Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0376

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Lulju 2012.
    Pie Optiek SPRL vs Bureau Gevers SA u European Registry for Internet Domains ASBL.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Bruxelles.
    Internet — Dominju tal-ogħla livell .eu — Regolament (KE) Nru 874/2004 — Ismijiet ta’ dominju — Reġistrazzjoni fi stadji — Artikolu 12(2) — Kunċett ta’ ‘liċenzati [liċenzjati] ta’ drittijiet ta’ qabel’ — Persuna awtorizzata mill-proprjetarju ta’ trade mark sabiex tirreġistra, f’isimha proprju iżda fl-interess ta’ dak il-proprjetarju, isem ta’ dominju identiku jew simili għall-imsemmija trade mark — Assenza ta’ awtorizzazzjoni ta’ użi oħrajn mis-sinjal bħala trade mark.
    Kawża C-376/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:502

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    19 ta’ Lulju 2012 ( *1 )

    “Internet — Dominju tal-ogħla livell .eu — Regolament (KE) Nru 874/2004 — Ismijiet ta’ dominju — Reġistrazzjoni fi stadji — Artikolu 12(2) — Kunċett ta’ ‘liċenzati [liċenzjati] ta’ drittijiet ta’ qabel’ — Persuna awtorizzata mill-proprjetarju ta’ trade mark sabiex tirreġistra, f’isimha proprju iżda fl-interess ta’ dak il-proprjetarju, isem ta’ dominju identiku jew simili għall-imsemmija trade mark — Assenza ta’ awtorizzazzjoni ta’ użi oħrajn mis-sinjal bħala trade mark”

    Fil-Kawża C-376/11,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour d’appel de Brussell (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Lulju 2011, fil-proċedura

    Pie Optiek SPRL

    vs

    Bureau Gevers SA,

    European Registry for Internet Domains ASBL,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus (Relatur), A. Rosas, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Marzu 2012,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Pie Optiek SPRL, minn E. Wéry u T. van Innis, avukati,

    għal Bureau Gevers SA, minn B. Docquir u B. Michaux, avukati,

    għal European Registry for Internet Domains ASBL, minn G. Glas u H. Haouideg, avukati,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Bulst u C. Vrignon, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Mejju 2012,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12(2) u 21(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004, tat-28 ta’ April 2004, li jippreskrivi r-regoli tal-politika pubblika li jikkonċernaw l-implementazzjoni u l-funzjonijiet tad-dominju tal-ogħla livell .eu u l-prinċipji li jirregolaw ir-reġistrazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 825).

    2

    Dik it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn Pie Optiek SPRL (iktar ’il quddiem “Pie Optiek”), u Bureau Gevers SA (iktar ’il quddiem “Bureau Gevers”) minn naħa u European Registry for Internet Domains ASBL (iktar ’il quddiem “EURid”) min-naħa l-oħra dwar ir-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju www.lensworld.eu minn Bureau Gevers, f’isimha proprju, iżda fl-interess ta’ Walsh Optical Inc. (iktar ’il quddiem “Walsh Optical”), kumpannija Amerikana li hija proprjetarja tat-trade mark li jikkorrispondi għaliha dak l-isem tad-dominju.

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament (KE) Nru 733/2002

    3

    Il-premessi 6 u 16 tar-Regolament (KE) Nru 733/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ April 2002, dwar l-implementazzjoni tal-Qasam tal-Ogħla Livell EU. [tad-dominju tal-ogħla livell .eu] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 394), jiddikjaraw:

    “(6)

    Permezz ta’.ue TLD, is-suq ta’ l-Internet għandu jikseb viżibilità ogħla fis-suq virtwali ibbażat fuq l-Internet. L-.eu TLD għandu jipprovdi rabta identifikata b’mod ċar mal-Komunità, il-kwadru legali assoċjat, u s-suq Ewropew. Għandu jippermetti li mpriżi, organizzazzjonijiet u persuni naturali ġewwa l-Komunità jirreġistraw f’qasam speċifiku li għandu jagħmel ovvja din ir-rabta. Bħala tali, .eu TLD mhux biss ikun parti prinċipali fil-bini għall-kummerċ elettroniku fl-Ewropa iżda għandu wkoll isostni l-għanijiet ta’ Artikolu 14 tat-Trattat.

