EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0367

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-25 ta’ Ottubru 2012.
Déborah Prete vs Office national de l’emploi.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Belġju).
Moviment liberu tal-persuni — Artikolu 39 KE — Ċittadin ta’ Stat Membru li jkun qed ifittex impjieg fi Stat Membru ieħor — Ugwaljanza fit-trattament — Allowances tal-istennija favur żgħażagħ li jkunu qegħdin ifittxu l-ewwel impjieg tagħhom — Għoti suġġett għall-kundizzjoni li jkunu segwew tal-inqas sitt snin ta’ studji fl-Istat ospitanti.
Kawża C-367/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:668

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

25 ta’ Ottubru 2012 ( *1 )

“Moviment liberu tal-persuni — Artikolu 39 KE — Ċittadin ta’ Stat Membru li jkun qed ifittex xogħol fi Stat Membru ieħor — Ugwaljanza fit-trattament — Allowances tal-istennija favur żgħażagħ li jkunu qegħdin ifittxu l-ewwel xogħol tagħhom — Għoti suġġett għall-kundizzjoni li jkunu segwew tal-inqas sitt snin ta’ studji fl-Istat ospitanti”

Fil-Kawża C-367/11,

li għandha bħal suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Belġju), b’deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Lulju 2011, fil-proċedura

Déborah Prete

vs

Office national de l’emploi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J.-C. Bonichot, C. Toader, A. Prechal, (Relatur), u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal D. Prete, minn J. Oosterbosch, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn P. A. Foriers, avukat,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u D. Hadroušek, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u G. Rozet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Lulju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12 KE, 17 KE, 18 KE u 39 KE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn D. Prete u l-Office national de l’emploi (iktar ’il quddiem l-“ONEM”), dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jirrifjuta li jagħti lill-persuna kkonċernata l-benefiċċju ta’ allowances tal-istennija previsti mil-leġiżlazzjoni Belġjana.

Il-leġiżlazzjoni Belġjana

3

Il-leġiżlazzjoni Belġjana tipprevedi l-għoti, liż-żgħażagħ li jkunu spiċċaw l-istudji tagħhom u li jkunu qegħdin ifittxu l-ewwel xogħol tagħhom, ta’ allowances intiżi sabiex jiffaċilitaw il-passaġġ tagħhom mit-tagħlim għas-suq tax-xogħol, li jissejħu “allowances tal-istennija”.

4

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 36(1) tad-Digriet Irjali, tal-25 ta’ Novembru 1991, dwar ir-regolazzjoni tal-qgħad Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 1991, p. 29888), kif emendat bid-Digriet Irjali tal-11 ta’ Frar 2003 (Moniteur belge tad-19 ta’ Frar 2003, p. 8026, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali”), jipprovdi:

“Sabiex ikun eliġibbli għall-allowances tal-istennija, il-ħaddiem żagħżugħ għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

[...]

2o

a)

ikun temm l-istudji tiegħu full-time fil-livell sekondarju ogħla jew it-tielet sena ta’ studju full-time fil-livell ta’ edukazzjoni sekondarja teknika, artistika jew professjonali fi stabbiliment ta’ edukazzjoni organizzata, iffinanzjata jew irrikonoxxuta minn waħda mill-komunitajiet.

b)

jew ikun kiseb quddiem il-Bord kompetenti ta’ Komunità diploma jew ċertifikat ta’ studji għall-istudji msemmija taħt a);

[...]

h)

jew ikun segwa studji jew taħriġ fi Stat ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin huma ssodisfatti simultanjament.

iż-żgħażugħ jippreżenta dokumenti li minnhom jirriżulta li l-istudji jew it-taħriġ huma tal-istess livell u ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-ittri preċedenti;

fil-mument tal-applikazzjoni għal allowances, iż-żagħżugħ huwa, bħala wild, dipendenti fuq ħaddiema migranti fis-sens tal-Artikolu [39 KE], li huma residenti fil-Belġju;

[...]

