EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0441

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-6 ta’ Diċembru 2012.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Verhuizingen Coppens NV.
Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE — Suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju — Akkordju li jikkonsisti fi tliet ftehim partikolari — Ksur uniku u kontinwu — Nuqqas ta’ prova li parteċipant fi ftehim partikolari kien jaf bi ftehim oħra partikolari — Annullament parzjali jew sħiħ tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni — Artikoli 263 TFUE u 264 TFUE”.
Kawża C‑441/11 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:778

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

6 ta’ Diċembru 2012 ( *1 )

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE — Suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju — Akkordju li jikkonsisti fi tliet ftehim partikolari — Ksur uniku u kontinwu — Nuqqas ta’ prova li parteċipant fi ftehim partikolari kien jaf bi ftehim oħra partikolari — Annullament parzjali jew sħiħ tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni — Artikoli 263 TFUE u 264 TFUE”

Fil-Kawża C-441/11 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-25 ta’ Awwissu 2011,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet, S. Noë u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Verhuizingen Coppens NV, stabbilita f’Boutsersem (il-Belġju), irrappreżentata minn J. Stuyck u I. Buelens, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J.-C. Bonichot, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Mejju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Ġunju 2011, Verhuizingen Coppens vs Il-Kummissjoni (T-210/08, Ġabra p. II-3713, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li annullat l-Artikoli 1(i) u 2(k) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 926 finali, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 – Servizzi ta’ ġarr internazzjonali) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

2

Jirriżulta mill-punti 3 sa 7 tas-sentenza appellata li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li d-destinatarji ta’ din, fosthom Verhuizingen Coppens NV (iktar ’il quddiem “Coppens”), ipparteċipaw f’akkordju fis-settur tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, billi ffissaw il-prezzijiet, qassmu bejniethom il-klijenti u mmanipulaw is-sejħiet għal offerti mill-inqas mill-1984 sal-2003, jew inżammu responsabbli ta’ dan l-akkordju, u jew wettqu, għalhekk, ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE.

3

Skont il-punti 8 u 9 tas-sentenza appellata, minn naħa, is-servizzi kkonċernati mill-ksur jinkludu l-ġarr, minn jew lejn il-Belġju, ta’ beni ta’ persuni fiżiċi kif ukoll ta’ impriżi jew ta’ istituzzjonijiet pubbliċi. Fid-dawl tal-fatt li l-kumpanniji ta’ ġarr internazzjonali inkwistjoni kollha jinsabu fil-Belġju u li l-akkordju sar fit-territorju Belġjan, iċ-ċentru ġeografiku tal-akkordju ġie kkunsidrat bħala li kien fil-Belġju. Min-naħa l-oħra, id-dħul mill-bejgħ kumulat tal-parteċipanti fl-akkordju għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali ġie stmat mill-Kummissjoni għal EUR 41 miljun għas-sena 2002, il-parti tas-suq kumulat tal-impriżi implikati ġew iffissati għal madwar 50 % tas-settur ikkonċernat.

4

Skont il-punt 10 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ddikjarat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-akkordju b’mod partikolari kien intiż sabiex jistabbilixxi u jżomm prezzijiet għoljin kif ukoll it-tqassim tas-suq f’modi differenti, jiġifieri ftehim dwar il-prezzijiet, ftehim dwar il-qsim tas-suq permezz ta’ sistema ta’ kwotazzjonijiet foloz, magħrufa bħala “kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza” (iktar ’il quddiem il-“ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza”), u ftehim dwar sistema ta’ kumpens finanzjarju għal offerti miċħuda jew f’każijiet ta’ nuqqas ta’ provvista, magħrufa bħala “kummissjonijiet” (iktar ’il quddiem il-“ftehim fuq il-kummissjonijiet”).

5

Jirriżulta mill-punt 11 tas-sentenza appellata li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li bejn l-1984 u l-bidu tas-snin 90, l-akkordju b’mod partikolari ffunzjona fuq il-bażi ta’ ftehim bil-miktub ta’ ffissar tal-prezzijiet, il-prattika tal-kummissjonijiet u l-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza li ġew introdotti parallellament. Skont din l-istess deċiżjoni, kif espost f’din is-sentenza, il-prattika tal-kummissjonijiet għandha tiġi kkunsidrata bħala ffissar indirett tal-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, sa fejn il-membri tal-akkordju joħorġu kontijiet lil xulxin ibbażati fuq il-kummissjonijiet għal offerti miċħuda jew li jkunu astjenew għalihom, billi jibbażawhom fuq servizzi fittizji, u l-ammont ta’ dawn il-kummissjonijiet jintalbu lill-klijenti.

6

Fir-rigward tal-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, jirriżulta mill-punti 12 u 13 tas-sentenza appellata li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, permezz ta’ tali kwotazzjonijiet, li l-kumpannija tal-ġarr li riedet tieħu l-kuntratt kienet tiżgura li l-klijent li kien ser iħallas għall-ġarr jirċievi diversi kwotazzjonijiet. Għal dan il-għan, din il-kumpannija kienet tindika lill-kompetituri tagħha l-prezz totali li huma kellhom jiffatturraw għall-ġarr inwkistjoni, li kien ikun ogħla minn dak propost minn din il-kumpannija. Għalhekk dawn kienu kwotazzjonijiet fittizzji ppreżentati minn kumpanniji li ma kienx beħsiebhom iwettqu l-ġarr. Il-Kummissjoni kkunsidrat li din il-prattika tikkostitwixxi manipulazzjoni tal-proċedura tas-sejħa għal offerti b’mod li l-prezzijiet mitluba għall-ġarr ikunu ogħla milli kienu jkunu f’ambjent kompetittiv.

7

Skont il-punt 14 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, li dawn l-arranġamenti ġew stabbiliti sal-2003 u li dawn l-attivitajiet kumplessi kellhom l-istess għan li jiġu ffissati l-prezzijiet, li jitqassam is-suq, u b’hekk li jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni.

8

Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, liema Artikolu 1 huwa fformulat kif ġej:

“L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81(1) [KE] u l-Artikolu 53(1), tal-Ftehim [dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3)] billi stabilixxew b’mod dirett u indirett il-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, billi qassmu bejniethom parti minn dan is-suq u billi mmanipulaw il-proċedura ta’ sejħiet għal offerti matul il-perijodi indikati:

[…]

i)

[Coppens], mit-13 ta’ Ottubru 1992 sad-29 ta’ Lulju 2003;

[…]”

9

Konsegwentement, fl-Artikolu 2(k) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 104 000 fuq Coppens, ikkalkolat konformement mal-metodu spjegat fil-Linji gwida tagħha dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”).