    […]

    (16)

    L-adozzjoni ta’ politika pubblika li titratta reġistrazzjoni spekulattiva u abbużiva ta’ l-ismijiet taqasam għandha tipprovdi li d-detenturi ta’ drittijiet li kienu jeżistu qabel rikonoxxuti jew stabbiliti mill-liġi nazzjonali u/jew tal-Komunità u korpi pubbliċi għandhom jibbenefikaw minn perjodu speċifiku ta’ żmien (“sunrise period”) li matulu r-reġistrazzjoni ta’ l-ismijiet tagħhom ta qasama tkun esklussivament riżervata għal dawk id-detenturi ta’ drittijiet li kienu jeżistu qabel rikonoxxuti jew stabbiliti bil-liġi nazzjonali u/jew tal-Komunità u korpi pubbliċi.”

    4

    Skont l-Artikolu 1 tiegħu, l-imsemmi regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tad-dominju tal-ogħla livell .eu, inkluża n-nomina ta’ Reġistru, u jistabbilixxi l-kwadru ġenerali tal-politika li fiha r-Reġistru għandu jiffunzjona.

    5

    L-Artikolu 4(2) tal-istess regolament jipprovdi:

    “Ir-Reġistru għandu:

    [...]

    b)

    jirreġistra ta’ l-ismijiet ta’ qasam ta’.eu TLD permezz ta’ Reġistratur.eu akkreditat mitlub minn kull [jirreġistra fit-TLD.eu, permezz ta’ kull uffiċċju awtorizzat ta’ reġistrazzjoni, l-ismijiet tad-dominju mitlub minn]:

    i)

    [kull] impriża li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju ġewwa l-Komunità, jew

    ii)

    [kull] organizzazzjoni stabbilita fil-Komunità mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali, jew

    (iii)

    [kull] persuna naturali residenti ġewwa l-Komunità”.

    6

    L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 733/2002 jipprovdi:

    “[…] il-Kummissjoni għandha tadotta regoli […] [li jinkludu partikolarment]:

    [...]

    b)

    politika pubblika dwar reġistrazzjoni spekulattiva u abużżiva ta’ ismijiet ta’ qasam [ismijiet tad-dominju] inkluża l-possibiltà ta’ reġistrazzjonijiet ta’ ismijiet ta’ qasam [ismijiet tad-dominju] f’fażijiet biex jiġu assigurati opportunitajiet temporanji xierqa għad-detenturi ta’ drittijiet li kienu jeżistu qabel rikonoxxuti jew stabbiliti bil-liġi nazzjonali u/jew tal-Komunità u biex korpi pubbliċi jirreġistraw isimhom”.

    7

    B’applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 874/2004.

    Ir-Regolament Nru 874/2004

    8

    Il-premessa 12 tar-Regolament Nru 874/2004 tiddikjara:

    “Sabiex jiġu salvagwardati d-drittijeit ta’ qabel rikonoxxuti mill-Komunità jew il-liġi nazzjonali, għandha titlesta proċedura għar-reġistrazzjoni f’fażijiet. Ir-reġistrazzjoni f’fażijiet għandha sseħħ f’żewġ fażijiet, bil-għan li tassigura li d-detenturi ta’ drtittijiet ta’ qabel ikollhom l-opportunitajiet adattati biex jirreġistraw l-ismijiet li fuqhom kellhom drittijiet [...]”

    9

    Skont l-ewwel, it-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dak ir-regolament:

    “Parti eliġibbli, kif elenkata fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 733/2002, tista’ tirreġistra isem wieħed jew aktar ta’ dominju taħt l-.eu TLD.

    Mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu IV, isem speċifiku ta’ dominju għandu jiġi allokat għall-użu lill-parti eliġibbli li t-talba tagħha tkun ġiet riċevuta l-ewwel mir-Reġistru b’mod teknikament korrett u skond dan ir-Regolament. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kriterju ta’ l-ewwel riċeviment għandha ssir referenza għalih bħala l-prinċipju ‘min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel’.

    Malli isem ta’ dominju jiġi reġistrat u ma għndux ikun aktar disponibbli għal aktar reġistrazzjoni sakemm ir-reġistrazzjoni tiskadi mingħajr ma tiġġedded, jew sakemm l-isem tad-dominju jiġi revokat.”