j)

ikun kiseb jew ċertifikat maħruġ minn Komunità li tistabbilixxi l-ekwivalenza ta’ dawn l-istudji għal ċertifikat ta’ studji msemmija fl-ittra (b) jew ċertifikat li jagħti aċċess għall-edukazzjoni ogħla; din l-ittra tapplika biss jekk dan iż-żagħżugħ qabel ikun segwa tal-inqas sitt snin ta’ studji fi stabbiliment ta’ edukazzjoni organizzata, rikonoxxuta jew iffinanzjata minn Komunità.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

5

Ta’ nazzjonalità Franċiża, D. Prete wettqet l-istudji sekondarji tagħha fi Franza, fejn kisbet, f’Lulju 2000, baċellerat professjonali bħala segretarja. F’Ġunju 2001, hija żżewġet ċittadin Belġjan u stabbilixxiet ruħha miegħu f’Tournai (il-Belġju).

6

Fl-1 ta’ Frar 2002, D. Prete ġiet irreġistrata bħala persuna li qed tfittex ix-xogħol mal-ONEM. Fl-1 ta’ Ġunju 2003, hija ppreżentat lil dan l-uffiċċju applikazzjoni għal allowances tal-istennija.

7

B’deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2003, l-ONEM ċaħad din l-applikazzjoni għar-raġuni li D. Prete ma kinitx segwiet tal-inqas sitt snin ta’ studji fi stabbiliment tat-tagħlim li jinsab fil-Belġju qabel ma kisbet id-diploma ta’ studji sekondarji tagħha, hekk kif jeħtieġ l-inċiż (2)(j) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 36(1) tad-Digriet Irjali.

8

Ir-rikors ippreżentat minn D. Prete kontra din id-deċiżjoni ġie milqugħ mit-Tribunal du travail (Tribunal Industrijali) ta’ Tournai li, b’deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008, irrikonoxxa lill-persuna kkonċernata d-dritt għall-allowances tal-istennija.

9

Fuq appell tal-ONEM, din id-deċiżjoni, permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, ġiet riformulata mit-Tribunal du travail ta’ Mons. Din il-qorti ddeċidiet li D. Prete ma kellhiex dritt għall-allowances tal-istennija, billi ppreċiżat b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li l-persuna kkonċernata ma setgħetx tibbaża fuq tali dritt la skont l-Artikolu 39 KE, u lanqas skont l-Artikolu 18 KE.

10

Insostenn tal-appell li hija ppreżentat kontra din is-sentenza quddiem il-Cour de cassation, D. Pete b’mod partikolari ssostni li din is-sentenza ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-drittijiet li jistabbilixxu l-Artikoli 12 KE, 17 KE kif ukoll l-Artikolu18 KE, u, fejn hemm bżonn, l-Artikolu 39 KE favur ċittadini tal-Unjoni Ewropea.

11

Il-Cour de cassation tirrileva li s-sentenza kkontestata quddiemha tipprovdi li l-kundizzjoni magħmula fl-inċiż (2)(j) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 36(1) tad-Digriet Irjali ġiet intodotta f’dan id-digriet sabiex tiġi żgurata l-eżistenza ta’ rabta reali bejn l-applikant għal allowances tal-istennija u s-suq ġeografiku tax-xogħol inkwistjoni. Hija tirrileva, barra minn hekk, li l-leġittimità ta’ tali għan ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop (C-224/98, Ġabra p. I-6191).

