Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0515

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-18 ta' Lulju 2013.
    Deutsche Umwelthilfe eV vs Bundesrepublik Deutschland.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgericht Berlin - il-Ġermanja.
    Aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali - Direttiva 2003/4/KE - Setgħa għall-Istati Membri li jeskludu mill-kunċett ta’ ‘awtorità pubblika’ previst minn din id-direttiva korpi li jaġixxu f’kapaċità leġiżlattiva - Limiti.
    Kawża C-515/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:523

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    18 ta’ Lulju 2013 ( *1 )

    “Aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali — Direttiva 2003/4/KE — Setgħa tal-Istati Membri li jeskludu mill-kunċett ta’ ‘awtorità pubblika’ previst minn din id-direttiva l-korpi li jaġixxu f’kapaċità leġiżlattiva — Limiti”

    Fil-Kawża C-515/11,

    li għandha bħala suġġett deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ottubru 2011, fil-proċedura

    Deutsche Umwelthilfe eV

    vs

    Bundesrepublik Deutschland,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, G. Arestis, J.-C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Jannar 2013,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Deutsche Umwelthilfe eV, minn R. Klinger, Rechtsanwalt,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u A. Wiedmann, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Oliver u D. Düsterhaus, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Marzu 2013,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għad-deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Deutsche Umwelthilfe eV u l-Bundesrepublik Deutschland dwar it-talba tagħha ta’ aċċess għal tagħrif miżmum mill-Bundesministerium für Wirtschaft und Technologie (Ministeru tal-Ekonomija u tat-Teknoloġija) fil-kuntest tal-korrispondenza ta’ dan il-ministeru mar-rappreżentanti tal-industrija tal-karozzi matul il-ftehim li ppreċeda l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar l-ittikkettjar fil-qasam tal-konsum tal-enerġija.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

    3

    Il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, L 164M, 16.6.2006, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), tiddefinixxi, fl-Artikolu 2(2) tagħha, l-espressjoni “awtorità pubblika” f’dawn il-kliem:

    “a)

    Gvern f’livell nazzjonali, reġjonali jew f’livell ieħor;

    [...]

    Din id-definizzjoni ma tinkorporax il-korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu f’kapaċità ġudizzjarja jew leġiżlattiva.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    4

    L-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi li, taħt ċertu numru ta’ riżervi u ta’ kundizzjonijiet, kull parti għandha tagħmel mezz li l-awtoritajiet pubbliċi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, it-tagħrif dwar l-ambjent mitlub lilhom.

    5

    L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, intitolat “Parteċipazzjoni pubblika waqt it-tfassil ta’ liġijiet u/jew ta’ strumenti legali legalment vinkolanti ta’ applikazzjoni ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jipprovdi:

    “Kull parti għandha tagħmel ħilitha biex tippromwovi l-parteċipazzjoni effettiva tal-pubbliku fi stadju xieraq - u sakemm ikun għad hemm il-possibbiltà tal-għażla - waqt it-tħejjija mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ regolamenti eżekuttivi u ta’ regoli legalment vinkolanti oħra ta’ applikazzjoni ġenerali u li jistgħu jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent. [...]

    [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Id-dritt tal-Unjoni

    6

    Id-dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea dwar ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/4, li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2005/370, tistabbilixxi:

    “Fir-rigward ta’ l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-Komunità Ewropea tistieden lill-Partijiet għall-Konvenzjoni biex jieħdu nota ta’ l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva [2003/4]. Dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-Istati Membri tal-[Unjoni Ewropea] l-possibbiltà, f’każijiet eċċezzjonali u taħt kondizzjonijiet strettament speċifiċi, li jeskludu ċerti istituzzjonijiet u korpi mir-regoli dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar talbiet għall-informazzjoni.

    [...]”

    7

    Il-premessi 1, 5, 11 u 16 tad-Direttiva 2003/4 jipprovdu:

    “(1)

    L-aċċess pubbliku miżjud għat-tagħrif ambjentali u t-tixrid ta’ dan it-tagħrif jikkontribwixxu għal konoxxenza ikbar dwar il-materji ambjentali, skambju ħieles tal-veduti, parteċipazzjoni iktar effettiva mill-pubbliku fit-tiswir tad-deċiżjonijiet u, eventwalment, ambjent aħjar.

    [...]

