EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0435

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Settembru 2013.
CHS Tour Services GmbH vs Team4 Travel GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Direttiva 2005/29/KE — Prattiki kummerċjali żleali — Brochure tal-bejgħ li fih tagħrif falz — Klassifikazzjoni bħala ‘prattika kummerċjali qarrieqa’ — Każ fejn ma jista’ jiġi attribwit l-ebda ksur tad-dmir ta’ diliġenza lill-kummerċjant.
Kawża C‑435/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:574

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Settembru 2013 ( *1 )

“Direttiva 2005/29/KE — Prattiki kummerċjali żleali — Brochure tal-bejgħ li fih tagħrif falz — Klassifikazzjoni bħala ‘prattika kummerċjali qarrieqa’ — Każ fejn ma jista’ jiġi attribwit l-ebda ksur tad-dmir ta’ diliġenza lill-kummerċjant”

Fil-Kawża C‑435/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Awwissu 2011, fil-proċedura

CHS Tour Services GmbH

vs

Team4 Travel GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, E. Levits u J.‑J. Kasel (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal CHS Tour Services GmbH, minn E. Köll, avukat,

għal Team4 Travel GmbH, minn J. Stock, avukat,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, K. Szíjjártó u Z. Biró‑Tóth, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Svediż, minn K. Petkovska u U. Persson, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, p. 22).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn CHS Tour Services GmbH (iktar ’il quddiem “CHS”) u Team4 Travel GmbH (iktar ’il quddiem “Team4 Travel”) dwar brochure pubbliċitarju ta’ din tal-aħħar li fih tagħrif falz.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 6 sa 8, 11 sa 14 u 17 u 18 tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali jipprovdu dan li ġej:

“(6)

Din id-Direttiva […] tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi […] Hija la tkopri u lanqas tolqot il-liġijiet nazzjonali dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li huma konnessi ma’ xi transazzjoni bejn kummerċjanti; […]

(7)

Din id-Direttiva tindirizza prattiċi kummerċjali konnessi direttament ma’ l-influwenza fuq id-deċiżjonijiet transazzjonali tal-konsumaturi fir-rigward ta’ prodotti. […]

(8)

Din id-Direttiva tipproteġi direttament l-interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur. […]

[...]

(11)

Il-livell għoli ta’ konverġenza milħuq mill-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali permezz ta’ din id-Direttiva joħloq livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur. Din id-Direttiva tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali waħda għal dawk il-prattiċi kummerċjali żleali li joħolqu distorsjoni fl-imġieba ekonomika tal-konsumaturi. […]

(12)

L-armonizzazzjoni għandha żżid konsiderevolment iċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kummerċ. Kemm il-konsumaturi kif ukoll il-kummerċ ser ikunu jistgħu jserrħu fuq qafas regolatorju wieħed ibbażat fuq kunċetti legali definiti b’mod ċar li jirregolaw l-aspetti kollha ta’ prattiċi kummerċjali żleali fl-UE”. […]

(13)

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Komunità permezz tat-tneħħija tal-ostakoli għas-suq intern, huwa meħtieġ li jiġu sostitwiti l-klawżoli ġenerali u l-prinċipji legali eżistenti u diverġenti ta’ l-Istati Membri. Il-projbizzjoni ġenerali waħda u komuni, stabbilita b’din id-Direttiva għalhekk tkopri prattiċi kummerċjali żleali li jgħawwġu l-imġieba ekonomika tal-konsumaturi. […] Il-projbizzjoni ġenerali hija elaborata b’regoli dwar żewġ tipi ta’ prattiċi kummerċjali li b’marġni kbira huma l-iżjed komuni, jiġifieri l-prattiċi kummerċjali qarrieqa u l-prattiċi kummerċjali aggressivi.

(14)

Il-prattiċi kummerċjali li jqarrqu għandhom ikopru dawk il-prattiċi, inkluż ir-reklamar qarrieqi, li billi jqarrqu bil-konsumatur, iżommuh milli jagħmel għażla informata u b’hekk effiċjenti. […]

[...]

(17)

Hu kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. […]

(18)

[…]Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u sabiex tiġi permessa l-applikazzjoni effettiva tal-protezzjonijiet kontenuti fiha, din id-Direttiva tieħu bħala punt ta’ riferiment il-konsumatur medju, li huwa infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment attent u kawt, billi tieħu kont ta’ fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja […]”

4

Skont l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.”

