EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0534

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-30 ta’ Mejju 2013.
Mehmet Arslan vs Policie ČR, Krajské ředitelství policie Ústeckého kraje, odbor cizinecké policie.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud.
Żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja — Direttiva 2008/115/KE — Standards u proċeduri komuni fil-qasam ta’ ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu fil-pajjiż illegalment — Applikabbiltà għall-applikanti għall-ażil — Possibbiltà li ċittadin ta’ pajjiż terz jinżamm f’detenzjoni wara l-preżentata ta’ applikazzjoni għall-ażil.
Kawża C‑534/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:343

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

30 ta’ Mejju 2013 ( *1 )

“Żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja — Direttiva 2008/115/KE — Standards u proċeduri komuni fil-qasam ta’ ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu fil-pajjiż illegalment — Applikabbiltà għall-applikanti għall-ażil — Possibbiltà li ċittadin ta’ pajjiż terz jinżamm f’detenzjoni wara l-preżentata ta’ applikazzjoni għall-ażil”

Fil-Kawża C‑534/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (Ir-Repubblika Ċeka), permezz tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ottubru 2011, fil-proċedura

Mehmet Arslan,

vs

Policie ČR, Krajské ředitelství policie Ústeckého kraje, odbor cizinecké policie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, E. Jarašiūnas, A. Ó Caoimh, C. Toader u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn N. Graf Vitzthum, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u S. Menez, bħala aġenti,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Gvern Svizzeru, minn D. Klingele, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u M. Šimerdová, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Jannar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98), moqri flimkien mal-premessa 9 tal-imsemmija direttiva.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Arslan, ċittadin Tork, li kien ġie arrestat u mqiegħed f’detenzjoni fir-Repubblika Ċeka minħabba t-tneħħija amministrattiva tiegħu u li, matul din id-detenzjoni, ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-ażil, u l-Policie ČR, Krajské ředitelství policie Ústeckého kraje, odbor cizinecké policie (pulizija tar-Repubblika Ċeka, Direttorat Ġenerali Reġjonali tar-Reġjun ta’ Ústí, sezzjoni “pulizija responsabbli mill-barranin”), dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar, tal-25 ta’ Marzu 2011, li ttawwal id-detenzjoni inizjali ta’ 60 jum għal perijodu addizzjonali ta’ 120 jum.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2008/115

3

Il-premessi 2, 4, 8, 9 u 16 tad-Direttiva 2008/115 jistabbilixxu:

“(2)

Il-Kunsill Ewropew [...] sejjaħ għat-twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom.

[...]

(4)

Hemm bżonn li jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb.

[...]

(8)

Huwa rikonoxxut li huwa leġittimu għall-Istati Membri li jirritornaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment sakemm dawn ikollhom fis-seħħ sistemi ta’ asil ġusti u effiċjenti li jirrispettaw b’mod sħiħ il-prinċipju ta’ non-refoulement.

(9)

Skond id-[Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għall-proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, p. 168)], ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun applika għal asil fi Stat Membru ma għandux ikun meqjus bħala li qiegħed illegalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru sakemm ma tidħolx fis-seħħ deċiżjoni negattiva fir-rigward ta’ l-applikazzjoni jew deċiżjoni li ttemm id-dritt ta’ soġġorn tiegħu jew tagħha biex ifittex asil.

[...]

(16)

L-użu tad-detenzjoni għall-fini ta’ tneħħija għandu jkun limitat u soġġett għall-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tal-mezzi użati u l-objettivi segwiti. Id-detenzjoni hija ġustifikata biss biex jiġi ppreparat r-ritorn jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija u jekk l-applikazzjoni ta’ miżuri anqas koerżivi ma tkunx suffiċjenti.”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Suġġet”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

5

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi:

“Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.”

6

L-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “soġġorn illegali” bħala “il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet [...] għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru”.

7

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi li “l-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom [...]”.

8

Skont l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva:

“1.   Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

(a)

jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

(b)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

[...]

4.   Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l-persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih.

5.   Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t-tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

6.   L-Istati Membri jistgħu ma jestendux il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skond il-liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l-operazzjoni ta’ tneħħija tista’ ddum minħabba:

(a)

nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, jew

(b)

dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi.”

Id-Direttiva 2005/85

9

Id-Direttiva 2005/85 għandha, abbażi tal-Artikolu 1 tagħha, bħala għan li tistabbilixxi standards minimi dwar il-proċedura tal-għoti u tal-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat. Hija essenzjalment tirregola l-preżentata ta’ applikazzjonijiet għall-ażil, il-proċedura tal-ipproċesar ta’ dawn l-applikazzjonijiet u d-drittijiet u l-obbligi tal-applikanti għall-ażil.

10

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi b’mod partikolari li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva:

“[...]