12

Permezz tal-appell tagħha, D. Prete madankollu ssostni li, fid-dawl tan-natura wisq ġenerali u esklużiva tagħha, din il-kundizzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju fir-rigward ta’ dan l-għan, tant li hija, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, kellha tiġi miċħuda mill-Cour du travail ta’ Mons. Din il-qorti, li kellha l-obbligu li tivverifika li r-reġistrazzjoni ta’ D. Prete mad-dipartiment tal-impjieg inkwantu persuna li qed tfittex ix-xogħol kif ukoll li l-istabbiliment tagħha fil-Belġju wara ż-żwieġ tagħha ma’ ċittadin Belġjan kienu ta’ natura li jistabbilixxu r-rabta mfittxija mas-suq tax-xogħol Belġjan, kienet b’mod żbaljat ikkonkludiet li dan ma kienx il-każ u rrifjutat l-għoti tal-allowances tal-istennija lil D. Prete. L-eskużjoni tagħha mill-benefiċċju ta’ dawn l-allowances ma hijiex relatata mal-preokupazzjoni tagħha li tikkonsisti li jiġi evitat moviment li jseħħ bl-għan biss li jittieħed benefiċċju minn dawn l-allowances u tikser kemm id-dritt tal-persuna kkonċernata għar-rispett tal-ħajja tal-familja tagħha kif ukoll il-prinċipju tad-dritt Komunitarju li jeħtieġ minn kull Stat Membru li jiżgura l-aħjar kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni tal-familja tal-ħaddiem Komunitarju.

13

Huwa f’dan il-kuntest li l-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikoli 12 [KE], 17 [KE], 18 [KE], u sa fejn huwa neċessarju, 39 [KE] jipprekludu dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali li, bħall-inċiż [2](j) ta[l-ewwel] subparagrafu tal-Artikolu 36(1) tad-[Digriet Irjali] tissuġġetta d-dritt għall-allowances ta’ stennija ta’ żagħżugħ, ċittadin tal-Unjoni [...], li ma jkollux il-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 39 [KE], li jkun wettaq l-istudji sekondarji fl-Unjoni [...] imma mhux fi stabbiliment ta’ tagħlim organizzat, iffinanzjat jew irrikonoxxut minn wieħed mill-komunitajiet [tar-Renju tal-] Belġju u li jkun kiseb jew ċertifikat maħruġ minn waħda minn dawn il-komunitajiet li jistabbilixxi l-ekwivalenza ta’ dawn l-istudji għal ċertifikat ta’ studji, maħruġ mill-bord kompetenti ta’ waħda minn dawn il-komunitajiet għall-istudji mwettqa f’dawn l-istabbilimenti ta’ tagħlim Belġjani, jew ċertifikat li jagħti aċċess għall-edukazzjoni ogħla, għall-kundizzjoni li dan iż-żagħżugħ qabel ikun segwa sitt snin ta’ studji fi stabbiliment ta’ tagħlim organizzat, iffinanzjat jew irrikonoxxut minn wieħed mill-komunitajiet [tar-Renju tal-]Belġju, jekk din il-kundizzjoni tkun esklużiva u assoluta?

2)

Fil-każ li dan huwa minnu, iċ-ċirkustanzi li ż-żagħżugħ imsemmi fl-ewwel domanda, li ma jkunx segwa sitt snin ta’ studji fi stabbiliment ta’ tagħlim Belġjan, ikun jirrisjedi fil-Belġju mal-konjuġi Belġjana tiegħu u jkun irreġistrat bħala persuna li tfittex ix-xogħol ma’ dipartiment Belġjan tal-impjiegi, jikkostitwixxu elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata r-rabta taż-żagħżugħ mas-suq tax-xogħol Belġjan, fid-dawl tal-Artikoli 12 [KE], 17 [KE], 18 [KE] u, jekk ikun il-każ, 39 [KE]? Sa fejn għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul ta’ dawn il-perijodi ta’ residenza, ta’ żwieġ u ta’ reġistrazzjoni bħala persuna li tfittex ix-xogħol?”