5

L-Artikolu 2 tal-istess direttiva jipprovdi dan li ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

b)

‘kummerċjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha u kull min jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant;

ċ)

“prodott” tfisser kwalunkwe merkanzija jew servizz […];

d)

“prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur” (minn hawn ’il quddiem imsejħa “prattiċi kummerċjali”) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;

[…]

h)

“diliġenza professjonali” tfisser l-istandard ta’ sengħa u kura speċjali li kummerċjant huwa raġonevolment mistenni li jeżerċita fir-rigward ta’ konsumaturi, proporzjonat ma’ prattika onesta fis-suq u/jew mal-prinċipju ġenerali tal-bona fidi fil-qasam ta’ attività tal-kummerċjant;

[…]”

6

L-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali jgħid:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara transazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.

2.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi kontrattwali […]”

7

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Projbizzjoni ta’ prattiċi kummerċjali żleali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

2.   Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

a)

hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

u

b)

toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

[…]

4.   B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li

a)

jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

jew

b)

jkunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.

5.   Fl-Anness I tinsab lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

8

Kif jirriżulta mit-titolu tagħhom, l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali jiddefinixxu rispettivament l-“azzjonijiet qarrieqa” u l-“ommissjonijiet qarrieqa”.

9

L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk tikkontjeni tagħrif falz u li għalhekk ma tikkorrispondix għall-verità, jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq jew x’aktarx tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra:

a)

l-eżistenza jew in-natura tal-prodott;

b)

il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, bħad-disponibbiltà, il-benefiċċji, […]

[…]”

10

L-Artikoli 8 u 9 tal-istess direttiva jirrigwardaw il-prattiki kummerċjali aggressivi kif ukoll l-użu ta’ fastidju, tal-kostrizzjoni jew ta’ influwenza mhux xierqa.

Id-dritt Awstrijak

11

Id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali ġiet trasposta fl-Awstrija, b’effett mit-12 ta’ Diċembru 2007, permezz tal-Liġi Federali tal-1984 kontra l-kompetizzjoni żleali [Bundesgesetz gegen den unlauteren Wettbewerb 1984 (BGBl. 448/1984)], fil-verżjoni emendata tagħha kif applikabbli għall-kawża prinċipali. (BGBl. I, 79/2007).

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li CHS u Team4 Travel huma żewġ kumpanniji Awstrijaċi li joperaw aġenziji tal-ivvjaġġar f’Innsbruck (l-Awstrija) li jikkompetu fl-organizzazzjoni u l-bejgħ ta’ korsijiet tal-iskiing u vaganzi fis-silġ fl-Awstrija għal gruppi ta’ tfal tal-iskola mir-Renju Unit.

13

Fil-brochure tal-bejgħ bl-Ingliż għall-istaġun tax-xitwa 2012, Team4 Travel, konvenuta quddiem il-qorti tar-rinviju, kienet ikkwalifikat ċerti stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni bħala “esklużivi”, liema terminu jfisser li l-lukandi inkwistjoni kellhom relazzjoni kuntrattwali fissa ma’ Team4 Travel u li ma setgħux jiġu proposti minn operaturi tal-vjaġġi oħra fid-dati indikati. Din l-indikazzjoni li tikkonċerna r-riżerva esklużiva ta’ kwota ta’ sodod għall-benefiċċju ta’ Team4 Travel kienet tidher ukoll fuq il-lista ta’ tariffi ta’ din tal-aħħar.

14

Għal ċerti perijodi fl-2012, Team4 Travel kienet ikkonkludiet kuntratti għal kwoti ta’ sodod ma’ bosta stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni. Fiż-żmien tal-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti, id-direttriċi ta’ Team4 Travel kienet ikkonfermat ma’ dawn l-istabbilimenti li l-ebda riżervazzjoni minn qabel ma kienet saret minn operaturi tal-vjaġġi oħra. Hija kienet żgurat ukoll li, fid-dawl tal-kapaċità disponibbli, l-ebda grupp ta’ vjaġġi organizzat ieħor ma seta’ jiġi akkomodat fil-lukandi matul il-perijodi rilevanti. L-imsemmija kuntratti kienu jinkludu klawżola li kienet tiddikjara li l-kwoti tal-kmamar tas-sodda allokati kienu ser jinżammu disponibbli mingħajr restrizzjoni għal Team4 Travel u li dawn l-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni ma kinux jistgħu jidderogaw mill-kuntratt mingħajr ma jkunu kisbu l-kunsens bil-miktub ta’ din tal-aħħar. Barra dan, sabiex tiġi ggarantita esklużività fil-konfront ta’ Team4 Travel, din tal-aħħar u dawn il-lukandi kienu stipulaw drittijiet ta’ rexissjoni u penalitajiet kuntrattwali.

