EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0601

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Lulju 2013.
Ir-Repubblika Franċiża vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell — Rikors għal annullament — Protezzjoni kontra l-enċefalopatiji sponġiformi kontaġġjużi — Regolament (KE) Nru 746/2008 — Regolament li jawtorizza miżuri ta’ sorveljanza u ta’ eradikazzjoni inqas vinkolanti minn dawk previsti preċedentement — Prinċipju ta’ prekawzjoni — Livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem — Elementi ġodda li jistgħu jbiddlu l-perċezzjoni tar-riskju — Nuqqas ta’ motivazzjoni — Żnaturament tal-fatti — Żball ta’ liġi.
Kawża C‑601/11 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:465

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Lulju 2013 ( *1 )

“Appell — Rikors għal annullament — Protezzjoni kontra l-enċefalopatiji sponġiformi kontaġġjużi — Regolament (KE) Nru 746/2008 — Regolament li jawtorizza miżuri ta’ sorveljanza u ta’ eradikazzjoni inqas vinkolanti minn dawk previsti preċedentement — Prinċipju ta’ prekawzjoni — Livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem — Elementi ġodda li jistgħu jbiddlu l-perċezzjoni tar-riskju — Nuqqas ta’ motivazzjoni — Żnaturament tal-fatti — Żball ta’ liġi”

Fil-Kawża C-601/11 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2011,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. Belliard, C. Candat u R. Loosli-Surrans kif ukoll minn G. de Bergues u S. Menez, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Jimeno Fernández u D. Bianchi, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq,

intervenjent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, U. Lõhmus (Relatur), M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Franċiża titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Settembru 2011, Franza vs Il-Kummissjoni (T-257/07, Ġabra p. II-4153, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors intiż għall-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 746/2008, tas-17 ta’ Ġunju 2008, li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 202, p. 11, iktar ’il quddiem ir-“Regolament inkwistjoni”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002

2

L-Artikolu 7 ta-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463), jipprovdi:

“1.   F’ċirkostanzi speċifiċi fejn, wara stima tat-tagħrif disponibbli, il-possibbiltà ta’ effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tiġi identifikata iżda tkun tippersisti inċertezza xjentifika, miżuri provviżorji ta’ l-amministrazzjoni tar-riskju meħtieġa biex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa magħżula fil-Komunità jistgħu jiġu adottati, sakemm ikun hemm iktar tagħrif xjentifiku disponibbli għal stima tar-riskju aktar komprensiva.

2.   Miżuri adottati fuq il-bażi tal-paragrafu 1 għandhom ikunu proporzjonati u ma jkunux aktar restrittivi għan-negozju milli meħtieġ biex jintlaħaq il-livell għoli tal-protezzjoni tas-saħħa magħżul fil-Komunità, waqt li jingħata kont tal-possibbiltà teknika u ekonomika u ta’ fatturi oħra meqjusa bħala legittimi fil-kwistjoni taħt konsiderazzjoni. Il-miżuri għandhom jiġu riveduti f’perijodu raġonevoli ta’ żmien skond in-natura tar-riskju għall-ħajja jew saħħa identifikat u t-tip ta’ tagħrif xjentifiku meħtieġ biex tiġi ċċarata l-inċertezza xjentifika u biex titwettaq stima tar-riskju aktar komprensiva”.

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001

3

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 289, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 722/2007, tal-25 ta’ Ġunju 2007 (ĠU L 164, p. 7, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 999/2001”), jipprovdi fl-Artikolu 13(1) tiegħu:

“Meta tiġi kkonfermata uffiċjalment il-preżenza ta’ [enċefalopatiji sponġiformi kontaġġjużi (iktar ’il quddiem l-“ESK”)], għandhom jiġu applikati l-miżuri segwenti mill-aktar fis possibbli:

[...]

b)

kull inkjesta għandha titwettaq biex jiġu identifikati l-annimali kollha taħt riskju skond l-Anness VII, punt 1;

c)

kull annimal u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali li għalihom saret referenza fl-Anness VII, punt 2, li ġew identifikati bħala taħt riskju mill-inkjesta li għaliha saret referenza f’(b) għandhom jinqatlu u jinqerdu kompletament b’mod konformi ma’ l-Anness V, punti 3 u 4 [tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 37, p. 92)].

[...]”

4

L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 999/2001 huwa fformulat kif ġej:

“Wara konsultazzjoni tal-kumitat xjentifiku xieraq dwar kull kwistjoni li jista’ jkollha impatt fuq is-saħħa pubblika, l-annessi għandhom jiġu emendati jew supplementati u kull miżura transizzjonali xierqa għandha tiġi adottata skond il-proċedura li għaliha saret referenza fl-Artikolu 24(2) [...]”.

[...]”

5

L-Artikolu 24a ta’ dan ir-regolament jistipula:

“Deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati skond waħda mill-proċeduri msemmija fl-Artikolu 24 għandhom jissejsu fuq evalwazzjoni xierqa tar-riskji possibbli għas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali u għandhom, meta wieħed iqis l-evidenza xjentifika li teżisti, iżommu, jew jekk ġustifikat xjentifikament iżidu, il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali kif żgurat [fl-Unjoni]”.

6

Qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 727/2007, tas-26 ta’ Ġunju 2007, li jemenda l-Annessi I, III, VII u X tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 (ĠU L 165, p. 8), l-Anness VII tar-Regolament Nru 999/2001, intitolat “Eradikazzjoni ta’ enċifalopatija sponġiformi transmissibbli”, kien jipprovdi li:

“1.

L-inkjestà li għaliha saret referenza fl-Artikolu 13(1)(b) għandha tidentifika:

[...]

b)

fil-każ ta’ annimali tar-razza tal-mogħoż jew mir-razza tan-nagħaġ:

kull ruminant minbarra l-annimali tar-razza tal-mogħoż u tar-razza tan-nagħaġ fl-azjenda ta’ l-annimal li fih ġiet ikkonfermata l-marda;

sa fej jistgħu jiġu identifikati, il-ġenituri, kull embrijun, l-ova u l-aħħar wild ta’ l-annimal li fih ġiet ikkonfermata l-marda;

kull animal ieħor tar-razza tal-mogħoż u tan-nagħaġ fl-azjenda li fiha l-marda ġiet ikkonfermata flimkien ma’ dawk imsemmija fit-tieni u t-tielet inċiżi;

l-oriġini possibbli tal-marda u l-identifikazzjoni ta’ azjendi oħra li fuqhom hemm annimali, embrijuni jew ova li setgħu ġew infettati mill-aġent ta’ EST jew ġew esposti għall-istess ikel jew għejun ta’ kontaminazzjoni,

iċ-ċaqlieq ta’ ikel potenzjalment ikkontaminat, materjal ieħor, jew kull mezz ieħor ta’ tixrid, li seta’ ttrasmetta l-aġent [tal-enċefalopatiji sponġiformi tal-annimali tal-ifrat (iktar ’il quddiem l-“ESI”)] lil jew mill-azjenda in kwistjoni.

2)

Il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 13(1)(ċ) għandhom jikkomprendu għall-inqas:

[...]

b)

Fil-każ ta’ konferma ta’ [ESK] f’annimal ovin jew kaprin, mill-1 ta’ Ottubru 2003, skont id-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti:

i)

il-qatla u l-qerda sħiħa tal-annimali, l-embrijuni u l-ova kollha identifikati mill-istħarriġ imsemmi fit-tieni u t-tielet inċiżi tal-punt 1(b),

ii)

il-qatla u l-qerda sħiħa tal-annimali, l-embrijuni u l-ova kollha identifikati mill-istħarriġ imsemmi fit-tieni u t-tielet inċiżi tal-punt 1(b), bl-eċċezzjoni ta’ [annimali ġenetikament mhux sensittivi, li għandhom minn tal-inqas xahrejn u li huma unikament intiżi għall-biċċerija];

iii)

Jekk l-annimal infettat kien introdott minn azjenda oħra, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi, skond l-istorja tal-każ, li japplika miżuri ta’ eradikazzjoni għall-azjenda ta’ l-oriġini flimkien ma’ l-azjenda li fiha tkun ikkonfermata l-marda, jew minflokha; fil-każ ta’ art użata għall-mergħa komuni b’aktar minn merħla waħda, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw l-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri għal merħla waħda, fuq il-bażi ta’ konsiderazzjoni rraġunata tal-fatturi epidemjoloġiċi kollha; fejn aktar minn merħla waħda tinżamm f’azjenda waħda, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw l-applikazzjoni tal-miżuri għall-merħla li fiha ġiet ikkonfermata t-[TSK], sakemm ġie vverifikat li l-merħliet inżammu iżolati minn xulxin u li l-firxa ta’ infezzjoni bejn il-merħliet permezz ta’ jew kuntatt dirett inkella indirett hija improbabbli.

(ċ)

Fil-każ li jkun hemm konferma ta’ [ESI] f’nagħġa jew mogħża, il-qatla u l-qerda sħiħa ta’ l-annimali, l-embrijoni u l-bajd kollha li jkunu ġew identifikati mill-inkjesta msemmija fit-tieni sal-ħames vers tal-punt 1(b).

[...]”

Ir-regolament inkwistjoni

7

Ir-regolament inkwistjoni emenda l-Anness VII tar-Regolament Nru 999/2001, billi rriproduċa b’mod kważi identiku t-test ta’ dan l-anness, fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament Nru 727/2007.

8

Id-dispożizzjonijiet ikkontestati mir-Repubblika Franċiża fil-kuntest tal-appell preżenti huma l-punti 2.3(b)(iii) u (d), kif ukoll 4 tal-Kapitolu A tal-Anness VII tar-Regolament Nru 999/2001 (iktar ’il quddiem, il-“miżuri kkontestati”).

9

Il-punt 2.3(b)(iii) tal-imsemmi Kapitolu A jipprevedi kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, f’każ ta’ konferma ta’ ESK f’annimali mir-razza tan-ngħaġ jew tal-mogħoż u bil-kundizzjoni li l-ESI tiġi eskluża skont proċeduri u testijiet previsti mir-Regolament Nru 999/2001, li ma joqtlux jew li ma jeqirdux l-annimali kollha identifikati meta l-proporzjon tal-annimali mir-razza tan-ngħaġ ġenetikament reżistenti jkun baxx fit-trobbija, meta jkun diffiċli li jinkisbu annimali mir-razza tan-ngħaġ ta’ sostituzzjoni reżistenti, sabiex tiġi ppreżervata r-rikkezza ġenetika ta’ trobbija jew ta’ razza, jew abbażi ta’ eżami mmotivat tal-fatturi kollha epidemjoloġiċi.