Fuq id-domandi preliminari

14

Permezz taż-żewġ domandi tagħha li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 12 KE, 17 KE, 18 KE jew, jekk ikun il-każ, l-Artikolu 39 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tissuġġetta d-dritt għal allowances tal-istennija li huma ta’ benefiċċju liż-żgħażagħ li jkunu qed ifittxu l-ewwel xogħol tagħhom bil-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun segwiet tal-inqas sitt snin ta’ studji fi stabbiliment tat-tagħlim fl-Istat Membru ospitanti, fid-dawl tan-natura wisq esklużiva ta’ tali kundizzjoni, b’mod partikolari peress li hija tostakola kull possibbiltà ta’ għoti ta’ dawn l-allowances lil mara żagħżugħa, ċittadina ta’ Stat Membru ieħor, li, minkejja li ma segwietx studji f’tali stabbiliment, tinsab fis-sitwazzjoni li tkun iżżewġet ċittadin tal-Istat Membru ospitanti, li tirrisjedi miegħu f’dan l-Istat u li tiġi rreġistrata bħala persuna li tkun qed tfittex ix-xogħol mad-dipartiment tal-impjieg tiegħu. F’dan ir-rigward, din il-qorti tixtieq b’mod partikolari tkun taf jekk iċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw għalhekk din is-sitwazzjoni għandhomx effettivament jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ rabta reali bejn il-persuna kkonċernata u s-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti.

Osservazzjonijiet preliminari

15

L-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali tikkonċerna deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2003 li permezz tagħha ġiet miċħuda l-applikazzjoni ta’ D. Prete intiża għall-għoti ta’ allowances tal-istennija mill-1 ta’ Ġunju 2003.

16

Isegwi li d-dispożizzjonijiet tat-Trattati li hemm lok li jsir riferiment għalihom f’dan il-każ huma dawk tat-Trattat KE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Nice.

17

Hemm lok ukoll li jiġi rrilevat li, fid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikoli 12 KE, 17 KE u 18 KE u, fejn ikun hemm bżonn, l-Artikolu 39 KE.

18

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar l-ewwel nett li hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 12 KE, li jistipula prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat KE ma jipprovdix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 305/87, Ġabra p. 1461, punt 13; tat-12 ta’ Mejju 1998, Gilly, C-336/96, Ġabra p. I-2793, punt 37; tas-26 ta’ Novembru 2002, Oteiza Olazabal, C-100/01, Ġabra p. I-10981, punt 25 kif ukoll tal-15 ta’ Settembru 2011, Schulz-Delzers u Schulz, C-240/10, Ġabra p. I-8531, punt 29).

19

Issa, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implementat, fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema, mill-Artikolu 39 KE kif ukoll mill-atti ta’ dritt sekondarju u, b’mod partikolari, mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12; Gilly, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38; tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins, C-138/02, Ġabra p. I-2703, punt 55, kif ukoll Schulz-Delzers u Schulz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Fir-rigward tal-Artikolu 18 KE li jistabbilixxi b’mod ġenerali d-dritt, għal kull ċittadin tal-Unjoni, li jmur minn post għal ieħor u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li din id-dispożizzjoni għandha tifsira speċifika fl-Artikolu 39 KE f’dak li jikkonċerna l-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Oteiza Olazabal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26, tal-11 ta’ Settembru 2007, Hendrix, C-287/05, Ġabra p. I-6909, kif ukoll Schulz-Delzers u Schulz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 39 KE

21

L-Artikolu 39(2) KE jipprovdi li l-moviment liberu tal-ħaddiema jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri f’dak li jikkonċerna l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

22

L-Artikolu 39(3) KE b’mod partikolari jagħti liċ-ċittadini tal-Istati Membri d-dritt ta’ moviment liberu fit-territorju tal-Istati Membri oħra u li jirrisjedu hemm sabiex ifittxu x-xogħol. Għalhekk, iċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jkunu qed ifittxu xogħol fi Stat Membru ieħor jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 39 u, għaldaqstant, jibbenefikaw mid-dritt ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 39(2) ta’ din id-dispożizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Collins, iċċitata iktar ’il fuq, punti 56 u 57).

