Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0555

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Ottubru 2013.
Enosi Epangelmation Asfaliston Ellados (EEAE) et vs Ypourgos Anaptyxis u Omospondia Asfalistikon Syllogon Ellados.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias.
Direttiva 2002/92/KE – Medjazzjoni fl-assigurazzjoni – Esklużjoni tal-attivitajiet eżerċitati minn impriża ta’ assigurazzjoni jew minn impjegat li jaġixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha – Possibbiltà għall-imsemmi impjegat li jeżerċita okkażjonalment attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni – Rekwiżiti professjonali.
Kawża C‑555/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:668

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Direttiva 2002/92/KE — Medjazzjoni fl-assigurazzjoni — Esklużjoni tal-attivitajiet eżerċitati minn impriża ta’ assigurazzjoni jew minn impjegat li jaġixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha — Possibbiltà għall-imsemmi impjegat li jeżerċita okkażżjonalment attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni — Rekwiżiti professjonali”

Fil-Kawża C‑555/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Awwissu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Novembru 2011, fil-proċedura

Enosi Epangelmation Asfaliston Ellados (EEAE ),

Syllogos Asfalistikon Praktoron N. Attikis (SPATE),

Panellinios Syllogos Asfalistikon Symvoulon (PSAS),

Syndesmos Ellinon Mesiton Asfaliseon (SEMA),

Panellinios Syndesmos Syntoniston Asfalistikon Symvoulon (PSSAS)

vs

Ypourgos Anaptyxis,

Omospondia Asfalistikon Syllogon Ellados,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Enosi Epangelmation Asfaliston Ellados (EEAE), is-Syllogos Asfalistikon Praktoron N. Attikis (SPATE), il-Panellinios Syllogos Asfalistikon Symvoulon (PSAS), is-Syndesmos Ellinon Mesiton Asfaliseon (SEMA) u l-Panellinios Syndesmos Syntoniston Asfalistikon Symvoulon (PSSAS), minn A. K. Sinis, dikigoros,

għall-Ypourgos Anaptyxis, minn N. Amiralis, bħala aġent,

għall-Omospondia Asfalistikon Syllogon Ellados, minn C. Theodorou u C. Synodinos, dikigoroi,

għall-Gvern Grieg, minn M. Germani u F. Dedousi, kif ukoll minn G. Karipsiades u N. Amiralis, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċiprijott, minn N. Kyriakou, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Zervas u K.-Ph. Wojcik kif ukoll minn N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Settembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Diċembru 2002, dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 330).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn diversi assoċjazzjonijiet professjonali fil-qasam tal-medjazzjoni fl-assigurazzjoni, jiġifieri l-Enosi Epangelmation Asfaliston Ellados (EEAE) (l-Unjoni tal-Professjonisti tal-Assigurazzjoni tal-Greċja), is-Syllogos Asfalistikon Praktoron N. Attikis (SPATE) (l-Assoċjazzjoni tal-Aġenti tal-Assigurazzjoni tad-Dipartiment ta’ Attique), il-Panellinios Syllogos Asfalistikon Symvoulon (PSAS) (l-Assoċjazzjoni panellenika tal-Konsulenti tal-Assigurazzjoni), is-Syndesmos Ellinon Mesiton Asfaliseon (SEMA) (l-Unjoni Ellenika tas-Sensara tal-Assigurazzjoni) u l-Panellinios Syndesmos Syntoniston Asfalistikon Symvoulon (PSSAS) (l-Unjoni panellenika tal-Koordinaturi tal-Konsulenti tal-Assigurazzjoni, iktar ’il quddiem flimkien l-“EEAE et”) u l-Ypourgos Anaptyxis (Ministru tal-Iżvilupp) u l-Omospondia Asfalistikon Syllogon Ellados (il‑Federazzjoni tal-Assoċjazzjonijiet tal-Assiguraturi tal-Greċja), dwar rikors intiż għall-annullament parzjali tad-digriet tas-Segretarju tal-Istat għall-Iżvilupp Nru°K3‑8010 tat-8 ta’ Awwissu 2007, li jiddetermina l –kundizzjonijiet sabiex jiġu ċċertifikati l-esperjenza, l-abbiltajiet u l-konoxxenzi ġenerali, kummerċjali u professjonali tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 6 u 9 tad-Direttiva 2002/92 huma fformulati kif ġej:

“(6)

Intermedjarji ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni għandhom ikunu jistgħu jipprofittaw irwieħhom mill-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jipprovdu servizzi li huma miġbura fit-Trattat.