10

Skont il-punt 2.3(d) tal-Kapitolu A tal-Anness VII tar-Regolament Nru 999/2001, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, f’ċerti kundizzjonijiet, li jissostitwixxu l-qtil u l-qerda ta’ annimali individwali bil-qtil fil-biċċerija għall-finijiet tal-konsum mill-bniedem, bil-kundizzjoni li l-annimali jkunu suġġetti għall-qtil fil-biċċerija fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u li l-annimali kollha li jkollhom iktar minn tmintax-il xahar jew li jkollhom iktar minn żewġ sinniet inċiżivi permanenti jkunu suġġetti għall-ittestjar tal-preżenza tal-ESK.

11

Il-punt 4 tal-istess kapitolu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet taż-żamma u tat-trobbija tal-annimali li joriġinaw minn grupp infestat bl-ESK u tal-qatla tagħhom għall-finijiet tal-konsum mill-bniedem fis-sentejn li jsegwu l-iskoperta tal-aħħar każ ta’ ESK. Dan jipprovdi li l-annimali kollha li jkollhom iktar minn tmintax-il xahar jew li jkollhom iktar minn żewġ sinniet inċiżivi permanenti għandhom ikunu suġġetti għall-ittestjar tal-preżenza tal-ESK.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-regolament inkwistjoni

12

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 12 sa 46 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

13

L-ESK huwa mard newrodeġenerattiv li jaffettwa kemm lill-annimali kif ukoll lill-bnedmin u li l-evoluzzjoni tiegħu ssir bil-mod u tista’ tkun fatali. Fost l-ESK li jista’ jaffettwa lill-annimali mir-razza tan-ngħaġ, tal-mogħoż jew tal-ifrat, tista’ ssir tali distinzjoni: l-ESK, scrapie klassika u scrapie atipika.

14

Fid-dawl tal-fatt li l-ESK, marda li tista’ tiġi trażmessa lill-bniedem, tista’ teoretikament tinfetta wkoll lill-annimali mir-razza tan-ngħaġ u tal-mogħoż f’kundizzjonijiet naturali, diversi miżuri għall-prevenzjoni u għall-eradikazzjoni tal-ESK fl-annimali mir-razza tan-ngħaġ u tal-mogħoż ġew introdotti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

15

Fit-22 ta’ Mejju 2001 ġie adottat ir-Regolament Nru 99/2001 li jiġbor fl-istess test id-dispożizzjonijiet kollha eżistenzi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ESK. Dan ir-regolament jipprovdi miżuri li jikkonċernaw l-annimali li fir-rigward tagħhom hemm suspett li ġew infettati b’ESK, u miżuri li għandhom jiġu adottati fil-każ ta’ konstatazzjoni tal-preżenza ta’ ESK fl-annimali, inkluż il-qerda ta’ annimali f’riskju. Barra minn hekk, dan ir-regolament jimponi lil kull Stat Membru jimplementa programm annwali ta’ sorveljanza tal-ESK li għandu partikolarment isir abbażi ta’ ttestjar bl-għajnuna ta’ hekk imsejħa “testijiet rapidi” ta’ kampjuni tal-popolazzjoni tal-annimali mir-razza tan-ngħaġ u tal-mogħoż.

16

It-testijiet rapidi jippermettu li tiġi identifikata, f’qasir żmien, l-eżistenza ta’ ESK, iżda mhux li jiġi ddeterminat it-tip tagħha, jiġifieri jekk hijiex l-ESI, l-iscrapie klassika jew l-iscrapie atipika. Meta r-riżultati ta’ dawn it-testijiet rapidi jkunu pożittivi, il-brainstem jintbagħat f’laboratorju ta’ referenza għall-eżamijiet ta’ konferma. Meta, wara dawn it-testijiet, l-ESI ma tkunx tista’ tiġi eskluża, dawn it-testijiet jiġu ssupplimentati b’testijiet bijoloġiċi li jsiru fuq ġrieden ħajja.

17

Ir-Regolament Nru 999/2001 ġie emendat diversi drabi bejn is-snin 2001 u 2007. Dawn l-emendi kienu jirrigwardaw b’mod partikolari l-miżuri ta’ ġlieda kontra l-ESK fl-annimali mir-razza tan-ngħaġ u tal-mogħoż fid-dawl tal-evoluzzjoni tat-tagħrif xjentifiku fil-qasam tal-ESK, bħall-iżvilupp ta’ testijiet molekulari ta’ diskriminazzjoni li jistgħu jiddistingwu bejn l-ESI u l-iscrapie klassika jew l-iscrapie atipika (iktar ’il quddiem it-“testijiet ta’ diskriminazzjoni”). L-applikazzjoni tal-imsemmija testijiet tippreżumi l-identifikazzjoni preliminari ta’ każ ta’ ESK li jista’ jitwettaq b’mod partikolari b’testijiet rapidi.

18

Skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-2005, meta annimal fi grupp ta’ annimali mir-razza tan-ngħaġ jew tal-mogħoż kien ikollu l-ESK, l-Istati Membri kellhom l-għażla biss li jeqirdu l-annimali kollha fil-grupp li miegħu kien jappartjeni l-annimal infettat, jew, fil-każ fejn l-annimal infettat kien mir-razza tan-ngħaġ, jeqirdu biss l-annimali mill-grupp li jkunu ġenetikament sensittivi wara li l-ġenotip tal-annimali kollha tal-grupp jkun ġie stabbilit sabiex jintgħażlu l-annimali sensittivi mill-annimali reżistenti. Barra minn hekk, l-Istat Membru seta’ ma joqtolx l-annimali mir-razez tan-ngħaġ u tal-mogħoż li jkollhom inqas minn xahrejn li kienu biss intiżi għall-qatla fil-biċċerija. Min-naħa l-oħra, meta annimal kellu l-ESI, l-Istati Membri kellhom jiżguraw il-qtil u l-qerda kompleta tal-annimali kollha mir-razez tan-ngħaġ u tal-mogħoż, l-embrijuni u l-ova, u l-annimali kollha, kif ukoll l-eliminazzjoni tal-materjali u tal-mezzi l-oħra ta’ trażmissjoni.

19

Wara l-konferma, fit-28 ta’ Jannar 2005, tal-preżenza ta’ ESI f’mogħża li twieldet fis-sena 2000 u li nqatlet fi Franza fl-2002, ġie implementat programm ikbar ta’ sorveljanza tal-annimali mir-razza tal-mogħoż. Dan kien l-ewwel każ ta’ infezzjoni mill-ESI ta’ annimal ruminant żgħir f’kundizzjonijiet naturali.

20

Fil-15 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni adottat avviż bit-titolu “Programm għall-ESI” [COM (2005) 322 finali], li fih ħabbret l-intenzjoni tagħha li tipproponi miżuri iktar flessibli mill-miżuri ta’ eradikazzjoni li kienu fis-seħħ għall-annimali ruminanti żgħar u dan filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-istrumenti dijanjostiċi ġodda disponibbli u filwaqt li żżomm il-livell attwali ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. B’mod partikolari, din l-istituzzjoni indikat li t-testijiet molekulari ta’ diskriminazzjoni li kienu fis-seħħ minn Jannar 2005 kienu jippermettu li, meta l-ESK kienet eskluża, ma kienx hemm iktar riskju għas-saħħa pubblika u li l-qtil fil-biċċerija tal-bhejjem kollha seta’ jitqies bħala eċċessiv meta mqabbel mal-kwistjonijiet tas-saħħa pubblika.

21

Fil-21 ta’ Settembru 2005, l-awtoritajiet Franċiżi rrikorrew għand l-Agence française de sécurité sanitaire des aliments (AFSSA) sabiex teżamina, min-naħa waħda, ir-riskji sanitarji tal-miżuri proposti mill-Kummissjoni fil-Programm għall-ESI fir-rigward tal-annimali mir-razez tan-ngħaġ u tal-mogħoż u, min-naħa l-oħra, l-affidabbiltà tat-testijiet ta’ diskriminazzjoni.

22

Fis-26 ta’ Ottubru 2005, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-każijiet ESK atipiċi fl-annimali ruminanti żgħar billi rrakkomandat li l-programmi ta’ sorveljanza jużaw taħlita adatta ta’ testijiet u ta’ kampjuni sabiex ikun iggarantit li l-każijiet ta’ scrapie atipika jibqgħu jiġu identifikati.

23

Bejn Diċembru 2005 u Frar 2006, il-programmi ta’ sorveljanza tal-ESK implementati fl-Unjoni Ewropea ppermettew li jiġu identifikati żewġ annimali mir-razza tan-ngħaġ li joriġinaw minn Franza u annimal mir-razza tan-ngħaġ li joriġina minn Ċipru ssuspettati li kienu infettati bl-ESK. Wara li ġew identifikati dawn il-każijiet, il-Kummissjoni saħħet is-sorveljanza tal-ESK li taffettwa lill-annimali mir-razza tan-ngħaġ fl-Istati Membri kollha.

24

Fil-15 ta’ Mejju 2006, l-AFSSA tat opinjoni li fiha opponiet il-proposta tal-Kummissjoni li trendi iktar flessibbli l-politika ta’ qtil fil-biċċerija sabiex tippermetti l-konsum mill-bniedem tal-laħam ta’ annimali li joriġinaw minn merħliet ta’ annimali ruminanti żgħar infettati bl-iscrapie. Hija sostniet li ma kienx possibbli li jiġi konkluż li, bl-eċċezzjoni tal-ESI, it-tipi kollha ta’ ESK potenzjalment preżenti fl-annimali ruminanti żgħar, inklużi l-forom atipiċi, ma kellhom ebda riskju sanitarju għall-bniedem.

25

Bħala risposta għat-talbiet il-ġodda mressqa mill-awtoritajiet Franċiżi, l-AFSSA, fil-15 ta’ Lulju 2005, tat opinjoni dwar l-evoluzzjoni tal-miżuri tas-saħħa li fiha kkunsidrat li t-testijiet ta’ diskriminazzjoni la kienu jippermettu li tiġi eskluża l-preżenza tal-ESI fl-annimal ittestjat u lanqas a fortiori fil-merħla li joriġina minnha u li ma setgħetx tiġi eskluża t-trażmissibbiltà lill-bniedem tal-ESK, li ma hijiex ESI. Konsegwentement, l-AFSSA rrakkomandat iż-żamma tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-qasam tal-iscrapie klassika.

26

Fuq talba tal-Kummissjoni, fil-25 ta’ Jannar u fit-8 ta’ Marzu 2007, l-EFSA tat żewġ opinjonijiet dwar evalwazzjoni kwantitattiva tar-riskju residwali tal-ESI fil-laħam tan-ngħaġ u l-prodotti abbażi tal-laħam tan-ngħaġ, u dwar ċerti aspetti tar-riskju li ġġib magħha l-ESK fl-annimali mir-razez tan-ngħaġ u tal-mogħoż.