(b)

‘applikazzjoni’ jew ‘applikazzjoni għall-ażil’ tfisser applikazzjoni magħmula minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida li tista’ tiġi mifhuma bħala talba għal protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru taħt il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954), li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954]. Kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija preżunta applikazzjoni għall-ażil, sakemm il-persuna konċernata ma titlobx b’mod espliċitu xi protezzjoni oħra li għaliha tista’ ssir applikazzjoni separatament;

(ċ)

‘applikant’ jew ‘applikant għall-ażil’ tfisser ċittadin jew ċittadina ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jagħmlu applikazzjoni għall-ażil li fir-rigward tagħha ma tkunx għadha ġiet meħuda deċiżjoni finali;

(d)

‘deċiżjoni finali’ tfisser deċiżjoni dwar jekk iċ-ċittadin jew ċittadina ta’ pajjiż terz jew il-persuna apolida jingħatawx stat ta’ rifuġjat [...] u li ma tkunx suġġetta aktar għal rimedju fil-qafas tal-Kapitolu V ta’ din id-Direttiva irrispettivament jekk tali rimedju għandux l-effett li jippermetti applikanti jibqgħu fl-Istati Membri konċernati sa l-eżitu tagħha, suġġett għall-Anness III ta’ din id-Direttiva;

(e)

‘awtorità determinanti’ tfisser kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-ażil, u kompetenti sabiex jieħu, fl-istadju ta’ prim’istanza, deċiżjonjiet f’tali każijiet, suġġett għall-Anness I;

[...]

(k)

‘tibqa’ fl-Istat Membru’ tfisser li tibqa’ fit-territorju, inklużi l-fruntiera jew iż-żoni ta’ transitu ta’ l-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għall-ażil jew li fih tkun qiegħda tiġi eżaminata tali applikazzjoni.”

11

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   L-applikanti għandhom jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru, għall-fini tal-proċedura biss, sa meta l-awtorità determinanti tkun ħadet id-deċiżjoni skond il-proċeduri fl-istadju ta’ prim’istanza stabbiliti fil-Kapitolu III. Dan id-dritt ta’ l-applikant li jibqa’ fl-Istat Membru ma jikkostitwixxix jedd għal permess ta’ residenza.

2.   L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoni biss fejn, skond l-Artikoli 32 u 34, ma tkunx sejra tiġi eżaminata aktar xi applikazzjoni sussegwenti jew fejn dawn iċedu jew jestradixxu, skond il-każ, persuna lejn Stat Membru ieħor konformament ma’ obbligi taħt il-Mandat ta’ Arrest Ewropew [...] jew diversament, jew lejn pajjiż terz, jew lejn qrati jew tribunali kriminali internazzjonali.”

12

L-Artikolu 18 tal-istess direttiva jistabbilixxi:

“1.   L-Istati Membri ma għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għar-raġuni biss li huwa jkun applikant għall-ażil.

2.   Fejn applikant għall-ażil ikun miżmum f’detenzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-possibbiltà ta’ reviżjoni ġudizzjarja aċċelerata.”

13

L-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2005/85 jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu li tiġi prijoritizzata jew aċċelerata proċedura ta’ eżami [...] jekk:

[...]

(j)

l-applikant ikun qiegħed jippreżenta applikazzjoni biss sabiex jittardja jew ifixkel l-infurzar ta’ deċiżjoni preċedenti jew imminenti li tirriżulta fl-espulsjoni tiegħu [...]

[...]”

14

L-Artikolu 39(1) ta’ din id-direttiva jqiegħed fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw lill-applikanti għall-ażil dritt għal rimedju effettiv. Il-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni huwa redatt f’dawn it-termini:

“L-Istati Membri għandhom, fejn ikun il-każ, jistabbilixxu regoli konformement ma’ l-obbligi internazzjonali tagħhom relatati ma’ dawn li ġejjin:

(a)

il-kwistjoni jekk ir-rimedju skond il-paragrafu 1 għandux ikollu l-effett li l-applikanti jkunu permessi jibqgħu fl-Istat Membru konċernat sa l-eżitu tiegħu;

(b)

il-possibbiltà ta’ rimedju legali jew ta’ miżuri protettivi fejn ir-rimedju skond il-paragrafu 1 ma jkollux l-effett li l-applikanti jkunu permessi jibqgħu fl-Istat Membru konċernat sa l-eżitu tiegħu. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll għal rimedju ex officio. [...]

[...]”