(7)

L-inabbiltà ta’ intermedjarji ta’ assigurazzjoni li joperaw liberament fil-Komunità kollha tfixkel il-funzjonament xieraq tas-suq wieħed fl-assigurazzjoni.

(8)

Il-kordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ħtiġiet professjonali u r-reġistrazzjoni ta’ persuni li jibdew u jsegwu l-attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni tista’ għalhekk tikkontribwixxi kemm għal kompletezza tas-suq wieħed għas-servizzi finanzjarji u t-tkabbir fil-valur tal-protezzjoni tal-klijent f’dan il-qasam.

(9)

Tipi differenti ta’ persuni jew istituzzjonijiet, bħal aġenti, sensara u operaturi ta’ ‘bancassurance’, jistgħu jqassmu prodotti ta’ assigurazzjoni. Ugwaljanza fit-trattament bejn operaturi u l-protezzjoni tal-klijent teħtieġ li dawn il-persuni kollha jew istituzzjonijiet ikunu koperti b’din id-Direttiva.”

4

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/92 jipprovdi li:

“Din id-Direttiva tippreskrivi r-regoli għall-bidu u l-insegwiment ta’ l-attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni u riassigurazzjoni minn persuni naturali jew ġuridiċi li huma stabbiliti fi Stat Membru jew li jixtiequ li jkunu stabbiliti hemmhekk.”

5

Skont l-Artikolu 2(3)u (5) tad-Direttiva 2002/29:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

3)

‘medjazzjoni ta’ assiguarzzjoni’ [medjazzjoni fl-assigurazzjoni] tfisser attivitajiet ta’ introduzzjoni, proposti jew it-twettieq ta’ xogħol ieħor preparatorju għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, jew li dawk il-kuntratti jiġu konklużi, jew f’għajnuna fl-amministrazzjoni jew twettieq ta’ dawk il-kuntratti, b’mod partikolari fil-każ ta’ talba.

Dawn l-attivitajiet meta mw[e]ttqa minn impriża ta’ assigurazzjoni jew impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjonili jaġixxi taħt ir-responsabbiltà ta’ impriża ta’ assigurazzjoni m’għandhomx jitqiesu bħala medjazzjoni fl-assigurazzjoni.

[…]

5)

‘intermedjarju ta’ assigurazzjoni’ tfisser kull persuna naturali jew ġuridika li, bi ħlas, tibda jew issegwi medjazzjoni fl-assigurazzjoni”.

6

L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“L-intermedjarji ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni għandhom ikunu jippossjedu l-għerf u l-abbiltà adattati kif stabbilit mill-pajjiz ta’ l-Istat Membru ta’ l-intermedjarju.

Il-pajjiżi ta’ l-Istati Membri jistgħu jaġġustaw il-kondizzjonijiet meħtieġa fir-rigward ta’ l-għerf u l-abbiltà b’konformità ma’ l-attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni u l-prodotti mqassma, partikolarment jekk l-attività prinċipali professjonali ta’ l-intermedjarju tkun oħra minbarra medjazzjoni fl-assigurazzjoni. F’dawk il-każi, intermedjarju jista’ jsegwi attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni biss jekk intermedjarju ta’ assigurazzjoni li jikkonforma mal-kondizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jew impriża ta’ assigurazzjoni tassumi responsabbiltà sħiħa għall-azzjonijiet tiegħu.