    10

    Il-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 874/2004, li jinkludi l-Artikoli 10 sa 14 ta’ dan tal-aħħar, jikkonċerna l-proċedura ta’ reġistrazzjoni fi stadji. L-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 10(1) ta’ dak ir-regolament huma redatti kif ġej:

    “Id-detenturi ta’ drittijiet minn qabel rikonoxxuti jew stabbiliti bil-liġi nazzjonali u/jew tal-Komunità u korpi pubbliċi għandhom ikunu eliġibbli li japplikaw biex jirreġistraw l-ismijiet tad-dominju matul perjodu ta’ reġistrazzjoni f’fażijiet qabel ma tibda r-reġistrazzjoni ġenerali tad-dominju.eu.

    ‘Drittijiet ta’ qabel’ għandha tiftiehem li tinkludi, fost ħwejjeġ oħra, marki tal-kummerċ reġistrati nazzjonali jew tal-Komunità […]”

    11

    L-ewwel, it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 12(2) tal-imsemmi regolament jipprovdu:

    “It-tul ta’ żmien tar-reġistrazzjoni f’fażijiet għandu jkun ta’ erba’ xhur. Ir-reġistrazzjoni ġenerali ta’ l-ismijiet tad-dominju ma għandhiex tibda qabel it-tlestija tal-perjodu tar-reġistrazzjoni f’fażijiet.

    Ir-reġistrazzjoni f’fażijiet għandha tkun magħmula minn żewġ partijiet ta’ xahrejn kull waħda.

    Matul l-ewwel parti tar-reġistrazzjoni f’fażijiet, biss marki tal-kummerċ nazzjonali u tal-Komunità, indikazzjonijiet ġeografiċi, u l-ismijiet u l-akronimi mesmmija fl-Artikolu 10(3), tista’ ssir applikazzjoni għalihom bħala ismijiet ta’ dominju minn detenturi jew persuni liċenzati ta’ drittijiet ta’ qabel u mill-korpi pubbliċi msemmija fl-Artikolu 10(1).”

    12

    L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 874/2004, intitolat “Reġistrazzjonijiet spekulattivi u abużivi”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

    “Isem reġistrat ta’ dominju għandu ikun suġġett għar-revoka, bl-użu ta’ proċedura xierqa extra-ġudizzjarja jew ġudizzjarja, fejn dak l-isem ikun identiku jew simili b’tali mod li joħloq konfużjoni għal isem li fir-rigward tiegħu ikun rikonoxxut dritt jew stabbilit b’liġi nazzjonali u/jew tal-Komunità, bħad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1), u fejn dan:

    a)

    ikun ġie reġistrat mid-detentur tiegħu mingħajr drittijiet jew interess leġittimu fl-isem; jew

    b)

    ikun ġie reġistrat jew ikun qed jintuża b’finijiet ħżiena.”

    Id-Direttiva 89/104/KEE

    13

    L-ewwel Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), kienet tinkludi l-Artikolu 5, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trade mark”, li fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu kien jipprovdi:

    “1.   It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

    a)

    kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

    b)

    kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbaħ it-trade mark u l-identità jew xebħ ta’ l-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

    2.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistabbilixxi li l-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi lil terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu li jużaw matul il-kummerċ kwalunkwe sinjal li hu identiku ma’, jew simili għat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li mhux simili għal dawk li għalihom it-trade mark hi reġistrata, fejn ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-simbolu mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ mhux onest jew li hu ta’ detriment għall-karattru li jiddifferenza wieħed għall-ieħor jew reputazzjoni tat-trade mark.”

    14

    L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolata “Liċenzjar”, kien redatt kif ġej:

    “1.   Trade mark tista’ tkun liċenzjata għal ftit jew għall-merkanzija jew is-servizzi kollha li għalihom hi reġistrata u għal kollu jew parti mill-Istat Membru konċernat. Liċenzja tista’ tkun esklużiva jew mhux esklużiva.

    2.   Il-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija minn dik it-trade mark kontra liċenzjat li jikser kwalunkwe disposizzjoni fil-kuntratt tal-liċenzja tiegħu dwar it-tul tagħha, il-formola koperta mir-reġistrazzjoni li fuqha tista’ tintuża t-trade mark, l-iskop ta’ l-merkanzija jew servizzi li għalihom il-liċenzja hi maħruġa, it-territorju fejn it-trade mark tista’ titwaħħal, jew il-kwalità tal-merkanzija manifatturati jew tas-servizzi provduti minn min ingħata l-liċenzja.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    15

    Pie Optiek hija kumpannija Belġjana li topera fis-settur tal-bejgħ bl-internet ta’ lentijiet tal-kuntatt, ta’ nuċċalijiet u prodotti oħra għall-għajnejn. Hija proprjetarja tat-trade mark figurattiva Benelux li tinkludi s-sinjal verbali “Lensworld” u logo li juri mappa tad-dinja, li ġiet ippreżentata fit-8 ta’ Diċembru 2005 u rreġistrata fl-4 ta’ Jannar 2006, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 5, 9 u 44 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat. Hija użat is-sit tal-internet www.lensworld.be.