15

Sussegwentement, CHS ibblokkat kwoti ta’ sodod fl-istess stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni u għall-istess dati bħal Team4 Travel. Il-lukandi inkwistjoni għalhekk kisru l-obbligi kummerċjali tagħhom fil-konfront ta’ Team4 Travel.

16

F’Settembru 2010, Team4 Travel, li ma kinitx taf li CHS kienet għamlet riżervazzjonijiet minn qabel b’kompetizzjoni magħha, qassmet il-brochures tal-bejgħ u l-lista tat-tariffi tagħha għax-xitwa 2012.

17

CHS tikkunsidra li d-dikjarazzjoni ta’ esklużività f’dawn id-dokumenti tikser il-projbizzjoni tal-prattiki kummerċjali żleali. Konegwentement, hija talbet lill-Landesgericht Innsbruck sabiex tinibixxi lil Team4 Travel, permezz ta’ digriet għal miżuri provviżorji, milli tiddikjara, fil-kuntest tal-operazzjoni tal-aġenzija tal-ivvjaġġar tagħha, li, f’dati speċifiċi, ċerti akkomodazzjonijiet jistgħu jiġu rriżervati biss permezz ta’ din tal-aħħar, minħabba li din l-informazzjoni hija ineżatta, peress li dawn l-istess stabbilimenti jistgħu wkoll jiġu rriżervati permezz ta’ CHS.

18

Min-naħa l-oħra, Team4 Travel issostni li, minn naħa, hija kienet osservat id-diliġenza professjonali rikjesta fit-tħejjija tal-brochures tagħha u li, min-naħa l-oħra, sad-data li fiha bagħtithom, hija ma kinitx taf bil-kuntratti konklużi bejn CHS u l-lukandi inkwistjoni, b’tali mod li hija ma kienet ħatja ta’ ebda prattika kummerċjali żleali.

19

Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ Novembru 2010, il-Landesgericht Innsbruck ċaħad it-talba ta’ CHS, peress li kkunsidra li l-allegazzjoni ta’ esklużività kkontestata minnha kienet fondata fid-dawl tal-kuntratti ta’ riżervazzjoni minn qabel irrevokabbli konklużi preċedentement minn Team4 Travel.

20

Wara l-appell ippreżentat minn CHS quddiem l-Oberlandesgericht Innsbruck, dan tal-aħħar, permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Jannar 2011, ikkonferma l-imsemmi digriet tal-Landesgericht Innsbruck għar-raġuni li ma kien hemm l-ebda prattika kummerżjali żleali peress li Team4 Travel kienet osservat ir-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali billi ggarantiet il-possibbilitajiet ta’ riżervazzjoni minn qabel esklużiva nnegozjata mal-lukandi kkonċernati. L-Oberlandesgericht Innsbruck ikkunsidra li Team4 Travel setgħet leġittimament tistenna li dawn tal-aħħar jirrispettaw l-impenji kuntrattwali tagħhom.

21

Sussegwentement CHS ressqet rikors fuq punt ta’ liġi quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema Awstrijaka).

22

Din il-qorti rrilevat li, skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, prattika kummerċjali tkun żleali meta żewġ kundizzjonijiet kumulattivi jiġu sodisfatti, jiġifieri li din il-prattika tkun kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali [l-Artikolu 5(2)(a)] u li toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġiba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju [Artikolu 5(2)(b)].

23

Madankollu, l-Artikoli 6(1) u 8 tal-istess direttiva jirriproduċu biss it-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, mingħajr ma jagħmlu riferiment espliċitu għar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 5(2)(a) ta’ din id-direttiva.

24

Għandu għalhekk jiġi mistoqsi, fil-każ ta’ prattika qarrieqa jew prattika aggressiva msemmija fl-Artikoli 6 u 7 u fl-Artikoli 8 u 9, rispettivament, tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni bbażax ruħu fuq l-ipoteżi li hemm awtomatikament ksur tad-dmir ta’ diliġenza professjonali jew jekk, bil-maqlub, il-kummerċjant huwiex awtorizzat li jistabbilixxi, każ b’każ, li ma kisirx id-dmir tiegħu ta’ diliġenza.