[…]

L-Istati Membri mhux meħtieġa li japplikaw il-ħtiġiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għall-persuni naturali kollha li jaħdmu f’impriża li ssegwi l-attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni u riassigurazzjoni. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li proporzjon raġonevoli ta’ persuni fi ħdan l-istruttura ta’ amministrazzjoni ta’ dawn l-impriżi li huma responsabbli għall-medjazzjoni fir-rigward ta’ prosotti ta’ assigurazzjoni u l-persuni l-oħra kollha direttament involuti f’medjazzjoni fl-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni juri l-għerf u l-abbiltà meħtieġa għat-twettieq tad-dmirijiet tagħhom.”

7

L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva jelenka l-informazzjoni li intermedjarju ta’ assigurazzjoni għandu jipprovdi lill-klijent qabel il-konklużjoni tal-ewwel kuntratt ta’ assigurazzjoni u, jekk ikun neċessarju, meta dan il-kuntratt jiġi emendat jew jiġġedded, bħall-identità u l-indirizz tiegħu, ir-reġistru li jkun ġie inkluż fih u l-mezzi għall-verifika li jkun ġie rreġistrat, kif ukoll kwalunkwe holding, dirett jew indirett, li jirrappreżenta iktar minn 10 % tad-drittijiet ta’ vot jew tal-kapital ta’ impriża ta’ assigurazzjoni speċifika li huwa jkollu.

Id-dritt Grieg

Id-Digriet Presidenzjali 190/2006

8

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/92 ġew trasposti fid-dritt Grieg permezz tad-Digriet Presidenzjali 190/2006 li fl-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tiegħu jipprovdi:

“‘Medjazzjoni fl-assigurazzjoni’ tfisser kull attività li tippreżenta, tipproponi jew tipprovdi xogħlijiet preparatorji għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, jew li tikkonkludi tali kuntratti, jew li tipprovdi għajnuna fl-amministrazzjoni jew fit-twettiq ta’ dawk il-kuntratti, b’mod partikolari fil-każ ta’ dannu.

Dawn l-attivitajiet ma jitqisux bħala medjazzjoni fl-assigurazzjoni meta jitwettqu minn impriża ta’ assigurazzjoni jew minn impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni li huwa marbut magħha permezz ta’ kuntratt ta’ impjieg u li jaġixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha [...]”.

9

L-Artikolu 4 tad-Digriet Presidenzjali 190/2006 jelenka d-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati minn kull persuna li tixtieq tiġi rreġistrata fir-reġistru speċjali bħala intermedjarju tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Skont il-paragrafu 1 A (e) tal-imsemmi Artikolu, sabiex issir tali reġistrazzjoni għandhom jiġu ppreżentati, fost oħrajn, “dokumenti li jiċċertifikaw li [l-persuna kkonċernata] għandha konoxxenzi ġenerali, kummerċjali jew professjonali”.

Il-Liġi 3557/2007

10

Id-Digriet Presidenzjali 190/2006 ġie emendat bil-Liġi 3557/2007.

11

L-Artikolu 15(2) tal-Liġi 3557/2007 żied inċiż ġdid mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Digriet Presidenzjali 190/2006, li jipprovdi kif ġej:

“Bħala deroga, kull [impjegat] ta’ impriża ta’ assigurazzjoni, imsemmi fl-inċiż preċedenti, jista’ jwettaq atti ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni mingħajr ma jkun suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet, sakemm id-dħul annwali gross tiegħu li joriġina minn dawn l-atti ma jkunx jeċċedi s-somma totali ta’ EUR ħamest elef (5000)”.

12

L-Artikolu 11(3)(b) tal-Liġi 3557/2007 jipprovdi, għal dak li jirrigwarda d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 4 tad-Digriet Presidenzjali 190/2006:

“Digriet tal-Ministru tal-Iżvilupp, adottat fi 30 jum mill-pubblikazzjoni tal-imsemmija liġi, kellu jistabbilixxi d-dokumenti li jattestaw il-konoxxenzi ġenerali, kummerċjali jew professjonali tal-persuni li japplikaw sabiex ikunu intermedjarji fl-assigurazzjoni jew fir-riassigurazzjoni, intermedjarji marbuta fl-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni, [impjegati] ta’ impriża ta’ assigurazzjoni, ta’ impriża ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni jew fir-riassigurazzjoni, kif ukoll il-każijiet li fihom dawn il-persuni huma obbligati jkollhom taħriġ addizzjonali.”