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

10

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ġunju 2008, Coppens ippreżentat rikors intiż għall-annullament tal-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dawn jirrigwardawha u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqha ta’ ammont massimu ta’ 10 % mid-dħul mill-bejgħ imwettaq minnha fis-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali.

11

Insostenn tar-rikors tagħha, Coppens invokat żewġ motivi prinċipali, ibbażati fuq ksur, rispettivament, tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), kif ukoll sussidjarjament, l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha.

12

L-ewwel motiv kien maqsum fi tliet partijiet. Permezz ta’ dan, l-ewwel nett, Coppens tikkontesta li hija pparteċipat f’akkordju kumpless, it-tieni nett, hija tikkontesta t-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju u, it-tielet nett, hija tilmenta li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa l-piż relattiv tal-parteċipazzjoni tagħha. Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv, Coppens tenfasizza b’mod partikolari li hija ġiet biss ikkritikata minħabba fl-istabbiliment tal-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza u għalhekk hija tqis li l-Kummissjoni ma werietx li hija kienet taf b’dan il-ftehim fuq il-kummissjonijiet. Għalhekk, il-konklużjoni milħuqa mill-Kummissjoni li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fl-akkordju kumpless ma kinitx fondata. Barra minn dan, Coppens issostni li l-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, ma kellux suġġett jew effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

13

Il-Kummissjoni sostniet li huwa irrilevanti li l-kompetizzjoni hija distorta minħabba fi kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza jew kummissjonijiet. Fil-fatt, skont din l-istituzzjoni, f’żewġ każijiet, din kienet tirrigwarda distorsjoni tal-kompetizzjoni li normalment tirriżulta f’żieda fil-prezzijiet għall-klijent, b’mod li l-forom differenti tal-akkordju jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE.

14

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħat l-ewwel parti tal-ewwel motiv invokat minn Coppens. Fil-punti 28 sa 32 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet kif ġej:

“28

F’dak illi jirrigwarda l-ewwel parti tal-motiv, huwa stabbiliti li l-parteċipazzjoni attiva [ta’ Coppens] fl-akkordju kienet limitata għall-istabbiliment tal-[kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza] (ara l-premessi 173 u 296 tad-[deċiżjoni kkontestata]). Fil-fatt, skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, Coppens hija l-unika impriża li ma pparteċipatx fil-ftehim fuq il-kummissjonijiet.

29

Madankollu, [Coppens] tikkontesta li pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, impriża li tkun ipparteċipat fi ksur multiformi tar-regoli tal-kompetizzjoni permezz ta’ aġir tagħha stess, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ akkordju jew prattika miftiehma li għandhom għan antikompetittiv skont l-Artikolu 81(1) KE, u li huma intiżi biex jikkontribwixxu sabiex jitwettaq il-ksur kollu kemm hu tista’ tinsab responsabbli wkoll għall-aġir ta’ impriżi oħrajn fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur, ladarba jiġi stabbilit li l-impriża inkwistjoni kienet taf bl-aġir illeċitu tal-parteċipanti l-oħra, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih u li hija kienet lesta taċċetta r-riskju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punti 87 u 203). Għalhekk, sabiex impriża tiġi kkunsidrata responsabbli ta’ ksur uniku u kontinwu, huwa meħtieġ l-għarfien (kemm jekk ippruvat jew issuspettat) ta’ aġir illeċitu tal-parteċipanti l-oħra f’dan il-ksur.

30

Barra minn dan, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi fatt li l-għan ta’ ftehim li fih ipparteċipat impriża u ta’ akkordju globali jkun l-istess, ma huwiex biżżejjed biex din l-impriża titqies responsabbli għall-parteċipazzjoni fl-akkordju globali. Fil-fatt, huwa biss jekk l-impriża, meta hija pparteċipat f’dan il-ftehim, kienet taf jew kellha tkun taf li, billi għamlet hekk, hija kienet qed tinvolvi ruħha fl-akkordju globali li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim ikkonċernat jista’ jikkostitwixxi l-espressjoni tal-adeżjoni tagħha ma’ dan l-akkordju globali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Sigma Tecnologie vs Il-Kummissjoni, T-28/99, Ġabra p. II-1845, punt 45).

31

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wrietx li [Coppens], matul il-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim dwar il-[kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza], kienet konxja tal-attivitajiet antikompetittivi ta’ impriżi oħra li jirrigwardaw il-kummissjonijiet, jew li setgħet raġonevolment tipprevedi dan. Fil-fatt, il-Kummissjoni ammettiet espressament li, f’dak li jirrigwarda l-għarfien [ta’ Coppens] tal-aġir illegali tal-parteċipanti l-oħra, id-[deċiżjoni kkontestata] ma hijiex ibbażata fuq provi konkreti. Hija ssostni li [Coppens] ma tikkontestax li kienet taf bil-ftehim fuq il-kummissjonijiet u li naqset milli tindika sa fejn hija ġiet informata bl-aġir tal-parteċipanti l-oħra fil-ksur. Madankollu, [Coppens] mhux meħtieġa tindika fuq inizjattiva tagħha stess, sa fejn hija kienet taf bl-aġir tal-parteċipanti l-oħra fil-ksur, billi l-oneru tal-prova huwa tal-Kummissjoni. Din l-ewwel nett għandha tipprova fatt qabel ma [Coppens] tkun tista tikkontestah. Barra minn dan, waqt is-seduta, [Coppens], fuq talba tal-Qorti Ġenerali, espliċitament enfasizzat li hija ma kinitx taf bil-ftehim fuq il-kummissjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra li [Coppens] kienet ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwu.”

15

Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jiġu dedotti minn din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali qieset fil-punti 33 sa 35 tas-sentenza appellata, li l-fatt li d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata ma ssemmix in-natura unika u kontinwa tal-ksur huwa irrilevanti, b’mod partikolari meta wieħed iqis li d-dispożittiv ta’ att huwa inseparabbli mill-motivazzjoni tiegħu u li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jindikaw b’mod ċar li l-Kummissjoni qieset lil Coppens responsabbli li pparteċipat f’tali ksur.

16

Fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat hekk kif ġej:

“Għalhekk, minkejja li l-parteċipazzjoni fis-sistema ta’ [kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza] tista’ tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81 KE li jista’ jiġi ssanzjonat b’multa, hemm lok li hekk kif talbet [Coppens], jiġu annulati l-Artikolu 1(i) u l-Arikolu 2(k) tad-[deċiżjoni kkontestata].”

17

Konsegwentement, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma kienx hemm iktar lok li teżamina l-partijiet l-oħra tal-ewwel motiv invokat minn Coppens insostenn tar-rikors tagħha u lanqas l-motivi l-oħra invokati minn din tal-aħħar u, għalhekk, annullat l-Artikoli 1(i) u 2(k) tad-deċiżjoni kkontestata.

