Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0576

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-28 ta’ Novembru 2013.
    Il‑Kummissjoni Ewropea vs Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 91/271/KEE — Trattament tal-ilma urban mormi — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Artikolu 260 TFUE — Sanzjonijiet pekunjarji — Impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità u ta’ somma f’daqqa.
    Kawża C‑576/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:773

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    28 ta’ Novembru 2013 ( *1 )

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 91/271/KEE — Trattament tal-ilma urban mormi — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Artikolu 260 TFUE — Sanzjonijiet pekunjarji — Impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità u ta’ somma f’daqqa”

    Fil-Kawża C‑576/11,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260 TFUE, ippreżentat fit-18 ta’ Novembru 2011,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet, kif ukoll minn B. Simon u E. Manhaeve, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn P. Frantzen u C. Schiltz, bħala aġenti,

    konvenut,

    sostnut minn:

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn S. Behzadi‑Spencer, C. Murrell u S. Ford, bħala aġenti,

    intervenjent,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur), u E. Levits, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ April 2013,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    tikkonstata li, billi ma adottax il-miżuri kollha neċessarji li jinkludu l-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑452/05), il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu abbażi tal-Artikolu 260(1) TFUE;

    tikkundanna lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu jħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 11 340 għal kuljum ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, b’effett mill-ġurnata meta tingħata s-sentenza fil-kawża preżenti sal-ġurnata meta ser tiġi eżegwita s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq;

    tikkundanna lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu jħallas lill-Kummissjoni s-somma f’daqqa ta’ EUR 1 248 kuljum, b’effett mill-ġurnata li tingħata s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, sal-ġurnata li tingħata s-sentenza f’din il-kawża jew sal-ġurnata meta tiġi eżegwita s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, jekk l-implementazzjoni tagħha sseħħ qabel; u

    tikkundanna lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu għall-ispejjeż.

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26), jipprovdi l-għanijiet li ġejjin:

    “Din id-Direttiva tikkonċerna l-ġbir, it-trattament u l-iskariki ta’ ilma mormi urban u t-trattment u l-iskariki ta’ ilma mormi minn ċertu setturi industrijali. L-għan tad-Direttiva huwa li tipproteġi l-Ambjent minn effetti negattivi [dovuti għall-]iskariki ta’ ilma mormi hawn fuq imsemmija.”

    3

    Il-punt 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 91/271 jiddefinixxi “1 e.p. (ekwivalenti ta’ popolazzjoni)” bħala “it-toqol organiku biodegradabbli li jkollu domanda għall-ossiġenu bio-kemikali ta’ ħamest ijiem (BOD5) ta’ 60 g ta’ ossiġnu kuljum”.

    4

    L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “1.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 2, l-Istati Membri sal-31 ta’ Diċembru 1993 għandhom jidentifikaw żoni sensittivi skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness II.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir ikun, qabel ma jippermettu l-iskarikar tiegħu f’żoni sensittivi, soġġett għal trattament iktar strett minn dak deskritt fl-Artikolu 4, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998 għall-skariki kollha minn agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 10000 e.p.

    [...]

    4.   Alternattivament, kriterji għall-impjanti individwali stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 hawn fuq m’għandhomx għalfejn ikunu applikabbli f’żoni sensittivi fejn jista’ jintwera li l-persentaġġ minimu ta’ tnaqqis tat-toqol ġenerali li jidħol fl-impjanti tat-trattament ta’ l-ilma mormi kollha f’dik iż-żona jkun minn ta’ lanqas 75 % għall-fosfru totali u minn ta lanqas 75 % għan-nitroġenu totali.

    5.   Skariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban li jkunu jinsabu fiz-żoni li fihom jinġabar l-ilma relevanti ta’ żoni sensittivi u li jikkontribwixxu għat-tniġġis ta’ dawn iż-żoni għandhom ikunu soġġetti għall-paragrafi 2, 3 u 4.

    F’każijiet fejn iż-żoni li jinġabar fihom l-ilma msemmija fuq ikunu jinsabu kompletament jew parzjalment fi Stat Membru ieħor, għandu japplika l-Artikolu 9.

    [...]