Id-Direttiva 2003/9

15

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 06, p. 101) tistabbilixxi b’mod partikolari l-kundizzjonijiet ta’ soġġorn u ta’ moviment tal-applikanti għall-ażil. L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“1.   Dawk li jfittxu ażil jistgħu jiċċaqalqu b’mod liberu fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jilqagħhom jew f’żona assenjata lilhom minn dak l-Istat Membru. Iż-żona assenjata m’għandhiex taffettwa l-isfera inaljenabbli tal-ħajja privata u għandha tippermetti ambitu suffiċjenti biex tiggarantixxi aċċess għall-benefiċċji kollha taħt din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar ir-residenza ta’ min ifittex ażil minħabba reġunjiet ta’ interess pubbliku, ordni pubblika jew, meta meħtieġ, ta’ pproċessar ta’ malajr u mmonitorjar effettiv ta’ l-applikazzjoni tiegħu jew tagħha.

3.   Meta jkun ipprovat meħtieġ, per eżempju għal reġunijiet legali jew raġunijiet ta’ ordni pubblika, Stati Membri jistgħu jirrestrinġu applikant għal post partikulari skond il-liġi nazzjonali tagħhom.

[...]”

16

Skont l-Artikolu 21(1) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjonijiet negattivi konnessi mal-għotja ta’ benefiċċji taħt din id-Direttiva jew deċiżjonijiet meħuda taħt l-Artikolu 7 li jolqtu individwalment lil dawk li jfittxu ażil jistgħu jkunu suġġetti għal appell ġewwa l-proċedura preskritta fil-liġi nazzjonali. Għall-inqas fl-aħħar istanza għandha tingħata l-possibilità ta’ appell jew reviżjoni quddiem korp ġudizzjali.”

Id-dritt Ċek

17

Id-Direttiva 2008/115 ġiet trasposta fid-dritt Ċek essenzjalment permezz ta’ emenda fil-Liġi Nru 326/1999 dwar is-soġġorn tal-barranin fit-territorju tar-Repubblika Ċeka (iktar ’il quddiem, il-“Liġi Nru 326/1999”).

18

Skont l-Artikolu 124(1) tal-Liġi Nru 326/1999, il-pulizija “hija awtorizzata li tpoġġi f’detenzjoni persuna barranija ta’ iktar minn 15-il sena li tkun ġiet innotifikata bil-ftuħ ta’ proċedura amministrattiva ta’ tneħħija, li fil-konfront tagħha tkun diġà ġiet adottata deċiżjoni amministrattiva definittiva ta’ tneħħija, jew li għaliha Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jkun diġà ħareġ digriet ta’ projbizzjoni ta’ dħul validu għat-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li l-adozzjoni ta’ miżuri partikolari għall-finijiet ta’ tneħħija volontarja ma tkunx suffiċjenti”, u jekk tkun issodisfatta ta’ mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti b) u e) tal-imsemmi dispożizzjoni, jiġifieri li “jkun jeżisti riskju li l-persuna barranija tkun tista’ taħrab jew tagħmel iktar diffiċli l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija amministrattiva”, u li “il-persuna barranija tkun irreġistrata fis-sistema tal-informatika tal-partijiet kontraenti”.

19

Skont l-Artikolu 125(1) ta’ din il-liġi, it-tul ta’ żmien tad-detenzjoni ma jistax, bħala regola ġenerali, jaqbeż il-180 ġurnata.

20

L-Artikolu 127 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“1.   Id-detenzjoni għandha tintemm mingħajr dewmien

a)

meta r-raġunijiet għad-detenzjoni ma jkunux għadhom jissussistu,

[...]

d)

jekk il-persuna barranija tkun ingħatat l-ażil jew protezzjoni sussidjarja, jew

e)

jekk il-persuna barranija tkun ingħatat permess ta’ soġġorn għal żmien twil għall-finijiet tal-protezzjoni tagħha fit-territorju.

2.   Il-preżentata ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali matul il-perijodu ta’ detenzjoni ma tikkostitwixxix raġuni li tiġġustifika t-tmiem tad-detenzjoni.”

21

Id-Direttiva 2005/85 ġiet trasposta fid-dritt Ċek essenzjalment permezz ta’ emenda fil-Liġi Nru 325/1999 dwar l-ażil. L-Artikolu 85a ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1)

Id-dikjarazzjoni għall-finijiet ta’ protezzjoni internazzjonali ttemm il-validità tal-viża għal żmien twil jew tal-permess ta’ soġġorn għal żmien twil mogħtija b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni speċifika applikabbli.

2)

L-istatus ġuridiku tal-persuna barranija li jirriżulta mit-tqegħid tagħha f’ċentru ta’ detenzjoni ma jiġix affettwat minn dikjarazzjoni li tista’ tingħata għall-finijiet ta’ protezzjoni internazzjonali jew minn applikazzjoni li tista’ ssir għal protezzjoni internazzjonali (Artikolu 10).