    16

    Bureau Gevers hija kumpannija Belġjana li topera fil-konsulenza dwar il-proprjetà intellettwali.

    17

    Walsh Optical ukoll topera fis-settur tal-bejgħ bl-internet ta’ lentijiet tal-kuntatt, ta’ nuċċalijiet u prodotti oħra għall-għajnejn. Hija ilha tuża s-sit tal-internet www.lensworld.com mill-1998 u kienet proprjetarja tat-trade mark Benelux Lensworld li tinkludi s-sinjal verbali “Lensworld”, ippreżentata fl-20 ta’ Ottubru 2005 u rreġistrata fis-26 ta’ Ottubru 2005, għal prodotti u servizzi fil-klassi 35 tal-imsemmi Ftehim ta’ Nice. Dik it-trade mark ġiet ikkanċellata fit-30 ta’ Ottubru 2006.

    18

    Fit-18 ta’ Novembru 2005, Walsh Optical iffirmat kuntratt intitolat “Licence Agreement” (“kuntratt ta’ liċenzjar”, iktar ’il quddiem il-“kuntratt fil-kawża prinċipali”) ma’ Bureau Gevers.

    19

    Skont il-Klawżola 1 tal-kuntratt, l-uniċi għanijiet tiegħu huma biex jippermetti lill-persuna liċenzjata biex tirreġistra isem ta’ dominju f’isimha iżda fl-interess tal-konċedent tal-liċenzja, biex jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi ta’ kull parti matul dan l-istess kuntratt, kif ukoll biex jorganizza l-proċeduri li bihom il-persuna liċenzjata kellha tittrasferixxi l-isem jew l-ismijiet ta’ dominju .eu lill-konċedent tal-liċenzja jew lil persuna indikata minn din tal-aħħar.

    20

    Skont il-Klawżola 2 tal-kuntratt fil-kawża prinċipali, intitolata “Drittijiet tal-konċedent tal-liċenzja”, dan tal-aħħar jista’ fi kwalunkwe mument jitlob lill-persuna liċenzjata tħassar l-isem jew l-ismijiet tad-dominju inklużi fl-Anness 1 tal-imsemmi kuntratt jew tittrasferixxi l-isem tad-dominju, b’mod rapidu u mingħajr ħlas, lil konċedent tal-liċenzja jew lil kwalunkwe terza persuna indikata minnu.

    21

    Skont il-Klawżola 3 tal-istess kuntratt, il-konċedent tal-liċenzja jobbliga ruħu li jħallas l-ispejjeż tal-persuna liċenzjata, u fin-nuqqas ta’ dan, l-ismijiet tad-dominju jistgħu ma jiġux irreġistrati, miżmuma jew imġedda.

    22

    Fil-klawżola 4 tal-kuntratt fil-kawża prinċipali, li tinkludi d-drittijiet tal-persuna liċenzjata, hemm ippreċiżat li din għandha toħroġ fattura għas-servizzi tagħha lill-konċedent tal-liċenzja.

    23

    L-obbligi tal-persuna liċenzjata, inklużi fil-Klawżola 5 tal-imsemmi kuntratt, jinkludu l-obbligu li hija għandha tagħmel sforzi raġonevoli biex tippreżenta applikazzjoni .eu u tikseb reġistrazzjoni .eu għal isem ta’ dominju wieħed jew iktar. Barra minn hekk, il-persuna liċenzjata tirrikonoxxi li, waqt ir-reġistrazzjoni, l-isem tad-dominju jkun proprjetà esklużiva tal-konċedent tal-liċenzja u tobbliga ruħha li ma tużax dak l-isem b’mod li jkun inkompatibbli mat-termini ta’ dak il-kuntratt.

    24

    Mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn EURid jirriżulta li l-ewwel fażi tar-reġistrazzjoni fi stadji pprovduta fil-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 874/2004 bdiet fis-7 ta’ Diċembru 2005.