25

Skont il-qorti tar-rinviju, il-loġika tidher li ttendi favur it-tieni interpretazzjoni, Fil-fatt, jekk, bħal f’dan il-każ, dispożizzjoni ta’ natura ġenerali (l-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva) tkun suġġetta għal preċiżazzjonijiet skont regoli speċifiċi (l-Artikolu 6 et seq tal-istess direttiva), mingħajr ma dawn tal-aħħar jidderogaw formalment mill-ewwel dispożizzjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jwarrab wieħed miż-żewġ elementi essenzjali tar-regola ġenerali.

26

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberster Gerichtsof iddeċieda li jissospendi l-proċedura u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 5 tad-[Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ prattiki qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva, ma għandux ikun hemm eżami distint tal-kriterji tal-Artikolu 5(2)(a) [ta’ din l-istess direttiva]?”

Fuq id-domanda preliminari

27

Preliminarjament, għandu jitfakkar, li l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali jiddefinixxi, billi juża formulazzjoni partikolarment wiesgħa, il-kunċett ta’ prattika kummerċjali bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġiba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi” (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea, C-261/07 u C-299/07, Ġabra p. I-2949, punt 49; tal-14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft, C-304/08, Ġabra p. I-217, punt 36, kif ukoll tad-9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, C-540/08, Ġabra p. I-10909, punt 17). Barra dan, skont l-Artikolu 2(ċ) tal-istess direttiva, il-kunċett ta’ “prodott” fis-sens ta’ din tal-aħħar jinkludi wkoll is-servizzi.

28

Issa kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġiet ipprovduta minn aġenzija tal-ivvjaġġar fi brochures tal-bejgħ li jipproponu korsijiet tal-iskiing u vaganzi fis-silġ għal gruppi ta’ tfal tal-iskola, tikkonċerna l-esklużività li dan il-kummerċjant, f’dan il-każ Team4 Travel, jallega li għandu fid-dati indikati għal ċerti stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni.

29

Din l-informazzjoni, li skontha ċerti akkomodazzjonijiet kienu disponibbli biss mingħand Team4 Travel u, għaldaqstant, ma setgħux jiġu rriżervati permezz ta’ kummerċjant ieħor, tikkonċerna d-disponibbiltà tal-prodott, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-informazzjoni dwar l-esklużività li użat Team4 Travel tikkostitwixxi b’mod inkontestabbli prattika kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva u hija, għalhekk, suġġetta għad-dispożizzjonijiet previsti f’din tal-aħħar.

31

Wara li ġie speċifikat dan, għandu jiġi kkonstatat li d-domanda magħmula mill-Oberster Gerichtshof tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 biss tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali.

32

Madankollu, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, din l-istess qorti kkonstatat li l-informazzjoni dwar l-esklużività fil-brochures imqassma minn Team4 Travel hija oġġettivament skorretta u tikkostitwixxi għalhekk, f’għajnejn il-konsumatur medju, prattika kummerċjali qarrieqa bħal dik imsemmija fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva.

33

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6(1) u għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-prattika ta’ Team4 Travel bħala “qarrieqa” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwiex suffiċjenti li din il-prattika tiġi eżaminata fid-dawl biss tal-kriterji stabbiliti minn din tal-aħħar li, skont il-konstatazzjonijiet tal-imsemmija qorti, huma kollha sodisfatti f’dan il-każ jew jekk, bil-maqlub, għandux jiġi vverifikat ukoll jekk il-kundizzjoni dwar il-kuntrarjetà tal-prattika kummerċjali mar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali, kif prevista fl-Artikolu 5(2)(a) tal-istess direttiva, hijiex sodisfatta wkoll, li ma huwiex il-każ madankollu f’dan il-każ, peress li l-aġenzija tal-ivvjaġġar ikkonċernata ma kinitx għamlet minn kollox biex tiżgura l-esklużività li bbażat ruħha fuqha fil-brochures tal-bejgħ tagħha.

34

Fi kliem ieħor, din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinftiehem li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, kif ukoll l-eventwali relazzjoni bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva. Hija intiża essenzjalment sabiex jiġi ddeterminat, fil-każ ta’ prattika kummerċjali li diġà tissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-direttiva sabiex tiġi kklassifikata bħala prattika qarrieqa fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk il-qorti li tieħu konjizzjoni tal-kawża hijiex madankollu obbligata tivverifika jekk tali prattika hijiex ukoll kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali skont l-Artikolu 5(2)(a) ta’ din l-istess direttiva qabel ma tkun tista’ tikkunsidraha bħala żleali u, għaldaqstant, tipprojbiha abbażi tal-Artikolu 5(1).