    8.   Stat Membru m’għandux għalfejn jidentifika żoni sensittivi għall-għan ta’ din id-Direttiva jekk dan jimplimenta t-trattament stabbilit taħt il-paragrafi 2, 3 u 4 fit-territorju kollu tiegħu.”

    Is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu

    5

    Fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu kien sostna li programm ta’ azzjoni nazzjonali intiż li jimmodernizza l-impjanti tat-trattament komunali kien ġie implementat sabiex jiġu osservati d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 91/271. B’hekk, dan l-Istat Membru kien iqis li l-perċentwali ta’ tnaqqis tat-toqol ġenerali tan-nitroġenu kellu jilħaq il-75 % sa mhux iktar tard mill-2008 wara li jintemmu x-xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni tal-impjanti tat-trattament ikkonċernati.

    6

    Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, kienet qieset li tmienja minn ħdax-il agglomerazzjoni li kellhom iktar minn 10000 e.p. ma kinux konformi mad-Direttiva 91/271.

    7

    Fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, billi ma kienx f’miżura li jipprova li l-perċentwali minima ta’ tnaqqis tat-toqol ġenerali li jidħol fl-impjanti ta’ trattament inkwistjoni kien jilħaq minn ta’ lanqas 75 % tan-nitroġenu totali, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/271.

    Il-proċedura prekontenzjuża

    8

    Fil-kuntest tal-kontroll tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, fis-6 ta’ Diċembru 2006, talbet lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu biex jiddeskrivi l-miżuri meħuda biex jeżegwixxi din is-sentenza.

    9

    Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni, tas-27 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni informat lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu li hija kienet għadha ma rċeviet ebda komunikazzjoni tal-miżuri meħuda minn dan l-Istat Membru biex jeżegwixxi s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq. Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu wieġeb għal din l-ittra ta’ intimazzjoni fis-7 ta’ Awwissu 2007.

    10

    Wara din ir-risposta, ikkunsidrata bħala mhux sodisfaċenti, il-Kummissjoni, fit-23 ta’ Ottubru 2007, bagħtet opinjoni motivata lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Dan tal-aħħar wieġeb permezz ta’ ittri tal-21 ta’ Jannar 2008 u tat-23 ta’ Diċembru 2009.

    11

    Ġiet indirizzata ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali lill-imsemmi Stat Membru, fit-28 ta’ Ġunju 2010, li dan tal-aħħar wieġeb għaliha permezz ta’ ittri tas-17 ta’ Settembru 2010, kif ukoll tat-12 ta’ Mejju 2011 u tat-28 ta’ Ġunju 2011.

    12

    Fid-dawl tar-risposti pprovduti mill-Grand Dukat tal-Lussemburgu, il-Kummissjoni qieset li dan tal-aħħar kien għadu ma eżegwixxiex bis-sħiħ is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, peress li sitt impjanti ta’ trattament li jservu agglomerazzjonijiet ta’ iktar minn 10 000 e.p. ma kinux dejjem konformi mal-obbligi pprovduti fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/271 fl-aħħar tas-sena 2010.

    13

    Billi l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma kienx adotta, fit-terminu, il-miżuri li jiżguraw l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

    L-iżviluppi li seħħew matul din il-proċedura

    14

    Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ April 2012, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġie ammess bħala parti intervenjenti sabiex isostni t-talbiet tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

    15

    Mis-seduta tal-24 ta’ April 2013 jirriżulta li l-Kummissjoni u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu kienu jużaw metodi ta’ kalkolu differenti biex ikejlu r-rata ta’ konformità tal-impjanti ta’ trattament ikkonċernati.

    16

    Skont il-Kummissjoni, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jevalwa l-impjanti li jservu l-belt ta’ Lussemburgu fuq il-bażi ta’ kriterju ta’ 15 mg ta’ nitroġenu totali kull litru filwaqt li, fir-rigward ta’ agglomerazzjoni ta’ iktar minn 100 000 e.p., għandhom jiġu sodisfatti l-kriterji ta’ 10 mg ta’ nitroġenu totali kull litru. Għaldaqstant, li kieku kellhom jiġu aċċettati l-kriterji użati mill-Kummissjoni, erba’ impjanti ma jkunux konformi, filwaqt li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jqis li, issa, żewġ impjanti minn sitta għadhom ma humiex konformi.