    25

    F’din l-istess data, Bureau Gevers ippreżentat lill-EURid talba għar-reġistrazzjoni tal-isem ta’ dominju “lensworld.eu” f’isimha proprju iżda fl-interess ta’ Walsh Optical. Dan l-isem ta’ dominju ġie attribwit lil Bureau Gevers fl-10 ta’ Lulju 2006.

    26

    Fis-17 ta’ Jannar 2006, Pie Optiek ukoll talbet ir-reġistrazzjoni tal-isem ta’ dominju “lensworld.eu”, liema talba ġiet miċħuda minħabba l-preċedenza tat-talba ppreżentata minn Bureau Gevers.

    27

    It-talba mressqa minn Pie Optiek quddiem il-qorti tal-arbitraġġ tar-Repubblika Ċeka, entità responsabbli għas-soluzzjoni extraġudizzjarja tal-kawżi relatati mal-ismijiet tad-dominju .eu, bil-għan li tikkontesta l-għoti tal-imsemmi isem tad-dominju lil Bureau Gevers, ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2007. Ir-rikors li Pie Optiek ippreżentat quddiem it-tribunal de première instance de Bruxelles ukoll ġie miċħud permezz ta’ sentenza ta’ din tal-aħħar tal-14 ta’ Diċembru 2007.

    28

    Quddiem il-qorti tar-rinviju, adita b’appell kontra l-imsemmija sentenza, Pie Optiek issostni b’mod partikolari li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jagħtix lil Bureau Gevers il-kwalità ta’ liċenzjata ta’ drittijiet ta’ qabel, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 874/2004, u li dik il-kumpannija ma kellhiex iktar dritt jew interess leġittimu fis-sens tal-Artikolu 21(1)(a) tal-istess regolament.

    29

    Skont Bureau Gevers, is-suġġett ta’ kuntratt ta’ liċenzjar ta’ trade mark ma huwiex neċessarjament limitat għall-awtorizzazzjoni ta’ użu mill-prodotti jew servizzi taħt dik it-trade mark, iżda jista’ jkun jirrigwarda l-prerogattivi kollha jew parti minnhom tal-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni, inkluża l-awtorizzazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem ta’ dominju.

    30

    F’dawk iċ-ċirkustanzi il-cour d’appel de Bruxelles iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 874/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn id-dritt [ta’ qabel] ikkonċernat huwa dritt ta’ trade mark, il-kelmiet ’liċenzati ta’ drittijiet ta’ qabel’ jistgħu jkopru persuna li kienet awtorizzata biss, mill-proprjetarju tat-trade mark, sabiex tirreġistra, f’isimha propju iżda għan-nom tal-persuna li tikkonċedi l-liċenzja, isem ta’ dominju identiku jew li jixxiebah mat-trade mark, mingħajr madankollu ma ġiet awtorizzata tagħmel użi oħrajn mit-trade mark jew użu tas-sinjal bħala trade mark, bħal pereżempju, sabiex tikkummerċjalizza prodotti jew servizzi taħt it-trade mark?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta pożittiva għal din id-domanda, l-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament Nru 874/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ‘drittijiet jew interess leġittimu’ jeżistu anki jekk il-’liċenzat [liċenzjat] ta’ drittijiet ta’ qabel’ irreġistra l-isem ta’ dominju .eu f’ismu iżda għan-nom tal-proprjetarju tat-trade mark meta dan tal-aħħar ma huwiex eliġibbli skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 733/2002?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    31

    L-ewwel domanda tirrigwarda l-kunċett ta’ “liċenzati [liċenzjati] ta’ drittijiet ta’ qabel”, kif jidher fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 874/2004.

    32

    Għalkemm it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament jippreċiża li l-frażi “Drittijiet ta’ qabel” għandha tinkludi, partikolarment, it-trade marks nazzjonali u Komunitarji rreġistrati, it-terminu “liċenzat [liċenzjat]” ma huwiex iddefinit f’dak ir-regolament. Dan tal-aħħar lanqas ma jinkludi xi riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward ta’ tali definizzjoni.

    33

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-eżiġenzi kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi l-ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha għandhom normalment, fl-Unjoni kollha, jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi fejn din l-interpretazzjoni tkun waħda studjata fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11; tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C-287/98, Ġabra p. I-6917, punt 43, tat-22 ta’ Marzu 2012, Génesis, C-190/10, punt 40).