27

Fir-rigward tal-ewwel opinjoni dwar l-ESI, l-EFSA kkunsidrat li l-prevalenza tagħha l-iktar probabbli fl-annimali mir-razza tan-ngħaġ kienet ineżistenti. Fl-opinjoni dwar l-ESK, hija kkunsidrat li, minkejja li ma kienx hemm prova ta’ rabta epidemjoloġika jew molekulari bejn l-iscrapie, klassika jew atipika, u l-ESK fil-bnedmin, it-trażmissjoni lill-bnedmin ta’ aġenti ta’ ESK tal-annimali, li ma hijiex ESI, ma tistax tiġi eskluża. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li t-testijiet ta’ diskriminazzjoni deskritti fid-dritt tal-Unjoni kienu jidhru, sa dakinhar, affidabbli sabiex tiġi identifikata l-ESI mill-iscrapie, klassika jew atipika, anki jekk la s-sensittività dijanjostika u lanqas l-ispeċifiċità tat-testijiet ta’ diskriminazzjoni ma setgħu jitqiesu bħala perfetti.

28

Wara l-opinjoni tal-EFSA tat-8 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni ssottomettiet għall-vot tal-Kumitat Permanenti għall-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali, fl-24 ta’ April 2007, abbozz ta’ regolament li jemenda l-Annessi I, III, VII, u X tar-Regolament Nru 999/2001.

29

Fis-26 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 727/2007 li fir-rigward tiegħu, ir-Repubblika Franċiża ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

30

Fl-24 ta’ Jannar 2008, fuq talba tal-Kummissjoni, l-EFSA tat opinjoni intitolata “Kjarifika xjentifika u teknika tal-interpretazzjoni u kunsiderazzjonijiet dwar ċerti implikazzjonijiet li joħorġu mill-konklużjonijiet tal-opinjoni tagħha tat-8 ta’ Marzu 2007 dwar ċerti aspetti tar-riskju ta’ ESK fl-annimali mir-razez tan-ngħaġ u tal-mogħoż”. F’din l-opinjoni, l-EFSA ppreċiżat il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ trażmissibbiltà lill-bniedem tat-TSE tal-annimali, li ma hijiex BSE, u tal-affidabbiltà tat-testijiet ta’ diskriminazzjoni.

31

Fit-30 ta’ April 2008, il-laboratorju ta’ referenza ppublika opinjoni aġġornata fejn ippreċiża li ż-żewġ annimali mir-razza tan-ngħaġ li joriġinaw minn Franza u l-annimal mir-razza tal-mogħoż li joriġina minn Ċipru suġġetti għal testijiet addizzjonali (ara l-punt 23 iktar ’il fuq) ma setgħux jiġu kklassifikati bħala każijiet ta’ ESI.

32

Fis-17 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni adottat ir-regolament inkwistjoni li jemenda l-Anness VII tar-Regolament Nru 999/2001, billi kkonferixxiet lill-Istati Membri għażla ikbar ta’ miżuri li jistgħu jadottaw meta merħla ta’ annimali mir-razez tan-ngħaġ jew tal-mogħoż tkun infettata bl-ESK, li seta’ jiġi stabbilit, wara test diskriminatorju, li ma hijiex ESI. Dan ir-regolament jirriproduċi b’mod kważi identiku d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 727/2007 dwar l-imsemmi Anness VII, filwaqt li ssupplimenta l-motivazzjoni tiegħu.

33

Konsegwentement, ir-Regolament inkwistjoni essenzjalment jawtorizza t-tqegħid għall-konsum mill-bniedem, minn naħa, tal-laħam ta’ ruminanti ta’ iktar minn tmintax-il xahar li jagħmlu parti minn merħla li fi ħdanha hemm każ ta’ ESK, li ma hijiex ESI, li ġie identifikat u li, għal dawk li jinqatlu immedjatament jew fis-sentejn li jsegwu l-identifikazzjoni tal-aħħar każ ta’ EST, ikunu ġew suġġetti għal test rapidu li r-riżultat tiegħu huwa negattiv u, min-naħa l-oħra, tal-laħam ta’ ruminanti żgħar li għandhom minn tliet sa tmintax-il xahar u li jagħmlu parti minn merħla li fi ħdanha hemm każ ta’ EST, li ma hijiex ESI, li ġie identifikat, mingħajr ma jiġu suġġetti għal testijiet rapidi.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

34

Permezz ta’ rikors ippreżentat fis-17 ta’ Lulju 2007, ir-Repubblika Franċiża talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla l-punt 3 tal-Anness tar-Regolament Nru 727/2007, minħabba ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, sa fejn jipprovdi miżuri iktar flessibbli fir-rigward tas-sistema ta’ eradikazzjoni tal-ESK. Dan l-Istat Membru ressaq ukoll talba għal miżuri provviżorji intiża li tinkiseb sospensjoni għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija sistema sad-data tad-deċiżjoni tas-sentenza. Il-Qorti Ġenerali laqgħet din l-aħħar talba permezz tad-digriet tat-28 ta’ Settembru 2007 (T-257/07 R, Ġabra p. II-4153).

35

Wara l-adozzjoni tar-regolament inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali, permezz tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 2008, laqgħet it-talba tar-Repubblika Franċiża li testendi l-proċeduri ġudizzjarji għad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament u aċċettat il-preżentata ta’ talbiet u ta’ motivi addizzjonali. Permezz tad-digriet tat-30 ta’ Ottubru 2008 (T-257/07 R II), il-Qorti Ġenerali laqgħet ukoll it-tieni talba tar-Repubblika Franċiża ta’ sospensjoni għall-eżekuzzjoni u, bid-deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2009, ċaħdet it-talba tal-Kummissjoni li tiddeċiedi skont proċedura mħaffa.

36

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Franċiża qajmet motiv uniku bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni mill-Kummissjoni minħabba l-introduzzjoni, bir-regolament inkwistjoni, tal-miżuri kkontestati.

37

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit, talbet iċ-ċaħda tar-rikors.

38

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

39

Il-Qorti Ġenerali esponiet, mill-bidu, fil-punti 66 sa 89 tas-sentenza appellata, kunsiderazzjonijiet ta’ prinċipju dwar il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti tal-istituzzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-politika agrikola komuni.

40

Il-Qorti Ġenerali sussegwentement eżaminat l-argumenti, invokati mir-Repubblika Franċiża insostenn tal-motiv uniku tagħha, intiżi li jikkontestaw, minn naħa, l-evalwazzjoni tar-riskju tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, il-ġestjoni tar-riskju minn din tal-aħħar.

41

L-ewwel nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-riskju magħmula mill-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża sostniet, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-inċertezzi xjentifiċi fir-rigward tar-riskju tat-trażmissibbiltà lill-bniedem tat-TSE, li ma humiex BSE; fit-tieni lok, li l-Kummissjoni ma evalwatx l-affidabbiltà tat-testijiet rapidi; fit-tielet lok, li l-Kummissjoni injorat l-inċertezzi xjentifiċi fir-rigward tal-affidabbiltà tat-testijiet ta’ diskriminazzjoni, u fir-raba’ lok, li l-Kummissjoni ma evalwatx fil-ħin meħtieġ ir-riskji li jirriżultaw mill-adozzjoni tal-miżuri kkontestati.

42

Fil-punti 93 sa 202 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn l-ilmenti fl-intier tagħhom.

43

Fir-rigward tal-ewwel ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-interpretazzjoni żbaljata tal-inċertezzi xjentifiċi dwar it-trażmissibbiltà lill-bniedem ta’ ESK għajr ESI, il-Qorti Ġenerali ċaħdet tali lment fil-punti 93 sa 109 billi kkunsidrat li kien b’mod żbaljat li r-Repubblika Franċiża sostniet li l-Kummissjoni, waqt l-evalwazzjoni tar-riskji qabel l-adozzjoni tar-regolament inkwistjoni, kienet injorat l-inċertezzi xjentifiċi dwar din it-trażmissibbiltà, fid-dawl tal-fatt li mill-premessa 12 tar-Regolament inkwistjoni kien jirriżulta li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet espressament li kien impossibbli li tiġi eskluża kompletament it-trażmissibbiltà lill-bniedem ta’ ESK għajr ESI li taffettwa lill-annimali mir-razez tan-ngħaġ jew tal-mogħoż.

44

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fid-dawl tan-natura limitata u ftit rappreżentattiva tal-elementi xjentifiċi li, fil-mument tal-adozzjoni tal-miżuri kkontestati, kienu jippermettu li jsostnu l-fatt li l-ESK, li ma hijiex ESI, li taffettwa lill-annimali mir-razez tan-ngħaġ jew tal-mogħoż li kienet trażmissibbli lill-bniedem, il-Kummissjoni setgħet, fl-istess premessa 12, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tikkunsidra li l-grad ta’ probabbiltà li ESK, li ma hijiex ESI, li taffettwa lill-annimali mir-razez tan-ngħaġ jew tal-mogħoż tkun trażmissibbli lill-bniedem, kien estremament baxx. Barra minn hekk, skont il-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Franċiża ma kienet ippreżentat ebda argument u ma kienet ipproduċiet ebda prova li tirrendi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni implawżibbli.

45

Fil-punti 110 sa 136 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilment tar-Repubblika Franċiża bbażat fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-esperti xjentifiċi dwar l-affidabbiltà ta’ testijiet rapidi. Il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod partikolari, li, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li l-evalwazzjoni tal-affidabbiltà tat-testijiet rapidi li tinsab fl-opinjonijiet tal-EFSA tas-17 ta’ Mejju u tas-26 ta’ Settembru 2005 kienet valida għall-użu ta’ dawn it-testijiet fil-kuntest tal-kontroll tal-għoti għall-konsum mill-bniedem ta’ laħam tal-annimali mir-razez tan-ngħaġ jew tal-mogħoż. Għaldaqstant, ma kienx neċessarju li l-EFSA tiġi kkonsultata għal dan il-għan.

46

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-ilmenti tar-Repubblika Franċiża li jipprovdu, minn naħa, li l-Kummissjoni ma kellhiex għarfien, qabel ma adottat il-miżuri kkontestati, tal-limiti tat-testijiet rapidi meta dawn isiru fuq annimali li jkunu għadhom żgħar u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta adottat il-miżuri kkontestati filwaqt li l-EFSA kienet irrakkomandat li ssir evalwazzjoni mill-ġdid tat-testijiet imsemmija minħabba l-imsemmija limiti.

47

Fil-punti 137 sa 173 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet l-ilment dwar l-affidabbiltà tat-testijiet ta’ diskriminazzjoni.