It-talbiet tal-partijiet

18

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad ir-rikors għal annullament jew, fin-nuqqas, tannulla biss l-Artikolu 1(i) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija żżomm lil Coppens responsabbli tal-ftehim fuq il-kummissjonijiet;

tistabbilixxi multa f’ammont li hija tqis adegwat, u

tikkundanna lil Coppens għall-ispejjeż ta’ dan l-appell u għall-parti tal-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali li hija tqis xierqa.

19

Coppens, min-naħa tagħha, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla għalkollox jew parzjalment is-sentenza appellata, li tillimita l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni b’mod li din tirrappreżenta 10 % mid-dħul mill-bejgħ tagħha fis-suq ikkonċernat, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll fil-kuntest ta’ dan tal-appell.

Fuq l-appell

20

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni invokat il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikoli 263 TFUE u 264 TFUE kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

L-argumenti tal-partijiet

21

Il-Kummissjoni, permezz tal-aggravju tagħha, issostni, essenzjalment, li huwa żbaljat li l-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-motivazzjoni pprovduta fil-punt 36 tas-sentenza appellata, ma ddeċiditx għal annullament parzjali biss tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċerna lil Coppens. Fil-fatt, f’din il-kawża, huwa biss il-fatt li l-kumpannija kienet taf jew kellha tkun taf dwar il-ftehim fuq il-kummissjonijiet li ma kienx ġie pprovat. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament parzjali ta’ deċiżjoni hija possibbli peress li l-provi li l-annullament tagħhom qed jiġi mitlub jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tad-deċiżjoni, li huwa il-każ f’din il-kawża. Għalhekk ikun sproporzjonat li l-Qorti Ġenerali tannulla deċiżjoni fl-intier tagħha meta biss parti mill-ksur ma jistax jiġi stabbilit.

22

Il-Kummissjoni tfakkar li d-deċiżjoni kkontestata qieset lil Coppens responsabbli għal ksur uniku u kontinwu li, matul il-perijodu inkwistjoni, kien ikkostitwit minn żewġ elementi distinti, jiġifieri l-ftehim fuq il-kummissjonijiet u l-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kienet biss intitolata tannulla din id-deċiżjoni fl-intier tagħha, f’dak li jirrigwarda din il-kumpannija, jekk hija setgħat tikkonstata li, minbarra l-assenza ta’ prova tal-fatt li din tal-aħħar kienet taf bl-attivitajiet antikompetittivi tal-impriżi l-oħra dwar il-kummissjonijiet jew li hija setgħat raġonevolment tipprevedihom, il-Kummissjoni ma kinitx weriet li Coppens kienet ipparteċipat fil-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza. Madankollu, id-dimostrazzjoni ta’ tali parteċipazzjoni u l-fatt li fih innifsu jikkostitwixxi ksur fl-Artikolu 81 KE ma joħloq l-ebda dubju, hekk kif irrikonoxxiet ukoll il-Qorti Ġenerali.

23

Is-sentenza appellata għalhekk tmur wkoll kontra l-ġurisprudenza li tgħid li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiddeċiedi għal annullament sħiħ meta jkun evidenti li l-motiv li tikkunsidra li huwa fondat jista biss jiġġustifika annullament parzjali, tali ġurisprudenza hija espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

24

Barra minn hekk, l-annullament sħiħ tad-deċiżjonijiet dwar akkordji minħabba li parti mill-ksur ma kienx ġie pprovat huwa inkompatibbli mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u mal-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni, sa fejn tkun teħtieġ repetizzjoni ta’ proċeduri, sakemm ma jiġix aċċettat li dik il-parti tal-ksur li tkun ġiet pprovata tibqa’ mhux issanzjonata. Barra minn hekk, ma huwiex ċert li r-repetizzjoni ta’ tali proċeduri hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ non bis in idem.

25

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kawża. Il-fatti rilevanti huma stabbiliti, Coppens ma kkontestatx quddiem il-Qorti Ġenerali s-67 parteċipazzjoni tagħha fl-implementazzjoni tal-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, kif ikkonstatati u ddokumentati fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni żżid li dan il-ftehim kellu kemm suġġett u effetti antikompetittivi u minn naħa, tirrikonoxxi li għas-snin 1994 u 1995, ma kien hemm ebda prova tal-parteċipazzjoni ta’ Coppens fl-implementazzjoni ta’ dan il-ftehim u, min-naħa l-oħra, li l-multa tista’ titnaqqas jekk Coppens setgħet biss tinżamm responsabbli għal dan l-aħħar ftehim.

26

Coppens issostni, prinċipalment, li l-appell għandu jiġi miċħud. L-ewwel lok, ma kien hemm ebda elementi li jistgħu jiġu sseparati mid-deċiżjoni kkontestata fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Billi l-Kummissjoni kkonstatat, f’din id-deċiżjoni, l-eżistenza ta’ akkordju kumpless, li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu fl-Artikolu 81 KE, il-Qorti Ġenerali kienet neċessarjament meħtieġa tiddeċiedi dwar il-parteċipazzjoni ta’ Coppens f’tali akkordju. Għalhekk hija ddeċidiet li s-sempliċi fatt li ftehim li għalih impriża pparteċipat li għandu suġġett identiku għal dak ta’ akkordju globali ma huwiex biżżejjed sabiex tikkonstata li din l-impriża pparteċipat f’akkordju globali. Dan mhux kwistjoni ta’ “parti ta’ ksur”.

27

It-tieni lok, din il-ġurisprudenza tippermetti annullament parzjali ta’ deċiżjoni jekk tali annullament parzjali ma jimmodifikax il-mertu tad-deċiżjoni inkwistjoni. Madankollu, f’din il-kawża, hija l-kwalifika tal-ksur ikkontestat lil Coppens, u għalhekk l-essenza stess tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tagħha, li ġiet ikkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali. L-annullament sħiħ ta’ din sa fejn din tirrigwarda lil Coppens hija l-konsegwenza tal-assenza ta’ prova tal-involviment ta’ din il-kumpannija fl-elementi kollha essenzjali sabiex jiġi kkonstatat li hemm ksur uniku u kontinwu.

28

Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma setgħatx tillimita ruħha sabiex tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata. Modifika sempliċi tal-ammont tal-multa impost fuq Coppens kienet tagħtiha protezzjoni legali inadegwata. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-kundanna tagħha kienet ibbażata fuq l-elementi kollha tal-ksur, meta wieħed biss minn dawn ġie effettivament pprovat fir-rigward tagħha.