    17

    Fil-fatt, matul is-seduta, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu qies li tnejn biss mill-impjanti ma humiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/271, jiġifieri dawk ta’ Bonnevoie u ta’ Bleesbruck. Fir-rigward tal-ewwel wieħed, ix-xogħlijiet għandhom jitlestew l-iktar tard matul is-sena 2014. Fir-rigward tat-tieni wieħed, l-aġent ta’ dan l-Istat Membru ma kienx f’pożizzjoni li jagħti data preċiża għat-tlestija tax-xogħlijiet, iżda huwa indika li, fi kwalunkwe każ, dawn ix-xogħlijiet għandhom idumu iktar fit-tul minn dawk previsti għall-impjant ta’ Bonnevoie.

    Fuq in-nuqqas ta ’ twettiq ta ’ obbligu

    L-argumenti tal-partijiet

    18

    Fir-rigward tan-nuqqas allegat, il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 261(1) TFUE, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi imposti fuqu taħt it-Trattat FUE, dan l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha sabiex jeżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fir-rigward tat-terminu li fih kellha sseħħ l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni tippreċiża li hija ġurisprudenza stabbilita li l-interess marbut ma’ applikazzjoni immedjata u uniformi tad-dritt tal-Unjoni jeżiġi li din l-eżekuzzjoni tinbeda immedjatament u li għandha sseħħ fl-iqsar terminu possibbli (sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza, C-121/07, Ġabra p. I-9159, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    19

    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jindika żvilupp tas-sitwazzjoni fil-kuntest ta’ sitta mill-impjanti ta’ trattament ikkonċernati. Huwa ta preċiżazzjonijiet fir-rigward tas-sitt impjanti ta’ trattament kif ukoll spjegazzjonijiet fir-rigward tal-allegat ksur.

    20

    Fir-rigward tal-impjant ta’ trattament ta’ Übersyren, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jispjega li dan l-impjant jirċievi l-ilma mormi tal-ajruport tal-Lussemburgu. Il-waqgħa ta’ borra abbundanti b’mod eċċezzjonali fix-xahar ta’ Diċembru 2010 hija l-oriġini ta’ qbiż mhux tas-soltu tal-figuri għal dan ix-xahar minħabba l-kwantità ta’ prodotti użati, minn naħa, biex jiġu lliberati r-runways, it-toroq ta’ ċirkolazzjoni, kif ukoll iż-żoni tat-traffiku u, min-naħa l-oħra, biex jitneħħa l-ġelu mill-ajruplani qabel it-tluq mill-art u t-tlugħ tagħhom. In-nuqqas ta’ konformità tal-parametru “BOD” jirriżulta mill-użu fi kwantitajiet kbar ta’ glycol bħala aġent li jneħħi l-ġelu fuq il-ġwienaħ tal-ajruplan matul dan il-perijodu. Il-qbiż tal-valur limitu għal dan il-parametru huwa bla effett fuq l-eliminazzjoni ta’ materjali nitroġeni, b’tali mod li, kuntrarjament għal dak li tidher li qed tissuġġerixxi l-Kummissjoni, ma kienx hemm inkoerenza fil-konklużjonijiet li l-awtoritajiet nazzjonali setgħu jisiltu mir-riżultati tal-analiżi.

    21

    Skont il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-prestazzjoni fqira tax-xahar biss ta’ Diċembru 2010 wassal għan-nuqqas ta’ konformità tal-impjant ta’ trattament ta’ Übersyren għas-sena 2010 filwaqt li, tal-inqas mill-2003, il-prestazzjoni ta’ dan l-impjant ta’ trattament kien konformi mal-valuri preskritti mid-Direttiva 91/271. Fil-fatt, il-figuri miġbura sa llum għas-sena 2011 jikkonfermaw li dan kien jirrigwarda avveniment eċċezzjonali.