    34

    Barra minn hekk, regolament ta’ implementazzjoni għandu wkoll ikun is-suġġett, sa fejn possibbli, ta’ interpretazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku (sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 1993, Dr. Tretter, C-90/92, Ġabra p. I-3569, punt 11, u tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kummissjoni vs Boehringer, C-32/00 P, Ġabra p. I-1917, punt 53).

    35

    Peress li r-Regolament Nru 874/2004 huwa regolament ta’ implementazzjoni adottat skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 733/2002, jeħtieġ li jittieħed kont tal-għanijiet u tad-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar bil-għan li l-kunċett ta’ “liċenzat [liċenzjat]” jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fi ħdan l-Unjoni kollha.

    36

    F’dan ir-rigward, mill-premessa 6 tar-Regolament Nru 733/2002, jirriżulta li d-dominju tal-ogħla livell .eu inħoloq bil-għan li titkattar il-viżibilità tas-suq intern fis-suq virtwali ibbażat fuq l-internet, billi jipprovdi rabta identifikata b’mod ċar mal-Unjoni, il-kwadru legali assoċjat, u s-suq Ewropew kif ukoll billi jippermetti lil impriżi, organizzazzjonijiet u persuni fiżiċi fl-Unjoni li jirreġistraw f’dominju speċifiku li għandu jirrendi evidenti din ir-rabta.

    37

    Huwa b’kunsiderazzjoni ta’ dak l-għan li l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 733/2002 jipprovdi li għandhom jiġi rreġistrati fid-dominju tal-ogħla livell.eu l-ismijiet ta’ dominju mitluba minn kull impriża li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju fl-Unjoni, minn kull organizzazzjoni stabbilita f’din tal-aħħar, mingħajr preġudizzju għad-dritt nazzjonali applikabbli, kif ukoll minn kull persuna fiżika residenti fl-Unjoni. Tali impriżi, organizzazzjonijiet u persuni fiżiċi jikkostitwixxu, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 874/2004, partijiet eliġibbli li japplikaw biex jirreġistraw isem wieħed jew iktar ta’ dominji fl-imsemmi dominju tal-ogħla livell.

    38

    Barra minn hekk, mill-premessi 16 tar-Regolament Nru 733/2002 u 12 tar-Regolament Nru 874/2004 kif ukoll mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) ta’ dan l-aħħar regolament, jirriżulta li matul ir-reġistrazzjoni fi stadji huma biss id-“detenturi ta’ drittijiet minn qabel rikonoxxuti jew stabbiliti bil-liġi nazzjonali u/jew tal-Komunità” inklużi trade marks nazzjonali u komunitarji rreġistrati kif ukoll l-entitajiet pubbliċi li huma awtorizzati japplikaw biex jirreġistraw l-ismijiet tad-dominju.

    39

    Isegwi li, fil-prinċipju, huma biss id-detenturi ta’ drittijiet ta’ qabel li jkollhom l-uffiċċju reġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali, il-post prinċipali tan-negozju jew ir-residenza tagħhom fl-Unjoni li huma eliġibbli sabiex jitolbu r-reġistrazzjoni, matul dak il-perijodu, ta’ isem wieħed jew iktar ta’ dominji fid-dominju tal-ogħla livell .eu.

    40

    Minn dan jirriżulta wkoll li, sa fejn it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 874/2004 jestedni ċ-ċirku ta’ persuni eliġibbli matul l-ewwel fażi tar-reġistrazzjoni fi stadji għal-liċenzjati ta’ drittijiet ta’ qabel, dawn tal-aħħar għandhom, kemm jissodisfaw il-kriterju tal-preżenza fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll ikunu detenturi minflok il-proprjetarju, tal-inqas parzjalment jew temporanjament, tad-dritt ta’ qabel ikkonċernat.

    41

    Fil-fatt, ikun bi ksur tal-għanijiet tar-Regolament Nru 733/2002 u tar-Regolament Nru 874/2004 li proprjetarju ta’ dritt ta’ qabel li jkollu dak id-dritt fl-intier tiegħu iżda li ma jkunx jissodisfa l-kriterju tal-preżenza fit-territorju tal-Unjoni jkun permess li jikseb favurih isem ta’ dominju .eu, permezz ta’ persuna li tissodisfa l-imsemmi kriterju tal-preżenza iżda li ma jkollhiex l-imsemmi dritt lanqas parzjalment jew temporanjament.