29

It-tielet lok, minn naħa, l-annullament sħiħ tas-sentenza appellata jmur kontra l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Département du Loiret (C-295/07 P, Ġabra p. I-9363). L-aggravju milqugħ f’din il-kawża kien dirett kontra d-denominatur komuni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-akkuża dwar l-akkordju kumpless. Għalhekk, l-annullament sħiħ ta’ din id-deċiżjoni ma jmurx lil hinn mill-aggravju invokat. Min-naħa l-oħra, l-argument ibbażat fuq l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-implementazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni ma japplikawx. Fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ legalità, ikun possibbli li impriża tiġi kkundannata jekk jiġi pprovat li wettqet il-ksur ikkonstestat. Billi l-ksur ikkonstatat f’din id-deċiżjoni huwa akkordju kumpless, jiġifieri ksur li jikkonsisti minn diversi elementi li kull wieħed minnhom huwa essenzjali għal-konstatazzjoni tiegħu, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li l-Kummissjoni ma werietx b’mod suffiċjenti li Coppens kienet ipparteċipat fl-elementi essenzjali differenti ta’ dan il-ksur, b’mod li l-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża f’akkordju kumpless ma setax jiġi aċċettat.

30

Sussidjarjament, Coppens talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla l-multa jew, għall-inqas, li tnaqqasha għal ammont li ma jaqbiżx l-10 % mid-dħul mill-bejgħ fis-suq tal-ġarr internazzjonali fil-Belġju. Iktar sussidjarjament, għall-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u mhux id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwardaha, Coppens titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Insostenn ta’ dawn it-talbiet, Coppens tinvoka żewġ aggravji.

31

Coppens tqis li l-ammont bażiku tal-multa ġie ddeterminat b’mod żbaljat, billi l-Kummissjoni ma għamlitx distinzjoni bejn il-parteċipanti fl-akkordju, meta hija fil-fatt kellha tieħu inkunsiderazzjoni r-rwoli rispettivi tagħhom hemmhekk. Kif ukoll, din il-kumpannija wettqet ksur inqas gravi minn dak ikkunsidrat fil-konfront tagħha mill-Kummissjoni, partikolarment fid-dawl tar-rwol tagħha u tal-parteċipazzjoni limitata tagħha fl-akkordju inkwistjoni, tas-sehem tas-suq tagħha, li jammonta għal biss 0.04 % tas-suq ikkonċernat, u tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha li huwa ħafna iktar baxx minn dak tal-parteċipanti l-oħra fil-ksur. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx iżżomm f’dak li jirrigwarda din il-kumpannija, bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa, perċentwali ta’ 17 % mid-dħul mill-bejgħ bħall-parteċipanti kollha l-oħra. Barra minn hekk, Coppens weriet li t-tul tal-ksur lilha kkontestat huwa l-iktar ta’ 7 snin, u mhux 10 snin u 9 xhur. Barra minn hekk, l-ammont bażiku tal-multa għandu jiġi mnaqqas skont il-punti 27 sa 35 tal-Linji gwida. F’dan ir-rigward, Coppens b’mod partikolari ssostni li pproduċiet provi li juru l-inkapaċità tagħha li tħallas u ta’ riskju reali ta’ falliment.

32

Min-naħa l-oħra, Coppens issostni li l-multa kienet ġiet iffissata bi ksur manifest tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn din kienet tammonta għal 10 % mid-dħul mill-bejgħ totali tagħha u tammonta għal kważi 200 % tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni. Il-Kummissjoni kellha, konformement għall-ġurisprudenza, tikkunsidra l-fatt li d-dħul mill-bejgħ tagħha mwettaq fir-rigward tal-attività kkonċernata mill-akkordju tirrappreżenta biss madwar 3.2 % mid-dħul mill-bejgħ totali tagħha.

33

Fl-aħħar nett, Coppens titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun meħtieġ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż billi tapplika t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, dispożizzjoni li issa tinsab fl-Artikolu 139 tiegħu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

34

Huwa stabbilit li l-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li l-parteċipazzjoni ta’ Coppens fil-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza jistgħu minnhom infushom jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81 KE li huwa suxxettibbli li jiġi ssanzjonat b’multa, għaldaqstant ikkunsidrat li hemm lok li tannulla l-Artikoli 1(i) u 2(k) tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz tal-aggravju tagħha l-Kummissjoni tikkontesta l-annullament mill-Qorti Ġenerali ta’ din id-deċiżjoni kollha billi tikkonċerna lil Coppens.

35

Għandu jitfakkar li jirriżulta mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE li, jekk rikors ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE huwa fondat, il-Qorti Ġenerali għandha tiddikjara l-att ikkontestat bħala null u li ma seħħx.

36

Hekk kif qies l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE għandu madankollu jiġi interpretat fis-sens li l-att li huwa s-suġġett ta’ rikors għal annullament għandhu biss jiġi ddikjarat null u li ma seħħx meta dan ir-rikors huwa fondat.

37

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li s-sempliċi fatt li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra motiv invokat mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha bħala fondat, ma jippermettix l-annullament awtomatiku tal-att ikkontestat kollu kemm hu. Fil-fatt, annullament totali ma jistax jiġi aċċettat meta jidher ċar li dan il-motiv, li jirrigwarda biss punt speċifiku tal-att ikkontestat, jista’ jwassal biss għal annullament parzjali (sentenza Il-Kummissjoni vs Département du Loiret, iċċitata iktar ’il fuq, punt 104).

38

Madankollu, l-annullament parzjali ta’ att tad-dritt tal-Unjoni huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li qed jintalab l-annullament tagħhom jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tal-att. Tali rekwiżit ma huwiex sodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att għandu l-effett li jibdel il-mertu ta’ dan, li għandu jiġi evalwat fuq il-bażi ta’ kriterju oġġettiv u mhux ta’ kriterju suġġettiv marbut ma’ rieda politika tal-awtorità li adottat l-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2005, Franza vs Il-Parlament et Il-Kunsill, C-244/03, Ġabra p. I-4021, punti 12 sa 14, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Département du Loiret, iċċitata iktar ’il fuq, punti 105 u 106).

39

Minn dan isegwi li f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, tiddeċiedi għall-annullament sħiħ tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna lil Coppens, sakemm l-annullament parzjali ta’ din tal-aħħar ma tkunx biddlet il-mertu, li għandu jiġi vverifikat.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata tiddisponi li Coppens u impriżi oħra kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea meta ffissaw b’mod dirett u indirett il-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, billi qassmu bejniethom parti minn dan is-suq u billi mmanipulaw il-proċedura ta’ sejħiet għall-offerti għall-issuġġettar ta’ offerti bejn il-perijodu li jmur mit-13 ta’ Ottubru 1992 sad-29 ta’ Lulju 2003. Madankollu, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, fil-punt 35 tagħha, ikkonstatat li l-Kummissjoni tikkunsidra lil Coppens bħala responsabbli talli pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu u, min-naħa l-oħra, fil-punti 28 u 36 tal-istess sentenza, ma eskludietx li l-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, li Coppens ma ċaħditx li pparteċipat fih, seta’ fih innifsu jkun kuntrarju għall-Artikolu 81 KE.