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li fir-rigward tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet diversi drabi li dan l-artikolu, li fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi l-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali, jelenka l-elementi relevanti li jippermettu li tiġi ddeterminata tali natura żleali (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq VTB-VAB u Galatea, punt 53; Plus Warenhandelsgesellschaft, punt 42, kif ukoll Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, punt 31).

36

Għalhekk, skont l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, prattika kummerċjali tkun żleali jekk hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali u toħloq distorsjoni jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġiba ekonomika tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott (is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq VTB-VAB u Galatea, punt 54; Plus Warenhandelsgesellschaft, punt 43, u Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, punt 32).

37

Barra dan, l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali jiddefinixxi żewġ kategoriji preċiżi ta’ prattiki kummerċjali żleali, jiġifieri l-“prattiċi qarrieqa” u l-“prattiċi aggressivi” li jirrispondu għall-kriterji speċifikati rispettivament tal-Artikoli 6 u 7 u fl-Artikoli 8 u 9 tad-direttiva (is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq VTB-VAB u Galatea, punt 55; Plus Warenhandelsgesellschaft, punt 44, kif ukoll Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, punt 33).

38

Fl-aħħar nett, id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali tistabbilixxi, fl-Anness I tagħha, lista eżawrjenti ta’ 31 prattika kummerċjali li, skont l-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, jitqiesu żleali “f’kull ċirkostanza”. Konsegwentement, kif tispeċifika espressament il-premessa 17 tal-imsemmija direttiva, huma biss dawn il-prattiki kummerċjali li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala żleali mingħajr ma jkunu suġġetti għal evalwazzjoni każ b’każ skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 tal-istess direttiva (is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq VTB-VAB u Galatea, punt 56; Plus Warenhandelsgesellschaft, punt 45, u Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, punt 34).

39

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(4) tal-imsemmija direttiva jikklassifika l-prattiki kummerċjali bħala żleali meta jirriżulta li jkunu qarrieqa jew aggressivi “kif stabbilit” fl-Artikoli 6 u 7 u fl-Artikoli 8 u 9, rispettivament, ta’ din id-direttiva, liema espressjoni tissuġġerixxi li d-determinazzjoni tan-natura qarrieqa jew aggressiva tal-prattika kkonċernata tiddependi biss mill-evalwazzjoni tagħha fid-dawl biss tal-kriterji stabbiliti f’dawn l-artikoli tal-aħħar. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-fatt li l-Artikolu 5(4) ma jinkludi l-ebda riferiment għall-kriterji iktar ġenerali li jissemmew fl-Artikolu 5(2).

40

Barra minn hekk, l-imsemmi paragrafu 4 jibda bil-kliem “[b]’mod partikolari” u l-premessa 13 tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali tispeċifika f’dan ir-rigward li “[i]l-projbizzjoni ewlenija [...] stabbilita [bid-]Direttiva […] hija elaborata b’regoli dwar żewġ tipi ta’ prattiċi kummerċjali li b’marġni kbira huma l-iżjed komuni, jiġifieri l-prattiċi kummerċjali qarrieqa u l-prattiċi kummerċjali aggressivi”. Minn dan jirriżulta li r-regola bażika ta’ din id-direttiva, li tipprojbixxi l-prattiki kummerċjali żleali, kif jipprevedi wkoll l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, hija implementata u kkonkretizzata minn dispożizzjonijiet iktar speċifiċi għall-finijiet li jittieħed debitament inkunsiderazzjoni r-riskju li jirrappreżentaw għall-konsumaturi ż-żewġ każijiet li jseħħu l-iktar ta’ spiss, jiġifieri, il-prattiki kummerċjali qarrieqa u l-prattiki kummerċjali aggressivi.

41

F’dak li jikkonċerna l-Artikoli 6 u 7 u l-Artikoli 8 u 9 tal-imsemmija direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-prattiki qarrieqa jew aggressivi huma pprojbiti meta, fid-dawl tal-karatteristiċi u l-kuntest fattwali tagħhom, iwasslu jew jistgħu jwasslu lill-konsumatur medju sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jieħu (is-sentenza VTB-VAB u Galatea, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlet il-projbizzjoni ta’ dawn il-prattiki dipendenti minn ebda kriterju ieħor għajr dawk stabbiliti f’dawn l-artikoli.