23

F’dan ir-rigward jirriżulta, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, sabiex tiġi stabbilita l-portata tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament għall-persuni li jkunu qed ifittxu xogħol, dan il-prinċipju għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 12 KE (sentenza Collins, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

24

Fil-fatt, iċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jistgħu jibbażaw fuq l-Artikolu 12 KE fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni. L-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri li jippermetti lil dawk fost dawk tal-aħħar li jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni li jiksbu, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Collins, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ippreċiżat f’dan ir-rigward li, fid-dawl tal-ħolqien taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u tal-interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament li jibbenefikaw minnhom iċ-ċittadini tal-Unjoni, ma kienx iktar possibbli li jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 39(2) tat-Trattat, li huwa dikjarazzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ ugwaljanza fit-trattament iggarantit mill-Artikolu 12 KE, benefiċċju ta’ natura finanzjarja intiż sabiex jiffaċilita l-aċċess għall-impjieg fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru (ara, is-sentenzi Collins, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63, u tal-15 ta’ Settembru 2005, Ioannidis, C-258/04, Ġabra p. I-8275, punt 22).

26

Issa, huwa paċifiku li l-allowances tal-istennija previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma benefiċċji soċjali, li l-għan tagħhom huwa li jiffaċilita, għaż-żgħażagħ, il-passaġġ mit-tagħlim għas-suq tax-xogħol (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq D’Hoop, punt 38, u Ioannidis, punt 23).

27

Huwa paċifiku wkoll li, fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħha intiża sabiex tikseb tali allowances, D. Prete kellha l-kwalità ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li, filwaqt li kienet spiċċat l-istudji tagħha, kienet qed tfittex ix-xogħol fi Stat Membru ieħor.

28

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-persuna kkonċernata għandha dritt li tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 39 KE sabiex issostni li hija ma tistax tkun suġġetta għal diskriminazzjonijiet minħabba n-nazzjonalità għal dak li jikkonċerna l-għoti ta’ allowances tal-istennija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ioannidis, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

Fuq l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament

29

Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regola ta’ ugwaljanza fit-trattament li tinsab fl-Artikolu 39 KE tipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet apparenti, ibbażati fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom moħbija kollha ta’ diskriminazzjoni li, permezz ta’ kriterji ta’ distinzjoni oħra, iwasslu, fil-fatt, għall-istess riżultat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Ioannidis, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tintroduċi differenza fit-trattament li tipprovdi li ż-żgħażagħ li jkunu qed ifittxu l-ewwel xogħol tagħhom jistgħu jiġġustifikaw jew le li jkunu wettqu tal-inqas sitt snin ta’ studji sekondarji fi stabbiliment tat-tagħlim Belġjan.

31

Issa, kundizzjoni relatata man-neċessità ta’ studju fi stabbiliment tat-tagħlim tal-Istat Membru ospitanti tista’ min-natura tagħha tkun iktar faċilment issodisfatta miċ-ċittadini tagħha u toħloq ir-riskju, għalhekk, li tisfavorixxi prinċipalment iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza Ioannidis, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

Fuq il-ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament

32

Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, differenza fit-trattament bħal dik irrilevata iktar ’il fuq tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendentement min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu tad-dritt nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq D’Hoop, punt 36; Collins, punt 66, kif ukoll Ioannidis, punt 29).

33

F’dan ir-rigward, u fil-każ ta’ allowances bħal dawk inkwistjoni fil-kawża priċipali, li għandhom bħala għan li jiffaċilitaw, għaż-żgħażagħ, il-passaġġ mit-tagħlim għas-suq tax-xogħol, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li kien leġittimu għal-leġiżlatur nazzjonali li jkun jixtieq jiżgura l-eżistenza ta’ rabta reali bejn l-applikant għal dawn l-allowances u s-suq ġeografiku tax-xogħol inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq D’Hoop, punt 38; Collins, punt 67 u 69, kif ukoll Ioannidis, punt 30).

34

Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kundizzjoni unika relatata mal-post ta’ kisba tad-diploma ta’ tmiem l-istudji sekondarji, bħal dik li tinsab fl-inċiż (2)(a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 36(1) tad-Digriet Irjali, kellha natura wisq ġenerali u esklużiva peress li hija kienet tipprivileġġa indebitament element li ma huwiex neċessarjament rappreżentattiv tal-livell reali u effettiv ta’ rabta bejn l-applikant tal-allowances tal-istennija u s-suq ġeografiku tax-xogħol, bl-eskużjoni ta’ kull element rappreżentattiv ieħor. Hija tikkonkludi minn dan li din il-kundizzjoni għalhekk kienet tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq D’Hoop, punt 39, u Ioannidis, punt 31).