    22

    Fir-rigward tal-impjant ta’ trattament ta’ Beggen, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jindika li dan l-impjant beda jaħdem matul l-ewwel semestru tas-sena 2011, u li huwa bil-bosta l-ikbar impjant ta’ trattament f’dan l-Istat. B’kapaċità ta’ trattament ta’ 300 000 e.p. għandu kapaċità ta’ trattament tliet darbiet ogħla mit-tieni l-ikbar impjant tal-pajjiż, u jiżgura wkoll it-trattament tan-nofs tat-toqol iġġenerat mill-agglomerazzjoni tal-Lussemburgu. Il-prestazzjonijiet ikomplu jitjiebu u jippermettu li tinżamm il-konklużjoni li l-installazzjoni hija fil-qrib li tilħaq il-livell ta’ prestazzjoni meħtieġ.

    23

    Ir-riżultati miġbura għall-impjant ta’ Hesperange juru wkoll li l-prestazzjonijiet huma konformi mal-livell preskritt mid-Direttiva 91/271.

    24

    Minħabba l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi mhux tas-soltu tax-xitwa tal-2010, is-sit tal-impjant ta’ trattament ta’ Mersch kellu dewmien żgħir, b’tali mod li t-tqegħid fis-servizz tal-ewwel fażi li tista’ tiżgura t-trattament ta’ volum suffiċjenti biex ikopri l-bżonnijiet attwali kellu jseħħ fl-ewwel trimestru tas-sena 2012 minflok it-tielet trisemestru tas-sena 2011.

    25

    Wara negozjati mill-ġdid mal-kuntrattur tax-xogħlijiet, peress li l-ordni għax-xogħlijiet ta’ tħammil tal-kollettur li għandhom jiżguraw it-trasport tal-ilma mormi attwalment ittrattat mill-impjant ta’ trattament ta’ Bonnevoie lejn l-impjant ta’ trattament ta’ Beggen ingħata fil-bidu tax-xahar ta’ Ottubru 2011. Peress li x-xogħlijiet bdew, it-terminu ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet huwa ta’ 900 jum.

    26

    Fl-aħħar nett, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jindika li l-proġett ta’ estensjoni u ta’ mmodernizzar tal-impjant ta’ trattament ta’ Bleesbruck qed jiġi elaborat u għandu fi kwalunkwe każ jieħu inkunsiderazzjoni r-riżultat tal-istudju ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent li għadu għaddej.

    27

    Huwa jikkonkludi billi jispeċifika li, anki jekk sanzjoni kellha tkun proporzjonata u dissważiva, ix-xogħlijiet biex dan l-Istat Membru jikkonforma ruħu mas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, għadhom għaddejjin u ma jistgħux jiġu aċċellerati. Fil-fatt, din ma hijiex is-sempliċi adozzjoni ta’ att mill-Kamra tad-Deputati, iżda xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew saħansitra ta’ trasformazzjoni u ta’ konformità mal-imsemmija sentenza.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    28

    Skont l-Artikolu 260(2) TFUE, jekk il-Kummissjoni tqis li l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx adotta l-miżuri neċessarji li tikkomporta l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li tagħti lil dan l-Istat l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu, u fl-istess ħin tispeċifika l-ammont ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa jew tal-pagamenti ta’ penali li għandu jħallas l-Istat Membru kkonċernat li hija tikkunsidra xierqa fiċ-ċirkustanzi.

    29

    F’dan ir-rigward, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(1) TFUE hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta skont din id-dispożizzjoni (sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C-610/10, punt 67, kif ukoll tal-25 ta’ Ġunju 2013, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka, C-241/11, punt 23).

    30

    F’dan il-każ, kif irrikonoxxa l-Gran Dukat tal-Lussemburgu matul is-seduta, tal-inqas fir-rigward ta’ żewġ impjanti ta’ trattament, dan l-Istat Membru ma kienx ikkonforma ruħu mar-rekwiżiti preskritti mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu ċċitata iktar ’il fuq. Għalhekk, huwa paċifiku li, fi tmiem il-perijodu ta’ xahrejn wara li dan l-Istat Membru rċieva l-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali msemmija fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, jiġifieri t-28 ta’ Awwissu 2010, dan l-Istat Membru ma kienx, fi kwalunkwe każ, adotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex jikkonforma ruħu bis-sħiħ mal-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija sentenza.