    42

    Dawk il-konstatazzjonijiet huma kkorroborati minn atti tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jipprovdu indikazzjonijiet dwar il-portata tat-termini “liċenzjat” u “liċenzja” fil-qasam tat-trade marks, mingħajr ma jiddefinixxuhom b’mod espliċitu.

    43

    Fl-ewwel lok, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 89/104 jipprovdi li trade mark tista’ tkun liċenzjata għal parti jew għall-oġġetti jew is-servizzi kollha li għalihom hija rreġistrata. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda li tali liċenzja tista’ b’mod partikolari tingħata għall-użu ta’ trade mark fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti jew ta’ servizzi mil-liċenzjat.

    44

    Skont il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, il-proprjetarju ta’ dik it-trade mark jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija minn dik it-trade mark kontra liċenzjat li jikser kwalunkwe dispożizzjoni fil-kuntratt tal-liċenzja. Minn dik id-dispożizzjoni jirriżulta li tali klawżoli jistgħu jkunu jirrigwardaw, minbarra t-tul tal-imsemmi kuntratt, il-forma li taħta tista’ tintuża t-trade mark, in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom ingħatat il-liċenzja, it-territorju fejn it-trade mark tista’ titwaħħal, jew il-kwalità tal-prodotti mmanifatturati jew tas-servizzi provduti mil-liċenzjat taħt dik it-trade mark.

    45

    F’dak ir-rigward, huwa ppreċiżat fl-Artikolu 5(1) u (2) tal-istess direttiva li dak id-detentur għandu dritt esklużiv li jawtorizzah li jimpedixxi lil kwalunkwe terz, fin-nuqqas tal-kunsens tiegħu, milli jagħmel użu għan-negozju, jiġifieri użu kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar, C-96/09 P, Ġabra p. I-2131 , punt 144), minn sinjal identiku jew simili għal ċerti prodotti jew servizzi u f’ċerti kundizzjonijiet.

    46

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-imsemmi dritt esklużiv ingħata bil-għan li l-proprjetarju tat-trade mark ikun jista’ jipproteġi l-interessi speċifiċi tiegħu bħala proprjetarju ta’ dik it-trade mark jiġifieri sabiex jiġi żgurat li din tal-aħħar tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet proprji tagħha u li, għaldaqstant, l-eżerċizzju ta’ dak id-dritt għandu jkun irriżervat għall-każijiet li fihom l-użu mis-sinjal minn terz jippreġudika jew jista’ jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark. Fost dawk il-funzjonijiet hemm mhux biss il-funzjoni essenzjali tat-trade mark li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz, iżda wkoll il-funzjonijiet l-oħra tagħha, bħal, b’mod partikolari, dik li tiggarantixxi l-kwalità ta’ dan il-prodott jew servizz, jew dawk tal-komunikazzjoni, tal-investiment jew tar-reklamar (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C-487/07, Ġabra p. I-5185, punt 58, kif ukoll tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, C-236/08 sa C-238/08, Ġabra p. I-2417, punti 75 u 77).

    47

    Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, bl-għoti ta’ liċenzja, il-proprjetarju ta’ trade mark jikkonċedi lil-liċenzjat, fil-limiti stabbiliti mill-klawżoli tal-kuntratt ta’ liċenzjar, id-dritt li juża trade mark għall-finijiet li jaqgħu fil-qasam tad-dritt esklużiv mogħti mill-imsemmija trade mark, jiġifieri l-użu kummerċjali ta’ din tal-aħħar f’konformità mal-funzjonijiet proprji tagħha, b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat.

    48

    Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni, fis-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch (C-533/07, Ġabra p. I-3327), li teżamina d-differenzi bejn kuntratt ta’ servizz u kuntratt ta’ liċenzjar fid-dritt tal-proprjetà intellettwali. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat, fil-punti 29 u 30 tal-imsemmija sentenza, li, filwaqt li l-kunċett ta’ servizzi jimplika, minn tal-inqas, li l-parti li tipprovdihom twettaq attività partikolari inkambju għal remunerazzjoni, il-kuntratt li permezz tiegħu proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill-parti kokontraenti l-oħra d-dritt li tuża dan id-dritt inkambju għal ħlas ta’ remunerazzjoni ma jimplikax tali attività.