35

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li huwa għall-finijiet li tiġi rrimedjata din is-sitwazzjoni li l-kundizzjoni inkwistjoni, alternattiva għal dik relatata mal-post ta’ kisba tad-diploma, u li tirrigwarda r-rekwiżit li jkun ġie kkompletat tal-inqas sitt snin ta’ studji fi stabbiliment tat-tagħlim organizzat, iffinanzjat jew rikonoxxut minn waħda mill-Komunitajiet Belġjani, ġiet introdotta fl-inċiż (2)(j) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 36(1) tad-Digriet Irjali.

36

Fl-osservazzjonijiet tiegħu ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Belġjan jikkonferma li l-kundizzjoni inkwistjoni hija intiża sabiex tiżgura l-eżistenza ta’ rabta reali bejn l-applikant għal dawn l-allowances u s-suq tax-xogħol Belġjan u jsostni li tali kundizzjoni kienet tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi josserva b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li n-numru ta’ snin ta’ studju meħtieġa minnha ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

37

F’dan il-każ, ma jidhirx madankollu neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni hekk din il-kundizzjoni tiksirx, skont il-każ, il-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba t-tul tal-istudji hekk meħtieġ.

38

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta miċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, D. Prete ma wettqet ebda sena ta’ studji fil-Belġju bir-riżultat li hija kienet tiġi rrifjutata l-benefiċċju tal-allowances tal-istennija jekk il-kundizzjoni inkwistjoni kienet irrikjediet li l-persuna kkonċernata tkun fil-pożizzjoni li tiġġustifika l-istudji segwiti fi stabbiliment tat-tagħlim Belġjan għal tul ta’ żmien inqas minn sitt snin, indipendentement minn kemm barra minn hekk kien twil dan l-iqsar żmien.

39

Għalhekk, huwa biżżejjed li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-kwistjoni jekk konstatazzjoni possibbli ta’ inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 39 KE tistax tirriżulta miċ-ċirkustanza li, billi pprevediet kundizzjoni relatata man-neċessità li tkun segwiet studji fi stabbiliment Belġjan, din il-leġiżlazzjoni għandha bħala konsegwenza li teskludi li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li, minkejja mhux marbuta mal-post fejn seħħew l-istudji, huma madankollu wkoll rappreżentattivi tal-eżistenza ta’ rabta reali bejn il-persuna kkonċernata u s-suq ġeografiku tax-xogħol ikkonċernat.

40

Fir-rigward, f’dan il-każ, taċ-ċirkustanzi proprji tal-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li din tikkonċerna ċittadin ta’ Stat Membru li jirrisjedi, minn madwar sentejn, fl-Istat Membru ospitanti, wara ż-żwieġ tagħha ma’ ċittadin ta’ dan l-aħħar Stat Membru, u li ġiet irreġistrata, sa minn sittax-il xahar ilu, bħala persuna li qed tfittex ix-xogħol ma’ dipartiment tal-impjieg ta’ dan l-istess Stat Membru, filwaqt li tipproduċi provi, hekk kif jirriżulta mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, li kienet qed tieħu passi attivi effettivi sabiex issib ix-xogħol f’dan l-Istat Membru.

41

Il-Gvern Belġjan isostni, diversi drabi, li ż-żwieġ ma’ ċittadin tal-Istat Membru ospitanti u l-moviment konsegwenti tar-residenza f’dan l-Istat jikkostitwixxu avvenimenti tal-ħajja privata li ma għandhomx relazzjoni mas-suq tax-xogħol tiegħu. Ir-reġistrazzjoni bħala persuna li qed tfittex ix-xogħol tikkostitwixxi sempliċi formalità amministrattiva li tista’ faċilment tiġi sodisfatta. Dawn iċ-ċirkustanzi ma jimplikawx, bħala konsegwenza, fir-rigward b’mod partikolari ta’ persuna li, bħala fil-każ ta’ D. Prete, tistabbilixxi ruħha f’reġjun konfinali tal-Istat Membru fejn hija tkun wettqet l-istudji tagħha u fejn hija, għalhekk, kienet naturalment iktar ippreparata sabiex tidħol fis-suq tax-xogħol, li l-persuna kkonċernata tkun tista’ ddur biss lejn is-suq tax-xogħol tal-Istat ospitanti.

