħat id-dossier lill-Kumitat ta’ l-Istati Membri fi żmien ħmistax-il jum mit-tmiem tal-perjodu ta’ 60 jum imsemmi fil-paragrafu 5.

    8.   Jekk, fi żmien 30 jum mir-riferiment, il-Kumitat ta’ l-Istati Membri jilħaq ftehim unanimu dwar l-identifikazzjoni, l-[ECHA] għandha tinkludi s-sustanza fil-lista msemmija fil-paragrafu 1. […]

    […]

    10.   L-[ECHA] għandha tippubblika u taġġorna l-lista msemmija fil-paragrafu 1 fil-website tagħha mingħajr dewmien wara li tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-inklużjoni ta’ sustanza.”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

    4

    PPG huwa grupp li jirrappreżenta l-interessi ekonomiċi tal-kumpanniji produttriċi u/jew importatriċi tal-polielettroliti, tal-poliakrilammid u/jew ta’ polimeri oħrajn li fihom l-akrilammid. Fost il-membri tiegħu jgħodd lill-kumpannija SNF.

    5

    Fil-25 ta’ Awwissu 2009, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bagħat lill-ECHA fajl li kien ħejja dwar l-identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(a) u (b) tar-Regolament REACH.

    6

    Fil-31 ta’ Awwissu 2009, l-ECHA ppubblikat fuq is-sit internet avviż li jistieden lill-partijiet ikkonċernati jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-fajl stabbilit f’dak li jirrigwarda l-akrilammid. Hija stiednet ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet dwar dan is-suġġett.

    7

    Wara li rċeviet osservazzjonijiet dwar dan il-fajl, b’mod partikolari minn PPG, u t-tweġibiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għal dawn l-osservazzjonijiet, l-ECHA rrinvijat dan il-fajl lill-Kumitat tal-Istati Membri, li fis-27 ta’ Novembru 2009, laħaq ftehim unanimu dwar l-identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna sa fejn hija tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 57(a) u (b) tar-Regolament REACH.

    8

    Fis-7 ta’ Diċembru 2009, l-ECHA ppubblikat stqarrija għall-istampa li minn naħa kienet tħabbar li l-Kumitat tal-Istati Membri laħaq ftehim unanimu dwar l-identifikazzjoni tal-akrilammid u ta’ erbatax-il sustanza oħra bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna sa fejn huma jissodisfaw il-kriterji previsti fl-Artikolu 57 tar-Regolament REACH u, min-naħa l-oħra, li l-lista ta’ sustanzi kandidati tiġi aġġornata formalment fix-xahar ta’ Jannar 2010.

    9

    Fit-22 ta’ Diċembru 2009, id-direttur eżekuttiv tal-ECHA adotta d-Deċiżjoni ED/68/2009, li d-dħul fis-seħħ tagħha kien previst għat-13 ta’ Jannar 2010, li tinkludi dawn il-ħmistax-is sustanza, f’din id-data, fil-lista ta’ sustanzi kandidati.

    10

    Fit-30 ta’ Marzu 2010, din il-lista li tinkludi l-akrilammid ġiet ippubblikata fuq is-sit internet tal-ECHA.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

    11

    Jirriżulta mid-digriet appellat li, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Jannar 2010, PPG u SNF ressqu rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

    12

    Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Marzu 2010, l-ECHA invokat eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà insostenn ta’ dan ir-rikors. Hija invokat tliet eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà, ibbażati fuq in-natura tad-deċiżjoni kkontestata, fuq in-nuqqas ta’ interess dirett tar-rikorrenti dwar din tal-aħħar, kif ukoll fuq il-fatt li din id-deċiżjoni, li ma hijiex att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma tikkonċernax individwalment lil dawn il-partijiet.

    13

    Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-natura tad-deċiżjoni kkontestata, l-ECHA essenzjalment issostni li r-rikorrenti, billi għamlu riferiment għall-ftehim unanimu tal-Kumitat tal-Istati Membri tal-ECHA milħuq fis-27 ta’ Novembru 2009, ikkontestaw att preparatorju li ma kienx maħsub li jipproduċi effetti legali fil-konfront ta’ terzi fis-sens tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    14

    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-ECHA, appoġġa n-nuqqas ta’ ammissibbiltà invokat minn din tal-aħħar.