    (5)

    [...] Id-disposizzjonijiet tal-liġijiet Komunitarji jridu jkunu konsistenti ma’ [l-Konvenzjoni ta’ Aarhus] bil-ħsieb tal-konklużjoni tagħha mill-Komunità Ewropea.

    [...]

    (11)

    Sabiex jitqies il-prinċipju fl-Artikolu 6 tat-Trattat, illi l-ħtiġiet tal-protezzjoni ta’ l-ambjent għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet Komunitarji, id-definizzjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi għandha tiġi mwessgħa sabiex tkopri l-amministrazzjoni governattiva jew amministrazzjonijiet oħra pubbliċi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali sewwa jekk ikollhom responsabbiltajiet speċifiċi rigward l-ambjent u sewwa jekk le. Bl-istess mod id-definizzjoni għandha tiġi mwessgħa sabiex tinkludi persuni jew korpi oħra li jwettqu l-funzjonijiet ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi fejn għandu x’jaqsam l-ambjent skond il-liġijiet nazzjonali, kif ukoll persuni jew korpi oħra li jaġixxu taħt il-kontroll tagħhom u li jkollhom responsabbilitajiet jew funzjonijiet pubbliċi fejn jidħol l-ambjent.

    [...]

    (16)

    Id-dritt għat-tagħrif ifisser illi l-iżvelar tat-tagħrif għandu jkun ir-regola ġenerali u li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jitħallew li jirrifjutaw talba għat-tagħrif dwar l-ambjent f’każijiet speċifiċi u ddefiniti biċ-ċar. [...]”

    8

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “Awtorita pubblika” kif ġej:

    “‘Awtorita pubblika’ għandha tfisser:

    (a)

    l-amministrazzjoni governattiva jew amministrazzjoni oħra pubblika, inklużi l-korpi pubbliċi konsultattivi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali;

    [...]”

    9

    L-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 tistabbilixxi:

    “L-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi din id-definizzjoni ma għandhiex tinkludi korpi jew istituzzjonijiet meta jaġixxu f’kapaċità ġudizzjali [ġudizzjarja] jew leġislattiva. [...]”

    Id-dritt Ġermaniż

    10

    L-Artikolu 80 tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland) jistabbilixxi:

    “(1)   Il-Gvern Federali, ministru federali jew il-gvernijiet tal-Länder jistgħu jawtorizzaw permezz ta’ liġi l-iffissar ta’ regolamenti. Din il-liġi għandha tiddetermina l-kontenut, l-għan u l-portata tal-awtorizzazzjoni mogħtija. Ir-regolament għandu jsemmi l-bażi legali tiegħu. Fil-każ li jiġi previst f’liġi li awtorizzazzjoni tista’ tiġi sottodelegata, hemm bżonn ta’ regolament biex l-awtorizzazzjoni tiġi ddelegata.

    (2)   Huma suġġetti għall-awtorizzazzjoni tal-Bundesrat, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjonijiet kuntrarja tal-Liġi Federali, ir-regolamenti tal-Gvern Federali jew ta’ ministru federali [...] li huma adottati abbażi tal-liġi federali suġġetti għall-approvazzjoni tal-Bundesrat jew li tagħhom il-Länder jiżgura l-eżekuzzjoni permezz ta’ delega tal-Federazzjoni jew abbażi tal-kompetenza tiegħu.

    (3)   Il-Bundesrat jista’ jissottometti lill-Gvern Federali proposti għall-iffissar ta’ regolamenti li jeħtieġu l-approvazzjoni tiegħu.

    (4)   Meta l-Gvernijiet tal-Länder huma awtorizzati jistabbilixxu regolamenti permezz ta’ liġi federali jew abbażi ta’ liġijiet federali, il-Länder jistgħu wkoll jistabbilixxu liġi.”

    11

    Il-Liġi dwar it-tagħrif ambjentali (Umweltinformationsgesetz) tat-22 ta’ Diċembru 2004 (BGBl. 2004 I, p. 3704), li ttrasponiet fid-dritt Ġermaniż id-Direttiva 2003/4, tipprovdi fl-Artikolu 2(1) tiegħu:

    “Il-korpi amministrattivi suġġetta għall-obbligu li jipprovdu tagħrif huma:

    1.   Il-Gvern jew il-korpi amministrattivi pubbliċi l-oħra [...] Ma jifformawx parti mill-korpi amministrattivi pubbliċi suġġetta għall-obbligu li jipprovdu tagħrif

    a)

    l-awtoritajiet federali supremi sa fejn dawn jaġixxu fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva jew meta jistabbilixxu regolamenti [...]”