    31

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottax il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas mill-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 260(1) TFUE.

    Fuq is-sanzjonijiet pekunjarji

    L-argumenti tal-partijiet

    32

    Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu jħallas, minn naħa, somma f’daqqa ta’ EUR 1 248, immultiplikata bin-numru ta’ jiem inkluż bejn l-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, u d-data tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tintervjeni f’din il-proċedura jew fil-mument tal-konformità sħiħa mal-imsemmija sentenza, kif ukoll, min-naħa l-oħra, pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 11 340 b’effett mid-data ta’ din is-sentenza tal-aħħar u sal-eżekuzzjoni sħiħa minn dan l-Istat Membru tal-ewwel sentenza.

    33

    B’riferiment għal-linji gwida li jinsabu fil-komunikazzjoni tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2005, intitolata “Implimentazzjoni tal-Artikolu 228 tat-Trattat KE” [SEC (2005) 1658], kif aġġornata bil-komunikazzjoni tal-20 ta’ Lulju 2010, intitolata, “Implementazzjoni tal-Artikolu 260 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea – Aġġornament tal-informazzjoni użata għall-kalkolu tas-somom f’daqqa u tal-multi li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur” [SEK (2010) 923/3], il-Kummissjoni tqis li l-iffissar ta’ sanzjonijiet finanzjarji għandu jkun ibbażat fuq il-gravità tal-ksur, fuq it-tul ta’ dan tal-aħħar u fuq in-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni biex jiġu evitati r-reċidivi.

    34

    Qabel kollox, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni tipproponi li tapplika sanzjonijiet ikkalkolati fuq il-bażi ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 6 fuq 20, fid-dawl kemm tal-importanza tar-regoli tal-Unjoni li kienu s-suġġett tal-ksur, jiġifieri dawk ta’ direttiva intiża li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, kif ukoll tal-effetti tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza inkwistjoni fuq l-interessi ġenerali u partikolari, u tal-kobor tar-riskju tat-tniġġis li jirriżulta.

    35

    Sussegwentement, fir-rigward tal-kriterju dwar it-tul tal-ksur, il-Kummissjoni ssostni li għandu jiġi kkalkolat l-ammont tas-somma f’daqqa fid-dawl tal-perijodu inkluż bejn l-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, li tagħha qed tintalab l-eżekuzzjoni, u d-data li fiha hija ddeċidiet li tressaq il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-proċedura, jiġifieri madwar 59 xahar, u dan jikkorrispondi, b’applikazzjoni tal-komunikazzjoni tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2005, għal koeffiċjent ta’ tul ta’ 3.

    36

    Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-ħtieġa ta’ penali dissważiva ta’ natura li tiġi evitata r-reċidività, il-Kummissjoni, skont il-komunikazzjoni tal-20 ta’ Lulju 2010, stabbilixxiet għal 1 il-fattur “n”, ibbażat fuq il-kapaċità ta’ ħlas tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

    37

    Fit-talbiet tiegħu kemm bil-miktub kif ukoll orali, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li l-isforzi u t-titjib kif ukoll ix-xogħlijiet neċessarji biex jikkonforma ruħu mas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-gravità, jew saħansitra tat-tul, tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu. Fil-fatt, ġaladarba l-konformità ma tistax issir biss permezz ta’ att leġiżlattiv, iżda teħtieġ sett ta’ pjanijiet, ta’ abbonamenti, li għalihom huwa dovut ċertu dewmien, u ta’ xogħlijiet, minn dan jirriżulta li t-tul tat-tqegħid f’konformità huwa neċessarjament itwal milli għal sempliċi att leġiżlattiv.

    38

    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jżid li b’konsegwenza l-livell ta’ gravità għandu jiġi evalwat. Tul itwal tat-tqegħid f’konformità fil-każ preċiż ma jiġġustifikax neċessarjament, skont dan l-Istat Membru, evalwazzjoni iktar severa tal-gravità tal-ksur u għalhekk l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa ogħla.