42

Fil-kuntest tal-qsim tal-ġurisdizzjoni previst fl-Artikolu 267 TFUE, bħala prinċipju hija l-qorti nazzjonali li għandha tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2002, Lommers, C-476/99, Ġabra p. I-2891, punt 40). Għalhekk, huma l-qrati nazzjonali li għandhom f’dan il-kuntest, jikkonstataw jekk iċ-ċirkustanzi proprji għal każ ineżami jikkonfermawx l-eżistenza ta’ rabta reali mas-suq tax-xogħol ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze, C-22/08 u C-23/08, Ġabra p. I-4585, punt 41).

43

Madankollu, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha li tevalwa l-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali ma’ dan id-dritt għad-deċiżjoni tal-kawża li titressaq quddiemha. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju minbarra dan ifformulat diversi interrogazzjonijiet preċiżi li għalihom għandha tingħata tweġiba (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Lommers, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

44

F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi kkonstatat li, bla ħsara għal evalwazzjonijiet fattwali definittivi li għandhom isiru, hekk kif għandu jitfakkar, mill-qrati nazzjonali, ċirkustanzi bħal dawk deskritti fil-punt 40 ta’ din is-sentenza jidhru, hekk kif jirrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 48 u 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, li effettivament huma ta’ natura li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta reali mas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti, u dan anki jekk il-persuna kkonċernata ma segwietx studji fi stabbiliment tat-tagħlim ta’ dan tal-aħħar.

45

F’dan ir-rigward għandu l-ewwel nett jiġi miċħud l-argument żviluppat mill-Gvern Belġjan li persuna bħal D. Prete, peress, b’mod partikolari, li hija tirrisjedi viċin il-fruntiera tal-Istat Membru li fih hija wettqet l-istudji tagħha, għandha għalhekk iktar probabbiltà li taċċedi għas-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat, li miegħu hija għandha rabta. Minn naħa, hemm lok li jiġi rrilevat li l-konoxxenzi miksuba minn student matul l-istudji tiegħu ġeneralment ma jwassluhx għal suq ġeografiku tax-xogħol partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C-209/03, Ġabra p. I-2119, punt 58). Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirksutanzi hekk imressqa mill-Gvern Belġjan sabiex jiġġustifika l-eżistenza eventwali ta’ rabta bejn il-persuna kkonċernata u s-suq Franċiż tax-xogħol ma humiex, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li jipprekludu li tinħoloq barra minn hekk tali rabta mas-suq tax-xogħol Belġjan fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

46

Sussegwentement, għandu jitfakkar, f’dan l-aħħar rigward, li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-eżistenza ta’ rabta reali mas-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru tista’ tiġi vverifikata, b’mod partikolari, mill-konstatazzjoni li l-persuna inkwistjoni, matul perijodu ta’ żmien raġonevoli, effettivament u realment fittxet impjieg fl-Istat Membru inkwistjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Collins, punt 70, kif ukoll Vatsouras u Koupatantze, punt 39).