    12

    Il-Liġi dwar l-ittikkettjar fil-qasam tal-konsum tal-enerġija (Energieverbrauchskennzeichnungsgesetz) tat-30 ta’ Jannar 2002 (BGBl. 2002 I, p. 570), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, tawtorizza, fl-Artikolu 1 tagħha, lill-Bundesministerium für Wirtschaft und Technologie biex jistabbilixxi regolamenti bil-kliem segwenti:

    “(1)   Sabiex jitnaqqas il-konsum ta’ enerġija u ta’ riżorsi importanti oħra, jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 u biex il-konsumatur jiġi informat dwar dan is-suġġett, il-Bundesministerium für Wirtschaft und Technologie jista’, permezz ta’ regolament u bil-kunsens tal-Bundesrat:

    1.

    irendi obbligatorju, għat-tagħmir u l-komponenti ta’ tagħmir kif ukoll għall-vetturi bil-mutur, il-komunikazzjoni ta’ tagħrif dwar il-konsum ta’ enerġija u ta’ riżorsi importanti oħra kif ukoll dwar l-emissjonijiet ta’ CO2, u l-komunikazzjoni ta’ tagħrif addizzjonali (ittikkettjar);

    2.

    jiffissa livelli awtorizzati għall-konsum ta’ enerġija ta’ apparati (livelli ta’ konsum);

    [...]

    (3)   Il-liġijiet msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu japplikaw b’mod partikolari:

    1.

    għat-tipi ta’ apparati u ta’ vetturi kkonċernati;

    [...]

    3.

    fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur: għall-kontenut u għall-forma ta’ tali ttikkettar:

    [...]

    4.

    għan-normu u proċeduri ta’ miżuri applikabbli;

    5.

    għall-ħatra u għas-setgħat tal-korpi amministrattivi u awtoritajiet kompetenti;

    [...]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    13

    Deutsche Umwelthilfe eV hija assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent u tal-konsumaturi.

    14

    B’deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2010, il-Bundesministerium für Wirtschaft und Technologie rrifjuta li jawtorizza t-talba ta’ din l-assoċjazzjoni intiża biex tinkiseb it-trażmissjoni ta’ tagħrif inkluż f’korrispondenza bejn dan il-ministeru u r-rappreżentanti tal-industrija tal-karozzi Ġermaniża matul il-ftehim li ppreċeda l-adozzjoni ta’ regolament dwar l-ittikkettjar fil-qasam tal-konsum tal-enerġija. Dan il-ministeru applika, f’dan ir-rigward, id-dispożizzjoni tal-Liġi dwar it-tagħrif ambjentali tat-22 ta’ Diċembru 2004, li teżenta lill-awtoritajiet pubbliċi mill-obbligu ta’ informazzjoni fil-qasam tal-ambjent meta jkunu involuti fil-kuntest tat-tfassil ta’ regolament.

    15

    Adita b’rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni dwar rifjut, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-liġi mad-Direttiva 2003/4 u tistaqsi b’mod partikolari jekk l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, inkwantu tirrigwarda l-awtoritajiet pubbliċi li jaġixxu f’kapaċità leġiżlattiva, tistax tapplika għall-awtoritajiet pubbliċi meta huma jipproċedu għat-tfassil u għall-adozzjoni ta’ regolament bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    16

    Jekk ikun hemm bżonn, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni dwar jekk din l-eċċezzjoni tistax tiġi implementata ladarba l-proċedura ta’ tfassil tal-att inkwistjoni tkun intemmet.

    17

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgericht Berlin iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    [L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4/KE] għandha tiġi interpretata fis-sens li jkun hemm aġir f’kapaċità leġiżlattiva anki fil-każ ta’ attivitajiet li jikkonċernaw il-proċess leġiżlattiv imwettqa minn korpi jew istituzzjonijiet, bħala parti mill-eżekuttiv, bis-saħħa ta’ setgħa ddelegata permezz ta’ liġi Parlamentari?