    39

    Ir-Renju Unit iqis li l-Kummissjoni għandha tipprovdi, fil-kuntest ta’ proġetti ta’ infrastruttura fuq skala kbira, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, terminu ta’ eżekuzzjoni raġonevoli meta jitqiesu l-parametri kollha, bħad-disinn tal-proġett, l-implementazzjoni teknika tiegħu jew in-natura tal-preskrizzjonijiet leġiżlattivi li tagħhom għandha tiġi żgurata l-osservanza. Il-Kummissjoni għandha wkoll, jekk ikun il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni l-avvenimenti li ma humiex imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat, bħall-każijiet ta’ katastrofi naturali. Fost l-elementi li jippermettu li tiġi evalwata n-natura raġonevoli jew le ta’ terminu għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji previsti mid-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali. Finalment, ir-Renju Unit isostni li huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tipprova li ż-żmien meħud biex tiġi eżegwita sentenza b’rikonoxximent tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma huwiex raġonevoli.

    40

    Skont ir-Renju Unit, il-Kummissjoni għandha tkun lesta tagħti lill-Istat Membru kkonċernat terminu raġonevoli għat-twettiq mhux biss tax-xogħlijiet minimi neċessarji, iżda wkoll ta’ proġett iktar ambizzjuż u li jibbenefika lill-ambjent li Stat Membru jista’ jixtieq li jwettaq bil-għan li jikkonforma ruħu ma’ sentenza mogħtija abbażi tal-Artikolu 258 TFUE.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    41

    Peress li rrikonoxxiet li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma kkonformax ruħu mas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, li tagħha l-Kummissjoni tfittex l-eżekuzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ timponi fuq dak l-Istat Membru, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(2) TFUE, il-ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ penalità.

    42

    F’dan ir-rigward, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(1) TFUE hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta skont din id-dispożizzjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 67, u Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka, punt 23). Madankollu, meta, bħal f’dan il-każ, il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tkun inbdiet abbażi tal-Artikolu 228(2) KE, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata maħruġa qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jiġifieri l-1 ta’ Diċembru 2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C-496/09, Ġabra p. I-11483, punt 27).

    Fuq il-pagamenti ta’ penalità

    – Fuq il-prinċipju tal-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità

    43

    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, bħala prinċipju hija ġġustifikata biss sakemm jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza preċedenti sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C-374/11, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    Għandu jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, li, fil-mument ta’ dan l-eżami kif ukoll fid-data tas-seduta, il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, kienu għadhom ma ġewx adottati kollha.

    45

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-kundanna tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għall-ħlas ta’ penalità tikkostitwixxi mezz finanzjarju xieraq sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq.

    – Fuq l-ammont tal-pagamenti tal-penalità

    46

    Għandu jitfakkar li fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità b’tali mod li dawn ikunu, minn naħa, adattati għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura koerċitiva tal-pagamenti ta’ penalità fid-dawl tal-applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, it-tul tal-ksur, il-livell ta’ gravità tiegħu, u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji l-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi pubbliċi u privati inkwistjoni kif ukoll l-urġenza li l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu (ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    48

    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tissuġġerixxi li jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità għal kuljum, it-tnaqqis progressiv tan-numru ta’ e.p. li ma jikkonformawx, jiġifieri mhux miġbur jew mhux ittrattat jew ittrattat b’mod mhux sodisfaċenti. Dan jippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-progress imwettaq mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu bil-għan li tiġi eżegwita s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    49

    Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tipproponi li tiġi adattata s-sistema ta’ kalkolu tal-pagamenti tal-penalità mal-għan li ma jiġix ippenalizzat il-Gran Dukat tal-Lussemburgu billi teżiġi li jħallas għall-ksur ikkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja li kien waqaf matul il-perijodu neċessarju biex tintwera l-konformità inkwistjoni, jiġifieri meta, fl-aħħar ta’ dan il-perijodu, jirriżulta li t-trattament applikat kien konformi mad-Direttiva 91/271 matul l-imsemmi perijodu.