48

Qabelxejn, fil-punti 143 sa 148 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, ċaħdet l-argument tar-Repubblika Franċiża bbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ inċertezzi xjentifiċi sussistenti fir-rigward tat-testijiet ta’ diskriminazzjoni, billi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet dawn l-inċertezzi fil-premessi tar-Regolament inkwistjoni. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala ineffettiv l-argumenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-EFSA waqt l-elaborazzjoni tal-miżuri kkontestati. Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-Repubblika Franċiża ma wrietx li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminat mill-ġdid il-miżuri inkwistjoni wara l-opinjoni tal-EFSA tal-24 ta’ Jannar 2008, fid-dawl tal-fatt li r-Regolament inkwistjoni kien jinkludi referenzi għal tali opinjoni.

49

Sussegwentement, fil-punti 149 sa 171 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet imminimizzat id-dubji tal-esperti xjentifiċi dwar l-affidabbiltà tat-testijiet ta’ diskriminazzjoni dovuti għan-nuqqas ta’ komprensjoni tal-bijodiversità vera tal-aġenti tat-TSE u tal-mod kif dawn jinteraġġixxu fil-każ ta’ infezzjoni konġunta. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod partikolari, li mill-opinjoni tal-EFSA tal-24 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-possibbiltà ta’ infezzjoni konġunta ta’ annimali ruminanti żgħar ma kinitx ġiet ipprovata f’kundizzjonijiet naturali u minn dan tikkonkludi li r-riskju tal-eżistenza ta’ tali infezzjoni konġunta u, a fortiori, ir-riskju ta’ nuqqas ta’ identifikazzjoni ta’ din l-infezzjoni konġunta, kienu minimi.

50

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-opinjoni tal-AFSSA tat-8 ta’ Ottubru 2008 u ta’ dik tal-EFSA tat-22 ta’ Ottubru 2008, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 172 u 173 tas-sentenza appellata, li dawn ġew trażmessi wara l-adozzjoni tar-Regolament inkwistjoni, b’mod li l-argumenti tar-Repubblika Franċiża bbażati fuq l-imsemmija opinjonijiet kienu ineffettivi.

51

Fil-punti 174 sa 202 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ evalwazzjoni taż-żieda tar-riskju li jirriżulta mill-adozzjoni tar-Regolament inkwistjoni. B’mod partikolari, hija kkunsidrat li, fid-dawl tal-opinjonijiet xjentifiċi tal-EFSA u tal-AFSSA u b’kunsiderazzjoni għan-nuqqas ta’ data neċessarja sabiex issir evalwazzjoni kwantitattiva preċiża, ma jistax jiġi allegat fil-konfront tal-Kummissjoni li ma kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha, waqt l-adozzjoni tar-Regolament inkwistjoni, evalwazzjoni xjentifika kwantitattiva tar-riskju addizzjonali għall-bniedem li jkun espost għal ESK wara l-adozzjoni tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx kisret il-garanziji offruti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

52

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumentazzjoni dwar il-ġestjoni tar-riskju, ir-Repubblika Franċiża lmentat li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni sa fejn din l-istituzzjoni bbażat ruħha fuq premessa doppja dwar, minn naħa, in-nuqqas ta’ trażmissibbiltà lill-bniedem ta’ ESK għajr l-ESI li taffettwa l-annimali u, min-naħa l-oħra, l-affidabbiltà tat-testijiet ta’ diskriminazzjoni sabiex l-iscrapies tiġi distinta b’ċertezza mill-ESI, filwaqt li d-data xjentifika l-iktar reċenti kienet uriet inċertezzi sinjifikanti dwar dawn iż-żewġ premessi.

53

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn l-ilmenti fil-punti 206 sa 264 tas-sentenza appellata.

54

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-kunsiderazzjonijiet preliminari tagħha fil-punti 206 sa 214 tas-sentenza appellata, li l-kompetenza tal-Kummissjoni li tadotta d-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma kinitx ikkonfutata mir-Repubblika Franċiża. Hija fakkret li l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti għandhom l-obbligu li jżommu jew, skont il-każ, li jżidu l-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem mingħajr madankollu ma jkun l-ogħla possibbli. Sabiex tissodisfa dan l-obbligu, l-awtorità kompetenti għandha, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, tamministra r-riskju li jeċċedi l-livell meqjus aċċettabbli għas-soċjetà permezz ta’ miżuri intiżi li jillimitaw tali livell. Minn dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-flessibbiltà ta’ miżuri preventivi adottati preċedentement għandha tkun iġġustifikata b’elementi ġodda li jbiddlu l-evalwazzjoni tar-riskju inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li tali elementi ġodda, bħal tagħrif jew skoperti ġodda, setgħu jemendaw kemm il-perċezzjoni tar-riskju kif ukoll il-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli għas-soċjetà.

55

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li huwa biss meta dan il-livell tar-riskju ġdid jeċċedi l-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli għas-soċjetà li l-qorti għandha tikkonstata ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. Madankollu, hija fakkret li l-istħarriġ tal-qorti dwar id-determinazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-livell ta’ riskju meqjus inaċċettabbli għas-soċjetà huwa limitat għall-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, għall-użu ħażin ta’ poter jew għall-eċċess tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Fir-rigward tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-parti li tinvokah għandha tipproduċi l-provi suffiċjenti sabiex iċċaħħad mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet ta’ fatt li jkunu saru mill-awtorità kompetenti.

56

Fir-rigward tat-tliet elementi invokati mill-Kummissjoni – jiġifieri, l-ewwel nett, in-nuqqas ta’ rabta epidemjoloġika bejn, minn naħa, l-iscrapie, klassika jew atipika, li taffettwa lill-annimali ruminanti żgħar u, min-naħa l-oħra, l-ESK li jaffettwaw lill-bnedmin, mill-mument li fih ġew implementati l-miżuri preventivi inizjali; it-tieni nett, l-iżvilupp u l-validazzjoni ta’ testijiet ta’ diskriminazzjoni li jippermettu li jiddistingwu b’mod affidabbli l-iscrapie mill-BSE fi żmien limitat u, it-tielet nett, il-probabbiltà baxxa ħafna tal-preżenza ta’ ESI fl-annimali mir-razez tan-ngħaġ u tal-mogħoż skont data epidemjoloġika – il-Qorti Ġenerali qieset li r-Repubblika Franċiża ma kkontestatx in-natura ġdida ta’ dawn l-elementi, iżda l-evalwazzjoni li huma setgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri kkontestati. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kien hemm lok li jiġi evalwat jekk, fid-dawl ta’ dawn l-elementi l-ġodda, il-Kummissjoni setgħetx tadotta r-regolament inkwistjoni, peress li dan kien jippermettiha żżomm livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem filwaqt li tnaqqas l-ispejjeż ta’ miżuri ta’ prevenzjoni għas-soċjetà jew, kuntrarjament, jekk, billi tadotta tali regolament, il-Kummissjoni kinitx kisret il-prinċipju ta’ prekawzjoni u, għalhekk, l-obbligu li żżomm livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, billi tesponi l-persuni għal riskji li jeċċedu l-livell meqjus aċċettabbli għas-soċjetà.

57

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fl-ewwel lok, fil-punti 227 sa 248 tas-sentenza appellata, jekk ir-regolament inkwistjoni kienx jimplika żieda tar-riskju ta’ espożizzjoni lill-bniedem ta’ ESK li jaffettwaw l-annimali ruminanti żgħar minħabba t-tqegħid għall-konsum mill-bniedem ta’ laħam ta’ annimali ruminanti żgħar li kienu parti minn merħla li fi ħdanha ġie identifikat każ ta’ ESK. Filwaqt li kkonstatat li kien hemm żieda sostanzjali ta’ dan ir-riskju, il-Qorti Ġenerali madankollu qieset li din il-konstatazzjoni ma kinitx suffiċjenti sabiex tistabbilixxi ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni jew tal-obbligu li jinżamm livell għoli tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Skont din il-qorti, kellu jiġi vverifikat, barra minn hekk, jekk din iż-żieda kinitx wasslet ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem għal-livell meqjus inaċċettabbli għas-soċjetà.

58

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali vverifikat, fit-tieni lok, fil-punti 249 sa 264 tas-sentenza appellata, jekk l-adozzjoni tar-regolament inkwistjoni kienx implika riskji għas-saħħa tal-bniedem li jeċċedu l-livell meqjus aċċettabbli għas-soċjetà.

59

Fir-rigward tar-riskju li jirriżulta mill-konsum mill-bniedem ta’ laħam ta’ annimali ruminanti żgħar infettati minn ESK għajr l-ESI, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fid-dawl tar-riskju estremament baxx tat-trażmissibbiltà lill-bniedem ta’ dawn l-ESK li jaffettwaw lill-annimali ruminanti żgħar, il-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li l-miżuri kkontestati ma kinux jimplikaw żieda tar-riskju għas-saħħa tal-bniedem li tmur lil hinn mil-livell tar-riskju meqjus aċċettabbli għas-soċjetà.

60

Fir-rigward tar-riskju li joriġina mill-konsum mill-bniedem ta’ laħam ta’ annimali mir-razez tan-ngħaġ u tal-mogħoż infettati b’ESI, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, anki jekk il-miżuri kkontestati ma jippermettux li jiġi eskluż li l-laħam, li jkun ġej minn merħla li fiha jkun ġie infettat annimal b’ESI, jingħata għall-konsum mill-bniedem, il-prevalenza ta’ ESI klassika f’annimali ruminanti żgħar kienet baxxa wisq u kien biss każ wieħed ta’ ESI klassika li ġie kkonfermat f’annimali ruminanti żgħar u kien jikkonċerna mogħża li ngħatat għalf tal-annimali, li fil-frattemp kien ġie pprojbit.

61

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li r-riskju addizzjonali ta’ espożizzjoni lill-bniedem ta’ ESI klassika li taffettwa lill-annimali ruminanti żgħar li kienet timplika l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ma kienx iwassal għal riskji għas-saħħa tal-bniedem li jeċċedu l-livell meqjus aċċettabbli għas-soċjetà.

62

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li mill-opinjonijiet xjentifiċi differenti jirriżulta li s-sinjifikat, l-oriġini u t-trażmissibbiltà tal-ESI tat-tip L jew H kienu, fid-data tal-adozzjoni tar-regolament inkwistjoni, suġġett għal spekulazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni lanqas ma kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li r-riskju addizzjonali ta’ espożizzjoni tal-konsumatur għall-ESI għajr l-ESI klassika kien aċċettabbli.

63

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali qieset li, billi adottat ir-regolament inkwistjoni, il-Kummissjoni la kienet kisret il-prinċipju ta’ prekawzjoni u lanqas l-obbligu li żżomm livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem imħadden mill-Artikolu 152(1) KE u mill-Artikolu 24a tar-Regolament Nru 999/2001.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

64

Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi b’mod definittiv u tannulla r-regolament inkwistjoni jew, sussidjarjament, tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

65

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

66

Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika Franċiża tinvoka erba’ motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni nett, fuq żnaturament tal-fatti, it-tielet nett, fuq żball fil-klassifika ġuridika tal-fatti u, ir-raba’ nett, fuq żball tal-liġi dwar il-ksur tal-Artikolu 24a tar-Regolament Nru 999/2001 u tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

67

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-motivi kollha invokati insostenn tal-appell għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondati.