    15

    Il-Kummissjoni Ewropea, ukoll awtorizzata tintervjeni, appoġġat l-argument tal-ECHA bbażat fuq in-natura tad-deċiżjoni kkontestata u li r-rikorrenti ma kinux affettwati direttament. Barra minn hekk, hija sostniet li r-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali peress li ma huwiex ċar.

    16

    Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat din l-aħħar eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Filwaqt li tfakkar li intervenjent ma għandux il-kwalità li jqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-parti li qed isostni, hija tqis li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors u tal-ilmenti msemmija fih huma ta’ ordni pubbliku, u għalhekk tista’ teżaminahom ex officio.

    17

    Il-Qorti Ġenerali ċaħdet din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà billi kkunsidrat, fil-punt 34 tad-digriet appellat, li jirriżulta, sal-grad rikjest mil-liġi, li s-suġġett tal-kawża huwa l-att tal-ECHA, li jirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament REACH, li jidentifika l-akrilammid bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament, li l-kontenut tiegħu ġie ddeterminat bi ftehim unanimu tal-Kumitat tal-Istati Membri fis-27 ta’ Novembru 2009 u li għandu jiġi eżegwit permezz tal-inklużjoni tal-akrilammid fil-lista ta’ sustanzi kandidati ppubblikata fuq is-sit internet tal-ECHA, li kienet prevista li ssir fit-13 ta’ Jannar 2010 u li finalment saret fit-30 ta’ Marzu 2010.

    18

    It-tieni lok, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-natura tad-deċiżjoni kkontestata, invokata mill-ECHA, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 41 tad-digriet appellat, li ma huwiex neċessarju li tagħti deċiżjoni fuq l-argument dwar l-allegata natura preparatorja ta’ dan il-ftehim unanimu, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tipprevedi li tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi fil-mument li fih għandha tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, jiġifieri fil-mument meta ġie ppreżentat ir-rikors.

    19

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 45 tad-digriet appellat, li r-rikors ġie ppreżentat wara ftehim unanimu tal-Kumitat tal-Istati Membri fuq l-identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna u wara l-intervent tad-deċiżjoni tad-direttur eżekuttiv tal-ECHA li din is-sustanza kellha tiġi inkluża fil-lista ta’ sustanzi kandidati, iżda qabel it-13 ta’ Jannar 2010, data prevista għad-dħul fis-seħħ ta’ dik id-deċiżjoni kif ukoll għall-inklużjoni tal-akrilammid f’din il-lista.

    20

    Fil-punt 49 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, minn naħa, l-att ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna ma huwiex intiż sabiex jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi qabel l-inklużjoni ta’ din fil-lista ta’ sustanzi kandidati u li l-obbligi ġuridiċi li jirriżultaw minn dan l-att jistgħu jinċidu fuq il-persuni kkonċernati biss wara l-pubblikazzjoni u l-aġġornament ta’ din il-lista li fiha din is-sustanza fuq is-sit internet tal-ECHA, skont l-Artikolu 59(10) tar-Regolament REACH. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra dan l-att, bis-saħħa tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jibda jiddekorri biss wara din il-pubblikazzjoni.

    21

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors quddiemha bħala inammissibbli, mingħajr ma eżaminat l-eċċezzjonijiet l-oħra ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà invokati mill-ECHA.

    It-talbiet tal-partijiet

    22

    L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet appellat kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar ir-rikors tagħhom, u tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż sostnuti fiż-żewġ istanzi.

    23

    L-ECHA, kif ukoll ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni li sostnew l-ECHA fl-ewwel istanza, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara l-appell infondat u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    L-argumenti tal-partijiet

    24

    L-appellanti jinvokaw aggravju uniku, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tar-Regolament REACH, peress li ddeċidiet li l-identifikazzjoni skont l-Artikolu 59(8) ta’ dan ir-regolament, ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna mill-Kumitat tal-Istati Membri tal-ECHA ma tikkostitwixxix deċiżjoni intiża sabiex tipproduċi effetti legali kontra terzi qabel il-pubblikazzjoni tal-lista ta’ sustanzi kandidati li tinkludi din is-sustanza.