3)

Il-persuna barranija li tkun għamlet dikjarazzjoni għall-finijiet ta’ protezzjoni internazzjonali jew li tkun ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija, suġġetta għall-ħarsien tal-kundizzjonijiet stipulati fil-leġiżlazzjoni speċifika applikabbli, obbligata li tibqa’ fiċ-ċentru ta’ detenzjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22

Fl-1 ta’ Frar 2011, M. Arslan ġie arrestat minn skwadra mobbli tal-pulizija Ċeka u tpoġġa f’detenzjoni. Fit-2 ta’ Frar 2011, ittieħdet deċiżjoni ta’ tneħħija kontrih.

23

B’deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2011, it-tul ta’ żmien tad-detenzjoni ta’ M. Arslan ġie estiż għal 60 ġurnata għar-raġuni li b’mod partikolari, fid-dawl tal-imġiba tiegħu fil-passat, wieħed seta’ jassumi li kien ser jipprova jevita d-deċiżjoni ta’ tneħħija. Din id-deċiżjoni kienet tesponi li l-persuna kkonċernata kienet daħlet klandestinament fiż-żona Schengen, b’mod li tevita l-kontrolli fil-fruntieri u li kienet issoġġornat suċċessivament fl-Awstrija u fir-Repubblika Ċeka mingħajr dokument tal-ivvjaġġar u mingħajr viża. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni kienet tirrileva li M. Arslan kien diġà ġie interpellat, matul is-sena 2009, fit-territorju Grieg fil-pussess ta’ passaport falz u li, sussegwentement, kien intbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u kien iddaħħal fis-sistema tal-informatika Schengen bħala persuna taħt projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Istati taż-żona Schengen għall-perijodu bejn is-26 ta’ Jannar 2010 u s-26 ta’ Jannar 2013.

24

Fl-istess ġurnata meta ġiet adottata din l-aħħar deċiżjoni, M. Arslan ippreżenta quddiem l-awtoritajiet Ċeki applikazzjoni għall-ażil.

25

B’deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2011, id-detenzjoni ta’ M. Arslan ġiet ipprolongata għal 120 jum għar-raġuni li din l-estensjoni kienet meħtieġa għat-tkomplija tat-tħejjija tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-persuna kkonċernata, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-impossibbiltà li din id-deċiżjoni tiġi eżegwita matul il-perijodu tal-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu. F’din id-deċiżjoni ġie indikat li din l-applikazzjoni kienet ġiet ippreżentata bil-għan li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija ssir iktar diffiċli. Din id-deċiżjoni kienet tirrileva, barra minn hekk, li sa dakinhar, l-ambaxxata tar-Repubblika tat-Turkija kienet għadha ma ħarġitx dokument tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni għal M. Arslan, fatt li wkoll kien ta’ natura li jostakola l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija.

26

M Arslan ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ estensjoni tad-detenzjoni tiegħu, li fih b’mod partikolari jsostni li, fil-mument li din tal-aħħar ġiet adottata, ma kienx hemm, fid-dawl tal-applikazzjoni tiegħu għall-ażil, perspettiva raġonevoli li t-tkeċċija tiegħu tista’ sseħħ matul il-perijodu massimu ta’ detenzjoni ta’ 180 jum previst mil-Liġi Nru 326/1999. F’dan il-kuntest, huwa argumenta li, fl-ipoteżi li l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil tiġi miċħuda, huwa kien ser juża l-possibbiltajiet kollha ta’ rimedju. Fid-dawl tal-tul normali tal-proċeduri ġudizzjarji marbuta ma’ dan it-tip ta’ rikors, fil-fehma tiegħu, eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija qabel l-iskadenza tat-terminu massimu ta’ detenzjoni ma setgħetx tiġi b’mod realistiku kkunsidrata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, M. Arslan kien qies li d-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2011 kienet tikser l-Artikolu 15(1) u (4) tad-Direttiva 2008/115 kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

27

Peress li dan ir-rikors ġiet miċħud b’sentenza tas-27 ta’ April 2011 mill-qorti tal-ewwel istanza, li b’mod partikolari qieset li din tal-aħħar kien ibbażat fuq argument purament b’interess personali u spekulattiv, M. Arslan ippreżenta appell fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju billi bbaża, essenzjalment, fuq l-istess argumenti bħal dawk invokati fl-ewwel istanza.

28

Fil-frattemp, l-applikazzjoni għall-ażil ġiet miċħuda bid-deċiżjoni tat-12 ta’ April 2011 tal-Ministru tal-Intern Ċek, li fir-rigward tagħha M. Arslan ippreżenta appell.

29

Fis-27 ta’ Lulju 2011, id-detenzjoni tal-persuna kkonċernata ġiet fi tmiemha għaliex din il-miżura kienet laħqet it-tul massimu previst mil-liġi nazzjonali.