68

Qabelxejn għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ġenerali tal-inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni.

Fuq l-eċċezzjoni ġenerali tal-inammissibbiltà

69

Preliminarjament, il-Kummissjoni tinvoka l-inammissibbiltà tal-appell sa fejn jikkostitwixxi tentattiv sabiex ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali jiġi eżaminat mill-ġdid, li ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Skont din l-istituzzjoni, il-motivi kollha ppreżentati mir-Repubblika Franċiża huma limitati li jirrepetu l-motiv u l-argumenti li din tal-aħħar invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, jew huma intiżi li jeżaminaw mill-ġdid il-provi li ttieħdu inkunsiderazzjoni minn din tal-aħħar.

70

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 256 KE u mill-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ dritt.

71

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, meta parti tikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi fl-appell. Fil-fatt, li kieku parti ma tkunx tista’ b’dan il-mod tibbaża l-appell tagħha fuq motivi u argumenti diġà użati quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell tkun imċaħħda minn parti mis-sinjifikat tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, Ġabra p. I-8533, punt 116, kif ukoll tas-26 ta’ Ġunju 2012, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, C-335/09 P, punt 27).

72

Fir-rigward tal-appell preżenti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta b’mod partikolari fil-punt 66 tas-sentenza preżenti, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża ma għandhiex l-intenzjoni tikkontesta l-evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali billi ttenni l-motiv u l-argumenti mqajma quddiem din tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka kwistjonijiet ta’ dritt li jistgħu legalment ikunu s-suġġett ta’ appell. Konsegwentement, l-eċċezzjoni ġenerali ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

73

Dan għaliex, sa fejn il-Kummissjoni tinvoka b’mod iktar preċiż l-inammissibbiltà ta’ ċertu motivi jew ilmenti speċifiċi tal-appell, hemm lok li dawn l-eċċezzjonijiet jiġu indirizzati fil-kuntest tal-eżami tal-aggravji kkonċernati.

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

74

L-ewwel aggravju essenzjalment jinqasam f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-Repubblika Franċiża ssostni li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma rrispondietx b’mod suffiċjenti fid-dritt għall-ilmenti tagħha bbażati fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, mill-Kummissjoni, tad-data xjentifika disponibbli.

75

Ir-Repubblika Franċiża tenfasizza l-fatt li, għalkemm huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-Kummissjoni kellha għarfien tad-data xjentifika disponibbli meta hija adottat ir-Regolament inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li, bl-argument tagħha, dan l-Istat Membru fittex li jistabbilixxi li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet kompletament inkunsiderazzjoni din id-data, minkejja li dawn ikkonfutaw il-premessi li fuqhom ibbażat ruħha għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 727/2007, jiġifieri, minn naħa, in-nuqqas ta’ trażmissibbiltà lill-bniedem ta’ ESK għajr l-ESI u, min-naħa l-oħra, l-affidabbiltà ta’ testijiet ta’ diskriminazzjoni. Il-fatt li, fil-preambolu tar-Regolament inkwistjoni, iċċitat il-konklużjonijiet tal-opinjoni tal-EFSA tal-24 ta’ Jannar 2008 ma jimplikax li dawn il-konklużjonijiet kienu realment ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

76

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex tirriproduċi, b’mod kważi identiku, fir-Regolament inkwistjoni, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 727/2007, minkejja l-fatt li l-opinjoni tal-EFSA kienet tikkonfuta ż-żewġ premessi li kienet ibbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni sabiex tadotta dawn id-dispożizzjonijiet.

77

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Qorti Ġenerali ma rrispondietx b’mod suffiċjentement legali għall-ilmenti tagħha bbażati fuq ksur tal-Artikolu 24a tar-Regolament Nru 999/2001, sa fejn din il-qorti kkunsidrat li l-ilmenti kienu jqajmu l-kwistjoni dwar jekk il-miżuri kkontestati kinux xierqa sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

78

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-imsemmi Artikolu 24a kien sempliċement jirrifletti l-obbligu inkluż fl-Artikolu 152(1) KE li jipprovdi li l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti għandhom jiżguraw livell għoli tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fi ħdan l-Unjoni. Skont il-fehma tar-Repubblika Franċiża, l-Artikolu 24a tar-Regolament Nru 999/2001 jimplika rekwiżit addizzjonali meta mqabbel ma’ dak inkluż fl-Artikolu 152(1) KE, jiġifieri li d-deċiżjonijiet meħuda abbażi tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament ma jnaqqsux il-livell ta’ protezzjoni stabbilit mill-miżuri preventivi fis-seħħ, u anki li dawn id-deċiżjonijiet iżidu dan il-livell. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kellha tiżgura li l-miżuri kkontestati jżommu jew iżidu l-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem li kien iggarantit mill-miżuri preventivi preċedenti.

79

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli jew fi kwalunkwe każ bħala infondat, peress li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 97, 144, 145, 201 u 221 tas-sentenza appellata juri li l-Kummissjoni kienet adottat ir-Regolament inkwistjoni wara eżami fid-dettall tal-aħħar data xjentifika u tar-riżultati l-iktar riċenti tar-riċerka fuq livell internazzjonali.

80

Fir-rigward b’mod partikolari tal-argument li l-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata tirriproduċi b’mod identiku, fir-regolament inkwistjoni, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 727/2007, din l-istituzzjoni tosserva li l-appell ma jindikax b’mod preċiż l-elementi tas-sentenza appellata li hija tikkritika. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma ppreċiżatx ir-raġuni li għaliha l-Kummissjoni ma hijiex awtorizzata tirriproduċi, fir-regolament inkwistjoni, il-miżuri tar-regolament preċedenti, peress li dawn kienu ġġustifikati, iżda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti, sa fejn ir-Repubblika Franċiża llimitat ruħha li tikkritika lill-Qorti Ġenerali li interpretat l-opinjoni tal-EFSA bl-istess mod bħal ma għamlet il-Kummissjoni.

81

Fir-rigward tal-Artikolu 24a tar-Regolament Nru 999/2001, ir-Repubblika Franċiża ma indikatx l-elementi li jiġġustifikaw interpretazzjoni oħra ta’ din id-dispożizzjoni minn dik li saret mill-Qorti Ġenerali. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali żgurat mhux biss l-osservanza tal-Artikolu 152(1) KE iżda wkoll tal-imsemmi Artikolu 24a sa fejn ivverifikat, fil-punti 211, 221, 249 u 266 tas-sentenza appellata, jekk il-miżuri l-ġodda żidux ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem u kkonkludiet li dan ma kienx il-każ.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

82

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-kwistjoni tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt li hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C-413/06 P, Ġabra p. I-4951, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-obbligu ta’ motivazzjoni, li għandha l-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti Ġenerali permezz tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u tal-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ma jobbligax lil din tal-aħħar tipprovdi espożizzjoni li tinkludi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, l-argumenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu bil-motivi tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha informazzjoni suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2011, Activision Blizzard Germany vs Il-Kummissjoni, C-260/09 P, Ġabra p. I-419, punt 84, u tat-28 ta’ Lulju 2011, Mediaset vs Il-Kummissjoni, C-403/10 P, punt 88).

84

Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel motiv ibbażata fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni dwar l-argument li jikkonċerna n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ data xjentifika disponibbli, mill-punti 96 sa 109 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali vverifikat jekk ir-regolament inkwistjoni kienx jirreferi għall-opinjonijiet xjentifiċi disponibbli u għall-inċertezzi li huma espressi hemmhekk. Minn dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx injorat l-inċertezzi xjentifiċi waqt l-evalwazzjoni tar-riskji li ppreċediet l-adozzjoni tal-miżuri kkontestati u li, għalhekk, il-konstatazzjonijiet ta’ din l-istituzzjoni ma kinux ivvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-Repubblika Franċiża la kienet ippreżentat argument u lanqas prova li setgħet iċċaħħad il-plawżibbiltà tal-evalwazzjoni li saret mill-Kummissjoni.

85

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod insuffiċjenti fid-dritt iċ-ċaħda tal-argument ippreżentat quddiemha mir-Repubblika Franċiża, li jikkonċerna n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data xjentifika disponibbli.

86

Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk il-Kummissjoni kinitx awtorizzata tirriproduċi, b’mod identiku, fir-Regolament inkwistjoni, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 727/2007, għandu jiġi rrilevat li l-eżami tal-espożizzjoni tal-motivi tar-Repubblika Franċiża quddiem il-Qorti Ġenerali, u b’mod partikolari t-talbiet tagħha addizzjonali mressqa wara l-adozzjoni tar-Regolament inkwistjoni, jirrileva li d-dikjarazzjoni dwar l-identiċità tal-miżuri adottati minn dan l-aħħar regolament meta mqabbla mar-Regolament Nru 727/2007 ġiet evokata quddiem il-Qorti Ġenerali mhux bħala argument awtonomu iżda bħala sempliċi konsultazzjoni magħmula fil-kuntest tal-paragrun ta’ dawn iż-żewġ regolamenti.

87

Filwaqt li huwa minnu li r-Repubblika Franċiża semmiet fl-argumenti tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, il-fatt li hija ma kinitx tifhem kif it-teħid inkunsiderazzjoni komplet tal-opinjoni tal-EFSA tal-24 ta’ Jannar 2008 seta’ jwassal lill-Kummissjoni tadotta fir-Regolament inkwistjoni, dispożizzjonijiet identiċi għall-miżuri kkontestati, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija osservazzjoni ma hijiex elaborata u lanqas ma hija relatata ma’ argument speċifiku intiż li jeskludiha.

88

Minn dak li ntqal jirriżulta li, peress li r-Repubblika Franċiża ma esponietx, bil-kjarezza u l-preċiżjonijiet meħtieġa, ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata tirriproduċi b’mod identiku, fir-regolament inkwistjoni, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 727/2007, l-osservazzjoni tagħha fir-rigward tal-identiċità taż-żewġ regolamenti inkwistjoni ma tistax titqies bħala motiv distint li ġġustifika risposta speċifika fis-sentenza appellata. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta ma weġbitx b’mod espliċitu għal din l-osservazzjoni.

89

Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel motiv, li permezz tagħha r-Repubblika Franċiża tinvoka n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 24a tar-Regolament Nru 999/2001, għandu jiġi osservat li l-appellanti tikkontesta, bl-argument tagħha, mhux l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni iżda l-fondatezza tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali.