Id-Digriet Nru°K3-8010 tat-8 ta’ Awwissu 2007

13

Id-Digriet Nru°K3‑8010, tat-8 ta’ Awwissu 2007 ġie adottat abbażi tal-Artikolu 11(3)(b) tal-Liġi Nru 3357/2007.

14

Il-paragrafu XI tal-imsemmi digriet jipprovdi li:

“Kull [impjegat] ta’ impriża ta’ assigurazzjoni jista’ jwettaq atti ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni mingħajr ma jkun obbligat jirreġistra ruħu mal-kamra professjonali kompetenti, sakemm id-dħul annwali gross tiegħu, li joriġina minn dawn l-atti, bħala kummissjonijiet, ma jeċċedix is-somma totali ta’ EUR ħamest elef (5000).

Jekk id-dħul annwali tiegħu li joriġina minn dawn l-atti jaqbeż l-ammont imsemmi, huwa obbligat jirreġistra ruħu mal-kamra professjonali kompetenti, skont il-kundizzjonijiet applikabbli għall-kategorija ta’ intermedjarji fl-assigurazzjoni li fiha huwa jagħżel li jirreġistra ruħu.

Il-kwalità [ta’ impjegat] fil-qasam tal-assigurazzjoni hija inkompatibbli ma’ dik ta’ konsulent tal-assigurazzjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

L-EEAE et huma assoċjazzjonijiet professjonali li għandhom bħala għan li jiddefendu l-interessi professjonali u finanzjarji tal-membri tagħhom, li huma attivi fil-medjazzjoni fl-assigurazzjoni bħala professjonisti. Fid-29 ta’ Ottubru 2007, l-EEAE et ippreżentaw quddiem il-qorti tar-rinviju rikors għall-annullament parzjali tad-Digriet Nru K3‑8010 tat-8 ta’ Awwissu 2007. Permezz ta’ dan ir-rikors, huma jsostnu b’mod partikolari li l-paragrafu XI ta’ dan id-digriet ma huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/92, sa fejn jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-impjegati ta’ impriżi ta’ assigurazzjoni li jwettqu atti ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni mingħajr ma jkollhom il-kwalifiki meħtieġa mill-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva.

16

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-fondatezza tar-rikors għall-annullament tal-paragrafu XI tad-Digriet Nru K3-8010 tat-8 ta’ Awwissu 2007. Fil-fatt, skont l-imsemmija qorti, peress li l-qafas leġiżlattiv Grieg, interpretat skont id-Direttiva 2002/92, jippermetti li jiġi żgurat li l-impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni, li jeżerċita okkażjonalment attivitajiet ta’ medjazzjoni, jaġixxi dejjem, għall-finijiet ta’ dawn l-attivitajiet, taħt ir-responsabbiltà u s-sorveljanza tal-impriża li tagħtih ukoll it-taħriġ neċessarju, ir-rekwiżiti li jinsabu fid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandhom jitqiesu bħala sodisfatti, indipendentement mir-rabta li teżisti bejn l-impjegat inkwistjoni u l-impriża tiegħu meta huwa jeżerċita l-imsemmija attività.

17

Madankollu, peress li awla oħra tal-imsemmija qorti tidher li ma taqbilx ma’ din il-pożizzjoni, is-Symvoulio tis Epikrateias iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2002/92/KE [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna impjegata ta’ impriża ta’ assigurazzjoni li ma għandhiex il-kwalifiki previsti fl-Artikolu 4(1) [ta’ din id-] Direttiva tista’ teżerċita attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni, okkażjonalment u mhux fil-kuntest tal-attività professjonali prinċipali tagħha, anki jekk ma taġixxix fil-kuntest tar-rabta ta’ subordinazzjoni li torbotha ma’ din l-impriża, filwaqt li huwa ppreċiżat li, f’kull ipoteżi, din l-impriża teżerċita sorveljanza fuq l-attivitajiet tagħha, jew għandu jiġi kkunsidrat li [din id-] direttiva tawtorizza tali attività biss meta hija tiġi effettwata fil-kuntest tar-rabta ta’ subordinazzjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