41

Skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu, meta wieħed jew iktar minn dawn l-elementi ta’ din is-serje ta’ atti jew ta’ aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom infushom u meħuda weħedhom, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Għalhekk, meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidraha responsabbli ta’ dawn l-azzjonijiet minħabba fil-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ikkunsidrat kollu kemm hu (sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81, kif ukoll tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 258).

42

Impriża li tkun ipparteċipat fi ksur uniku u kumpless minħabba f’aġir tagħha stess, li kien jaqa’ taħt kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE u li kienu intiżi sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq tal-ksur kollu kemm hu tista’ wkoll tkun responsabbli għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha għall-imsemmi ksur. Dan huwa l-każ meta jiġi stabbilit li din l-impriża biħsiebha tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir illeċitu maħsub jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punti 87 u 203, kif ukoll Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 83).

43

Għalhekk, impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu, f’liema każ il-Kummissjoni tista’ tattribwixxi lilha r-responsabbiltà għal dan l-aġir kollu, u għalhekk għall-ksur kollu kemm hu. Impriża tista’ wkoll tipparteċipa direttament f’parti biss tal-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, iżda tkun taf bl-aġir illegali kollu l-ieħor previst jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju għall-ksib tal-istess għanijiet, jew setgħet tkun raġonevolment ipprevediet u lestiet ruħha sabiex tieħu r-riskju. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha wkoll dritt li tattribwixxi lil din l-impriża r-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv kollu li joħloq dan il-ksur u, konsegwentement, ta’ dan tal-aħħar kollu kemm hu.

44

Min-naħa l-oħra, jekk impriża direttament tkun involuta f’wieħed jew iktar mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu, iżda ma jkunx ġie stabbilit li, permezz tal-aġir tagħha stess, huwa maħsub li tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li kienet taf bil-komponenti illegali kollha l-oħra previsti jew implementati minn dawn il-parteċipanti fit-tfittxija li jintlaħqu dawn l-għanijiet komuni jew li raġonevolment setgħat tipprevedihom u li kienet lesta taċċetta r-riskju li joħolqu, il-Kummissjoni tista’ biss tattribwixxilha r-responsabbiltà biss ta’ dak l-aġir li fih kienet direttament ipparteċipat u fl-aġir previst jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fit-tfittxija sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet bħal dawk imfittxija minnha u għalhekk li hemm il-prova li hija kienet taf jew setgħet raġonevolment ipprevediethom u li kienet lesta li taċċetta r-riskju.

45

Madankollu, dan ma jwassalx għall-eżenzjoni ta’ din l-impriża mir-responsabbiltà tagħha għall-aġir li pparteċipat fih jew li setgħat effettivament tinżamm responsabbli tiegħu. Fil-fatt, il-fatt li impriża ma tipparteċipax fl-elementi kollha ta’ akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom hija kienet ipparteċipat ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur fil-kap tagħha, peress li hemm bżonn li dawn l-elementi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss matul l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, fejn xieraq, għad-determinazzjoni tal-multa (sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 90, kif ukoll Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 86).

46

Madankollu, ma huwiex possibbli għalhekk li taqsam deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkwalifika akkordju globali ta’ ksur uniku u kontinwu jekk, minn naħa, din l-impriża kienet f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tifhem li ġew ikkontestati wkoll kull aġir li jikkostitwixxi dan, u għalhekk li tiddefendi ruħha fuq dan il-punt, u jekk, min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni hijiex suffiċjentement ċara f’dan ir-rigward.

47

Minn dan isegwi li, meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza huma ssodisfatti, jekk il-qorti tal-Unjoni tikkonstata li l-Kummissjoni ma stabbilietx b’mod suffiċjenti skont il-liġi, li impriża, meta tipparteċipa f’wieħed mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, kienet taf bl-aġir antikompetittiv l-ieħor adottat mill-parteċipanti l-oħra tal-akkordju bil-għan li jintlaħqu l-istess għanijiet jew setgħat raġonevolment tipprevedihom u kienet lesta li taċċetta r-riskju, l-unika konsegwenza ta’ dan għandha tkun li din l-impriża ma tistax titqies bħala responsabbli ta’ dan l-aġir l-ieħor u, għalhekk, tal-ksur uniku u kontinwu kollu kemm hu u li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkunsidrata bħala infondata f’dan is-sens biss.

48

F’dan il-każ, jirriżulta mill-punti 10 sa 12 tas-sentenza appellata li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li l-akkordju inkwistjoni kien ippreżentat fi tliet forom, jiġifieri ftehim dwar il-prezzijiet, ftehim dwar il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza u ftehim fuq il-kummissjonijiet, u li hija ħasset li dan l-aħħar ftehim għandu jiġi kkunsidrat bħala ffissar indirett tal-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, filwaqt li l-ftehim dwar il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza kien jikkostitwixxi manipulazzjoni tal-proċedura li tinvolvi sejħa għall-offerti, b’tali mod li l-prezzijiet indikati fl-offerti kollha kienu deliberatament ogħla milli kienu jkunu f’ambjent kompetittiv. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddikjarat, fil-punt 28 tal-istess sentenza, li, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-parteċipazzjoni attiva ta’ Coppens fl-akkordju kienet limitata għall-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza u li din il-kumpannija ma kinitx ipparteċipat fil-ftehim fuq il-kummissjonijiet.

49

Jirriżulta wkoll mill-atti tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenrali u mill-punt 25 tas-sentenza appellata, min-naħa, li Coppens kienet f’pożizzjoni li tifhem li hija kienet ser tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-ksur uniku u kontinwu inkwistjoni kif ukoll li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza bħala tali kien qed jiġi kkontestat, u li għalhekk kellha l-opportunità li tiddefendi ruħha fuq dan il-punt, u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement ċara f’dan ir-rigward.

50

Barra minn hekk, peress li l-konstatazzjoni mill-qorti tal-Unjoni, tal-fatt li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti skont il-liġi li impriża, matul il-parteċipazzjoni tagħha f’wieħed mill-aġir antikompetittivi li jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu, kienet taf b’aġir antikompetittiv ieħor adottat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju bil-għan li jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li setgħu raġonevolment jipprevedu u li kienu lesti li jaċċettaw ir-riskju, ma jwassalx, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, għal eżenzjoni ta’ din l-impriża mir-responsabbiltà tagħha għall-parti mill-aġir li huwa stabbilit li pparteċipat fih jew li huwa stabbilit li setgħat tinżamm responsabbli tiegħu, għalhekk il-qorti tal-Unjoni għandha tillimita ruħha sabiex tiddeċiedi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata.