30

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-fatt li l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali jista’, skont id-Direttiva 2008/115, legalment jinżamm f’detenzjoni. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk din id-direttiva ma għandhiex tiġi interpretata fis-sens li d-detenzjoni ta’ barranin għal finijiet ta’ ritorn għandha tiġi fi tmiemha meta dan tal-aħħar jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Hija b’mod partikolari tqis li minn interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati jirriżulta li, fil-każ ta’ preżentata ta’ applikazzjoni għall-ażil, id-detenzjoni tista’ tiġi estiża biss bil-kundizzjoni li tiġi adottata deċiżjoni ġdida, li tkun ibbażata mhux fuq id-Direttiva 2008/115, iżda fuq dispożizzjoni li speċifikament tippermetti t-tqegħid f’detenzjoni ta’ applikant għall-ażil. Madankollu, din il-qorti tesprimi wkoll il-biża li tali interpretazzjoni tiffavorixxi l-użu abbużiv tal-proċeduri għall-ażil.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud (Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 2(1), moqri flimkien mal-premessa 9 tad-Direttiva [2008/115] għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tapplikax għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tad-Direttiva [2005/85]?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, meta dan iċ-ċittadin barrani jinżamm sabiex jiġi rritornat, din iż-żamma għandha titwaqqaf meta dan iċ-ċittadin iressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tad-Direttiva [2005/85] u meta ma jkunx hemm raġunijiet oħra sabiex tiġi estiża ż-żamma tiegħu?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

32

Il-Gvern Franċiż jesprimi dubji fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, għaliex mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li M. Arslan ikkontesta l-fatt li d-Direttiva 2008/115 tapplika għalih wara l-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu għall-ażil. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha natura ipotetika.

33

F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilta mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li ġiet adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għall-eventwali deċiżjoni ġurisdizzjonali, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Il-preżunzjoni ta’ rilevanza marbuta mad-domandi li jsiru b’mod preliminari mill-qrati nazzjonali tista’ tiġi skartata biss b’mod eċċezzjonali, fil-każ li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni prevista fid-domandi ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Melloni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’din il-kawża, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew saħansitra li l-problema mqajma mill-qorti tar-rinviju hija ta’ natura ipotetika.

36

Fil-fatt, l-ewwel nett, jidher b’mod ċert li M. Arslan ikkontesta l-estensjoni tad-detenzjoni tiegħu mhux minħabba n-nuqqas ta’ applikabbiltà tad-Direttiva 2008/115, iżda b’mod partikolari minħabba li din l-estensjoni kienet tikser l-Artikolu 15 ta’ din tal-aħħar minħabba l-fatt li, fid-dawl tat-tul tal-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil, ma kienx hemm perspettiva raġonevoli li t-tkeċċija tiegħu tista’ sseħħ matul il-perijodu ta’ detenzjoni massimu awtorizzat mid-dritt Ċek. Xorta jibqa’ l-fatt li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija estensjoni tiksirx jew le l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina bil-quddiem jekk din id-direttiva hijiex applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ M. Arslan wara l-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu għall-ażil. Għalhekk, risposta għall-ewwel domanda hija meħtieġa sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-argument invokat quddiemha.

37

It-tieni nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-qorti tqis li, fl-ipoteżi li d-Direttiva 2008/115 ma tibqax tapplika wara l-preżentata ta’ applikazzjoni għall-ażil, id-detenzjoni ta’ M. Arslan setgħet tinżamm biss fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ġdida adottata fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet li speċifikament jippermettu t-tqegħid f’detenzjoni ta’ applikant għall-ażil, b’mod li d-deċiżjoni kkontestata tkun illegali diġà minħabba dan il-motiv. Issa, ma jistax jiġi eskluż li l-qorti tar-rinviju hija awtorizzata li tirrileva tali diffett, jekk ikun il-każ anki ex officio.

38

Fl-aħħar nett, għalkemm id-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju ssemmi l-fatt li, fis-27 ta’ Lulju 2011, id-detenzjoni ta’ M. Arslan ġiet fi tmiemha u għalkemm, skont l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-Gvern Ċek, dan tal-aħħar ħarab l-għada tal-ħelsien tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li ebda minn dawn iż-żewġ ċirkustanzi ma jippermettu li jiġi preżunt, minħajr ma tirriżulta l-iċken indikazzjoni f’dan is-sens la mill-proċess, la mingħand il-qorti tar-rinviju u lanqas minn wieħed mill-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-qorti tar-rinviju ma għadhiex obbligata, abbażi tad-dritt nazzjonali tagħha, li tiddeċiedi fuq ir-rikors li bih hija adita.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata bħala ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

40

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-premessa 9 tal-imsemmija direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tapplikax għal ċittadini ta’ pajjiż terz li ppreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tad-Direttiva 2005/85.