18

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/92 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni li ma għandux il-kwalifiki previsti f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar jeżerċita, okkażjonalment u mhux fil-kuntest tal-attività professjonali prinċipali tiegħu, attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni, meta dan l-impjegat ma jaġixxix fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ subordinazzjoni li torbtu ma’ din l-impriża, iżda din tal-aħħar tissorvelja madankollu l-attivitajiet tiegħu.

19

EEAE et kif ukoll il-Gvern Belġjan u Awstrijak jikkunsidraw li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2002/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni li ma għandux il-kwalifiki previsti fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva ma jistax jeżerċita okkażjonalment attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni. L-Omospondia Asfalistikon Syllogon Ellados kif ukoll il-Gvern Grieg u Ċiprijott, min-naħa l-oħra, isostnu, li tali impjegat jista’ jeżerċita tali attivitajiet. Il-Kummissjoni Ewropea, min-naħa tagħha, issostni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) ikopri attivitajiet eżerċitati minn impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni li jaġixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, indipendentement mit-tip ta’ kuntratt li jorbtu ma’ din l-impriża.

20

Preliminarjament, għandu jitfakkar li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2002/92 jirriżulta li attivitajiet, li skont l-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jkunu kklassifikati bħala medjazzjoni fl-assigurazzjoni, ma humiex meqjusa bħala tali meta huma eżerċitati minn impriża ta’ assigurazzjoni jew impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni li jaġixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha.

21

Sabiex tiġi evalwata l-portata tal-esklużjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħha hija tagħmel parti (ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, A, C‑33/11, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Għal dak li jirrigwarda l-kliem użat mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3), għandu jiġi kkonstatat li l-attivitajiet ta’ impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/92 ħlief meta dan “jaġixxi taħt ir-responsabbiltà” ta’ din l-impriża.

23

Il-kelmiet “jaġixxi taħt ir-responsabbiltà” ta’ impriża ta’ assigurazzjoni, użati minn din id-dispożizzjoni, jippresupponu mhux biss li din l-impriża tista’ tkun marbuta minn atti ta’ dawn l-impjegati, li jaġixxu, kif jippreċiża l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, għal u għan-nom ta’ din, iżda jfissru wkoll li din tal-aħħar tista’ titqies responsabbli mill-attivitajiet tagħhom.

24

Meta l-impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni jwettaq attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni barra mir-relazzjoni ta’ subordinazzjoni li torbtu ma’ din l-impriża huwa għandu, fil-prinċipju, jitqies bħala li mhux qed jaġixxi taħt ir-responsabbiltà ta’ din l-impriża u, għaldaqstant, li qed jaġixxi huwa stess bħala intermedjarju ta’ assigurazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2002/92, bil-konsegwenza li għandu jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. Il-fatt li l-impriża ta’ assigurazzjoni teżerċita ċerta sorveljanza fuq l-attivitajiet tiegħu ma huwiex biżżejjed sabiex l-imsemmi intermedjarju jiġi eżentat mill-obbligu li jissodisfa l-imsemmija rekwiżiti professjonali previsti mill-imsemmija direttiva.

25

Din l-interpretazzjoni ma toħroġx biss mill-kliem tad-Direttiva 2002/92, iżda tikkonforma wkoll kemm mal-għan tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tagħha, kif ukoll mal-għanijiet tal-imsemmija direttiva meħudha b’mod globali.

26

Għal dak li jikkonċerna l-għan tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3), għandu jiġi kkonstatat li ma huwiex intiż li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ħlief l-attivitajiet ta’ assigurazzjoni li fihom is-servizzi huma offerti u mibjugħa lill-klijenti direttament mill-impriża ta’ assigurazzjoni jew mill-impjegati tagħha u mhux dawk li fihom l-imsemmija servizzi huma offerti permezz ta’ medjazzjoni.