51

Fil-fatt, l-għan stess ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju bi ksur tal-Artikolu 81 KE huwa li jiġi kkonstatat aġir wieħed jew iktar li jikkostitwixxu tali ksur, tali annullament parzjali ma jistax jibdel il-mertu ta’ tali deċiżjoni.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi tannulla kompletament d-deċiżjoni kkontestata, anki jekk din ma tikkontesta la l-parteċipazzjoni ta’ Coppens fil-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza u lanqas in-natura antikompetittiva ta’ din, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza tagħha bi żball ta’ liġi.

53

Fl-aħħar nett, sa fejn jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, il-Qorti Generali kienet, fejn ikun xieraq, fondata fid-deċiżjoni tagħha li tiddeċiedi biss għal annullament parzjalment tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda Coppens, din tal-aħħar ma tistax tibbaża ruħha, sabiex tiġġustifika l-annullament sħiħ ta’ din id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, li tnaqqis sempliċi tal-ammont tal-multa imposta kienet tagħtiha protezzjoni legali inadegwata.

54

Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, li permezz tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha sa fejn tirrigwarda lil Coppens, filwaqt li l-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fil-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza u l-fatt li dan jista’ fih innifsu jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81 KE ma kinitx ikkontestata mill-Qorti Ġenerali, dan kiser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE. Il-motiv invokat mill-Kummissjoni huwa għalhekk fondat, u għaldaqstant hemm lok li l-appell jintlaqa’ u s-sentenza appellata tkun annullata.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

55

Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell huwa fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kawża ladarba l-istat tal-atti jippermetti li dan iseħħ. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li dan huwa l-każ f’din il-kawża.

56

Hekk kif jirriżulta mill-punti 11 u 12 ta’ din is-sentenza, Coppens invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, żewġ motivi prinċipali, ibbażati fuq ksur, rispettivament, tal-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll sussidjarjament intiż għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqu. L-ewwel motiv jikkonsisti fi tliet partijiet, li permezz tagħhom Coppens tikkontesta li ħadet sehem f’akkordju kumpless, tikkontesta t-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju u tilmenta li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa l-importanza relattiva ta’ din il-parteċipazzjoni.

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv

57

Coppens issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li hija kienet ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwu. Il-Kummissjoni ma pprovatx li din il-kumpannija kienet taf dwar il-ftehim fuq il-kummissjonijiet. Barra minn hekk, din tal-aħħar issostni li l-ftehim dwar il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza ma għandux għan jew effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u li, f’kull każ, minn naħa, hija affettwat is-suq biss b’mod insinjifikattiv u, min-naħa l-oħra, hija pparteċipat biss b’mod limitat ħafna.

58

Il-Kummissjoni ssostni li dawn l-argumenti huma infondati.

59

Preliminarjament, għandu jingħad li Coppens tikkontesta, essenzjalment, il-possibbiltà għall-Kummissjoni li ssibha responsabbli għal ksur uniku u kontinwu, sa fejn il-parteċipazzjoni tagħha f’wieħed miż-żewġ ftehim li jagħmlu l-ksur f’din il-kawża ma huwiex stabbilit konformement mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza.

60

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ impriża fl-implementazzjoni ta’ ksur uniku, il-Kummissjoni għandha tipprova li din l-impriża kellha l-ħsieb tikkontribwixxi, permezz tal-aġir tagħha, għall-għanijiet komuni li l-parteċipanti kollha riedu jilħqu u li hija kienet taf bl-aġir illegali ppjanat jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet, b’mod raġonevoli, tipprevedih u li hija kienet lesta taċċetta r-riskju ta’ dan.

61

F’din il-kawża, huwa stabbilit li l-ksur uniku u kontinwu li Coppens kienet inżammet responsabbli għalih mill-Kummissjoni kien, matul il-perijodu li fih ġie allegat li din il-kumpannija pparteċipat fl-akkordju inkwistjoni, jikkonsisti f’żewġ ftehim. Minn naħa, dan huwa ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, li l-implementazzjoni tiegħu hija deskritta fil-premessi 229 sa 278 tad-deċiżjoni kkontestata u li għalhekk in-natura restrittiva tal-kompetizzjoni hija b’mod partikolari preżenti fil-premessi 358 sa 364 tagħha. Min-naħa l-oħra, dan huwa ftehim fuq il-kummissjonijiet, li l-implementazzjoni tiegħu hija deskritta fil-premessi 161 sa 228 tal-istess deċiżjoni u li għalhekk in-natura restrittiva tal-kompetizzjoni hija b’mod partikolari preżenti fil-premessi 351 sa 357 tagħha.

62

Fir-rigward tal-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, għandu jiġi mfakkar li Coppens ma tikkontestax li pparteċipat. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega din tal-aħħar, ma jistax jiġi ammess li dan il-ftehim la kellu għan u lanqas effetti antikompetittivi. Fil-fatt, l-impriżi li jissottomettu tali kwotazzjonijiet jirrinunzjaw milli jikkompetu mal-impriża tal-ġarr li tkun talbithom. Bl-istess mod, din tal-aħħar, meta tistaqsi lill-kompetituri tagħha sabiex jiġu stabbiliti kwotazzjonijiet bħal dawn, taf li l-offerta tagħha mhux ser tkun fi kompetizzjoni ma offerti oħra iktar kompetittivi. L-impriża li tagħmel il-ġarr tkun għalhekk f’sitwazzjoni fejn tista’ tistaqsi għal prezz ogħla minn dak li kienet titlob f’ambjent kompetittiv, u dan għad-detriment tal-konsumaturi.

63

Barra minn hekk, sa fejn, skont il-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata, il-parti tas-suq kumulat tal-impriżi involuti fl-akkordju jammonta għal madwar 50 % tas-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, li Coppens ma tikkontestax, lanqas ma jista’ jiġi preżunt li l-effett ta’ dan il-ftehim jaffettwa s-suq ikkonċernat biss b’mod insinjifikattiv u li għalhekk jistgħu jevitaw il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1969, Völk, 5/69, Ġabra p. 295, punt 7, kif ukoll tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C-238/05, Ġabra p. I-11125, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Fir-rigward tal-allegata parteċipazzjoni limitata ta’ Coppens f’dan il-ftehim, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont it-termini stess tal-Artikolu 81(1) KE, l-applikazzjoni tal-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni teħtieġ biss li jkun stabbilit jekk il-ftehim li impriża pparteċipat fih flimkien ma’ oħrajn kellux l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u jekk dan setgħax jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri. Konsegwentement, il-kwistjoni dwar jekk il-parteċipazzjoni individwali ta’ impriża għal tali ftehim setgħetx fiha nnifisha, minħabba fil-pożizzjoni dgħajfa tagħha fis-suq rilevanti, tirrestrinġi l-kompetizzjoni jew taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri hija irrilevanti meta ntiża sabiex jiġi stabbilit l-eżistenza ta’ ksur.