41

Il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Svizzeru kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jipproponu risposta affermattiva għal din id-domanda, filwaqt li l-Gvern Ċek, Franċiż u Slovakk essenzjalment iqisu li l-imsemmija direttiva tista’ tapplika, jekk ikun il-każ taħt ċerti kundizzjonijiet, ukoll għal applikant għall-ażili.

42

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 2, id-Direttiva 2008/115 hija intiża għall-implementazzjoni ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni bbażata fuq liġijiet komuni, sabiex il-persuni kkonċernati jiġu ripatrijati b’mod uman u b’osservanza sħiħa tad-drittijiet fundamentali kif ukoll tad-dinjità tagħhom. Kif jirriżulta kemm mit-titolu tagħha kif ukoll mill-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi għal dan il-għan “standards u proċeduri komuni” li għandhom jiġi applikati minn kull Stat Membru għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (sentenza tat-28 ta’ April 2011, El Dridi, C-61/11 PPU, Ġabra p.I-3015, punti 31 u 32).

43

F’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, l-Artikolu 2(1) ta’ din tal-aħħar jipprovdi li hija tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fit-territorju ta’ Stat Membru b’mod illegali. Il-kunċett ta’ “soġġorn illegali” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(2) bħala “il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul [...] soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru”.

44

Il-premessa 9 tad-Direttiva 2008/115 tippreċiża f’dan ir-rigward li, “[s]kond id-Direttiva [2005/85], ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun applika għal asil fi Stat Membru ma għandux ikun meqjus bħala li qiegħed illegalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru sakemm ma tidħolx fis-seħħ deċiżjoni negattiva fir-rigward ta’ l-applikazzjoni jew deċiżjoni li ttemm id-dritt ta’ soġġorn tiegħu jew tagħha biex ifittex asil”.

45

Fil-fatt, id-Direttiva 2005/85, li l-għan tagħha huwa, skont l-Artikolu 1 tagħha, il-ħolqien ta’ standards minimi dwar il-proċedura għall-għoti u għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat, tistabbilixxi fl-Artikolu 7(1) tagħha, id-dritt għall-applikanti għall-ażil li jibqgħu, biss għall-finijiet tal-proċedura għall-ażil, fl-Istat Membru li fih it-talba tagħhom tkun ġiet ippreżentata jew hija eżaminata, u dan sakemm l-awtorità responsabbli għal dan l-eżami tiddeċiedi fl-ewwel istanza fuq din l-applikazzjoni.

46

L-Artikolu 7(2) tal-imsemmija direttiva jippermetti eċċezzjonijiet għar-regola li tinsab fil-paragrafu 1 ta’ dan l-istess artikolu biss abbażi ta’ kundizzjonijiet restrittivi, jiġifieri meta ma tkunx l-ewwel applikazzjoni għall-ażil iżda applikazzjoni ulterjuri, li l-eżami tagħha ma huwiex appellat, jew jekk l-applikant ikun intbagħat lejn, jew ġiet estradit lejn, jew Stat Membru ieħor, jew pajjiż tez, jew qorti kriminali internazzjonali.

47

Barra minn hekk, l-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2005/85 jagħti lil kull Stat Membru l-possibbiltà li d-dritt stabbilit bl-Artikolu 7(1) tal-imsemmij direttiva jiġi estiż, billi jiġi stabbilit li l-preżentata ta’ appell mid-deċiżjoni tal-awtorità responsabbli fl-ewwel istanza jkollha bħala effett li tippermetti lill-applikanti għall-ażil li jibqgħu fit-territorju tal-imsemmi Stat sakemm joħroġ l-eżitu ta’ dan ir-rikors.

48

Għalhekk, għalkemm l-imsemmi Artikolu 7(1) ma jagħtix espressament dritt għal permess ta’ soġġorn, iżda jħalli għad-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru d-deċiżjoni tal-għoti jew le ta’ tali permess, mill-kliem, mill-istruttura u mill-għan tad-Direttivi 2005/85 u 2008/115 jirriżulta b’mod ċar li applikant għall-ażil għandu, irrispettivament mill-għoti ta’ tali permess, id-dritt li jgħix fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat tal-inqas sakemm l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet miċħuda fl-ewwel istanza u ma jistax għalhekk jitqies bħala f’“soġġorn illegali” fis-sens tad-Direttiva 2008/115, peress li din tal-aħħar tirrigwarda t-tneħħija mill-imsemmi territorju.

49

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-premessa 9 tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tapplikax għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tad-Direttiva 2005/85, u dan matul il-perijodu li jkopri l-preżentata tal-imsemmija applikazzjoni sal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza li tiddeċiedi dwar din l-applikazzjoni jew, jekk ikun il-każ, sal-eżitu tar-rikors li jkun ġie ippreżentat kontra l-imsemmija deċiżjoni.