    25

    L-appellanti ssostni li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 47 tad-digriet appellat, jirriżulta mid-differenti riferimenti għall-“identifikazzjoni” u għall-“inklużjoni” fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament REACH, li jippreċiżaw l-obbligi ta’ informazzjoni, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li joħloq tali obbligi li jirriżultaw mill-identifikazzjoni ta’ sustanza fi stadju preċedenti għall-inklużjoni ta’ din tal-aħħar fil-lista ta’ sustanzi kandidati.

    26

    L-ECHA, sostnuta mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tfakkar li, fil-każ ta’ atti adottati matul proċeduri li jinvolvu diversi stadji, huma biss il-miżuri li jiddeċiedu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni jew tal-korp ikkonċernat skont din il-proċedura li jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati. Hija ssostni li f’din il-kawża, l-inklużjoni tal-akrilammid fil-lista ta’ sustanzi kandidati, bħal dik ippubblikata fit-30 ta’ Marzu 2010, tikkostitwixxi att li jista’ jipproduċi effetti legali, filwaqt li l-ftehim tal-Kumitat tal-Istati Membri huwa att preparatorju li minnu nnifsu ma joħloq ebda obbligu legali.

    27

    Skont il-Kummissjoni, il-fatt li l-ftehim unanimu tal-Kumitat tal-Istati Membri ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni dwar l-inklużjoni ta’ sustanza fil-lista tas-sustanzi kandidati ma jfissirx li dan il-ftehim jikkostitwixxi att definittiv li jista’ jiġi kkontestat jew li jista’ jissostitwixxi d-deċiżjoni tal-ECHA adottata bis-saħħa tal-Artikolu 59(8) tar-Regolament REACH.

    28

    Il-Kummissjoni ssostni li l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament ma tindika li hemm distinzjoni bejn l-identifikazzjoni ta’ sustanza u l-inklużjoni tagħha fil-lista ta’ sustanzi kandidati. Għall-kuntrarju, jirriżulta mill-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament li s-sustanzi huma identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna bl-iskop waħdieni tal-inklużjoni tagħhom f’din il-lista.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    29

    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li ma huwiex ikkontestat li l-għan tar-rikors ippreżentat minn PPG u SNF kien l-att tal-ECHA deskritt mill-Qorti Ġenerali fil-punt 34 tad-digriet appellat, jiġifieri dak li jirriżulta mill-proċeduri msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament REACH, l-identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament.

    30

    Hekk kif il-Qorti Ġenerali indikat f’dan id-digriet, tali att jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament bis-saħħa tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn ikun adottat minn korp tal-Unjoni Ewropea, f’dan il-każ l-ECHA, u li huwa intiż li jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi. Fil-fatt, diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament REACH, bħal dawk imsemmija, b’mod partikolari, fil-punt 42 ta’ dan id-digriet, jipprovdu għal obbligi legali li jirriżultaw mill-att ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza, li jirriżulta mill-proċeduri msemmija fl-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament.

    31

    Fil-punt 49 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet ukoll li l-obbligi legali li jirriżultaw mill-att ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna, li jirriżulta mill-proċeduri msemmija fl-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament, jistgħu jinċidu fuq il-persuni kkonċernati biss wara l-pubblikazzjoni tal-lista ta’ sustanzi kandidati li tkun tinkludi dik is-sustanza, peress li tali pubblikazzjoni hija prevista mill-Artikolu 10 ta’ dan l-artikolu.

    32

    Fil-fatt, meta l-pubblikazzjoni ta’ att huwa previst mir-regoli tal-Unjoni, huwa biss mill-mument ta’ din il-pubblikazzjoni li dawn il-persuni jistgħu jsiru jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u konsegwentement jieħdu l-miżuri neċessarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Heinrich, C-345/06, Ġabra p. I-1659, punt 44).

    33

    Konsegwentement, sabiex il-persuni kkonċernati jingħataw biżżejjed żmien sabiex jikkontestaw att tal-Unjoni li ġie ppubblikat b’għarfien sħiħ tal-fatti, it-terminu sabiex jippreżentaw rikors kontra tali att jibda jiddekorri, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mill-pubblikazzjoni tiegħu.