65

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni setgħat tikkunsidra lil Coppens bħala responsabbli talli pparteċipat fil-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, bi ksur tal-Artikolu 81 KE.

66

Fir-rigward tal-ftehim fuq il-kummissjonijiet, madankollu, hemm lok li jiġi osservat li, fil-premessa 296 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li Coppens ma kinitx ftiehmet mal-impriżi l-oħra involuti fl-akkordju inkwistjoni fuq il-kummissjonijiet. Għaldaqstant il-Kummissjoni setgħet biss ġustament tqis lil Coppens responsabbli għall-ftehim fuq il-kummissjonijiet jekk kienet ipprovat li din il-kumpannija kienet biħsiebha tikkontribwixxi permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, fl-għanijiet komuni imfittxija mill-parteċipanti kollha l-oħra fl-akkordju u li kienet taf dwar il-ftehim fuq il-kummissjonijiet implementati minnhom jew li setgħat raġonevolment tipprevedi dan u li kienet lesta li tieħu r-riskju. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fl-atti tagħha, il-Kummissjoni allegatament issostni li hemm tali għarfien minn Coppens, billi b’mod partikolari kkunsidrat li din tal-aħħar ma tikkontestax li ġiet informata bil-ftehim fuq il-kummissjonijiet. Barra minn hekk, din l-istituzzjoni espressament tammetti li din id-deċiżjoni ma hijiex ibbażata fuq provi speċifiċi fuq dan il-punt.

67

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma ssodisfatx ir-rekwiżiti tal-oneru tal-prova f’dan ir-rigward, u li għalhekk ma werietx li, matul il-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, Coppens kellha għarfien dwar il-ftehim fuq il-kummissjonijiet implementat minn impriżi oħra li qed jipparteċipaw fl-akkordju, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedi dan. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma setgħetx legalment tikkunsidra lil Coppens bħala responsabbli għal dan l-aħħar ftehim u tattribwixxilha r-responsabbiltà tal-aġir kollu li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu. F’dan is-sens, l-ewwel parti tal-ewwel motiv invokat minn Coppens insostenn tar-rikors tagħha huwa infondat.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

68

Coppens ssostni f’dan ir-rigward li ma hemm l-ebda prova tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur għas-snin 1994 u 1995. Għalhekk, il-Kummissjoni għamlet żball meta kkonstatat b’mod żbaljat, fil-premessa 547 u fl-Artikolu 1(i) tad-deċiżjoni kkontestata, li din il-kumpannija kienet ipparteċipat fil-ksur inkwistjoni għal 10 snin u 9 xhur.

69

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, għal dawn is-sentejn, ma hemm l-ebda prova tal-parteċipazzjoni ta’ Coppens fl-implementazzjoni tal-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza. Hija tikkunsidra, madankollu, li dan ma jaffettwax it-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Coppens f’dan il-ftehim, l-assenza ta’ prova tal-implementazzjoni ta’ ftehim minn impriża matul perijodu partikolari ma jippermettix li tiġi konkluża l-assenza ta’ ksur fil-kap ta’ din l-impriża matul il-perijodu kkonċernat.

70

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meqjusa flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57, kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C-105/04 P, Ġabra p. I-8725, punt 94).

71

Tali indizji u koinċidenzi jippermettu li tinkixef mhux biss l-eżistenza ta’ aġir jew ta’ ftehim antikompetittivi, iżda wkoll it-tul ta’ aġir antikompetittiv kontinwu u l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ ftehim konkluż bi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 95 u 96).

72

Fir-rigward tal-assenza ta’ prova dwar l-eżistenza ta’ ftehim matul ċerti perijodi speċifiċi jew għallinqas dwar l-implementazzjoni minn impriża matul perijodu speċifiku, għandu jitfakkar li l-fatt li tali prova ma tressqitx għal ċerti perijodi speċifiċi ma tostakolax dan il-ksur b’tali mod li dan jiġi kkunsdrat bħala kkostitwit matul perijodu globali iktar estiż minn dan, meta tali konstatazzjoni hija bbażata fuq indizji oġġettivi u kkorroborati. Fil-kuntest ta’ ksur estiż fuq diversi snin, il-fatt li l-manifestazzjonijiet tal-akkordju jseħħu f’perijodi differenti, li jistgħu jkunu separati minn intervalli ftit jew wisq twal, ma jaffettwax l-eżistenza ta’ dan l-akkordju, sa fejn id-diversi azzjonijiet li jagħmlu parti minn dan il-ksur isegwu għan wieħed u jaqgħu fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura unika u kontinwa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 97 u 98).

73

Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li l-approvazzjoni taċita ta’ inizjattiva illegali, mingħajr ma jsir tbegħid pubbliku mill-kontenut tagħha jew mingħajr ma tiġi rrapportata lill-awtoritajiet amministrattivi, għandha bħala effett li tinkoraġġixxi t-tkomplija tal-ksur u tikkomprometti l-iskoperta tagħha. Din il-kompliċità tikkostitwixxi mod passiv ta’ parteċipazzjoni fil-ksur li għaldaqstant huwa tali li jirrendi l-impriża responsabbli (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84).

74

Barra minn hekk, impriża ma tistax tevita r-responsabbiltà tagħha billi tallega li hija ma pparteċipatx fl-elementi kollha li jikkostitwixxu l-akkordju jew li s-sehem tagħha fit-twettiq tal-elementi li kienet involuta fihom kien limitat, billi dawn iċ-ċirkustanzi ma kinux tali li jikkontestaw ir-responsabbiltà tagħha għall-ksur. Fil-fatt, hemm lok li dawn iċ-ċirkustanzi jittieħdu biss inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86).

75

Għalhekk, f’din il-kawża, anki jekk il-Kummissjoni taqbel li ma pproduċiet l-ebda prova tal-parteċipazzjoni attiva ta’ Coppens fil-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza għas-snin 1994 u 1995, xorta jibqa’ l-fatt li, minn naħa, fid-dawl tal-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni li Coppens, matul dan il-perijodu, tbiegħdet pubblikament mill-kontenut ta’ dan il-ftehim, b’mod partikolari billi informat bil-miktub lill-kompetituri tagħha dwar l-intenzjoni tagħha li ma tibqax tipparteċipa f’dan, u, min-naħa l-oħra, in-numru ta’ provi tal-parteċipazzjoni attiva ta’ Coppens f’dan il-ftehim wara dan il-perijodu, li jerġgħu jissemmew fil-qosor fil-premessa 280 tad-deċiżjoni kkontestata u li ma humiex ikkontestati minn Coppens, il-Kummissjoni kienet intitolata tikkunsidra li din il-kumpannija setgħat tinżamm responsabbli talli pparteċipat f’dak il-ftehim mingħajr interruzzjoni għall-perijodu kollu li jmur bejn it-13 ta’ Ottubru 1992 u d-29 ta’ Lulju 2003.