    2)

    Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda: tali korpi u istituzzjonijiet għandhom jiġu esklużi mid-definizzjoni ta’ ‘awtorità pubblika’ b’mod permanenti jew inkella sakemm jintemm il-proċess leġiżlattiv biss?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    18

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-possibbiltà mogħtija minn din id-dispożizzjoni lill-Istati Membri li ma jikkunsidrawx bħala awtoritajiet pubbliċi l-“korpi jew istituzzjonijiet meta jaġixxu f’kapaċità [...] leġislattivi”, li huma obbligati li jawtorizzaw l-aċċess għat-tagħrif ambjentali li huma għandhom, tista’ tikkonċerna ministeri meta dawn ifasslu u jadottaw dispożizzjonijiet permezz ta’ setgħa ddelegata permezz ta’ liġi Parlamentari abbażi ta’ awtorizzazzjoni leġiżlattiva.

    19

    Għandu preliminarjament jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni tista’ tapplika għal ministeri sa fejn dawn jipparteċipaw fil-proċedura leġiżlattiva nnifisha. Madankollu, hija ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni dwar jekk din l-istess dispożizzjoni setgħetx ukoll tapplika għal ministeri meta jipparteċipaw fi proċedura li tista’ twassal għal regola ta’ livell inqas minn liġi (sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau, C-204/09, punti 34 u 51).

    20

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwa l-każ għar-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    21

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 tirrigwardax ukoll il-ministeri meta huma jipparteċipaw fi proċedura li tista’ twassal għal regola ta’ livell inqas minn liġi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi l-ebda rinviju espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens tagħha u l-portata tagħha għandha, fl-Unjoni kollha, normalment tirċievi interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha titfittex billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara s-sentenza Flachglas Torgau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

    22

    Barra minn hekk, l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4, li tippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mis-sistema ġenerali prevista minn din id-direttiva, ma tistax tiġi interpretata b’mod li testendi l-effetti tagħha lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-interessi li hija tfittex li tiggarantixxi u l-portata tad-derogi previsti minnha għandha tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-imsemmija direttiva (sentenza Flachglas Torgau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

    23

    F’dan ir-rigward, mill-punt 43 tas-sentenza Flachglas Torgau, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 għandha l-għan li tippermetti lill-Istati Membri jiffissaw ir-regoli li huma xierqa sabiex jiżguraw li l-proċedura ta’ adozzjoni tal-liġijiet tiżvolġi sew billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fid-diversi Stati Membri, l-għoti tal-informazzjoni liċ-ċittadin huwa normalment żgurat biżżejjed fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv.

    24

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, fid-dawl tad-differenzi li jistgħu jeżistu bejn il-proċeduri leġiżlattivi tal-Istati Membri, interpretazzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ “korpi jew istituzzjonijiet meta jaġixxu f’kapaċità leġislattiva” hija ġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tad-Direttiva 2003/4 f’dawn l-Istati (sentenza Flachglas Torgau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

    25

    Minn dan hija ddeduċiet li għandha tiġi applikata interpretazzjoni funzjonali tal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) li tipprovdi li l-possibbiltà prevista f’din id-dispożizzjoni tista’ tapplika għall-ministeri sa fejn huma jipparteċipaw fil-proċedura leġiżlattiva (sentenza Flachglas Torgau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

    26

    Għaldaqstant, ir-raġunijiet li kienu preżenti għall-adozzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ tali interpretazzjoni ma jistgħux a priori jiġġustifikaw interpretazzjoni estensiva tal-espressjoni “kapaċità leġislattiva”, li tipprovdi li l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 kienet tirrigwarda l-proċeduri kollha li jippermettu t-tfassil ta’ regoli ġenerali u astratti, inkluż regoli ta’ livell inqas minn liġi.

    27

    Fil-fatt, filwaqt li d-domanda magħmula fil-kuntest tas-sentenza Flachglas Torgau, iċċitata iktar ’il fuq, kienet tirrigwarda d-determinazzjoni ta’ korpi u ta’ istituzzjonijiet li jaġixxu fil-kuntest ta’ proċedura li n-natura leġiżlattiva ma kinitx imqiegħda inkwistjoni, il-kawża prinċipali tirrigwarda preċiżament il-kwistjoni distinta dwar jekk proċeduri oħra humiex eventwalment ikkonċernati mill-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4.

    28

    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li kemm kliem l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 kif ukoll l-għan imfittex mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus u din id-direttiva li tiggarantixxi d-dritt ta’ aċċess għat-tagħrif ambjentali miżmum mill-awtoritajiet pubbliċi u li jiġi żgurat li t-tagħrif ex officio jsir progressivament disponibbli u mxandar lill-pubbliku (sentenza Flachglas Torgau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39) iwasslu biex tiġi applikata interpretazzjoni restrittiva li tipprovdi li huma biss il-proċeduri li jistgħu jwasslu għall-adozzjoni ta’ liġi jew ta’ regola tal-istess livell li huma kkonċernati mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4.