    50

    F’dan is-sens, il-Kummissjoni tipproponi li ma jiġix ikkunsidrat fil-kalkolu tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, matul perijodu ta’ sitt xhur, in-numru totali ta’ e.p. ikkonċernat minn trattament terzjarju. Fl-aħħar ta’ dan il-perijodu ta’ sitt xhur, l-ewwel nett, jekk ir-riżultati huma konformi mad-Direttiva 91/271, fir-rigward tal-frekwenza tal-kampjuni u l-valuri korretti, l-impjant ta’ trattament ikun allura kkunsidrat bħala li japplika trattament konformi u l-e.p. korrispondenti mnaqqsa b’mod definittiv mill-kalkolu tal-pagamenti tal-penalità. It-tieni nett, jekk ir-riżultati fuq is-sitt xhur juru li t-tħaddim tal-impjant ta’ trattament ma huwiex konformi, l-e.p. korrispondenti jiġu għalhekk integrati mill-ġdid fil-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità. Finalment, it-tielet nett, f’każ ta’ riżultati medjokri iżda li jistgħu jkunu konformi fuq perijodu ta’ tnax-il xahar bħal ma tindikah id-Direttiva 91/271, jista’ jiġi deċiż perijodu ġdid ta’ sospensjoni ta’ sitt xhur. Fl-ipoteżi ta’ assenza ta’ konformità kkonfermata, l-e.p. korrispondenti jerġgħu għalhekk jiġu integrati mill-ġdid fil-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità u jkunu għalhekk dovuti għall-perijodu kollu ta’ sospensjoni ta’ tnax-il xahar.

    51

    Issa, għalkemm huwa minnu li, skont il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, iċ-ċaħdiet tal-e.p. mhux konformi fil-Lussemburgu naqsu matul is-sena 2011, liema fatt inaqqas ir-rata ta’ nuqqas ta’ konformità (fi e.p.) minn 64 % għal 21 %, madankollu, għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi aggravanti kkonstatati mill-Kummissjoni.

    52

    Fl-ewwel lok, kif ikkonstatat il-Kummissjoni, iktar minn ħames snin għaddew mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq. Il‑Gran Dukat tal-Lussemburgu kellu, sa dan il-jum, iktar milli biżżejjed żmien biex jeżegwixxi bis-sħiħ din is-sentenza, billi d-Direttiva 91/271 tipprovdi inizjalment ħames snin biex jissodisfa l-obbligi tiegħu.

    53

    Fit-tieni lok, meta indikaw it-territorju sħiħ nazzjonali bħala “żona sensittiva”, l-awtoritajiet Lussemburgiżi ddeċidew li l-massa ta’ ilma tal-wiċċ kienet diġà affettwata jew setgħet tiġu affettwata f’qasir żmien minn fenomenu ta’ ewtrofiżazzjoni. Din l-indikazzjoni, ikkonfermata permezz ta’ ittra tal-1999 ta’ dawn l-istess awtoritajiet lill-Kummissjoni, twassal għal kunsiderazzjoni li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma kienx jista’ jinjora n-neċessità li wieħed jipproċedi bix-xogħlijiet li jippermettu li l-impjanti ta’ trattament tiegħu jsiru konformi mad-dritt tal-Unjoni, mill-inqas mill-1999.

    54

    F’dan il-każ, il-pagamenti ta’ penalità ma jistgħux jiġu sospiżi jew imnaqqsa qabel il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jkunx ħa l-miżuri kollha neċessarji li jinkludu l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, u, b’konsegwenza, l-eżekuzzjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 91/271.

    55

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-impożizzjoni tas-somma bħal dik issuġġerita mill-Kummissjoni ma tiħux debitament inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu kien diġà eżegwixxa parti importanti tal-obbligi tiegħu, b’mod li tali impożizzjoni ma hijiex proporzjonali.

    56

    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ ammont ta’ EUR 2 800 kuljum b’effett mill-jum tal-għoti ta’ din is-sentenza sad-data li fiha l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jkun ikkonforma ruħu mas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, hija xierqa biex tinkiseb l-eżekuzzjoni ta’ din tal-aħħar.