90

Għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 79, 211 sa 213, 249 u 266 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali pprovdiet motivazzjoni suffiċjenti sa fejn ippermettiet, minn naħa, lir-rikorrenti tkun taf bir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħatx l-argumenti tagħha dwar il-ksur tal-Artikolu 24a tar-Regolament Nru 999/2001 u, min-naħa l-oħra, lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha.

91

Konsegwentement, l-argument ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 24a tar-Regolament Nru 999/2001 għandu jiġi miċħud bħala infondat. Sa fejn il-kwistjoni tal-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni ma hijiex differenti mill-allegat ksur tal-imsemmi Artikolu 24a li huwa s-suġġett tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, din il-kwistjoni ser tiġi eżaminata fil-kuntest tar-raba’ aggravju.

92

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żnaturament tal-fatti

L-argumenti tal-partijiet

93

It-tieni aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet. Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 101 sa 108 tas-sentenza appellata, żnaturat il-portata tal-opinjoni tal-EFSA tat-8 ta’ Marzu 2007 u tal-24 ta’ Jannar 2008 sa fejn ikkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tikkonkludi, mill-imsemmija opinjonijiet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li r-riskju ta’ trażmissibbiltà lill-bniedem ta’ ESK għajr l-ESI kien estremament baxx. F’din l-opinjoni, huwa minnu li l-EFSA ma kkonkludietx li r-riskju kien estramament baxx, iżda li ma kienx possibbli li tiġi eskluża tali trażmissibbiltà.

94

B’mod partikolari, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-punti 101 sa 106 tas-sentenza appellata ma jirreferu għal ebda evalwazzjoni, mill-EFSA, tal-livell ta’ probabbiltà tar-riskju tat-trażmissibbiltà lill-bniedem ta’ EST għajr l-ESK. Barra minn hekk, billi kkunsidrat, fil-punt 107 ta’ din is-sentenza, li l-mudelli esperimentali inkwistjoni kienu sottorappreżentattivi, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-portata tal-opinjoni tal-EFSA. Skont l-imsemmi Stat Membru, il-Qorti Ġenerali kkonfondiet in-nuqqas taċ-ċertezza tal-eżistenza ta’ riskju mal-probabbiltà baxxa ta’ dan ir-riskju.

95

Permezz tat-tieni parti tal-imsemmi aggravju, ir-Repubblika Franċiża invokat żnaturament tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 116 sa 122 tas-sentenza appellata, tal-portata tal-opinjonijiet tal-EFSA tas-17 ta’ Mejju u tas-26 ta’ Settembru 2005 kif ukoll dik tas-7 ta’ Ġunju 2007, peress li din il-qorti qieset li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat, minn naħa, li t-testijiet rapidi kienu affidabbli u, min-naħa l-oħra, li l-evalwazzjoni tal-affidabbiltà ta’ dawn it-testijiet inkluża f’dawn l-opinjonijiet kienet ukoll valida fil-kuntest tal-istħarriġ tat-tqegħid għall-konsum mill-bniedem ta’ laħam tal-annimali mir-razez tan-ngħaġ u tal-mogħoż.

96

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża enfasizzat li, filwaqt li huwa minnu li, fl-opinjonijiet tagħha, l-EFSA kkunsidrat li t-testijiet rapidi setgħu jiġu rrakkomandati għall-evalwazzjoni tal-prevalenza tal-iscrapies klassika u tal-ESI, ma jistax madankollu jiġi konkluż minn dan li dawn it-testijiet huma affidabbli fil-kuntest tal-istħarriġ tat-tqegħid għall-konsum mill-bniedem ta’ laħam tal-annimali mir-razez tan-ngħaġ jew tal-mogħoż. Fil-fatt, il-livell tar-rekwiżit ta’ affidabbiltà ta’ testijiet rapidi ma jistax ikun l-istess għal, minn naħa, l-evoluzzjoni epidemjoloġika tal-iscrapies klassika kif ukoll tal-ESI u, min-naħa l-oħra, għall-kontroll tal-mod sistematiku tal-karkassi bil-għan li jiġu kkonsmati.

97

Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, ir-Repubblika Franċiża tqis li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 215 sa 221 tas-sentenza appellata, żnaturat il-fatti meta kkunsidrat li l-elementi xjentifiċi invokati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-adozzjoni tar-Regolament inkwistjoni jikkostitwixxu elementi ġodda meta mqabbla mal-miżuri preventivi preċedenti.

98

Skont ir-Repubblika Franċiża, la min-noti tal-Kummissjoni u lanqas mill-intervent ta’ din tal-aħħar matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali ma jirriżulta li hija ddikjarat li l-elementi xjentifiċi li hija invokat kienu ġodda, bl-eċċezzjoni tal-iżvilupp u tal-validazzjoni tat-testijiet ta’ diskriminazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni la qatt stabbilixxiet, bħala fatt xjentifiku ġdid, in-nuqqas ta’ rabta epidemjoloġika bejn l-iscrapies klassika jew atipika li taffettwa lil annimali ruminanti żgħar u l-ESK li taffettwa lill-bnedmin u lanqas il-prevalenza baxxa ta’ ESI f’annimali ruminanti żgħar.

99

Dan l-iżnaturament tal-fatti kien ikollu importanza determinanti fuq l-evalwazzjoni tal-legalità tar-Regolament inkwistjoni, sa fejn, kif jirriżulta mill-punti 83 u 212 tas-sentenza appellata, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jeżiġi, sabiex jiġġustifika flessibbiltà tal-miżuri preventivi fis-seħħ, li l-istituzzjonijiet kompetenti jippreżentaw elementi ġodda li jistgħu jemendaw il-perċezzjoni tar-riskju jew juru li dan ir-riskju jista’ jiġi limitat b’miżuri inqas vinkolanti minn dawk eżistenti.

100

Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel żewġ partijiet tat-tieni aggravju huma inammissibbli, peress li, minn naħa, l-argumenti tar-Repubblika Franċiża huma bbażati fuq evalwazzjoni u interpretazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ din il-qorti u, min-naħa l-oħra, l-Istat Membru appellant ma jindikax, b’mod preċiż, l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata jew l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku t-talba tiegħu, b’mod partikolari, id-dokumenti tal-fajl li minnhom tirriżulta allegata ineżattezza materjali ta’ dawn il-konstatazzjonijiet.

101

Fir-rigward tat-tielet parti tat-tieni aggravju, din hija wkoll inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, infondata. Fil-fatt, ir-Repubblika Franċiża sempliċement tfittex li l-interpretazzjoni tagħha tal-fatti tipprevali l-approċċ differenti tal-Kummissjoni.

102

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika li l-evalwazzjoni tal-bżonn li jiġu emendati ċerti miżuri fis-seħħ ma tirriżultax mill-iskoperta ta’ elementi ġodda, iżda essenzjalment mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-evoluzzjoni tad-data u tal-provi xjentifiċi. Fil-fatt, ir-rekwiżit ta’ elementi ġodda li tirreferi għalihom ir-Repubblika Franċiża la jinsab fl-Artikolu 24a tar-Regolament Nru 999/2001 u lanqas fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 178/2002, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jirreferu għall-evalwazzjoni tal-informazzjoni disponibbli u għal provi xjentifiċi eżistenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

103

Fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni partijiet tat-tieni aggravju, dwar allegat żnaturament, mill-Qorti Ġenerali, tal-portata ta’ ċerti opinjonijiet tal-EFSA, fil-punti 101 sa 108 u 116 sa 122 tas-sentenza appellata rispettivament, għandu jiġi osservat, fl-imsemmija punti, li l-Qorti Ġenerali eżaminat l-ilmenti tar-Repubblika Franċiża intiżi li jikkonstataw li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-opinjonijiet xjentifiċi għad-dispożizzjoni tagħha, sa fejn ikkunsidrat, minn naħa, li r-riskju ta’ trażmissibbiltà lill-bniedem ta’ ESK għajr l-ESI li taffettwa lill-annimali kienet estremament baxxa u, min-naħa l-oħra, li l-evalwazzjoni tal-affidabbiltà ta’ testijiet rapidi li twettqet fil-kuntest ta’ miżuri ta’ sorveljanza epidemjoloġika ta’ ESK fl-annimali ruminanti żgħar, kienet ukoll valida fil-kuntest tal-miżuri kkontestati li jawtorizzaw it-tqegħid għall-konsum mill-bniedem ta’ laħam ta’ annimali ruminanti żgħar fil-każ ta’ riżultat negattiv tal-imsemmija testijiet.

104

Fil-kuntest tal-appell preżenti, ir-Repubblika Franċiża, billi tibbaża ruħha essenzjalment fuq l-istess argumenti bħal dawk li hija ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, tikkontesta l-istess konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat bħala manifestament żbaljati, billi tinvoka żnaturament tal-opinjonijiet tal-EFSA tas-17 ta’ Mejju u tas-26 ta’ Settembru 2005, tat-8 ta’ Marzu u tas-7 ta’ Ġunju 2007 kif ukoll tal-24 ta’ Jannar 2008.

105

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-argument tal-appellanti huwa bbażat fuq qari parzjali tas-sentenza appellata. Fil-fatt, fir-rigward tar-riskju tat-trażmissibbiltà lill-bniedem ta’ ESK għajr l-ESI li taffettwa lill-annimali, mill-punt 107 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali ħadet ukoll inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjoni ta’ SEAC (Spongiform Encephalopathy Advisory Committee) dwar ir-riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem tal-modifiki dwar il-kontroll tal-iscrapies klassika fi Frar 2008. Skont il-Qorti Ġenerali, anki jekk ikkonferma li rabta bejn l-iscrapies klassika u l-ESK li taffettwa lill-bnedmin setgħet tiġi eskluża, is-SEAC madankollu kkunsidra li dan ir-riskju kien baxx ħafna. Skont dan l-organu, il-frekwenza baxxa ħafna u relattivament kostanti tal-każijiet ta’ ESK li taffettwa lill-bnedmin fid-dinja kollha turi li hemm, tal-inqas, ostaklu sostanzjali, jekk mhux assolut, kontra t-trażmissjoni tal-iscrapie klassika lill-bnedmin. L-appellanti la tikkontesta r-rilevanza u lanqas il-validità ta’ din id-dikjarazzjoni.

106

Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Franċiża ma wrietx b’mod legalment suffiċjenti li l-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni tal-opinjonijiet xjentifiċi ċċitati li tmur manifestament kontra l-kontenut tagħhom.

107

Konsegwentement, l-ewwel u t-tieni partijiet tat-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

108

Fir-rigward tat-tielet parti tat-tieni aggravju, intiża kontra l-punti 215 sa 221 tas-sentenza appellata, għandu jiġi vverifikat jekk ir-Repubblika Franċiża stabbilixxietx żnaturament tal-argumentazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tan-natura ġdida tal-elementi xjentifiċi li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri kkontestati.