47

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll li l-fatt li persuna tirrisjedi fi Stat Membru kien, ukoll, ta’ natura li jiżgura, skont il-każ, rabta reali mas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti, billi ppreċiżat barra min hekk li, jekk perijodu ta’ residenza huwa meħtieġ sabiex din il-kundizzjoni ta’ rabta tiġi ssodisfatta, dan ma għandux jaqbeż dak li huwa neċessarju sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jiżguraw li l-persuna kkonċernata hija realment qed tfittex ix-xogħol fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti (sentenza Collins, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

48

Fl-aħħar nett, iċ-ċirkustanza li l-applikanti fil-kawża prinċipali għamlet użu mil-libertà ta’ moviment iggarantit liċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 18 KE, li marret tgħix fl-Istat Membru ospitanti sabiex tistabbilixxi r-residenza konjugali tagħha wara li żżewġet ċittadin ta’ dan l-Istat ma tistax iktar tiġi injorata sabiex jiġi evalwat jekk D. Prete tippreżentax rabta reali mas-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru.

49

F’dan il-kuntest, għandu fil-fatt jitfakkar, minn naħa, hekk kif diġà ntqal fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, li huwa fid-dawl tal-istabbiliment taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u tal-interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament li jgawdu minnu ċ-ċittadini tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma kienx iktar possibbli li jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 39(2) KE, benefiċċju ta’ natura finanzjarja ddestinat sabiex jiffaċilita l-aċċess għall-impjieg fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru.

50

Min-naħa l-oħra, elementi joħorġu mill-kuntest tal-familja li ssib ruħha fih l-applikanti għal allowances tal-istennija li wkoll jistgħu jikkontribwixxu sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta reali bejn l-applikant u l-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart, C-503/09, Ġabra p. I-6497, punt 100). F’dan ir-rigward l-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib, b’mod partikolari ta’ natura personali, maħluqa mal-Istat Membru ospitanti fejn il-persuna kkonċernata, wara ż-żwieġ tagħha ma’ ċittadin ta’ dan l-Istat, tistabbilixxi u tirrisjedi fil-frattemp b’mod abitwali hija ta’ natura li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ rabta fit-tul bejn il-persuna kkonċernata u l-Istat Membru ta’ stabbiliment ġdid tagħha, inkluż mas-suq tax-xogħol ta’ dan l-aħħar Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 1988, Bergemann, 236/87, Ġabra p. 5125, punti 20 sa 22).

51

Jirriżulta minn dan kollu li ċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw għalhekk il-kawża prinċipali joffru illustrazzjoni konkreta li, sa fejn tipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oħra potenzjalment rappreżentattivi tal-livell reali ta’ rabta tal-applikant mal-allowances tal-istennija fis-suq ġeografiku tax-xogħol inkwistjoni, kundizzjoni bħal dik magħmula taħt l-inċiż (2)(j) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 36(1) tad-Digriet Irjali teċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li hija ssegwi.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, id-domandi magħmula għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 39 KE jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tissuġġetta d-dritt għal allowances tal-istennija li huma ta’ benefiċċju liż-żgħażagħ li jkunu qegħdin ifittxu l-ewwel xogħol tagħhom għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun segwiet tal-inqas sitt snin ta’ studji fi stabbiliment tat-tagħlim tal-Istat Membru ospitanti, sa fejn din il-kundizzjoni tipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi rappreżentattivi oħra li huma xierqa sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ rabta reali bejn l-applikant għal allowances u s-suq ġeografiku tax-xogħol inkwistjoni u teċċedi, minħabba dan il-fatt, dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit minn din id-dispożizzjoni u li huwa intiż sabiex tiġi ggarantita l-eżistenza ta’ tali rabta.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 39 KE jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tissuġġetta d-dritt għal allowances tal-istennija li huma ta’ benefiċċju liż-żgħażagħ li jkunu qegħdin ifittxu l-ewwel xogħol tagħhom għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun segwiet tal-inqas sitt snin ta’ studji fi stabbiliment tat-tagħlim tal-Istat Membru ospitanti, sa fejn din il-kundizzjoni tipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi rappreżentattivi oħra li huma xierqa sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ rabta reali bejn l-applikant għal allowances u s-suq ġeografiku tax-xogħol inkwistjoni u teċċedi, minħabba dan il-fatt, dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit minn din id-dispożizzjoni u li huwa intiż sabiex tiġi ggarantita l-eżistenza ta’ tali rabta.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top