    Fuq is-somma f’daqqa

    57

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa hija bbażata essenzjalment fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun kompla għal żmien twil wara s-sentenza li kienet inizjalment ikkonstatatu (sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    58

    Barra minn hekk, l-eventwalità ta’ tali kundanna u l-iffissar tal-ammont eventwali tal-ħlas ta’ somma f’daqqa għandhom, f’kull każ, jibqgħu l-funzjoni tal-elementi kollha rilevanti li jkunu relatati kemm mal-karatteristiċi tan-nuqqas ikkonstatat kif ukoll mal-aġir speċifiku tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċedura mibdija abbażi tal-Artikolu 260 KE (sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

    59

    F’dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok li timponi tali sanzjoni jew le u li tiddetermina, skont il-każ, l-ammont tagħha. B’mod partikolari, il-kundanna ta’ Stat Membru għall-ħlas ta’ somma f’daqqa ma jistax ikollha natura awtomatika (sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

    60

    Għalhekk, il-proposti tal-Kummissjoni ma jistgħux jivvinkolaw lill-Qorti tal-Ġustizzja u jikkostitwixxu biss indikazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

    61

    F’dak li jirrigwarda l-osservazzjonijiet tal-Grand Dukat tal-Lussemburgu u tar-Renju Unit skont liema l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ proġetti kbar ta’ infrastruttura, bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, terminu ta’ eżekuzzjoni raġonevoli, skont il-kobor u d-diffikultà tat-twettiq ta’ dawn il-proġetti, fejn it-tul tal-ksur li jibda jiġi evalwat biss qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, għandu jiġi kkonstatat li n-natura, il-kumplessità, l-ispiża u t-tul tat-twettiq tal-imsemmija proġetti mill-Istat Membru kkundannat għandhom jiġu kkunsidrati kemm fl-evalwazzjoni tan-neċessità li tiġi imposta somma f’daqqa kif ukoll fl-iffissar tal-ammont tagħha.

    62

    Issa, mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jwettaq attwalment sforzi u investimenti importanti biex tiġi eżegwita s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li, wara li ngħatat din is-sentenza, in-numru ta’ agglomerazzjonijiet li ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/271, kienu ġew imnaqqsa għal sitt agglomerazzjonijiet fuq it-tnax eżistenti.

    63

    Filwaqt li għandu jiġi enfasizzat dan l-isforz ta’ investiment innegabbli, hemm lok ukoll li jiġi rrilevat li, billi kklassifika t-territorju sħiħ tiegħu bħala “żona sensittiva”, skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva u l-Anness II tagħha, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu rrikonoxxa n-neċessità ta’ protezzjoni ambjentali ikbar tat-territorju tiegħu. Issa, l-assenza ta’ trattament tal-ilma urban mormi jikkostitwixxi ħsara partikolarment kbira fuq l-ambjent.

    64

    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, dam madwar seba’ snin, li huwa eċċessiv, anki jekk għandu jiġi rrikonoxxut li l-kompiti li għandhom jiġu eżegwiti jeħtieġu perijodu sinjifikattiv ta’ diversi snin u li l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza għandha titqies li hija avvanzata.

    65

    Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, fid-dawl tat-tul eċċessiv tal-ksur, li huwa ġġustifikat, f’din il-kawża, li tikkundanna lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu għall-ħlas ta’ somma f’daqqa.

    66

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ billi tistabbilixxi għal EUR 2 000 000 l-ammont tas-somma f’daqqa li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jħallas.

    67

    Għaldaqstant hemm lok li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jiġi kkundannat iħallas lill-Kummissjoni fuq il-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, is-somma f’daqqa ta’ EUR 2 000 000.

    Fuq l-ispejjeż

    68

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, u peress li ġie kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, dan tal-aħħar għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, li jipprovdi li l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, hemm lok li r-Renju Unit jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Billi ma adottax il-miżuri kollha neċessarji sabiex jeżegwixxi s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑452/05), il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 260(1) TFUE.

     

    2)

    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jiġi kkundannat iħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, is-somma f’daqqa ta’ EUR 2 000 000.

     

    3)

    Fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ikkonstatat fil-punt 1 jippersisti sal-jum ta’ meta tingħata din is-sentenza, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jiġi kkundannat iħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, penalità ta’ EUR 2 800 għal kuljum ta’ dewmien fl-implementazzjoni neċessarja sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, li tibda tiddekorri mid-data ta’ għoti tas-sentenza f’din il-kawża, sal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq.

     

    4)

    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu huwa kkundannat għall-ispejjeż.

     

    5)

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top