    49

    Isegwi li kuntratt, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu l-parti kokontraenti, imsejħa “liċenzjat”, tobbliga ruħha, għal ħlas ta’ remunerazzjoni, li tagħmel sforzi raġonevoli sabiex tippreżenta applikazzjoni u tikseb ir-reġistrazzjoni għal isem tad-dominju .eu iktar jaqa’ taħt kuntratt ta’ servizz milli taħt kuntratt ta’ liċenzjar.

    50

    Dan huwa iktar u iktar il-każ jekk tali kuntratt ma jagħti lill-imsemmi “liċenzjat” l-ebda dritt li juża għal skopijiet kummerċjali t-trade mark li tikkorrispondi għal dak l-isem tad-dominju f’konformità mal-funzjonijiet proprji tiegħu, iżda jirrikonoxxi li l-isem tad-dominju li huwa jirreġistra b’mod konformi mal-obbligi tiegħu jibqa’ proprjetà esklużiva tal-“konċedenti tal-liċenzja” u jistabbilixxi li dan ma għandux juża dak l-isem tad-dominju fi kwalunkwe mod li jkun inkompatibbli mat-termini tal-kuntratt.

    51

    F’dan ir-rigward, ma huwiex wisq importanti li tali kuntratt jippreċiża li dan tal-aħħar għandu partikolarment l-għan li jippermetti lill-“liċenzjat” li jirreġistra isem ta’ dominju f’ismu, iżda għan-nom tal-“konċedent tal-liċenzja” jekk dik il-fakultà ma għandha l-ebda skop ieħor minbarra dak li l-parti kokontraenti l-oħra teżegwixxi l-obbligu tagħha li tirreġistra l-isem jew l-ismijiet tad-dominju inkwistjoni għal ħlas ta’ remunerazzjoni u għaldaqstant hija purament anċillari għal dak l-obbligu. Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 49 u 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-awtorizzazzjoni li tirreġistra trade mark bħala isem ta’ dominju .eu bl-ebda mod ma timplika li l-proprjetarju ta’ dik it-trade mark ikkonċeda lill-parti kokontraenti tiegħu d-dritt li tuża din tal-aħħar għal skopijiet kummerċjali b’konformità mal-funzjonijiet proprji tagħha.

    52

    Isegwi li kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kuntratt ta’ liċenzjar fid-dritt tat-trade marks. Għalhekk, parti kokontraenti li jkollha l-inkarigu li tirreġistra isem ta’ dominju .eu għal proprejtarju tat-trade mark inkwistjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala “liċenzati [liċenzjat] ta’ drittijiet ta’ qabel” fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 874/2004.

    53

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel domanda li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 874/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn id-dritt ta’ qabel ikkonċernat ikun dritt ta’ trade mark, it-termini “liċenzati [liċenzjati] ta’ drittijiet ta’ qabel” ma jirrigwardawx persuna li ġiet awtorizzata unikament mill-proprjetarju tat-trade mark ikkonċernata sabiex tirreġistra, f’isimha proprju iżda għan-nom ta’ dak il-proprejtarju, isem ta’ dominju identiku jew simili għall-imsemmija trade mark, fejn dik il-persuna ma tkunx awtorizzata tuża din tal-aħħar għal skopijiet kummerċjali b’mod konformi mal-funzjonijiet proprji tagħha.

    Fuq it-tieni domanda

    54

    Fid-dawl tar-riposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq l-ispejjeż

    55

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004, tat-28 ta’ April 2004, li jippreskrivi r-regoli tal-politika pubblika li jikkonċernaw l-implementazzjoni u l-funzjonijiet tad-dominju tal-ogħla livell .eu u l-prinċipji li jirregolaw ir-reġistrazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn id-dritt ta’ qabel ikkonċernat ikun dritt ta’ trade mark, it-termini “liċenzati [liċenzjati] ta’ drittijiet ta’ qabel” ma jirrigwardawx persuna li ġiet awtorizzata unikament mill-proprjetarju tat-trade mark ikkonċernata sabiex tirreġistra, f’isimha proprju iżda għan-nom ta’ dak il-proprejtarju, isem ta’ dominju identiku jew simili għall-imsemmija trade mark, fejn dik il-persuna ma tkunx awtorizzata tuża din tal-aħħar għal skopijiet kummerċjali b’mod konformi mal-funzjonijiet proprji tagħha.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top