Fuq it-tieni domanda

50

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, minkejja n-nuqqas ta’ applikabbiltà tad-Direttiva 2008/115 għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu ppreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tad-Direttiva 2005/85, huwiex possibbli li jinżamm f’detenzjoni tali ċittadin li jkun ippreżenta l-imsemmija applikazzjoni wara li jkun tqiegħed f’detenzjoni skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 għall-finijiet tar-ritorn tiegħu jew tat-tneħħija tiegħu.

51

Il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Svizzeru kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li, f’tali każ, id-detenzjoni tista’ titkompla meta din tkun iġġustifikata skont ir-regoli tad-dritt għall-ażil. Għalkemm fid-dawl tar-risposta tagħhom issuġġerita għall-ewwel domanda, il-Gvern Ċek, Franċiż u Slovakk ma rrispondewx għal din it-tieni domanda, mill-osservazzjonijiet tagħhom jirriżulta li huma jqisu li l-preżentata ta’ applikazzjoni għall-ażil ma jistax ikollha bħala konsegwenza li d-detenzjoni għandha tiġi fi tmiemha.

52

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, id-detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija regolata mid-Direttiva 2008/115 u d-detenzjoni ordnata fil-konfront ta’ applikant għall-ażil, b’mod partikolari skont id-Direttivi 2003/9 u 2005/85 u d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, jaqgħu taħt sistemi legali differenti (ara s-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2009, Kadzoev, C-357/09 PPU, Ġabra p. I-11189, punt 45).

53

Fir-rigward tas-sistema applikabbli għall-applikanti għall-ażil, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/9 jistabbilixxi l-prinċipju li jipprovdi li l-applikanti għall-ażil jistgħu jimxu b’mod liberu fit-territorju tal-Istat Membru ospistanti jew fi ħdan żona li tkun ġiet stabbilita għalihom minn dan l-Istat Membru. Il-paragrafu 3 tal-imsemmi Artikolu 7 jippreċiża madankollu li, meta dan ikun meħtieġ, l-Istati Membri jistgħu jobbligaw lil applikant għall-ażil biex jgħix f’post iddeterminat skont id-dritt nazzjonali tagħhom, pereżempju minħabba raġunijiet legali jew ta’ ordni pubbliku.

54

Skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2005/85, l-Istati Membri ma jistgħux iqiegħdu persuna f’detenzjoni sempliċement għax hija titlob l-ażil u, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, meta applikant għall-ażil jitqiegħed f’detenzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tingħata l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju veloċi. Stħarriġ ġudizzjarju huwa wkoll previst mill-Artikolu 21 tad-Direttiva 2003/9 għad-deċiżjonijiet meħuda abbażi tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

55

Madankollu, la d-Direttiva 2003/9 u lanqas id-Direttiva 2005/85 ma jipproċedu f’dan l-istadju għal armonizzazzjoni tal-motivi li abbażi tagħhom id-detenzjoni ta’ applikant għall-ażil tista’ tiġi ordnata. Fil-fatt, kif osserva l-Gvern Ġermaniż, il-proposta ta’ lista li tistabbilixxi b’mod eżawrjenti dawn il-motivi ġiet abbandunata matul in-negozjati li ppreċedew l-adozzjoni tad-Direttiva 2005/85 u huwa biss fil-kuntest tar-riformulazzjoni tad-Direttiva 2003/9, li attwalment ser tiġi adottata, li huwa ppjanat li tiġi stabbilita tali lista fuq livell tal-Unjoni.

56

Konsegwentement, sa issa huwa l-kompitu tal-Istati Membri li jistabbilixxu, b’osservanza sħiħa tal-obbligu tagħhom li jirriżultaw kemm mid-dritt internazzjonali kif ukoll mid-dritt tal-Unjoni, il-motivi għaliex applikant għall-ażil jista’ jitqiegħed jew jinżamm f’detenzjoni.

57

Fir-rigward ta’ sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha, minn naħa, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun tqiegħed f’detenzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 għaliex l-aġir tiegħu kien iqajjem il-biża li, fl-assenza ta’ tali detenzjoni, huwa kien ser jaħrab u jevita t-tneħħija tiegħu, u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni għall-ażil tkun tidher li tkun ġiet ippreżentata bl-għan biss li ttawwal, jew saħansitra tikkomprometti, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn adottat fil-konfront tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li tali ċirkustanzi effettivament jistgħu jiġġustifikaw iż-żamma f’detenzjoni tal-imsemmi ċittadin saħansitra wara l-preżentata tal-applikazzjoni għall-ażil.