    29

    Hija fil-fatt l-ispeċifiċità tal-proċedura leġiżlattiva u l-karatteristiċi speċifiċi tagħha li jiġġustifikaw ir-regoli speċjali relatati mal-atti adottati f’kapaċità leġiżlattiva fir-rigward tad-dritt għat-tagħrif kif previst kemm fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif ukoll fid-Direttiva 2003/4.

    30

    Minn dan jirriżulta li n-natura tal-att inkwistjoni, u b’mod partikolari l-fatt li dan huwa att ta’ portata ġenerali, ma tistax waħedha teżenta lill-korp li jadottah mill-obbligi ta’ tagħrif li jirriżultaw minn din id-direttiva.

    31

    Fid-dawl tal-għanijiet tagħha, huwa biss l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-liġijiet u n-natura tal-proċedura leġiżlattiva li normalment tiżgura b’mod suffiċjenti l-informazzjoni lill-pubbliku li jiġġustifikaw li l-korpi li jeżerċitaw kapaċità leġiżlattiva jew jipparteċipaw fiha jiġu eżenti mill-obbligi ta’ tagħrif li hija timponi.

    32

    Din l-interpretazzjoni hija msaħħa mill-kliem u mill-istruttura tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li fid-dawl tagħha d-Direttiva 2003/4 għandha tiġi interpretata (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen eV, C-115/09, Ġabra p. I-3673, punt 41).

    33

    Fil-fatt, din il-konvenzjoni toħloq distinzjoni bejn is-sistema ta’ atti leġiżlattivi u s-sistema ta’ atti regolamentarji. Għalhekk, filwaqt li t-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) ta’ din il-konvenzjoni tippermetti lill-Istati Membri li jirrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi meta jaġixxu fil-“kapaċità leġislattiva”, l-Artikolu 8 ta’ din tal-aħħar, min-naħa l-oħra, timponi fuqhom l-obbligu li jippromwovu parteċipazzjoni effettiva tal-pubbliku matul il-frażi ta’ “tfassil tar-regolamenti”.

    34

    Madankollu, din il-limitazzjoni għall-possibbiltà ta’ deroga prevista fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 tapplika bla ħsara għall-possibbiltà għall-istituzzjoni jew għall-korp ikkonċernat li jirrifjuta t-trażmissjoni ta’ tagħrif ambjentali għal raġunijiet oħra, u b’mod partikolari, li juża, jekk ikun il-każ, waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

    35

    Fl-assenza ta’ preċiżazzjoni fid-dritt tal-Unjoni dwar x’inhi liġi jew x’inhi regola ta’ livell ekwivalenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4, għandu wkoll jingħad li din l-evalwazzjoni tiddependi mid-dritt tal-Istati Membri, sakemm ma tiġix ippreġudikata l-effettività ta’ din id-direttiva.

    36

    Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-possibbiltà mogħtija permezz ta’ din id-dispożizzjoni lill-Istati Membri li ma jqisux bħala awtoritajiet pubbliċi, li huma obbligati li jawtorizzaw l-aċċess għat-tagħrif ambjentali miżmuma minnhom, lill-“korpi jew istituzzjonijiet meta jaġixxu f’kapaċità [...] leġislattiva”, ma tistax tikkonċerna lill-ministeri meta huma jfasslu u jadottaw dispożizzjonijiet permezz ta’ setgħa ddelegata li huma ta’ livell inqas minn liġi.

    Fuq it-tieni domanda

    37

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ir-risposta għat-tieni domanda ma hijiex meħtieġa.

    Fuq l-ispejjeż

    38

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-possibbiltà mogħtija permezz ta’ din id-dispożizzjoni lill-Istati Membri li ma jqisux bħala awtoritajiet pubbliċi, li huma obbligati li jawtorizzaw l-aċċess għat-tagħrif ambjentali miżmuma minnhom, lill-“korpi jew istituzzjonijiet meta jaġixxu f’kapaċità [...] leġislattiva” ma tistax tikkonċerna lill-ministeri meta huma jfasslu u jadottaw dispożizzjonijiet permezz ta’ setgħa ddelegata li huma ta’ livell inqas minn liġi.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top