109

Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li għalkemm huwa ċertament minnu li, fil-punti ċċitati tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreżentat bħala ġodda, meta mqabbla mas-sitwazzjoni eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tal-miżuri preventivi inizjali, it-tliet elementi msemmija fil-punt 56 tas-sentenza preżenti, għandu jiġi kkonstatat li tali kwalifika ma kinitx fondata fuq l-argumentazzjoni ppreżentata mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda kienet tirriżulta mill-applikazzjoni tal-ġurisprudenza stabbilita fil-punti 83 u 212 tas-sentenza appellata.

110

F’dawn l-aħħar punti tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li, meta elementi ġodda jbiddlu l-perċezzjoni ta’ riskju jew juru li dan ir-riskju jista’ jiġi limitat minn miżuri inqas restrittivi minn dawk eżistenti, hija kompetenza tal-istituzzjonijiet, u b’mod partikolari tal-Kummissjoni, li għandha s-setgħa ta’ inizjattiva, li jadattaw il-leġiżlazzjoni għad-data l-ġdida (ara sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, Agrarproduktion Staebelow, C-504/04, Ġabra p. I-679, punt 40). Minn dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-flessibbiltà ta’ miżuri preventivi adottati preċedentement kellha tiġi ġġustifikata b’elementi ġodda, bħal għarfien ġdid jew skoperti xjentifiċi ġodda, li jbiddlu l-evalwazzjoni tar-riskju inkwistjoni.

111

Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq allegat żnaturament tal-argumentazzjoni tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li tikkontesta l-fondatezza tar-rekwiżit tan-natura l-ġdida tad-data xjentifika sabiex tiġi ġġustifikata l-adozzjoni tal-miżuri kkontestati.

112

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tielet parti tat-tieni aggravju, u konsegwentement, it-tieni aggravju fl-intier tiegħu, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball tal-karatterizzazzjoni ġuridika tal-fatti

L-argumenti tal-partijiet

113

Permezz tat-tielet aggravju, ir-Repubblika Franċiża tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-karatterizzazzjoni ġuridika tal-fatti sa fejn ikkunsidrat li l-elementi xjentifiċi invokati mill-Kummissjoni jikkostitwixxu elementi ġodda li jistgħu jbiddlu l-perċezzjoni tar-riskju.

114

Għalhekk, fil-fehma tar-Repubblika Franċiża, huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 215 sa 221 tas-sentenza appellata, mhux biss ippreżumiet li t-tliet elementi xjentifiċi invokati mill-Kummissjoni kienu ġodda, iżda wkoll li dawn l-elementi setgħu jbiddlu l-perċezzjoni tar-riskju.

115

Ir-Repubblika Franċiża tqis li, anki jekk it-testijiet ta’ diskriminazzjoni jikkostitwixxu element xjentifiku ġdid, dan l-element ma jistax ibiddel il-perċezzjoni tar-riskju peress li l-affidabbiltà ta’ dawn it-testijiet hija limitata. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ rabta epidemjoloġika bejn l-iscrapies klassika u l-ESK li taffettwa lill-bnedmin, u tal-prevalenza baxxa tal-ESI fl-annimali ruminanti żgħar, ir-Repubblika Franċiża hija tal-fehma li, peress li dawn l-elementi xjentifiċi kienu diġà ġew identifikati waqt l-adozzjoni tal-miżuri preventivi preċedenti, dawn ma setgħux jimplikaw bidla tal-perċezzjoni tar-riskju.

116

Il-Kummissjoni titlob li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli peress li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tipprovdi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni abbażi tal-evoluzzjonijiet xjentifiċi, tikkostitwixxi evalwazzjoni fattwali.

117

Fi kwalunkwe każ, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat sa fejn l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskju li minnha jirriżultaw il-miżuri kkontestati hija bbażata fuq provi xjentifiċi, disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tagħhom, li juru li kien hemm bidla fiċ-ċirkustanzi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

118

It-tielet aggravju tar-Repubblika Franċiża huwa intiż, bħat-tielet parti tat-tieni aggravju, kontra l-punti 215 sa 221 tas-sentenza appellata. Permezz tal-argumentazzjoni tagħha ppreżentata insostenn ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tikkontesta l-fatt li l-elementi identifikati mill-Qorti Ġenerali, li fir-rigward tagħhom tinnega li huma ġodda, seta’ kellhom bħala effett li jbiddlu l-perċezzjoni tar-riskju fis-soċjetà.

119

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza, skont l-Artikolu 256 TFUE, sabiex tistħarreġ il-karatterizzazzjoni ġuridika tal-fatti u l-konsegwenzi ġuridiċi li jkunu nsiltu mill-Qorti Ġenerali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punt 51; tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C-397/03 P, Ġabra p. I-4429, punt 105 kif ukoll Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

120

Madankollu, mill-punti 215 sa 221 tas-sentenza appellata, li għamlet riferiment għalihom ir-Repubblika Franċiża fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħha, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni legali hemmhekk fir-rigward tal-perċezzjoni tar-riskju mis-soċjetà. Fil-fatt, hija llimitat ruħha li teżamina n-natura ġdida tal-elementi xjentifiċi invokati mill-Kummissjoni, li tikkostitwixxi konstatazzjoni fattwali.

121

Għaldaqstant, billi jitqies li, fil-punti 215 sa 221 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet karatterizzazzjoni ġuridika tal-fatti, ir-Repubblika Franċiża interpretat din is-sentenza b’mod żbaljat.

122

Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi

L-argumenti tal-partijiet

123

Ir-raba’ aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet.

124

Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, li hija marbuta mat-tieni parti tal-ewwel aggravju, ir-Repubblika Franċiża ssostni li, billi kkunsidrat, fil-punti 249 u 250 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24a tar-Regolament Nru 999/2001 peress li kienet osservat l-obbligu inkluż fl-Artikolu 152(1) KE, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-imsemmi Artikolu 24a jistabbilixxi rekwiżit addizzjonali meta mqabbel mal-Artikolu 152(1) KE b’mod li huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tikkunsidra li l-miżuri li l-Kummissjoni kienet adottat bis-saħħa ta’ din l-aħħar dispożizzjoni kienu jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali kellha tiżgura li dawn il-miżuri kienu jżommu jew kienu jżidu l-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem li kienet iggarantita mill-miżuri preventivi preċedenti.

125

Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju tagħha, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta assumiet, fil-punt 213 tas-sentenza appellata, li l-elementi xjentifiċi invokati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-adozzjoni tar-Regolament inkwistjoni setgħu jimplikaw evoluzzjoni tal-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli. Sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi billi naqset milli tivverifika jekk, sabiex tiddetermina l-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli, il-Kummissjoni ħaditx inkunsiderazzjoni l-gravità u l-irriversibbiltà tal-effetti ħżiena tal-EST għas-saħħa tal-bniedem. Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Franċiża ssostni li neċessarjament kien hemm żieda tar-riskju għas-saħħa tal-bniedem li kienet teċċedi l-livell aċċettabbli għas-soċjetà.

126

Fir-rigward tat-tielet parti tar-raba’ aggravju, ir-Repubblika Franċiża tinvoka żball ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-miżuri kkontestati ma jissostitwixxux il-miżuri preventivi preċedenti, iżda jikkompletawhom permezz ta’ miżuri alternattivi iktar flessibbli. Il-koeżistenza ta’ miżuri inizjali u ta’ miżuri ġodda tqajjem il-kwistjoni tal-koerenza ta’ tali leġiżlazzjoni li kellha teżamina l-Qorti Ġenerali. Dan l-iżball ta’ liġi għandu bħala konsegwenza evalwazzjoni żbaljata tal-ilment tar-Repubblika Franċiża bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni fil-ġestjoni tar-riskju.

127

Il-Kummissjoni tqis li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli jew fi kwalunkwe każ bħala infondat.

128

Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet l-eżami tagħha b’mod korrett. Jekk jitqies li, billi adottat miżuri ta’ flessibbiltà bbażati fuq elementi xjentifiċi, il-Kummissjoni setgħet tikkontribwixxi għaż-żieda tal-espożizzjoni tal-bniedem għall-aġent tal-iscrapies, madankollu dan ma kienx idgħajjef il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika fid-dawl tal-fatt li r-riskju ta’ trażmissjoni tal-iscrapies lill-bniedem kien estremament baxx. Għalhekk, ma kienx hemm tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni u l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 999/2001 ġie osservat.

129

Fir-rigward tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Franċiża ma ppreżentatx l-elementi insostenn tal-argument tagħha li r-r-riskju għas-saħħa tal-bniedem kien eċċeda l-livell meqjus aċċettabbli għas-soċjetà minħabba l-miżuri kkontestati. La quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas fil-kuntest tal-appell preżenti, ir-Repubblika Franċiża ma ppreżentat ebda prova li tista’ tikkontradixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Qorti Ġenerali dwar dan l-aspett.

130

Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet parti tar-raba’ aggravju, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Franċiża tfittex li tissostitwixxi l-analiżi tagħha ma’ dik tal-Qorti Ġenerali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

131

Fir-rigward tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, ibbażata fuq allegat ksur tal-Artikolu 24a tar-Regolament Nru 999/2001, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, id-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati skont waħda mill-proċeduri previsti fl-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament, jiġifieri l-emendi tal-annessi wkoll, “għandhom jissejsu fuq evalwazzjoni xierqa tar-riskji possibbli għas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali u għandhom, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-evidenza xjentifika eżistenti, iżommu, jew jekk iġġustifikat xjentifikament iżidu, il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali kif żgurat [fl-Unjoni]”.

132

L-Artikolu 24a ġie inkluż fir-Regolament Nru 999/2001 bir-Regolament (KE) Nru 1923/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 404, p. 1). Mix-xogħlijiet preparatorji ta’ dan l-aħħar regolament jirriżulta li l-Artikolu 24a ma kienx inkluż fil-proposta tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Diċembru 2004, li jemenda r-Regolament Nru 999/2001 [COM(2004) 775) finali], ippreżentat mill-Kummissjoni, iżda joriġina mill-opinjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Marzu 2006 tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali u l-inklużjoni tiegħu fit-test tar-regolament ġie propost mill-Parlament Ewropew fil-proġett tiegħu ta’ riżoluzzjoni leġiżlattiva tas-27 ta’ April 2006.