42

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, inkwistjoni fil-kawża pinċipali, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, in-natura qarrieqa ta’ prattika kummerċjali tiddependi unikament fuq il-fatt li ma tikkorrispondix għall-verità billi jkun fiha tagħrif falz jew jekk b’mod ġenerali x’aktarx tqarraq bil-konsumatur medju, fir-rigward, b’mod partikolari, tan-natura jew il-karatteristiċi ewlenin ta’ prodott jew ta’ servizz u li, b’hekk, x’aktarx iġġiegħel lil dan il-konsumatur jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jieħu fl-assenza ta’ din il-prattika. Meta dawn il-karatteristiċi jiġu sodisfatti, il-prattika “titqies” qarrieqa u, għaldaqstant, żleali skont l-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva u hija għandha tkun ipprojbita skont l-Artikolu 5(1).

43

Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l-elementi li jikkostitwixxu prattika kummerċjali qarrieqa, kif stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, u kif ġew imfakkra fil-punt preċedenti, huma essenzjalment imfassla mill-perspettiva tal-konsumatur bħala d-destinatarju tal-prattiki kummerċjali żleali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige C-122/10, Ġabra p. I-3903, punti 22 u 23) u essenzjalment jikkorrispondu għat-tieni kundizzjoni li tikkaratterizza prattika ta’ din in-natura, kif prevista fl-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, fl-imsemmi Artikolu 6(1) ma tissemmiex il-kundizzjoni, li tinsab fl-Artikolu 5(2)(a) tal-imsemmija direttiva, u li tirrigwarda l-kuntrarjetà tal-prattika kummerċjali mar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali, li tikkonċerna l-qasam tal-imprenditur.

44

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlet l-ebda riferiment għal din l-aħħar kundizzjoni meta, fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič (C‑453/10, punti 40 u 41), hija eżaminat sa fejn prattika kummerċjali bħal dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, setgħet tiġi kklassifikata bħala “qarrieqa” skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali.

45

Minn dak li ntqal jirriżulta, kemm fid-dawl tal-formulazzjoni u tal-istruttura tal-Artikoli 5 u 6(1) tal-imsemmija direttiva kif ukoll tal-istruttura ġenerali ta’ din tal-aħħar, li prattika kummerċjali għandha titqies bħala “qarrieqa” fis-sens tat-tieni minn dawn id-dispożizzjonijiet meta l-kriterji elenkati fiha jkunu sodisfatti, mingħajr il-ħtieġa li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjoni dwar il-kuntrarjetà ta’ din il-prattika mar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali, kif prevista fl-Artikolu 5(2)(a) tal-istess direttiva, humiex sodisfatti wkoll.

46

Din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda li hija ta’ natura li tippreżerva l-effettività tar-regoli speċifiċi previsti fl-Artikoli 6 sa 9 tad-Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali. Fil-fatt, li kieku l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli kienu identiċi għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tal-istess direttiva, l-imsemmija artikoli kienu jkunu nieqsa minn kull portata prattika, minkejja li għandhom l-għan li jipproteġu lill-konsumatur mill-prattiki kummerċjali żleali l-iktar frekwenti (ara l-punt 40 ta’ din is-sentenza).

47

Barra dan, l-imsemmija interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan li d-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali tfittex li tilħaq, li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit, skont il-premessa 23 ta’ din tal-aħħar, livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, permezz tal-approssimazzjoni tar-regoli dwar il-prattiki kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, mill-impriżi fir-rigward tal-konsumaturi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, iċċitatata iktar ’il fuq, punt 27), peress li l-interpretazzjoni mogħtija hija ta’ natura li tiffaċilita l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva f’sens favorevoli għall-interessi tal-konsumaturi li jkunu destinatarji ta’ tagħrif falz li jidher fil-brochures pubbliċitarji mqassma minn kummerċjant.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ fejn prattika kummerċjali tissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva sabiex tiġi kklassifikata bħala prattika qarrieqa fil-konfront tal-konsumatur, ma huwiex meħtieġ li jiġi vverifikat jekk tali prattika hijiex ukoll kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) ta’ din l-istess direttiva sabiex tkun tista’ titqies validament bħala żleali u, għaldaqstant, ipprojbita abbażi tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva.

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ fejn prattika kummerċjali tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva sabiex tiġi kklassifikata bħala prattika qarrieqa fil-konfront tal-konsumatur, ma huwiex meħtieġ li jiġi vverifikat jekk tali prattika hijiex ukoll kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) ta’ din l-istess direttiva sabiex tkun tista’ titqies validament bħala żleali u, għaldaqstant, ipprojbita abbażi tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top