27

Għal dak li jirrigwarda l-għan tad-Direttiva 2002/92 meħuda fil-globalità tagħha, għandu jiġi enfasizzat li din tal-aħħar għandha, kif huwa provdut fil-premessi 6 sa 8 tagħha, għan doppju, jiġifieri, minn naħa, il-kompletezza u l-funzjonament tajjeb tas-suq uniku tal-assigurazzjoni, permezz tal-eliminazzjoni tal-ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu provduti servizzi u, min-naħa l-oħra, it-titjib tal-protezzjoni tal-konsumaturi f’dan il-qasam.

28

Interpretazzjoni li tippermetti lil ċertu kategorija ta’ persuni joffru servizzi ta’ medjazzjoni, minkejja li huma ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/92 biex jagħmlu dan, tippreġudika lil dan l-għan doppju.

29

Minn naħa, jekk tingħata tali interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/92 din toħloq differenzi notevoli bejn l-intermedjarji li jaġixxu fis-suq uniku tal-assigurazzjoni, inkwantu l-intermedjarji sew jekk jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet u sew jekk le, jistgħu jwettqu attivitajiet ta’ medjazzjoni għall-istess tipi ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tmur kontra l-għan li tiġi żgurata, kif jirriżulta mill-premessa 9 tad-Direttiva 2002/92, l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kategoriji kollha ta’ intermedjarji ta’ assigurazzjoni.

30

Min-naħa l-oħra, tali interpretazzjoni ma tippermettix li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fis-suq tal-assigurazzjoni, jiġifieri, tal-persuni assigurati. Fil-fatt, ma huwiex possibbli li jitqies li l-impjegati ta’ impriża ta’ assigurazzjoni li jieħdu ħsieb il-bejgħ dirett tas-servizzi ta’ assigurazzjoni fi ħdan din l-impriża għandhom, fi kwalunkwe każ, il-konoxxenzi u l-abbiltajiet xierqa li huma neċessarji sabiex iwettqu, fuq bażi individwali, il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni u li jistgħu, għaldaqstant, jiggarantixxu l-kwalità ta’ tali medjazzjoni. Lanqas ma jista’ jiġi preżunt li tali impjegati huma f’pożizzjoni, mingħajr ma jkollhom dawn il-konoxxenzi u dawn l-abbiltajiet, li jipprovdu lill-klijenti tagħhom, meta jiġi konkluż, emendat jew imġedded il-kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/92.

31

Fl-aħħar nett, bil-kontra ta’ dak li sostna l-Gvern Grieg waqt is-seduta, tali interpretazzjoni ma hijiex imminata mill-kontenut tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva. Għalkemm huwa minnu li din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-Istati Membri ma humiex obbligati japplikaw ir-rekwiżiti professjonali għall-persuni fiżiċi kollha li jaħdmu għal impriża u li jeżerċitaw attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni tirregola s-sitwazzjoni tal-impriżi li jwettqu huma stess il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni u mhux impriżi ta’ assigurazzjoni li jbigħu direttament servizzi ta’ assigurazzjoni.

32

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet moqrjia flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/92 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni li ma għandux il-kwalifiki previsti f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar jeżerċita, okkażjonalment u mhux fil-kuntest tal-attività professjonali prinċipali tiegħu, attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni, meta dan l-impjegat ma jaġixxix fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ subordinazzjoni li torbtu ma’ din l-impriża, iżda din tal-aħħar tissorvelja madankollu l-attivitajiet tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dispożizzjonijiet moqrjia flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Diċembru 2002, dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni li ma għandux il-kwalifiki previsti f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar jeżerċita, okkażjonalment u mhux fil-kuntest tal-attività professjonali prinċipali tiegħu, attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni, meta dan l-impjegat ma jaġixxix fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ subordinazzjoni li torbtu ma’ din l-impriża, iżda din tal-aħħar tissorvelja madankollu l-attivitajiet tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Top