58

Fil-fatt, dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti, f’tali ċirkustanzi, iż-żamma fid-detenzjoni tal-applikant għall-ażil hija kompatibbli mal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2005/85 għaliex din id-detenzjoni tirriżulta mhux mill-preżentata tal-applikazzjoni għall-ażil, iżda mill-fatti li jikkaratterizzaw l-aġir individwali ta’ dan l-applikant qabel u matul il-preżentata ta’ din l-applikazzjoni.

59

Barra minn hekk, sa fejn iż-żamma tad-detenzjoni tidher f’tali ċirkustanzi bħala oġġettivament meħtieġa sabiex jiġi evitat li l-persuna kkonċernata taħrab b’mod definittiv ir-ritorn tagħha, din iż-żamma hija wkoll ammissibbli skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2003/9.

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm id-Direttiva 2008/115 hija inapplikabbli matul l-iter tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għall-ażil, dan bl-ebda mod ma jfisser li, għalhekk, il-proċedura għar-ritorn ser tiġi definittivament mitmuma, għaliex din tal-aħħar tista’ titkompla fl-ipoteżi li fiha l-applikazzjoni għall-ażil tiġi miċħuda. Issa, kif osservaw il-Gvern Ċek, Ġermaniż, Franċiż u Slovakk, l-għan ta’ din id-direttiva, jiġifieri r-ritorn effikaċi ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu qegħdin fil-pajjiż b’mod illegali, jista’ jiġi ppreġudikat li kieku kien impossibbli għall-Istati Membri li jevitaw, f’ċirkustanzi bħal dawk esposti fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, li l-persuna kkonċernata tkun tista’, permezz tal-preżentata ta’ applikazzjoni għall-ażil, tikseb awtomatikament it-tqegħid fil-libertà tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian, C-329/11, Ġabra p. I-12695, punt 30).

61

Barra minn hekk, l-Artikolu 23(4)(j) tad-Direttiva 2005/85 espressament jipprovdi li l-fatt li l-applikant ma jkunx ippreżenta applikazzjoni għall-finijiet li jtawwal jew li jtellef l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni preċedenti jew imminenti li twassal għat-tkeċċija tiegħu jista’ wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami tal-imsemmija applikazzjoni, peress li dan il-fatt jista’ jiġġustifika eżami aċċellerat jew prijoritarju ta’ din tal-aħħar. Id-Direttiva 2005/85 tiżgura għalhekk li l-Istati Membri jkollhom l-istrumenti meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jiżguraw l-effikaċità tal-proċedura ta’ ritorn billi jevitaw li din tal-aħħar tiġi sospiża lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-ipproċessar tajjeb tal-applikazzjoni.

62

Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li s-sempliċi fatt li applikant għall-ażil, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu, ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u li jitqiegħed f’detenzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, ma jippermettix li jiġi preżunt, mingħajr evalwazzjoni individwali tal-fatti kollha rilevanti ta’ kull każ, li dan tal-aħħar ippreżenta din l-applikazzjoni bil-għan biss li jtawwal jew li jikkomprometti l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn u li huwa oġġettivament meħtieġ u proporzjonat li tinżamm il-miżura ta’ detenzjoni.

63

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-Direttivi 2003/9 u 2005/85 ma jipprekludux li ċittadin ta’ pajjiż terz, li ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tad-Direttiva 2005/85 wara li jkun tqiegħed f’detenzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, jinżamm f’detenzjoni fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali meta jidher, wara evalwazzjoni individwali tal-fatti kollha rilevanti ta’ kull każ, li din l-applikazzjoni ġiet ippreżentata biss bl-għan li ttawwal jew tikkomprometti l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn u li huwa oġġettivament meħtieġ li tinżamm il-miżura ta’ detenzjoni sabiex jiġi evitat li l-persuna kkonċernata tevita definittivament r-ritorn tagħha.

Fuq l-ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqri flimkien mal-premessa 9 tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tapplikax għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għall-proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat, u dan matul il-perijodu li jkopri l-preżentata tal-imsemmija applikazzjoni sal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza li tiddeċiedi dwar din l-applikazzjoni jew, jekk ikun il-każ, sal-eżitu tar-rikors li jkun ġie ippreżentat kontra l-imsemmija deċiżjoni.

 

2)

Id-Direttivi tal-Kunsill 2003/9, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil, u 2005/85 ma jipprekludux li ċittadin ta’ pajjiż terz, li ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tad-Direttiva 2005/85 wara li jkun tqiegħed f’detenzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, jinżamm f’detenzjoni fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali meta jidher, wara evalwazzjoni individwali tal-fatti kollha rilevanti ta’ kull każ, li din l-applikazzjoni ġiet ippreżentata biss bl-għan li ttawwal jew tikkomprometti l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn u li huwa oġġettivament meħtieġ li tinżamm il-miżura ta’ detenzjoni sabiex jiġi evitat li l-persuna kkonċernata tevita definittivament r-ritorn tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.

Top