    34

    Madankollu, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fid-digriet appellat, minn dan ma jirriżultax li r-rikorrent ma jistax jikkontesta att adottat mill-Unjoni qabel dan ma jkun ippubblikat.

    35

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punt 8 tas-sentenza tad-19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il‑Kummissjoni (172/83 u 226/83, Ġabra p. 2831), li d-dispożizzjonijiet tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 33 tat-Trattat KEFA, li jippreċiżaw il-formalitajiet — notifika jew pubblikazzjoni — dwar il-mument li minnu jibda jiddekorri t-terminu tar-rikors għal annullament, ma jipprekludux lil rikorrent milli jippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-mument li fiha tittieħed id-deċiżjoni kkontestata, mingħajr l-istennija tan-notifika u tal-pubblikazzjoni tagħha, sabiex hekk wieħed mir-rikorsi li kien għall-oriġini ta’ din is-sentenza ma setax jiġi kkontestat bħala inammissibbli minħabba l-fatt li l-preżentata tiegħu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja seħħet qabel il-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

    36

    Ma hemm xejn fid-dispożizzjonijiet tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jikkorrispondi mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 33 tat-Trattat KEFA, li jipprekludi lil din il-ġurisprudenza milli tiġi trasposta għal din il-kawża.

    37

    Għall-kuntrarju, hekk kif qies l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu suġġetti għal rikors għal annullament, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu l-pożizzjoni legali tiegħu (ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni, C-131/03 P, Ġabra p. I-7795, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata), f’dan l-artikolu ma huwiex ippreċiżat li l-preżentata ta’ tali rikors huwa suġġett għall-pubblikazzjoni jew għan-notifika ta’ dawn tal-aħħar.

    38

    Barra minn hekk, il-preżentata ta’ rikors kontra att tal-Unjoni qabel il-pubblikazzjoni tiegħu u peress li dan l-att ġie adottat ma jaffettwax il-finalità tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, li skont ġurisprudenza stabbilita, huwa li jiżgura li tiġi mħarsa ċ-ċertezza legali billi jiġi evitat li l-atti tal-Unjoni li jkollhom effetti legali jkunu jistgħu jiġu kkontestati għal żmien indeterminat (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2002, National Farmers’ Union, C-241/01, Ġabra p. I-9079, punt 34, kif ukoll tat-23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il‑Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, punt 62).

    39

    Konsegwentement, hekk kif qies l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, filwaqt li l-pubblikazzjoni ta’ att tagħti bidu għad-dekorrenza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors biex l-imsemmi att isir definittiv, dan ma huwiex kundizzjoni għad-dritt li titressaq kawża kontra l-imsemmi att.

    40

    F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 45 tad-digriet appellat, li r-rikors promotur ġie ppreżentat wara l-ftehim unanimu tal-Kumitat tal-Istati Membri fuq din l-identifikazzjoni kif ukoll wara l-intervent tad-deċiżjoni tad-direttur eżekuttiv tal-ECHA tat-22 ta’ Diċembru 2009, li tikkostitwixxi deċiżjoni. Minn dan jirriżulta li fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, jiġifieri l-4 ta’ Jannar 2010, id-deċiżjoni kkontestata kienet definittivament adottata.

    41

    Għalhekk il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li dan ir-rikors huwa inammissibbli minħabba li dan kien ġie ppreżentat qabel id-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ta’ inklużjoni tal-akrilammid fil-lista ta’ sustanzi kandidati fuq is-sit internet tal-ECHA, inizjalment previst għat-13 ta’ Jannar 2010, iżda li finalment seħħet fit-30 ta’ Marzu 2010.

    42

    Għalhekk, hemm lok li l-aggravju uniku invokat mill-appellanti u għaldaqstant l-appell tagħhom għandu jkun milqugħ, u d-digriet appellat annullat.

    43

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi hija stess definittivament fuq il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tista’ tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

    44

    F’dan il-każ, peress li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, hemm lok li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u li tirriżerva l-ispejjeż.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Settembru 2011, PPG u SNF vs ECHA (T‑1/10) huwa annullat.

     

    2)

    Din il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

     

    3)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top