133

Minkejja li l-premessi tar-Regolament Nru 1923/2006 ma jinkludux spjegazzjoni fir-rigward tal-għan tad-dispożizzjoni kkonċernata, mill-ġustifikazzjonijiet ipprovduti mill-Parlament fil-proġett ta’ riżoluzzjoni msemmi iktar ’il fuq jirriżulta li “[d]in l-emenda hija intiża li tiggarantixxi li l-aspetti essenzjali ta’ dan ir-regolament jistgħu biss jinbidlu mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, fil-kuntest tal-proċedura tal-komitoloġija, jekk tingħata ġustifikazzjoni li tipprovdi li tnaqqis tal-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali hija eskluża”. Barra minn hekk, fl-espożizzjoni tal-motivi annessa ma’ dan il-proġett, il-Parlament irrefera għad-diffikultajiet li tingħata l-attenzjoni neċessarja meta l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, tadotta permezz ta’ stadji suċċessivi lista kumplessa ta’ emendi.

134

Mill-imsemmija xogħlijiet preparatorji jirriżulta li l-Artikolu 24a tar-Regolament Nru 999/2001 kien maħsub bħala garanzija intiża li tevita li jiġu adottati, skont il-proċedura ta’ komitoloġija, miżuri li jistgħu jnaqqsu l-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali fl-Unjoni.

135

Madankollu, minn dan ma jirriżultax li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, l-imsemmi Artikolu 24a jeskludi kull flessibbiltà tal-miżuri preventivi preċedenti. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 24a tar-Regolament Nru 999/2001 ma jistabbilixxix bħala kriterju l-fatt li l-paragun għandu jsir fir-rigward tal-livell ta’ protezzjoni li jirriżulta mill-miżuri preventivi preċedenti adottati fl-istess qasam, iżda jirreferi b’mod ġenerali għal-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa “żgurat fl-[Unjoni]”. Min-naħa l-oħra, kemm mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 178/2002 kif ukoll mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 110 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-miżuri provviżorji tal-ġestjoni tar-riskju, li huma adottati fil-kuntest tal-inċertezza xjentifika, għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid fi żmien raġonevoli sabiex jiġi ggarantit li jkunu proporzjonati u li ma jkunux iktar restrittivi għall-kummerċ minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb il-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa magħżul mill-Unjoni.

136

Għaldaqstant, il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem huwa marbut mill-qrib mal-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli għas-soċjetà, li jiddependi, min-naħa tiegħu, fuq għarfien xjentifiku disponibbli f’mument partikolari. Għalhekk, ma huwiex eskluż li, fid-dawl tal-evoluzzjoni tad-data xjentifika, l-istess livell ta’ protezzjoni jista’ jkun żgurat minn miżuri inqas restrittivi.

137

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 65 u 250 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 24a tar-Regolament Nru 999/2001 kien sempliċement jirrifletti l-obbligu inkluż fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 168(1) TFUE, bil-għan li ssir tali evalwazzjoni, dawn il-punti għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-motivi kollha ta’ din is-sentenza.

138

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ssemmi, fil-punti 74, 79, 81, 174 sa 176 u 250 tas-sentenza appellata, li l-obbligu tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, tas-sigurtà u tal-ambjent, li tista’ tagħti l-impressjoni, kif issostni r-Repubblika Franċiża, li l-Qorti Ġenerali tillimita ruħha li tivverifika jekk il-miżuri kkontestati josservawx l-obbligu inkluż fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 168(1) TFUE. Madankollu, mill-punti 211 sa 213, 221, 249 u 266 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali tinterpreta l-Artikolu 24a tar-Regolament Nru 24 billi tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-obbligu li żżomm livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem żgurat fl-Unjoni.

139

Fil-punti 211 sa 213 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fformulat, b’mod partikolari, l-osservazzjonijiet segwenti:

“211

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti għandhom l-obbligu li jżommu livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem mingħajr ma din għandha tkun l-ogħla protezzjoni possibbli [...]. L-Artikolu 24a tar-Regolament Nru 999/2001 ifakkar dan l-obbligu fil-kuntest tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni biex temenda l-annessi tar-Regolament Nru 999/2001 fejn jissuġġetta l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet adottati fil-kuntest tal-imsemmi regolament bil-kundizzjoni li jinżamm, jew jekk dan ikun iġġustifikat xjentifikament jiżdied, il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem kif żgurat fil-Komunità. Il-prinċipju ta’ prekawzjoni huwa wieħed mill-istrumenti li jippermettu lill-awtoritajiet imsemmija li jissodisfaw dan l-obbligu [...]. Fil-fatt, l-imsemmi prinċipju jimponi fuq l-awtorità pubblika l-obbligu li tiġġestixxi r-riskju li jaqbeż il-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli għas-soċjetà b’mod li tillimitah għal-livell imsemmi [...]. Il-ġestjoni tar-riskju permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri xierqa intiżi li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, is-sigurtà u l-ambjent tikkorrispondi għaldaqstant għall-azzjonijiet kollha meħuda minn istituzzjoni sabiex taffronta r-riskju b’mod li tillimitah għal livell aċċettabbli.

212

Barra minn hekk, huwa l-obbligu tal-awtorità kompetenti li terġa’ teżamina l-miżuri provviżorji adottati skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni f’terminu raġonevoli. Fil-fatt, ġie deċiż li, meta elementi ġodda jbiddlu l-perċezzjoni ta’ riskju jew juru li dan ir-riskju jista’ jiġi limitat permezz ta’ miżuri inqas restrittivi minn dawk eżistenti, l-istituzzjonijiet, u b’mod partikolari l-Kummissjoni, għandhom jaraw li jadattaw il-leġiżlazzjoni skont id-data ġdida [...]. Għaldaqstant, il-flessibbiltà ta’ miżuri preventivi adottati qabel għandha tkun iġġustifikata b’elementi ġodda li jbiddlu l-evalwazzjoni tar-riskju inkwistjoni.

213

Dawn l-elementi ġodda, bħalma huwa t-tagħrif ġdid jew skoperti xjentifiċi ġodda, meta jiġġustifikaw il-flessibbiltà ta’ miżura preventiva, ibiddlu l-kontenut konkret tal-obbligu li għandhom l-awtoritajiet pubbliċi li jżommu f’livell kostanti l-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Fil-fatt, dawn l-elementi ġodda jistgħu jbiddlu l-perċezzjoni tar-riskju kif ukoll il-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli mis-soċjetà. Il-legalità tal-adozzjoni ta’ miżura preventiva inqas restrittiva ma għandhiex tiġi evalwata abbażi tal-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli li jittieħed inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni tal-miżuri preventivi inizjali. Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ miżuri preventivi inizjali sabiex ir-riskju jitwassal f’livell meqjus aċċettabbli għandha ssir wara evalwazzjoni tar-riskji u, b’mod partikolari, wara li jiġi stabbilit il-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli għas-soċjetà. Jekk elementi ġodda jbiddlu din l-evalwazzjoni tar-riskji, il-legalità tal-adozzjoni ta’ miżuri preventivi inqas restrittivi għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ dawn l-elementi ġodda u mhux skont l-elementi li kienu ddeterminaw l-evalwazzjoni tar-riskji fil-kuntest tal-adozzjoni tal-miżuri preventivi inizjali. Huwa biss meta dan il-livell tar-riskju ġdid jaqbeż il-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli għas-soċjetà li l-qorti għandha tikkonstata ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.”

140

Minn dawn il-motivi jirriżulta li l-Qorti Ġenerali essenzjalment tirrikonoxxi fl-Artikolu 24a tar-Regolament Nru 999/2001 l-istess portata bħal dik li tirriżulta mill-punti 134 sa 136 tas-sentenza preżenti. Sa fejn ir-Repubblika Franċiża ma tikkontestax il-fondatezza ta’ din l-interpretazzjoni iżda tillimita ruħha li tinvoka l-punti tas-sentenza appellata billi ssemmi l-obbligu li żżomm livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

141

Fir-rigward tat-tieni parti tar-raba’ aggravju bbażata fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali ppreżumiet, fil-punt 213 tas-sentenza appellata, li l-elementi xjentifiċi invokati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-adozzjoni tar-regolament inkwistjoni setgħu jimplikaw evoluzzjoni tal-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja l-mod kif din l-argumentazzjoni kienet ifformulata, ir-Repubblika Franċiża llimitat ruħha, fir-realtà, li tikkontesta evalwazzjoni fattwali li l-istħarriġ tagħha ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 256(1) u tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 70 tas-sentenza preżenti.

142

Fir-rigward tal-argument tal-appellanti, invokat sussidjarjament, li jipprovdi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tivverifika jekk, sabiex tiddetermina l-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli, il-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-gravità tar-riskju tat-trażmissibbiltà lill-bniedem ta’ ESK u l-irriversibbiltà ta’ ESK bħala mard, għandu jitfakkar li, fir-rigward ta’ qasam fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni jintalab iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kompetenza tiegħu għandu jiġi limitat għall-eżami dwar jekk huwiex ivvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew b’użu ħażin ta’ poter jew jekk il-leġiżlatur ma jkunx manifestament eċċeda l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italia et, C-236/01, Ġabra p. I-8105, punt 135).

143

Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli għas-soċjetà, huwa b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali llimitat l-istħarriġ tagħha għal żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

144

Barra minn hekk, min-noti ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li r-Repubblika Franċiża ddikjarat espliċitament fit-talbiet addizzjonali tagħha li hija ma kinitx tikkontesta l-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiddeterminaw il-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli għas-soċjetà.

145

Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-argument ippreżentat mir-Repubblika Franċiża ma jinkludi ebda element li jista’ jirrileva li twettaq żball manifest mill-Kummissjoni u li dan ma ġiex identifikat mill-Qorti Ġenerali.

146

F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ilment ibbażat fuq allegat ksur tad-dritt fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-evoluzzjoni tal-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

147

Fir-rigward tat-tielet parti tar-raba’ aggravju tar-Repubblika Franċiża, ibbażata fuq allegata inkoerenza tar-regolament inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment huwa ġdid, inkwantu ma tqajjimx mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali.

148

Fil-fatt, quddiem din il-qorti, l-appellanti ma sostnietx li l-fatt li l-miżuri kkontestati ma jissostitwixxux il-miżuri preventivi preċedenti iżda jikkompletawhom b’miżuri alternattivi kien jaffettwa l-evalwazzjoni tal-legalità tar-regolament inkwistjoni.

149

Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali kkonstatata abbażi tal-motivi invokati quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, b’mod partikolari, sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C-266/05 P, Ġabra p. I-1233, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma invokatx quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn dan ikun jimplika li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-possibbiltà tistħarreġ il-legalità tas-soluzzjoni li ngħatat mill-Qorti Ġenerali, fid-dawl ta’ motivi li din tal-aħħar ma eżaminatx (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-544/09 P, punt 63).

150

Konsegwentement, it-tielet parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

151

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

152

Peress li ebda wieħed mill-aggravji ppreżentati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha ma jista’ jintlaqa’, dan l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

153

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Franċiża tiġi kkundannata għall-ħlas tal-ispejjeż u peress li din tilfet il-kawża, hija għandha għalhekk tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top