76

Għalhekk, it-tieni parti tal-ewwel motiv invokat minn Coppens insostenn tar-rikors tagħha għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv

77

Fir-rigward tal-allegata ommissjoni mill-Kummissjoni li tevalwa l-importanza relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ Coppens fil-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, hekk kif qies l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm dan l-argument jista’ jkun rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq din il-kumpannija, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, din hija irrilevanti, u għalhekk għandha tiġi miċħuda bħala irrilevanti, billi din tikkonċerna, bħal f’din il-kawża, l-ikkontestar tal-eżistenza ta’ ksur fl-Artikolu 81 KE.

78

Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li, billi l-ewwel parti tal-ewwel motiv hija parzjalment fondata, peress li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx, ħlief għall-ftehim dwar il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, ir-responsabbiltà ta’ Coppens fil-ksur uniku u kontinwu, l-Artikolu 1(i) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati minn Coppens, sa fejn, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, mingħajr ma kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ Coppens fil-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza mit-13 ta’ Ottubru 1992 sad-29 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni tikkunsidra lil din il-kumpannija bħala responsabbli għall-ftehim fuq il-kummissjonijiet u attribwixxiet lil din tal-aħħar ir-responsabbiltà tal-ksur uniku u kontinwu.

Fuq il-multa

79

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, l-ewwel nett, minħabba l-annullament tas-sentenza appellata u bis-saħħa tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 261 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 218).

80

It-tieni nett, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fil-kwistjoni, li tevalwa ċ-ċirkustanzi tal-kawża u t-tip ta’ ksur inkwistjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa (sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 111), billi l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma jistax iwassal, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew prattika miftiehma li tmur kontra l-Artikolu 81(1) KE. Għalhekk, l-indikazzjonijiet li jistgħu jittieħdu mil-linji gwida, b’mod ġenerali, jistgħu jkunu ta’ gwida għall-qrati tal-Unjoni meta jeżerċitaw din il-kompetenza, peress li dawn il-linji gwida ġew applikati mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multi imposti fuq l-impriżi l-oħra ssanzjonati mid-deċiżjoni li huma għandhom ikunu jafu biha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni, C-291/98 P, Ġabra p. I-9991, punti 97 u 98, kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 337).

81

It-tielet nett, l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jiddisponi li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu. Barra minn hekk, jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) li għal kull impriża parteċipanti fil-ksur, il-multa ma għandhiex teċċedi 10 % mid-dħul mill-bejgħ totali magħmul matul is-sena kummerċjali preċedenti.

82

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, li b’mod partikolari jindikaw li, id-dħul mill-bejgħ ta’ Coppens fl-2002 fuq is-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju kien jammonta għal EUR 58 338; il-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza li fih ipparteċipat din l-istess impriża, minkejja li huwa ta’ natura tali li probabbilment jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni kif ukoll żieda fil-prezzijiet tas-servizzi kkonċernati għad-dannu tal-konsumaturi u li jista’ jiġi deskritt bħala ftehim orizzontali li jiffissa l-prezzijiet u t-tqassim tas-suq u li għalhekk, min-natura tiegħu stess, jiġi kkunsidrat bħala fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jifforma parti mill-pjan ġenerali mfittex, skont id-deċiżjoni kkontestata, mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju inkwistjoni; 67 każ iddokumentat ta’ parteċipazzjoni ta’ Coppens fl-imsemmi ftehim ġew stabbiliti mill-Kummissjoni u għadhom ma humiex ikkontestati; għalkemm ir-rwol ta’ din il-kumpannija fil-ftehim inkwistjoni jista’ jiġi deskritt bħala limitat matul is-snin 1994 u 1995, hija tista’ tiġi kkunsidrata bħala li pparteċipat f’dan il-ftehim għal perijodu ta’ 10 snin u 9 xhur, u, fl-aħħar nett, id-dħul mill-bejgħ totali magħmul minn din tal-aħħar fl-2006 jammonta għal EUR 1 046 318, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien hemm lok li l-ammont tal-multa impost fuq Coppens fl-Artikolu 2(k) tad-deċiżjoni kkontestata jiġi ffissat għas-somma ta’ EUR 35 000.

Fuq l-ispejjeż

83

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

84

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli fl-appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dan, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. L-Artikolu 138(3), ta’ dan ir-regolament jippreċiża li jekk il-partijiet jitilfu kap wieħed jew iktar, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Madankollu, skont l-istess dispożizzjoni, jekk dan jidher ġustifikat fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li, minbarra l-ispejjeż tagħha, parti tbati frazzjoni mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

85

F’dan il-każ, Coppens tilfet fl-appell u l-Kummissjoni kienet parzjalment telliefa fir-rikors fl-ewwel istanza. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, ikun xieraq li tikkundanna lill-Kummissjoni, minbarra għall-ispejjeż tagħha relatati maż-żewġ istanzi, għal żewġ terzi mill-ispejjeż sostnuti minn Coppens f’dawn l-istanzi. Coppens għandha tbati terz mill-ispejjeż tagħha relatati maż-żewġ istanzi.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Ġunju 2011, Verhuizingen Coppens vs Il-Kummissjoni (T-210/08), hija annullata.

 

2)

L-Artikolu 1(i) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 926 finali, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 – Servizzi ta’ ġarr internazzjonali), huwa annullat sa fejn, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni Ewropea, mingħajr ma kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ Verhuizingen Coppens NV fil-ftehim fuq sistema ta’ kwotazzjonijiet foloz, magħrufa bħala “kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza”, mit-13 ta’ Ottubru 1992 sad-29 ta’ Lulju 2003, tikkunsidra lil din il-kumpannija responsabbli għall-ftehim dwar sistema ta’ kumpens finanzjarju għal offerti miċħuda jew f’każijiet ta’ nuqqas ta’ provvista, magħrufa bħala “kummissjonijiet” u tattribwixxi lil din tal-aħħar r-responsabbiltà tal-ksur uniku u kontinwu.

 

3)

L-ammont tal-multa imposta lil Verhuizingen Coppens NV fl-Artikolu 2(k) ta’ din id-Deċiżjoni C(2008) 926 finali huwa ffissat għal EUR 35 000.

 

4)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha relatati kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll mal-appell, għal żewġ terzi mill-ispejjeż sostnuti minn Coppens fiż-żewġ istanzi.

 

5)

Coppens għandha tbati terz mill-ispejjeż tagħha relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top